52009DC0481

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Pandemija (H1N1) 2009 {SEG(2009) 1188} {SEG(2009) 1189} {SEG(2009) 1190} {SEG(2009) 1191} {SEG(2009) 1192} /* KUMM/2009/0481 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.9.2009

KUMM(2009) 481 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Pandemija (H1N1)2009

{SEG(2009) 1188}{SEG(2009) 1189}{SEG(2009) 1190}{SEG(2009) 1191}{SEG(2009) 1192}

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Pandemija (H1N1)2009

1. INTRODUZZJONI

F’April 2009, ġie identifikat varjant ġdid tal-influwenza tal-bniedem H1N1 li kien il-kawża ta’ mard l-ewwel fil-Messiku u fl-Istati Uniti, f’Marzu u April tal-2009.

Fil-11 ta’ Ġunju 2009, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat pandemija kkawżata mill-vajrus tal-influwenza ġdid A(H1N1), imsejħa l-‘pandemija (H1N1) 2009'. Din id-dikjarazzjoni kienet konformi mal-pjan tal-WHO ta’ tħejjija globali għall-influwenza fejn il-fażi 6, il-fażi tal-pandemija, hija ddefinita bħala l-vajrus li jikkawża tifqigħat sostnuti fil-livell ta’komunità f’mill-inqas żewġ pajjiżi f’reġjun wieħed tal-WHO u f’mill-inqas pajjiż wieħed ieħor f’reġjun differenti tal-WHO. Id-dikjarazzjoni, għalhekk, irriflettiet il-firxa tal-vajrus il-ġdid, u mhux is-severità tal-marda li jikkawża.

Fl-2005, wara t-tifqigħat tal-influwenza tat-tjur A(H5N1), il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-Istat ta’ Tħejjija u l-Ippjanar tar-Rispons fil-Komunità Ewropea għall-Influwenza Pandemika, li stabbiliet l-għanijiet għal kull fażi interpandemika u pandemika tal-influwenza u l-azzjoni li għandha tittieħed biex dawn jinkisbu kemm f’livell nazzjonali kif ukoll f’dak Komunitarju[1]. Dan il-pjan ipprovda bażi għat-tħejjija u r-rispons għas-sitwazzjoni attwali tas-saħħa pubblika.

Illum, l-Unjoni Ewropea tinsab ħafna iktar ippreparata minn qatt qabel biex tindirizza theddidiet transkonfinali u globali għas-saħħa b’mod ġenerali, u b’mod partikolari, il-Pandemija (H1N1) 2009. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom dispożizzjonijiet legali u operattivi fis-seħħ biex jawtorizzaw il-vaċċini pandemċi u l-mediċini antivirali wara li l-kunsiderazzjoni bir-reqqa tar-riskji u l-benefiċċji fuq il-bażi tad-dejta disponibbli fil-pandemija attwali, b'tali mod li jkun hemm rispons adegwat għal din is-sitwazzjoni tal-pandemija (H1N1) 2009.

Issa hemm ħtieġa għal koordinazzjoni iktar mill-qrib bejn is-setturi u l-Istati Membri, fil-livell Komunitarju, u f’dawk nazzjonali, reġjonali u lokali, biex tgħin fit-tnaqqis tal-impatt fuq is-soċjetà tal-pandemija tal-influwenza permezz ta’ tħejjija u ppjanar xierqa tar-rispons fl-ambitu individwali tagħhom.

L-għan ewlieni ta' din il-Komunikazzjoni huwa l-ħarsien tas-saħħa pubblika, billi tiġi żgurata l-aħjar protezzjoni possibbli għaċ-ċittadini minn din il-pandemija. Għal dan il-għan, il-Komunikazzjoni tippreżenta, f’dokument wieħed, il-kwistjonijiet ewlenin dwar il-koordinazzjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika għall-pandemija (H1N1) 2009 fil-livell tal-UE u internazzjonalment. Barra minn hekk, għandu l-għan li jenfasizza d-dimensjoni transsettorjali importanti ta' din il-pandemija. Għal dan il-għan, u b'rispons għal talbiet mill-Kunsill tal-Ministri tas-Saħħa, il-Kummissjoni qed tagħmel ukoll disponibbli flimkien mat-test preżenti, ħames dokumenti ta’ ħidma separati tal-istaff tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tal-vaċċin, l-istrateġiji tat-tilqim, l-akkwist konġunt, il-komunikazzjoni lill-pubbliku u l-appoġġ għall-pajjiżi terzi.

2. AZZJONI KOMPLEMENTARI LILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE

L-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika, kif stabbilit fl-Artikolu 152 tat-Trattat, għandha tikkumplementa l-politiki nazzjonali, u għandha tkun immirata lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard tal-bniedem, u l-prevenzjoni tas-sorsi tal-periklu għas-saħħa tal-bniedem. L-għan huwa li jingħelbu l-ikbar kawżi ta' mard, billi tippromwovi riċerka dwar il-kawżi tagħhom, it-trażmissjoni u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll l-informazzjoni u l-edukazzjoni dwar is-saħħa.

L-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħhħa u l-kura medika. F’relazzjoni mal-kollaborazzjoni internazzjonali matul tifqigħa globali bħalma hi din il-pandemija, l-Artikolu 152 jgħid li l-Komunità u l-Istati Membri se jkattru l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-isfera tas-saħħa pubblika[2].

Pandemija globali hija theddida għas-saħħa transkonfinali li taffettwa mhux biss lis-saħħa pubblika iżda wkoll lis-soċjetà u lill-ekonomiji fl-UE. Madankollu, il-kapaċità teknika, ir-riżorsi baġitarji u l-istrutturi tat-tħejjija mhumiex ekwivalenti u huma disponibbli ndaqs f’kull Stat Membru.

Konsegwentement, strateġija kkoordinata u ta’ appoġġ fil-livell tal-UE għall-miżuri tas-saħħa pubblika bejn l-Istati Membri tal-UE tista’ tipprovdi benefiċċji sostanzjali. L-ewwel nett, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-pariri xjentifiċi u l-gwida taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, u b’hekk jiżguraw li r-riżorsi nazzjonali għall-valutazzjonijiet xjentifiċi jiġu allokati b’mod iktar effiċjenti.

It-tieni, l-istrateġiji koerenti u li qablu dwarhom l-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar kwistjonijiet bħal pariri għall-ivvjaġġar jew l-għeluq tal-iskejjel, jikkontribwixxu għal fehim u fiduċja aħjar mill-pubbliku fil-miżuri pubbliċi tas-saħħa. It-tielet, l-Ewropej qed jitolbu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni pandemika u kif jipproteġu lilhom infushom. Komunikazzjoni tajba, oġġettiva u aġġornata mal-pubbliku u l-midja tfisser li ma jkunx hemm messaġġi ħżiena jew imħawda bejn il-pajjiżi.

Bħala profilassi, it-tilqim huwa wieħed mill-aktar risponsi effettivi ta' mitigazzjoni f’pandemija, filwaqt li għat-trattament il-medikazzjoni antivirali għadha l-għażla ewlenija. Minħabba l-kapaċità globali limitata tal-manifattura fi żmien qasir, il-vaċċini se jkunu disponibbli fl-UE biss b’mod gradwali. Barra minn hekk, is-solidarità lejn il-pajjiżi terzi, inklużi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, hija wkoll aspett li jista' jiġi kkoordinat aħjar fil-livell Ewropew bejn id-donaturi biex il-pajjiżi benefiċjarji kkonċernati jirċievu l-aħjar benefiċċji.

Id-disponibbiltà tal-vaċċini u l-ħżin u l-aċċess għall-mediċina antivirali huma stabbiliti fil-livell nazzjonali u l-Istati Membri ħadu l-azzjoni preparatorja f’dan ir-rigward. Biex tappoġġa lil dawk l-Istati Membri li għandhom inqas riżorsi finanzjarji jew kapaċitajiet adegwati, il-Kummissjoni bdiet taħdem mal-Kumitat dwar is-Sigurtà tas-Saħħa tal-UE biex tesplora modi kif l-Istati Membri jistgħu jingħataw appoġġ fl-akkwist tal-vaċċini.

3. L-ISFOND

Fit-30 ta’ April 2009, il-Ministri tas-Saħħa adottaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-infezzjoni tal-influwenza A/H1N1[3]. Dawn enfasizzaw il-ħtieġa li jikkoordinaw il-miżuri nazzjonali fl-Ewropa u talbu lill-Kummissjoni biex tkompli tiffaċilita l-qsim tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, partikolarment dwar l-evalwazzjoni tar-riskju, il-ġestjoni tar-riskju u l-kontromiżuri mediċi.

Dawn il-funzjonijiet ta’ koordinament għandhom isiru fil-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa (HSC), is-Sistema ta’ Twissija u Rispons Bikrija għall-Mard li Jittieħed (EWRS) u l-Kumitat tan-Netwerk għas-Sorveljanza Epidemjoloġika u l-Kontroll tal-Mard li Jittieħed, kif ukoll ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, partikolarment il-WHO. Il-Kummissjoni ppresjediet regolarment fil-laqgħat konġunti tal-awtoritajiet nazzjonali tal-ESRS tal-Istati Membri u l-HSC mill-bidu tat-tifqigħa.

Fit-8 u d-9 ta’ Ġunju, il-Kunsill iddiskuta strateġiji tal-vaċċini u t-tilqim kontra l-Pandemija (H1N1) 2009 u ta mandat lil HSC biex jaħdem fuq dawn iż-żewġ kwistjonijiet. Il-Ministri tas-Saħħa ltaqgħu għal darb’oħra informalment fis-6 u s-7 ta’ Lulju 2009 biex jiddiskutu l-istat tat-tħejjija u r-rispons għall-Pandemija (H1N1) 2009, b'konċentrazzjoni fuq nota informattiva tal-Kummissjoni dwar il-politika tat-tilqim u r-riżultat tal-laqgħa tal-esperti tekniċi organizzata mill-Presidenza Żvediża fl-4 u l-5 ta’ Lulju 2009.

F’livell internazzjonali, il-Kummissjoni hija membru tal-Inizjattiva Globali għas-Sigurtà tas-Saħħa fuq l-influwenza pandemika u kwistjonijiet oħra marbuta mas-sigurtà tas-saħħa li tgħaqqad flimkien il-pajjiżi tal-G7 u l-Messiku. Dan in-netwerk kien utli biex tinqasam l-informazzjoni bejn il-membri dwar il-miżuri tas-saħħa pubblika ppjanati jew meħuda.

L-Inizjattiva Globali għas-Sigurtà tas-Saħħa kellha laqgħat informali darbtejn, l-ewwel matul l-Assemblea Dinjija dwar is-Saħħa f’Mejju u mbagħad, fuq stedina tal-Messiku, f’Cancun f'laqgħa ministerjali fit-2 u t-3 ta' Lulju 2009 dwar il-Pandemija (H1N1) 2009. Saret laqgħa oħra f’Settembru fi Brussell fuq stedina tal-Kummissjoni.

4. KOORDINAZZJONI MILL-UE TAR-RISPONS TAS-SAħħA PUBBLIKA – NGħAQQDU L-FORZI MAL-ISTATI MEMBRI

Il-Kummissjoni tissorvelja s-sitwazzjoni internament u esternament permezz ta’ netwerks varji, gruppi ta’ esperti u fora li bihom tkun tista’ taqsam l-informazzjoni mal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-mekkaniżmu intern tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-Kummissjoni (ARGUS) ġie attivat, u dan jippermetti lis-servizzi kollha affettwati biex jevalwaw b’mod konġunt lid-dimensjonijiet multisettorjali ta’ din il-pandemija u jirrispondu b’mod adegwat.

Fis-settur tas-saħħa, il-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-aġenziji xjentifiċi tal-valutazzjoni – iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMEA) u l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza tal-Ikel (EFSA) – dwar kwistjonijiet speċifiċi u taħdem mill-qrib mal-WHO sabiex il-miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni Ewropea jkunu konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-WHO u r-regolamenti internazzjonali tas-saħħa.

Sabiex ikun hemm rispons effettiv u orizzontali tas-servizzi tas-saħħa pubblika għall-pandemija fil-livell Ewropew, kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istat tat-Tħejjija u l-Ippjanar tar-Rispons għall-Influwenza Pandemika, l-Unjoni Ewropea diġà ħadet għadd ta’ miżuri ewlenin permezz ta’ mekkaniżmi eżistenti legali u tas-saħħa pubblika[4].

- Id-definizzjoni tal-każ komuni adottata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-1 ta’ Mejju 2009.[5]:

- Ftehim dwar pariri lil persuni li qed jippjanaw li jivvjaġġaw jew li jirritornaw minn żoni milquta, tat-18 ta’ Mejju 2009;

- Estensjoni tas-sistema ta’ sorveljanza biex tidentifika każijiet ġodda fl-UE fit-18 ta’ Mejju 2009;

- Linji ta’ gwida dwar il-ġestjoni tal-każijiet u t-trattamenti u pariri dwar il-kontromiżuri mediċi għall-professjonisti tas-saħħa fit-18 ta’ Mejju 2009;

- Pariri għall-pubbliku ġenerali dwar miżuri protettivi personali, miftiehma u mogħtija lill-Istati Membri kollha fil-lingwi uffiċjali tal-UE kollha fl-4 ta’ Mejju 2009;

- Dikjarazzjonijiet mill-punti ta’ kuntatt tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tas-Saħħa u s-Sistema ta’ Twissija u Rispons Bikrija (EWRS) dwar l-għeluq tal-iskejjel u l-pariri għall-ivvjaġġar fit-13 ta' Awwissu 2009;

- Dikjarazzjoni dwar 'Strateġiji tat-Tilqim: gruppi fil-mira u ta’ prijorità’ miftiehma mill-Kumitat dwar is-Sigurtà tas-Saħħa u l-punti ta’ kuntatt tal-EWRS fil-25 ta’ Awwissu 2009.

Id-Deċiżjoni 2119/98/KE[6] tqiegħed obbligu fuq l-Istati Membri biex jirrappurtaw it-tifqigħat tal-influwenza lin-netwerk tal-Komunità dwar il-mard li jittieħed. Dawn għandhom jagħtu notifika minnufih tal-każijiet u mbagħad il-Kummissjoni tibgħat l-informazzjoni immedjatament lill-Istati Membri l-oħra kollha, qabel, jekk ikun possibbli, ma jsiru l-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni tal-kontromiżuri mill-Istati Membri. L-ECDC tiġbor din l-informazzjoni. Fil-każ tal-influwenza pandemika, ir-rapporti ta’ kuljum dwar is-sitwazzjoni jiġu mħejjija mill-Istati Membri. L-ECDC tipprovdi wkoll appoġġ kontinwu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni f’termini ta’ sorveljanza u rispons għall-kriżi. Dan jinkludi pariri lill-pubbliku dwar il-miżuri protettivi personali u lill-Istati Membri dwar l-attivitajiet ta’ mitigazzjoni[7]. Il-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili huwa disponibbli biex jiffaċilita l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri jekk il-kapaċitajiet nazzjonali tar-rispons ma jkunux qed ilaħħqu. Dan jista' jinkludi għajnuna immedjata tal-protezzjoni ċivili u għajnuna medika. Il-pajjiżi terzi jistgħu wkoll jitolbu l-għajnuna permezz ta' dan il-mekkaniżmu.

Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-prodotti mediċinali neċessarji, il-leġiżlazzjoni Komunitarja tistipula strumenti li diġà huma mħejjija sew għal pandemija permezz ta':

- Dispożizzjonijiet regolatorji speċifiċi għal valutazzjoni xjentifika rapida u awtorizzazzjoni sussegwenti għat-tqegħid fis-suq ta' vaċċini tal-influwenza tal-bniedem u prodotti mediċinali ewlenin, bħal mediċina antivirali, f'sitwazzjoni ta' pandemija.

- Dispożizzjonijiet regolatorji speċifiċi li jippermettu lill-Istati Membri li jieħdu deċiżjonijiet nazzjonali biex jawtorizzaw id-distribuzzjoni tal-vaċċini mhux awtorizzati f'pandemija tal-Influwenza.

L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMEA) tipprovdi opinjonijiet xjentifiċi dwar l-evalwazzjoni tar-riskji u l-benefiċċji ta' dawk il-prodotti mediċinali, inklużi l-vaċċini u l-mediċini antivirali, li huma soġġetti għall-awtorizzazzjoni Komunitarja mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ( awtorizzazzjoni ċentrali ). Barra minn hekk, permezz tal-għajnuna teknika, EMEA tappoġġa lin-netwerk tal-Istati Membri f'diskussjonijiet xjentifiċi bi tħejjija għall- awtorizzazzjonijiet nazzjonali tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mediċinali. Bi tħejjija għal valutazzjoni xjentifika tal-vaċċini tal-Influwenza A (H1N1) 2009, EMEA qed tiddiskuti mal-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni f'pajjżi terzi, bħall-Istati Uniti.

Filwaqt li fl-imgħoddi diversi mediċini antivirali ngħataw l-approvazzjoni għat-tqegħid fis-suq u huma disponibbli għat-trattament tal-influwenza pandemika fl-UE, ġew ikkonċentrati miżuri ġodda fuq il-valutazzjoni aċċellerata tal-applikazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta' vaċċini tal-Influwenza A(H1N1). EMEA u l-Istati Membri, it-tnejn li huma rċevew jew qed jistennew dawn l-applikazzjonijiet.

Fil-livell Komunitarju, EMEA bħalissa qed tivvaluta d-dejta u l-applikazzjonijiet għal diversi vaċċini. Hekk kif EMEA tipprovdi opinjoni xjentifika pożittiva dwar kull vaċċin abbażi ta' evalwazzjoni ddettaljata tar-riskji u l-benefiċċji, il-Kummissjoni għandha tiżgura deċiżjoni rapida dwar l-awtorizzazzjoni. Wara l-awtorizzazzjoni, hija maħsuba s-sorveljanza speċifika tal-farmakoviġilanza biex tippermetti valutazzjoni kontinwa tas-sikurezza u l-effikaċja ta' dawn il-mediċini. Fil-każ tal-awtorizzazzjonijiet nazzjonali, huwa f'idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu dwar kull aċċellerazzjoni tal-valutazzjoni xjentifka u l-proċedura regolatorja.

L-interazzjoni bejn il-bnedmin u l-annimali

Il-Kummissjoni ħadet ukoll azzjoni fuq kwistjoni addizzjonali dwar il-possibilità li l-ħnieżer ikunu infettati bil-vajrus tal-Influwenza Pandemika (H1N1) 2009 fl-Ewropa. Dan l-avveniment diġà ġie rrappurtat fil-Kanada, l-Arġentina u l-Awstralja, probabbilment minħabba trażmissjoni mill-bniedem għall-ħnieżer li seħħet diġà. Għalkemm s'issa f'dawk il-pajjiżi l-ħnieżer ma kellhomx rwol bħala sors addizzjonali tal-varjus għall-bnedmin, kull individwazzjoni u tifrix tal-vajrus pandemiku fost il-ħnieżer fl-Ewropa jista' jqajjem beżgħat mhux ġustifikati fil-pubbliku.

Fl-14 ta' Lulju 2009, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali approva dokument ta' gwida abbozzat mill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta' sorveljanza u kontroll tal-vajrus pandemiku fil-ħnieżer[8], sabiex il-bdiewa u l-awtoritajiet veterinarji u tas-saħħa pubblika jkunu mħejjija għal kull avveniment bħal dan u b'hekk jitnaqqas ir-riskju ta' paniku bla bżonn mill-pubbliku. Barra minn hekk, dan l-aħħar, il-vajrus Pandemiku A(H1N1) 2009 ġie individwat fid-dundjani fiċ-Ċili, aktarx minħabba trażmissjoni minn bnedmin infettati. Il-Kummissjoni se tissorvelja dawn l-iżviluppi.

L-avjazzjoni

Fir-rigward tat-trasport tal-ajru, ġiet organizzata laqgħa speċifika mal-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni Ċivili fil-5 ta' Mejju 2009. Bħala konklużjoni, ġie miftiehem li jiġi attivat in-netwerk ta' punti ta' kuntatt nazzjonali għall-kwistjonijiet tas-saħħa, li jippermetti l-iskambju u l-qsim tal-informazzjoni relevanti dwar il-kwistjonijiet kollha tat-trasport bl-ajru marbuta mal-vajrus Pandemiku A(H1N1) 2009 bejn l-Istati Membri.

Kwistjoni ewlenija fl-ippjanar tal-kontinġenzi għall-possibilità ta' influwenza pandemika hija l-valur tar-restrizzjoni tal-ivvjaġġar internazzjonali lejn u minn pajjiżi jew reġjuni milquta, jew l-impożizzjoni tal-iskrining tad-dħul u l-ħruġ tal-passiġġieri mill-ajruporti. Il-potenzjal li l-mard infettiv jinxtered malajr minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni dinjija u l-konnessjonijiet imtejba tagħha, ħareġ sewwa fl-epidemija tal-2003 tas-sindromu respiratorju akut sever (SARS). Madankollu, kif deher dak iż-żmien, il-miżuri tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar kienu mmirati lejn pajjiżi speċifiċi fejn l-epidemija kienet infirxet ħafna u kellhom effett limitat. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-pandemika H1N1 attwali tidher li hija differenti ħafna billi diġa infirxet mad-dinja kollha. Għalhekk, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-WHO, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ma tqisux bħala għodda xierqa fis-sitwazzjoni preżenti. Din il-pożizzjoni ntbagħtet ukoll lill-awtoritajiet kollha tal-avjazzjoni mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) fl-1 ta' Mejju u ġiet ikkonfermata matul il-laqgħa tal-Kunsill tal-ICAO fil-11 ta' Mejju 2009. F'konformità ma' din il-pożizzjoni, ma ttieħdet ebda restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar, inkluż it-trasport bl-ajru, fil-livell tal-UE.

Barra minn hekk, ġie miftiehm ukoll li skont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni, u b'kunsiderazzjoni tal-pariri tal-awtoritajiet relevanti tas-saħħa, l-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura xierqa fis-settur tat-trasport tal-ajru. Dawn il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati, mhux diskriminatorji u għandhom ikunu limitati strettament għar-riskji għas-saħħa. F'kull każ, il-koordinazzjoni mill-UE tal-miżuri nazzjonali għandha tkompli tiġi żgurata.

Possibilitajiet ta' għajnuna finanzjarja fil-livell tal-UE

Il-Fond tas-Solidarità tal-Unjoni Ewropea jista' jintuża mill-Istati Membri u l-pajjiżi fil-proċess tan-negozjati tal-adeżjoni tagħhom mal-UE[9], fil-każ ta' diżastri naturali kbar għar-rifużjoni ta' ċerti spejjeż biex tissewwa l-ħsara. Il-kriżijiet tas-saħħa pubblika u partikolarment l-infiq għax-xiri tal-vaċċini mhumiex inklużi fl-ambitu tal-Fond tas-Solidarjetà.

Ta' min jinnota li quddiem il-Kunsill hemm pendenti inizjattiva tal-Kummissjoni biex twessa' l-ambitu tal-fond biex jinkludi, fost oħrajn, azzjoni fil-każ ta' kriżijiet tas-saħħa pubblika, u ilha mingħajr progress mill-2005 (proposta tal-KE COM(2005)108)[10]. Huwa importanti li nirriflettu dwar kif se nipproċedu fuq din il-kwistjoni partikolari. Fondi strutturali oħra jipprijoritizzaw l-investimenti fis-saħħa fl-infrastruttura u għalhekk huma inqas vijabbli f'sitwazzjonijiet urġenti.

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni mehmuż "Appoġġ lill-pajjiżi terzi għall-ġlieda kontra l-Pandemija (H1N1) 2009" jindirizza l-aspett internazzjonali tar-rispons tal-UE. Li kieku kellha tintalab l-għajnuna mill-pajjiżi terzi, l-UE tista' twieġeb skont kif ikun xieraq permezz tal-programmi u l-istrumenti tagħha, inkluż permezz tal-għajnuna umanitarja.

Safejn għandha x'taqsam il-Kummissjoni, din l-għajnuna finanzjarja hija mistennija tkun koperta mill-istrumenti finanzjarji eżistenti. Jekk jinqalgħu xi bżonnijiet importanti addizzjonali, il-Kummissjoni teżamina l-modi disponibbli possibbli biex tkun tista' tiffaċċjahom.

Is-Seba' Programm ta' Qafas tar-Riċerka (FP7)

Il-Programmi ta' Qafas tar-Riċerka (FP7 u l-programmi preċedenti FP6 u FP5 għamlu kontribuzzjonijiet sinifikanti lir-riċerka marbuta mas-saħħa pubblika u mal-influwenza u għat-tħejjija aħjar ta’ rispons għall-pandemiji. It-teknoloġiji innovattivi tat-tilqim u adjuvants, studji tas-sorveljanza fuq għasafar u ħnieżer, l-iżvilupp ta' għodod dijanjostiċi fil-post tal-intervent u mediċina antivirali ġodda kollha ġew iffinanzjati minn proġetti fil-Programmi ta' Qafas. Partikolarment, żewġ proġetti tal-FP7 li għaddejjin huma marbuta direttament mal-pandemija attwali[11].

5. KOORDINAZZJONI INTERNAZZJONALI

Mill-ewwel rapporti dwar it-tifqigħa tal-influwenza (H1N1), il-Kummissjoni saħqet dwar l-importanza tal-qsim tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni tal-miżuri fil-livell internazzjonali. Il-Kummissjoni tappoġġa r-rwol ewlieni tal-WHO fil-monitoraġġ tal-pandemija skont ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa, billi tħejji rakkomandazzjonijiet u gwida bbażata fuq l-evidenza u tiffaċilita l-appoġġ lill-ifqar pajjiżi, fost oħrajn billi toffri l-għarfien espert tagħha, tappoġġa l-ħolqien tal-kapaċità u anki l-akkwist tal-vaċċini u l-antivirali.

Kif issemma qabel, il-Kummissjoni kienet ukoll qed tikkoordina mal-Inizjattiva Globali għas-Sigurtà tas-Saħħa (GHSI) l-azzjoni dwar is-saħħa pubblika u, partikolarment, il-qsim tal-informazzjoni dwar il-miżuri għas-saħħa pubblika.

In-netwerk GHSI qed jaħdem fuq kwistjonijiet simili għal dawk identifikati fil-kuntest tal-UE u qed jipprova jiżgura li jiġu indirizzati b’mod ikkoordinat fil-pajjiżi GHSI. Il-Kummissjoni għamlet laqgħa ministerjali straordinarja tal-GHSI fil-11 ta’ Settembru 2009 dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni marbuta mat-tħejjija u r-rispons għall-pandemija (H1N1) 2009. Konxja mill-potenzjal ta’ passa iktar virulenti tal-vajrus tal-influwenza (H1N1) 2009 fix-xhur li ġejjin, il-laqgħa indirizzat firxa ta' kwistjonijiet kritiċi għal rispons effettiv.

Matul l-14-il laqgħa ministerjali tal-Unjoni Ewropea u l-Grupp Rio (il-pajjiżi tal-Amerika Latina kollha, ir-Repubblika Dominikana, il-Ġamajka, il-Beliże, il-Gijana u l-Ħaiti) li saret fi Praga fit-13 ta’Mejju 2009, ġiet adottata Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-'Vajrus il-Ġdid tal-Influwenza'. Din talbet li tittejjeb il-koordinazzjoni tal-miżuri bejn l-organizzazzjonijiet u l-korpi kompetenti kollha.

Għat-tħejjija tal-istrateġiji għall-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-vaċċini, il-Kummissjoni Ewropea, l-ECDC u l-EMEA għandhom kuntatt mill-qrib mal-WHO u, permezz tal-WHO, ukoll ma' awtoritajiet regolatorji oħra madwar id-dinja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-EMEA kkonkludew arranġamenti kunfidenzjali bilaterali ma' aġenziji regolatorji ta’ tliet pajjiżi terzi għall-kollaborazzjoni regolatorja u xjentifika (l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun) li esperjenzaw mekkaniżmu utli għall-iskambju tal-informazzjoni fil-pandemija kurrenti.

6. L-EFFETTI SOċJALI U EKONOMIċI TAL-PANDEMIJA

Il-Bank Dinji jistma li l-miżuri implimentati biex irażżnu t-tifrix ta' pandemija, għalkemm adegwati, jista’ jkollhom impatt ekonomiku ikbar. Jingħad li jirrappreżentaw 60 % tal-ispejjeż totali. Tnax fil-mija biss ikunu marbuta mal-mortalità u 28 % mal-assenza mix-xogħol u l-mard. L-esperjenza wriet li l-impatt ekonomiku ta’ kriżi tas-saħħa rarament ikun korrelatat direttament mas-severità medika tal-vajrus.

Huwa l-impatt immedjat li x’aktarx se jattira l-iżjed l-attenzjoni tal-pubbliku. Madankollu, skont it-tul u s-severità tal-pandemija, l-effett fit-tul jista’ jisboq ferm l-ispejjeż fit-terminu l-qasir.

L-effetti immedjati (inċertezza epidemjoloġika)

L-aktar impatt ekonomiku immedjat ta’ pandemija jista’ joħroġ mhux minn mewt jew mard iżda mill-isforzi mhux ikkoordinati ta’ individwi biex jevitaw li jiġu infettati.

Huwa antiċipat li jista' jkun hemm domanda kbira għall-isptarijiet u t-trattament mediku, kif ukoll għall-mediċini, fost l-oħrajn l-antivirali u l-vaċċini, il-maskli, l-ingwanti, l-antimikrobi u kontromiżuri oħra Madankollu, il-kapaċità żejda limitata ta' xi fornituri tas-servizzi tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn is-servizzi l-oħra tas-saħħa jistgħu jsibu ruħhom fi żvantaġġ minħabba dawk li huma marbuta mal-pandemija.

Apparti mill-iżviluppi marbuta mal-kura tas-saħħa, in-nies huma mistennija jieħdu prekawzjonijiet addizzjonali u li jnaqqsu l-interazzjonijiet wiċċ imb'wiċċ biex jevitaw l-infezzjoni. Fl-agħar xenarji, dan jista' jirriżulta fi tnaqqis tad-domanda f'xi setturi ekonomiċi u l-mobilità transkonfinali tan-nies u l-oġġetti tista' tiġi affettwata.

Għas-suq tax-xogħol, l-ispiża ewlenija hija marbuta maż-żieda fil-morbidità. Dan jista’ jwassal għall-assenzi mix-xogħol, tfixkil tal-proċessi tal-produzzjoni, ċaqliq lejn proċeduri iktar għaljin u, eventwalment, inqas produttività. Jekk l-impatt psikoloġiku tal-pandemija jkun partikolarment sever, l-assenteiżmu fost ħaddiema f’saħħithom jista’ jkun mistenni wkoll.

Il-Kunsill tas-Saħħa fil-Konklużjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2008 talab lill-Kummissjoni biex tqis id-dimensjoni intersettorjali tat-tħejjija għall-influwenza pandemika billi tirrevdi l-arranġamenti li jkopru dan il-qasam u billi taġġorna l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2005 dwar l-Ippjanar għat-Tħejjija għall-Influwenza Pandemika

Il-Kummissjoni qed tirrifletti fuq il-possibilità li ssaħħaħ il-kollaborazzjoni inter u multisettorjali, biex tgħin fit-tnaqqis tal-effetti iktar ġenerali tal-pandemija kurrenti u l-possibbiltà ta' pandemiji fil-futur.

L-effetti fit-tul (inċertezza ekonomika)

L-ispejjeż marbuta mal-inċertezzi ekonomiċi assoċjati mal-pandemiji, speċjalment fi żminijiet ta' diffikultajiet ekonmomiċi, jistgħu jnaqqsu r-rata tal-irkupru ekonomiku fraġli. Għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-WHO saħaq li l-mezzi kollha disponibbli se jintużaw biex jiġu evitati l-inugwaljanzi, u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jingħataw l-aċċess għall-vaċċini. Dan jaċċerta li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jsofrux b’mod sproporzjonat. Sistema tas-saħħa b’saħħitha hija wkoll neċessarja. Din hija r-raġuni għaliex il-WHO talbet għas-solidarjetà biex jiġu mmirati d-dgħufijiet strutturali wkoll. Fl-20 ta’ Mejju 2009, il-WHO ħarġet rapport li qal li 72 pajjiż ġie pprovdut bil-mediċini antivirali.

Il-Bank Dinji jappoġġa s-solidarjetà mal-pajjiżi li jeħtieġu l-għajnuna biex iwieġbu b’mod effiċjenti għall-pandemija u l-effetti tagħha. Għalhekk, fit-2 ta’ Ġunju, il-Bank Dinji approva status ‘fast-track’ għal $500 miljun biex jgħin lill-pajjiżi jiffinanzjaw operazzjonijiet biex jipprevjenu u jikkontrollaw it-tifqigħat tal-pandemija (H1N1) 2009.

L-effetti fuq is-sigurtà globali, reġjonali u nazzjonali

Id-diffużjoni tal-pandemija (H1N1) 2009 tista’ jkollha implikazzjonijiet importanti għas-sigurtà, l-istabilità u t-tmexxija globali, reġjonali u nazzjonali. F’dan ir-rgiward, politika esterna tal-UE li jkollha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità ta’ “twissija minn kmieni’ fil-pajjiżi terzi għandha titqies bħala komponent ewlieni tal-Istrateġija tas-Sigurtà tal-UE kumplessiva u kontribuzzjoni ewlenija tal-UE għall-istabbilità u t-tmexxija globali aħjar.

7. ELEMENTI STRATEġIċI EWLENIN[12]

L-akkwist konġunt tal-vaċċini

Matul il-il-laqgħa informali tal-Kunsill tas-Saħħa tas-6 ta’ Lulju u abbażi tal-kunsens wiesa’ dwar l-akkwist konġunt tal-vaċċini kontra l-pandemija tal-vajrus tal-influwenza (H1N1) 2009, partikolarment għall-Istati Membri li kienu għadhom ma ordnawx, il-Presidenza Żvediża talbet lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mekkaniżmu biex jgħin bl-akkwist konġunt tal-vaċċini għall-Istati Membri interessati.

Minħabba l-istadju tal-iżvilupp tal-pandemija, u l-ordnijiet tax-xiri minn quddiem li diġà ġew konklużi minn diversi Stati Membri, mhux meqjus raġonevoli jew effiċjenti f’dan l-istadju li titnieda proċedura ta’ akkwist konġunt fil-livell tal-UE bejn l-Istati Membri interessati għall-akkwist tal-vaċċin.

Minflok, l-għan għandu jkun li titnieda ġabra ta ’ sejħiet nazzjonali għall-offerti mill-Istati Membri interessati biex jitwettqu flimkien jew f ’ daqqa . Mal-ewwel daqqa t'għajn, jekk titqies il-pressjoni taż-żmien (il-vaċċini għandhom jinxtraw f’Ottubru) din l-għażla tidher li hija l-aktar waħda prattika (id-dokumenti kuntrattwali lesti, m’hemm ebda kwistjoni ta’ kunflitt tal-liġijiet) u jista’ jkollha l-aktar impatt sinifikanti biex tiżgura d-disponibilità tal-provvista tal-vaċċini għall-gruppi fil-mira u prijoritarji fil-qafas taż-żmien disponibbli.

Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi ta’ akkwist konġunt tagħhom u se torganizza l-laqgħat ta’ koordinament meħtieġa. Il-Kummissjoni lesta biex taġixxi bħala faċilitatur sabiex tagħti pariri dwar il-bażi legali tal-UE fejn meħtieġ u tappoġġa l-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri li jkollhom diġà ftehimiet tax-xiri bil-quddiem u dawk li għadhom ma kkonkludewx ftehimiet ta’ dan it-tip. Għat-terminu l-medju u fit-tul, il-Kummissjoni se tkompli tesplora l-proċeduri alternattivi.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll, flimkien mal-inizjattiva ta' akkwist konġunt, approċċ komuni għall-qsim transkonfinali u bejgħ volontarju fl-UE. Jista' jiġi maħsub mekkaniżmu għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jindirizza n-nuqqasijiet tal-vaċċin fi Stat Membru wieħed u eċċess ta' provvisti f'pajjiż ieħor u dan jista’ jiġi kkoordinat fil-livell tal-UE. Fuq il-bażi tat-tweġibiet li waslu s’issa għand il-Kummissjoni, xi Stati Membri diġà inkludew fil-kuntratti li l-vaċċini, li għadhom ma ntużawx, jistgħu jinbiegħu lil pajjiżi oħra.

L-appoġġ lil pajjiżi terzi għall-ġlieda kontra l-Pandemija (H1N1) 2009

L-għan speċifiku ewlieni tad-dokument ta’ ħidma tal-istaff dwar l-appoġġ lil pajjiżi terzi huwa li jidentifika oqsma u mekkaniżmi eżistenti tal-UE li bihom il-ħtiġijiet tal-pajjiżi terzi jistgħu jiġu appoġġati bil-għan li jiżdied il-livell tal-protezzjoni kontra l-pandemija (H1N1) 2009, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji tas-sjieda tal-pajjiż u l-effettività tal-għajnuna. L-appoġġ kollu tad-donaturi lis-settur tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jirrispetta t-tmexxija tal-pajjiż fid-disinn tal-istrateġija u s-sjieda tal-proċess tal-implimentazzjoni, kif miftiehem fuq livell internazzjonali fl-2008 fl-Aġenda għall-Azzjoni Accra, sabiex l-isforzi internazzjonali tal-għajnuna jkunu aktar effettivi. Huwa importanti li l-inizjazzjoni u l-għajnuna konkreta għall-pajjiżi terzi jitwettqu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-WHO u, fejn relevanti, mal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi. Żieda gradwali tal-kooperazzjoni bejn l-ECDC u ċerti pajjiżi terzi, partikolarment dawk li jaqgħu fil-Politika Ewropea tal-Viċinat, tgħin ukoll fil-ġlieda kontra l-pandemija.

Il-Kummissjoni kkontribwiet ħafna għat-tħejjija globali għall-influwenza permezz tar-rwol mexxej tagħha fir-rispons globali kontra l-Influwenza tat-Tjur li mar lil hinn mis-sempliċi sfida tal-Influwenza tat-Tjur u ffoka fuq it-tisħiħ sostenibbli tas-sistemi tas-saħħa u inkluda t-tħejjija ġenerali għall-pandemiji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea qed tagħti fondi lil għadd ta' pajjiżi bi dħul żgħir permezz ta' miżuri bilaterali (proġetti, appoġġ lill-baġit tas-settur tas-saħħa, appoġġ lill-baġit ġenerali u programmi reġjonali), sabiex is-sistemi nazzjonali tas-saħħa tagħhom ikunu jistgħu jwieġbu aħjar għall-isfida tal-Pandemija (H1N1) 2009.

Il-Kummissjoni se tindirizza l-għanijiet speċifiċi li ġejjin: li ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-pajjiżi terzi, permezz ta' relazzjonjiet regolari mal-UNSIC, il-WHO, l-Istati Membri tal-UE u ma' partijiet interessati oħra, sabiex tkun f'pożizzjoni li tikkonferma fil-ħin theddida potenzjali mill-pandemija (H1N1) 2009; li tidentifika l-ħtiġijiet attwali tal-pajjiżi, għat-tisħiħ tat-tħejjija u l-kapaċitajiet tagħhom ta' prevezjoni, iżda wkoll biex ilaħħqu ma tifqigħat gravi jekk u meta jseħħu; li tmexxi l-akkwist tal-vaċċin mill-UE b'tali mod li ma timpedix l-aċċess ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw għal vaċċini u prodotti mediċinali oħrajn u biex tippromwovi l-aċċess imtejjeb fid-dawl tar-riżorsi limitati. F'konformità mas-sejħa tad-Direttur Ġenerali tal-WHO għal solidarjetà internazzjonali biex ikun hemm aċċess ġust u ndaqs għall-pajjiżi kollha għall-vaċċin pandemiku meta jsir disponibbli, il-possibilità li jiġi rriservat sehem mill-vaċċini għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-Istati Membri għandha titqies bis-serjetà.

L-istrateġiji għat-tilqim

Filwaqt li jagħraf li r-responsabbiltà tal-iżvilupp ta’ strateġija tat-tilqim kontra l-pandemija (H1N1) 2009 hija f’idejn l-Istati Membri, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni dwar l-istrateġiji għat-tilqim, ibbażat fuq l-evidenza xjentifika u x-xejriet epidemjoloġiċi attwali, jistipula l-possibilitajiet li l-Istati Membri jistgħu jqisu, huma u jiddeterminaw l-istrateġiji li jaqblu mal-kundizzjonijiet speċifiċi li jiddominaw fit-territorji tagħhom. Tabilħaqq, abbażi tal-orjentazzjonijiet wiesgħa pprovduti mid-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw skemi differenti tat-tilqim, bil-kunsiderazzjonijiet tax-xejriet epidemjoloġiċi, tal-istrutturi tas-servizzi tas-saħħa u tar-riżorsi disponibbli. Id-dikjarazzjoni dwar il-gruppi fil-mira u prijoritarji għat-tilqim kontra l-pandemija tal-influwenza (H1N1) 2009, miftiehma bejn il-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Awwissu 2009, ikkontribwiet il-bażi għal dan id-dokument[13].

Id-disponibilità limitata inizjali tal-vaċċini, flimkien mal-ħtieġa potenzjali għal kampanja fuq skala kbira għat-tilqim, huma sfidi għas-sistemi tal-kura tas-saħħa u jenfasizzaw il-ħtieġa għal strateġija tat-tilqim ippjanata bir-reqqa, li tqis il-ħtieġa li jiġu mħarsa n-nies vulnerabbli, li jiġi limitat it-tifrix tal-infezzjoni u li jinżammu s-servizzi essenzjali fis-soċjetà. Il-kunfidenza pubblika, u għalhekk, is-suċċess ta’ kull kampanja tat-tilqim kontra l-pandemija (H1N1) 2009 se tiddependi fuq komunikazzjoni attiva u trasparenti dwar il-benefiċċji u r-riskji tat-tilqim kontra l-pandemija (H1N1) 2009.

Tabilħaqq, huwa importanti li jitqies li hemm interess komuni li kull skema tat-tilqim nazzjonali tkun effiċjenti sabiex jiġi kkontrollat it-tifrix tal-vajrus u biex tiġi eliminata kull "riserva tal-vajrus" biex ma jkunx hemm riattivazzjonijiet suċċessivi tal-pandemija.

Il-proċess regolatorju għall-awtorizzazzjoni tal-mediċini antivirali u l-vaċċini

L-UE ħejjiet ruħha minn kmieni għal pandemija permezz ta’ dispożizzjonijiet għal valutazzjoni aċċellerata, bħall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet il-ġodda għall-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ vaċċini tal-Influwenza pandemika (H1N1) u varjanti tagħhom.

Id-dokument ta’ Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva dwar il-passi u l-aspetti ewlenin marbuta mal-awtorizzazzjoni tal-mediċini antivirali u l-vaċċini. Għandha tingħata attenzjoni speċifika lid-deskrizzjoni tad-dispożizzjonijiet partikolari għal awtorizzazzjoni rapida f’sitwazzjoni pandemika u l-obbligi sussegwenti ta' farmakoviġilanza.

Komunikazzjoni lill-pubbliku u lill-midja dwar il-Pandemija (H1N1) 2009,

Biex il-vaċċini jintużaw b'mod adegwat fost il-gruppi fir-riskju u biex jiġu indirizzati b’mod effiċjenti l-problemi l-oħra marbuta mal-prevenzjoni u t-tilqim, l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika madwar l-Ewropa se jiffaċċjaw sfidi li se jeħtieġu strateġija ta’ komunikazzjoni ppjanata bir-reqqa.

Id-dokument ta’ Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni lill-Pubbliku jiddeskrivi fil-qosor il-kwistjonijiet ewlenin marbuta ma’ komunikazzjoni kkoordinata mal-pubbliku dwar il-pandemija (H1N1) 2009 bil-għan li jingħataw messaġġi mmirati u xjentifikament ivvalidati lill-pubbliku ġenerali u għal gruppi ta' riskju speċifiku. Id-dokument jidentifika l-possibbiltà ta' azzjoni konġunta bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni biex jiżviluppa strateġija Ewropea koerenti dwar l-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

8. KONKLUżJONIJIET

Il-Pandemija (H1N1) 2009 hija sfida globali. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-koordinament tal-UE s’issa ħadmet tajjeb. Din il-kriżi wriet li huma fis-seħħ kanali effiċjenti għall-iskambju tal-informazzjoni biex jappoġġaw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tajba tal-isforzi fil-livell Ewropew. Il-ħidma internazzjonali u l-kollaborazzjoni tista’ tinbena wkoll biex jiġu indirizzati effettivament l-isfidi tas-saħħa. Il-benefiċċji huma li dawn jiżguraw il-koerenza u jimmassimizzaw l-effettività tar-rispons nazzjonali tas-servizzi tas-saħħa pubblika. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem għall-appoġġ tal-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa biex tirrevedi s-sistemi ta’ tħejjija tagħhom u r-rispons għall-pandemija tagħhom skont kif ikun xieraq.

L-azzjoni intersettorjali għandha tibqa’ kwistjoni ewlenija fl-indirizzar tal-pandemija (H1N1) 2009. Element kruċjali tar-risponsi għal pandemija fuq kwalunkwe livell huwa li jkun żgurat li jkunu multisettorjali u li jkopru servizzi barra s-settur tas-saħħa. Jeħtieġ li jsir iktar u l-Kummissjoni qed tqis mal-Istati Membri l-ħtieġa għal miżuri biex isaħħu l-kollaborazzjoni inter u multisettorjali biex tiżgura l-kontinwità tan-negozji u timminimizza t-tfixkil tal-impatt negattiv tal-pandemija.

Skont l-iskala u s-severità tas-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika, il-pjanijiet tal-kontinwità tan-negozji jistgħu jidentifikaw ukoll miżuri u arranġamenti biex iżommu s-servizzi kritiċi operattivi. L-istabbiliment tal-pjanijiet ta’ kontinwità fl-oqsma relevanti se jkun utli biex ma jkunx hemm impatt ekonomiku negattiv tal-pandemija tal-influwenza li jista’ jiġi evitat.

[1] COM(2005) 607 tat-28 ta’ Novembru 2005.

[2] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:12002E152:EN:HTML

[3] http://ec.europa.eu/health-eu/doc/council_concl.pdf

[4] Dawn id-dokumenti jinsabu fuq il-websajt tal-Kummissjoni ddedikata għall-Pandemija (H1N1) 2009:http://ec.europa.eu/health/ph_threats/com/Influenza/novelflu_en.htm.

[5] ĠU L 110, 1.5.2009, p. 58.

[6] ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1.

[7] http://www.ecdc.europa.eu/en/healthtopics/Pages/Influenza_A(H1N1)_Outbreak.aspx

[8] Id-dokument ta' gwida huwa disponibbli fuq l-internett fis-sit: http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/influenzaAH1N1/docs/wd_surveillance_and_control_of_h1n1_in_pigs_rev1_140709_en.pdf.

[9] Bħalissa dawn jinkludu biss it-Turkija u l-Kroazja.

[10] COM(2005) 108 tas-6 ta’ April 2005.

[11] EMPERIE qed jikkontribwixxi direttament għar-riċerka fl-aspetti bijoloġiċi importanti (ara http://ec.europa.eu/research/health/infectious-diseases/emerging-epidemics/projects/139_en.html FLUMODCONT to public health aspects (http://www.flumodcont.eu/index.php/home).Għal deskrizzjoni sħiħa tal-proġetti kollha, ara http://ec.europa.eu/research/health/infectious-diseases/emerging-epidemics/projects_en.html

[12] Ħames dokumenti tekniċi tħejjew flimkien ma' din il-Komunikazzjoni biex jiġu stipulati l-oqsma strateġiċi ewlenin. Dawn id-dokumenti jipprovdu deskrizzjoni tal-firxa tal-azzjonijiet potenzjali li jistgħu jkunu utli fl-appoġġ tal-isforzi tal-Istati Membri b’rispons għall-pandemija.

[13] http://ec.europa.eu/health/ph_threats/com/Influenza/novelflu_en.htm.