Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: Ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE {SEC(2009) 1341} /* KUMM/2009/0538 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, 15.10.2009 COM(2009)538 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: Ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE {SEC(2009) 1341} LEJN L-INTEGRAZZJONI TAS-SORVELJANZA MARITTIMA: AMBJENT KOMUNI GħALL-QSIM TAL-INFORMAZZJONI GħAD-DOMINJU MARITTIMU TAL-UE DAħLA Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni impenjat ruħha sabiex "tieħu miżuri biex is-sistema ta ’ sorveljanza tkun aktar interoperabbli, ħalli s-sistemi ta ’ monitoraġġ u traċċar eżistenti li jintużaw għas-sikurezza u sigurtà marittima, għall-ħarsien tal-ambjent tal-ibħra, għall-kontroll tas-sajd, għall-kontroll ta ’ fruntieri esterni u għal attivitajiet oħrajn ta ’ infurzar tal-liġi jintużaw aktar flimkien ".[1] Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tat-8 ta' Diċembru 2008, ħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex taħdem lejn l-interoperabbiltà bejn is-sistemi nazzjonali u Komunitarji sabiex tiżdied l-effikaċja fl-infiq tal-operazzjonijiet ta' sorveljanza marittima. Dan l-approċċ lejn aktar integrazzjoni tas-sorveljanza marittima kien konfermat fil-pjan direzzjonali lejn l-iżvilupp ta' Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza għall-Fruntieri (EUROSUR) li tbassar il-ħolqien gradwali ta' Ambjent Komuni għall-Qsim ta' Informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE[2], kif ukoll fl-aġġornament reċenti tas-sistema Komunitarja ta' monitoraġġ u informazzjoni tat-traffiku tal-bastimenti[3]. L-għan tas-sorveljanza marittima integrata huwa li tiġġenera għarfien tas-sitwazzjoni ta' attivitajiet fuq il-baħar b'impatt fuq is-sikurezza u s-sigurtà marittima, il-kontroll tal-fruntieri, l-ambjent tal-baħar, il-kontroll tas-sajd, l-interessi kummerċjali u ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-infurzar ġenerali tal-liġi u d-difiża sabiex it-teħid tad-deċiżjoni jkun iffaċilitat. L-għarfien tas-sitwazzjoni marittima huwa l-fehim effettiv tal-attività assoċjat mad-dominju marittimu li jista' jħalli impatt fuq is-sigurtà, is-sikurezza, l-ekonomija jew l-ambjent tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri . Abbażi tal-ħtiġijiet u d-drittijiet definiti b'mod ċar tal-utent, jassisti l-awtoritajiet responsabbli għall-attivitajiet ta' monitoraġġ u sorveljanza fil-prevenzjoni u l-ġestjoni b'mod komprensiv ta' sitwazzjonijiet, avvenimenti u azzjonijiet bħal dawn relatati mad-dominju marittimu tal-UE. Id-dominju marittimu tal-UE jiġbor fih l-ilmijiet Territorjali tal-Istati Membri fl-UE, iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi u l-Pjattaformi Kontinentali kif definiti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar kif ukoll l-attivitajiet kollha relatati mal-marittimu mwettqa fihom, f'qiegħ il-baħar, taħt wiċċ il-baħar, f'wiċċ il-baħar u fuq il-baħar bħal stallazzjonijiet, bastimenti tat-tagħbija tal-merkanzija, dgħajjes żgħar u bastimenti li joperaw taħt bandiera, għandhom detenturi, huma ġestiti jew marbuta mal-UE. Lil hinn minn dawn t'hawn fuq, jinkludi wkoll kwalunkwe Żona ta' Tfittix u Salvataġġ u kwalunkwe Żona ta' Operazzjonijiet li ġiet iddiżinjata għal Operazzjoni Marittima tal-UE taħt awtorità ċivili jew militari[4]. Hemm ħtieġa ċara ta' qsim tal-informazzjoni dwar is-sorveljanza marittima. Awtoritajiet settorjali differenti li jittrattaw il-monitoraġġ u s-sorveljanza ta' azzjonijiet fuq il-baħar jiġbru dejta u informazzjoni operattiva sabiex jistabbilixxu l-aqwa stampa possibbli dwar l-għarfien marittimu għall-użu tagħhom stess. Għal ħafna komunitajiet tal-utenti, attwalment, din l-istampa ma tinkludix l-informazzjoni kumplimentari miġbura minn utenti ta' setturi oħra minħabba nuqqas ta' skambju reċiproku. L-iżvilupp tal-mezzi meħtieġa għal skambju bħal dan ta' dejta u informazzjoni għandu jtejjeb l-istampa tal-utenti differenti dwar l-għarfien. Stampi mtejba bħal dawn se jżidu l-effikaċja tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u ttejjeb l-effikaċja tal-infiq. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li tistipula prinċipji ta' gwida għall-iżvilupp ta' ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE u li tniedi proċess lejn l-istabbiliment tiegħu. Sabiex jinkiseb dan, għandha tiġi stabbilita koordinazzjoni u koerenza mtejba bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u dawk l-interlokuturi li jistgħu jiġu indikati mill-komunità tad-difiża Ewropea għal dan il-għan. SFIDI Attwalment jeżistu l-isfidi li ġejjin fir-rigward tal-iżvilupp ta' ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE: Komunitajiet differenti tal-utenti u tal-operaturi: Kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għad-difiża, il-kontroll tal-fruntieri, it-tniġġis tal-baħar, il-kontroll tas-sajd, is-sikurezza u s-sigurtà marittima, il-ġestjoni tat-traffiku tal-bastimenti, ir-reazzjoni għall-aċċidenti u d-diżastri, it-tfittix u s-salvataġġ kif ukoll l-infurzar tal-liġi qed jiġbru informazzjoni għall-finijiet tagħhom stess. Filwaqt li jeżistu mezzi teknoloġiċi sabiex tinqasam din l-informazzjoni b'mod li jagħmel sens, ħafna mill-informazzjoni meħtieġa sabiex jinbena dan l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima għadha qed tinġabar minn għadd kbir ta' sistemi settorjali fuq livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali. Filwaqt li f'xi każijiet l-awtoritajiet involuti ma jafux li qed tinġabar informazzjoni simili minn awtoritajiet u sistemi oħrajn, f'każijiet oħra huma jafu b'dan iżda ma jistgħux jaqsmu din l-informazzjoni bejniethom minħabba li attwalment jeżistu standards għall-qsim tal-informazzjoni, ftehimiet u politiki dwar il-proċessi għall-iskambju tal-informazzjoni għal ċerti komunitajiet tal-utenti biss. Oqfsa legali differenti: L-attivitajiet differenti ta' sorveljanza marittima jaqgħu taħt it-tliet pilastri tal-UE. Is-sistemi ta' sorveljanza ġew żviluppati abbażi ta' leġiżlazzjoni speċifika għas-settur, internazzjonali u tal-UE. Minkejja l-qafas mogħti tal-UE, xejn ma għandu jwaqqaf lill-Istati Membri milli jintegraw l-attivitajiet ta' sorveljanza marittima tagħhom. Theddid transkonfinali: It-theddid li qed jaffaċċjaw l-Istati Membri fid-dominju marittimu tal-UE ħafna drabi jirrikjedi approċċ imtejjeb transnazzjonali u xi kultant anke transsettorjali, b'mod partikolari fir-rigward tal-ibħra mifuħa. Dispożizzjonijiet legali speċifiċi: Il-leġiżlazzjoni internazzjonali u tal-UE tinkwadra l-attivitajiet ta' sorveljanza marittima fl-ibħra miftuħa u b'rigward għall-ipproċessar ta' dejta personali, kunfidenzjali jew klassifikata. AMBITU Meta jitqiesu l-isfidi identifikati hawn fuq, il-proċess tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni għall-istabbiliment ta' ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni jista' jirnexxi biss b'konsultazzjoni u koordinazzjoni sħiħa mal-komunitajiet kollha rilevanti tal-utenti u tal-operaturi u b'rispett sħiħ lejn il-prinċipju ta' sussidjarjetà. Il-pajjiżi terzi tal-viċinat għandhom ikunu involuti, kull meta dan jitqies xieraq. Il-komponenti differenti tal-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għandhom jinftiehmu kif ġej: - 'Komuni': Peress li l-informazzjoni għandha tinqasam bejn komunitajiet tal-utenti differenti, id-dejta użata għal din l-informazzjoni għandha tinġabar darba biss. - 'Informazzjoni' għandha tippermetti l-għarfien tas-sitwazzjoni kif definit mill-utent. Bl-informazzjoni ġejja minn komunitajiet tal-utenti differenti għal kollox, din għandha tkun identifikabbli, aċċessibbli, tinftiehem u f'format li tista' tiġi użata. Għandha tiġi żgurata protezzjoni xierqa ta' sigurtà għall-ipproċessar ta' informazzjoni bħal din. - 'Qsim' tfisser li kull komunità tirċievi kif ukoll tipprovdi informazzjoni abbażi ta' standards u proċeduri li kien hemm qbil minn qabel dwarhom. - 'Ambjent' tirreferi għal sistemi interkonnessi ta' informazzjoni settorjali li jippermettu lill-utenti sabiex jibnu l-istampi tal-għarfien tas-sitwazzjoni speċifiċi tagħhom, li jippermettulhom sabiex jidentifikaw xejriet filwaqt li jindunaw bl-anomaliji u t-theddid. L-istabbiliment ta' ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għandu jiżgura: Interoperabbiltà: Għandhom jinstabu modi u mezzi sabiex ikun hemm lok għall-iskambju ta' informazzjoni bejn sistemi settorjali kemm dawk operattivi[5] kif ukoll dawk li attwalment qed jiġu żviluppati mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha b'appoġġ minn aġenziji tal-UE bħall-EMSA, is-CFCA, il-FRONTEX u l-EDA[6]. Dan jirrikkjedi l-iżvilupp u l-istabbiliment ta' standards, interkonnessjonijiet, proċessi u proċeduri mhux tekniċi eżistenti u futuri sabiex jippermettu l-qsim tal-informazzjoni u l-protezzjoni tal-informazzjoni maqsuma abbażi ta' drittijiet ta' aċċess miftiehma. Dan għandu jwassal ukoll lejn interoperabbiltà mtejba bejn is-sistemi settorjali fi ħdan Stat Membru. Titjib fl-għarfien tas-sitwazzjoni: L-informazzjoni miksuba f'dan l-ambjent għandha ttejjeb b'mod konsiderevoli l-għarfien tas-sitwazzjoni fi ħdan l-UE u l-Istati Membri. Effikaċja: Barra minn hekk, dan l-ambjent għandu jikkontribwixxi wkoll lejn unità tal-isforz mill-entitajiet kollha b'interessi marittimi billi jevita d-duplikazzjoni fil-ġbir ta' informazzjoni u għalhekk inaqqas b'mod konsiderevoli l-infiq finanzjarju għall-atturi kollha involuti. Biż-żmien wieħed jista' jipprevedi approċċ b'għanijiet diversi meta jintużaw l-għodod u l-assi ta' sorveljanza minn komunitajiet differenti tal-utenti. Sussidjarjetà: Il-maġġoranza vasta tal-attivitajiet ta' monitoraġġ u sorveljanza fuq il-baħar jitwettqu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. B'segwitu tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, l-Istati Membri huma responsabbli għall-koordinazzjoni tal-ġbir u l-verifika ta' informazzjoni mill-aġenziji, l-amministrazzjonijiet u l-operaturi nazzjonali tagħhom, preferibbilment permezz ta' mekkaniżmu wieħed ta' koordinazzjoni nazzjonali. Fejn hu xieraq, l-Istati Membri se jimmaniġġjaw ukoll id-drittijiet tal-aċċess ta' partijiet terzi, se jikkwalifikaw il-livelli tas-sigurtà tal-informazzjoni u tad-dejta, u se japprovaw u jikkontrollaw il-mekkaniżi għat-tixrid selettiv u għas-sigurtà tad-dejta. PRINċIPJI TA' GWIDA GħALL-IżVILUPP TA' AMBJENT KOMUNI GħALL-QSIM TAL-INFORMAZZJONI GħAD-DOMINJU MARITTIMU TAL-UE Prinċipju 1: Approċċ li jorbot flimkien il-komunitajiet kollha tal-utenti L-ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għandu jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jagħmlu użu aktar effikaċi tal-informazzjoni dwar is-sorveljanza marittima. Għandhom jiġu żviluppati regoli u standards komuni fuq livell Komunitarju għall-aħjar skambju ta' informazzjoni bejn il-komunitajiet differenti tal-utenti. Kull waħda minn dawn il-komunitajiet għandha tingħata l-possibbiltà sabiex tipprovdi u/jew tirċievi informazzjoni fuq livell nazzjonali minn sistemi u mekkaniżmi internazzjonali[7], reġjonali[8], Komunitarji[9], militari[10], u tas-sigurtà interna[11] fuq il-bażi tal-ħtieġa tal-għarfien, f'konformità mal-kundizzjonijiet tal-użu u drittijiet ta' aċċess definiti għall-utent, sabiex tinbena l-istampa tas-sitwazzjoni individwali definita skont l-utent. Kwistjonijiet li jridu jitqiesu 1. Ambjent flessibbli tal-qsim tal-informazzjoni: Filwaqt li l-ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għandu jkun sigur biżżejjed, għandu jkun ukoll flessibbli biżżejjed sabiex jadatta għall-bżonnijiet u s-sitwazzjonjiet ġodda tal-utenti. Din is-sitwazzjoni turi l-ħtieġa sabiex kull komunità tal-utenti li qed tipparteċipa fl-ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni jkollha aċċess għall-akbar ammont possibbli ta' informazzjoni, sabiex tibni stampa individwali tas-sitwazzjoni li tissodisfa l-ħtiġijiet operattivi tagħha. Ħtieġa bħal din ġiet identifika, pereżempju, fl-operazzjonijiet konġunti tal-Frontex sabiex jostakolaw attivitajiet illegali fil-fruntieri esterni fin-Nofsinhar tal-UE. 2. Provvediment ta' informazzjoni komprensiva għal teħid tad-deċiżjoni aħjar: It-titjib fil-kapaċità tat-teħid tad-deċiżjoni jista' jinkiseb biss jekk jikkontribwixxu l-komunitajiet kollha. Pereżempju, l-iskambju tal-informazzjoni għandu jseħħ fiż-żewġ direzzjonijiet bejn awtoritajiet ċivili u forzi tad-difiża, filwaqt li jkunu rrispettati r-regoli relatati mas-sigurtà tal-informazzjoni. Rakkomandazzonijiet 3. Ebda duplikazzjoni tad-dejta: Id-dejta dwar il-monitoraġġ tat-traffiku għandu jinxtered darba biss permezz tas-sistema Safe-Sea-Net[12]. Din l-istess dejta mbagħad tista' ssir disponibbli għall-utenti kollha rikonoxxuti inkluża l-komunità tad-difiża f'konformità mal-qafas legali eżistenti fil-livell tal-UE jew permezz tal-modifikazzjoni tagħha kif ikun xieraq. 4. Interoperabbiltà mal-komunitajiet tal-utenti mal-UE kollha: L-appoġġ tal-forzi militari tal-UE lis-sikurezza u s-sigurtà marittima mmexxija mill-pajżan, inklużi l-missjonijiet ta' reazzjoni għad-diżastri, jeħtieġ titjib fl-interoperabbiltà u fil-konnettività tal-atturi kollha rilevanti fuq livell nazzjonali. 5. Koordinazzjoni nazzjonali: Governanza mtejba ta' kwistjonijiet relatati mas-sorveljanza marittima għandha tinkiseb l-ewwelnett fuq livell nazzjonali. Lejn l-aħħar, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet li diġà ġew identifikati bħala punti ċentrali tal-informazzjoni settorjali għandhom iservu bħala punti ta' konnessjoni (interfaces) fl-ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni. 6. Kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali: Waqt il-bini ta' punti ta' konnessjoni bejn is-sistemi differenti ta' sorveljanza marittima fi ħdan l-UE, għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-potenzjal tal-qsim ta' partijiet magħżula ta' informazzjoni ma' pajjiżi terzi. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll kwistjonijiet ta' sigurtà u reċiproċità ta' informazzjoni bħal din. Il-ħames baċiri tal-ibħra reġjonali (il-Baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana, l-Atlantiku, il-Baħar Meditterran u l-Baħar l-Iswed) u r-Reġjuni l-Aktar Imbiegħda jirrappreżentaw żona wiesgħa b'theddid speċifiku. Jenħtieġu aktar sforzi sabiex nirrispondu b'mod adegwat għal dan it-theddid. Prinċipju 2: Bini ta' qafas tekniku għall-interoperabbiltà u l-integrazzjoni futura Il-bini ta' 'Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjon'i għad-'dominju marittimu' tal-UE jista' jinkiseb bl-aqwa mod possibbli permezz ta' qafas tekniku mhux ġerarkiku ta' sistemi ta' monitoraġġ u sorveljanza marittimi. Struttura bħal din għandha tkun imfassla bħala azzjoni reċiproka li hija effikaċi fl-infiq ta' saffi differenti ta' informazzjoni sabiex tippermetti t-titjib tal-istampi definiti skont l-utenti. L-istruttura tas-sistema għandha tippermetti li d-dejta tkun inter alia miġbura, magħquda flimkien, analizzata, mxerrda u ġestita fil-livell xieraq ta' deċentralizzazzjoni, skont ħsibijiet ta' sigurtà (eż. l-intelliġenza) u f'konformità ma' regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, regoli internazzjonali u rekwiżiti funzjonali. Għandu jsir l-aqwa użu tas-sistemi eżistenti. Kwistjonijiet li jridu jitqiesu 7. L-interoperabbiltà u l-interkonnettività tas-sistemi: Minflok ma titpoġġa l-informazzjoni kollha flimkien f'bażi tad-dejta wieħed, kull komunità tal-utenti, għandha tagħmel id-dejta tagħha disponibbli għal komunitajiet oħra tal-utenti li għandhom bżonnha u li huma awtorizzati sabiex jirċevuha. Għalhekk, kull komunità tal-utenti għandha ssir il-pubblikatur tal-informazzjoni tagħha stess kif ukoll abbonat għall-informazzjoni ppubblikata minn komunitajiet oħrajn tal-utenti abbażi tal-ħtieġa għall-għarfien. L-istruttura għandha trendi l-informazzjoni utilizzabbli permezz ta' standards komuni, tippermetti lill-utenti kollha sabiex jafdaw l-informazzjoni li qed jirċievu, filwaqt li żżomm l-aċċess miftuħ għall-utenti awtorizzati biss. 8. Użu ta' sistema abbażi tal-Komunità: Għal ċerti kategoriji ta' informazzjoni, huwa aktar faċli u aktar effikaċi fl-infiq li tinġabar u tinxtered dejta b'mod ċentralizzat. Is-sistema Komunitarja SafeSeaNet għandha tintuża mill-komunitajiet kollha rilevanti tal-utenti u għandha tkun żviluppata aktar sabiex tiffunzjona bħala l-pjattaforma prinċipali għall-iskambju tal-informazzjoni fid-dominju marittimu tal-UE b'rigward lejn in-notifiki dwar il-wasla u t-tluq fil-port, in-notifiki dwar oġġetti perikolużi, in-notifiki dwar is-sigurtà marittima, l-informazzjoni dwar l-inċidenti u l-aċċidenti, l-AIS, l-LRIT u l-monitoraġġ tat-tniġġis. Il-ġestjoni u l-evoluzzjoni futura ta' din is-sistema titwettaq mill-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Grupp ta' Tmexxija ta' Livell Għoli SafeSeaNet, kif definit mid-Direttiva 2002/59/KE. 9. Użu ta' sistemi settorjali għall-qsim ta' informazzjoni klassifikata: Madankollu, għal ċerti kategoriji ta' informazzjoni bħal dejta klassifikata u ta' sigurtà sensittiva (eż. intelliġenza relatata mas-sigurtà interna u d-difiża), jeħtieġ li jintuża approċċ settorjali sabiex ikunu protetti l-interessi ta' sigurtà tal-komunitajiet ikkonċernati tal-utenti jew ta' min qed jirċievi d-dejta. Fil-prinċipju, għandu jkun hemm skambju ta' informazzjoni bħal din abbażi tal-ħtieġa tal-għarfien biss fi ħdan il-komunità rilevanti tal-utenti. Jekk ikun meħtieġ u kif ikun xieraq, jista' jkun hemm il-qsim ta' din l-informazzjoni ma' komunitajiet oħrajn tal-utenti jew reċipjenti fuq livell nazzjonali f'konformità mal-leġiżlazzjoni, kif ukoll ma' Stati Membri oħra li jużaw sistemi bbażati fil-Komunità. 10. Approċċi reġjonali: L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk jiżviluppawx il-kapaċità sabiex jelaboraw għarfien konġunt tas-sitwazzjoni dwar attivitajiet legali u illegali fuq il-baħar li tikkontribwixxi għal kapaċità mtejba ta' reazzjoni reġjonali. Rakkomandazzonijiet 11. Qafas tekniku: Filwaqt li jitqiesu b'mod sħiħ il-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali kif stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja, struttura bħal din għandha tkun imfassla bħala interkonnessjoni effikaċi fl-infiq ta' saffi differenti ta' informazzjoni abbażi ta' interoperabbiltà u standards komuni. Dawn is-saffi għandhom jipprovdu lill-utent bl-aqwa soluzzjoni teknika għall-aċċess għall-informazzjoni, għodda b'saħħitha għat-tfittix fid-dejta sabiex jiġu identifkati relazzjonijiet bejn id-dejta, proċessi ta' korrelazzjoni u kriterji armonizzati lejn l-identifikazzjoni ta' xejriet normali u anormali. Għal dan il-għan, għandu jkun hemm qbil dwar mudelli u standards interoperabbli ta' dejta dwar kif tiġi ttrattata d-dejta, u għandhom jiġu stabbiliti linji siguri ta' komunikazzjoni bejn l-utenti rilevanti tad-dejta abbażi ta' drittijiet ta' aċċess definiti minn qabel. Eżempju ta' saffi ta' informazzjoni (mhux ġerarkiċi): [pic] Il-ġbir, il-fużjoni, l-analiżi u t-tixrid tal-informazzjoni jistgħu jitwettqu kif ġej: - Ġbir: Il-ġbir multiplu ta' informazzjoni sabiex tinxtered, eż. minn awtoritajiet ċivili u militari, jista' jiġi evitat billi jintużaw l-istess għodda (ibbażati fuq l-art, satellita, sensuri). - Fużjoni: Il-fużjoni tad-dejta tista' timla l-ispazji vojta fl-informazzjoni u tnaqqas l-inċertezza fl-informazzjoni li tasal minn sorsi differenti. - Analiżi: Għandha titwettaq analiżi sensittiva b'mod separat f'dik li hija sigurtà. - Tixrid: L-informazzjoni t-tajba għandha tingħata lill-persuna indikata bħala dik inkarigata mit-teħid tad-deċiżjoni fil-ħin opportun. L-aċċess għall-informazzjoni jeħtieġ permessi xierqa. - Interoperabbiltà u standards komuni: L-istruttura titlob ukoll għall-aqwa soluzzjoni teknika għas-sinkronizzazzjoni tas-servizz, il-kwalità tad-dejta u l-metodoloġija standard għall-iskambju ta' vokabularju u dejta mibnija fuq l-aqwa prattiki. Dan huwa ta' importanza fundamentali sabiex tkun żġurata l-koerenza bejn l-azzjonijiet tal-UE u dawk magħmula mill-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari f'ibħra reġjonali maqsuma. - Aġenziji tal-UE: L-Aġenziji rilevanti tal-UE għandhom rwol importanti ta' appoġġ u kooridinazzjoni fi ħdan il-komunità tagħhom tal-utenti. Jistgħu jaqdu wkoll il-funzjoni ta' punti ċentrali għall-iskambju tal-informazzjoni kif xieraq. Prinċipju 3: Skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet pajżana u militari L-informazzjoni dwar is-sorveljanza għandha tinqasam bjen l-awtoritajiet pajżana u militari sabiex ma jkunx hemm duplikazzjoni u sabiex tkun effikaċi fl-infiq. Filwaqt li għandu jiġi rrikonoxxut li dawn għandhom għanijiet u mandati differenti, dan jirrikjedi standards u proċeduri komuni għall-aċċess għal u l-użu tal-informazzjoni rilevanti sabiex ikun possibbli skambju reċiproku ta' informazzjoni. Kwistjonijiet li jridu jitqiesu 12. Fir-rigward ta-missjonijiet u l-kompetenzi ta' awtorijiet nazzjonali, reġjonali jew internazzjonali, kif stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja, l-appoġġ tal-forzi militari tal-Istati Membri lejn il-missjonijiet ta' sikurezza marittima u sigurtà interna mmexxija minn pajżani huwa importanti u jeħtieġ interoperabbiltà u konnettività aħjar bejn l-atturi kollha rilevanti. Bl-istess mod, dejta ġġenerata b'mod pajżan tista' tkun ta' għajnuna għal operazzjonijiet militari. 13. It-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja jeħtieġ regoli u kapaċitajiet sabiex wieħed jopera fuq l-Ibħra Miftuħa. It-teknoloġija bħall-ġbir u l-analiżi ta' immaġni tas-satellita b'riżoluzzjoni għolja, l-operazzjoni ta' pjattaformi mingħajr l-involviment tal-bniedem, l-identifikazzjoni u l-analiżi ta' ħsejjes minn taħt il-baħar, li sa issa kienu kapaċitajiet tipikament tad-difiża, huma dejjem aktar perċepiti bħala ta' valur għall-użu pajżan. Min-naħa l-oħra, komunitajiet pajżana tal-utenti jistgħu jipprovdu kontribuzzjoni kbira ta' informazzjoni rilevanti lill-komunità tad-difiża abbażi tal-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għall-Istampa Rikonoxxuta Marittima. Rakkomandazzonijiet 14. Kooperazzjoni msaħħa : Sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija aktar qabel għall-iżvilupp ta' ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni, għandha tiġi stabbilita koordinazzjoni fil-qrib bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u dawk l-interlokuturi li jistgħu jiġu indikati mill-komunità tad-difiża Ewropea għal dan il-għan. Il-bidla ta' din il-koordinazzjoni msaħħa f'orjentazzjonijiet ta' politika se ssir b'rispett sħiħ tal-qafas legali ta' kull komunità tal-utenti. 15. Użu aħjar tal-għodod ta' sorveljanza fil-komunitajiet : Utenti awtorizzati kemm pajżani kif ukoll militari għandhom jingħataw il-permess jibagħtu u jirċievu dejta minn għodod ta' sorveljanza Ewropej għall-fini tas-sorveljanza marittima. Fuq livell tekniku, dan jeħtieġ regoli komuni dwar il-qsim, il-kumpilazzjoni u l-preżentazzjoni ta' din l-informazzjoni lil utenti individwali, kif meħtieġ. 16. Dejta ġġenarata mill-ispazju: L-Ewropa hija impenjata għall-iżvilupp tal-kapaċità operattiva tagħha stess għall-osservazzjoni tad-Dinja permezz tal-programm Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES). It-titjib tal-għarfien tas-sitwazzjoni marittima bl-użu tal-assi spazjali jista' jappoġġa operazzjonijiet imwettqa minn awtoritajiet pajżana u militari bħall-monitoraġġ tat-traffiku marittimu, it-tniġġis tal-baħar u l-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali fuq il-baħar. Illum, l-użu tal-osservazzjoni mill-ispazju għall-monitoraġġ tat-tniġġis tal-baħar diġà huwa parti mis-sistema CleanSeaNet, operata mill-EMSA. Dawn il-kwistjonijiet qed jiġu indirizzati wkoll mill-GMES, li jikkontribwixxi għall-applikazzjonijiet tas-sigurtà fl-oqsma ta' sorveljanza tal-frunitieri esterni marittimi tal-UE u jappoġġa l-azzjoni esterna tal-UE. Prinċipju 4: Dispożizzjonijiet legali speċifiċi L-ostakli għall-iskambju ta' dejta ta' monitoraġġ u sorveljanza għall-fini tal-istabbiliment ta' ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għandhom ikunu identifikati fil-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali. Fit-tneħħija ta' dawn l-ostakli, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lejn inter alia r-rispett tal-kunfidenzjalità, il-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-protezzjoni ta' dejta personali kif ukoll id-dritt għall-pusses tad-dejta f'konformità mal-liġi nazzjonali u internazzjonali. Kwistjonijiet li jridu jitqiesu 17. Trattament tad-dejta personali: L-attivitajiet differenti msemmija fit-taqsimiet preċedenti jistgħu jinvolvu l-ipproċessar ta' informazzjoni personali. Il-prinċipji tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta presonali applikabbli fl-Unjoni Ewropea huma osservati fil-qafas tal-ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni[13]. Id-dejta personali għandha tinġabar għal fini leġittimu, użata u trasferita għal fini li huwa kompattibbli mal-fini inizjali ta' ġbir. 18. Rekwiżiti ta' kunfidenzjalità: Jidher li ammont sinifikanti ta' dejta ta' rappurtar u sorveljanza marittima hija kwalifikata u/jew għandha tiġi ttratta bħala (kummerċjalment) kunfidenzjali. Fir-rigward tal-kunfidenzjalità, l-ostaklu bażiku huwa n-natura espliċita tad-dispożizzjonijiet ta' kunfidenzjalità f'uħud mill-istrumenti ewlenin rilevanti għall-monitoraġġ u s-sorveljanza. Bħala konsegwenza, l-ipproċessar u t-trasferiment 'il quddiem ta' din it-tip ta' dejta se jkollha bżonn li tiżgura li min qed jirċievi d-dejta huwa ugwalment marbut mill-obbligi ta' kunfidenzjalità u segretezza professjonali, kif inhu l-każ fid-dispożizzjonijiet attwali għal-LRIT. 19. Qsim ta' dejta bejn il-pajżan u l-militar : Fir-rigward ta' skambju possibbli ta' informazzjoni u dejta bejn awtoritajiet differenti (inklużi l-awtoritajiet militari), għandu jiġi eżaminat aktar kif jistgħu jiġu garantiti l-integrità ta' informazzjoni klassifikata, dejta kummerċjali kunfidenzjali, informazzjoni relatata ma' investigazzjonijiet kriminali u l-protezzjoni tad-dejta personali. Rakkomandazzjonijiet: 20. Minħabba s-sigurtà legali tal-atturi kollha involuti, huwa propost li kull mekkaniżmu mmirat lejn skambju transkonfinali ta' dejta minn bażijiet ta' dejta varji eżistenti għandu jkun soġġett għal qafas legali ċar abbażi tal-ħtieġa tal-għarfien, bid-definizzjoni ta' mill-inqas in-natura tad-dejta involuta, il-kapaċità ta' min qed jipprovdi d-dejta, il-finijiet (u l-metodi) tal-iskambju u r-riċevituri potenzjali tad-dejta, kif ukoll għandhom ikunu inkorporati is-salvagwardji meħtieġa fir-rigward tal-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta' (ċerta) dejta u l-protezzjoni tad-dejta personali, fejn dan jista' jkun rilevanti u għandhom jitqiesu d-dispożizzjonijiet legali u s-sistemi operattivi eżistenti fuq livell tal-UE. 21. L-ipproċessar ta' dejta personali għall-militar, is-sigurtà tal-Istati u t-tisħiħ tal-liġi kriminali attwalment għadu barra l-qafas legali ġenerali għall-protezzjoni tad-dejta. Madankollu, il-protezzjoni tad-dejta tista' tiġi indirizzata fuq bażi ad hoc fi strumenti legali speċifiċi f'dawn l-oqsma, kemm fuq livell Komunitarju kif ukoll fuq livell ta' Stat Membru[14]. Bħala konsegwenza, se jkunu meħtieġa salvagwardji addizzjonali fil-każ li jkun ikkunsidrat il-qsim ta' dejta personali bejn awtoritajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-qafas legali eżistenti għall-protezzjoni tad-dejta (eż. l-awtoritajiet tas-sajd) u awtoritajiet li (attwalment) jaqgħu barra minn dak l-ambitu (eż. l-awtoritajiet militari u tas-sigurtà tal-istat). ĦARSA ’L QUDDIEM Il- Prinċipji ta' Gwida għall-Iżvilupp ta' ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE , kif spjegati hawn fuq, jimmiraw lejn il-bidu ta' proċess ta' riflessjoni fuq livell tal-UE u tal-Istati Membri. Se jkun meħtieġ li din il-ħidma tiġbor fiha l-komunitajiet kollha tal-utenti sabiex il-ħtiġijiet tagħhom u l-alternattivi tal-politika meħtieġa sabiex dawn il-ħtiġijiet jintlaħqu, ikunu identifikati b'mod ċar. Għal dan il-għan, is-servizzi tal-Kummissjoni jikkooperaw mat-tim Wise Pen tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea fil-qafas tal-mandat tagħhom sabiex joħorġu rapport dwar is-sorveljanza marittima. Huwa propost li f’dan il-qafas, għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni permanenti u strutturata bejn atturi differenti tal-UE fid-dominji pajżana u militari tal-Istati Membri sabiex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi fi ħdan il-qafas legali mogħti. Koordinazzjoni bħal din tista' tikkontribwixxi għal interoperabbiltà u konnettività imtejbin bejn is-sistemi pajżana u militari eżistenti. Huwa propost li għandha titwettaq ħidma lejn l-iżvilupp ta' ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni fil-qafas tal-Grupp Espert tal-Istati Membri tal-Kummissjoni dwar l-Integrazzjoni tas-Sorveljanza Marittima, b'kompatibbiltà ma' ħidma oħra li għaddejja bħalissa fi gruppi u Kumitati settorjali fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom. B'mod partikolari, il-Grupp għandu jindirizza l-istruttura tas-sistema għall-iskambju tal-informazzjoni bejn is-sistemi settorjali differenti, filwaqt li jqis l-oqfsa legali eżistenti u l-ostakli proċedurali ta' eżaminazzjoni u dawk teknoloġiċi għall-qsim tal-informazzjoni. Il-bini ta' ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni ma għandu bl-ebda mod ifixkel l-iżvilupp ta' sistemi settorjali eżistenti u ppjanati ta' informazzjoni, inkluża l-evoluzzjoni tagħhom, sakemm titqies il-ħtieġa għall-interoperabbiltà li tippermetti skambju ta' informazzjoni ma' sistemi oħra rilevanti. B'segwitu għal approċċ ripetut, il-Prinċipji ta' Gwida jistgħu jiġu rriveduti, b'mod partikolari fid-dawl tar-riżultat tat-tliet proġetti li ġejjin, li se jitwettqu sabiex tkun evalwata l-abbiltà ta' utenti minn Stati Membri u komunitajiet tal-utenti differenti li jkunu involuti fl-iskambju tal-informazzjoni. 22. Proġett pilota dwar l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima fil-Baħar Mediterran u l-approċċi tiegħu mill-Atlantiku[15]. L-għan ta' dan il-proġett, li se jdum sentejn (2), huwa sabiex tkun ittestjata l-kapaċità ta' sitt Stati Membri f'dan ir-reġjun sabiex ikunu involuti fl-iskambju ta' informazzjoni ta' sorveljanza relatata mal-kontroll tal-fruntieri, il-ġlieda kontra t-traffikar tan-narkotiċi, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-kutrabandu ta' oġġetti illegali u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar. Il-proġett mistenni jibda fl-aħħar tal-2009. 23. Proġett pilota dwar l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima fil-baċiri tal-Baħar fit-Tramuntana tal-Ewropa[16] b'għanijiet u tul ta' żmien simili għall-proġett pilota imsemmi hawn fuq fil-Baħar Mediterran. 24. Skont il-programm ta' ħidma tal-2010 tas-7 Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp (tema tas-sigurtà), ġiet ippubblikata sejħa għal proposti għal programm ta' dimostrazzjoni immirat lejn integrazzjoni fuq skala kbira, il-validazzjoni u d-dimostrazzjoni ta' sistemi ta' soluzzjoni tas-sistemi għas-sorveljanza tal-fruntiera marittima. Il-kwistjonijiet ewlenin koperti huma l-individwazzjoni ta' dgħajjes żgħar, il-fużjoni tal-informazzjoni sabiex nindividwaw l-anomaliji, l-interoperabbiltà u l-aċċessibbiltà mil-lat ta' prezzijiet.. Is-soluzzjoni għandha tiġi ttestjata f'żona magħżula fil-fruntiera marittima esterna, li turi – mill-punt tekniku – id-direzzjoni 'l quddiem għall-iżvilupp ta' ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE. Barra minn hekk, bħala parti mit-tema tal-Ispazju tal-FP 7, ġiet ippubblikata sejħa għal proposti għall-iżvilupp ta' ħiliet ta' qabel l-operazzjoni tas-servizz tal-GMES għas-sorveljanza marittima. Fid-dokument ta' ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li huwa anness ma' din il-Komunikazzjoni hemm lista ta' inizjattivi addizzjonali tal-UE għall-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima. KONKLUżJONIJIET Approċċ integrat lejn is-sorveljanza marittima għandu jtejjeb l-effikaċja tal-awtoritajiet responsabbli għall-attivitajiet marittimi billi jagħmel disponibbli aktar għodod u aktar informazzjoni meħtieġa fil-prestazzjoni tad-dmirijiet tagħhom. Dan għandu jirriżulta f'operazzjonijiet aktar effiċjenti u tnaqqis fl-infiq operattiv. It-tfaddil potenzjali fuq livell tal-UE huwa sinifikanti minħabba l-ħtieġa li qed tikber li jkunu individwalizzati, identifikati, segwiti u interċettati, fost oħrajn, il-migrazzjoni illegali, is-sajd illegali kif ukoll għall-prevenzjoni ta' aċċidenti fuq il-baħar, għas-salvagwardja tal-ambjent u biex jiġi faċilitat il-kummerċ. Il-benefiċċji li għandhom joħorġu minn dan il-proċess se jaffettwaw b'mod pożittiv lis-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà u s-sikurezza marittima, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, il-kontroll tal-fruntiera u, b'mod ġenerali, l-infurzar tal-liġi. Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonimiku u Reġjonali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex: - Jappoġġaw l-għanijiet ippreżentati f'din il-Komunikazzjoni; - Isostnu l-approċċ propost fl-oqsma rispettivi ta' responsabbiltà tagħhom. [1] COM (2007) 575 finali tal-10.10.2007 [2] COM(2008) 68 finali tat-13.2.2008, p. 9. [3] Id-Direttiva 2009/17/KE li temenda d-Direttiva 2002/59/KE li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità, ĠU L 131, 28.5.2009, p. 101. Tal-istess rilevanza huwa r-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-31 ta' Marzu 2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet, ĠU L 129, 29.4.2004, 6. [4] Filwaqt li s-setturi kollha inklużi fid-'Dominju Marittimu tal-UE' għandhom impatt dirett jew indirett fuq il-poitika u l-interessi tal-UE, mhux kollha huma soġġetti għall-kompetenza tal-UE. [5] Eż. SafeSeaNet, CleanseaNet, iċ-Ċentru tad-Dejta tal-UE LRIT operat mill-EMSA. [6] Wieħed jista' jsib glossarju ta' terminini u akronimi f'dokument ta' ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li qed jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. [7] Eż. AIS, LRIT [8] Eż. BSRBCC, BSBC. [9] Eż. SafeSeaNet, iċ-Ċentru tad-Dejta tal-UE LRIT, CleanSeaNet, VMS, EUROSUR. [10] Eż. MSSIS, VR-MTC, SUCBAS. [11] Eż. MAOC-N, CeCLAD, is-Sistema ta' Informazzjoni FRONTEX [12] Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/59 kif emendata minn 2009/17 l-Artikolu 22 a [13] Id-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data[dejta] personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [dejta] (ĠU L 281,23.11.1995, 31) u d-dispożizzjonijiet li jimplimentawha; Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward t l-ipproċessar ta’ data[dejta] personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data [dejta], (ĠU L 8, 12.1.2001, 1); Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Dejta Personali (ETS 108). Il-Konvenzjoni hija supplimentata mill Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni rigward l-awtoritajiet superviżorji u l-fluss transkonfinali tad-dejta (ETS 181, it-8 ta' Novembru 2001) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ewropew Nru R(87) 15 tas-17 ta' Settembru 1987 li tirregola l-użu ta' dejta personali fis-settur tal-pulizija. [14] Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data [dejta] personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, ĠU L 350, 30/12/2008, p.60. [15] Sejħa għal proposti MARE/2008/13 [16] Sejħa għal proposti MARE/2009/41