52009DC0544




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.10.2009

KUMM(2009) 544 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE Il-Pjanijiet għat-Tnaqqis Settorjali u l-Azzjonijiet tal-2009

WERREJ

1. Introduzzjoni 2

2. Ir-Riżultati tal-kejl bażiku tal-UE u ħarsa ġenerali tal-Pjanijiet għat-Tnaqqis Settorjali 3

3. Nilħqu l-mira tat-tnaqqis għal-Leġiżlazzjoni tal-UE 6

3.1. Xi twettaq sa issa - Il-miżuri adottati 8

3.2. Xi twettaq sa issa - Il-miżuri proposti 9

3.3. Dak li hemm ippjanat - Miżuri fi stadju ta' tħejjija 11

4. Progress fuq il-livell nazzjonali 11

5. Rakkomandazzjoni dwar l-ambitu tal-Programm ta' Azzjoni 12

6. Konklużjonijiet 13

Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE Il-Pjanijiet għat-Tnaqqis Settorjali u l-Azzjonijijet tal-2009

1. INTRODUZZJONI

F'Jannar 2007 il-Kummissjoni ressqet Programm ta' Azzjoni[1] ambizzjuż sabiex jitneħħew minn fuq spallejn in-negozji fl-UE l-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa. Il-Kunsill Ewropew approva l-Programm f'Marzu 2007[2] u qabel li l-piżijiet amministrattivi kkawżati mil-leġiżlazzjoni tal-UE, inklużi l-miżuri nazzjonali li jimplimentaw jew jittrasponu din il-leġiżlazzjoni, għandhom jittaffew b'25 % fl-2012. Il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri sabiex "jistabbilixxu miri nazzjonali b'għanijiet simili".

Il-Programm ta' Azzjoni huwa parti essenzjali mill-Aġenda għal-Regolamentazzjoni Aħjar globali tal-Kummissjoni – li tintervjeni fejn ikun meħtieġ, bl-involviment sħiħ tal-partijiet interessati, u b'mod li l-piżijiet fuq l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini jinżammu baxxi kemm jista' jkun skont il-ħtiġijiet biex jinkisbu miri fis-soċjetà. Dan huwa marbut sew mal-istrateġija tal-Kummissjoni ħalli tħeġġeġ il-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi[3]. It-tnaqqis tal-ispejjeż regolatorji minn fuq dahar l-intrapriżi huwa konformi wkoll mal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar u l-prinċipju tiegħu "aħseb l-ewwel fiż-żgħir". L-importanza tat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa żdiedet minħabba l-kriżi ekonomika billi l-Intrapriżi Żgħar u Medji b'mod partikolari jeħtieġu taffija malajr. Barra minn hekk dan jagħmel sens għax jimxi mal-linji ta' appoġġ baġitarju dirett, fi żmien meta l-kapaċità finanzjarja tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jintervjenu trażżnet sostanzjalment. Minħabba dan kollu, it-tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi ġie identifikat bħala wieħed mill-oqsma ewlenin ta' azzjoni fil-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku.

Fil-bidu tal-2009, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tressaq Pjanijiet għat-Tnaqqis Settorjali għall-oqsma prijoritarji kollha, 13 b'kollox, u tħejji miżuri addizzjonali sabiex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi qabel tmiem il-mandat tagħha[4] ħalli tagħmel kull ma tista’ biex tilħaq il-mira ta' 25 % fl-2012. Iż-żewġ aspetti huma koperti minn din il-Komunikazzjoni li tipprovdi ħarsa ġenerali tal-kisbiet sa issa, dak li tgħallimna u l-passi li jmiss.

2. IR-RIżULTATI TAL-KEJL BAżIKU TAL-UE U ħARSA ġENERALI TAL-PJANIJIET GħAT-TNAQQIS SETTORJALI

Bl-approvazzjoni tal-Kunsill Ewropew u l-appoġġ tal-Parlament Ewopew, il-Kummissjoni nediet valutazzjoni tal-piżijiet amministrattivi[5] li n-negozji jġarrbu biex jissodisfaw l-obbligi ġuridiċi tal-UE ħalli jipprovdu informazzjoni dwar il-prodotti u l-attivitajiet tagħhom, sew lill-awtoritajiet pubbliċi jew inkella lil partijiet privati[6]. Dan il-kejl bażiku tal-UE jkopri l-piżijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE u minn miżuri nazzjonali li jimplimentawha jew jittrasponuha . Dan juża l-"mudell standard tal-ispejjeż" (SCM) tal-UE li jinkiseb mill-esperjenzi speċifiċi tal-Istati Membri. Ir-riżultati kwalitattivi u kwantitattivi ta' dan l-eżerċizzju servew ta' dħul ta' informazzjoni prezzjuża sabiex jiġu ffissati l-prijoritajiet tat-tnaqqis u jitfasslu l-proposti għat-tnaqqis.

Il-kejl bażiku tal-UE ġie ffinalizzat għat-72 att li jkopri l-Programm ta' Azzjoni u t-13-il qasam prijoritarju tiegħu[7]. Il-piż amministrattiv globali impost minn dawk l-atti fil-bidu tal-leġiżlatura (2005) huwa stmat li jiswa madwar EUR 123.8 biljun[8].

L-eżerċizzju identifika total ta' 486 obbligu ta' informazzjoni mill-UE[9], u iktar minn 10 000 obbligu nazzjonali biex jiġu trasposti jew implimentati dawn l-obbligi tal-UE. Iktar minn 700 obbligu nazzjonali jmorru 'l hinn mir-rekwiżiti ġuridiċi tal-UE. Il-piż għan-negozji biex jikkonformaw mal-obbligi kollha ta' informazzjoni ġie stimat, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li f'bosta każijiet in-negozji jwettqu l-kompiti rekwiżiti anki fin-nuqqas tal-obbligi ġuridiċi (spejjeż normali).

It-Tabella 1 turi l-piżijiet amministrattivi stmati għal kull qasam prijoritarju kif ukoll ċifri ta' tnaqqis settorjali. Dawn tal-aħħar huma s-somma tal-potenzjal ta' tnaqqis tal-miżuri adottati, proposti u, f'xi ftit każijiet, fi stadju ta' tħejjija. Huma jipprovdu indikazzjoni ċara tal-istat tal-isforz ta' tnaqqis, u juru li ċerti setturi qabżu sew il-mira ta' 25 %. Il-pjanijiet ta' tnaqqis settorjali mressqa fl-Anness C juru b'mod konkret għaliex il-Programm huwa importanti, min qed jibbenefika minnu u kif.

Is-sejbiet ewlenin tal-kejl bażiku tal-UE u l-istudji madwaru li twettqu għall-Kummissjoni huma li:[10]

- Proporzjon għoli ħafna ta' piżijiet amministrattivi ġejjin minn numru limitat ta' obbligi ta' informazzjoni f'żewġ oqsma politiċi (it-Tassazzjoni u l-Liġi tal-Kumpaniji jġorru magħhom iktar minn 80 % tal-piż totali mkejjel - konsegwenza loġika tal-livell ta' armonizzazzjoni Ewropea li ntlaħqet f'dawn l-oqsma u tal-għadd kbir ta' kumpaniji milquta minn dawn il-liġijiet[11]; l-iktar għaxar obbligi ta' informazzjoni importanti kumplessivament jammontaw għal iktar minn 77 % tal-piż totali ta' oriġini mill-UE). Dan jikkonferma li d-deċiżjoni li l-kejl jiġi ffukat u li jkun hemm sforzi ta' tnaqqis fuq għadd limitat ta' atti f'oqsma prijoritarji ewlenin kienet waħda xierqa.

Tabella 1 – Piż u Tnaqqis (72 att ġuridiku fl-ambitu)

Qasam ta' Prijorità | Piż Amministrattiv (f'€) | Ċifra ta' Tnaqqis Settorjali (f'€) | Tnaqqis Bħala% tal-Piż |

Agrikoltura / Sussidji Agrikoli[12] | 5 289 700 000 | -1 891 400 000 | -36 % |

Il-Kontijiet Annwali / Liġi tal-Kumpaniji | 14 589 100 000 | -8 274 500 000 | -57 % |

Il-Politika ta' Koeżjoni | 929 100 000 | 222 600 000 | -24 % |

Ambjent | 1 180 600 000 | -242 100 000 | -21 % |

Servizzi Finanzjarji | 939 600 000 | -141 600 000 | -15 % |

Sajd | 73 900 000 | -33 400 000 | -45 % |

Sikurezza tal-Ikel | 4 073 300 000 | -1 281 800 000 | -31 % |

Il-Leġiżlazzjoni Farmaċewtika | 943 500 000 | -154 600 000 | -16 % |

Kuntratti Pubbliċi | 216 300 000 | -60 100 000 | -28 % |

Statistika | 779 500 000 | -328 100 000 | -42 % |

Tassazzjoni / Dwana | 87 005 300 000 | -26 334 200 000 | -30 % |

Trasport | 3 861 700 000 | -748 200 000 | -19 % |

L-Ambjent tax-Xogħol / Ir-Relazzjonijiet fl-Impjiegi | 3 879 200 000 | 659 600 000 | -17 % |

Total | 123 760 800 000 | -40 372 200 000 | -33 % |

- L-obbligi ta' informazzjoni ġeneralment ikunu piż proporzjonalment ikbar fuq l-intrapriżi żgħar u medji. Minħabba d-daqs tagħhom, l-SMEs spiss ma jkollhomx aċċess għall-aktar Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni avvanzati u effiċjenti. Lanqas ma jkollhom persuni jaħdmu magħhom b'għarfien speċjalizzat tal-materji regolatorji kollha u għalhekk ikollhom iserrħu iktar fuq fornituri esterni ta' dawn is-servizzi li ġieli jiswewlhom ħafna flus. Għandu għalhekk jiġi enfasizzat b'mod speċjali t-tnaqqis tal-piż għall-SMEs. Il-Prinċipju ta' "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir" għandu jiġi applikat sistematikent meta jitfasslu l-obbligi ta' informazzjoni.

- Kemm in-negozji jqisu li xi obbligu ta' informazzjoni huwa irritanti (fattur ta' irritazzjoni) spiss ma jkunx korelatat mal-piżijiet amministrattivi imposti[13] . Dan jiġġustifika d-deċiżjoni li jiġu inklużi wkoll atti li huma aktar irritanti milli ta' piż. Li wieħed jikkonsidra l-perċezzjonijiet huwa tabilħaqq fost il-prekundizzjonijiet ewlenin biex jiġi żgurat l-involviment tal-partijiet interessati fuq medda ta' tul ta' żmien.

- Huwa stmat li 32 % tal-piżijiet amministrattivi ta' oriġini mill-UE huwa r-riżultat ta' deċiżjoni min-naħa ta' xi Stati Membri li jmorru 'l hinn minn dak li tirrikjedi l-leġiżlazzjoni tal-UE (gold-plating) u tal-ineffiċjenza fil-proċeduri amministrattivi tagħhom . Dan għandu t-tendenza ġenerali li jikkonferma l-istima preċedenti tal-oriġini tal-piżijiet amministrattivi[14] u huwa r-raġuni għaliex sar possibbli li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi bla ma jiġu pperikolati l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni, li għandhom jibqgħu rekwiżit sa tmiem il-Programm. Id-differenzi sinifikanti fil-piżijiet imposti mill-miżuri nazzjonali li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE jindikaw li l-iskambju tal-aqwa prattiki jnaqqas bil-kbir il-livell ta' piżijiet amministrattivi f'bosta Stati Membri.

3. NILħQU L-MIRA TAT-TNAQQIS GħAL-LEġIżLAZZJONI TAL-UE

Filwaqt li t-tnaqqis tal-piż amministrattiv ma bediex fl-2005[15], kien matul il-mandat ta’ din il-Kummissjoni li ttieħdu passi importanti sabiex tintlaħaq il-mira tal-UE ta' 25 % li ġiet iffissata f'Marzu 2007. Il-Kummissjoni diġà identifikat tnaqqis possibbli tal-piżijiet li jmorru 'l hinn minn dik il-mira. Il-miżuri ta' tnaqqis li ddaħħlu fis-seħħ jew ġew proposti mill-Kummissjoni u li diġà ġew adottati jistgħu jwasslu għal tnaqqis ta' EUR 7.6 biljun. Il-miżuri proposti mill-Kummissjoni u l-adozzjoni pendenti jistgħu jżidu EUR 30.7 biljun ma' dak l-ammont. Il-ħidma preparatorja fuq iktar tnaqqis tista' twassal għall-preżentazzjoni ta' 31 miżura addizzjonali li min-naħa tagħhom iwasslu għal aktar tnaqqis ta' tal-anqas EUR 2.1 biljun. Kollox ma' kollox dan jista' jirrappreżenta tnaqqis ta' EUR 40.4 biljun minn EUR 123.8 biljun, jiġifieri -33 % tal-piżijiet totali stmati ta' oriġini mill-UE.

Biex ikun indikat b'mod ċar x'inkiseb sa issa, il-Komunikazzjoni tiddistingwi bejn miżuri ta' tnaqqis li huma adottati (eż. adozzjoni ta' atti ġuridiċi mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill jew adozzjoni ta' atti eżekuttivi mill-Kummissjoni); li huma proposti (eż. proposti leġiżlattivi pendenti quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill); u li huma fi stadju ta' tħejjija [16].

Xi miżuri ta' tnaqqis huma indirizzati esklużivament fil-livell tal-UE, filwaqt li xi oħrajn jeħtieġu l-azzjoni konġunta tal-UE u l-Istati Membri F'każijiet fejn il-miżura ta' tnaqqis hija indirizzata prinċipalment lill-Istati Membri, sehem il-Kummissjoni huwa li tiffaċilita dawn il-bidliet.

Tabella 2 – Stat tal-progress / Pjanijiet ta' Tnaqqis Settorjali (72 att ġuridiku fl-ambitu)

Qasam ta' Prijorità | Miżuri adottati | Il-miżuri proposti | Miżuri fi stadju ta' tħejjija |

Il-kontijiet annwali / Il-liġi tal-kumpaniji | 5 | -1 362 900 000 | -9% | 2 | -6 911 600 000 | -47% | 2 | 0 | 0% |

Il-politika ta’ koeżjoni | 4 | -117 600 000 | -13% | 1 | 50 000 000 | -5% | 1 | -55 000 000 | 6% |

Ambjent | 1 | -3 600 000 | -0.3% | 5 | -238 500 000 | -20% | 4 | 0 | 0% |

Servizzi finanzjarji | 5 | -142 500 000 | -15% | 1 | 900 000 | 0.1% | 1 | 0 | 0% |

Sajd | 1 | -19 000 000 | -26% | 2 | -14 400 000 | -19% | 0 | 0 | 0% |

Is-sikurezza tal-ikel | 5 | -24 600 000 | -0.6% | 1 | 103 800 000 | 3% | 2 | -1 361 000 000 | -33% |

Il-leġiżlazzjoni farmaċewtika | 2 | -40 100 000 | -4% | 1 | -61 000 000 | -6% | 2 | -53 500 000 | -6% |

L-akkwist pubbliku | 1 | -12 500 000 | -6% | 0 | 0 | 0% | 2 | -47 600 000 | -22% |

Statistika | 7 | -328 100 000 | -42% | 0 | 0 | 0% | 6 | 0 | 0% |

It-Tassazzjoni / Dwana | 4 | -3 133 100 000 | -4% | 2 | -23 201 100 000 | -27% | 3 | 0 | 0% |

Trasport | 4 | -403 800 000 | -10% | 3 | -344 400 000 | -9% | 1 | 0 | 0% |

L-Ambjent tax-xogħol[17] | 2 | -92 600 000 | -2% | 0 | 0 | 0% | 6 | -567 000 000 | -15% |

TOTAL | 48 | -7 571 800 000 | -6% | 18 | -30 716 300 000 | -25% | 31 | -2 084 100 000 | -2% |

3.1. Xi twettaq sa issa - Il-miżuri adottati

Mill-bidu tal-leġiżlatura, ittieħdu passi importanti biex jintaqqsu l-piżijiet fl-oqsma prijoritarji kollha. Il-Parlament u l-Kunsill sa issa adottaw 33 proposta leġiżlattiva mressqa mill-Kummissjoni bi tnaqqis stmat ta' EUR 5.7 biljun. B'mod parallel għal dan, il-Kummissjoni poġġiet fis-seħħ 15-il miżura (eż. atti eżekuttivi, dokumenti ta' gwida u strumenti tal-informatika) li jistgħu jwasslu għal tnaqqis ta' EUR 1.9 biljun. Uħud minn dawn il-miżuri tressqu bħala parti mill-pakketti tal-2007 u l-2008 tal-miżuri tekniċi mmirati lejn il-ġenerazzjoni immedjata u l-benefiċċji sinifikanti jew it-tnaqqis tal-irritazzjoni (l-hekk imsejħa "azzjonijiet fast track"). Il-Kummissjoni mhix kuntenta bit-tul ta' żmien li qed jittieħed għall-adozzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill għal xi wħud minn dawn il-miżuri[18].

Il-miżuri ta' tnaqqis b'effett immedjat Biex issir l-istatistika kummerċjali (Intrastat), l-intrapriżi jridu jirrapportaw dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-prodotti fi ħdan l-Unjoni. B'żieda tal-limitu li taħtu l-intrapriżi ma għandhomx għalfejn jirrapportaw, huwa stmat li l-għadd ta' intrapriżi kontribwenti tnaqqas bin-nofs mill-2004 'l hawn (minn 720 000 għal madwar 350 000). L-SMEs huma l-benefiċjarji ewlenin. |

Ingħatat attenzjoni speċjali sabiex jiġu indirizzati l-oqsma li jimponu parti kbira ta' piżijiet amministrattivi, bħal-leġiżlazzjoni tal-VAT u l-Liġi tal-Kumpaniji. Ingħatat ukoll attenzjoni speċjali biex l-intrapriżi jitħallew jagħmlu użu massimu mill-potenzjal ta' traħħis tal-ispejjeż permezz tat-teknoloġiji l-ġodda u s-soluzzjoni tal-gvern elettroniku u biex jittaffa l-piż fuq l-SMEs. Eżempji tal-miżuri adottati jinkludu:

- Formalitajiet għall- bdiewa li jibbenefikaw mill-"Iskema ta' Ħlas Waħdieni" u skemi ta' appoġġ oħra, bħall-ħlasijiet għall-uċuħ tar-raba' għall-enerġija u l-qamħ durum, ġew issimplifikati. Fl-imgħoddi, il-bdiewa kellhom iħallu parti mill-art bla użu ("imħollija libera") sabiex tkun eliġibbli għall-appoġġ. Bis-soppressjoni ta' dan ir-rekwiżit, il-bdiewa ma għandhomx għalfejn aktar jirrapportaw dwar żoni li jixtiequ jżommuhom liberi u jivverifikaw li l-artijiet tagħhom jaqblu mal-perċentwal iffissat mil-liġi tal-KE. Dan jikkonċerna 'l fuq minn 12-il miljun applikazzjoni fis-sena.

- Bis-saħħa tal-"Gwida dwar l- Valutazzjoni tar-Riskji "[19] u l-kampanja Ewropea tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s- Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol , iktar kumpaniji, speċjalment dawk żgħar, għandhom ikunu jistgħu jwettqu valutazzjonijiet tar-riskji kif meħtieħ bil-liġi f'mod sempliċi u li jieħu inqas ħin, bi frankar li stimat li jlaħħaq l-EUR 92.5 miljun fis-sena fl-UE.

- Il-Kodiċi Doganali Modernizzat[20] se jdaħħal ambjent doganali elettroniku sħiħ u se jistandardizza l-proċedura doganali. Meta wieħed iqis l-ispiża biex jitressqu 'l fuq minn 170 miljun dikjarazzjoni doganali fis-sena, it-tnaqqis potenzjali huwa immens (madwar EUR 2.4 biljun fis-sena).

Tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi: proċess dinamiku It-takografi jintużaw biex jirreġistraw is-sewqan u l-ħin ta' mistrieħ tax-xufiera tat-trakkijiet. Filwaqt li t-takografi analogi jimponu bosta operazzjonijiet manwali, dawk diġitali jnaqqsu l-ħin medju meħtieġ sabiex tiġi rreġistrata l-informazzjoni. L-UE ddeċidiet li t-takografu diġitali għandu jkun in-norma għall-kumpaniji tat-trasport (ir-Regolament 561/2006). Din il-bidla tnaqqas il-piżijiet amministrattivi b'medja ta' EUR 37 għal kull xufier fis-sena. Meta wieħed iqis li 74 % tax-xufiera għadhom jużaw takografi analogi, il-miżura eventwalment twassal għal iffrankar sa EUR 286 miljun fis-sena. Madankollu, inċidentalment dan ir-regolament jirriżulta f'xi inkostistenzi fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ għal xufiera mhux professjonali, li jirriżulta f'aktar piżijiet fuq in-negozji li joperaw il-vetturi meta mqabbli mal-bdiewa. F'Lulju 2009, il-Kummissjoni ressqet abbozz ta' miżura eżekuttiva li fiha 12-il metodu konkret biex jiġi ssimplifikat l-użu tat-takografi diġitali. Il-ħin użat minn kull xufier għandu jitnaqqas b’medja ta' 10 %. Billi dan jolqot lil tal-anqas 6 miljun xufier u l-ispiża medja ta' jum ta' ħidma hija ta’ EUR 147, l-iffrankar jista' jilħaq EUR 234 miljun fis-sena. Fl-aħħar nett, bħala parti mir-reviżjoni ppjanata tar-Regolament 3821/1985, il-Kummissjoni se telimina l-inkosistenzi msemmija hawn fuq u teżenta mir-regoli tal-UE, fil-każ ta' distanza sa 100 km, kemm il-ħinijiet tas-sewqan kif ukoll il-ħinijiet tal-mistrieħ u permezz ta' hekk teżentahom ukoll mill-obbligu li jużaw it-takografu għal distanza sa 100 km. Dan għandu jsarraf fi tnaqqis sostanzjali ta' piż amministrattiv kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-artiġjanarji bħala xufiera mhux professjonali filwaqt li tiżgura li titkompla tingħata protezzjoni soċjali ta' livell għoli lix-xufiera filwaqt li tinżamm is-sikurezza fit-toroq. |

Ta' min wieħed jinnota wkoll li l-"qafas leġiżlattiv il-ġdid għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti" li jidħol fis-seħħ fl-2010 se jnaqqas l-ispejjeż li joriġinaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali[21]. Dan il-qafas il-ġdid jipprevedi b'mod partikolari l-estensjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għas-setturi li jaqgħu taħt l-istrateġija mhux armonizzata. Dan se jkun ifisser tnaqqis sinfikanti fil-piżijiet għan-negozji.

3.2. Xi twettaq sa issa - Il-miżuri proposti

Minbarra l-miżuri li diġà ġew adottati, il-Kummissjoni abbozzat 18-il miżura li l-adozzjoni tagħhom għadha pendenti. It-tnaqqis potenzjali ta' dawn il-miżuri proposti huwa stmat li jlaħħaq l-EUR 30.7 biljun[22].

Saru sforzi speċjali dwar il-leġiżlazzjoni koperta mill-Programm ta' Azzjoni. Tnejn mill-proposti li diġà tressqu fl-2009 huma partikolarment importanti: dawn jikkonċernaw ir-regoli tal-fatturi ffissati mil-leġiżlazzjoni tal-VAT (ara l-kaxxa dwar il-fatturi elettroniċi) u l-ambitu tad-direttivi tal-UE dwar il-kontabilità (eżenzjoni tal-mikrointrapriżi mir-regoli tal-UE dwar il-kontabilità).

Miżuri orizzontali u settorjali oħra proposti mill-Kummissjoni qabel l-2009 u li l-adozzjoni tagħhom hija pendenti quddiem il-leġiżlatur tal-KE jinkludu regoli ġodda li jiffaċilitaw konsiderevolment ir-rappurtar konnes mal-viġilanza farmaċewtika[23]. Kumpaniji farmaċewtiċi jkollhom jippreżentaw biss "fajl prinċipali tas-sistema tal-viġilanza farmaċewtika" b'sostenn għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, sakemm jinżamm fajl dettaljat fuq il-post. Ir-rapport tar-reazzjoni negattivi jiġi ssimplifikat, bir-riżultat ta' anqas rapporti perjodiċi dwar is-sikurezza aġġornati (PSURs) li jkunu iktar relavanti, imħejjija mill-azjendi li huma detenturi tal-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq. Ir-riżorsi li bħalissa jinefqu fuq l-obbligi tar-rappurtar jiġu użati aħjar biex tiġi analizzata d-dejta rigward l-effetti li jistgħu jitkejlu tal-mediċini, għal mediċini aktar sikuri.

Fit-Tielet Reviżjoni Strateġika dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar tat-28 ta' Jannar 2009, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippreżenta miżuri addizzjonali biex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi qabel it-tmiem tal-mandat tagħha . Minn dakinhar 'l hawn il-Kummissjoni pproponiet jew daħħlet fis-seħħ 7 miżuri ta' tnaqqis u 7 oħra għandhom jiddaħħlu sa qabel tmiem is-sena[24].

Proposti b'potenzjal qawwi F'Jannar 2009, il-Kummissjoni pproponiet li trawwem il-fatturar elettroniku, jiġifieri li tneħħi l-ostakli li jxekklu l-kontijiet elettroniċi tal-kumpaniji. Ir-regoli attwali dwar il-fatturi fid-Direttiva dwar il-VAT tippermetti li l-Istati Membri jimponu rekwiżiti addizzjonali fuq il-fatturi sabiex dawn jiġu konformi mal-VAT. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali u n-nuqqas ta' armonizzazzjoni fost l-Istati Membri f'dan ir-rigward iżommu lill-intrapriżi milli jutilizzaw bis-sħiħ prattiki tan-negozju li jiffrankaw l-ispejjeż bħall-fatturar elettroniku. Meta wieħed iqis li fl-Ewropa jinħarġu 17-il biljun fattura tal-VAT fis-sena, il-bidla għal sistema tal-fatturi kollha kemm hi elettronika tnaqqas sinifikament il-ħin u l-flus għal aktar minn 22 miljun intrapriża taxxabbli. Il-potenzjal massimu ta' tnaqqis f'nofs il-perjodu ta' żmien huwa stmat li jlaħħaq EUR 18.4 biljun jekk in-negozji kollha jibgħatu l-fatturi kollha tagħhom elettronikament. Dan ikun l-akbar tnaqqis propost mill-Kummissjoni. Huwa għalhekk vitali li l-Kunsill jadotta malajr it-trattament ugwali tal-fatturi stampati u dawk elettroniċi. |

Il-Kummissjoni proponiet ukoll simplifikazzjoni sinifikanti tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni għall-prodotti bijoċidi, bi tnaqqis ta' piż amministrat stmat li jlaħħaq EUR 140 miljun fis-sena[25]. Bit-tlestija tal-fażi sperimentali tal-Pan-European Public eProcurement On-Line (PEPPOL), se jsir pass importanti lejn it-tħallija ta' kwalunkwe kumpanija li tikkomunika elettronikament ma' kwalunkwe istituzzjoni governattiva Ewropea matul il-proċess kollu tal-akkwist.

Il-Kummissjoni, barra minn hekk, qed tistħarreġ il-possibbiltà li tressaq, qabel tmiem is-sena, proposta msejsa fuq il-"Premju għall-Aqwa Idea għat-Tnaqqis tal-Burokrazija Żejda" tal-UE ta' Mejju 2009[26] li tirrakkomanda l-eżenzjoni tan-negozji tal-vetturi mill-obbligu li jużaw takografu meta jipprovdu s-servizzi tagħhom fuq distanza raġjonevoli.[27].

Il-miżuri ta' tnaqqis li jaqgħu 'l barra mill-ambitu tal-Programm ta' Azzjoni ġew, madankollu, segwiti wkoll. Il-proposta li tikkonċerna d-Direttiva dwar il-Prospett[28] tkun, pereżempju, trażżan id-duplikazzjoni tal-intrigi imposti fuq l-emittenti b'titoli elenkati. Bl-istess mod, miżuri ġodda fis-settur farmaċewtiku jkunu jrażżnu wkoll obbligi mhux neċessarji fir-rigward ta' sustanzi użati bħala dilwent jew vettura għal droga (eċipjenti) u jwessgħu l-użu tar-"rikonoxximent reċiproku awtomatiku" fil-qasam tal-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq.

3.3. Dak li hemm ippjanat - Miżuri fi stadju ta' tħejjija

It-tħejjija ta' iktar miżuri ta' tnaqqis tinsab għaddejja fl-oqsma prijoritarji kważi kollha. Dawn il-miżuri jiffokaw b'mod partikolari fuq it-tneħħija tal-fatturi irritanti sabiex jiġi żgurat li l-intrapriżi jħossu t-tnaqqis fil-piż. Iż-żmien li tieħu l-ħidma preparatorja jqis il-fatt li l-miżuri jeħtieġ li jiġu adottati sal-2012[29].

Din tista' twassal għal 31 miżura addizzjonali u tikkonċerna inter alia l-oqsma li ġejjin:

- it-tkomplija tal-adattament tar-regoli tal-UE dwar il-kontabilità u l-verifika għall-ħtiġijiet tal-SMEs u l-partijiet interessati tagħhom, billi pereżempju, jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti dwar il-format tal-karta tal-bilanċ u l-kont tal-qligħ u t-telf, kif ukoll billi jitnaqqsu r-rekwiżiti dwar l-iżvelar fir-rigward in-noti ta' mal-kontijiet.

- it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-kumpaniji farmaċewtiċi li jipproduċu mediċini veterinarji billi tiġi standardizzata l-proċedura għall-applikazzjoni tat-tqegħid fis-suq, biex b'hekk jitħaffef ir-rapportar tal-varjazzjonijiet, u jiġu mmodernizzati r-rekwiżiti farmakoviġilanti.

- l-iffaċilitar tar-rikonixximent bħala "servizz ta' kunsinna regolari" għal intrapriżi li jibagħtu kunsinni ta' prodotti bejn żewġ portijiet fit-territorju doganali Komunitarju (bl-użu ta' dejtabejż Ewropew ġdid, b'mod partikolari, il-proċedura tar-reġistrazzjoni inizjali u l-assenjar sussegwenti tal-bastimenti għas-servizz jonqsilhom sinifikament il-piż).

4. PROGRESS FUQ IL-LIVELL NAZZJONALI

L-Istati Membri kollha segwew l-istedina tal-Kunsill Ewropew (Marzu 2007) li jiffissaw mira ambizzjuża nazzjonali ta' tnaqqis, bil-ħsieb li jitneħħew l-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa. Barra minn hekk, ir-regolamentazzjoni aħjar hija parti mill-programmi ta' rilanċ ekonomiku ta' ħafna Stati Membri. Dan huwa xhieda tal-impenn qawwi tal-Istati Membri kollha tal-UE li jiffaċilitaw l-ambjent tan-negozju, speċjalment għall-SMEs.

Madankollu għad jista’ jsir xi titjib. Xi ftit Stati Membri, bħall-Awstrija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Olanda, l-Iżvezja u r-Renju Unit[30] huma b'mod ċar minn ta' quddiem nett fit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. Iżda anki fost dawn l-Istati Membri wieħed jinnota li hemm differenzi meta niġu għall-kisbiet konkreti li saru sa issa fit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi.

Għaldaqstant huwa importanti li l-isforzi tal-Istati Membri jiġu sostnuti sakemm, kif inhu ħafna drabi l-każ, in-negozji jesperjenzaw fl-operat ta' kuljum tagħhom il-benefiċċji tal-azzjoni tal-UE biss jekk l-awtoritajiet nazzjonali jużaw bi sħiħ possibiltajiet ġodda biex jeħilsu lil xi kumpaniji mill-obbligu li jipprovdu ċerta informazzjoni, joqogħdu lura milli jmorru 'l hinn minn dak li tirrikjedi l-leġiżlazzjoni tal-UE (gold-plating) u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi li ġejjin minn oriġini purament nazzjonali. Il-Kummissjoni tinsab ħerqana li taqsam l-esperjenzi mal-Istati Membri u tgħinhom jiżviluppaw metodoloġiji u jindentifikaw miżuri ta' tnaqqis possibbli. Meta wieħed iqis l-importanza globali tar-regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni se tkompli tikkoopera mill-qrib mal-Istati Membri u tissorvelja kisbiethom fil-kuntest tal-aġenda post-Liżbona 2010[31].

5. RAKKOMANDAZZJONI DWAR L-AMBITU TAL-PROGRAMM TA' AZZJONI

Filwaqt li din il-Komunikazzjoni turi li diġà nkiseb ħafna, il-Kummissjoni tqis li hemm ambitu għal iktar. Diġà estendiet il-lista oriġinali ta' 42 att fil-programm bi 30 att f'Jannar 2009.

Barra minn hekk, analizzat ukoll bir-reqqa s-suġġerimenti addizzjonali magħmula mill-Istati Membri u mill-partijiet interessati, kemm permezz tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Partijiet Interessati Indipendenti u l-konsultazzjoni onlajn tal-Kummissjoni[32], u stħarrġet aktar fid-dettall ir-riżultati tal-iskrining tal- acquis ppreżentat f'Jannar 2009[33].

Bħala riżultat ta' dawn l-eżerċizzji, il-Kummissjoni identifikat 28 att li jafu joffru l-potenzjal għal iktar tnaqqis u li jistgħu, fil-każ tagħhom kollha jew ta' xi wħud minnhom, ikunu parti minn inizjattivi ġodda għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi matul il-mandat tal-Kummissjoni li jmiss. Dawn jew jestendu l-ambitu tat-13-il qasam prijoritarju attwali jew inkella jżidu oqsma ġodda mal-Programm ta' Azzjoni fil-qasam tal-liġi ċivili / liġi kummerċjali, is-suq intern għall-prodotti, il-programmi ta' finanzjament R&D u t-turiżmu[34]. Dan jiżgura wkoll li l-piż amministrattiv jiġi kkunsidrat b'mod sħiħ bħala parti mill-programm ta' simplifikazzjoni.

6. KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni għamlet sforzi determinati biex tagħmel il-parti tagħha fil-Programm ta' Azzjoni. Il-progress sinifikanti miksub mill-Kummissjoni lejn il-mira ta' tnaqqis ta' 25 % huwa r-riżultat ta' sħubija kostruttiva mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, l-Istati Membri u l-partijiet interessati. Il-Kummissjoni bbenefikat b'mod partikolari minn suġġerimenti konkreti mill-Grupp ta' Livell Għoli tal-Partijiet Interessati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi. Dawk is-suġġerimenti li jolqtu t-72 att ġuridiku li diġà huma koperti mill-Programm ta' Azzjoni ġew integrati fil-Pjanijiet ta' Tnaqqis Settorjali[35]. Suġġerimenti oħra li waslu mingħand il-partijiet interessati kienu importanti wkoll. Dawn is-suġġerimenti intużaw bħala punt ta' dħul għal possibbiltà ta’ estensjoni tal-Programm ta’ Azzjoni li għandha tiġi deċiża mill-Kummissjoni li jmiss[36].

Il-Grupp ta' Livell Għoli tal-Partijiet Interessati Indipendenti sewa mitqlu deheb fl-istħarriġ tal-fattibbiltà tal-abbozz tal-miżuri ta' tnaqqis u fis-sejbien ta' ideat ġodda biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. Il-President Barroso, għalhekk, ħabbar li jixtieq li l-Kummissjoni l-ġdida testendi l-mandat tagħha (li jiskadi f'Awwissu 2010). Bl-istess mod il-konsultazzjoni pubblika madwar l-Istati Membri, kemm jekk onlajn jew le, kienet siewja.

Il-miżuri mressqa mill-Kummissjoni sa issa jistgħu jiffrankaw EUR 38.3 biljun fis-sena għan-negozji Ewropej. Dan ikun ifisser tnaqqis ta' 31 % fil-piżijiet amministrattivi. Li wieħed jittraduċi dan il-progress f'benefiċċji konkreti li jinħassu min-negozji, madankollu, issa jiddependi fuq id-determinazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jadottaw il-miżuri pendenti mill-iktar fis possibbli u fuq kif l-Istati Membri jiddeċiedu li jimplimentaw dawn il-bidliet. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet li l-leġiżlazzjoni tal-KE diġà toffri biex ċerti tipi ta' negozji bħall-SMEs jinħelsu minn xi obbligi, u għandhom jevitaw li jmorru 'l hinn minn dak li tirrikjedi l-UE f'dawk li huma obbligi ta' ġbir ta' informazzjoni.

Ir-Regolamentazzjoni aħjar teħtieġ sens ta' tmexxija politika u impenn permanenti. Dan huwa eżerċizzju kontinwu u jippreżenta sfida lil kull min hu involut fit-tfassil tal-liġijiet biex jiżgura li r-riżultati tal-programm tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv jinħassu mill-kumpaniji. Din hi wkoll kwistjoni ta' sostenn għall-aċċettazzjoni pubblika tal-integrazzjoni Ewropea. Għaldaqstant huwa kruċjali li jiġi żgurat li kwalunkwe obbligi ġodda f'dak li huwa ġbir ta' informazzjoni u piżijiet amministrattivi ġodda jinżammu kemm jista' jkun baxxi, filwaqt li l-piżijiet amministrattivi eżistenti jitnaqqsu bil-ħsieb li jinkiseb impatt f'kull qasam tal-ħajja reali.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha fuq żewġ fronti. L-ewwel, billi tistħarreġ proattivament il-leġiżlazzjoni eżistenti, u tiżgura li obbligi li għadda żmienhom jiġi identifikati u jiġi propost li jitneħħew. It-tieni, se tiżgura permezz tas-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt li r-rekwiżiti mdaħħla minn politiki ġodda jinżammu baxxi kemm jista' jkun[37]. Kollox ma' kollox, il-Kummissjoni se tivverifika regolarment jekk il-leġiżlazzjoni tkunx wasslet għar-riżultat maħsub u jekk ikunux feġġew xi piżijiet li ma kinux intiżi mil-leġiżlaturi. L-Unjoni, b'miri ambizzjużi, ħsibijiet innovattivi u teknoloġiji ġodda, se tibbenefika minn regoli inqas tedjanti filwaqt li żżomm standards soċjali, ekonomiċi u ambjentali għoljin.

[1] COM(2007) 23, 21 ta’ Jannar 2007.

[2] Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew (7/8 ta' Marzu 2007), p. 10.

[3] Dwar l-impatt ta' tnaqqis tal-piżijiet amministrativi fuq il-kompetittività, ara Il-Kummissjoni Ewropea, "Valutazzjoni kwantitattiva tar-Riformi Strutturali: It-Tfassil tal-Istrateġija ta' Liżbona", European Economy - Dokument Ekonomiku nru 282, Ġunju 2007.

[4] COM(2009)15, 28 ta’ Jannar 2009.

[5] Kif previst f'COM(2007)23 il-kejl bażiku tal-UE jiddistingwi bejn l-ispejjeż amministrattivi u l-piżijiet amministrattivi.

[6] B'informazzjoni wieħed għandu jifhem is-sens wiesa' tal-kelma, jiġifieri li tinkludi t-tikkettar, ir-rappurtar, ir-reġistrazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni meħtieġa għall-għoti tal-informazzjoni. F'xi każijiet, l-informazzjoni trid tiġi trasferita lill-awtoritajiet pubbliċi jew lill-partijiet privati. F'każijiet oħra, trid tkun biss disponibbli għal spezzjoni jew forniment meta tintalab.

[7] L-agrikoltura u s-sussidji agrikoli, Il-kontijiet annwali/Il-liġi tal-kumpaniji, Il-politika ta' koeżjoni, L-ambjent, Is-servizzi finanzjarji, Is-sajd, Is-sikurezza tal-ikel, Il-leġiżlazzjoni farmaċewtika, L-akkwist pubbliku, L-istatistika, It-tassazzjoni / id-Dwana, It-trasport, L-ambjent tax-xogħol / ir-relazzjonijiet tal-impjiegi.

[8] Għaċ-ċifri settorjali, ara t-Tabella 1. Iċ-ċifri provduti f'COM(2009)16 jikkorrispondu mat-42 att tal-UE li kienu fl-ambitu tal-Programm ta' Azzjoni mill-bidu. Iċ-ċifri ppreżentati hawn ikopru wkoll it-30 att tal-UE miżjuda mill-Kummissjoni f'Jannar 2009. Filwaqt li l-Istati Membri kellhom ikejlu permezz ta' eżerċizzji paralleli l-piżijiet li jinħolqu purament mir-regoli nazzjonali, sa issa kien hemm biss minoranza fosthom li wettqu dan. Minħabba f'hekk, il-piżijiet amministrattivi totali fl-UE (jiġifieri li jirriżultaw mill-obbligi kollha ta' oriġini internazzjonali, tal-UE jew nazzjonali) ma jistgħux jiġu ddeterminati b'mod preċiż għalissa. L-Anness A jipprovdi d-dettalji dwar id-dejta u l-metodoloġija li ntużaw.

[9] It-testi ġuridiċi tal-UE jinkludu tipi differenti ta' dispożizzjonijiet li jistgħu jwasslu għal obbligi ta' informazzjoni fil-livell nazzjonali: xi wħud jimponu obbligi fuq in-negozji (direttament jew permezz ta' traspożizzjoni mill-Istati Membri); oħrajn sempliċiment joffru l-possibilità lill-Istati Membri biex jimponu xi obbligu fuq in-negozji.

[10] Għad-dettalji, ara l-Anness A. Studji b'kuntratti esterni huma disponibbli fis-sit: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/better-regulation/ab_studies_2009_en.htm.

[11] Ir-regoli armonizzati huma indispensabbli f'dawn l-oqsma għax it-taxxi indiretti jafu joħolqu xkiel immedjat għall-moviment ħieles tal-oġġetti u l-forniment ħieles ta' servizzi u għax huma essenzjali għall-ħolqien ta' Suq Waħdieni għas-Servizzi Finanzjarji u l-prodotti. Barra minn hekk, dawn ir-regoli japplikaw għall-oqsma kollha u jimponu azzjonijiet frekwenti - pereżempju n-numru annwali ta' fatturi huwa ferm ogħla min-numru annwali ta' proċeduri ta' awtorizzazzjoni fi kwalunkwe settur.

[12] Għal dettalji dwar l-istrateġija speċifika użata għall-agrikoltura, ara l-Anness C.1.

[13] Il-fattur ta' irritazzjoni jiddependi mill-aċċettazzjoni tal-objettiv politiku, mis-siwi li l-informazzjoni jinħass li jkollha biex jintlaħaq l-objettiv politiku, mill-integrazzjoni tar-rekwiżiti ġuridiċi fil-proċessi tan-negozju u minn kemm ikun faċli li wieħed jinteraġġixxi mal-awtoritajiet rispettivi.

[14] COM(2006)691.

[15] Għaxar miżuri ta' tnaqqis adottati mill-Parlament u l-Kunsill (u li jammontaw għal EUR 6.,8 biljun) jafu l-oriġini tagħhom f'proposta leġiżlattiva mressqa mill-Kummissjoni preċedenti. Din il-Kummissjoni bdiet il-mandat tagħha billi analizzat il-proposti pendenti. Iddeċidiet li żżomm dawn l-10 proposti u ddefendiethom matul id-deliberazzjoni leġiżlattiva.

[16] Għal dettalji dwar il-miżuri ta' tnaqqis ippreżentati għal kull qasam prijoritarju, ara l-Pjanijiet ta' Tnaqqis Settorjali fl-Anness D.

[17] Għal dan il-qasam prijoritarju, iċ-ċifra fil-kolonna "Miżuri fi stadju ta' tħejjija" tikkunsidra wkoll "Miżuri li qed jiġu kkunsidrati".

[18] Għal-lista ta' proposti pendenti, ara l-Anness G.

[19] http://osha.europa.eu/mt.

[20] Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat).

[21] http://ec.europa.eu/enterprise/newapproach/index_en.htm.

[22] Ara l-Anness G.

[23] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-viġilanza farmaċewtika, COM(2008) 665.

[24] Għal aktar dettalji, ara l-Anness D. Dawn il-miżuri jikkonċernaw b'mod partikolari l-ambjent, it-trasport, l-istatistika, l-akkwist pubbliku, u l-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-ikel.

[25] COM(2009) 267 finali, 12 ta' Ġunju 2009.

[26] http://ec.europa.eu/enterprise/admin-burdens-reduction/competition_en.htm.

[27] Għal aktar dettalji ara l-Istqarrija għall-Istampa IP/09/754 tat-13 ta' Mejju 2009. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tiżgura s-segwiment meħtieġ, inkluż il-konnessjonijiet mal-Istati Membri, għaż-żewġ ideat l-oħra nominati għall-premju (ir-reġistrazzjoni tal-produtturi tal-ikel li jipproduċu ammonti żgħar u l-ġbir tad-dejta dwar il-Kummerċ fost l-Istati Membri tal-UE).

[28] Id-Direttiva 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ.

[29] Ara l-Anness C: Il-Pjanijiet Settorjali għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattiv – preżentazzjoni dettaljata. Naturalment, sta għall-Kummissjoni li jmiss li tiddeċiedi kif se tuża l-ħidma preparatorja.

[30] Ara l-Anness E.

[31] It-tlestija tal-miżuri nazzjonali u l-adozzjoni tal-miżuri tat-tnaqqis assoċjati f'għadd ikbar ta' Stati Membri huwa indispensabbli biex ikun hemm dehra ġenerali reali ta' progress f l-Unjoni Ewropea (jiġifieri xi jkun sar biex itaffi l-piż ta' oriġini mill-UE u ta' oriġini purament nazzjonali) u biex jiġi żgurat li l-intrapriżi jintebħu bid-differenza fl-operat tagħhom ta' kuljum. Il-Kummissjoni tista' tibda tirrapporta f'aktar detall dwar il-progress nazzjonali lill-Kunsill Ewropew.

[32] Il-Kummissjoni rċeviet aktar minn 800 kontribuzzjoni. Ara http://ec.europa.eu/enterprise/admin-burdens-reduction/online_consultation_en.htm.

[33] COM(2009)17.

[34] Ara l-Anness F.

[35] Ara t-taqsima 3 u l-Annessi B u C.

[36] Ara t-taqsima 4 u l-Anness F.

[37] Ara http://ec.europa.eu/governance/impact/index_en.htm