52009DC0545

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra {SEG(2009) 1354} /* KUMM/2009/0545 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.10.2009

KUMM(2009) 545 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra

{SEG(2009) 1354}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra

1. Introduzzjoni

1. Din il-Komunikazzjoni u r-Rapport li hemm magħha (Rapport ta' Sostenibilità 2009) jevalwaw is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE. Hija aġġornament tal-komunikazzjoni u r-rapport tal-2006[1], wara t-talba tal-Kunsill tal-EKOFIN ta' Novembru 2006[2], li talab lill-Kummissjoni tħejji rapport ġdid ta' sostenibilità meta l-projezzjonijiet komuni tal-infiq marbuta mal-età jkunu disponibbli fl-2009. Il-Komunikazzjoni tinħareġ fil-kuntest tar-riflessjoni dwar l-istrateġiji ta' ħruġ mill-kriżi ekonomika u finanzjarja u dwar il qafas konverġenti u kkoordinat għar-riforma tal-ekonomiji tal-Ewropa fil-qalba tal-istrateġija għall-Ewropa 2020.

2. Ir-rapport iqis il-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-impatt tagħha fuq il-finanzi pubbliċi fil-mument meta l-ewwel sinjali ta' stabbilizzazzjoni bdew jidhru. Sakemm l-irkupru ma jkunx sostenut u l-miżuri diskrezzjonarji mħaddma mill-gvernijiet ma jiġux irtirati, l-effett tal-kriżi fuq il-finanzi pubbliċi ma jistax jiġi ddeterminat. Iżda, minħabba l-impatt kbir tal-kriżi fuq id-dejn pubbliku, din il-komunikazzjoni tipprovdi kontribut f'waqtu fejn, bi qbil mal-qagħda tal-Kunsill Ewropew: 'il-politika fiskali trid bil-ftit il-ftit tiġi orjentata mill-ġdid lejn is-sostenibilità' u 'l-istrateġiji ta' ħruġ jeħtieġ li jkunu mfassla issa u mħaddma b'mod koordinat malli l-irkupru jibda jaqbad sew, filwaqt li jittieħed kont tal-qagħda speċifika ta' pajjiżi individwali'.[3]

3. Il-valutazzjoni regolari tas-sostenibilità fiskali hija bi qbil mal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir riformat (PST), skont liema kwsitjonijiet għandu jkollhom rwol prominenti fuq medda twila ta' żmien fis-sorveljanza. Dan l-aħħar, l-Istati Membri ftehmu dwar prinċipji fid-dettall dwar ir-reviżjoni tal-objettivi fuq medda medja ta' żmien (OMM) biex jiżguraw li l-istrateġiji baġitarji tal-Istati Membri jirriflettu ħtiġijiet reali fuq medda medja ta' żmien, billi jqisu mhux biss il-livelli tad-dejn iżda wkoll l-obbligazzjonijiet impliċiti, l-aktar spejjeż marbuta mat-tixjiħ tal-popolazzjoni, b'mod partikolari l-infiq pprojettat dwar il-kura tas-saħħa u l-pensjoni.

2. Sfida Kbira Wara l-Kriżi

4. L-Ekonomija Ewropea qed turi sinjali li dieħla f'fażi ta' rkupru wara kriżi kbira. Bis-saħħa ta' azzjoni politika effettiva u sostanzjali mill-ħarifa tal-2008, ikkoordinata fil-kuntest tal-PERE[4], ġie evitat kollass finanzjarju u nuqqas ġenerali ta' fiduċja. Iżda, l-inċertezza tiqba' kbira, u għadd hemm riskji ta' rikorrenzi ta' reazzjoni negattiva bejn is-settur finanzjarju u l-ekonomija reali. Minħabba t-telf fil-produzzjoni fix-xhur ta' qabel, l-attività ekonomika mistennija li tiċkien b'4 fil-mija din is-sena, filwaqt li t-tkabbir fl-2010 se jkun dgħajjef.

5. It-tfassil tal-politika fiskali ġie mmirat b'suċċess lejn ħtieġa u urġenza li l-ekonomija tinħareġ mir-reċessjoni. L-istimolu fiskali diskrezzjonarju u l-istabbilizzaturi awtomatiċi mingħajr irbit pprovdew ilqugħ għall-attività ekonomika u taw is-sehem tagħhom li dan l-aħħar wassal għal sinjali ta' titjib, iżda ġabu wkoll tiħżin fil-kontabilità tal-gvernijiet. Minn żbilanċ ta' 0.8 fil-mija tal-PGD fl-2007 - l-aqwa riżultat fi tletin sena - l-iżbilanċ tal-gvernijiet fl-UE huwa mistenni li jkun fuq medja ta' 6 fil-mija tal-PGD fl-2009 u madwar 7 fil-mija fl-2010. Fit-tliet snin sal-2010, il-proporzjon ta' dejn gross għall-UE kollha qed jiżdied b'aktar minn 20 punt. Barra minn hekk, obbligazzjonijiet kbar b'mod eċċezzjonali jistgħu jissarfu fi spejjeż attwali tul is-snin li ġejjin, minkejja li xi spejjeż b'appoġġ għas-settur bankarju jistgħu jiġu rkuprati.

6. Is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi f'perspettiva fuq medda twila ta' żmien ma tistax tiġi njorata. Minkejja li ż-żidiet fid-dejn u fl-iżbilanċ huma minnhom infushom impressjonanti, l-impatt pprojettat fuq il-finanzi pubbliċi tat-tixjiħ tal-popolazzjonijiet huwa mistenni li jċekken l-effett tal-kriżi għal darba tnejn. L-ispejjeż fiskali tal-kriżi u tal-iżvilupp demografiku pprojettat isaħħu lil xulxin u s-sostenibilità fiskali jagħmluha sfida kbira. Il-projezzjonijiet disponibbli juru li, fin-nuqqas ta' sforzi ambizzjużi li jiġu implimentati riformi strutturali u kkonsolidata l-kontabilità tal-gvernijiet, jkun hemm żidiet kbar ħafna fin-nefqa fuq l-imgħax tad-dejn u l-pensjonijiet pubbliċi, kif ukoll fuq il-kura tas-saħħa u l-kura fuq medda twila ta' żmien matul l-għexieren ta' snin li ġejjin.

3. Kif tivvaluta s-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi

7. Is-sostenibilità hija marbuta mal-kapaċità tal-gvern li jieħu fuq spallejh il-piż finanzjarju tad-dejn tiegħu fil-ġejjieni. M'hemmx limitu massimu ddefinit għal-livelli ta' dejn sostenibbli. Il-limiti għas-sostenibilità jvarjaw minn pajjiż għal pajjiż u minn żmien għal żmien. Il-kapaċità li jiġu ġestiti djun kbar hija marbuta fost l-oħrajn mal-grad ta' żvilupp tas-swieq finanzjarji, ir-riskji magħrufa, u l-fiduċja fil-kapaċità ta' gvern li jimplimenta riformi strutturali u jikkonsolida l-iżbilanċ. Hija marbuta wkoll mal-grad ta' stmellija tar-riskju globali u investimenti alternattivi għall-bonds tal-gvern. Iżda, pajjiżi bi proporzjon ta' dejn kbir - kif ukoll żbilanċ barrani kbir jew obbligazzjonijiet kontinġenti - huma miftuħa b'mod partikolari għat-taqlib tas-suq, bħal tibdil fir-rati u l-meded tal-imgħax matul żminijiet ta' perspettivi ekonomiċi li jkunu qed jevolvu.

8. Żieda ta' darba fl-istokk tad-dejn tal-gvern ma għandhiex bil-fors tqiegħed is-sostenibilità fir-riskju. L-espansjoni fiskali f'kuntest ta' kriżi mhix ta' deni għas-sostenibilità sakemm il-miżuri adottati mill-gvernijiet ikunu temporanji u jiġu fi tmiem bil-mod il-mod meta l-irkupru jkun fiċ-ċert. Jinħoloq tħassib dwar in-natura strutturali ta' żbilanċ kbir, u billi, mingħajr strateġija ta' riforma strutturali xierqa, il-kriżi jista' jkollha impatt fit-tul fuq il-produzzjoni u t-tkabbir potenzjali, li jiżdied mal-kriżi tas-seklu fit-tkabbir tal-PGD u ż-żieda fin-nefqa minħabba l-bixriet demografiċi.

9. Il-politika fiskali mhix sostenibbli jekk timplika akkumulazzjoni eċċessiva tad-dejn tal-gvern tul iż-żmien - issa jew fil-ġejjieni li jista' jitbassar - u s-servizz tad-dejn dejjem jiżdied. Is-sostenibilità teħtieġ li tiġi evitata żieda eċċessiva fl-obbligazzjonijiet tal-gvern - piż fuq il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni - filwaqt li tiżgura l-kapaċità tal-gvern li jwassal is-servizzi pubbliċi meħtieġa, inkluża l-pjattaforma ta' sikurezza meħtieġa fi żminijiet iebsin, u l-abilità li tiġi aġġustata l-politika bħala tweġiba għal sfidi ġodda.

10. Għalhekk biex jiġi analizzat aħjar jekk, fuq il-bażi tal-politika kurrenti, il-finanzi tal-gvern humiex sostenibbli, jeħtieġ perspettiva fuq medda ta' żmien twil. Il-valutazzjoni hija bbażata fuq projezzjonijiet fuq medda twila ta' żmien[5] tal-infiq, id-dħul u l-iżbilanċ tal-gvern u tqis il-fatturi li jiddeterminaw l-infiq bħad-demografija u l-akkumulazzjoni tad-dejn. Biex jiġu kkwantifikati r-riskji ta' sostenibilità tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, jintuża l-kunċett stabbilit tad-defiċit tas-sostenibilità. Dan l-indikatur ikejjel b'kemm it-taxxa jew l-infiq ikun irid jiġi aġġustat, issa u b'mod li jdum fiż-żmien , biex jiġi żgurat li d-dejn tal-gvern jibqa' ġewwa limiti aċċettabbli matul il-perjodu tal-projezzjoni. Iżda, valutazzjoni sħiħa teħtieġ ukoll li jittieħed kont ta' sensiela ta' indikaturi oħrajn, bħad-dejn kurrenti, obbligazzjonijiet kontinġenti, l-istokk tal-assi tal-gvern, il-piż fiskali, l-evoluzzjoni pprojettata tal-pensjonijiet medji u r-rendiment tal-iskemi tal-pensjonijiet b'fondi privati, l-iżviluppi fid-defiċit fis-sostenibilità f'każ li ma ttitieħed ebda azzjoni, kif ukoll it-tisħiħ possibbli tal-ħarsien soċjali f'ċerti pajjiżi.

11. Żieda fil-proporzjon tad-dejn fl-għexieren ta' snin li ġejjin tista' tiġi evitata, u jistgħu u għandhom jittieħdu miżuri politiċi biex wieħed jaħrab it-tendenza għal dejn li dejjem jikbar. Ix-xenarji fuq medda twila ta' żmien - skont politika mingħajr tibdil, u għalhekk li ma tinkludix miżuri li l-gvernijiet jistgħu jkunu qed jikkunsidraw iżda li ma jkunux għadhom ġew adottati - fir-rapport ta' akkumpanjament juru żieda li ma taqtax fil-proporzjon tad-dejn tul l-għexieren ta' snin li ġejjin. Dawn ix-xenarji jippermettu stima tar-riskji li għandhom quddiemhom l-Istati Membri, iżda mhumiex inevitabbli. Xenarji ta' politika mingħajr tibdil huma l-aqwa ħaġa għall-istimi tas-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien, iżda mhumiex tbassir realistiku fi kwalunkwe pajjiż. Dawn ix-xenarji huma utli biex jagħtu xhieda tad-daqs tal-azzjoni politika meħtieġa biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli, u juru x'jiġri kieku ma tittieħdet ebda azzjoni. Dan l-approċċ, li diġà ntuża fir-Rapport dwar is-Sostenibilità tal-2006, ġie approvat mill-Kunsill tal-ECOFIN ta' Novembru 2006, li kkonkluda li dan ir-rapport għandu jkun il-bażi għall-istimi tas-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien fil-kuntest tal-programmi annwali tal-istabilità u l-konverġenza.

12. L-istima tas-sostenibilità tal-politika fiskali fuq medda twila ta' żmien hija issa parti stabbilita tas-sorveljanza baġitarja fl-UE. Iżda, f'kuntest ta' kriżi u rkupru, l-istima tas-sostenibilità titwettaq taħt inċertezza ikbar minn dik tas-soltu. Minn naħa, huwa diffiċli li wieħed ikollu stampa ċara tal-qagħda fiskali strutturali tal-bidu fl-2009. Dan huwa marbut man-nuqqas ta' ċertezza dwar il-produzzjoni potenzjali u d-defiċit fil-produzzjoni, iżda wkoll mal-mod li bih ġie affettwat mill-kriżi d-dħul fiskali, kif ukoll dwar in-natura permamenti jew temporanja tal-miżuri ta' appoġġ adottati mill-gvernijiet. Sa fejn il-miżuri temporanji meħuda fil-kuntest tal-kriżi ma jkunux ġew iffiltrati kompletament mill-iżbilanċ strutturali, ir-riskju tas-sostenibilità jista' jagħti l-każ li jkun ġie sopravalutat. Mill-banda l-oħra, jekk ma jiġux adotatti riformi li jtejbu t-tkabbir, il-kriżi jista' jkollha impatt fit-tul fuq il-mod kif l-ekonomiji tagħna jikbru tul l-għaxar snin li ġejjin; f'dan il-każ, l-indikaturi aħħarija tas-sostenibilità fir-rapport ta' akkompanjament jissottovalutaw ir-riskji.

4. Stima tas-Sostenibilità skont il-Pajjiż

13. Is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta' żmien u l-impatt baġitarju tat-tixjiħ tal-popolazzjoni hija ta' tħassib għall-Istati Membri kollha. Iżda, hemm differenzi kbar minn Stat Membru għal ieħor għal dak li huwa l-grad ta' riskju fuq medda twila ta' żmien li għalih jinsabu miftuħa u s-sorsi ta' dan ir-riskju. Dawn id-differenzi ġejjin minn:(i) differenzi fil-qagħda baġitarja inizjali tagħhom fl-2009 għall-iggvernar ġenerali, inkluż il-livell tad-dejn u l-iżbilanċ strutturali; (ii) differenzi fl-iffinanzjar u l-ambitu tas-sistemi ta' ħarsien soċjali (iii) differenzi fit-tkabbir potenzjali li ġejjin mil-livelli relattivi ta' żvilupp u l-iżvilupp demografiku pprojettat.

14. Fuq il-bażi tal-indikaturi kwantitattivi ta' sostenibilità[6], l-analiżi tas-sensitività tas-suppożizzjonijiet ta' bażi u fatturi addizzjonali, bħad-dejn, l-assi tal-gvern u l-projezzjonijiet dwar il-pensjoni, wieħed jasal għal stima ġenerali tar-riskji fuq medda twila ta' żmien għas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi li jistgħu jiffaċċjaw l-Istati Membri[7]. Skont din il-metodoloġija u l-approċċ żviluppat fil-Komunikazzjoni tal-2006, u kif ġie ppreżentat f'dik il-komunikazzjoni u approvat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-ECOFIN ta' Novembru 2006, l-Istati Membri huma kklasifikati f'kategoriji skont il-grad ta' risku fuq medda twila ta' żmien li ffaċjaw u skont minn fejn l-aktar jiġu dawn ir-riskji. Fil-konklużjonijiet tiegħu l-Kunsill ikkunsidra wkoll li l-klassifikazzjoni użata fir-rapport ta' sostenibilità tipprovdi biċċa għodda importanti biex jiġu vvalutati l-isfidi għas-sostenibilità li l-Istati Membri qed jiffaċċjaw.

15. Il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja u l-Iżvezja għandhom relattivament pożizzjonijiet baġitarji aktar b'saħħithom u wettqu riformi komprensivi fil-pensjonijiet f'dawn l-aħħar snin. Għalkemm il-kriżi qed twassal għal tiħżin fil-bilanċ tal-gvernijiet u żieda sostanzjali fil-proporzjon tad-dejn tal-gvern ta' kull wieħed minn dawn il-pajjiżi, il-pożizzjoni fiskali strutturali tagħhom tibqa' aktar b'saħħitha minn dik ta' bosta pajjiżi oħra tal-UE u tippreżenta, għalhekk, riskju baxx fuq medda twila ta' żmien. Fil-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja u l-Iżvezja, iż-żieda fl-infiq marbut mal-età tul l-għexieren ta' snin li ġejjin huwa pprojettat sew taħt il-medja tal-UE. Fil-Finlandja, iż-żieda pprojettata fl-infiq hija sostanzjali u l-ispiża fiskali tal-kriżi kienet kbira. Iżda, l-istokk kbir tal-assi finanzjarji fil-portafoll tas-sigurtà soċjali jipprovdi lqugħ li jassorbi tiħżin fil-kontabilità tal-gvern.

16. Il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, l-Ungerija, il-Lussemburgu. l-Awstrija, il-Polonja u l-Portugall huma pajjiżi li għandhom karatteristiċi differenti ħafna fir-rigward tal-qagħda baġitarja inizjali tagħhom u l-infiq marbut mal-età. Il-Belġju, il-Ġermanja u l-Awstrija huma pprojettati li jġarrbu spejjeż qrib, jew 'il fuq mill-medja tal-UE, iżda l-qagħda baġitarja inizjali tagħhom hija relattivament b'saħħitha, sakemm it-tiħżin fil-kontabilità tal-gvern marbut mal-kriżi ma jsirx strutturali. Għalkemm il-konsolidament fuq medda medja ta' żmien se jtejjeb l-indikaturi tas-sostenibilità, ir-riformi li jindirizzaw l-ispejjeż marbuta mal-età se jkunu indispensabbli. Għall-Belġju, il-proporzjon tad-dejn - li tiela’ lura għal 'il fuq minn 100 fil-mija tal-PGD - jikkostitwixxi piż u riskju speċifiku. Iż-żieda pprojettata fl-infiq marbut mal-età fil-Lussemburgu huwa l-ogħla fl-UE kollha. iżda, dan ir-riskju hemm ilqugħ għalih bid-dejn baxx li hemm bħalissa u l-assi finanzjarji kbar li għandu l-gvern.

17. Għal Franza, l-Italja, l-Ungerija, il-Polonja u l-Portugall, l-ispejjeż fuq medda twila ta' żmien tat-tixjiħ mhumiex ipprojettati li huma partikolarment għolja. Iżda, il-qagħda baġitarja inizjali tagħhom timplika li l-politika fiskali hija insostenibbli, wkoll mingħajr ma titqies xi żieda fl-infiq marbut mal-età. F'dawn il-pajjiżi kollha, il-kriżi u l-appoġġ għall-irkupru qed iwasslu għal żieda mgħaġġla ħafna fil-proporzjon tad-dejn, li tpatti malajr għal dak li nkiseb fil-konsolidament f'dawn l-aħħar snin. Għall-Polonja, il-projezzjonijiet juru spiża anqas marbuta mal-età fuq medda twila ta' żmien minħabba bidla fl-għoti tal-pensjonijiet lejn skemi li jgawdu minn fondi; iżda, it-tnaqqis pprojettat fl-infiq huwa wkoll marbut ma tnaqqis kbir fil-proporzjon tal-benefiċċji. Dan jista' jqajjem kwistjonijiet ta' adegwatezza tal-pensjonijiet u jżid il-faqar marbut mal-età. Għal Franza, il-konsolidament fiskali ambizzjuż, ladarba l-irkupru jkun aktar sod, huwa indispensabbli u se jikkostitwixxi pass ewlieni għat-titjib tas-sostenibilità. Fil-Portugall, ir-riforma tal-pensjonijiet ta' dan l-aħħar tejbet ħafna s-sostenibilità; iżda, il-qagħda strutturali baġitarja tibqa' żbilanċjata sewwa. Fil-każ tal-Italja, konsolidament fiskali mgħaġġel, ladarba l-irkupru jseħħ sewwa, hija indispensabbli biex tiżgura tnaqqis b'pass tajjeb fil-proporzjon għoli ħafna tad-dejn[8]. Id-defiċit baxx fis-sostenibilità tal-Ungerija jirriżulta minn riforma fil-pensjonijiet u konsolidament fiskali reċenti; iżda, il-korrezzjoni fl-iżbilanċ strutturali f'dawn l-aħħar snin jeħtieġ li tibqa' titwettaq b'aktar qawwa biex jitnaqqas id-dejn. B'mod ġenerali, għal dan il-grupp ta' pajjiżi, ir-riskju għas-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien huwa medju.

18. Id-defiċit fis-sostenibilità tar-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, l-Olanda, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja u r-Renju Unit qiegħed fil-każijiet kollha 'l fuq minn 6 fil-mija tal-PGD; aktar mid-doppju ta' dan fl-Irlanda, il-Greċja, Spanja, is-Slovenja u r-Renju Unit. Fi kważi dawn il-pajjiżi kollha, id-defiċit fis-sostenibilità huwa r-riżultat ta' żieda kbira ħafna pprojettata fl-infiq marbut mal-età, miżjud b'mod kompost f'ħafna każijiet minn żbilanċ kbir inizjali, u għalhekk huma esposti għal riskju ogħla fuq medda twila ta' żmien. Dan juri li biex inaqqsu dan id-defiċit iridu kemm programmi ambizzjużi ta' konsolidament li jnaqqsu d-dejn u l-iżbilanċ fis-snin li ġejjin, kif ukoll riforma tal-ħarsien soċjali fil-fond. Dan huwa b'mod partikolari l-każ tal-Greċja, li qed tiffaċċja t-tieni l-ogħla żieda fl-infiq marbut mal-età fl-UE kollha, filwaqt li l-proporzjon għoli ħafna tad-dejn ikompli jżid mat-tħassib dwar is-sostenibilità. L-effetti possibbli tal-kriżi li qed jissoktaw fuq il-qagħda baġitarja u fuq it-tkabbir fuq medda medja ta' żmien huma ta' tħassib serju għall-biċċa l-kbira mill-pajjiżi b'riskju għoli - b'mod partikolari, l-Irlanda, il-Greċja, il-Latvja, Spanja u r-Renju Unit - li għalihom, li jevitaw żieda mgħaġġla ħafna fil-proporzjon tad-dejn, hija sfida poltika f'perspettiva fuq medda medja ta' żmien.

19. F'ħafna pajjiżi, kien hemm tiħżin fis-sostenibilità meta mqabbla ma' stimi preċedenti. Mqabbel mas-sitwazzjoni tal-2006, id-defiċit fis-sostenibilità huwa ikbar fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi u għaxra minnhom (l-Irlanda, Spanja, il-Latvja, Malta, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, is-Slovakkja u r-Renju Unit) issa jinsabu f'kategorija ta' riskju ogħla. Fil-każ tal-pajjiżi l-aktar milquta mill-kriżi, it-tiħżin fid-defiċit fis-sostenibilità huwa b'mod partikolari gravi. Iżda, bis-saħħa tal-konsolidament u r-riforma tal-pensjonijiet, l-Ungerija u l-Portugall għaddew mill-grupp ta' pajjiżi b'riskju ogħla għal dak b'riskju medju.

5. Sostenibilità tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra: L-isfidi ta' strateġija Politika

20. Dan it-tiħżin fil-finanzi pubbliċi marbut mal-kriżi u ż-żieda pprojettata fl-infiq minħabba bidla demografika jikkostitwixxu sfidi ewlenin ta' strateġija politika. Minħabba l-qagħda baġitarja attwali, it-tibdil ipprojettat fl-istruttura tal-popolazzjoni u x-xenarji fuq medda twila ta' żmien għat-tkabbir ekonomiku, id-dejn tal-gvern ta' bosta pajjiżi se jgħaddi minn żidiet sinifikanti. Minkejja li r-rati tal-imgħax huma bħalissa baxxi, il-ħruġ tal-bonds tal-gvern li dejjem qed jiżdiedu se jqiegħed pressjoni fuq ir-rati u jġiegħelhom jogħlew hekk kif l-ekonomiji joħorġu mill-kriżi u jkun hemm iktar opportunitajiet ta' investiment. Il-finanzi pubbliċi, inklużi s-sistemi ta' ħarsien soċjali, kienu ta' lqugħ għall-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi. Minkejja l-ħtieġa li tibqa' appoġġjata l-ekonomija u li jiġi evitat li l-irkupru jiġi fgat, għandhom jiġu implimentati b'mod deċiżiv miżuri għat-titjib tas-sostenibilità fiskali, identifikati fil-programmi ta' stabilità u konverġenza tal-Istati Membri, malli l-kundizzjonijiet jippermettu, biex tiġi evitata korrezzjoni aktar drastika aktar 'il quddiem.

21. Il-proporzjon għoli tad-dejn fl-imgħoddi ġie korrett permezz ta' tkabbir ekonomiku mgħaġġel. Bl-iżvilupp demografiku li qed jaffettwa b'mod negattiv it-tkabbir potenzjali, l-importanza tar-riformi li jtejbu l-produttività se tikber aktar. It-tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn irid jiġi minn taħlita ta' riformi strutturali u ta' konsolidament fiskali li jappoġġjaw it-tkabbir potenzjali.

22. Żieda mgħaġġla u mhux sostenibbli fid-dejn tal-gvern fl-għexieren ta' snin li ġejjin tista' tiġi evitata. L-istrateġija ta' tħejjija għall-implikazzjonijiet ekonomiċi tal-bidliet demografiċi ilha teżisti mill-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma tal-2001. Din l-istrateġija tinkludi (i) tnaqqis tal-iżbilanċ u tad-dejn, (ii) żidiet fir-rati tal-impjieg u (iii) riformi tas-sistemi ta' ħarsien soċjali. Hija wriet il-validità tagħha u għada applikabbli. Iżda, il-qagħda makroekonomika li nħolqot bil-kriżi biddlet il-kuntest, il-mod kif din l-istrateġija tista' tiġi applikata, il-piż relattiv tal-komponenti tagħha u l-urġenza tal-implimentazzjoni tagħha. Filwaqt li qabel il-kriżi, it-tliet ponot tal-istrateġija kienu għażliet li minnhom il-pajjiżi setgħu jagħżlu, kull waħda minn dawn it-tliet kolonni hija issa indispensabbli għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE.

23. L-ewwel element tal-istrateġija orjentata lejn is-sostenibilità jirreferi għall-ħtieġa li jitnaqqas id-dejn, bl-ilħuq u s-sostenn ta' bilanċ baġitarju ta' bażi b'saħħtu. Fl-għaxar snin qabel il-kriżi, ġie implimenatat b'suċċess konsolidament ambizzjuż f'ħafna pajjiżi. L-Istati Membri li laħqu l-MTOs tagħhom bi qbil mal-SGP irnexxilhom inaqqsu l-proporzjon tad-dejn b'mod sostanzjali u tejbu l-indikaturi ta' sostenibilità tagħhom. Dan ipprovdilhom strument ġdid biex jimplimentaw politika ta' espansjoni kontra-ċiklika meta l-kriżi kienet fl-agħar tagħha fit-tieni parti tal-2008.

24. Li wieħed sempliċement jegħleb il-kriżi ekonomika u finanzjarja kurrenti mingħajr konsolidament fiskali b'mod determinat mhux se jkun biżżejjed biex id-dejn tal-gvernijiet jiġi fuq triq sostenibbli. Il-projezzjonijiet ibbażati fuq xenarju ta' tkabbir li jmur lura lejn it-triq fuq medda twila ta' żmien ta' qabel il-kriżi juru li mingħajr konsolidament, il-proporzjon ta' dejn gross mal-PGD għall-UE fis-sħiħ tagħha jista' jilħaq il-100 fil-mija diġà sal-2014, u jkompli jiżdied. Sforz ta' konsolidament ta' 0.5 fil-mija tal-PGD kull sena sa kemm jintlaħqu l-MTOs tal-Istati Membri[9] jista' jistabbilixxi biss il-proporzjon ta' dejn għal madwar 100 fil-mija tal-PGD jekk it-tkabbir idum biex jerġa' lura lejn it-tendenza ta' qabel il-kriżi. Għalhekk, minkejja li l-appoġġ fiskali jrid jinżamm sakemm ikun żgur l-irkupru, il-politika fiskali trid bil-mod il-mod tiġi orjentata lejn is-sostenibilità.

25. It-tnaqqis b'ħeffa fil-proporzjon tad-dejn jiddependi wkoll minn użu bl-ordni tal-assi akkumulati b'appoġġ tas-settur finanzjarju, u ġestjoni effettiva tal-obbligazzjonijiet kontinġenti[10]. L-irtirar xieraq ta' miżuri ta' appoġġ tas-settur pubbliku għas-settur finanzjarju jrid jirrikonċilja l-ħtieġa ta' salvagwardja tal-istabilità finanzjarja mal-għan fuq medda medja ta' żmien li jinkisbu l-vijabilità tas-settur u t-tħaddim tas-suq kompetittiv, u li jitħarsu l-interessi ta' dawk li jħallsu t-taxxi bi qbil mal-poltika ta' għajnuna mill-Istat.

26. It-tieni fażi tal-istrateġija tikkonċerna ż-żieda tar-rati tal-impjieg. Ir-riformi strutturali, b'mod partikolari dawk li għandhom l-għan li jtejbu t-tħaddim tas-swieq tax-xogħol, taw sehem biex jiżdiedu r-rati tal-impjieg fost il-ħaddiema ta' età kbira u n-nisa, u biex iżidu l-potenzjali tat-tkabbir. Iż-żieda fir-rati tal-impjieg ta' qabel il-kriżi kienet pass importanti lejn is-sostenibilità, billi pattiet għal xi ftit mill-effetti li t-tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol ikollu fuq it-tkabbir. Fil-mument, fejn l-impjiegi qed jonqsu u l-qgħad qed jiżdied, hemm ħtieġa li jiġi evitat li l-qgħad ċikliku jsir parti mis-sistema, ikun hemm żieda fil-qgħad fuq medda twila ta' żmien u tnaqqis fir-rati tal-parteċipazzjoni. Hemm qbil wiesa' dwar sett ta' prinċipji Ewropej[11] biex jittaffa l-impatt tal-kriżi, jitfassal irkupru fit-tul u jsir kontribut għat-tkabbir potenzjali fuq perspettiva fit-tul: huwa importanti li jkun hemm prijorità fil-miżuri maħsuba għat-tnaqqis tal-ispejjeż ta' aġġustament u biex jitħaffu t-tranżazzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Il-politika għandha tkun f'sinerġija mal-għanijiet soċjali ta' appoġġ tad-dħul taċ-ċittadini l-aktar fi żvantaġġ, li minnu nnifsu jgħin jistimula d-domanda ġenerali. Il-politika fuq medda qasira ta' żmien li tindirizza l-kriżi ma għandhiex tmur kontra l-istrateġiji ta' riforma fuq medda twila ta' żmien, inkluża l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' flessigurtà skont l-Istrateġija ta' Liżbona. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura milli jużaw strateġiji bħal skemi ta' irtirar qabel il-waqt biex itaffu l-impatt tal-qgħad li jiżdied u r-ristrutturazzjoni tal-industrija. Fil-pajjiżi taż-żona tal-euro, l-istrateġiji dwar is-suq tax-xogħol għandhom jiffaċilitaw ukoll l-aġġustament strutturali, b'mod partikolari fir-rigward tat-tfittxija ta' soluzzjoni għad-diverġenzi sinifikanti fil-kompetittività barranija, minħabba l-impatt tagħhom fuq l-unità ta' spiża tax-xogħol.

27. Tagħlima ewlenija ta' kriżi finanzjarja fil-passat hija l-impatt x'aktarx negattiv fuq it-tkabbir potenzjali u l-ħtieġa ta' aġġustament strutturali, allokazzjonijiet mill-ġdid u innovazzjoni biex titrażżan il-kriżi. Ir-riformi strutturali għalhekk għandhom rwol kruċjali fi strateġija globali maħsuba biex l-ekonomiji jirritornaw lejn it-triq tat-tkabbir sostenibbli u l-fiskalità. Fit-tfassil preċiż skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi f'kull pajjiż, l-aġendi ta' riforma biex tingħata spinta lit-tkabbir potenzjali għandhom jinkludu, mhux biss il-miżuri msemmija hawn fuq għat-titjib tas-swieq tax-xogħol u ż-żieda tar-rati ta' parteċipazzjoni, iżda wkoll l-isfruttament sħiħ tas-Suq Ewlieni; ir-riformi għat-titjib tat-tħaddim tat-trijangolu tal-UE tal-edukazzjoni, ir-Riċerka u l-Iżvilupp, u l-innovazzjoni, li jikkontribwixxu għall-iżviluppi teknoloġiċi u t-tkabbir tal-produttività, u l-isforzi fir-rigward tat-teknoloġiji favur l-ambjent.

28. Ir-riformi fis-sistemi ta' ħarsien soċjali - it-tielet element tal-istrateġija - huma meħtieġa. Għal ħafna Stati Membri, il-bilanċ primarju favorevoli li jkun meħtieġ biex jonqos id-dejn u jiġi żgurat pre-finanzjament sħiħ tal-ispiża marbuta mat-tixjiħ mhux realistiku. Dan il-bilanċ primarju favorevoli huwa sew 'il fuq mil-livelli storiċi s'issa rreġistrati fil-pajjiżi tal-UE, u jrid jinżamm għal żmien twil.

29. L-istrument politiku ewlieni għall-iżgurar tas-sostenibilità hija r-riforma tal-pensjonijiet u s-sistemi tal-kura tas-saħħa. Fir-rigward tal-pensjonijiet, bosta toroq ta' riforma huma possibbli u ġew implimentati jew qed jiġu kkontemplati minn ħafna pajjiżi. Dawn ivarjaw minn, tibdil fir-regoli dwar l-akkumulazzjoni ta' drittijiet ta' pensjoni, it-twaqqif ta' rabta aħjar bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa matul il-ħajja tax-xogħol u l-pensjonijiet, iż-żieda tal-età ta' pensjoni statutorja, l-issikkar tar-rekwiżiti ta' eliġibilità u t-tneħħija tal-inċentivi ta' rtirar kmieni. F'bosta pajjiżi, il-pensjonanti tal-ġejjieni ġew imħeġġa jikkomplementaw il-pensjoni pubblika tagħhom bit-tfaddil tagħhom stess u b'sistemi ta' pensjoni permezz ta' kapitalizzazzjoni. Iżda, l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji matul il-kriżi wrew ir-riskji marbuta mat-trasferiment ta' sehem kbir tal-għoti tal-pensjonijiet lejn skemi ffinanzjati ġestiti mill-privat, u naqqsu l-appoġġ politiku u soċjali għall-implimentazzjoni ta' riformi li jħallu proporzjon qawwi ta' pensjonijiet suġġetti għall-oxxilazzjoni tas-suq. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Kunsill u l-Istati Membri biex tidentifika t-tagħlimiet għat-tfassil ta' skemi ffinanzjati u tindividwa l-benefiċjarji sabiex tiżgura għoti ta' pensjoni privata xierqa u sostenibbli. Kull pajjiż irid jidentifika r-riformi li jaqblu mal-karatteristiċi u l-preferenzi soċjali tiegħu u l-qbil huwa mixtieq għall-implimentazzjoni tagħhom. Żidiet fl-età effettiva tal-irtirar li jirriflettu ż-żieda fil-lonġevità qed jiġu kkontemplati f'bosta Stati Membri u jistħoqqilhom konsiderazzjoni aktar wiesgħa. Barra mill-iffrankar fl-infiq tal-gvern fuq perspettiva ta' medda medja sa medda twila ta' żmien, żieda fl-età ta' rtirar statutorju u effettiv tikkontribwixxi għal żieda fil-popolazzjoni li taħdem u tillimita t-tnaqqis fil-produzzjoni potenzjali. Barra minn hekk, l-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-akkumulazzjoni rispettiva tad-drittijiet ta' pensjoni se jkollhom impatt favorevoli fuq id-dħul tal-pensjonanti.

30. Iż-żieda fuq medda twila ta' żmien ipprojettata fl-infiq għall-kura tas-saħħa hija kbira u tikkostitwixxi waħedha biss riskju għas-sostenibilità. Fid-dawl tal-mekkaniżmi kumplessi u li bilkemm jistgħu jitbassru tal-progress fit-teknoloġija medika, li jirrappreżentaw sehem konsiderevoli fiż-żieda tal-infiq, il-projezzjonijiet jistgħu saħansitra jagħtu stima baxxa wisq tal-infiq fil-ġejjieni. Barra minn hekk, għal xi pajjżi, il-ħtieġa tat-titjib fil-kwalità u l-kwantità tas-servizzi tas-saħħa u tat-twessigħ tal-kopertura tal-kura formali fuq medda twila ta' żmien favur l-anzjani jistgħu jzidu aktar il-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi. Minħabba n-natura multidimensjonali tagħha, ir-riforma tal-kura tas-saħħa jeħtieġ li tqis bosta kwistjonijiet kumplessi, dwar kif is-sistema tas-saħħa tista' ssir aktar effiċjenti; dwar ir-riżorsi allokati għall-mediċina preventiva u ta' kura: dwar it-tweġiba għall-isfida li tinżamm forza tax-xogħol xierqa għall-kura tas-saħħa; dwar il-bilanċ fl-iffinanzjar ta' pazjenti, is-settur pubbliku u l-assigurazzjoni privata; il-grad ta' kompetizzjoni fost dawk li jipprovdu l-kura; dwar il-valutazzjoni effettiva u l-ġestjoni tat-teknoloġija bl-għan li titrawwem l-effiċjenza u jiġu żgurati servizzi ta' kwalità għolja, filwaqt li jiġu rrazjonalizzati l-ispejjeż; jew kwistjonijiet etiċi bħal aċċess għal trattament għali.

31. Billi r-riżorsi pubbliċi huma skarsi, żieda fil-kwalità tal-finanzi pubbliċi hija indispensabbli. L-immodernizzar tas-servizzi pubbliċi u t-tnaqqis tal-infiq mhux produttiv jgħinu fil-limitazzjoni taż-żieda tad-dejn, jilliberaw ir-risorsi għal investiment f'oqsma li jistimulaw it-tkabbir bħall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u objettivi oħra tal-politika (soċjali, ambjentali, tas-saħħa) u jsaħħu l-inċentivi biex tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni tal-ekonomija. Il-konsolidazzjoni fiskali permezz ta' żieda addizzjonali tad-dħul għandha tqis l-effetti tal-inċentivi, l-effiċjenza u l-kompetittività, tkun iffokata fuq dawk il-miżuri li għandom l-inqas effett ta' tħarbit, b'mod partikolari fuq il-parteċipazzjoni fix-xogħol u l-akkumulazzjoni tal-kapital, filwaqt li jikkontribwixxu fil-kisba tal-għanijiet (pereżempju taxxi fuq l-ambjent). .

6. Konklużjoni

32. Il-projezzjonijiet disponibbli fuq medda twila ta' żmien juru li, fin-nuqqas ta' sforzi ambizzjużi biex jiġu kkonsolidati l-kontabilità tal-gvernijiet u r-riformi strutturali, jkun hemm żidiet insostenibbli fuq l-imgħax tad-dejn u l-infiq fuq il-pensjonijiet, kif ukoll fuq il-kura tas-saħħa u l-kura fuq medda twila ta' żmien matul l-għexieren ta' snin li ġejjin. L-infiq pubbliku dejjem tiela’ u l-prospetti tad-dejn li dejjem jiżdied ikunu ta' xkiel għal irkupru sostenut u fuq tul ta' żmien u tkabbir ekonomiku bbilanċjat.

33. L-espansjoni fiskali b'suċċess biex tpatti għar-riċessjoni u s-sostenibilità fiskali fuq medda twila ta' żmien mhumiex inkompatibbli. Il-miżuri fiskali biex tiżdied il-fiduċja u tappoġġja t-talba jistgħu jkunu favorevoli biss jekk jitqiesu mis-swieq u mill-opinjoni pubblika bħala temporanji u konsistenti mas-sostenibilità fuq medda twila ta' żmien. Jekk le, jekk l-aġenti ekonomiċi jistennew twessigħ fit-tul tad-dejn, l-appoġġ fiskali jitlef l-effikaċja tiegħu u jista' jsir kontroproduttiv, b'mod partikolari meta jiġi megħlub l-agħar tal-kriżi u nidħlu f'fażi ta' rkupru.

34. L-esperjenza tal-imgħoddi turi li, bit-turija tal-ħtieġa u l-urġenza tar-riformi strutturali, il-kriżijiet jikkostitwixxu tieqa ta' opportunità li l-gvernijiet jistgħu jużaw biex jagħmlu progress deċiżiv fir-riformi strutturali. L-istrateġiji fiskali ta' ħruġ mill-kriżi li għandhom l-għan li jiksbu objettivi realistiċi fuq medda medja ta' żmien jeħtieġ li jitfasslu issa, u jiġu implimentati b'mod ikkoordinat hekk kif l-irkupru jidħol sewwa, filwaqt li jittieħed kont tas-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi individwali. Biex jappoġġjaw ir-riformi meħtieġa u jtejbu l-kredibilità tal-aġġustament - li bilfors jestendi fuq għadd ta' snin - l-Istati Membri jista' jagħti l-każ li jkunu jridu jiżviluppaw aktar l-arranġamenti istituzzjonali tagħhom ta' titjib tal-istabilità. Fil-kuntest tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir, is-sostenibilità tad-dejn għandu jkollha rwol prominenti u espliċitu ħafna fil-proċeduri ta' sorvelijanza.

35. Huwa f'dan il-kuntest tal-isfida tas-sostenibilità u l-ħtieġa ta' sostenn tal-irkupru fl-istat bikri tiegħu li l-Kummissjoni rrakkomandat il-korrezzjoni tal-iżbilanċ f'dawk il-pajjiżi li bħalissa jinsabu f'qagħda ta' defiċit eċċessiv. Huwa wkoll f'din il-perspettiva li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miri ambizzjużi u realistiċi fil-programmi tagħhom ta' stabilità u konverġenza. Dawn huma mistennija li jagħtu attenzjoni speċifika lill-istrateġiji orjentati lejn is-sostenibilità.

[1] "Sostenibilità fuq Medda twila ta' Żmien tal-Finanzi Pubbliċi fl-UE," Ekonomija Ewropea , 4/2006 u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, COM (2006) 574 finali, 12.10.2006.

[2] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Is-Sostenibilità tal-Finanzi Pubbliċi", 7 ta' Novembru 2006.

[3] Laqgħa informali tal-kapijiet ta' Stati jew Gvernijiet tal-UE, 'Lingwa miftiehma għas-samit ta' Pittsburgh tal-G-20', Brussell 17 ta' Settembru 2009.

[4] 'Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku', komunikazzjoni mill-Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew, COM (2008) 800, 26.112008.

[5] 'Rapport dwar it-Tixjiħ tal-Popolazzjoni 2009', rapport konġunt tal-Kummissjoni u l-EPC, Ekonomija Ewropea, 2 u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Il-Ġestjoni tal-Impatt tat-Tixjiħ tal-Popolazzjoni fl-UE' - COM(2009) 180, 21. 42009.

[6] L-indikaturi tas-sostenibilità jassumu li l-infiq marbut mal-età (pensjonijiet, kura tas-saħħa, kura fuq medda twila ta' żmien, qgħad u edukazzjoni) se jevolvi flimkien mal-projezzjonijiet demografiċi, u l-kostanza tal-proporzjon mal-PGD tad-dħul u nfiq ieħor primarju.

[7] Ir-rapport ta' akkumpanjament fih spjegazzjoni fid-dettall tal-metodoloġija użata u tax-xenarji alternattivi differenti.

[8] Dan huwa pprojettat li jkun 'il fuq minn 116 fil-mija tal-PGD fi tmiem l-2010 - l-ogħla proporzjon mill-ħolqien tal-euro.

[9] Din hija l-unità ta' miżura tar-ritmu ta' konsolidament fl-SGP.

[10] Garanziji għal bonds jew self maħruġa mill-banek, strumenti b'għan speċjali ('banek ħżiena') u entitajiet oħra.

[11] 'It-Tmexxija tal-Irkupru Ewropew,' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa - COM(2009) 114, 4.3.2009.