52009DC0447




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 2.9.2009

KUMM(2009) 447 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

DWAR IT-TWAQQIF TA’ PROGRAMM KONĠUNT DWAR IR-RISISTEMAZZJONI {KUMM(2009) 456 finali}{SEG(2009) 1127}{SEG(2009) 1128}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

DWAR IT-TWAQQIF TA’ PROGRAMM KONĠUNT DWAR IR-RISISTEMAZZJONI

1. Sfond

1.1. Il-kuntest politiku

Sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam[1] fl-1999, l-UE kienet qed taħdem favur it-twaqqif ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA) , li l-għan prinċipali tagħha huwa li ġġib konverġenza progressiva madwar l-UE fi kwistjonijiet dwar l-ażil, bit-twaqqif ta’ standards minimi komuni, it-twaqqif ta’ proċedura komuni u status uniformi dwar l-ażil, kif ukoll bit-tisħiħ ta’ kooperazzjoni prattika. Il-Kummissjoni dejjem saħqet, fil-kuntest tal-iżvilupp tas-SEKA, dwar il-ħtieġa li l-UE tinvolvi ruħha aktar fir-risistemazzjoni tar-refuġjati minn pajjiżi terzi u biex ir-risistemazzjoni tifforma parti integrali mill-politika ġenerali tal-UE dwar l-ażil.

B’konformità mal- Programm tal-Aja [2], f’Settembru tal-2005 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-Programmi Reġjonali ta’ Protezzjoni [3] (RPPs) biex jiġu żviluppati bi sħab ma’ pajjiżi terzi magħżula bl-għan li tissaħħaħ il-protezzjoni tar-refuġjati f'ċerti reġjuni tad-dinja. Il-komunikazzjoni ġibdet l-attenzjoni li r-risistemazzjoni għanda tkun ċentrali fl-għoti tal-għajnuna lil dawn il-pajjiżi. Iż-żewġ RPPs li bħalizza qed isiru fit-Tanzanija, fuq naħa, u fl-Ukrajna, il-Belarus u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, it-tnejn għandhom dimensjoni ta' risistemazzjoni.

Il- Fond Ewropew għar-Refuġjati[4] l-ġdid (FER III), li daħal fis-seħħ fl-2008 jipprovdi għal għajnuna finanzjarja għar-risistemazzjoni ta' refuġjati minn pajjiżi terzi fl-Istati Membri tal-UE.

Konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha interessati dwar il-linji ta’ politika dwar l-ażil, imnedija permezz tal-pubblikazzjoni f’Ġunju tal-2007 tal- Green Paper dwar il-futur ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA)[5] , żvelat rikonoxximent wiesa’ li r-risistemazzjoni għandha tkun ċentrali fil-linji ta’ politika esterni tal-UE dwar l-ażil u li hemm ħafna x’wieħed jiggwadanja minn grad ogħla ta’ kooperazzjoni dwar ir-risistemazzjoni fost l-Istati Membri, il-UNHCR u l-NGOs. Fil- Programm ta’ Politika dwar l-Ażil[6] , adottat fis-17 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li r-risistemzzjoni għandha tiġi żviluppata u estiża ulterjorment fi strument effettiv ta’ protezzjoni biex jiġi użat mill-UE bil-għan li jaqdi l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tar-refuġjati fil-pajjiżi terzi u bħala sinjal ta’ solidarjetà ma’ pajjiżi terzi tal-ewwel ażil.

Il- Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil [7] iddikjara li, fost l-inizjattivi ġodda li se jittieħdu biex jitlesta t-twaqqif ta' Sistema Ewropea Komuni dwar l-Ażil, għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-UNHCR biex tiġi żgurata protezzjoni aħjar għan-nies barra t-territorju tal-UE li jitolbu protezzjoni, b'mod partikolari billi "billi jsir progress, fuq bażi volontarja, fit-triq lejn ir-riinstallazjoni fit-territorju tal-Unjoni Ewropea ta’ individwi mqiegħda taħt il-protezzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati”.

Fit-18 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni adottat proposta għall-ħolqien ta’ Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Ażil (EASO)[8] , li se jipprovdi qafas strutturali għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni prattika fil-qasam tal-ażil, inklużi attivitajiet relatati mar-risistemazzjoni.

1.2. Risistemazzjoni - fatturi ewlenin

Ir-risistemazzjoni f’pajjiż terz hija waħda mit-tliet hekk imsejħa ‘soluzzjonijiet sodi’ disponibbli għar-refuġjati u hija essenzjali fis-sens li toffri soluzzjonijiet għal refuġjati li għalihom m’hemm l-ebda soluzzjoni oħra soda li jistgħu jużaw. Ir-risistemazzjoni ġeneralment issir mill-UNHCR li taġixxi bħala intermedjarju. Hi timmira lejn dawk ir-refuġati li l-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni diġà ġew stabbiliti b’mod ċar u li fiha l-vantaġġ għall-pajjiż riċevitur li hija proċedura korretta , u għar-refuġjat għax huwa proċess li jiggarantixxi s- sigurtà fiżika tiegħu/tagħha. Ir-refuġjati risistemati m’għandhomx għalfejn jirrikorru għal forom differenti ta’ immigrazzjoni illegali (pereżempju l-kuntrabandu tal-bnedmin). Toffri wkoll il-vantaġġ importanti lill-pajjiż fejn issir is-sistemazzjoni li l-akkoljenza u l-integrazzjoni jistgħu jiġu organizzati minn qabel.

Għandha ssir distinzjoni ċara bejn ir-risistemazzjoni tar-refuġjati minn barra t-territorju tal-UE fi Stat Membru tal-UE , li hija miżura umanitarja u turija ta' solidarjetà mill-UE vis-à-vis pajjiżi terzi, u r- risistemazzjoni tar-refuġjati fi ħdan l-UE stess , li primarjament issir għall-iskop ta’ qsim tal-piżijiet fost l-Istati Membri tal-UE. Il-kwistjoni tal-aħħar mhix indirizzata f’din il-Komunikazzjoni. Din il-komunikazzjoni u l-proposta mehmuża biex tiġi emendata d-Deċiżjoni FER tindirizza l-kwistjoni tas-solidarjetà ma’ pajjiżi terzi dwar it-trattament tar-refuġjati. Il-Kummissjoni qed tindirizza wkoll b’urġenza kwistjonijiet oħra ta’ solidarjetà marbuta mal-ġestjoni tal-immigrazzjoni, skont l-appelli tal-Kapijiet tal-Istat u l-Gvernijiet waqt il-Kunsill Ewropew tat-18-19 ta' Ġunju 2009. B’mod partikolari, fost inizjattivi oħra, il-Kummissjoni bil-ħsieb li ssaħħaħ is-solidarjetà madwar l-UE, bdiet skema pilota għar-risistemazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali minn Malta għal Stati Membri oħra.

1.3. L-iżviluppi reċenti fl-UE

Fil-preżent hemm għaxar Stati Membri tal-UE li kull sena jieħdu sehem fir-risistemazzjoni (l-Iżvezja, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Olanda, ir-Renju Unit, l-Irlanda, il-Portugal, Franza, ir-Rumanija u r-Repubblika Ċeka). Uħud mill-Istati Membri l-oħra pprovdew risistemazzjoni fuq bażi ad hoc, u ġeneralment fuq bażi limitata, partikolarment f’sitwazzjonijiet individwali ta’ emerġenza sottomessi mill-UNHCR. Il-Ġermanja dan l-aħħar qablet li tirrisistema 2,500 refuġjat Iraqin mis-Sirja u l-Ġordan.

F'termini ta' impenji ġodda ta' risistemazzjoni , matul l-2007 u l-2008 il-Portugal, Franza, Franza, ir-Rumanija u r-Repubblika Ċeka ddeċidew li jipprovdu postijiet għal risistemazzjoni fuq bażi annwali[9]. Fl-2008 ir-Rumanija kkonkludiet ukoll ftehim bejn tliet partijiet mal-UNHCR u l-IOM dwar it-twaqqif fir-Rumanija (Timisoara) ta' Ċentru ta' Tranżitu tal-Evakwazzjoni, li jservi għar-risistemazzjoni f’każijiet ta’ emerġenza u f’oħrajn speċifiċi

Ir-risistemazzjoni qed tirċievi appoġġ finanzjarju sinjifikanti taħt il-Fond Ewropew għar-Refuġjati (FER III) sa mill-2008. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin (Prijorità 3) għall-ipprogrammar tal-fondi, kif stabbilit fil-linji gwida strateġiċi stabbiliti għal dak l-iskop[10], tipprovdi għall-appoġġ ta’ azzjonijiet li jsaħħu l-qsim tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Dan jinkludi r-risistemazzjoni ta' refuġjati minn pajjiz terz għal Stat Membru. Firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ risistemazzjoni fi Stati Membri huma eliġibbli għal finanzjament taħt il-programmi nazzjonali tal-FER taħt Prijorità 3 (‘ġestjoni kondiviża’).

In-numru ta’ refuġjati risistemati f’kull Stat Membru matul it-tliet snin preċedenti tiġi kkunsidrata fil-kalkolu tal-allokazzjonijiet annwali lill-Istati Membri taħt il-FER. Barra minn hekk, ammont fiss ta’ EUR 4 000 għal kull persuna risistemata (Artikolu 13(3) u (4) ta’ Deċiżjoni FER) huwa pprovdut għal erba’ kategoriji speċifiċi ta’ persuni. Għal dan l-għan, kull sena l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni “wegħda ta’ risistemazzjoni" minn qabel. L-erba’ kategoriji speċifiċi huma dawn li ġejjin:

1. persuni minn pajjiż jew reġjun magħżul għall-implimentazzjoni ta' Programm ta' Protezzjoni Reġjonali;

2. minuri mhux akkumpanjati;

3. tfal u nisa f'riskju, b'mod partikolari ta' vjolenza jew sfruttament psikoloġiku, fiżiku jew sesswali;

4. persuni bi ħtiġijiet mediċi serji li jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta' risistemazzjoni.

Azzjonijiet transnazzjonali jew azzjonijiet ta’ interess għall-Komunità kollha kemm hi li jikkonċernaw il-politika dwar l-ażil, inklużi dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ risistemazzjoni, huma wkoll eliġibbli għal finanzjament taħt l-azzjonijiet komunitarji tal-FER (ġestiti direttament mill-Kummissjoni).

Twettqu bosta proġetti ta’ risistemazzjoni , li jinkludu “ġemellaġġi”, fi ħdan l-UE matul l-aħħar snin. Dawn il-proġetti koprew firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, bħall-proċess tal-għażla u r-riċeviment u l-integrazzjoni ta’ refuġjati risistemati[11]. Bosta atturi differenti, kemm dawk tal-gvern, kif ukoll dawn nongovernattivi (NGOs internazzjonali u lokali, il-UNHCR, l-IOM), kemm minn pajjiżi ta’ risistemazzjoni u pajjiżi mhux ta’ risistemazzjoni, ħadu sehem fil-proġetti. Fl-2008 u l-2009 kien hemm ukoll numru ta’ żjarat konġunti ministerjali jew tal-UE fl-operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni fit-Tajlandja, il-Kenja, is-Sirja u l-Ġordan.

F’Lulju u Novembru tal-2008, il- Kunsill tal-ĠAI adotta l-konklużjonijiet dwar ir-risistemazzjoni tar-refuġjati mill-Iraq , li stabbilixxew l-oġġettiv għar-risistemazzjoni fl-UE sa madwar 10,000 refuġjat Iraqin li qegħdin fis-Sirja u l-Ġordan[12]. Dawn il-konklużjonijiet huma sinjifikanti, mhux biss fir-rigward tal-protezzjoni li tingħata lil refuġjati speċifiċi risistemati, imma wkoll għaliex huma jenfasizzaw il-fatt li r-risistemazzjoni tikkontribwixxi għaż-żamma tas-sitwazzjoni ta' protezzjoni fis-Sirja u l-Ġordan. Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill, erba’ Stati Membri li normalment ma jkunux involti fir-risistemazzjoni, impenjaw ruħhom biex jirrisistemaw refuġjati mill-Iraq (il-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju u l-Lussemburgu).

2. Nuqqasijiet tas-sitwazzjoni preżenti u l-Oġġettivi li joħorġu minn dan

2.1. Ir-rispons tal-UE għall-ħtiġijiet globali tar-risistemazzjoni

Wieħed għandu jiftakar li l-maġġoranza kbira tar-refuġjati madwar id-dinja jsibu ruħhom barra mill-UE, l-aktar f’pajjiżi Ażjatiċi u Afrikani.

Il-ħtiġijiet globali tar-risistemazzjoni huma bil-wisq akbar mill-postijiet ta’ risistemazzjoni li huma disponibbli madwar id-dinja. Il-UNHCR tikkalkula li l-ħtiġijiet globali ta' risistemazzjoni huma ta’ madwar 747,000 persuna, li jinkludu popolazzjonijiet fejn ir-risistemazzjoni hija prevista fuq perjodu ta’ bosta snin. Fuq bażi ta’ prijoritizzazzjoni, il-UNHCR tistma li minn dan in-numru, għall-2010 biss, 203,000 persuna se jkunu jeħtieġu risistemazzjoni[13]. Skont il-UNHCR, fl-2008 65,595 refuġjat madwar id-dinja kienu risistemati . Minn dawn, 4,378 refuġjat, jew 6.7% telqu lejn wieħed mill-pajjiżi tal-UE[14]. In-numru ta’ refuġjati risistemati fl-UE jikkuntrasta bil-kbir man-numri assorbiti minn bosta pajjiżi oħra fid-dinja industrijalizzata[15]. Fl-istess waqt, l-UE tirċievi numru proporzjonalment akbar ta’ individwi li jfittxu l-ażil b’mod ‘spontanju’ minn partijiet oħra tad-dinja żviluppata. Barra minn hekk, maġġornaza ta' pajjiżi tal-UE m'għandhom l-ebda programm ta' risistemazzjoni u jkun jeħtieġ li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ta' bini ta' kapaċità sabiex ikunu f'pożizzjoni li jinvolvu ruħhom regolarment fir-risistemazzjoni. L-objettiv prinċipali tal-azzjoni konġunta tal-UE dwar ir-risistemazzjoni għalhekk għandu jkun li jinvolvi aktar Stati Membri f’attivitajiet ta’ risistemazzjoni u biex jipprovdi għal aċċess korrett u sikur għal protezzjoni ta' dawk risistemati. Fl-istess waqt, għandu jservi biex juri iżjed solidarjetà mal-pajjiżi terżi biex jilqgħu refuġjati għandhom. Bħala riżultat, l-UE se tieħu sehem akbar mir-responsabbiltà biex jiġu moqdija l-ħtiġijiet tar-risistemazzjoni madwar id-dinja. Tista' wkoll isservi biex tagħmilha anqas attraenti għal xi gruppi ta’ refuġjati li jippruvaw jidħlu fl-UE permezz tal-immigrazzjoni illegali

Huwa komunement rikonoxxut li r-risistemazzjoni ma sservix biss għal skop umanitarju vis-à-vis dawk il-persuni li jkunu risistemati, u indirettament għal dawk ir-refuġjati li jibqa’ fl-ewwel pajjiż tal-ażil, imma li sservi wkoll biex isserraħ il-pajjiż terz inkwistjoni mill-piż li jġib miegħu il-fatt li jiġu ospitati numru kbir ta' refuġjati. Ir-risistemazzjoni jista’ jkollha għalhekk rwol importanti bħala komponent tal-politiki esterni tal-UE b’mod aktar ġenerali. L-impatt tar-risistemazzjoni f’termini strateġiċi jkun akbar jekk il-prijoritajiet fir-rigward tal-oriġini ġeografika jew in-nazzjonalitajiet u l-kategoriji speċifiċi tal-persuni li għandhom ikunu risistemati ikunu ffissati b'mod ġenerali fuq il-livell tal-UE. Bħalissa l-Istati Membri li huma pajjiżi ta’ risistemazzjoni b’mod ġenerali jiffissaw prijoritajiet fil-livell nazzjonali, mingħajr ħafna koordinazzjoni fil-livell tal-UE kemm fir-rigward tar-risistemazzjoni nnifisha u kemm fir-rigward ta’ strumenti oħra esterni ta’ politika relatati. Barra minn hekk, il-livell baxx preżenti tal-involviment tal-UE fir-risistemazzjoni tar-refuġjati għandu impatt negattiv fuq l-ambizzjoni tal-UE li jkollha rwol prominenti fl-affarijiet umanitarji globali u b’hekk fuq l-influwenza tal-UE fil-fora internazzjonali. L-involviment tal-UE fl-attivitajiet ta’ risistemazzjoni għandhom għalhekk ikunu msaħħa. bil-ħsieb li jżidu l-effettività u l-kredibbiltà tal-Unjoni fl-affarijiet internazzjonali b'mod ġenerali. L-impatt tar-risistemazzjoni jiżdied b’użu aktar strateġiku ta’ risistemazzjoni fil-livell tal-UE, u b’integrazzjoni aktar effettiva ta’ risistemazzjoni fil-politiki esterni tal-UE b’mod ġenerali.

2.2. Nuqqas ta’ kooperazzjoni strutturata fi ħdan l-UE

Bħalissa m'hemm l-ebda skambju strutturali ta’ informazzjoni fost il-pajjiżi tal-UE dwar ir-risistemazzjoni u l-ebda koordinazzjoni strutturali ta’ attivitajiet ta’ risistemazzjoni fil-livell tal-UE. L-ippjanar ta’ attivitajiet ta’ risistemazzjoni isir l-aktar permezz ta’ kuntatti bilaterali bejn il-pajjiżi tar-risistemazzjoni u l-UNHCR. L-iskambju tal-informazzjoni bejn il-UNHCR u l-pajjiżi tar-risistemazzjoni jsir permezz ta’ fora f’Ġinevra[16], li jistgħu jinkludu pajjiżi tar-risistemazzjoni minn madwar id-dinja u li jkopru kwistjonijiet globali ta’ risistemazzjoni. Ma jinkludux dawk l-Istati Membri tal-UE li bħalissa m’humiex qed iwettqu risistemazzjoni. Għal din ir-raġuni, sa mill-2007 saru laqgħat ta’ esperti dwar ir-risistemazzjoni fuq bażi ad-hoc mill-Kummissjoni. L-istrutturi u l-proċeduri għall-koordinament tal-politika ta’ risistemazzjoni fl-UE għalhekk għandhom ikunu adattati biex jippermettu kooperazzjoni aktar mill-qrib fost l-Istati Membri u koordinazzjoni aktar effettiva ta’ attivitajiet ta’ risistemazzjoni fil-livell tal-UE.

Ir-risistemazzjoni tirrikjedi tħejjija loġistika kbira, bħall-għażla u l-orjentazzjoni tal-missjonijiet, sorveljanza medika u ta’ sigurtà, arranġamenti għall-ivjaġġar u l-viża, programmi ta’ akkoljenza u integrazzjoni. Uħud minn dawn l-attivitajiet jistgħu jsiru b’mod konġunt permezz, jew b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. In-nuqqas preżenti ta’ attivitajiet konġunti u kooperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri żżid l-ispejjeż finanzjarji tar-risistemazzjoni għall-“pajjiżi ta’ risistemazzjoni” preżenti u jservi ta’ ostaklu għal oħrajn li kieku kienu jikkunsidraw li jinvolvu ruħhom fir-risistemazzjoni, partikolarment dawk li jistgħu jikkunsidraw li jintroduċu kwoti żgħar ta’ risistemazzjoni. L-organizzazzjoni tal-attivitajiet loġistiċi varji meħtieġa biex issir ir-risistemazzjoni x’aktarx tiġi kkunsidrata bħala mhux prattika u għolja żżejjed għall-Istati Membri li m’għandhomx l-esperjenza u l-kapaċità fir-rigward tar-risistemazzjoni. L-ispejjeż ekonomiċi marbuta mar-risistemazzjoni fl-UE għalhekk għandhom jintaqqsu permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib fost l-istati Membri.

2.3. Ħtieġa ta’ mmirar ta’ prijoritajiet ta’ risistemazzjoni u appoġġ finanzjarju aħjar

L-appoġġ finanzjarju li jipprovdi l-FER III għar-risistemazzjoni wassal biċ-ċar għal effetti pożittivi fir-risistemazzjoni. Madankollu, l-assistenza addizzjonali li hija pprovduta lill-Istati Membri għal kull refuġjat risistemat skont l-Artikolu 13(3) tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-FER III tapplika biss fir-rigward ta’ erba’ kategoriji speċifiċi ta’ persuni. Filwaqt li dawn il-kategoriji ta’ persuni bla dubju jistħoqqilhom protezzjoni u risistemazzjoni, jista’ jkun hemm kategoriji oħra ta’ persuni li jkunu tal-anqas bl-istess ħtieġa ta’ risistemazzjoni. Peress li l-ħtiġijiet ta’ risistemazzjoni ta’ dawn il-kategoriji ta’ refuġjati huma fil-preżent mhux diskussi b’mod regolari fil-livell tal-UE, m’humiex suġġetti għal valutazzjoni aġġornata li tippermetti identifikazzjoni aħjar ta' dawk il-ħtiġijiet ta' protezzjoni li l-UE tikkunsidra bħala prijoritajiet. Il-qafas tal-FER illum huwa għalhekk riġidu wisq u mhux adattabbli biżżejjed sabiex wieħed jirrispondi għal ħtiġijiet li qed iqumu dan l-aħħar, partikolarment fir-rigward tal-prijoritajiet ġeografiċi. Fl-istess waqt l-Istati Membri jiffissaw prijoritajiet ta’ risistemazzjoni f'livell nazzjonali mingħajr ma jikkonsultaw u jikkoordinaw minn qabel fil-livell tal-UE. Għalhekk għandu jkun hemm mekkaniżmu biex jiżgura li l-isforzi tar-risistemazzjoni fl-UE jkunu mmirati aħjar, fuq bażi kontiwa u dinamika, lejn dawk il-persuni li l-aktar għandhom bżonn ta’ risistemazzjoni. Dan jista’ jsir billi tkun żgurata definizzjoni komuni regolari tal-prijoritajiet ewlenin għar-risistemazzjoni u tiġi pprovduta inċentiva finanzjarja għall-Istati Membri biex jirrisistemaw skont dawn il-prijoritajiet.

3. Il-Programm Konġunt tal-UE dwar ir-risistemazzjoni

In vista tan-nuqqasijiet deskritti, għandu jitwaqqaf programm konġunt tal-UE ta’ risistemazzjoni (1) biex iżid l-impatt umanitarju tal-UE billi jiġi żgurat li hi tagħti appoġġ immirat akbar u aħjar għall-protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati permezz ta' risistemazzjoni, (2) biex issaħħaħ l-użu strateġiku tar-risistemazzjoni billi tiżgura li tkun integrata kif jixraq fil-politiki tal-UE esterni u umanitarji b’mod ġenerali, u (3) biex jiġu ssimplifikati aħjar l-isforzi tal-UE għar-risistemazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-benefiċċji jkunu mwassla bl-aktar mod effettiv għall-flus li jintefqu.

Għal dak l-iskop, il-Kummissjoni qed tipproponi l-emenda tad-Deċiżjoni FER III sabiex tipprovdi inċentivi addizzjonali għall-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom fir-risistemazzjoni, u b’mod li tiżgura li l-prijoritajiet dwar ir-risistemazzjoni maqbula fil-livell tal-UE jkunu effetivament appoġġjati permezz ta’ appoġġ finanzjarju xieraq.

3.1. Prinċipji ta’ Gwida għal Programm Konġunt tal-UE tar-Risistemazzjoni

Bil-ħsieb tal-objettivi ġenerali tal-Programm Konġunt tal-UE tar-risistemazzjoni u bil-kunsiderazzjoni tal-veduti tal-partijiet interessati, il-programm huwa bbażat fuq il-prinċipji gwida li ġejjin:

- Il-parteċipazzjoni mill-Istati Membri fir-risistemazzjoni għandha tibqa’ waħda volontarja. Bħalissa hemm differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-miri numeriċi u t-tagħbijiet speċifiċi tal-każi li huma jixtiequ jissistemaw, il-kriterji legali li huma wżati biex jiġi deċiż min se jiġi risistemat, u l-imsieħba li permezz tagħhom tkun se ssir ir-risistemazzjoni.

- Il- firxa tal-attivitajiet tar-risistemazzjoni fl-UE għandha titwessa’ billi l-akbar numru ta’ Stati Membri possibbli jkunu ffamiljarizzati mar-risistemazzjoni, u tissaħħaħ l-esperjenza u l-kapaċità li jkollhom bżonn biex iwettqu risistemazzjoni.

- Il-mekkaniżmu li huwa stabbilit għandu jippermetti adattabilità għaċ-ċirkostanzi li dejjem jinbidlu. Sabiex ir-risistemazzjoni tintuża b’mod strateġiku għandu jkun possibbli li l-prijotitajiet ta' risistemazzjoni ikunu riveduti kull sena. L-adattabilità hija meħtieġa wkoll sabiex wieħed jirrispondi għall-ħtiġijiet dejjem jevolvu fir-rigward ta’ kooperazzjoni prattika dwar ir-risistemazzjoni bejn l-Istati Membri.

- Atturi apparti mill-gvernijiet tal-Istati Membri, li għandhom rwol ċentrali fir-risistemazzjoni għandhom jieħdu sehem bl-istess mod. L-aktar attur importanti f’dan ir-rigward huwa l-UNHCR, minħabba l-mandat internazzjonali li għandu u r-rwol ċentrali li għandu fir-risistemazzjoni madwar id-inja. L-involviment tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM) huwa importanti wkoll, minħabba r-rwol tagħha fir-rigward tal-aspetti loġistiċi u prattiċi tal-attività tar-risistemazzjoni madwar id-dinja. NGOs internazzjonali u lokali li għandhom għarfien u esperjenza speċifika rigward ir-risistemazzjoni, kif ukoll awtoritajiet lokali, għandhom ikunu involuti wkoll, partikolarment fir-rigward tal-akkoljenza u l-integrazzjoni ta’ refuġjati risistemati.

- L-iżvilupp ta’ approċċ komuni tal-UE għar-risistemazzjoni ta’ refuġjati minn pajjiżi terzi għandu jkun inkrimentali u, bl-esperjenza, l-ambitu tal-programm għandu jiġi żviluppat ulterjorment.

3.2. Komponenti tal-Programm Konġunt tal-UE dwar ir-risistemazzjoni

Il-Programm prinċipalment ikun jikkonsisti f’mekkaniżmu li jippermetti l-iffissar ta’ prijoritajiet komuni annwali dwar ir-risistemazzjoni u użu aktar effettiv tal-assistenza finanzjarja disponibbli permezz tal-eżerċizzju ta’ “wegħdiet tal-FER. Dan ikun ikkumplimentat permezz ta’ kooperazzjoni prattika msaħħa, l-effettività aktar qawwija ta’ politiki esterni tal-ażil u evalwazzjoni regolari tal-Programm Konġunt ta’ Risistemazzjoni.

3.2.1. L-iffissar annwali tal-prijoritajiet komuni bbażati fuq proċess konsultattiv u użu aħjar tal-eżerċizzju tal-wegħdiet tal-FER

Grupp ta’ Esperti tar-Risistemazzjoni

Il-Grupp ad hoc ta’ Esperi tar-risistemazzjoni li hemm fil-preżent se jkun żviluppat f’korp li jiltaqa’ fuq bażi regolari. L-Istati Membri kollha, inklużi kemm il-pajjiżi tar-risistemazzjoni u dawk m'humiex, se jipparteċipaw, flimkien ma’ msieħba oħra interessati (pereżempju l-UNHCR, l-IOM, l-ECRE, l-NGOs li huma attivi fir-risistemazzjoni, kull wieħed skont il-bażi tal-kompetenza speċifika tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-mandat tiegħu). Il-Grupp ta’ Esperi tar-Risistemazzjoni se jipprepara għall-identifikazzjoni tal-prijoritajiet komuni annwali tal-UE, li sussegwentement ikunu l-bażi ta’ abbozz ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni. Dawn il-prijoritajiet se jkunu bbażati fuq previżjoni indikattiva tal-ħtiġijiet ta’ risistemazzjoni li jkunu pprovduti mill-UNHCR fir-rebbiegħa kull sena. Il-Grupp ukoll ikun involut fi skambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri fuq miri kwantitattivi ffissati minn Stati Membri u jiddiskuti ħtiġijiet speċifiċi fir-rigward ta’ risistemazzjoni, bħall-attivitajiet immirati biex jinkoraġġixxu lill-Istati Membri li għadhom mhux involuti fir-risistemazzjoni. Il-Grupp, flimkien mal-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Ażil, ikun ukoll f’pożizzjoni biex jidentifika l-ħtiġijiet kurrenti għal kooperazzjoni prattika fil-qasam tar-risistemazzjoni.

Prijoritajiet komuni bl-irfid finanzjarju tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati

Se jitwaqqaf mekkaniżmu li permezz tiegħu l-prijoritajiet komuni tal-UE kollha kemm hi dwar ir-risistemazzjoni jkunu stabbiliti kull sena permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-prijoritajiet jistgħu japplikaw kemm għar-reġjuni u nazzjonalitajiet ġeografiċi kif ukoll għal kategoriji spefiċi ta’ refuġjati li għandhom ikunu risistemati, inklużi każijiet ta’ emerġenza. L-UE tista', pereżempju, tipprijoritizza r-risistemazzjoni tar-refuġjati Iraqini mis-Sirja u l-Ġordan, ir-refuġjati Somali mill-Kenja, jew ir-refuġjati Sudaniżi miċ-Ċad. Fl-identifikazzjoni ta’ dawn il-prijoritajiet, se tiġi żgurata l-koerenza mal-politiki esterni tal-UE b’mod ġenerali. Il-qafas se jippermetti, fuq bażi annwali, l-identifikazzkoni ta’ ħtiġijiet ta' risistemazzjoni ġodda jew ta’ prijorità. B’mod partikolari għal gruppi vulnerabbli, bħat-tfal u l-minuri mhux akkumpanjati, hu jippermetti analiżi aktar fil-fond tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet l-aktar kruċjali.

Għalhekk qed jiġi propost li d-Deċiżjoni FER III għandha tiġi emendata , sabiex l-Istati Membri li jissistemaw skont il-prijoritajiet annwali tal-UE jirċievu assistenza finanzjarja skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni FER III. Dan l-artikolu bħalissa jipprovdi li assistenza finanzjarja addizzjonali tingħata lill-Istati Membri jekk iwiegħdu li jirrisistemaw refuġjati li jaqgħu taħt l-erba’ kategoriji speċifiċi kif deskritti f’punt 1.3. Din id-dispożizzjoni tiġi emendata sabiex tirrendi l-mekkaniżmu kurrenti aktar dinamiku u adattabbli. Mandakollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jwettqu risistemazzjoni ta’ kategoriji oħra ta’ refuġjati. Il-proposta biex tiġi emendata d-deċiżjoni FER III hija ppreżentata mill-Kummissjoni flimkien ma’ din il-komunikazzjoni.

Fuq il-bażi tax-xogħol preliminari tal-Grupp ta’ Esperi tar-Risistemazzjoni, kull sena se jiġu identifikati prijoritajiet komuni biex jiskattaw l-eżerċizzju ta’ wegħdiet li taħtu l-Istati Membri jirċievu assistenza finanzjarja. Il-Kummissjoni kull sena tiddeċiedi fuq il-prijoritajiet annwali ta’ risistemazzjoni fuq il-bażi ta’ konsultazzjonijiet fil-kumitat ta’ ġestjoni tal-Programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi Migratorji” li jinkludu l-FER III. Din id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni se tkun waħda mill-miżuri implimentattivi tad-Deċiżjoni li waqqfet il-FER III, adottata mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew fuq il-bażi tal-Artikolu 63(2)b tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Din id-deċiżjoni annwali għandha ssir fi żmien li jippermetti lill-Istati Membri li jissottomettu l-wegħdiet tar-risistemazzjoni sabiex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għall-allokazzjonijiet finanzjarji taħt il-FER III.

3.2.2. Kooperazzjoni prattika msaħħa

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Ażil

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Ażil (EASO) hu mistenni li jsir operazzjonali fl-2010. Se jipprovdi qafas strutturali għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni prattika, li jinkludu attivitajiet fir-rigward tar-risistemazzjoni. Ir-Regolament propost li jwaqqaf l-uffiċċju jiddikjara li “l-Uffiċċju għandu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni u kull azzjoni oħra li tittieħdet fuq kwistjonijiet marbutin mal-implimentazzjoni tal-istrumenti u l-mekkaniżmi marbuta mad-dimensjoni esterna tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. L-Uffiċċju għandu jikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni u kull azzjoni oħra li jsiru fir-rigward tar-risistemazzjoni tar-refuġjati fi ħdan l-Unjoni Ewropea.”

L-iżvilupp ta’ kooperazzjoni prattika dwar [ir-risistemazzjoni] hu mistenni li jġib miegħu sinerġiji importanti. L-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet annwali komuni hi mistennija li tippermetti biex din il-kooperazzjoni ssir iffukata aktar. Jistgħu jsiru attivitajiet konkreti flimkien mill-Istati Membri, bħal missjonijiet ta’ għażla u ta’ ġbir tal-informazzjoni, programmi ta’ orjentazzjoni ta’ qabel it-tluq, sorveljanza medika, arranġamenti tal-ivjaġġar u tal-viża. Forom oħra ta’ kooperazzjoni jistgħu jinkludu skambju ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta' każijiet speċifiċi ta' risistemazzjoni u taħriġ konġunt. Il-kooperazzjoni dwar l-akkoljenza u l-integrazzjoni x’aktarx tkun l-aktar fil-forma ta’ skambju ta’ informazzjoni u l-identifikazzjoni tal-‘aħjar prattiċi’, bil-ħsieb li tiġi mtejba l-kwalità tas-sistemi ta’ akkoljenza u integrazzjoni, li jvarjaw konsiderevolment minn Stat Membru għall-ieħor. Wieħed jista’ jitgħallem mill-esperjenzi mibnija permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, bl-involvimenti ta’ imsieħba interessati differenti.

L-EASO jista' jkun involut ukoll f’kooperazzjoni teknika marbuta ma’ risistemazzjoni ma’ pajjiżi terzi, kemm ma’ pajjiżi mhux tal-UE involuti fir-risistemazzjoni kif ukoll ma pajjiżi tal-ewwel ażil. Tali kooperazzjoni tista’ bl-istess mod tinvolvi lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u b’mod partikolari mal-UNHCR u l-IOM. Sabiex jiġi żgurat li l-EASO jista’ jibda fis bl-attivitajiet tiegħu, il-prijoritajiet għall-ewwel snin tal-programm ta’ ħidma tiegħu jeħtieġ li jiġu identifikati malajr kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni se tikkoopera ma’ msieħba interessati differenti biex tidentifika dawn il-prijoritajiet kemm jista’ jkun malajr. Qabel it-tmiem tal-Presidenza preżenti tal-Iżvezja (2009), l-ewwel sett ta’ prijoritajiet jista’ jiġi identifkat diġà.

Proġetti pilota u l-aħjar prattiċi dwar ir-risistemazzjoni

Twettaq numru kbir ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni prattika marbuta mar-risistemazzjoni fis-snin reċenti. Dan jista’ jiġi attribwit l-aktar għar-rwol attiv li kellha s-soċjetà ċivili, partikolarment tal-NGOs. Hu mistenni li se jibqa' jkun hemm bżonn ta' attivitajiet simili matul is-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni għalhekk se tibqa’ tappoġġja dawn l-attivitajiet, b’mod partikolari permezz tal-Azzjonijiet Komunitarji tal-FER.

Żvilupp reċenti huwa t-twaqqif ta’ Ċentru ta' Tranżitu tal-Evakwazzjoni (ETC) fir-Rumanija għar-risistemazzjoni. Bosta Stati Membri dan l-aħħar urew interess fl-użu ta’ dan Ċentru ta' Tranżitu tal-Evakwazzjoni bħala faċilità li minnha jkunu jistgħu jirrisistemaw kategoriji speċifiċi ta’ refuġjati li jkollhom bżonn urġenti ta' sistemazzjoni. L-użu tal-ETC jista’ jagħmilha aktar faċli u aktar effiċjenti għall-flus minfuqa biex issir ir-risistemazzjoni u jista' jservi ta' pilota għal inizjattivi oħra simili ta' dan it-tip.

3.2.3. Żieda fl-effettività tal-politiki esterni tal-UE dwar l-ażil

Kooperazzjoni mal-UNHCR

Sabiex il-programm tal-UE jirnexxi - kemm fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-prjoritajiet komuni kif ukoll bħala attivitajiet ta' kooperazzjoni prattika - se jkun importanti li wieħed jikkoopera mill-qrib mal-UNHCR . Il-konsultazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-UNHCR fir-rigward tar-risistemazzjoni għalhekk se jkun hemm bżonn li jiġu intensifikati, inkluż il-grupp ta ħidma dwar ir-Risistemazzjoni f’Ġinevra u l-Konsultazzjonijiet Annwali bejn Tliet Partijiet dwar ir-Risistemazzjoni. Se jkun hemm bżonn ukoll tal-involviment mill-qrib tal-EASO. Il-programm il-ġdid tal-UE jista’ jirrikjedi xi adattazzjonijiet għall-amministrazzjoni preżenti tar-risistemazzjoni mill-UNHCR, imma m’għandux jikkumplikaha bla bżonn. L-introduzzjoni ta’ dan il-programm il-ġdid għandha tkun meqjusa bħala opportunità biex tingħata imbuttatura ġdida lir-risistemazzjoni madwar id-dinja.

Koordinazzjoni mtejba mal-politiki esterni tal-UE

Hemm il-ħtieġa li wieħed jipprovdi strutturalment għal approċċ integrat bejn ir-risistemazzjoni, komponenti oħra tal-politiki esterni tal-UE dwar l-ażil u l-politiki esterni tal-UE b’mod ġenerali. B’mod partikolari, għandha tiġi żgurata l-koerenza mal-Approċċ Globali tal-UE dwar il-Migrazzjoni[17]. Taħt il-programm konġunt, l-iffissar tal-prijoritajiet tar-risistemazzjoni se jsir fuq il-bażi tal-ħtiġijiet preżenti, kif ikunu identifikati regolarment mill-UNHCR, kif ukoll fuq il-bażi ta’ konsiderazzjonijiet oħra umanitarji u politiċi identifikati mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, bil-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni speċifika tal-pajjiżi terzi kkonċernati, kif ukoll ir-relazzjoni ġenerali tal-UE ma' dawn il-pajjiżi. Id-diskussjonijiet reċenti u konklużjonijiet adottati mill-Kunsill tal-Ministri tal-ĠAI dwar ir-risistemazzjoni tar-refuġjati Iraqini mis-Sirja u l-Ġordan, jisħqu fuq il-fatt li r-risistemazzjoni tista’ tkun komponent importanti tal-politiki esterni tal-UE. Barra milli jirreferi għall-ħtiġijiet urġenti ta’ risistemazzjoni ta’ ċertu numru minn dawn ir-refuġjati, il-Kunsill espressament jinnota “il-fatt li sforz imsaħħaħ ta' risistemazzjoni fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jibgħat sinjal pożittiv ta' solidarjetà lill-Iraqini kollha u ta' kooperazzjoni mas-Sirja u l-Ġordan għaż-żamma tal-ispazju ta' protezzjoni tagħhom.”[18] L-involviment dirett tal-Kunsill tal-ĠAI bir-risistemazzjoni tar-refuġjati Iraqini mis-Sirja u l-Ġordan kien, madankollu, eċċezzjonali, u juri l-ħtieġa ta' mekkaniżmu strutturat ta' teħid ta' deċiżjonijiet u infrastruttura korrispondenti li tista’ tiġi mmobilizzata biex tirrispondi għall-iżviluppi. Il-politiki esterni tal-UE jistgħu jkunu strumentali wkoll fil-ħolqien ta’ qafas għat-tħejjija għall-preparazzjoni u l-mobilizzazzjoni ta’ programmi ta’ risistemazzjoni.

Fil-Programmi Reġjonali ta’ Protezzjoni (RPPs) li se jkunu żviluppati fil-futur, ir-risistemazzjoni għandha tkun inkorporata b’mod aktar effettiv u l-implimentazzjoni tagħha għandha tiġi ssorveljata aktar mill-qrib. Sa mill-2007, il-Programmi pilota ta’ Protezzjoni Reġjonali twettqu fit-Tanzanija u fi tliet pajjiżi li kienu tal-NIS (l-Ukrajna, il-Belarus u r-Repubblika tal-Moldova). L-esperjenza turi, madankollu, li r-risistemazzjoni baqgħet komponent relattivament sottożviluppat ta’ dawn l-RPPs pilota u li kien biss numru limitat ta’ refuġjati li kien risistemat mill-Istati Membri tal-UE mill-pajjiżi benefiċjarji. L-RPPs futuri jistgħu jinkludu r-reġjuni tal-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani. Id-dimensjoni tar-risistemazzjoni se tiġi eżaminata wkoll bħala parti mill-evalwazzjoni tal-RPPs li l-Kummissjoni se twettaq ma’ miseħba oħra interessati qabel tmiem l-2009.

3.3. L-irrappurtar u l-Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-EASO, se tirrapporta kull sena lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar l-isforzi tar-risistemazzjoni li jkunu saru fi ħdan l-UE, kif ukoll dwar ir-riżultati tal-wegħdiet tar-risistemazzjoni sabiex tagħmilha possibbli għall-istituzzjonijiet biex isegwu l-progress fl-isforzi dwar ir-risistemazzjoni fl-UE u jiddiskutu l-konklużjonijiet dwar żviluppi ulterjuri. Se tiġi organizzata Konferenza matul l-2012 mal-imsieħba interessati kollha biex issir evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-progress li jkun sar fir-risistemazzjoni permezz tal-programm tal-UE dwar ir-risistemazzjoni. L-evalwazzjoni se tħares lejn l-effettività tal-assistenza finanzjarja pprovduta taħt l-artikolu 13 tal-FER III, u tista’ wkoll teżamina l-possibbiltà li tintroduċi modulazzjoni tas-somma f’daqqa skont il-vulnerabbiltà jew il-ħtiġijiet ta’ kategoriji ta’ individwi risistemati.

Il-programm konġunt tal-UE dwar ir-risistemazzjoni se jkun evalwat fl-2014, bil-ħsieb li jiġu identifikati l-oqsma fejn jista' jsir titjib u biex il-programm tar-risistemazzjoni jiġi żviluppat aktar. Kif propost mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-10 ta’ Ġunju tal-2009, dan l-għan aktar ambizzjuż għandu jkun inkluż fil-Programm ta’ Stokkolma, li għandu jiġi adottat sa tmiem l-2009 u se jistabbilixxi l-oġġettivi tal-UE għall-ħames snin li ġejjin fil-qasam tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà[19].

4. Proposta biex tiġi Emendata d-Deċiżjoni FER III

Il-Kummissjoni qiegħda għaldaqstant tipproponi li ssir emenda fid-Deċiżjoni FER III, kif stipulat fil-proposta leġiżlattiva mehmuża ma’ din il-Komunikazzjoni.

[1] ĠU C 340, 10.11.1997.

[2] ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

[3] COM(2005) 388 finali

[4] Id-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 li twaqqaf il-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu 2008 sal-2013 (ĠU L 144, tas-6.6.2007, p. 1).

[5] Il-Green Paper dwar il-futur tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (COM (2007) 301)

[6] Programm ta’ Politika dwar l-Ażil, Approċċ integrat għall-protezzjoni fl-UE, COM(2008)360 finali.

[7] Disponibbli fuq: http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/08/st13/st13440.en08.pdf

[8] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Uffiċċju ta' Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Ażil, (COM(2009) 0066 finali).

[9] Il-Portugal iddeċieda li jisrrisistema 30 refuġjat kull sena, Franza madwar 350-450 refuġjat kull sena, ir-Rumanija 40 refuġjat kull sena u r-Repubblika Ċeka 30 refuġjat kull sena.

[10] Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2007 li timplimenta d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ linji gwida strateġiċi mill-2008 sa l-2013 (ĠU L 326, 12.12.2007, p. 29–31).

[11] Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-proġetti kienu kkofinanzjati permezz tal-AGRO u l-ERF.

[12] Dokumenti tal-Kunsill 11653/08 (Presse 205) u 16325/1/08 REV 1 (Presse 344)

[13] Il-projjezzjonijiet tal-UNHCR dwar il-ħtiġijiet ta’ risistemazzjoni għall-2010.

[14] Ara anness 4 tal-Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-programm konġunt tal-UE dwar ir-risistemazzjoni p.5.

[15] Pereżempju, in-numru ta’ refuġjati li jiġu risistemati kull sena fil-Kanada - madwar 10 000 - huwa aktar mid-doppju tan-numru totali ta’ refuġjati li kull sena jiġu risistemati fl-UE.

[16] Il-Konferenza Annwali bejn Tliet Partijiet dwar ir-Risistemazzjoni (ATCR) u l-Grupp ta Ħidma dwar ir-Risistemazzjoni

[17] Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar l-approċċ Globali tal-UE dwar il-migrazzjoni, COM (2005) 621, COM (2006) 735 COM (2007) 247, COM (2008) 611.

[18] Dokument tal-Kunsill 16325/1/08 REV 1 (Presse 344)

[19] COM (2009) 262 finali