52009DC0514

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta’ għajnuna makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2008 {SEC(2009) 1279} /* KUMM/2009/0514 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.10.2009

KUMM(2009) 514 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni ta’ għajnuna makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2008 {SEC(2009) 1279}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni ta’ għajnuna makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2008 {SEC(2009) 1279}

WERREJ

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-implimentazzjoni ta’ għajnuna makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2008 1

1. Introduzzjoni 3

2. Ħarsa ġenerali 3

2.1. Sfond 3

2.2. Għajnuna Makrofinanzjarja fl-2008 4

2.3. Sinteżi tal-iktar operazzjonijiet reċenti fil-pajjiżi benefiċjarji 4

2.3.1. Il-Balkani tal-Punent 4

2.3.2. Pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant 5

2.3.3. Pajjiżi tal-Mediterran 5

3. Distribuzzjoni ġeografika u evalwazzjonijiet ta’ għajnuna makrofinanzjarja 5

3.1. Distribuzzjoni ġeografika 5

3.2. Valutazzjonijiet 6

3.2.1. L-Albanija 6

3.2.2. Is-Serbja u l-Montenegro 6

4. Titjib tal-immaniġġjar finanzjarju fil-pajjiżi benefiċjarji: il-valutazzjonijiet operattivi 7

5. TALBIET U PROPOSTI TAL-KUMMISSJONI GĦALL-ĠEJJIENI 8

1. INTRODUZZJONI

Dan ir-rapport jagħti deskrizzjoni ġenerali tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-UE lil pajjiżi terzi, inklużi l-isfond storiku, sommarju tal-operazzjonijiet fl-2008, informazzjoni dwar l-iktar operazzjonijiet reċenti fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi potenzjalment kandidati kif ukoll fil-pajjiżi tal-Viċinat, flimkien ma’ tabelli tal-istatistika tal-operazzjonijiet differenti mwettqa mill-1990 ’l hawn.

Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet riċenti li twettqu fl-2008 huma inklużi wkoll f'dan ir-rapport. L-għan ta’ dawn il-valutazzjonijiet huwa li jkun eżaminat l-impatt tal-għajnuna makrofinanzjarja fuq l-aspetti rilevanti tal-proċess ta’ stabbilizzazzjoni ekonomika u l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali fil-pajjiżi li qed jirċievu l-għajnuna. Il-progress f’dan ir-rigward jirrifletti wkoll sa liema livell ġew osservati l-kundizzjonijiet korrispondenti ta’ politika ekonomika marbuta mal-għajnuna makrofinanzjarja tal-KE.

Barra minn hekk, fir-rigward tar-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li hemm fir-rapport speċjali tagħha ta’ Marzu 2002 dwar it-titjib tal-ġestjoni finanzjarja fil-pajjiżi benefiċjarji, mill-2004 ’l hawn il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta’ kumpanija tal-awdituri, wettqet diversi valutazzjonijiet operattivi taċ-ċirkwiti finanzjarji u tal-proċeduri relatati mal-għajnuna makrofinanzjarja f’kull pajjiż benefiċjarju. Il-konklużjonijiet ta’ dawn il-valutazzjonijiet qed jitqiesu b’mod xieraq fit-tfassil tal-kundizzjonijiet ta’ politika marbuta mal-implimentazzjoni ta’ din l-għajnuna.

Dan ir-rapport qed jiġi ppreżentat skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar għajnuna makrofinanzjarja jew għajnuna finanzjarja eċċezzjonali tal-Komunità lil pajjiżi terzi u jsegwi d-direzzjoni tar-rapporti ppreżentati fis-snin ta’ qabel. Qed jiġi rilaxxat flimkien ma' rapport ieħor iktar dettaljat (dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni SEC(2009…) li jipprovdi informazzjoni ekonomika u finanzjarja dwar il-pajjiżi benefiċjarji.

2. Ħarsa ġenerali

2.1. Sfond

L-għajnuna makrofinanzjarja (MFA) tappoġġa l-isforzi fir-riforma politika u ekonomika tal-pajjiżi benefiċjarji u tiġi implimentata flimkien ma’ programmi ta’ appoġġ mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u mill-Bank Dinji. L-MFA tinkorpora sensiela ta’ prinċipji li tennihom il-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Ottubru 2002, li jenfasizzaw il-karattru eċċezzjonali ta’ din l-għajnuna, il-komplimentarjetà tagħha għall-iffinanzjar mill-Istituti Finanzjarji Internazzjonali (IFI) u l-kundizzjonalità makroekonomika tagħha. B’koordinazzjoni mill-qrib mal-FMI u l-Bank Dinji, l-MFA Komunitarja, imfassla skont il-ħtiġiet speċifiċi tal-pajjiżi, appoġġat diversi pajjiżi terzi bl-għan ġenerali li tiġi stabbilizzata l-qagħda finanzjarja u li jiġu stabbiliti ekonomiji li jkunu orjentati lejn is-suq.

2.2. Għajnuna Makrofinanzjarja fl-2008

Fl-2008 l-ebda deċiżjoni ġdida ma ttieħdet mill-Kunsill.

Il-ħlasijiet tal-għajnuna makrofinanzjarja jammontaw għal EUR 25 miljun lir-Repubblika tal-Moldova f'forma ta' għotja u EUR 15-il miljun lil-Libanu, ukoll f'forma ta' għotja.

2.3. Sinteżi tal-iktar operazzjonijiet reċenti fil-pajjiżi benefiċjarji

2.3.1. Il-Balkani tal-Punent

Il-Kosovo

L-unika operazzjoni tal-MFA għaddejja bħalissa fil-Balkani tal-Punent hija għotja ta' appoġġ baġitarju lil Kosovo (taħt l-UNSCR 1244/99) li tista' titla' sa EUR 50 miljun approvati mill-Kunsill f'Novembru 2006 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/880/KE, ĠU L 339/36, 6.12.2006). Billi l-kundizzjonijiet miftehma f'Memorandum ta' Ftehim (MoU) iffirmat mal-awtoritajiet f'Diċembru 2007 għar-rilaxx ta' din l-għajnuna ma kinux sodisfatti, l-ammont sħiħ ta' EUR 50 miljun ma jistax jinħareġ fl-2008 u għadu pendenti. Madankollu, fil-11 ta' Lulju 2008, f'Konferenza tad-Donaturi preseduta mill-Kummissjoni, biex tgħin il-bżonnijiet finanzjarji tal-Kosovo għall-perjodu 2008-2011, il-Kummissjoni wiegħdet b'kundizzjoni li tagħti appoġġ tal-MFA addizzjonali li ma jaqbiżx il-EUR 100 miljun, u dan ukoll f'għotjiet ta' appoġġ baġitarju.

Is-Serbja u l-Montenegro

Fit-2 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill addotta d-Deċiżjoni 2008/784/KE li tistabbilixxi passiv separat ta’ Montenegro u tnaqqas proporzjonalment il-passiv tas-Serbja fir-rigward ta’ self fit-tul mogħti mill-Komunità lill-Unjoni tal-Istati tas-Serbja u l-Montenegro (magħrufa qabel bħala r-Repubblika Federali tal-Jugożlavja) skont id-Deċiżjonijiet 2001/549/KE u 2002/882/KE[1] li jawtorizzaw lill-Kummissjoni li tiffirma ftehim separat ta' self mal-awtoritajiet tal-Montenegro. Din id-deċiżjoni hi biss ir-riżultat tal-indipendenza tal-Montenegro f'Ġunju 2006 u ta' ftehim milħuq bejn is-Serbja u l-Montenegro f'Lulju 2006 biex jalloka passivi esterni bejn iż-żewġ stati separati. Mhux qed jinħolqu xi obbligi ġodda għall-Komunità u ma hemmx implikazzjonijiet baġitarji.

Hekk kif intlaħaq ftehim separat ta' self mal-Montenegro u daħal fis-seħħ, il-passivi kurrenti tas-Serbja kienu riaġġustati bi skambju ta' ittri bejn il-Kummissjoni u s-Serbja.

2.3.2. Pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant

Ir-Repubblika tal-Moldova

Fl-2008, il-Kummissjoni lestiet l-implimentazzjoni tal-programm ta' għajnuna makrofinanzjarja deċiż mill-Kunsill fis-16 ta' April 2007 li jlaħħaq il-EUR 45 miljun. It-tieni u tielet pagament, ta' EUR 10 u 15-il miljun rispettivament, kienu rilaxxati f'Ġunju u f'Diċembru 2008. Il-programm kien parti mill-pakkett finanzjarju bħala appoġġ għall-arranġament li l-gvern għandu mal-IMF taħt il-Faċilità għat-Tnaqqis tal-Faqar u għat-Tkabbir (PRGF) li jmur lura sa Mejju 2006 u li jagħlaq f'Mejju 2009.

Ġeorġja

Il-programm li jammonta għal EUR 33,5 miljun f'għotjiet, addottat f'Jannar 2006, ma setax jitlesta. Skont dan il-programm, fl-2006 intefaq l-ammont totali ta' EUR 23 miljun. Madankollu, ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet għall-ħlasjiet tat-tielet u l-aħħar porzjon ma setgħetx titlesta fl-2008 (bħal fl-2007) billi waħda mill-kundizzjonijiet speċifiċi għar-rilaxx tal-porzjon ma kinetx sodisfatta: il-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-verifika esterna ma għaddietx mill-Parlament kif kien previst. Għalhekk l-aħħar ħlas ma sarx u l-programm issa skada. Fl-istess ħin, f'Ottubru 2008, f'Konferenza tad-Donaturi li saret fi Brussell, il-Kummissjoni wiegħdet programm ġdid tal-MFA għall-Ġeorġia, f'forma ta' għotjiet li jitilgħu sa EUR 46 miljun. L-appoġġ twiegħed fil-kuntest tal-isforz internazzjonali biex il-Ġeorġa tirċievi għajnuna sabiex tegħleb il-konsegwenzi tal-konflitt ta' Awwissu 2008 mar-Russja.

2.3.3. Pajjiżi tal-Mediterran

Il-Libanu

F'Diċembru 2008, il-Kummissjoni rilaxxat l-ewwel pagament ta' għotjiet ta' EUR 15-il miljun skont il-programm tal-għajnuna makrofinanzjarja approvata fl-10 ta' Diċembru 2007. Il-programm jikkonsisti f'għotja ta' EUR 30 miljun u self ta' EUR 50 miljun, li t-tnejn li huma għandhom jitħallsu f'żewġ pagamenti. Il-ħlas tal-ewwel porzjon tas-self (EUR 25 miljun) fl-aħħar sar fil-bidu ta' Ġunju 2009. It-tieni porzjon huwa ppjanat li jkun rilaxxat qabel tmiem l-2009 jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet marbuta ma' din l-għajnuna.

3. Distribuzzjoni ġeografika u evalwazzjonijiet ta’ għajnuna makrofinanzjarja

3.1. Distribuzzjoni ġeografika

L-MFA tal-KE hija maħsuba sabiex tapoġġa l-istabbilizzazzjoni makroekonomika tal-pajjiżi benefiċjarji u ttaffi d-diffikultajiet tal-bilanċ tal-pagamenti (u l-baġit) tagħhom. Hija għandha wkoll sehem utli ħafna fil-promozzjoni ta’ riforma strutturali. L-akbar volum ta’ operazzjonijiet tal-MFA ġew deċiżi u mħallsa fl-ewwel snin tat-tranżizzjoni għad-demokrazija u l-ekonomija tas-suq fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

Matul is-snin, in-numru ta’ pajjiżi li l-Komunità bdiet tagħtihom l-appoġġ żdied hekk kif numru dejjem jikber ta’ pajjiżi ġirien tal-UE kienu qed jiffaċċjaw diffikultajiet fil-bilanċ tal-ħlasijiet u ntrabtu li jwettqu programmi ta’ riforma ekonomika. Dan wassal biex ikun hemm bidla fil-bilanċ ġeografiku tal-għajnuna sa mill-ewwel snin, meta l-parti l-kbira tal-pajjiżi benefiċjarji kienu pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Għalhekk, mis-sena 2000 ’l hawn, l-MFA ngħatat esklużivament lill-Balkani tal-Punent (73 % tad-deċiżjonijiet mis-sena 2000 sal-2008) u l-Istati Indipendenti l-Ġodda. L-unika eċċezzjoni kienet fl-2007 meta l-Kunsill addotta Deċiżjoni dwar programm ta' għajnuna favur il-Libanu.

3.2. Valutazzjonijiet

Il-Kummissjoni implimentat programm ta’ valutazzjoni sabiex teżamina l-impatt tal-MFA f’kull wieħed mill-pajjiżi benefiċjarji. L-analiżijiet isiru minn konsulenti esterni magħżula permezz ta’ sejħa miftuħa għall-offerti, bis-superviżjoni ta’ "Kumitat ta’ Tmexxija". Mill-2004, sar total ta’ seba' valutazzjonijiet. Tlestew żewġ valutazzjonijiet fl-2008 għall-Albanija u s-Serbja u l-Montenegro. L-osservazzjonijiet ewlenin huma dawn li ġejjin:

3.2.1. L-Albanija

Il-valutazzjoni analizzat l-MFA mogħtija lill-Bożnja u l-Ħerzegovina minn April 2004 sa Lulju 2006. Il-programm tal-MFA kkonsista f'self ta' EUR 9 miljun u għotja ta' EUR 16-il miljun, li tħallset f'żewġ porzjonijiet.

L-impatt nett fuq l-istabilizzazzjoni makroekonomika oriġina minn effett dirett li kellu l-għeruq tiegħu f’żieda fil-fondi baġitarji fl-2006 u fl-2007 u minn effett indirett tal-mogħdija tal-pagi pubbliċi għas-settur bankarju, fatt li wassal għal żieda fil-faċilitajiet tal-kreditu. L-effett akkumulattiv fuq it-tkabbir tal-PGD fil-perjodu 2004-2008 hu mistenni li jkun bejn 0,1 u 0,6 fil-mija. Dan hu akkumpanjat minn inflazzjoni ħarira ogħla u rata ta' skambju Lek ftit aktar dgħajfa.

Il-valutazzjoni kkonkludiet li l-MFA kellha impatt limitat ħafna iżda pożittiv fuq il-prospetti ta' sostenibbiltà esterna fiż-żmien medju u fit-tul tal-Albanija. Jistgħu ikunu attribwiti xi effetti pożittivi lil effett żgħir dirett fuq it-tkabbir ekonomiku fil-perjodu 2004-2008. L-impatt al-MFA fuq aspetti oħra ta' sostenibbiltà esterna kien negliġibbli.

3.2.2. Is-Serbja u l-Montenegro

Il-valutazzjoni analizzat l-MFA mogħtija lis-Serbja u l-Montenegro minn Novembru 2002 sa Frar 2006.

L-operazzjoni MFA ppermettiet politika makroekonomika kemxejn aktar espansiva li tejbet marġinalment il-prestazzjoni tat-tkabbir ekonomiku. Madankollu, l-impatt makroekonomiku dirett immedjat tal-operazzjoni kien żgħir ħafna. Dan kien prinċipalment minħabba d-daqs relattivament żgħir tal-operazzjoni. Potenzjalment, l-MFA tista' tipprovdi impatt aktar sostanzjali fuq il-qagħda makroekonomika tat-terminu l-medju permezz ta' tħeffif tar-riformi strutturali.

Il-valutazzjoni kkonkludiet li l-MFA tat kontribut pożittiv lill-prospetti ta' sostenibbiltà esterna ta' bejn it-terminu medju u t-twil, minkejja li dan l-impatt nett kien probabbilment limitat u indirett. Il-mezz prinċipali li bih l-MFA aġixxiet f'dan ir-rigward jidher li kien l-infurzar ta' riformi strutturali u ġestjoni makroekonomika ġenerali aħjar.

Il-valutazzjonijiet tal-programmi tal-MFA għall-Ġeorġa u r-Repubblika tal-Moldova għadhom qed isiru u r-rapporti finali tagħhom għandhom ikunu disponibbli fit-tielet kwart tal-2009. Barra minn hekk kien deċiż li titwettaq metavalutazzjoni sabiex ikun eżaminat l-impatt globali tal-għajnuna makrofinanzjarja. L-ewwel riżultati ta' dan l-istudju huma mistennija fit-tieni semestru tal-2009.

4. Titjib tal-immaniġġjar finanzjarju fil-pajjiżi benefiċjarji: il-valutazzjonijiet operattivi

Fl-2008 saret valutazzjoni operattiva ta' segwitu (fil-Kosovo). Bejn l-2004 u l-2007 tlestew seba' valutazzjonijiet operattivi fil-pajjiżi li jibbenifikaw mill-għajnuna makrofinanzjarja (l-Albanija, l-Armenja, is-Serbja-Montenegro, il-Bożnja u Ħerżegovina, il-Ġeorġja u l-Kosovo). Il-programm ta’ ħidma ta' kull valutazzjoni operattiva jiġi elaborat f'kooperazzjoni ma' kumpanija ta’ konsulenza u jinkludi informazzjoni minn rapporti disponibbli li nħarġu minn donaturi oħrajn, u partikolarment il-valutazzjonijiet tal-PEFA. Saru missjonijiet ta’ segwitu (fl-Albanija, fl-Armenja, fit-Taġikistan, fil-Ġeorġja u fil-Kosovo) sabiex issir valutazzjoni tat-titjib li jkun ġie implimentat fl-amministrazzjonijiet nazzjonali wara l-ewwel missjonijiet.

Min naħa, l-investigazzjonijiet jiffokaw fuq l-indipendenza tal-Banek Ċentrali u fuq il-funzjonament tad-dipartimenti tal-kontabilità. Min-naħa l-oħra dawn jeżaminaw il-proċess tal-baġit, il-funzjonament tad-dipartimenti tat-teżor, il-verifika interna, ir-riżorsi umani u d-dipartimenti tal-IT tal-Ministeri tal-Finanzi. Tingħata wkoll ħarsa lejn il-funzjonament tal-verifika esterna tal-istituzzjonijiet sabiex tiġi valutata l-effettività ta’ kontroll tagħhom.

Il-konklużjonijiet tal-valutazzjonijiet operattivi jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet nazzjonali li għandhom l-opportunità jikkummentaw dwar l-analiżi li hemm fir-rapporti.

Għal kull pajjiż, il-valutazzjonijiet ikkonkludew li “Il-qafas għal immaniġġjar finanzjarju sod huwa effettiv” fuq il-bażi tal-analiżijiet tal-konsulent li, madankollu, saħaq dwar il-ħtieġa għal għadd ta' titjib. L-aktar nuqqasijiet serji li nstabu fil-Ministeri tal-Finanzi huma n-nuqqas ta’ kontijiet singoli tat-teżor, in-nuqqas ta’ sistemi ta’ kontabilità u proċeduri bil-miktub xierqa u l-kwalità ħażina tal-proċeduri tal-akkwisti. Għal kull Ministeru, il-kapaċità tal-verifika interna kellha tiġi msaħħa bir-reklutaġġ ta’ awdituri mħarrġa u l-implimentazzjoni ta’ sessjonijiet speċjali ta’ taħriġ. F’xi każijiet, dipartimenti li huma responsabbli mill-previżjonijiet makroekonomiċi ma dehrux li jissodisfaw biżżejjed ir-rwol u l-indipendenza tagħhom bħala istituzzjonijiet esterni tal-verifika.

Bil-għan li jitjieb l-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi benefiċjarji, ġew indirizzati rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiġu kkoreġuti d-dgħufijiet. Xi wħud minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet jitqiesu bħala azzjonijiet prijoritarji li għandhom isiru qabel ma jkun jista’ jsir il-ħlas. Dan kien il-każ għat-tisħiħ tad-dipartiment tal-kontroll intern fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi u l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet li għandhom ir-rekwiżiti minimi għas-segregazzjoni ta’ dmirijiet fir-rigward tal-funzjonijiet tal-kontabilità, tal-awtorizzazzjoni u tal-pagamenti.

Erba’ snin wara l-bidu ta’ dawn il-valutazzjonijiet operattivi u minkejja xi dewmien fl-implimentazzjoni ta’ xi wħud mill-modifikazzjonijiet mitluba, il-Kummissjoni osservat titjib reali fil-livelli kollha tal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi benefiċjarji.

5. TALBIET U PROPOSTI TAL-KUMMISSJONI GĦALL-ĠEJJIENI

Il-kriżi globali ekonomika u finanzjarja tfisser li ħafna pajjiżi tal-preadeżjoni u tal-viċinat qed jiffaċċjaw tnaqqis ekonomiku u sitwazzjoni baġitarja li sejra lura; f'kull wieħed minn dawn il-pajjiżi qed jidher nuqqas finanzjarju sostanzjali. Il-FMI huwa l-istituzzjoni prinċipali li qiegħda tittratta l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika, partikularment minħabba li gawda minn żieda sostanzjali fir-riżorsi, inkluż kontribut imdaqqas mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li l-FMI se jkun fuq quddiem biex iwieġeb għall-kriżi fil-pajjiżi ġirien tal-Unjoni Ewropea, l-iffinanzjar li qiegħed joffri jista' jagħti l-każ li għadu mhux suffiċjenti biex ikopri l-bżonnijiet finanzjarji esterni ta' dawn il-pajjiżi. F'dan il-kuntest, l-għajnuna makrofinanzjarja tal-UE tista' tappoġġja, meta qiegħda tgħin biex ittaffi n-nuqqasijiet finanzjarji esterni u tnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżervi barranin ta' kambju fil-pajjiżi tal-preadeżjoni u l-viċinat, l-istabbilità u r-riformi ekonomiċi f'dan ir-reġjun marbut mill-qrib mal-UE.

Bosta pajjiżi tal-preadeżjoni u l-viċinat talbu l-MFA mill-UE. Fost il-pajjiżi tal-preadeżjoni s-Serbja, il-Bożnja u Ħerżegovina u l-Montenegro fix-xhur li għaddew talbu, formalment jew informalment, għajnuna makrofinanzjarja ġdida. Aktar talbiet mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mhumiex esklużi. Fir-rigward il-pajjiżi tal-viċinat, il-Ġeorġa, l-Ukraina, l-Armenja u, aktar riċentement, il-Belarus u r-Repubblika tal-Moldova talbu għajnuna makrofinanzjarja. Fl-aħħar nett, pajjiżi li mhumiex parti mill-viċinat immedjat tal-UE avviċinaw il-Kummissjoni b'talbiet għall-MFA: Ir-Repubblika tal-Kyrgyz u t-Taġikistan. Anki l-Iżlanda, li kienet partikularment milquta mill-kriżi finanzjarja globali (bil-waqgħa tar-rata tal-kambju u tas-sistema bankarja tagħha) talbet għal għajnuna finanzjarja mill-UE. Il-Kummissjoni qiegħda teżamina dawn it-talbiet u – matul l-2009 – probabbilment se tagħmel proposti formali għal deċiżjonijiet ġodda tal-MFA għal bosta pajjiżi minn dawk li qegħdin jagħmlu t-talbiet.

[pic]

[pic]

[1] ĠU L 269, 10.10.2008, p. 8.