52009DC0534

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Il-Kosovo - It-Twettiq tal-Perspettiva Ewropea tiegħu /* KUMM/2009/0534 finali */


Brussell, 14.10.2009

KUMM(2009) 534 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-Kosovo* - It-Twettiq tal-Perspettiva Ewropea tiegħu

L-ISKOP TA' DIN IL-KOMUNIKAZZJONI

Fl-Istrateġija tagħha tal-2008 dwar it-Tkabbir, il-Kummissjoni ħabbret il-ħsieb tagħha li tippreżenta studju ta' fattibbiltà dwar il-Kosovo[1]. F'Diċembru 2008, il-Kunsill laqa' bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li tippreżenta studju li jeżamina mezzi biex l-iżvilupp politiku u soċjoekonomiku tal-Kosovo jitmexxa 'l quddiem. Huwa fakkar ir-rieda tal-UE li tgħin fl-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-Kosovo permezz ta’ perspettiva Ewropea ċara, konformi mal-perspettiva Ewropea tar-reġjun.

Il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni dwar il-Kosovo f'April 2005[2]. Il-Kummissjoni infurmat b'mod regolari lill-Istati Membri tal-UE bl-iżviluppi fil-Kosovo. L-iskop ta' din il-komunikazzjoni huwa li tara fiex inhuma l-iżviluppi li seħħew minn dakinhar 'l hawn, tidentifika l-isfidi fil-mixja tal-Kosovo lejn l-Ewropa, tikkonferma l-miżuri li jeħtieġ li tieħu biex tindirizza dawn l-isfidi, u tipproponi strumenti Komunitarji biex tgħin lill-Kosovo jissokta bl-iżvilupp politiku u soċjoekonomiku tiegħu. Billi l-Kosovo għandu l-istess perspettiva Ewropea bħall-bqija tal-Balkani tal-Punent, il-kuntest reġjonali għandu importanza partikulari. Jeħtieġ li l-Kosovo jlaħħaq mal-iżviluppi li qed iseħħu fir-reġjun biex jippromwovu t-tkabbir ekonomiku u biex tiġi inkuraġġita l-istabbiltà politika. Dan huwa fl-interess tal-Kosovo kif ukoll tal-Balkani tal-Punent u l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

Il-Kosovo ddikjara l-indipendenza fis-17 ta' Frar 2008. S'issa, l-indipendenza tal-Kosovo għarfuha 62 pajjiż. Il-Kosovo adotta wkoll kostituzzjoni, li hija msejsa fuq il-Proposta Komprensiva għas-Soluzzjoni tal-Istejtus tal-Kosovo. Ir-Rappreżentant Ċivili Internazzjonali jissorvelja l-implimentazzjoni ta' din il-proposta[3].

Il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo ġiet ikkonfigurata mill-ġdid; Ir-Riżoluzzjoni 1244/99 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għadha tapplika. Il-funzjonijiet tal-UNMIC jinkludi l-moniteraġġ u r-rappurtaġġ, l-iffaċilitar tar-rappreżentazzjoni esterna tal-Kosovo u d-djalogu bejn Pristina u Belgrad, u attivitajiet relatati ma' kwistjonijiet prattiċi li għandhom x'jaqsmu mal-inħawi fil-Kosovo fejn hemm maġġoranza Serba[4].

Fuq talba tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja qed tħejji opinjoni konsultattiva dwar jekk id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo hix skont il-liġi internazzjonali. L-opinjoni tal-Qorti hija mistennija fl-2010.

L-IMPENN TAL-UE LEJN IL-KOSOVO

L-Istati Membri tal-UE jiddeċiedu dwar ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kosovo skont il-prassi nazzjonali u l-liġi internazzjonali. 22 Stat Membru tal-UE għarfu l-indipendenza tal-Kosovo. Il-fatt li m'hemmx pożizzjoni maqbula dwar l-istejtus tal-Kosovo ma jwaqqafx lill-UE milli timpenja ruħha b'mod sostanzjali mal-Kosovo.

L-UE ħatret Rappreżentant Speċjali tal-UE[5] biex jagħti pariri u jappoġġja l-proċess politiku tal-Kosovo u jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-UE. L-UE bagħtet ukoll l-ikbar missjoni tagħha tal-PESD s'issa fil-Kosovo[6]. L-EULEX timmoniterja, tiggwida u tagħti pariri lill-Kosovo dwar l-istat tad-dritt, notevolment dwar il-pulizija, il-ġustizzja u d-dwana, u żżomm f'idejha ċerti responsabbiltajiet eżekuttivi.

Il-Kosovo jieħu sehem fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-UE għall-Balkani tal-Punent. F'Marzu 2007, ġew stabbiliti strutturi tal-Mekkaniżmu mtejjeb ta' Kontroll tal-PSA. Dawn jipprovdu għal djalogu regolari dwar l-innovazzjoni, is-suq intern, it-tmexxija tajba, il-biedja, l-ekonomija u l-infrastruttura. L-UE ffissat prijoritajiet ta' riforma għall-Kosovo fis-Sħubija Ewropea tat-18 ta' Frar 2008[7].

F'Lulju 2008, il-Kummissjoni organizzat konferenza tad-donaturi għall-Kosovo, li rriżultat f'wegħdiet ta' € 1.2 biljun, inklużi aktar minn € 500 miljun mill-baġit tal-Komunità. L-UE u l-Istati Membri tagħha wegħdu kważi € 800 miljun. Il-Kosovo għadu qed igawdi minn assistenza finanzjarja tal-KE taħt l-Istrument għall-Assistenza Qabel l-Adeżjoni, il-CARDS[8], l-Istrument għall-Istabbiltà u inizjattivi oħrajn. Huwa għadu eliġibbli għal assistenza makrofinanzjarja.

IL-PROGRESS TAL-KOSOVO LEJN L-EWROPA

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2005 Futur Ewropew għall-Kosovo , il-Kummissjoni kkonċentrat fuq l-aspetti ekonomiċi tal-iżvilupp tal-Kosovo, il-bini tal-istituzzjonijiet u l-kuntest reġjonali. Il-Kosovo għamel xi progress f'dawn l-oqsma mill-2005 'l hawn, iżda għad baqa' sfidi importanti.

Ir-Rapporti ta' Progress tal-Kummissjoni mill-2006 'l hawn jikkonfermaw li l-Kosovo għamel progress fl-approssimazzjoni tiegħu mal-istandards Ewropej. Il-preżentazzjoni ta' Qafas tan-Nefqa fuq Medda Medja ta' Żmien fl-2008 u fl-2009 hija xhieda ta' progress lejn qafas fiskali sostenibbli għall-Kosovo . F'Ġunju 2009, il-Kosovo sar membru tal-Fond Monetarju Internazzjonali u tal-Bank Dinji. L-istabbiliment tal-Aġenzija għall-Koordinazzjoni tal-iżvilupp u tal-Integrazzjoni Ewropea fl-2008 huwa pass importanti lejn it-titjib tal-koordinazzjoni tad-donaturi tal-Kosovo u tal-isforzi tiegħu favur approssimazzjoni Ewropea. Il-Kosovo kien involut f'ħidma fuq il-Patt ta' Stabbiltà u t-tranżizzjoni tiegħu għall-Kunsill għall-Koperazzjoni Reġjonali. Huwa jieħu sehem f'għadd ta' inizjattivi ta' koperazzjoni reġjonali[9].

Madankollu, fil-proċess tiegħu ta' approssimazzjoni mal-UE, jeħtieġ li mal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-Kosovo jdaħħal ukoll implimentazzjoni u infurzar adegwati. L-ekonomija tal-Kosovo għandha settur informali kbir, u t-tmexxija ekonomika, il-qafas regolatorju u l-ambjent tan-negozju tiegħu jibqgħu aspetti li jqanqlu tħassib. In-negozji tiegħu m'għandhomx il-kapaċità li jesportaw. Il-Kosovo għandu bżonn itejjeb il-kopertura u l-effiċjenza tas-sistema tiegħu tal-ħarsien soċjali u jimxi lejn mod aktar strateġiku ta' kif jagħmel l-affarijiet fil-qasam tax-xogħol. L-amministrazzjoni pubblika tal-Kosovo għadha dgħajfa. Is-sehem tal-Kosovo f'fora reġjonali sar dejjem iktar diffiċli. Il-Ftehim dwar Żona ta' Kummerċ Ħieles fl-Ewropa Ċentrali ma kienx kapaċi jsolvi l-imblokk tal-esportazzjonijiet tal-Kosovo lejn is-Serbja u tal-kummerċ fi tranżitu lejn il-Bożnija u l-Ħerżegovina.

NAGħTU R-RIżULTATI DWAR IL-PERSPETTIVA TAL-KOSOVO RIGWARD L-UE

L-UE ripetutament ikkonfermat li l-Kosovo għandu l-istess perspettiva Ewropea bħar-reġjun. F'Diċembru 2007, il-Kunsill Ewropew ikkonferma li l-UE tkun lesta tassisti fl-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-Kosovo minn perspettiva Ewropea ċara, b’konformità mal-perspettiva Ewropea tar-reġjun. Fi Frar 2008, il-Kunsil tenna l-impenn tiegħu biex jappoġġja bis-sħiħ u b'mod effettiv il-perspettiva Ewropea għall-Balkani tal-Punent u talab lill-Kummissjoni biex tagħmel użu minn strumenti Komunitarji biex tippromwovi l-iżviilupp ekonomiku u politiku u biex tipproponi miżuri iktar konkreti għar-reġjun b’mod ġenerali sabiex isir progress f'dik id-direzzjoni. F'Diċembru 2008, l-UE reġgħet enfasizzat ir-rieda tagħha li tgħin fl-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-Kosovo permezz ta’ perspettiva Ewropea ċara, b'konformità mal-perspettiva Ewropea tar-reġjun.

Ir-reġjun għamel progress konsiderevoli fil-qasam tal-integrazzjoni Ewropea. Il-pajjiżi kollha nnegozjaw Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-UE. Il-Kroazja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandhom l-istejtus ta' kandidati. Fuq talba tal-Kunsill, il-Kummissjoni qed tħejji opinjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija li waslet mingħand il-Montenegro. Il-Kunsill irċieva applikazzjoni għas-sħubija mill-Albanija. Il-Kosovo jeħtieġ li jżomm il-pass ma' dawn l-iżviluppi fl-interess tal-istabbiltà politika u tal-progress ekonomiku tar-reġjun.

Fil-Komunikazzjoni tagħha Il-Balkani tal-Punent: Insaħħu l-Perspettiva Ewropea[10] ta' Marzu 2008, il-Kummissjoni identifikat l-istrumenti Komunitarji għall-promozzjoni tar-riforma demokratika, il-progress ekonomiku u r-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien. Il-Kosovo għandu quddiemu għadd ta' sfidi importanti, li l-istrumenti Komunitarji jistgħu jgħinuh jindirizzahom. Il-benefiċċji li l-Kosovi jista' jikseb minn dawn l-istrumenti jiddependu fuq kemm jagħmel progress fir-riforma. Il-Kosovo għandu bżonn jikkonsolida l-aġenda Ewropea tiegħu,. jiżgura żvilupp soċjoekonomiku sostnut, isaħħaħ l-approssimazzjoni settorjali u jidħol b'mod kostruttiv f'koperazzjoni reġjonali. L-UE tista' tgħin lill-Kosovo f'dawn l-isforzi.

Il-Kummissjoni tilqa' bi pjaċir il-fatt li, minkejja l-pożizzjonijiet differenti li ħadu l-Istati Membri tal-UE rigward l-istejtus tal-Kosovo, il-mod kif isiru l-affarijiet fejn minkejja d-differenzi dwar l-għarfien teżisti unità fl-impenn jipprovdi bażi kostruttiva għall-progress. B'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill, l-UE tista' taqbel dwar miżuri biex tappoġġja l-iżvilupp politiku u ekonomiku tal-Kosovo bla ħsara għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE rigward l-istejtus.

NIKKONSOLIDAW L-AġENDA EWROPEA TAL-KOSOVO

Il-Kosovo ripetutament ikkonferma d-determinazzjoni tiegħu li jwettaq progress rigward l-aġenda Ewropea tiegħu. L-approssimazzjoni tal-UE tkompli tkun il-qawwa li tixpruna r-riforma fil-Kosovo. F'April 2008, il-Kosovo adotta l-Pjan tiegħu għall-Integrazzjoni Ewropea. Il-Kosovo adotta l-Pjan ta' Azzjoni tiegħu dwar is-Sħubija Ewropea f'Awwissu 2009.

Il-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Valutazzjoni tal-2009 għall-Kosovo jikkonferma li l-Kosovo għandu quddiemu sfidi kbar. Il-Kosovo jrid iwettaq iktar progress billi jistabbilixxi u jikkonsolida l-istat tad-dritt u jeħtieġ itejjeb il-mod kif taħdem il-ġudikatura u l-indipendenza tagħha. Jeħtieġ li jistabbilixxi rekord tajjeb fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata, b'mod li juri riżultati konkreti. Il-Kosovo jeħtieġ ukoll isaħħaħ il-kapaċità, l-indipendenza u l-professjonaliżmu tal-amministrazzjoni pubblika tiegħu u jtejjeb l-ambjent kummerċjali tiegħu, inklużi r-regolazzjoni, is-superviżjoni u l-governanza tal-impriżi. Il-Kosovo jrid jiżgura li jkun hemm trasparenza sħiħa fil-ħatriet pubbliċi għoljin u jiżgura li l-akkwist pubbliku jkun jikkonforma mal-kriterji tal-indipendenza, l-oġġettività u t-trasparenza. Jeħtieġ li l-Kosovo jistabbilixxi politika makroekonomika u fiskali sostenibbli.

Jeħtieġ li l-Kosovo jiżgura li l-elezzjonijiet lokali li huma skedati għal Novembru 2009 isiru b'mod ġust u trasparenti. Il-komunitajiet minoritarji għandhom ikunu assoċjati fil-proċess ta' deċentralizzazzjoni. Jeħtieġ li l-Kosovo jtejjeb il-ħarsien tas-Serbi u ta' minoritajiet oħrajn u jsaħħaħ id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn il-komuntajiet. Trid tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali. Jeħtieġ li l-Kosovo jiżviluppa amministrazzjoni pubblika effiċjenti u effettiva. Fil-preparazzjoni tal-leġiżlazzjoni, il-Kosovo għandu jagħmel użu sħiħ u f'waqtu mill-kompetenzi internazzjonali li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu. Il-prijorità għandha tkun li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni adottata, inkluża l-allokazzjoni ta' persunal u tagħmir xieraq. Huwa essenzjali li l-Kosovo jimxi b'mod kostruttiv u pragmatiku rigward il-koperazzjoni reġjonali.

Il-Kummissjoni tipproponi li timmira lejn ir-riżorsi tal-IPA sabiex tappoġġja l-istat tad-dritt, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-isforzi biex jittejjeb l-ambjent kummerċjali tal-Kosovo, notevolment permezz tal-ġemellaġġ. Se jiġi kkunsidrat ukoll l-appoġġ għall-infrastruttura.

INQARRBU LIċ-ċITTADINI TAL-KOSOVO LEJN L-UE

Għadd ta' pajjiżi fir-reġjun għamlu progress sostanzjali fil-qasam tal-libertà taċ-ċaqliq. Bi tpattija għal ftehimiet dwar l-ammissjoni mill-ġdid, kienu kapaċi jgawdu minn ftehimiet mal-UE dwar l-iffaċilitar tal-viża. Pjani direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża pprovdew gwida kruċjali dwar kwistjonijiet bħas-sigurtà tad-dokumenti, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-migrazzjoni u s-sigurtà fil-fruntieri. Il-progress ġie mmoniterjat u evalwat permezz ta' djalogu fil-livell ta' uffiċjali għoljin. Il-prospett ta' vvjaġġar mingħajr viża kien inċentiv qawwi biex dawn il-pajjiżi jwettqu r-riformi. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni pproponiet li r-Regolament rilevanti tal-Kunsill[11] jiġi emendat sabiex iċ-ċittadini ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tal-Montenegro u tas-Serbja jsiru eliġibbli għall-ivvjaġġar lejn l-UE mingħajr viża minn Jannar 2010 'il quddiem. Iċ-ċittadini tal-Albanija u tal-Bożnija u l-Ħerzegovina jistgħu wkoll igawdu minn dan malli dawn il-pajjiżi jissodisfaw ir-rekwiżiti li fadal.

Il-Kosovo beda joħroġ il-passaporti tiegħu stess f'Lulju 2008. Il-proċess biex ċittadini Kosovari individwali japplikaw għall-viżi sar aktar faċli. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE jużaw il-flessibbiltà li toffri l-leġiżlazzjoni tal-UE biex jissimplifikaw il-proċeduri għall-ħruġ ta' viżi għal qagħda qasira lil residenti individwali tal-Kosovo.

Jeħtieġ li ċ-ċittadini tal-Kosovo jkollhom sehem ikbar mill-benefiċċji tal-approssimazzjoni tal-UE, inkluża l-possibbiltà li jivvjaġġaw fl-UE mingħajr viża. Dan ikun possibbli biss jekk il-Kosovo kapaċi jiżgura li r-riformi rilevanti jiġu implimentati u li r-regoli u l-proċeduri jkunu rispettati sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji tas-sigurtà assoċjati għall-Istati Membri tal-UE. Il-punt tat-tluq għal dawn ir-riformi huma arranġamenti dwar l-ammissjoni mill-ġdid li jitħaddmu tajjeb. Jeħtieġ li l-Kosovo jadatta l-leġiżlazzjoni tiegħu, isaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tiegħu li jipproċessa talbiet għal ammissjoni mill-ġdid u jimplimenta strateġija effettiva għall-integrazzjoni mill-ġdid. Jeħtieġ ukoll li jsaħħaħ is-sigurtà tal-fruntieri tiegħu u jiżgura l-ġestjoni tar-reġistri ċivili u l-ħruġ tad-dokumenti.

Il-Kummissjoni tipproponi li wieħed jimxi b'metodu strutturat biex iċ-ċittadini tal-Kosovo jitqarrbu lejn l-UE permezz ta' djalogu dwar il-viża bil-ħsieb li eventwalment isseħħ liberalizzazzjoni tal-viża meta r-riformi meħtiġin ikunu twettqu. B'valutazzjoni bir-reqqa bħala bażi, il-Kummissjoni tipproponi li tabbozza strateġija komprensiva biex tiggwida l-isforzi tal-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-UE għal-liberalizzazzjoni tal-viża. Din l-istrateġija se tiffissa punti ta' riferiment biex jitkejjel il-progress tal-Kosovo fil-kuntest ta' djalogu dwar il-viża u se tiġi ppreżentata lill-Kunsill biex ikun mgħarraf.

Il-Kummissjoni se tivvaluta b'mod regolari l-progress tal-Kosovo fl-implimentazzjoni tal-istrateġija, billi tibbaża fuq missjonijiet ta' evalwazzjoni mill-Istati Membri u minn espeti tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tappoġġja lill-Kosovo fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tagħha permezz ta' assistenza teknika u finanzjarja. Barra minn hekk, fil-qafas usa' tal-istat tad-dritt u bħala korollarju għall-attivitajiet tal-EULEX, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li tinvolvi lill-Kosovo f'inizjattivi ta' koperazzjoni ġudizzjarja fil-livell reġjonali. L-arranġamenti biex il-Kosovo jikkopera u jkun assoċjat ma' ħidmet l-Europol, l-Eurojust u l-Frontex jeħtieġu eżami ulterjuri, inkluż bl-involviment possibbli tal-EULEX[12].

INSOSTNU L-IżVILUPP SOċJOEKONOMIKU TAL-KOSOVO

L-istabbiltà soċjali u politika tal-Kosovo tiddependi fuq żvilupp ekonomiku sostnut u fuq koeżjoni soċjali msaħħa. Minħabba l-integrazzjoni limitata tiegħu fis-sweiq globali, il-Kosovo relattivament ftit intlaqat mill-kriżi ekonomika globali. Madankollu, hu mistenni li l-flussi 'l ġewwa ta' investiment dirett barrani u ta' rimessi se jonqsu. Il-livelli tal-investiment pubbliku huma mistennijin jonqsu hekk kif id-dħul tal-gvern iġarrab pressjoni li tiżdied. Huwa mbassar li fl-2009 d-defiċit baġitarju tal-Kosovo se jikber għal 7% tal-PDG.

Il-Kosovo għandu quddiemu sfidi ekonomiċi serji. Skont il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-PDG per capita tal-Kosovo huwa €1,726, li huwa 6.9% tal-medja tal-UE 27. Il-Kosovo għadu qed jaffronta defiċit konsiderevoli fil-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi. Kollox ma' kollox huwa stmat li d-defiċit kummerċjali tal-Kosovo fl-2009 jammonta għal 43% tal-PDG. Żbilanċi esterni għoljin jikxfu kapaċità sottożviluppata tal-produzzjoni domestika u jindikaw vulnerabbiltajiet sinifikanti.

Minbarra li jimplimenta politiki makroekonomiċi sostenibbli, il-Kosovo jeħtieġ li jindirizza restrizzjonijiet min-naħa tal-provvista bħad-dgħjufijiet infrastrutturali, l-insuffiċjenzi fl-enerġija, kostijiet kapitali għoljin u livelli baxxi ta' kompetenzi. Huwa essenzjali għall-Kosovo li jtejjeb il-kompetittività tal-ekonomija tiegħu, ikabbar il-produttività u jsaħħaħ is-settur tal-esportazzjoni tiegħu.

Kummerċ

Il-kummerċ u l-kapaċità li wieħed jikkummerċja huma essenzjali biex jiġi attirat l-investiment, jiġi stimulat it-tkabbir u jiġi żgurat l-iżvilupp soċjoekonomiku. Għall-Kosovo l-UE hija s-sieħeb ewlieni fil-kummerċ. Ngħataw lill-Kosovo preferenzi kummerċjali tal-UE taħt miżuri kummerċjali awtonomi tal-KE[13]. Madankollu, dawn il-preferenzi se jiskadu fi tmiem l-2010. Bħalissa l-Kosovo ma jibbenefikax minn Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) jew minn Ftehim Interim (FI). Minħabba f'hekk, id-dħul fis-seħħ bil-mod il-mod tal-FSA/FI rispettivi[14] għall-bqija tal-Balkani tal-Punent u l-iskandenza tar-reġim preferenzjali kurrenti se jirriżultaw f'deterjorament tal-pożizzjoni kummerċjali tal-Kosovo, f'termini kemm assoluti kif ukoll relattivi. Barra minn hekk, il-Kosovo ma jistax igawdi mill-akkumulazzjoni djagonali tal-oriġini bejn l-UE u l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-PSA, u dan jillimita l-iżvilupp tal-komplementarjetajiet kummerċjali reġjonali. Barra minn hekk, dan jagħmel lill-Kosovo inqas attraenti għall-investituri barranin u jillimita l-abbiltà tal-produtturi tal-Kosovo li jesportaw lejn l-UE.

Biex il-Kosovo jissokta jgawdi mis-sistema preferenzjali ta' bħalissa, din is-sistema trid tiġi estiża. Madankollu, il-validità ta' estenzjoni tkun biss temporanja. Relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Kosovo li jkunu msejsin biss fuq preferenzi kummerċjali awtonomi ma joffrux perspettiva sostantiva għas-sostenibbiltà tal-iżvilupp ekonomiku tal-Ksovo fuq medda twila ta' żmien. Tali perspettiva tista' tiġi pprovduta biss permezz ta' ftehim kummerċjali bejn il-Komunità Ewropea u l-Kosovo.

Ftehim kummerċjali joffri vantaġġi importanti kemm lill-Kosovo kif ukoll lill-UE. Ftehim jipprovdi qafas legali li joffri lill-investituri stabbiltà u l-kapaċità li jbassru. Ikollu wkoll ambitu usa', u b'hekk jiggarantixxi l-aċċess għas-suq bl-istess pass li bih jitwettaq progress fuq il-jeddijiet tal-proprjetà intellettwali, il-kompetizzjoni, il-konformità mal-istandards u l-koperazzjoni amministrattiva. Il-prospett ta' ftehim se jservi bħala inċentiv importanti biex il-Kosovo jimxi 'l quddiem bir-riformi tiegħu fl-oqsma kollha li jolqtu lis-suq intern, inkluża l-kapaċità amministrattiva. Bl-istess mod, se jirrikjedi li l-Kosovo jħaddem politika kummerċjali effettiva u jiġġestixxi l-fruntieri tiegħu. Fl-aħħar nett, ftehim huwa kundizzjoni minn qabel biex il-Kosovo jieħu sehem fl-akkumulazzjoni djagonali tal-oriġini bejn l-UE u l-pajjiżi tal-PSA.

Il-Kosovo għadu mhux ippreparat biex jinnegozja u jimplimenta ftehim kummerċjali. Pereżempju, jeħtieġ li tiġi ppreparata l-kapaċità amministrattiva biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-politika dwar l-antitrust u tar-regolament dwar l-għajnuna mill-Istat. Fejn jidħlu l-jeddijiet dwar il-proprjetà intellettwali, jeżistu elementi importanti tal-leġiżlazzjoni dwar il-jeddijiet dwar il-proprjetà intellettwali, iżda l-Kosovo għad jonqsu jibni l-kapaċità amministrattiva bażika biex jiżgura l-konformità. Il-Kosovo jeħtieġ ukoll jagħmel progress sinifikanti fl-allinjament leġiżlattiv fil-qasam tal-leġiżlazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar id-dritt tal-awtur. Jeħtieġ ukoll li jagħmel progress sinifikanti fl-istrutturi leġiżlattivi u istituzzjonali li jaffettwaw il-kummerċ tal-prodotti, inklużi materji sanitarji u fitosanitarji. Jeħtieġ li l-qafas istituzzjonali biex jiġu garantiti akkreditament, ċertifikazzjoni, standardizzazzjoni u sorveljanza tas-suq adegwati jiġi applikat b'mod effettiv.

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress tal-Kosovo fit-titjib tal-kapaċita tiegħu u fit-twetiq ta' riformi fl-oqsma li huma l-iktar rilevanti għal ftehim kummerċjali. Hija se tidentifika l-miżuri li l-Kosovo jeħtieġ jieħu. Malli l-Kosovo jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti, il-Kummissjoni se tipproponi direttivi ta' negozjati biex meta jasal iż-żmien xieraq il-Komunità tibda tinnegozja dwar ftehim kummerċjali. Sabiex jinżammu r-relazzjonijiet kummerċjali ta' bħalissa sakemm isir progress lejn ftehim kummerċjali, il-Kummissjoni se tħejji l-estensjoni tal-miżuri kummerċjali awtonomi. Bħala parteċipant fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-Kosovo se jkun inkluż fl-estensjoni tal-akkumulazzjoni tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranja biex tinkludi lill-Balkani tal-Punent permezz tal-Konvenzjoni dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji.

Sostsnibbiltà makroekonomika u fiskali

Huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-Kosovo li jkun hemm qafas makroekonomiku u fiskali sostenibbli. L-UE u donaturi oħrajn appoġġjaw l-istabbiliment ta' Qafas tan-Nefqa għal Medda Medja ta' Żmien b'appoġġ għal dan l-objettiv. Dan il-Qafas sar element importanti taċ-ċiklu baġitarju tal-Kosovo.

Fl-2008, il-Kosovo u l-Kummissjoni taw bidu għal Mekkaniżmu konsultattiv ta' Sorveljanza Fiskali, b'koperazzjoni mill-qrib mal-FMI. Dan il-mekkaniżmu jgħin lill-Kosovo biex iħejji l-integrazzjoni mingħajr skossi tiegħu fl-oqfsa ta' monitoraġġ ekonomiku u fiskali eżistenti tal-UE. Jeħtieġ li l-Kosovo jiżviluppa l-kapaċità tiegħu li jimplimenta damma koerenti u koordinata ta' politiki ekonomiċi u fiskali. Skont xi progress jagħmel f'dan ir-rigward, il-Kosovo se jiġi mistieden jieħu sehem fil-qafas regolari ta' rappurtaġġ ekonomiku u fiskali li ġie stabbilit għall-Balkani tal-Punent u biex iressaq Programm Ekonomiku u Fiskali annwali li jkopri medda medja ta' żmien. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-isforzi tal-Kosovo biex jimxi 'l quddiem f'din id-direzzjoni u se tmantni djalogu regolari biex timmoniterja l-iżviluppi ekonomiċi.

Żvilupp fis-settur privat

Huwa stmat li l-imprizi żgħar u medji jikkontribwixxu madwar 40% għall-PDG tal-Kosovo u 60% tal-impjiegi tiegħu u jikkostitwixxu 99% tan-negozji tiegħu. L-IŻM għandhom sehem importanti fit-titjib tal-produttività, tal-innovazzjoni u tal-ħolqien tax-xogħol. Jeħtieġ li s-sostenn għas-settur jitjieb sabiex jingħataw inċentivi għall-intraprenditorija u l-attività intraprenditorjali informali tinbidel f'negozji formali.

Il-Kosovo jgawdi jekk ikun hemm programmi mmirati biex iżidu l-kompetittività tal-ekonomija tiegħu, li jkunu jiffukaw fuq l-adozzjoni ta' teknoloġija ġdida, produzzjoni mkabbra, tnaqqis tal-kostijiet tax-xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi. Tali programmi għandhom jgħinu biex tiżdied it-trasparenza tar-regolazzjoni tan-negozju, inklużi l-liċenzji, il-permessi u ċ-ċertifikazzjoni, u s-superviżjoni effettiva u indipendenti, u joffru appoġġ għal inizjattivi ta' netwerking.

Jeħtieġ li l-Kosovo jwettaq aktar progress fejn tidħol il-privatizzazzjoni. Il-Kosovo jgawdi jekk ikun hemm aktar żvilupp tal-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji sabiex jiġu sostnuti n-negozji żgħar f'oqsma li għandhom potenzjal ta' tkabbir, inklużi l-biedja, it-turiżmu rurali, il-manifattura fuq skala żgħira u s-servizzi urbani.

Il-Kosovo jgawdi jekk isir membru tal-Bank Ewropew għall-Bini mill-Ġdid u għall-Iżvilupp u jekk il-Bank Ewropew tal-Investiment jisilfu aktar. L-ambjent kummerċjali tal-Kosovo, u b'mod partikulari l-IŻM tiegħu, igawdi jekk ikollu sehem ikbar fl-inizjattivi rilevanti tal-UE – l-Att dwar in-negozji Żgħar u s-7 Programm Qafas għar-Riċerka – u assoċjazzjoni eqreb magħhom. Dment li l-Kosovo jissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti, il-Kummissjoni tipproponi li jieħu sehem f'attivitajiet li jsiru fi ħdan dawn l-oqfsa, bl-għajnuna ta' assistenza teknika u finanzjarja, fejn ikun xieraq.

L-impjiegi u l-politiki soċjali

Il-qgħad kbir ħafna tal-Kosovo (stmat li kien madwar 40% fl-2008) huwa ħela ta' forza fuq l-ekonomija tiegħu. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa sfida partikulari, b'bejn wieħed u ieħor 75% taż-żgħażagħ bla xogħol. Il-Kosovo jeħtieġ li jindirizza l-qgħad strateġikament permezz ta' taħlita ta' miżuri kkoordinati bir-reqqa. Jeħtieġ li l-kapaċita taċ-ċentri tal-impjieġi titjieb u li r-rabtiet ma' universitajiet u skejjel ikomplu jiġu żviluppati sabiex titneħħa l-qasma bejn l-edukazzjoni u l-post tax-xogħol. Il-Kosovo jgawdi kieku jiddaħħlu skemi ta' inċentiv għax-xogħol għal dawk li jirċievu l-assistenza soċjali u li huma kapaċi jaħdmu.

L-UE tista' tgħin lill-Kosovo billi tassoċjah mal-isforzi tagħha biex tippromwovi l-aċċess għal kulħadd għax-xogħol, billi ttejjeb id-djalogu mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili u billi tagħmel il-politika tagħha dwar ix-xogħol u dik soċjali aktar immirati. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tippreżenta studju dwar "Il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali fil-Kosovo", li se jgħin lill-Kosovo jħejji ruħu għal koordinazzjoni mtejba tal-politika soċjali u ta' dik dwar ix-xogħol. Il-Kummissjoni tipproponi li l-Kosovo jiġi assoċjat mal-programm Progress[15], li hu miftuħ għall-Balkani tal-Punent. Se tappoġġja sehem il-Kosovo fi sforzi ta' koperazzjoni reġjonali dwar il-politika dwar ix-xogħol u dik soċjali fi ħdan il-qafas tan-Netwerk tal-Ewropa tax-Xlokk dwar il-Politika dwar ix-Xogħol u dik Soċjali u n-Netwerk tal-Ewropa tax-Xlokk dwar is-Saħħa. Il-Kummissjoni tipproponi li taħdem mas-segretarjat tad-Deċennju tar-Roma sabiex tiġi żviluppata l-assoċjazzjoni tal-Kosovo u sabiex tgħin fl-isforzi biex il-komunitajiet minoritarji jiġu inklużi fil-miżuri dwar il-protezzjoni u inklużjoni soċjali.

Edukazzjoni, taħriġ u riċerka

Il-popolazzjoni tal-Kosovo hija żagħżugħa, b'età medja ta' 26. Madwar terz tal-popolazzjoni għandhom inqas minn 15-il sena u aktar minn nofs m'għalqux il-25. Fil-ħames snin li ġejjin, se jkun hemm 200,000 ruħ li se jilħqu l-età tax-xogħol u jidħlu fis-suq tax-xogħol. Meta wieħed iqis il-livelli għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ li hemm fil-Kosovo, l-edukazzjoni hija prijorità ewlenija għalih.

Jeħtieġ li l-Kosovo jgħolli l-istandards edukattivi, inaqqas il-livelli ta' kemm tfal jieqfu mill-iskola u jagħmel is-sistema edukattiva tiegħu aktar inklużiva. Jeħtieġ li tingħata prijorità partikulari lit-titjib tal-kompetenzi tal-għalliema, lill-irranġar għall-aħjar tal-istabbilimenti edukattivi eżistenti, u lit-twessigħ tal-medda milħuqa mill-iskejjel u l-kulleġġi biex jilqgħu fihom studenti mill-komunitajiet kollha. Jekk ikun hemm żieda fil-finanzjament, igawdu t-taħriġ vokazzjonali sekondarju, it-taħriġ vokazzjonali għall-kbar u t-tagħlim tul il-ħajja. Jeħtieġ li l-kurrikuli jiffukaw fuq li l-istudenti jsibu xogħol.

Il-programm Tempus se jkompli jappoġġja r-riforma fl-edukazzjoni ogħla fil-Kosovo. Minbarra l-Università ta' Pristina, issa bdiet tissottometti proġetti wkoll l-Università ta' Motrovica. Jeħtieġ li l-universitajiet, l-istudenti, l-għalliema, iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ tal-Kosovo jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet offruti taħt il-programmi Erasmus Mundus u Żgħażagħ fl-Azzjoni. Il_-Kummissjoni tipproponi li jiżdied il-finanzjament taħt l-IPA għat-Tempus, l-Erasmus Mundus u ż-Żgħażagħ fl-Azzjoni, li fejn xieraq jiġi ddelimitati l-allokazzjonijiet, u li jsir sforz biex il-parteċipanti eliġibbli jintlaħqu aktar.

Il-Kummissjoni se tistħarreġ flimkien mal-Kosovo dwar opportunitajiet u arranġamenti biex l-istituzzjonijiet edukattivi tal-Kosovo jiġu assoċjati ma' xi attivitajiet tal-Programm għal Tagħlim Tul il-Ħajja. Il-Kummissjoni se tistħarreġ ukoll, flimkien mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, modi kif jitjiebu l-attivitajiet tal-Fondazzjoni fil-Kosovo u kif jiżdied l-għarfien dwar attivitajiet tal-UE li jkollhom x'jaqsmu mal-edukazzjoni. Fi ħdan il-qafas tal-mekkaniżmi tal-iżgurar tal-kwalità, il-Kummissjoni se tibda djalogu mal-awtoritajiet tal-Kosovo biex tgħin ħalli titjieb il-kwalità tal-kurrikuli għall-komunitajiet kollha. Il-Kummissjoni se teżamina modi biex tappoġġja l-istabbiliment ta' dipartiment tal-istudji dwar l-UE fl-Università ta' Pristina.

Ir-riċerka hija importanti għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Kosovo u jipprovdi l-opportunità li jiġu intensifikati l-attivitajiet ta' koperazzjoni reġjonali. Il-Balkani tal-Punent huma assoċjati mas-7 Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka. Il-Kosovo huwa intitolat li jieħu sehem bħala sieħeb fil-qasam tal-koperazzjoni internazzjonali. Il-Kosovo innomina punt ta' kuntatt tal-PQ7 u qed jaħdem fuq pjan nazzjonali ta' azzjoni sabiex isaħħaħ il-kapaċita tiegħu fir-riċerka. Jeħtieġ li l-involviment tal-Kosovo fl-attivitajiet ta' riċerka tal-UE jissokta u jikber[16].

Kultura u Ewropa għaċ-Ċittadini

Ir-rispett għall-wirt kulturali u reliġjuż huwa element essenzjali għar-rikonċiljazzjoni, għall-fiduċja u għall-istabbiltà. Jista' wkoll jagħti kontribut importanti lill-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Kosovo. Il-Kosovo għamel progress fil-ħarsien u r-restawr tal-wirt kulturali u reliġjuż. Sehmu fil-Proċess ta' Ljubljana, fil-Kummissjoni għall-Implimentazzjoni tal-Bini mill-Ġdid u fil-Forum Tekniku dwar il-Wirt Kulturali għen u jeħtieġ li jibqa' għaddej. Jeħtieġ li l-Kosovo jibni fuq l-investiment tiegħu f'dan is-settur bħala parti minn strateġija komprensiva għall-iżvilupp. Jeħtieġ li din l-istrateġija tirrifletti l-involviment ta' dawk kollha li għandhom interess, kemm fit-tfassil kif ukoll fl-implimentazzjoni. Jeħtieġ li tagħti attenzjoni partikulari lit-teħid ta' azzjoni fir-rigward ta' attivitajiet mhux irregolati f'siti ta' patrimonju jew qribhom.

Diversi ġajjiżi tal-Balkani tal-Punent jieħdu sehem fil-programmi Kultura u Ewropa għaċ-Ċittadini. Il-parteċipazzjoni f'dawn il-programmi hija msejsa fuq ftehim qafas dwar il-prinċipji ġenerali li jirregolaw sehemhom fil-programmi Komunitarji. Bħalissa l-Kosovo ma jibbenefikax minn tali ftehim. Madankollu, il-parteċipazzjoni f'dawn il-programmi tqarreb lill-poplu tal-Kosovo lejn il-proġett Ewropew. Sakemm isir ftehim qafas, azzjonijiet li jsaħħu l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-muniċipalitajiet u tal-operaturi kulturali u li jiffaċilitaw in-netwerking tagħhom mal-kontropartijiet tagħhom fl-UE u fir-reġjun se jiġu sostnuti permezz tal-IPA. Il-Kummissjoni se tistħarreġ il-possibbiltà li jiġu ffaċilitati l-iskambji kulturali u l-boroż ta' studju billi jitwessa' l-ambitu tal-Young Cell Scheme, li bħalissa huwa limitat għal-liġi, sabiex ikun jinkludi wkoll il-qasam tal-kultura.

IMMEXXU L-APPROSSIMAZZJONI SETTORJALI PASS 'IL QUDDIEM

Enerġija

Provvista tal-elettriku li tiġi u tmur hija xkiel kbir għat-tkabbir ekonomiku u biex jiżdied l-investiment dirett barranin fil-Kosovo. Mingħajr provvista żgura u sostenibbli tal-enerġija, l-iżvilupp ekonomiku tal-Kosovo se jkun limitat.

Il-privatizzazzjoni ta' partijiet mis-settur tal-enerġija tneħħi pressjoni sinifikanti minn fuq il-baġit tal-Kosovo u jippermetti li jsir investiment f'oqsma prijoritarji oħrajn. Twassal ukoll għal żidiet fl-effiċjenza u fl-effettività tal-provvista tal-elettriku. Il-ġbir tal-ħlasijiet tal-kontijiet jeħtieġ li jitjieb sabiex il-kumpaniji li jipproduċu l-elettriku jkunu jistgħu jiżguraw provvista aktar żgura u li wieħed jista' joqgħod fuqha. Madankollu, il-privatizzazzjoni hija biss parti mis-soluzzjoni. Il-Kosovo jeħtieġ ukoll li jżid l-involviment tiegħu fl-arranġamenti reġjonali għall-koperazzjoni dwar l-enerġija u għall-produzzjoni tagħha, jimplimenta miżuri biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija, u jżid l-użu tiegħu ta' enerġiji li jiġġeddu u ta' mezzi alternattivi ta' ġeenrazzjoni tal-enerġija.

Il-parteċipazzjoni kontinwata tal-Kosovo fit-Trattat dwar il-Komunita tal-Enerġija hija essenzjali. Il-Kosovo jeħtieġ kemm li jintensifika kif ukoll li jwessa' l-ambitu tal-parteċipazzjoni tiegħu, inkluż fil-mekkaniżmu tal-kumpens għall-intertrażmissjoni u fil-mekkaniżmi tal-allokazzjoni tal-kapaċità. Jeħtieġ li l-partijiet kollha fir-reġjun jippermettu li l-Kosovo jibbenefika bħala sieħeb ugwali f'dawn il-mekkaniżmi. Jeħtieġ li l-fornituri tal-enerġija, l-entitajiet regolatorji u operaturi oħrajn tal-Kosovo jieħdu l-vantaġġ sħiħ tal-arranġamenti eżistenti dwar koperazzjoni reġjonali. Jeħtieġ li l-Kosovo jaqsam flimkien mal-oħrajn il-benefiċċji li jirriżultaw minn inizjattivi tal-UE fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija li tiġġedded. Dan huwa wkoll fl-interess tar-reġjun kollu kemm hu.

Trasport

Jeħtieġ li mill-iktar fis il-Kosovo jtejjeb l-infrastruttura tiegħu tat-trasport. Il-Kosovo ta bidu għal programm kbir ta' bini ta' toroq. Madankollu, il-programm ifisser piż sinifikanti fuq il-baġit tal-Kosovo. Jeħtieġ li jiġi mobilizzat finanzjament alternattiv. Jeħtieġ li dan ikun parti minn metodu bilanċjat li jiffavurixxi wkoll l-investiment fil-ferroviji u li jippermetti l-finanzjament għall-manutenzjoni tat-toroq kif ukoll għall-bini ta' oħrajn ġodda. Jeħtieġ li l-Kosovo jissokta bl-isforzi tiegħu biex jimplimenta l-Ftehim Ewropea dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni, inkluż l- acquis li għandu x'jaqsam mal-avjazzjoni.

It-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport għandu l-għan li jakkumpanja t-traspożizzjoni progressiva tal- acquis li għandu x'jaqsam mat-trasport mill-firmatarji b'integrazzjoni bil-mod il-mod fis-suq reġjonali u f'dak tal-UE. It-trattat għandu importanza kbira għall-Kosovo. Jeħtieġ li l-partijiet kollha għat-trattat jiżguraw l-inklużjoni tal-Kosovo sabiex ikun jista' jieħu sehem sħiħ f'inizjattivi relatati. Jeħtieġ li l-Kosovo jibda jimplimenta kalendarju sabiex japplika l-acquis li għandu x'jaqsam mat-trasport fuq l-art u jibbenefika minn dispożizzjonijiet dwar l-integrazzjoni tas-suq reġjonali.

Ambjent

L-ambjent tal-Kosovo tgħarraq minħabba snin ta' tniġġis u traskuraġni. Huwa stmat li l-impjanti tal-enerġija tal-Kosovo jiġġemeraw 25 tunnellata ta' rmied u trab kull siegħa, jiġifieri 74 darba aktar mil-livel permess mill-istandards tal-UE. Anki l-ilma huwa qasam li jqanqal tħassib. 70% biss tal-popolazzjoni huma kkumnikati ma' provvisti ta' ilma tajjeb għax-xorb u terz biss huma kkumnikati ma' sistemi tad-drenaġġ. It-titjib tal-ambjent tal-Kosovo huwa importanti ħafna biex titjieb saħħet iċ-ċittadini tiegħu. Il-Kosovo għadu qed jagħmel progress tajjeb fit-traspożizzjoni legali tal-istandards tal-UE. Madankollu, jonqsuh il-kapaċità u r-riżorsi biex jiżgura implimentazzjoni adegwata. Huwa inqas minn 1% tal-baġit tal-Kosovo li jmur biex jiffinanzja attivitajiet ambjentali.

Il-Kosovo jibbenefika minn attivitajiet ambjentali reġjonali tal-UE, bħall-assistenza li qed tingħata bħalissa permezz taċ-Ċentru Ambjentali Reġjonali għall-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni. Jieħu sehem ukoll fin-Netwerk Ambjentali Reġjonali għall-Adeżjoni, li se jgħin lill-Kosovo permezz ta' skambji tal-aħjar prattika, ta' bini tal-kapaċità amministrattiva u ta' taħriġ. Il-Kummissjoni tipproponi li dawn l-isforzi jiġu kumplimentati, inkluż permezz tal-Faċilita għall-Proġetti Infrastrutturali, sabiex tiġi sostnuta t-tħejjija ta' proġetti, li mbagħad il-finanzjament mill-IFI jgħin biex jitwettqu.

KOPERAZZJONI REġJONALI EFFETTIVA U INKLUżIVA

Il-koperazzjoni reġjonali hija element essenzjali tal-politika tal-UE għall-Ewropa tax-Xlokk. Il-koperazzjoni reġjonali tal-Kosovo hija importanti għall-aġenda tegħu ta' approssimazzjoni Ewropea. Il-parteċipazzjoni u integrazzjoni kontinwati tiegħu f'inizjattivi ta' koperazzjoni reġjonali għandu importanza kummerċjali, ekonomika u politika.

L-UNMIK kienet firmatarja ta' għadd ta' ftehimiet ta' koperazzjoni reġjonali f'isem il-Kosovo. Il-mandat tal-UNMIK kif konfigurata mill-ġdid jinkludi 'l-iffaċilitar tar-rappreżentanza esterna tal-Kosovo'. Madankollu, il-kapaċità tal-UNMIK hija limitata. Il-Kosovo jibbenefika jekk jintuża metodu kostruttiv u pragmatiku fl-isforzi tiegħu biex itejjeb il-koperazzjoni ma' pajjiżi fil-viċinat. Jeħtieġ li l-Kosovo jagħmel użu srateġiku tal-mezzi li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu. Jeħtieġ li l-gvern tal-Kosovo joħroġ damma ta' linji gwida ċari u komprensivi biex l-istituzzjonijiet pubbliċi kollha japplikawha konsistentement fil-livelli kollha tal-koperazzjoni reġjonali. Jeħtieġ li l-Kosovo jieħu sehem bis-sħiħ fl-Iskola Reġjonali għall-Amministrazzjoni Pubblika, li għadha kif inħolqot. Jeħtieġ li l-partijiet kollha għall-ftehim rilevanti jiżguraw l-inklużjoni tal-Kosovo.

Il-Kummissjoni ttenni s-sejħa tad-delegazzjoni tal-UE fil-laqgħa tal-Kunsill għall-Koperazzjoni Reġjonali f'Kixinaw f'Ġunju 2009, li ħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati jadottaw attitudni kostruttiva fit-tiftix għal modi pragmatiċi biex jiġi żgurat il-karattru inklużiv tal-koperazzjoni reġjonali fl-Ewropa tax-Xlokk. Il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-partijiet kollha biex ifittxu soluzzjonijiet prattiċi u pragmatiċi u tinsab lesta li tiffaċilita l-isforzi kollha li jsiru għal dan il-għan.

STADJU ġDID FID-DJALOGU BEJN L-UE U L-KOSOVO

Il-Kosovo huwa parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. L-ewwel laqgħat saru fl-2003. Il-Mekkaniżmu mtejjeb ta' Kontroll tal-PSA ġie stabbilit fl-2007. Sabiex jingħata bidu għal stadju ġdid fir-relazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo, jeħtieġ li dan il-mekkaniżmu jiżviluppa fi djalogu politiku mtejjeb li jkun iffukat fuq il-progress fir-riforma u l-koperazzjoni.

Jeħtieġ li l-laqgħa plenarja tkun l- okkażjoni biex jidu diskussi l-prijoritajiet għall-aġenda Ewropea tal-Kosovo. Il-laqgħat settorjali se jkunu mfasslin fuq id-djalogu politiku mal-kandidati u mal-kandidati potenzjali. Dawn se jkunu bbażati fuq l-aġenda Ewropea tal-Kosovo, il-bini tal-istituzzjonijiet u l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-istandards Ewropej. Kwistjonijiet li jaqgħu taħt iżjed minn qasam wieħed, bħar-riforma fl-amministrazzjoni pubblika u l-ġudikatura jistħoqqilhom diskussjoni fil-fond.

Il-laqgħat se jkunu suġġetti għal skeda regolari li tippermetti tħejjija, koordinazzjoni u mmoniterjar effettivi ta' kemm il-Kosovo se jwettaq dak li qed jimpenja ruħu li jagħmel. Dan huwa importanti sabiex l-assistenza tiġi mmirata u biex jiġu riflessi l-eżiti tal-valutazzjonijiet reċiproċi. Il-laqgħat settorjali se jsiru fi Pristina kif ukoll fi Brussell, b'mod li jippermetti aktar parteċipazzjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni. Sabiex jiżdied l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-approssimazzjoni, kull sena se ssir laqgħa mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Il-Kummissjoni tipproponi li l-proċess jingħata l-isem ġdid ta' 'Djalogu tal-Proċes ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni'.

UżU AħJAR TAL-ASSISTENZA FINANZJARJA TAL-KE

Il-Kosovo bbenefika minn assistenza finanzjarja sostanzjali mill-KE. Fil-konferenza tal-2008 għad-donaturi għall-Kosovo, il-Kummissjoni wegħdet aktar minn € 500 miljun. Ttaħt il-programm tal-IPA, il-Kosovo rċieva € 359 miljun matul il-perjodu bejn l-2007 u l-2009. Il-Qafas Finanzjarju Indikattiv Plurijennali 2010-2012 jalloka € 206 miljun oħrajn għall-Kosovo. Taħt il-ġestjoni diretta tal-Uffiċċju ta' Kuntatt tal-Kummissjoni fi Pristina, il-Kosovo wettaq progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-IPA. Jeħtieġ li jibni fuq dan.

Jeħtieġ li l-assistenza tal-IPA tkun immirata lejn għadd limitat ta' prijoritajiet ewlenin, li jeħtieġ li jkunu allinjati mill-qrib mal-aġenda tal-Kosovo dwar ir-riforma Ewropea u jkunu jirriflettu strateġiji settorjali li jkunu tqiesu l-kostijiet tagħhom. Jeħtieġ li l-għażla tal-proġetti tirrifletti ppjanar, prijoritizzazzjoni u tqassim tas-sekwenzi mtejbin, u koordinazzjoni aħjar mad-donaturi l-oħrajn. Se tiġi mistħarrġa l-possibilità li jiġu assoċjati donaturi oħrajn mal-ġestjoni tal-IPA f'oqsma fejn dawn għandhom vantaġġ komparattiv. Jeħtieġ li wara l-konferenza tad-donaturi, is-sjieda mill-Kosovo ta' proġetti tal-IPA tissaħħaħ.

Il-Koperazzjoni li Taqsam il-Fruntieri taħt il-komponent II tal-programm tal-IPA tista' tagħti kontribut imprezzabbli għar-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet tajbin bejn il-pajjiżi ġirien. Barra minn hekk, il-metodu tal-KTF li 'nitgħallmu waqt li nagħmlu' jkun jikkontribwixxi għall-bini tal-kapaċità lokali. Il-Kummissjoni tqis li l-mobilizzazzjoni progressiva tal-komponent II tal-IPA għall-Kosovo hija kemm f'waqtha kif ukoll xierqa.

KONKLUżJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Kunsill Ewropew ripetutament ikkonferma li l-Kosovo għandu l-istess perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. Din il-komunikazzjoni tidentifika l-istrumenti Komunitarji li l-UE tista' timmobilizza biex tippromwovi l-iżvilupp politiku u soċjoekonomiku tal-Kosovo. Il-Kosovo kiseb ċerta stabbiltà politika, iżda l-qagħda tas-sigurta għadha fraġli. Il-Kosovo m'għandux jitħalla l-art hekk kif ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent jimxi lejn l-UE.

L-Istati Membri tal-UE għandhom fehmiet differenti dwar l-istejtus tal-Kosovo. Madankollu, jeħtieġ li dan ma jkunx ta' xkiel biex isir progress sostantiv fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kosovo. Il-mod kif isiru l-affarijiet fejn minkejja d-differenzi dwar l-għarfien teżisti unità fl-impenn qed jaħdem u jeħtieġ li jissaħħaħ. Bla ħsara għall-istejtus tal-Kosovo, il-Kummissjoni tipproponi li l-UE tagħmel għadd ta' passi prattiċi biex tiżgura l-mixja kontinwata tal-Kosovo lejn l-Ewropa. Hekk kif il-Kosovo jimxi 'l quddiem fl-implimentazzjoni tal-aġenda Ewropea tiegħu, il-Kummissjoni tipproponi li:

- Wieħed jimxi b'metodu strutturat biex iċ-ċittadini tal-Kosovo jitqarrbu lejn l-UE permezz ta' djalogu dwar il-viża bil-ħsieb li eventwalment isseħħ liberalizzazzjoni tal-viża meta r-riformi meħtiġin ikunu twettqu u l-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati;

- Jiġu estiżi l-Miżuri Kummerċjali Awtonomi u, malli l-Kosovo jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti, jiġu proposti direttivi ta' negozjati għal ftehim kummerċjali meta jasal iż-żmien;

- Tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-Kosovo fl-akkumulazzjoni tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranja, malli jkun sar ftehim kummerċjali;

- Progressivament il-Kosovo jiġi integrat fil-qafas tas-sorveljanza ekonomika u fiskali li ġie stabbilit fil-Balkani tal-Punent;

- Tiġi eżaminata l-opportunità ta' ftehim qafas mal-Kosovo dwra ilprinċipji ġenerali tal-parteċipazzjoni tiegħu fi programmi Komunitarji, u fuq din il-bażi jiġu mħejjijin direttivi ta' negozjati;

- Tissaħħaħ u titfannad il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni billi jiġi stabbilit 'Djalogu tal-PSA' regolari;

- Progressivament jiġi attivat il-komponent tal-IPA dwar il-koperazzjoni transkonfinali (komponent II) għall-Kosovo.

Il-Kummissjoni se ssostni l-inizjattivi ta' hawn fuq permezz ta' assistenza finanzjarja u teknika.

* Taħt l-UNSCR 1244/1999

[1] Taħt l-UNSCR 1244/1999

[2] Futur Ewropew għall-Kosovo - COM(2005) 156, 20.4.2005.

[3] Ir-RĊI jirrapporta lill-Grupp Internazzjonali ta' Tmexxija dwra il-Kosovo

[4] Rapport mis-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Missjoni Amministrattiva Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK) għall-informazzjoni tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tat-12 ta' Ġunju 2008.

[5] Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/123/PESK tal-4 ta' Frar 2008.

[6] Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta' Frar 2008.

[7] IDeċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE.

[8] Għajnuna Komunitarja għar-Rikostruzzjoni, l-Iżvilupp u l-Istabbilizzazzjoni.

[9] Il-Kosovo jieħu sehem fil-Komunita tat-Trattat tal-Enerġija (ETC), fiż-Żona Komuni Ewropea tal-Avjazzjoni (ECAA), fl-Osservatorju tat-Trasport tax-Xlokk tal-Ewropa (SEETO), fil-Ftehim dwar Żona ta' Kummerċ Ħieles fl-Ewropa Ċentrali (CEFTA) u fil-Karta Ewropea għall-Impriżi ż-Żgħar. Il-Kosovo ngħaqad mal-Inizjattiva tal-Faxx Wiesa' għall-Ewropa tax-Xlokk (bSEE), mal-Inizjattiva Elettronika għall-Ewropa tax-Xlokk, mal-Iskola Reġjonali għall-Amministrazzjoni Pubblika (ReSPA), mal-Inizjattiva Kooperattiva tal-Ewropa tax-Xlokk (SECI), u ma' żewġ inizjattivi ambjentali (RENA u ECENA) u mal-inizjattiva tal-Ftehim dwar l-Investiment. Din il-lista mhijex eżawrijenti.

[10] Il-Balkani tal-Punent: Insaħħu l-perspettiva Ewropea COM(2008) 127, 5.3.2008.

[11] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001.

[12] L-Europol: Artikolu 42 tal-Konvenzjoni tal-Europol u l-Att tal-Kunsill tat-3 ta' Novembru 1998; Il-Eurojust: Artikolu 26a tad-Deċiżjoni 2002/187/KE kif emendata; Frontex: Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 863/2007.

[13] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2000 kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 407/2008 tas-7 ta' Mejju 2008.

[14] Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FSA — April 2004), il-Montenegro (FI — Jannar 2008), il-Bożnija u l-Ħerżegovina (FI — Lulju 2008) u l-Albanija (FSA — April 2009). Il-FSA mas-Serbja ġie ffirmat f'April 2008.

[15] Programm Komunitarju għax-Xogħol u s-Solidarjetà Soċjali.

[16] Il-Kosovo huwa inkluż fil-lista tal-Pajjiżi Sħab fil-qasam tal-Koperazzjoni Internazzjonali (PSKI) li hi mehmuża mal-programmi ta' ħidma tas-7 PQ RŻT.