[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 22.10.2009 KUMM(2009)557 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar in-negozju transkonfinali san-Negozju Elettroniku tal-Konsum fl-UE KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar in-negozju transkonfinali san-Negozju Elettroniku tal-Konsum fl-UE Introduzzjoni 1. Fi żmien meta l-familji jinsabu taħt pressjoni finanzjarja, il-konsumaturi Ewropej qed jgħaddu aktar ħin ifittxu u jqabblu l-offerti onlajn fit-tama li jsibu l-iktar prezzijiet baxxi. Ix-xiri onlajn transkonfinali għandu żewġ benefiċċji ewlenin għall-konsumaturi: medda ta' prodotti aktar wiesgħa li minnhom jistgħu jagħżlu u l-possibilità li jiffrankaw il-flus. Il-konsumaturi li jgħixu f'żoni maqtugħin se jibbenefikaw ukoll milli jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-prodotti bi prezzijiet baxxi. Għan-negozji wkoll, huwa jiftaħ swieq ġodda u jinstabu klijenti ġodda u l-kumpaniji innovattivi u kompetittivi jiġu ppremjati. Il-potenzjal tas-suq intern bl-imnut onlajn huwa konsiderevoli. 2. Iżda, bħala riżultat tal-ostakoli interni tas-suq li għad fadal, il-kummerċ elettroniku Ewropew għadu wisq ifframmentat tul il-linji nazzjonali. Aktar iva milli le, il-konsumaturi ma jistgħux jagħmlu ordnijiet mingħand kummerċjant onlajn f'pajjiż ieħor tal-UE. Il-bejjiegħa bl-imnut sikwit jirrifjutaw ordnijiet mill-konsumaturi li jixtiequ jixtru lil hinn mill-fruntiera tagħhom. In-negozjanti xi kultant ma jistgħux jagħmlu bejgħ transkonfinali jew jespandu fuq bażi pan-UE jew bażi ta' aktar minn pajjiż wieħed. 3. Il-Kummissjoni analizzat il-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE u identifikat ix-xkiel li għad fadal[1]. Bħala l-pass li jmiss, din il-Komunikazzjoni tanalizza l-impatt tal-qafas attwali tal-politika li taffettwa l-bejgħ ta' prodotti permezz tal-kummerċ transkonfinali (kummerċ transkonfinali fis-servizzi mhux fl-ambitu ta' dan l-eżerċizzju); hija tippreżenta wkoll aktar xhieda dwar kemm intilfu opportunitajiet u tressaq proposti ta' azzjoni. Ħafna fatturi għandhom impatt fuq il-fiduċja tal-konsumatur fl-ambjent onlajn, bħat-tħassib dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, ir-riskju ta' prodotti foloz, jew l-eżistenza ta' tipi ġodda ta' prattiċi kummerċjali onlajn. Dawn il-kwistjonijiet huma ġenerali għall-ambjent onlajn u mhumiex meqjusa li qed joħolqu xkiel speċifiku għall-kummerċ transkonfinali li fih jinvolvu ruħhom il-konsumaturi jew il-kummerċjanti. Għaldaqstant mhumiex ikkunsidrati f'din il-Komunikazzjoni Suq Intern Onlajn Ifframmentat 4. Filwaqt li l-kummerċ elettroniku qabad sewwa fuq livell nazzjonali, għadha s'issa relattivament mhix xi ħaġa ta' spiss li l-konsumaturi jużaw l-internet biex jixtru prodotti (jew saħansitra servizzi) minn Stat Membru ieħor. Il-qasma bejn il-kummerċ elettroniku domestiku u dak transkonfinali qed tikber bħala riżultat tax-xkiel għas-suq intern. Mill-2006 sal-2008, is-sehem tal-konsumaturi kollha tal-UE li xtraw tal-inqas prodott wieħed bl-internet f'din l-aħħar sena żdied minn 27% sa 33% filwaqt li l-kummerċ transkonfinali baqa' stabbli (6% sa 7%)[2]. 5. Il-konsumaturi madwar l-Ewropa jagħrfu li x-xiri transkonfinali joffri vantaġġi wkoll jekk għadhom ma bdewx igawdu minnu. Terz taċ-ċittadini tal-UE jikkunsidraw jixtru prodott jew servizz onlajn minn Stat Membru ieħor għaliex huwa orħos jew aħjar[3]. L-istess numru huma lesti li jixtru u jużaw lingwa oħra u 59% tal-bejjiegħa bl-imnut huma lesti li jagħmlu tranżazzjonijiet b'aktar minn lingwa waħda[4]. 6. Il-kummerċ transkonfinali jagħti lin-negozju inċentiva biex jespandi l-bażi tiegħu tal-konsumaturi u biex jimraħ fi swieq ġodda, iżda ftit ħwienet onlajn huma lesti li jservu l-konsumatur barrani. Minkejja li 51% tal-bejjiegħa bl-imnut tal-UE 27 ibigħu onlajn, 21% biss jagħmlu bejgħ transkonfinali. Il-bejjiegħa bl-imnut li fil-fatt jagħmlu bejgħ transkonfinali normalment jagħmluh lil ftit Stati Membri: 4% biss ta' dawn il-bejjiegħa jagħmlu negozju ma' 10 Stati Membri jew aktar u l-biċċa l-kbira tagħhom jagħmlu negozju ma' Stat Membru ieħor biss jew tnejn[5]. Il-benefiċċji ta' suq intern integrat onlajn Probabilità ikbar li wieħed isib offerti orħos 7. Ix-xiri transkonfinali onlajn iżid il-probabilità li wieħed jiffranka l-flus minħabba varjetà ikbar ta' offerti għall-istess prodotti. Għall-konsumatur, il-medda ta' opportunitajiet ta' ffrankar potenzjali jsir jaf biha biss matul il-proċess tax-xiri, huwa u jfittex il-prodotti u jqabbel l-offerti. Ir-riżultat ta' test madwar l-UE kollha tal-ħwienet onlajn jagħti xi ftit ta' idea tal-iffrankar potenzjali għall-konsumaturi fuq tranżazzjonijiet reali transkonfinali. 8. Nies magħżula apposta f'27 Stat Membru tal-UE ngħataw istruzzjonijiet biex ifittxu lista ta' 100 prodott popolari fuq l-internet u jniżżlu l-prezz totali li kien ikollhom iħallsu għall-prodotti. Fejn instabu kemm offerti lokali kif ukoll transkonfinali, kien possibbli tqabbilhom, inklużi l-ispejjeż kollha ta' trasport. Il-Figura 1 turi l-potenzjal konsiderevoli ta' ffrankar transkonfinali bħal dan, ukoll meta wieħed jassumi li ffrankar ta' 10% ikun meħtieġ biex tħeġġeġ lill-konsumaturi jixtru lil hinn mill-fruntiera tagħhom[6]. Figura nru 1. Perċentwali ta' tfittxijiet fejn l-aqwa offerta transkonfinali kienet orħos jew tal-inqas 10% orħos mill-aqwa offerta lokali. [pic] Sors: YouGovPsychonomics (2009) 9. Fi 13-il Stat Membru minn 27 (Il-Portugall, l-Italja, is-Slovenja, Spanja, id-Danimarka, ir-Rumanija, il-Latvja, il-Greċja, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, Ċipru, Malta) in-nies li kienu qed jagħmlu t-test sabu offerta transkonfinali li kienet tal-inqas 10% orħos mill-aqwa offerta lokali għal tal-inqas nofs il-prodotti mfittxija kollha. Dan ir-riżultat jikkonferma li x-xiri transkonfinali jżid il-probabilitajiet li wieħed isib offerti orħos għal prodotti identiċi (inklużi l-ispejjeż kollha)[7]. Aċċess għal prodotti li ma jinstabux lokalment 10. Ħafna prodotti ma jinstabux onlajn f'ħafna pajjiżi. Ix-xiri transkonfinali għalhekk għandu l-vantaġġ fih innifsu li jippermetti lill-konsumaturi jsibu prodotti li mhumiex distribwiti onlajn lokalment. Is-suq intern għalhekk għandu potenzjal enormi biex jiżviluppa "lista twila" ta' prodotti li ma jkunx jaqbel ekonomikament li jiġu distribwiti fuq bażi nazzjonali, l-aktar fl-Istati Membri ż-żgħar. Figura nru 2. Perċentwali ta' tfittxijiet għal prodotti fejn instabu biss offerti transkonfinali. [pic] Sors: YouGovPsychonomics (2009) 11. It-test tal-ħwienet onlajn li sar mal-UE kollha wera li huwa partikolarment diffiċli li wieħed isib offerti lokali onlajn għall-biċċa l-kbira tal-prodotti f'xi pajjżi (ara l-Figura 2). Dan l-aktar li jiġri huwa fis-swieq iż-żgħar, li jfisser li offerta transkonfinali hija l-uniku mod għax-xerrejja biex jixtru dawn il-prodotti, jekk il-bejjiegħ bl-imnut ikun lest li jibgħathomlhom. In-nies li wettqu t-test f'Ċipru, Malta, u l-Lussemburgu, iżda wkoll fil-Litwanja, il-Latvja, l-Irlanda, il-Belġju, l-Estonja, il-Portugall u l-Finlandja ma setgħux isibu offerti lokali onlajn għal tal-inqas nofs il-prodotti li għamlu tfittxija għalihom[8]. Il-Livell ta' frammentazzjoni tas-suq intern onlajn. 12. Sfortunatament, bil-maqlub ta' dak li wieħed jista' jistenna minħabba n-"nuqqas ta' fruntieri" għall-kummerċ elettroniku, il-konsumaturi ma għandhomx aċċess ugwali għall-offerti transkonfinali: għal xi konsumaturi f'xi pajjiżi mhuwa xejn probabbli li jsibu ħwienet barranin lesti li jaċċettaw ordni. Filwaqt li l-offerti huma teknikament aċċessibbli għall-konsumaturi li jkunu qed ifittxuhom onlajn, f'xi mument jew ieħor matul il-proċess tal-ordni, il-websajts se jwaqqfu t-tranżazzjoni. 13. It-test tal-ħwienet onlajn mal-UE kollha juri l-kobor tal-problema. Bħala total, saru 10964 test transkonfinali. Bħala medja, f'39% biss tal-każijiet, kien teoretikament possibbli li tagħmel ordni ma' ħanut onlajn li ma kienx jinsab fl-istess pajjiż tal-konsumatur. 61% tal-ordnijiet kollha kienu jfallu jew għaliex in-negozjanti jirrifjutaw li jservu pajjiż il-konsumatur jew għal raġunijiet oħra (pereżempju minħabba problemi tekniċi jew minħabba għażla partikolari ta' ħlas li ma kinitx disponibbli)[9]. Figura nru 3. Offerti transkonfinali aċċessibbli teknikament għal konsumaturi li fallilhom il-proċess tal-ordni. [pic] Sors: YouGovPsychonomics (2009) 14. Ħafna ħwienet onlajn mhumiex lesti li jbigħu lill-konsumaturi minn kull pajjiż tal-UE. Ix-xerrejja mill-Belġju, il-Bulgarija, il-Latvja, Malta u r-Rumanija għandhom l-ogħla rati ta' falliment (ara l-Figura 3). Ħafna ħwienet jiddistingwu bejn il-konsumaturi skont fejn joqogħdu. Pereżempju, ħafna minn dawk li wettqu t-test ma setgħux jirreġistraw lilhom infushom fuq il-websajt biex jissoktaw bit-tranżazzjoni, ħafna websajts irrifjutaw li jibagħtu l-prodott fil-pajjiż tax-xerrej u ħafna għażliet ta' ħlas ma kinux disponibbli minnufih għal tranżazzjonijiet transkonfinali[10]. Kif tista' tinstab soluzzjoni għall-ostakoli għall-kummerċ elettroniku onlajn. 15. L-ostakoli għall-kummerċ elettroniku transkonfinali kienu s-suġġett tal-attenzjoni regolatorja fuq livell tal-UE għal ħafna snin. Jeħtieġ li jsir aktar qabel ma jinkiseb suq intern tal-bejgħ bl-imnut integrat. Ir-rapport tal-Kummissjoni ta' Marzu 2009 jistabbilixxi analiżi komprensiva tal-ostakoli li jwaqqfu lill-konsumaturi u lin-negozji[11]. 16. Għall-bejjiegħa fl-Ewropa, l-ostakoli regolatorji ewlenija għall-kummerċ elettroniku transkonfinali ġejjin mill-frammentazzjoni tar-regoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u regoli oħra dwar il-VAT, spejjeż ta' riċiklaġġ u drittijiet. Il-mod kif dawn ir-regoli huma implimentati huwa differenti b'mod ċar minn Stat Membru għall-ieħor, jagħtu lok għal ambjent tan-negozju li huwa kumpless, jqum ħafna flus u huwa imprevedibbli għal dawk in-negozji li jitħajru jbigħu lil hinn mill-fruntiera. L-adozzjoni ta' proposti biex tinstab soluzzjoni għal dawn l-ostakoli hija għalhekk ċentrali biex jinbidel l-aġir tal-bejjiegħa bl-imnut u, għaldaqstant, jiżdiedu l-opportunitajiet għall-konsumaturi. 17. Il-konsumaturi għandhom quddiemhom għadd ta' problemi meta jippruvaw jixtru onlajn f'pajjiż ieħor. Aktar iva milli le, il-kummerċjanti barranin onlajn ma jaċċettawx ordnijiet minn konsumaturi li jgħixu f'pajjiż ieħor. Il-konsumaturi mhumiex ċerti x'għandhom jagħmlu jew fejn iridu jmorru f'każ li jsibu problema, speċjalment meta trid tinstab soluzzjoni għal ilment ma' kummerċjant barrani. 18. Minħabba n-natura kumplessa u interdipendenti tal-problemi identifikati, jeħtieġ strateġija komposta. It-taqsima li ġejja tippreżenta l-punti ta' azzjoni skont ordni ta' prijorità, ibbażata fuq analiżi tal-isfidi ewlenin li għad fadal. Filwaqt li kull wieħed minnhom huwa importanti individwalment, jeħtieġ progress fuq kollha qabel ma jkun jista' jinkiseb il-potenzjal tal-kummerċ elettroniku transkonfinali. Tfittxija ta' soluzzjoni għall-ifframmentar tar-regoli ta' protezzjoni tal-konsumatur 19. L-effett tar-regoli ta' protezzjoni tal-konsumatur ifframmentati fuq il-kuntratti, flimkien mar-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet, huwa li jġibu spejjeż żejda sinifikanti ta' konformità għan-negozjanti li jixtiequ jbigħu f'ħafna Stati Membri. Il-proposta għal Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur se tindirizza dan l-ostakolu ewlieni għall-ħolqien ta' suq intern bl-imnut. Il-proposta tfittex li tgħaqqad flimkien erba' direttivi attwali ta' protezzjoni tal-konsumatur fi strument wieħed, b'hekk tissimplifika u taġġorna r-regoli attwali, tneħħi l-ostakoli tas-suq intern[12] u tevita l-applikazzjoni ta' settijiet differenti ta' regoli. 20. Il-proposta għalhekk se toħloq sett wieħed ta' regoli kompletament armonizzati fi ħdan żona mmirata li jiżguraw livell komuni għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur mal-Komunità kollha u li jippermettu lin-negozjanti jbigħu lill-konsumaturi fis-27 Stat Membru bl-istess mod bħal fis-suq lokali, bl-użu pereżempju tal-istess kundizzjonijiet ta' kuntratt standard u materjal ta' informazzjoni. Għalhekk il-proposta se tnaqqas b'mod sinifikanti l-ispejjeż ta' konformità tal-kummerċjanti filwaqt li tiggarantixxi lill-konsumaturi livell għoli ta' protezzjoni. 21. Barra minn hekk, l-adozzjoni tal-proposta se ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur u l-infurzar tal-kuntratti ta' kummerċ elettroniku transkonfinali u tagħmel mod li jkun ħafif għall-medjaturi li jsibu soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jagħtu l-prijorità mistħoqqa lil din il-proposta. Jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi 22. L-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jfittex li jsib soluzzjoni għal wieħed mill-ostakoli ewlenin għall-kummerċ transkonfinali b'mod innovattiv billi jitlob b'mod speċifiku mill-Istati Membri li jneħħu għal kollox id-diskriminazzjoni min-naħa tal-kummerċjanti li jirrifjutaw li jbigħu lill-konsumaturi jew billi jittrattawhom b'mod differenti, minħabba n-nazzjonalità tagħhom jew il-post ta' residenza[13]. 23. Filwaqt li pprojbixxa d-diskriminazzjoni, jippermetti lill-kummerċjanti japplikaw "differenzi fil-kundizzjonijiet ta' aċċess meta dawk id-differenzi huma ġġustifikati bi kriterji oġġettivi", li f'ċerti każijiet jistgħu jinkludu ostakoli regolatorji. It-tneħħija ta' dawn l-ostakoli kif imfassla f'din il-Komunikazzjoni għalhekk se tikkomplementa l-Artikolu 20(2) billi tnaqqas ir-raġunijiet possibbli għall-kummerċjanti biex jirrikorru għal dawn il-kriterji. 24. Minħabba l-importanza tal-Artikolu 20(2) għall-kummerċ elettroniku transkonfinali, l-implimentazzjoni u l-infurzar effettiv tiegħu huma ta' prijorità għolja għall-Kummissjoni. Il-Kummissjoni qiegħda għalhekk tipprovdi gwida lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni sa tmiem l-2009 u wara dan beħsiebha tissorvelja b'mod attiv l-infurzar mill-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali. Tikber l-effiċjenza tal-infurzar transkonfinali 25. Il-konsumaturi se jkunu xerrejja transkonfinali aktar fiduċjużi jekk ikunu jafu li l-awtoritajiet ta' protezzjoni tal-konsumatur qegħdin jissorveljaw il-prattiċi tan-negozju tal-kummerċjanti. L-azzjonijiet organizzati u regolari ta' sorveljanza tas-suq ('kinsiet') bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur, fil-qafas tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, ippermettew lill-awtoritajiet nazzjonali jinvestigaw l-irregolaritajiet u jiżguraw il-konformità mal-liġijiet ta' protezzjoni tal-konsumatur[14]. 26. Il-kinsa ta' dan l-aħħar ta' nfurzar imwettqa f'Mejju 2009 għall-bejgħ onlajn ta' tagħmir elettroniku żvelat irregolaritajiet fuq 55% tal-websajts. L-iktar problemi li nstabu kienu jikkonċernaw l-ingann, informazzjoni nieqsa jew mhux kompluta dwar id-drittijiet tal-konsumatur, l-ispejjeż totali u d-dettalji ta' kuntatt tan-negozjant, u dan wera l-ħtieġa għal infurzar aħjar tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku kif ukoll tar-regoli ta' protezzjoni tal-konsumatur. Fil-fażi suċċessiva ta' nfurzar, l-Istati Membri se jittrattaw l-irregolaritajiet transkonfinali billi jitolbu għajnuna fl-investigazzjoni u l-infurzar mill-awtoritajiet fi l-Istati Membri l-oħra[15]. 27. Jeħtieġ infurzar aktar effettiv tar-regoli attwali mill-Istati Membri biex jitneħħew l-ostakoli, tiġi 'l quddiem it-trasparenza dwar l-informazzjoni u titrawwem il-fiduċja tal-kosumatur fl-offerti onlajn u n-negozjanti. Il-Kummissjoni dan l-aħħar ressqet għadd ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar kif dan jista' jinkiseb[16]. Kif tinstab soluzzjoni għall-prattiċi kummerċjali żleali 28. Id-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali (2005/29/KE) tistabbilixxi sett wieħed ta' regoli dwar prattiċi kummerċjali leġittimi u pprojbiti fin-negozju mal-konsumatur madwar l-Ewropa[17]. Sabiex jiġi żgurat li l-bejjiegħa onlajn bl-imnut jistgħu jqiegħdu fis-suq u jirriklamaw f'ambjent regolatorju ssimplifikat u prevedibbli u l-konsumaturi jistgħu jafdaw l-offerti li jaraw onlajn, huwa issa importanti li l-awtoritajiet nazzjonali jinfurzaw implimentazzjoni uniformi tad-Direttiva. 29. Il-Kummissjoni għalhekk se tippubblika linji gwida sa tmiem l-2009 li jkopru, fost affarijiet oħra, il-kunċetti ġodda introdotti bid-Direttiva biex iġġib 'il quddiem l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi. Permezz ta' dan se jkun aktar faċli li n-negozjanti jidħlu għal prattiċi transkonfinali, b'mod partikolari dawk onlajn. L-infurzar aktar effiċjenti transkonfinali tal-leġiżlazzjoni dwar il-prattiċi żleali se jkun ta' benefiċċju kbir kemm għall-fiduċja tal-konsumatur kif ukoll għan-negozjanti onesti billi tonqos il-kompetizzjoni żleali min-negozjanti qarrieqa. Il-promozzjoni tal-iskemi alternattivi ta' soluzzjoni tat-tilwim u l-proċedura dwar it-talbiet żgħar transkonfinali. 30. Barra mill-azzjonijiet attwali ta' nfurzar, ġew stabbiliti mekkaniżmi fil-livell tal-UE biex tiġi ffaċilitata l-azzjoni ta' rimedju effettiv: proċedura dwar it-talbiet iż-żgħar għat-tilwim transkonfinali li daħlet fis-seħħ fl-2009, tissimplifika, tgħaġġel u tnaqqas l-ispejjeż tat-tilwim għal talbiet li ma jaqbżux EUR 2 000: direttiva dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali ssaħħaħ il-medjazzjoni[18]. 31. Il-Kummissjoni tiffaċilita wkoll l-aċċess tal-konsumatur għal proċeduri mhux ġuridiċi fit-tilwim transkonfinali onlajn permezz ta' netwerk ta' Ċentri Ewropej tal-Konsumatur (ECC-Net) li tgħaqqad lill-konsumaturi ma' 400 entità alternattiva ta' soluzzjoni ta' tilwim fl-UE[19]. Il-Kummissjoni se ġġib ukoll 'il quddiem dawn il-mekkaniżmi permezz tal-pubblikazzjoni tal-gwida għaċ-ċittadini dwar il-proċedura fit-tilwim minħabba talbiet żgħar, il-ħolqien ta' portal e-ġustizzja tal-UE u aktar sforzi biex tinġieb 'il quddiem in-Net-ECC. Simplifikar tal-obbligi tal-VAT tal-bejjiegħa mill-bogħod. 32. Bħalissa, il-kummerċjanti onlajn iridu jirreġistraw għall-VAT f'kull pajjiż li fih il-bejgħ annwali tagħhom jaqbeż ċertu limitu minimu bil-kumplikazzjoni li l-limiti minimi u r-rati tal-VAT ivarjaw minn pajjiż għal pajjiż. 33. Il-Kummissjoni pproponiet li ddaħħal skema waħda għall-persuni taxxabbli mhux stabbiliti fil-pajjiż sabiex il-kummerċjanti jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tal-VAT, bħal li jridu jirreġistraw u jibagħtu d-dikjarazzjonijiet tal-VAT, fl-Istat Membru tagħhom u li tissimplifika l-arranġamenti ta' bejgħ mill-bogħod billi twaqqaf limitu minimu wieħed ta' EUR 150 000 mal-UE kollha[20]. 34. Barra minn hekk, il-bejjiegħa mill-bogħod bħalissa huma meħtieġa li joħorġu dejjem fattura tal-VAT sħiħa wkoll meta fornitur lokali li jkun qed ibiegħ l-istess prodott lill-istess konsumatur jista' ma jkunx obbligat li jagħmel dan. Il-Kummissjoni pproponiet li ddaħħal "fattura ssimplifikata" għall-bejjiegħa mill-bogħod taħt ċerti ċirkustanzi[21]. 35. Iż-żewġ proposti jagħmluha aktar faċli b'mod konsiderevoli għall-bejjiegħa transkonfinali mill-bogħod biex jikkonformaw mal-obbligi tal-VAT. Il-Kummissjoni għaldaqstant tistieden lill-Kunsill jagħti l-prijorità mistħoqqa lil dawn il-proposti. Tnaqqis tal-piż amministrattiv tan-negozji fir-rigward tal-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku. 36. Il-bejgħ transkonfinali tal-prodotti elettroniċi (waħda mill-kategoriji ta' prodotti l-aktar imfittxija onlajn) huwa suġġett għal aktar ostakoli regolatorji. In-nuqqas attwali ta' armonizzazzjoni fl-implimentazzjoni nazzjonali tar-regoli dwar l-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku (Direttive WEEE) iwassal għal bosta livelli ta' onorarji u limiti minimi għar-reġistrazzjoni u r-rappurtaġġ ta' tagħmir elettriku u elettroniku mill-bejjiegħa bl-imnut onlajn, li jista' jkun projbittiv għan-negozjanti transkonfinali. 37. Fil-proposta reċenti tagħha, il-Kummissjoni ħadet passi ewlenin biex tarmonizza l-implimentazzjoni, filwaqt li tiċċara d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, inkluż l-ambitu tagħha. L-Artikolu 16 jipproponi li jarmonizza r-reġistrazzjoni u r-rappurtaġġ mill-produtturi fl-UE billi r-reġistri nazzjonali għall-produtturi jkunu interoperabbli. Dan jippermetti lill-produtturi jagħmlu reġistrazzjoni fi Stat Membru wieħed li tirrifletti l-attivitajiet tagħhom fl-UE kollha minflok ma jirreġistraw f'kull Stat Membru separatament[22]. 38. Il-proposta tal-Kummissjoni tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jonqsu l-kwistjonijiet prattiċi identifikati taħt l-iskema attwali. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jagħtu l-prijorità mistħoqqa lil din il-proposta. Soluzzjonijiet prattiċi għall-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur. 39. Il-partijiet interessati fil-livell nazzjonali u Ewropew ilhom jinnegozjaw mill-2006 soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet involuti fil-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur transkonfinali fuq bejgħ ta' medja vojta u mezzi ta' reġistrazzjoni. Bħalissa, in-negozjanti transkonfinali jafu jispiċċaw iħallsu u jirrappurtaw drittijiet tal-awtur f'bosta pajjiżi għall-istess prodotti. 40. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jaqblu li s-sistema attwali ta' rappurtaġġ, ħlas u rifużjoni tad-drittijiet tal-awtur hija impediment għall-kummerċ elettroniku transkonfinali. S'issa ebda ftehim ma ntlaħaq dwar soluzzjonijiet prattiċi li jrendu s-sistemi nazzjonali attwali tad-drittijiet aktar vijabbli. Il-partijiet interessati għandhom jirduppjaw l-isforzi tagħhom fit-tfittxija tas-soluzzjonijiet biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jissimplifikaw il-loġistika transkonfinali tagħhom. Kontribut fit-tnaqqis tal-ostakoli għall-bejgħ onlajn, fil-kuntest tar-restrizzjonijiet vertikali. 41. Ir-regoli tal-kompetizzjoni fuq ir-restrizzjonijiet vertikali taw sehem kbir fit-tneħħija tar-restrizzjonijiet mhux mixtieqa fuq il-kummerċ elettroniku fil-ftehim ta' distribuzzjoni bil-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi għat-tqegħid fis-suq u l-bejgħ transkonfinali bl-internet[23]. Ir-Regolament tal-Eżenzjoni Ġenerali attwali se jiskadi fil-31 ta' Mejju 2010. Il-Kummissjoni bħalissa qed teżamina il-mod ta' kif ġie applikat dan ir-Regolament s'issa biex tiċċara u tissimplifika dawn ir-regoli. Il-Kummissjoni qed tirrifletti wkoll dwar kif ir-reviżjoni attwali tista' tikkontribwixxi fit-tnaqqis tal-ostakoli għall-bejgħ bl-internet u toħloq modi effiċjenti li jtejbu l-pożizzjoni tal-konsumatur[24]. 42. Għad-distribuzzjoni esklużiva, ir-reviżjoni attwali se telabora aktar fuq il-kriterji użati għad-distinzjoni bejn bejgħ attiv u passiv bl-għan li jiġu identifikati l-iktar prattiċi komuni li għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet fuq il-bejgħ passiv li x'aktarx jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni. Pereżempju, l-aġir meqjuż bħala illegali jista' jinkludi prattiċi bħal li distributur esklużiv jintalab iqiegħed fuq il-websajt tiegħu xi forma ta' direzzjoni mill-ġdid awtomatika tal-klijenti lejn il-websajt tal-manifattur jew il-websajts ta' distributuri oħra esklużivi. Eżempju ieħor ikun li ġġib fi tmiem proċess ta' tranżazzjoni ta' konsumatur fuq l-internet malli d-dejta tal-karta ta' kreditu turi indirizz li ma jkunx fi ħdan it-territorju esklużiv fil-mira. 43. Għad-distribuzzjoni selettiva, ir-reviżjoni attwali se titkixxef dwar jekk il-kriterji użati biex jintgħażlu r-rappreżentanti (bħar-rekwiżit li r-rappreżentant ikollu ħanut veru u proprju) jistgħux ikunu ġġustifikati għal raġunijiet ta' vantaġġ għall-konsumatur u jillimitawx b'mod mhux xieraq it-tranżazzjonijiet onlajn u transkonfinali. Ir-reviżjoni vertikali se titkixxef ukoll dwar jekk fi ħdan netwerks ta' distribuzzjoni selettiva l-manifatturi jiskoraġġux lir-rappreżentanti maħtura tagħhom mill-użu tal-internet. 44. Id-distribuzzjoni onlajn se tkun waħda mill-oqsma ewlenin tar-reviżjoni attwali tar-regoli tal-kompetizzjoni dwar ir-restrizzjonijiet vertikali. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni se teżamina mill-qrib jekk ir-regoli attwali għandhomx bżonn li jiġu adattati sabiex ikun hemm aktar kummerċ elettroniku transkonfinali. Titjib tas-sistemi ta' ħlas u l-loġistika u t-tfittxija ta' soluzzjoni għall-ostakoli tekniċi 45. Is-sistemi ta' ħlas ukoll kienu fil-qalba tal-attenzjoni tal-azzjoni tal-UE bl-għan li żżid l-interoperabilità u toħloq suq transkonfinali mingħajr differenzi, jew permezz tal-leġiżlazzjoni (id-Direttiva dwar is-servizzi ta' ħlas) jew billi tagħti appoġġ lill-inizjattivi mmexxija mill-industrija (Żona Waħdanija ta' Ħlasijiet bl-Euro)[25]. Iżda, għall-konsumaturi u n-negozjanti (b'mod partikolari l-SMEs), li wieħed iħallas jew jirċievi pagamenti transkonfinali onlajn mal-UE kollha għadha sfida u deterrent ewlieni għall-kummerċ transkonfinali. 46. Ir-riforma tal-qasam postali ngħatat imbuttatura mill-ġdid bl-adozzjoni tat-tielet Direttiva Postali fl-2008 li torbot l-Istati Membri li jiftħu totalment is-swieq postali tagħhom. Bil-ftuħ sħiħ tas-suq, jiġi stabbilit suq intern u l-operaturi postali għandhom ikunu f'qagħda li jiftħu uffiċċji sussidjarji fi Stati Membri oħra u jwasslu l-oġġetti permezz tan-netwerk tagħhom stess, jew għandu jkollhom aktar għażla dwar liema operatur postali jużaw fi Stati Membri oħra fir-rigward tal-posta intrakomunitarja. Il-konsumaturi u n-negozjanti se jibbenefikaw mit-titjib tal-loġistika transkonfinali li jirriżulta[26]. 47. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tiżgura li l-ostakoli mhux iġġustifikati għall-kummerċ tal-prodotti fis-suq intern jiġu eliminati u ma jinħolqux oħrajn ġodda. AZZJONIJIET KOMPLEMENTARI GħALL-ELIMINAZZJONI TAL-OSTAKOLI MHUX REGOLATORJI GħALL-KUMMERċ ELETTRONIKU TRANSKONFINALI Ħidma mal-industrija biex jinġab 'il quddiem suq tal-bejgħ bl-imnut onlajn pan Ewropew 48. Il-perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar l-opportunitajiet onlajn huma sa ċertu punt ir-riżultat ta' mudelli ta' negozju li s'issa ħarsu lejn is-suq intern onlajn bħala kuntrast tas-swieq nazzjonali. 49. Il-Kummissjoni tagħmel sejħa lis-search engines ewlenin u l-partijiet interessati tal-onlajn biex itejbu l-għarfien tal-konsumaturi dwar l-opportunitajiet transkonfinali. In-negozji onlajn għandhom jadottaw ismijiet tad-domejn li jispiċċaw b'.eu, id-domejn waħdieni tal-ogħla livell għall-Ewropa, fi sforz biex jiġu eliminati perċezzjonijiet nazzjonali bbażati fuq ismijiet tad-domejn tal-pajjiż. Barra minn hekk, minħabba li kull ditta li tirreġistra fid-domejn .eu trid tkun konformi mar-regoli Ewropej, li wieħed ifittex għal .eu jagħti xi forma ta' protezzjoni bażika lill-konsumaturi u d-ditti Ewropej b'livelli għoljin jistgħu jiddistingwu ruħhom billi jadottaw .eu. In-negozjanti għandhom joħolqu websajts ta' aktar minn pajjiż wieħed jew pan-UE. 50. Filwaqt li t-tfittxija tal-offerti transkonfinali fuq l-internet hija possibbli, hija teħtieġ iktar ħin u sforz mill-offerti lokali li huma mmirati għal udjenza nazzjonali. Is-search engines ewlenin u l-websajts tat-tqabbil tal-prezzijiet għandhom joffru b'mod aktar sistematiku klassifikazzjonijiet ta' tfittxija jew tqabbil ta' prezzijiet li jippreżentaw kemm offerti transkonfinali kif ukoll lokali u għandhom ikunu disponibbli f'aktar minn lingwa waħda[27]. L-esperjenza fil-qasam tal-avjazzjoni wriet li l-websajts multilingwi trasparenti huma l-aħjar mod kif wieħed jippromwovi t-tranżazzjonijiet transkonfinali onlajn.[28] Il-Kummissjoni se tkompli tiddiskuti mal-operaturi tas-suq dwar kif jistgħu jiffaċilitaw il-kummerċ elettroniku transkonfinali. Informazzjoni għall-konsumaturi u n-negozjanti 51. Il-konsumaturi infurmati li jafu d-drittijiet tagħhom u huma kapaċi jagħrfu u jirrappurtaw ksur huma aktar f'qagħda li jiksbu l-benefiċċji tax-xiri transkonfinali onlajn. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tespandi u taġġorna l-"eYouGuide to your Rights Online" (il-"Gwida elettronika tiegħek tal-UE għad-drittijiet tiegħek Onlajn’) ippubblikata f'Mejju 2009[29] u se tkompli tagħti appoġġ lin-netwerk taċ-Ċentri tal-Konsumatur Ewropej, li jipprovdi informazzjoni u pariri lix-xerrejja transkonfinali. L-Enterprise Europe Network (In-Netwerk Intrapriża Ewropea) se jintuża biex il-kummerċjanti jkunu infurmati dwar l-obbligi u l-opportunitajiet tagħhom. Tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq 52. Bħala parti mill-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tissorvelja aħjar in-naħa tal-bejgħ bl-imnut tas-suq intern, is-sorveljanza bla waqfien tal-kummerċ elettroniku transkonfinali se tkun ukoll meħtieġa biex jiġi żgurat li dawk li jfasslu l-politika, dawk li jinfurzawha u ċ-ċittadini jkollhom għarfien dwar l-iżviluppi tas-suq. Barra mill-istħarriġ tal-Eurostat, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Bank Ċentrali Ewropew u l-kumpaniji ewlenin tal-karti ta' kreditu - b'rispett totali tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza - biex tiżviluppa statistika dwar il-bejgħ transkonfinali bi tranżazzjonijiet tal-karti ta' kreditu. Konklużjoni 53. Din il-Komunikazzjoni twaqqaf is-sisien għal strateġija biex il-kummerċ elettroniku transkonfinali jimxi aħjar. Il-kisba ta' dan il-għan tibbenefika l-konsumaturi, in-negozji u l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE. Il-progress f'dawn il-punti kollha se jkompli jiġi ssorveljat mill-qrib permezz tal-Iskorbord tas-Suq tal-Konsumatur. [1] 'Dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni: rapport dwar il-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE' - SEC(2009) 283, 5.3.2009, li jinsab fuq: http://ec.europa.eu/consumers/strategy/facts_en.htm#E-commerce. [2] Ewrobarometru Speċjali 298: 'Protezzjoni tal-konsumatur fis-suq intern' (2008). [3] Ewrobarometru Speċjali 254, 'Is-suq Intern - Fehmiet u esperjenzi taċ-Ċittadini fl-UE-25' (2006). [4] Ewrobarometru Speċjali 298 (2008); Ewrobarometru Flash 224: 'L-Attitudni tan-negozju għall-bejgħ transkonfinali u l-protezzjoni tal-konsumatur' (2008). [5] Ewrobarometru Flash 224.(2008). [6] 'Stima tax-xiri misteru tal-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE', YouGovPsychonomics, dejta miġbura f'isem il-Kummissjoni Ewropea, 2009. [7] YouGovPsychonomics (2009). Għal Ċipru u Malta r-riżultati jridu jiġu interpretati bi prudenza billi kien hemm ftit ħafna offerti lokali li magħhom seta' jsir it-tqabbil (ara l-figura nru 1). [8] YouGovPsychonomics (2009). [9] YouGovPsychonomics (2009). Ġiet ittestjata l-possibilità li titqiegħed ordni sal-aħħar paġna ta' konferma. Fil-fatt ma sar ebda xiri. [10] YouGovPsychonomics (2009). [11] 'Dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni: rapport dwar il-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE' - SEC(2009) 283, 5.3.2009. [12] Proposta għal Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur - COM(2008) 614. [13] Direttiva 2006/123/KE tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern. [14] Regolament (KE) Nru 2006/2004 tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet ta' protezzjoni tal-konsumatur. [15] Ara: http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/sweep/electronic_goods/index_en.htm [16] Komunikazzjoni COM(2009) 330, 2.7.2009, dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur. [17] Direttiva 2005/29/KE tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern. [18] Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi proċedura Ewropea dwar it-talbiet żgħar; Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. [19] Ara http://ec.europa.eu/consumers/redress_cons/index_en.htm [20] Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bil-għan li tissimplifika l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud - COM(2004) 728. [21] Proposta li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni - COM(2009) 21. [22] Proposta ta' tfassil mill-ġdid tad-Direttiva 2002/96/KE dwar l-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) - COM(2008) 810. [23] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għall-kategoriji ta' ftehim vertikali u l-prattiċi organizzati (Regolament ta' Eżenzjoni Ġenerali); Avviż tal-Kummissjoni (2000/C 291/01) Linjigwida dwar ir-Restrizzjonijiet Vertikali. [24] Ara 'Online Commerce Roundtable: Opportunities and Barriers to Online Retailing' ('Taħdita dwar il-Kummerċ Onlajn: Opportunitajiet u Ostakoli għall-Bejgħ bl-imnut Onlajn') li jinsab fuq: http://ec.europa.eu/competition/consultations/2009_online_commerce/roundtable_report_en.pdf [25] Id-Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern [26] Direttiva 97/67/KE (emendata bid-Direttiva 2002/39/KE, u d-Direttiva 2008/6/KE) id-"Direttiva Postali" [27] Kif irrakmandat bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2008)566 "Il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni.". [28] L-aktar mill-adozzjoni lil hawn tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli komuni għall-operazzjoni tas-servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) [29] Ara http://ec.europa.eu/information_society/eyouguide/navigation/index_en.htm