52009DC0567




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.10.2009

KUMM(2009) 567 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

IS-SOLIDARJETÀ FIS-SAĦĦA: IT-TNAQQIS TAL-INUGWALJANZI FIS-SETTUR TAS-SAĦĦA FL-UE

{SEG(2009) 1396}{SEG(2009) 1397}

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEJ, LILL-KUNSILL, LLL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEJ U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

IS-SOLIDARJETÀ FIS-SAĦĦA: IT-TNAQQIS TAL-INUGWALJANZI FIS-SETTUR TAS-SAĦĦA FL-UE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. OPPORTUNITAJIET INDAQS U SOLIDARJETÀ FIS-SETTUR TAS-SAħħA

Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) jgħixu, fuq medja, ħajjiet itwal u aktar b’saħħithom minn ġenerazzjonijiet preċedenti. Madankollu, l-UE qed tiffaċċja sfida importanti: id-differenzi kbar fis-settur tas-saħħa li jeżistu bejn u fl-Istati Membri tal-UE. B'żieda ma' dan, hemm indikazzjonijiet li jista' jkun li tali differenzi qed jiżdiedu. Qagħad u inċertezza li żdiedu bħala riżultat tal-kriżi ekonomika qed jiggravaw din is-sitwazzjoni. Din il-komunikazzjoni tniedi d-dibattitu meħtieġ biex jiġu ddefiniti miżuri potenzjalment ta' sostenn f'livell tal-UE biex jappoġġjaw azzjonijiet mill-Istati Membri u atturi oħra biex jindirizzaw din il-kwistjoni.

Tħassib dwar safejn u l-konsegwenzi tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa – kemm bejn u anki fl-Istati Membri – ġew espressi mill-istituzzjonijiet tal-UE u minn ħafna partijiet interessati, inklużi permezz tal-konsultazzjoni dwar din il-Komunikazzjoni. Il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2008 enfasizza l-importanza li titneħħa d-differenza fis-settur tas-saħħa u fl-istennija ta' ħajja bejn u fl-Istati Membri[1]. Fl-2007 l-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-UE[2] stabbiliet l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tagħmel xogħol ieħor biex tnaqqas l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa. Dan kien imtenni fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 dwar Aġenda Soċjali Mġedda[3] li ddikjarat mill-ġdid l-għanijiet soċjali fundamentali tal-Ewropa permezz ta' opportunitajiet indaqs, aċċess u solidarjetà u ħabbret Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa.

Il-Kummissjoni tħares lejn kemm huma kbar l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa bejn nies li jgħixu f'partijiet differenti tal-UE u bejn iċ-ċittadini tal-UE li huma soċjalment vantaġġati u żvantaġġati bħala sfida għall-impenji tal-UE għas-solidarjetà, koeżjoni soċjali u ekonomika, drittijiet tal-bniedem u opportunitajiet indaqs. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija ddeterminata li tappoġġja u tikkumplimenta l-Istati Membri u partijiet interessati oħra fl-isforzi tagħhom biex jegħlbu dawn id-diffikultajiet.

2. L-inugwaljanzi fis-settur tas-Saħħa fl-UE

Filwaqt li l-livell medju ta' saħħa fl-UE kompla jitjieb f'dawn l-aħħar diċenni, id-differenzi fis-saħħa bejn persuni li jgħixu f'partijiet differenti tal-UE u bejn is-setturi ta' popolazzjoni li huma l-aktar vantaġġati u l-aktar żvantaġġati baqgħu sostenzjali u f'ċerti okkażjonijiet żdiedu. Bejn l-Istati Membri tal-UE hemm differenza ta' ħames darbiet fl-imwiet ta' trabi taħt is-sena, 14-il sena differenza fl-istennija tal-ħajja mat-twelid għall-irġiel u qabża ta' tmien snin għan-nisa'. Differenzi kbar fis-settur tas-saħħa jinsabu wkoll bejn reġjuni, iż-żoni rurali u urbani u d-distretti fil-viċin.

Madwar l-UE kollha jeżisti diżlivell soċjali fl-istat tas-saħħa fejn persuni b'livell ta' edukazzjoni aktar baxx, klassi ta' okkupazzjoni aktar baxxa u dħul aktar baxx għandhom it-tendenza li jmutu ta' età iżgħar u li jkollhom prevalenza ogħla ta' ħafna tipi ta' problemi ta' saħħa[4]. Ħaddiema li prinċipalment jagħmlu xogħlijiet manwali jew ta' rutina u ta' repetizzjoni għandhom saħħa iktar dgħajfa minn dawk li ma jagħmlux xogħolijiet manwali u li huma inqas ripetittivi. Id-differenzi fl-istennija tal-ħajja mat-twelid bejn l-inqas u l-ogħla gruppi soċjo-ekonomiċi jammontaw sa 10 snin għall-irġiel u sitt snin għan-nisà. Hemm ukoll dimensjoni importanti ta' sess, in-nisa' b'mod ġenerali jgħixu aktar fit-tul mill-irġiel imma jistgħu ma jkunux f'saħħithom għal proporzjon itwal minn ħajjithom.

Il-gruppi vulnerabbli u dawk li huma soċjalment esklużi bħal persuni li ġejjin minn minoranza etnika jew ta' migranti, in-nies b'diżabilità jew dawk li m'għandhomx saqaf fuq rashom jesperjenzaw bħala medja livelli foqra ta' saħħa[5]. Per eżempju huwa stmat li r-Roma għandhom stennija ta' għixien ta' 10 snin inqas mill-popolazzjoni ġenerali[6]. Ir-raġunijiet għal saħħa fqira fi gruppi bħal dawn jistgħu jinkludu akkomodazzjoni fqira, nutriment fqir u imġieba relatata mas-saħħa kif ukoll diskriminazzjoni, stigmatizzazzjoni u ostakoli fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u oħrajn[7].

Inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa huma kkaġunati minn differenzi bejn gruppi ta' popolazzjoni f'varjetà wiesgħa ta' fatturi li jaffetwaw is-saħħa. Dawn jinkludu: il-kundizzjonijiet ta’ għixien; imġiba relatata mas-saħħa; edukazzjoni, impjieg u dħul; kura tas-saħħa, prevenzjoni ta' mard u servizzi li jippromwovu s-saħħa kif ukoll politiki pubbliċi li jinfluwenzaw il-kwantità, il-kwalità u d-distribuzzjoni ta' dawn il-fatturi. Inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa jibdew mat-twelid u jkomplu fix-xjuħija. I-inugwaljanzi esperjenzati kmieni fil-ħajja fl-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi u l-kura tas-saħħa kif ukoll dawk ibbażati fuq is-sess u r-razza jista' jkollhom effett kritiku fuq l-istat ta' saħħa tal-persuni tul ħajjithom kollha. Il-faqar flimkien ma' vulnerabilitajiet oħra bħat-tfulija jew ix-xjuħija, id-diżabilità jew li ġej minn sfond ta' minoranza etnika jkomplu jżidu r-riskji ta' saħħa.

Id-differenzi fis-settur tas-saħħa huma marbuta ma' numru ta' fatturi soċjo-ekonomiċi[8]. Il-kundizzjonijiet ekonomiċi jistgħu jaffetwaw ħafna aspetti tal-kundizzjonijiet tal-għixien li jista' jkollhom impatt fuq is-saħħa. Ċerti oqsma tal-UE għad m'għandhomx l-amenitajiet bażiċi bħal ilma adegwat u s-sanitazzjoni. Fatturi kulturali li jaffetwaw l-istil ta' ħajja u l-imġieba ta' saħħa huma pjuttost differenti bejn ir-reġjuni u l-gruppi ta' popolazzjoni. Ħafna reġjuni, b'mod partikolari f'xi wħud mill-Istati Membri l-ġodda, qed ibatu biex jipprovdu servizzi ta' saħħa li tant huma bżonnjużi għall-popolazzjonijiet tagħhom. Ostakoli għall-aċċess tal-kura tas-saħħa jistgħu jinkludu nuqqas ta' sigurtà, pagamenti għolja għal kura, nuqqas ta' għarfien dwar is-servizzi provduti, ostakoli ta' lingwa u ta' kultura. Xi riċerka ssuġġeriet li gruppi soċjali li huma ifqar jużaw il-kura tas-saħħa inqas għal-livelli ekwivalenti ta' ħtieġa medika minn gruppi aktar sinjuri.

Peress li inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa mhumiex biss kwistjoni ta' fortuna imma huma influwenzati ħafna mill-azzjonijiet ta' individwi, gvernijiet, partijiet interessati,u komunitajiet, dawn mhumiex inevitabbli. Azzjoni biex tnaqqas l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa tfisser li jiġu trattati dawk il-fatturi li għandhom impatt mhux ugwali fuq is-saħħa tal-popolazzjoni b'tali mod li hu evitabbli u li jista' jiġi trattat permezz ta' politika pubblika.

3. Politiki attwali li jappoġġjaw l-UE

Fl-2006 l-Kunsill qabel fuq konklużjonijiet dwar valuri u prinċipji komuni fis-sistemi ta' saħħa tal-UE li jenfasizzaw l-għan predominanti ta' tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa[9]. It-titjib fl-aċċess għal kura tas-saħħa u għal prevenzjoni ta' mard u sistemi ta' promozzjoni jistgħu ċertament jevitaw xi wħud mill-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa kif ġie indikat fl-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-UE. Il-kontribuzzjoni lejn it-tnaqqis ta' inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa għandhom jiġu żgurati fl-implimentazzjoni ta' inizjattivi bħar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar eżami għall-kanċer, il-Komunikazzjoni dwar it-telemediċina[10], il-Komunikazzjoni dwar is-sikurezza tal-pazjent[11] jew il-Proposta għal Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali.

Li jiġu ndirizzati l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa hija azzjoni ewlenija tal-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-UE (2008-2013) li tidentifika ugwaljanzi fis-settur tas-saħħa bħala valur fundamentali u waslet għal orjentazzjoni lejn l-indirizzar tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa f'oqsma bħas-saħħa mentali, it-tabakk, iż-żgħażagħ, il-kanċer u l-HIV/l-AIDS. Il-programm dwar saħħa pubblika tal-UE appoġġja l-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' attivitajiet biex jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa inkluż direttorju Ewropej ta' prattiki tajba[12]. Diġa' ttieħdu l-ewwel passi biex jitjieb il-ġbir ta' dejta u n-netwerking tal-Istati Membri u partijiet interessati ewlenin.

Permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għal Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali (MMK (OMC) soċjali)[13] l-Istati Membri tal-UE ftiehmu dwar l-għan li jindirizzaw l-inugwaljanzi fl-eżiti tas-saħħa. Dan hu appoġġjat minn sett ta' indikaturi komuni bbażat fuq ix-xogħol ta' Eurostat dwar l-istatistiċi fis-settur tas-saħħa pubblika. Il-livell ta' analiżi tal-UE tar-Rapporti dwar Strateġiji Nazzjonali dwar Ħarsien Soċjali u Inklużjoni Soċjali tal-Istati Membri għen biex jistimula dibattitu u azzjoni fl-Istati Membri. F'livell tal-UE grupp espert ħadem sa mill-2005 biex jirrevedi evidenza u skambju ta' għarfien dwar politiki u prattiki[14]. Il-programmi tal-UE dwar is-saħħa appoġġjaw numru ta' inizjattivi dwar l-inugwaljanzi fis-saħħa. Il-Programmi ta' Qafas ta' Riċerka (attwalment FP7) jipprovdu appoġġ importanti għal riċerka f'dan il-qasam, u varjetà ta' programmi ta' azzjoni inkluż il-Programm dwar is-Saħħa u l-programm dwar l-impjieg u s-solidarjetà soċjali tal-UE, PROGRESS[15], studji dwar il-finanzi, eżempji ta' prattiki tajba u innovazzjonijiet ta' politika.

Politiki oħra tal-UE jistgħu jikkontribwixxu wkoll għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa. It-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa huwa wkoll għan għall-isfidi tas-saħħa pubblika identifikat fl-Istrateġija tal-UE dwar Żvilupp Sostenibbli[16]. L-għan għal distribuzzjoni ta' saħħa aktar ugwali huwa enfasizzat mill-għanijiet predominanti tal-UE biex jinħoloq tkabbir ekonomiku b'solidarjetà soċjali; l-istrateġija ta' Liżbona. Il-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tal-liġi tax-xogħol u tas-saħħa u s-sikurezza pubblika tikkontribwixxi biex tnaqqas l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard marbut max-xogħol. Il-politika tal-ambjent tal-UE u l-politiki tas-suq skont il-Politika tal-Agrikoltura Komuni jappoġġjaw varjetà ta' inizjattivi li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib fis-saħħa. L-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju permezz tal-politika ta' Koeżjoni u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Żvilupp Rurali li jistgħu jintużaw biex inaqqsu d-differenzi bejn ir-reġjuni permezz ta' investiment fid-determinanti ta' inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa, bħall-kundizzjonijiet tal-għixien, taħriġ u servizzi ta' impjieg, trasport, teknoloġiji, saħħa u infrastruttura ta' kura soċjali. L-evalwazzjoni ta' impatt li takkumpanja din il-Komunikazzjoni tikkunsidra iktar fil-fond il-kontribuzzjoni tal-politiki tal-UE eżistenti.

4. Teħid ta' azzjoni fuq l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa: approċċ kollaborattiv

Il-ħtieġa għal aktar azzjoni toħroġ mill-evidenza li dejjem tiżdied dwar id-daqs u t-tifrix tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa madwar l-UE u t-tħassib dwar il-konsegwenzi negattivi għas-saħħa, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku jekk l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa ma jiġux megħluba b'mod effettiv. Azzjonijiet eżistenti jidhru li kellhom biss impatt limitat u hemm ir-riskju li dawn id-differenzi jistgħu jiżdiedu bħala konsegwenza ta' diffikultajiet ekonomiċi riċenti. B'żieda ma' dan livelli aħjar ta' saħħa madwar il-gruppi ta' popolazzjoni kollha huma kritiċi fil-kuntest ta' popolazzjoni tal-UE li qed tixjieħ biex jikkontribwixxu għas-sostenibilità tas-sistemi ta' ħarsien soċjali.

Filwaqt li l-Istati Membri għandhom ir-responsabilità prinċipali għall-politika tas-saħħa, mhux kollha għandhom l-istess riżorsi, għodda jew ġabra ta' għarfien disponibbli biex jindirizzaw il-kawżi differenti tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa. Il-Kummissjoni Ewropea tista' tikkontribwixxi billi tiżgura li politiki u azzjonijiet tal-UE relevanti iqisu l-għan li jindirizzaw il-fatturi li joħolqu jew jikkontribwixxu għall-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa madwar il-popolazzjoni kollha tal-UE.

Sa dan il-punt l-UE għandha tuża fl-aktar mod effiċjenti l-mekkaniżmi u l-għodda disponibbli. Per eżempju jista' jkollha rwol importanti fit-tkabbir tal-għarfien, biex tippromwovi u tgħin l-iskambju ta' informazzjoni u għarfien bejn l-Istati Membri kkonċernati, tidentifika u tqassam prattiki tajba u biex tgħin id-disinn ta' politiki magħmula apposta għall-kwistjonijiet speċifiċi li jeżistu fl-Istati Membri u/jew gruppi soċjali speċjali. Għandha wkoll tissorvelja u tivvaluta l-progress fl-applikazzjoni ta' politiki bħal dawn. .

5. Kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu ndirizzati

L-esperjenza sal-ġurnata tal-lum tissuġġerixxi numru ta' sfidi importanti li għandhom jiġu indirizzati biex isaħħu l-azzjoni eżistenti biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa.

Id-distribuzzjoni ekwitabbli ta' saħħa bħala parti minn żvilupp soċjali u ekonomiku ġenerali

F'termini wiesgħa l-livell ta' saħħa huwa assoċjat mal-prosperità. Pajjiżi u reġjuni aktar sinjuri għandhom bħala medja saħħa aħjar kif mkejla minn indiċi varji. Imma din ir-relazzjoni mhix konsistenti. Aktar riżorsi ekonomiċi jipprovdu potenzjal akbar għall-manteniment u t-titjib tas-saħħa imma biss jekk użati b'tali mod li jippermetti li dan iseħħ. Huwa ċar li mhux il-gruppi kollha bbenefikaw sal-istess punt mill-progress ekonomiku. Li hu mportanti hu li tinħoloq tendenza ta' żvilupp ekonomiku u soċjali ġenerali li jwassal għal aktar tkabbir ekonomiku, kif ukoll aktar solidarjetà, koeżjoni u saħħa. Il-fondi strutturali tal-UE għandhom rwol essenzjali f'dan ir-rigward.

L-għan tal-aġenda ta' Liżbona huwa l-kisba taż-żewġ għanijiet ta' żvilupp ekonomiku u koeżjoni soċjali akbar. L-indikatur tas-snin ta' ħajja b'saħħitha huwa l-kejl attwali biex jissorvelja progress fl-aġenda ta' Liżbona fir-rigward tad-dimensjoni tas-saħħa. Tista' tingħata kunsiderazzjoni dwar jekk sorveljanza tajba tal-indikaturi tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa jistgħux ikunu għodda utli biex jissorveljaw id-dimensjoni soċjali tagħha.

Titjib tal-bażi tad-dejta u tal-għarfien u l-mekkaniżmi għall-kejl u s-sorveljanza tal-valutazzjoni u r-rappurtaġġ

Il-kejl tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa huwa l-ewwel pass fundamentali għal azzjoni effettiva. Għalkemm evidenza soda teżisti f'numru ta' oqsma, hija meħtieġa aktar informazzjoni dettaljata dwar l-effett u l-importanza ta' varji determinanti tas-saħħa biex tiġi implimentata azzjoni effettiva fir-rigward ta' gruppi u determinanti ta' popolazzjoni partikolari.

L-għarfien dwar l-effettività ta' politiki biex jegħlbu l-inugwaljanzi wkoll jeħtieġ titjib. Minkejja li hemm entità ta' riċerka dwar l-effettività tal-interventi fis-saħħa pubblika u tal-effett ta' politiki u azzjonijiet oħra fuq is-saħħa, huma ftit dawk li ġew ivvalutati għall-impatti differenzjali tagħhom fuq is-saħħa fuq gruppi jew oqsma soċjali. L-evalwazzjoni tal-impatt tal-politiki barra mis-settur tas-saħħa pubblika hija aktar limitata.

In-nuqqas ta' dejta dwar l-UE li hija disponibbli u komparabbli b'mod regolari u l-għarfien ta' riċerka huwa ta' ostakolu għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni attwali, tibdil fil-mod kif jitqiesu l-prijoritajiet politiċi, l-istabbiliment ta' paraguni, it-tnissil tal-aħjar prattiki, u l-allokazzjoni mill-ġdid ta' riżorsi fejn huma l-aktar meħtieġa. Id-dejta eżistenti u dik futura disponibbli fil-livell tal-UE notevolment permezz tal-implimentazzjoni sħiħa ta' stħarriġ tal-UE bħall-Istħarriġ tal-UE dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għixien (EU-SILC), l-Istħarriġ Ewropew dwar is-Saħħa u l-Istħarriġ tal-UE dwar id-diżabilità u r-regoli ta' implimentazzjoni fl-oqsma kollha tal-istatistiċi dwar is-saħħa pubblika għandhom jintużaw biex joħolqu miżuri ta' inugwaljanzi fis-settur ta' saħħa li jippermettu paragun matul iż-żmien u madwar l-UE. Koerenza ma' settijiet ta' dejta oħra internazzjonali għandha tiġi żgurata.

Kawżi ta' inugwaljanzi fis-settur tas-Saħħa jvarjaw bejn l-Istati Membri u bejn gruppi speċifiċi ta' popolazzjoni. L-Istati Membri għandhom jimmiraw li jistabbilixxu, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, sett komunit ta' indikaturi biex jissorveljaw inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u metodoloġija biex tivverifika s-sitwazzjoni tas-saħħa fl-Istati Membri li għandu jkollha l-għan li tidentifika u li tipprijoritizza oqsma ta' titjib u l-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni tista' tappoġġja l-Istati Membri biex jiksbu l-għanijiet billi jipprovdu analiżi u appoġġ abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Dan jista' jkun għodda utli għall-Istati Membri meta jiddiżinjaw, jipprijoritazzaw u jimplimentaw politiki aktar effiċjenti u effettivi aġġustati għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom, u biex jużaw aħjar l-għodda eżistenti tal-UE biex jappoġġjaw l-azzjonijiet tagħhom.

Il-finanzjament ta' proġetti pilota u proġetti dwar il-ġemellaġġi u programmi ta' reviżjoni minn kollegi jistgħu jgħinu lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki bħal dawn. Reviżjonijiet minn kollegi għandhom jinkludu skrutinju ta' politiki eżistenti, programmi jew arranġamenti istituzzjonali li ġew identifikati bħala prattiki tajba.

Azzjonijiet fil-livell tal-UE:

Jiġu appoġġjati aktar żvilupp u ġbir ta' dejta u indikaturi tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa skont l-eta', is-sess, l-istat soċjo-ekonomiku u d-dimensjoni ġeografika.

Jiġu żviluppati metodi biex jivverifikaw l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa permezz tal-Programm dwar is-Saħħa f'azzjoni konġunta mal-Istati Membri li huma lesti li jipparteċipaw.

Ir-riċerka tal-UE tkun orjentata lejn it-tmiem ta' differenzi f'għarfien dwar l-inugwaljanzi fis-saħħa – inkluż attivitajiet skont it-temi tas-Saħħa u x-Xjenzi Soċjo-ekonomiċi u l-Umanitajiet tas-seba' Programm ta' Qafas għal Riċerka tal-UE.

Jiġu enfasizzati r-riċerka u t-tqassim ta' prattiki tajba rilevanti għall-indirizzar tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa minn Aġenziji tal-UE, inkluż: il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kundizzjonijiet ta' Għixien u ta' Xogħol, iċ-Ċentru Ewropew għall-Ħarsien u l-Kontroll tal-Mard u l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol.

Bini ta' impenn fis-soċjetà

It-tnaqqis ta' inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa jfisser li jkun hemm impatt fuq is-saħħa tal-persuni fil-ħajja ta' kuljum tagħhom, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, u fil-ħin liberu fil-komunità. B'żieda ma' gvernijiet nazzjonali, awtoritajiet reġjonali f'ħafna pajjiżi għandhom irwol importanti fis-saħħa pubblika u fis-servizzi tas-saħħa u għaldaqstant għandhom bżonn li jkunu inoluti b'mod attiv. Is-settur tas-saħħa għandu rwol prinċipali, kemm biex jiżgura li jkun hemm aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa kif ukoll fl-appoġġ ta' għarfien u taħriġ kemm għall-professjonisti fis-settur tas-saħħa kif ukoll għal setturi oħra. Il-gvernijiet lokali, il-postijiet tax-xogħol, u partijiet interessati oħra wkoll għandhom kontribuzzjoni importanti x'jagħmlu.

Għaldaqstant, it-titjib tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-għarfien u t-titjib tal-koordinazzjoni tal-politiki bejn livelli differenti ta' gvern u f'numru ta' setturi (kura tas-saħħa, impjieg, ħarsien soċjali, ambjent, edukazzjoni, żgħażagħ u żvilupp reġjonali) jistgħu jwasslu għal aktar azzjoni effettiva u jiksbu impatt akbar u aktar konsistenti. Hemm ukoll il-ħtieġa li jinħolqu sħubijiet aktar effettivi ma' partijiet interessati li jistgħu jgħinu biex jinkoraġġixxu azzjoni fuq diversi determinanti soċjali u għaldaqstant itejbu l-eżiti fis-settur tas-saħħa.

Dan hu qasam fejn l-Istati Membri jistgħu jitgħallmu minn xulxin meta jfasslu l-istrateġiji politiċi tagħhom. L-UE tista' tgħin permezz tat-tisħiħ fil-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni fil-politika u l-iffaċilitar tal-iskambju ta' informazzjoni u l-prattiki tajba bejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati. Inizjattivi bħall-Forum dwar il-Politika dwar is-Saħħa tal-UE, is-Sħubija kontra l-Kanċer, il-Forum dwar l-alkoħol jew il-Pjattaforma tal-UE dwar l-Attività Fiżika tad-Dieta u s-Saħħa huma strumenti importanti biex jindirizzaw l-aġenda tal-politika dwar l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa.

Il-Kummissjoni indikat[17] l-intenzjoni tagħha, fi ħdan l-MMK (OMC) Soċjali, biex tagħmel aktar użu ta' reviżjonijiet minn kollegi u finanzjament tal-PROGRESS kif ukoll li tikkunsidra miri dwar l-istat ta' saħħa biex issostni l-impenn u l-kisba ta' għanijiet komuni.

Il-Kummissjoni se tqis ukoll l-interess muri mill-Kumitat tar-Reġjuni fil-konsultazzjoni dwar din il-komunikazzjoni u se timmira biex tibni fokus dwar l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa f'arranġamenti reġjonali ta' kooperazzjoni dwar is-saħħa.

Azzjonijiet fil-livell tal-UE:

Jiġu żviluppati modi biex jiġu ingaġġati partijiet interessati rilevanti f'livell Ewropew biex jippromwovu l-aċċettazzjoni u t-tqassim ta' prattiki tajba.

Jiġu inklużi inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa bħala wieħed mill-oqsma ta' prijorità fi ħdan l-arranġamenti ta' kooperazzjoni li għadhom sejrin dwar is-saħħa bejn ir-reġjuni Ewropej u l-Kummissjoni.

Jiġu żviluppati azzjonijiet u għodda dwar taħriġ professjonali biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa bl-użu tal-programm tas-saħħa, l-ESF u mekkaniżmi oħra.

Tiġi stimulata riflessjoni dwar żvilupp ta' mira fil-Kumitat ta' Ħarsien Soċjali permezz ta' karti ta' diskussjoni.

Il-ħarsien tal-ħtiġijiet ta' gruppi vulnerabbli

Biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa b'mod effettiv jeħtieġ li jkun hemm politiki li jinkludu kemm azzjonijiet biex jindirizzaw id-diżlivell fis-saħħa madwar is-soċjetà kollha kif ukoll azzjonijiet li huma mmirati speċifikament għal gruppi vulnerabbli. Attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-ħtiġijiet ta' nies foqra, gruppi żvantaġġati ta' minoranza ta' migranti u etniċi, persuni b'diżabilità, nies kbar fl-età jew tfal li qed jgħixu fil-faqar. Għal ċerti gruppi, il-kwistjoni tal-inugwaljanza fis-settur tas-saħħa inkluż aċċess imnaqqas għal kura adegwata tas-saħħa, tista' tiġi kwalifikata bħala waħda li tinvolvi d-drittijiet fundamentali tagħhom.

Il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tispeċifika d-dritt għal: għajnuna soċjali u ta' akkomodazzjoni biex jiġi żgurat għixien diċenti għal dawk kollha li huma nieqsa minn riżorsi suffiċjenti; aċċess għal kura tas-saħħa preventiva u d-dritt ta' benefiċċju minn trattament mediku; u għal kundizzjonijiet ta' xogħol li jirrispettaw s-saħħa. Il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tispeċifika diversi drittijiet ewlenin li jirrelataw mal-bżonnijiet bażiċi tat-tfal li min-naħa tagħhom jaffetwaw is-saħħa tagħhom filwaqt li l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tispeċifika d-drittijiet tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa għall-persuni b'diżabilità. Inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa huma inklużi bħala waħda minn erba' prijoritajiet tal-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar is-saħħa taż-żgħażagħ li tnediet fl-2009.

Bidla demografika u l-fatt li s-soċjetajiet tagħna kull ma jmorru dejjem qed jixjieħu se joħolqu sfidi ġodda fis-settur tas-saħħa.

Il-Kunsill identifika l-bżonn għal aktar azzjoni dwar il-bżonnijiet ta' saħħa tal-migranti, u tar-Roma[18] u taż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet[19]. Il-Kummissjoni qed tibda proġett pilota dwar l-inklużjoni tar-Roma, li jinkludi interventi integrati u fis-saħħa fl-oqsma ta' edukazzjoni, soċjali u ekonomiċi u kooperazzjoni transkonfinali.

Għandhom jiġu żviluppati aktar użu tal-Politika ta' Koeżjoni u ta' fondi strutturali assoċjati biex jippromwovu interventi favur is-saħħa ta' gruppi vulnerabbli bħar-Roma.

Azzjonijiet fil-livell tal-UE:

Jitniedu inizjattivi f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri biex iqajmu għarfien u jippromwovu attivitajiet biex itejbu l-aċċess u l-adegwatezza tas-servizzi tas-saħħa, promozzjoni tas-saħħa u kura preventiva għal migranti u minoritajiet etniċi u gruppi oħra vulnerabbli, permezz tal-identifikazzjoni u ta' skambju ta' prattiki tajba appoġġjati minn programmi dwar is-saħħa u oħrajn.

Jiġi żgurat li t-tnaqqis fl-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa jkun indirizzat b'mod sħiħ f'inizjattivi li jistgħu jitniedu fil-futur dwar ix-xjuħija fis-saħħa.

Se jitħejja Rapport dwar l-użu ta' strumenti u politiki Komunitarji għall-inklużjoni tar-Roma inkluż taqsima dwar l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa għas-samit dwar ir-Roma fl-2010.

Jiġi eżaminat kif l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tista', fi ħdan il-limitazzjonijiet tal-mandat tagħha, tiġbor informazzjoni dwar safejn il-gruppi vulnerabbli jistgħu jsofru minn inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE, partikolarment mil-lat ta' aċċess għal kura adegwata tas-saħħa, għajnuna soċjali u ta' akkomodazzjoni.

Isiru attivitajiet dwar l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa bħala parti mis-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2010.

L-Iżvilupp tal-kontribuzzjoni tal-politiki tal-UE

Kif imsemmi f'Taqsima 3 hemm numru ta' politiki tal-UE li jistgħu jikkontribwixxu direttament jew indirettament għat-trattament tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa, u hemm numru ta' għodda disponibbli f'livell komunitarju li jistgħu jintużaw. Hemm aktar lok għat-titjib fil-kontribuzzjoni tal-politiki tal-UE permezz ta' għarfien aħjar tal-impatt tagħhom fuq is-saħħa u permezz ta' integrazzjoni akbar ta' politika. Dan iwassal għal prijoritizzazzjoni aħjar u għal użu aktar effiċjenti tal-għodda eżistenti.

Filwaqt li hemm ftehim ġenerali dwar il-prinċipju tat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa, il-livell ta' għarfien u l-punt safejn qiegħda tittieħed azzjoni jvarja sostanzjalment. Aktar minn nofs l-Istati Membri tal-UE ma jqegħdux enfasi politika fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u hemm nuqqas ta' strateġiji komprensivi inter-settorali[20]. B'żieda ma' dan, politiki li ġew implimentati ma ġewx valutati u mxerrda u dan jillimita l-għarfien tal-effettività tal-politika. L-UE għandha rwol li ttejjeb il-koordinazzjoni ta' politiki u tippromwovi t-taqsim tal-aħjar prattiki.

Il-politiki differenti tal-Kummissjoni għandhom ikomplu jappoġġjaw l-Istati Membri biex joħolqu aċċess aktar ugwali għal kura ta' saħħa ta' kwalita' għolja u sistemi ta' ħarsien u ta' promozzjoni. L-UE jista' jkollha rwol li tippromwovi kooperazzjoni aħjar bejn is-sistemi ta' saħħa kif maħsub fil-Proposta għal Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali. Tista' tikkontribwixxi ukoll għal għarfien aħjar u tipproponi soluzzjonijiet għall-isfidi li qed jiffaċċjaw is-sistemi fis-settur tas-saħħa fir-rigward tal-kapaċità tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa fl-Ewropa; u tista' tikkontribwixxi wkoll biex tevalwa kif tista' tuża b'mod effiċjenti t-teknoloġiji ġodda fis-settur tas-saħħa.

Il-politika ta' Koeżjoni tal-UE hija importanti għall-kisba tal-għanijiet ta' Liżbona dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali u tista' tkun għodda qawwija biex tindirizza l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa. Il-Linji ta' Gwida Strateġiċi tal-Komunità attwali jistabbilixxu l-użu possibbli tal-fondi għal azzjonijiet relatati mas-saħħa. L-Istati Membri allokaw madwar Eur 5 biljun (1,5 % tat-total disponibbli) mill-fondi fil-kategorija Infrastruttura tas-Saħħa għall-perjodu 2007-2013. Żieda fl-użu tal-opportunitajiet ta' finanzjament offruti mill-Politika ta' Koeżjoni biex jiġu indirizzati inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa jkunu jeħtieġu titjib: fl-għarfien dwar l-opportunità fejn għandhom jintużaw fondi f'dan il-qasam; fil-koordinazzjoni bejn id-dipartimenti ta' politika nazzjonali; u fil-kapaċità teknika biex jiġu żviluppati investimenti f'dan il-qasam. Għandu jsir forz biex jiżdied il-fokus fuq is-saħħa għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss u li jinkiseb allinjament aħjar tad-dokumenti strateġiċi skont il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE mal-prijoritajiet identifikati fl-MMK (OMC) Soċjali.

L-implimentazzjoni nazzjonali tal-Leġislazzjoni Komunitarja dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol u l-Istrateġija Komunitarja dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol 2007-2012 tipprovdi opportunità biex fl-UE jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa billi tiġi mħarsa s-saħħa tal-ħaddiem u jitnaqqas l-impatt negattiv ta' xi wħud mid-determinanti tagħha. Għandha tingħata aktar attenzjoni fuq l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fi ħdan il-kuntest tal-promozzjoni ta' opportunità indaqs bejn l-irġiel u n-nisa'.

Attwalment ftit mill-azzjonijiet tal-politika tal-UE qed ikunu vvalutati wara l-implimentazzjoni fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa. Bi tkomplija fuq il-ħidma eżistenti huwa meħtieġ aktar żvilupp ta' mekkaniżmi biex jivvalutaw l-impatt fuq is-saħħa ta' politiki eżistenti (ex post) fuq gruppi ta' popolazzjoni differenti biex jipproduċu informazzjoni għal aktar żviluppi fil-politika. Mekkaniżmi bħal dawn ma jistgħux ikunu "kejl wieħed tajjeb għal kulħadd" u jkunu jistgħu jirfdu minn prattiki tajba żviluppati fi Stati Membri. B'żieda ma' dan, l-UE tista' tagħmel użu minn rapporti eżistenti inkluż ir-Rapport dwar Koeżjoni, ir-Rapport dwar l-Impjiegi u r-Rapport ta' Liżbona biex tanalizza r-relazzjoni bejn dawn il-politiki u l-eżiti fir-rigward tas-saħħa madwar l-oqsma tal-UE u l-gruppi ta' popolazzjoni.

L-UE hija impenjata wkoll biex tappoġġja pajjiżi oħra f'oqsma tas-saħħa u dawk relatati. Il-Kummissjoni tal-WHO dwar id-Determinanti Soċjali tas-Saħħa[21] riċentament iddeskriviet id-differenzi enormi fis-settur tas-saħħa bejn pajjiżi u gruppi soċjali madwar id-dinja kollha u sejħet għal azzjoni miftiehma fil-livelli kollha tal-gvern sabiex jindirizzawhom. Attivitajiet tal-UE jistgħu jaffetwaw is-saħħa f'pajjiżi terzi f'ħafna modi differenti fosthom il-kummerċ, l-għajnuna għall-iżvilupp, ix-xogħol ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, u l-iskambju ta' għarfien. Esperjenza tal-UE dwar l-indirizzar tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa jista' jkollha wkoll rilevanza barra mill-UE. Sinerġiji possibbli bejn l-għajnuna tal-Kummissjoni għall-iżvilupp u x-xogħol fi ħdan l-UE dwar l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa għandhom għaldaqstant jiġu esplorati. L-UE għandha wkoll tikkoordina ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti dwar xogħol f'dan il-qasam.

Azzjonijiet fil-livell tal-UE:

Jingħata aktar appoġġ lill-mekkaniżmi eżistenti għall-koordinazzjoni u skambju ta' prattiki tajba fir-rigward tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa bejn l-Istati Membri, bħall-grupp ta' esperti tal-UE dwar id-Determinanti Soċjali tas-Saħħa u l-Inugwaljanzi fis-Settur tas-Saħħa[22], li jorbtu kemm il-Kumitat dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill fis-settur tas-Saħħa Pubblika u l-Kumitat dwar Ħarsien Soċjali.

Jiġu rreveduti l-possibilitajiet għall-għoti ta' appoġġ lill-Istati Membri biex jużaw aħjar il-politika tal-Koeżjoni tal-UE u l-fondi strutturali biex jappoġġjaw attivitajiet biex b'hekk jindirizzaw fatturi li jikkontribwixxu għall-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa.

L-Istati Membri għandhom jiġu nkoraġġuti biex ikomplu jużaw l-alternattivi eżistenti skont il-politika tal-CAP dwar l-iżvilupp rurali u l-politika tas-suq (ħalib għall-iskola, ikel għall-aktar persuni żvantaġġati, skema ta' tqassim ta' frott fl-iskejjel) biex jappoġġjaw gruppi vulnerabbli u oqsma rurali bi ħtiġijiet importanti.

Għandu jkun hemm djalogi dwar il-politiki mal-Istati Membri u l-partijiet interessati dwar l-ugwaljanza u l-valuri fundamentali ewlenin oħra fis-saħħa, kif stabbilit fl-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-UE.

Għandu jingħata finanzjament permezz tal-PROGRESS inkluż dak għal evalwazzjonijiet minn kollegi u sejħa għal proposti fl-2010 sabiex jgħinu l-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji rilevanti.

Għandu jkun hemm forum dwar is-saħħa u r-ristrutturar biex jiġu eżaminati miżuri xierqa biex inaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa.

Inizjattiva tal-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-UE fis-saħħa globali

6. Il-Passi li Jmiss

L-indirizzar tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa huwa proċess fuq medda twila ta' żmien. L-azzjonijiet f'din il-Komunikazzjoni huma maħsuba biex ifasslu l-qafas għal azzjoni sostnuta f'dan il-qasam. Abbażi ta' din il-Komunikazzjoni u d-diskussjonijiet li se jsiru fil-Kunsill fil-futur, il-Kummissjoni beħsiebha taħdem b'mod attiv fi sħubijiet mal-Istati Membri u partijiet interessati fil-perjodu li ġej. L-ewwel rapport ta' progress dwar is-sitwazzjoni se jsir fl-2012.

[1] http://tinyurl.com/n2xl6b

[2] COM(2007) 630.

[3] COM(2008) 412.

[4] Health inequalities: Europe in profile. Mackenbach J., 2006.

[5] SEC(2006) 410.

[6] SEC(2008) 2172.

[7] Breaking the barriers: Romani women and access to public health care. EU European Monitoring Centre on Racism and Xenophobia 2003.

[8] Is-sorveljanza ta' progress lejn l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropea għall-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali, 2008.

[9] ĠU, C 146, 22.6.2006, p. 1.

[10] COM(2008) 689.

[11] COM(2008) 836.

[12] Id-Direttorju Ewropej ta' Prassi Tajba biex jonqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa. http://tinyurl.com/ybrpdy2

[13] COM(2005) 706.

[14] http://tinyurl.com/dmycvx

[15] ĠU L 354, 31.12.2008, p. 70.

[16] Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Doc 10117/06. 9 ta’ Ġunju 2006.

[17] COM(2008) 418.

[18] Konklużjoniet tal-Kunsill dwar l-inklużjoni tar-Roma. http://tinyurl.com/kne9s5

[19] Ir-Reżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2008 dwar is-saħħa u l-benessri taż-żgħażagħ.

[20] SEC(2006) 410.

[21] Il-Kummissjoni dwar id-Determinanti Soċjali tar-Rapport Finali dwar is-Saħħa. WHO 2008.

[22] Il-mandat attwali fuq http://tinyurl.com/1947z8