52009DC0440




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 28.8.2009

KUMM(2009) 440 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Europeana – il-passi li jmiss SEC(2009) 1124

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Europeana – il-passi li jmiss

1. INTRODUZZJONI

L-Europeana – il-librerija, mużew u arkivju onlajn tal-Ewropa - fetħet f'Novembru 2008 bħala parti mill-inizjattiva tal-Kummissjoni lejn libreriji diġitali, bil-għan li l-wirt kulturali u xjentifiku tal-Ewropa jkun aċċessibbli għal kulħadd fuq l-internet. Il-Parlament Ewropew[1] u l-Kunsill[2] enfasizzaw l-importanza tal-Europeana kemm bħala vetrina għall-wirt kulturali tal-Istati Membri fuq l-internet kif ukoll biex tipprovdi aċċess lil kulħadd għal dan il-wirt. Fl-istess ħin huma ġibdu l-attenzjoni fuq il-potenzjal ekonomiku tat-teżori kulturali tagħna onlajn bħala sors ta' kreattività u prodotti u servizzi ġodda f'setturi bħat-turiżmu u t-tagħlim.

Dan id-dokument iħares 'il quddiem lejn il-fażi li jmiss ta' żvilupp tal-Europeana u l-orjentazzjoni tagħha għal futur. Jistipula l-isfidi ewlenin għas-snin li ġejjin fir-rigward ta' 1) l-arrikkiment tal-kontenut tal-Europeana kemm b'materjal ta' dominju pubbliku kif ukoll b'materjal bid-dritt tal-awtur tal-aqwa kwalità u rilevanza għall-utenti, u 2) il-ħolqien ta’ mudell sostenibbli ta' finanzjament u governanza. L-għan huwa li jkun żgurat li l-Europeana u l-politiki fil-bażi għad-diġitizzazzjoni, l-aċċessibbiltà onlajn u l-konservazzjoni diġitali jagħtu lill-kultura Ewropea viżibbiltà li ddum fiż-żmien fuq l-internet u jbiddlu l-wirt kemm komuni kif ukoll differenti tagħna f'parti integrali tal-infrastruttura tal-informazzjoni tal-Ewropa għall-futur.

Sabiex jinġabru kontributi dwar l-aqwa mod kif jintlaħaq dan il-għan, il-Kummissjoni qed tvara konsultazzjoni fuq il-bażi ta' serje ta' mistoqsijiet li jinsabu fid-dokument ta' ħidma tal-persunal li qed jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. Il-partijiet interessati huma mistiedna jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar kwalunkwe mistoqsija jew il-mistoqsijiet kollha sal-15 ta' Novembru 2009.

2. EUROPEANA: STRATEġIJA SABIEX IL-WIRT KULTURALI TAL-EWROPA JITTELLA’ ONLAJN

2.1. Kuntest tal-politika

L-inizjattiva tal-libreriji diġitali i2010 ġiet varata f'Settembru 2005. L-inizjattiva bniet fuq attivitajiet aktar bikrin sponsorjati mill-Kummissjoni sabiex il-wirt kulturali tal-Ewropa jkun onlajn u segwiet fuq ittra (datata t-28 ta' April 2005) minn sitt Kapijiet ta' Stat u Gvern lill-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Ewropa li ssuġġeriet il-ħolqien ta' librerija diġitali Ewropea.

Għall-pubbliku ġenerali, l-Europeana hija l-aktar riżultat viżibbli tal-inizjattiva. Hija punt komuni ta' aċċess lejn ammont enormi u dejjem jikber ta' kontenut li ġie diġitizzat u magħmul disponibbli minn istituzzjonijiet kulturali fl-Istati Membri. Madankollu, l-Europeana hija biss parti żgħira. Il-ħolqien u l-iżvilupp tagħha ma jkunux possibbli mingħajr l-isforzi sostnuti mill-Istati Membri dwar id-diġitizzazzjoni, l-aċċessibbiltà onlajn u l-konservazzjoni diġitali. Il-Kummissjoni ħadmet flimkien mal-Istati Membri sabiex dawn il-kwistjonijiet jingħataw post fl-aġenda politika u sabiex tiżgura li l-politiki mal-Ewropa kollha jieħdu l-istess direzzjoni. Fl-2006 il-Kummissjoni ħarġet Rakkomandazzjoni[3] li tistipula serje ta' miżuri konkreti li għandhom jittieħdu, u timmonitorja kif l-Istati Membri jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni u l-Konklużjonijiet relatati tal-Kummissjoni, bil-kollaborazzjoni ta' Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni ffaċilitat wkoll il-bini ta' kunsens bejn il-partijiet interessati dwar soluzzjonijiet prattiċi għal kwistjonijiet ewlenin li jaffettwaw l-aċċessibbiltà onlajn tal-materjal kulturali u xjentifiku. Dan ix-xogħol kien organizzat permezz tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Libreriji Diġitali, li ġabar flimkien istituzzjonijiet kulturali, rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet u ta' kumpaniji tat-teknoloġija u individwi akkademiċi. Dan wassal, fost affarijiet oħra, għal mudell ta' liċenzja għad-diġitizzazzjoni ta' xogħlijiet li ma għadhomx aċċessibbli fl-istampa u għal proġett ta' kollaborazzjoni bejn il-pubblikaturi u x-xjentisti sabiex ikejlu l-effetti ta' aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi. Dawn l-attivitajiet ta' politika jissejsu fuq xogħol tekniku estensiv kofinanzjat mill-programm e Content plus, il-programm ta' Kompetittività u Innovazzjoni u s-7 programm kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp.

L-Europeana tikkontribwixxi għat-tixrid tal-kulturi tal-Istati Membri u twassal l-elementi komuni fuq quddiem billi tagħti viżibbiltà għolja lill-wirt kbir u differenti fuq l-internet. Tkabbar ir-rilvenza tal-kollezzjonijiet diġitizzati individwali billi toffri "wirjiet virtwali permanenti" ta' xogħlijiet li jinżammu madwar il-kontinent.

Is-sit jgħin ukoll fis-sejba ta' informazzjoni f'formati differenti (testwali, akustiku, awdjoviżiv u viżiv) u fil-paragun ta' perspettivi differenti tal-istorja Ewropea komuni tagħna u tal-wirt fil-pajjiżi differenti.

Barra minn hekk, l-Europeana tistimula u tiffoka inizjattivi ta' diġitizzazzjoni ulterjuri fl-Istati Membri billi tipprovdilhom dehra ġenerali ta' liema materjal diġà ġie diġitizzat u tenfasizza l-ispazji vojta fl-isforzi ta' diġitizzazzjoni tal-Unjoni.

Il-valur tal-Europeana għall-utenti huwa li tippermettilhom isibu, permezz ta' punt ta' kollegament uniku – u fil-lingwa tagħhom stess – kontenut kulturali diġitizzat minn organizzazzjonijiet kulturali affidabbli madwar l-Unjoni Ewropa kollha, u li jużaw dan il-kontenut fix-xogħol, fil-ħin liberu u fl-istudji.

2.2. Qagħda attwali

L-Europeana bħalissa tagħti aċċess dirett permezz ta' punt ta' kollegament multilingwi għal provvista unika ta' aktar minn 4.6 miljun ktieb, gazzetta, biċċa tal-film, mappa, ritratt u dokument diġitizzat mil-libreriji, l-arkivji, il-mużewijiet u l-arkivji awdjoviżivi tal-Ewropa. Dan in-numru se jikber b’rata mgħaġġla mas-snin li ġejjin. L-interess pubbliku fl-Europeana intwera b'mod ċar meta ġiet varata f'Novembru 2008.

Sa issa, aktar minn 1,000 istituzzjoni kulturali ikkontribwixxew kontenut lill-Europeana (direttament jew permezz ta' aggregaturi) u aktar minn 150 istituzzjoni qed jipparteċipaw fin-netwerk imsieħeb magħha. Din il-kollaborazzjoni bejn tipi differenti ta' istituzzjonijiet kulturali miksuba permezz tal-Europeana hija bla preċedenza kemm fl-iskala kif ukoll fil-potenzjal tagħha. Il-lista li qed tiżdied ta' istituzzjonijiet kulturali li joffru l-kontenut tagħhom sabiex ikun aċċessibbli permezz tas-servizz turi s-saħħa ta' dan il-potenzjal u l-impenn lejn il-viżjoni tal-Europeana. L-Europeana sabet mod kif tipprovdi aċċess dirett għall-kollezzjonijiet kulturali differenti tal-Ewropa, filwaqt li fl-istess ħin tikkonserva l-viżibbiltà ta' dawn l-istituzzjonijiet għall-utent. Il-kollaborazzjoni tista' tiġi estiża għal inizjattivi oħra mad-dinja, bħal-Librerija Diġitali Dinjija.

Hemm struttura organizzattiva lesta għall-iżvilupp ulterjuri tal-Europeana. Fuq il-bażi ta' kuljum is-sit huwa mmexxi mill-uffiċju tal-Europeana, li hu f'idejn il-Librerija Nazzjonali Olandiża. Dan l-uffiċju qed jikber sabiex ilaħħaq mal-kompiti li jżomm u jaġġorna il-prototip li ġie varat fl-2008, u qed jaħdem lejn ħruġ fuq skala kbira tas-sit – Europeana 1.0 – fl-2010.

Fis-snin li ġejjin is-sit jittejjeb gradwalment b'funzjonalitajiet u servizzi ġodda u t-titjib ta' dawk li diġà jeżistu. Il-karatteristiċi tat-tfittix u l-punti ta' kollegament huma kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati. Se tingħata wkoll attenzjoni partikolari lejn l-iżvilupp tas-servizzi Web 2.0 sabiex jinħolqu komunitajiet ta' interess, kif ukoll jittejbu l-karatteristiċi multilingwi. Stħarriġ reċenti fost l-utenti tal-Europeana li għalih irrispondew aktar minn 3,000 persuna, u li offra reazzjonjiet pożittivi dwar is-servizz wassal kontribut ta' opinjonijiet għat-titjib tas-sit.. Waqt l-aġġornament tas-sit, l-European se tkompli tiffunzjona bħala laboratorju għall-ittestjar ta' ideat ġodda u riżultati tar-riċerka. Hemm bżonn ta' aktar promozzjoni tal-Europeana sabiex iċ-ċittadini jkunu aktar konxji ta' dan is-servizz.

3. AKTAR KONTENUT GħALL-EUROPEANA

Kundizzjoni sabiex l-iżvilupp ulterjuri tal-Europeana jkun suċċess hija li għandha żżid il-kollezzjonijiet tagħha. Il-mira tal-politika tal-Kummissjoni hija li sal-2010 jkun hemm 10 miljun oġġett aċċessibbli permezz tas-sit. In-numru għandu jimmoltiplika fis-snin ta' wara.

It-tmigħ tal-kontenut lill-Europeana jesiġi diġitizzazzjoni sostnuta mal-Ewropa, u ż-żieda ta' metadejta għall-oġġetti diġitizzati li jikkonformaw mal-ogħla standards. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri sabiex iżidu l-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward, u biex jiżguraw li l-kontenut diġitizzat jista' jsir faċilment aċċessibbli permess tal-Europeana, inkluż il-ħolqien ta' ġabriet nazzjonali jew tematiċi[4].

3.1. Tipi ta' kontenut

Kollox ma' kollox, il-kontribut minn Stati Membri differenti lill-Europeana għadu żbilanċjat, kemm fis-sens ta' għadd ta' oġġetti kif ukoll bħala tipi ta' materjal (ara il-parti 2 tad-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni) L-isforzi kbar magħmula minn Franza sabiex jagħtu kontenut fil-Europeana, bil-preżenza ta' madwar 47% tal-oġġetti diġitizzati kollha, huma viżibbli ħafna. Xi Stati Membri oħra kkontribwixxew biss bi ftit oġġetti. Din is-sitwazzjoni se tibbilanċja ruħha b'mod gradwali hekk kif aktar kollezzjonijiet minn madwar l-Ewropa jiddaħħlu fil-Europeana.

F'din l-ewwel fażi, xi Stati Membri (eż. il-Polonja, l-Ungerija) ikkontribwixxew l-aktar kotba lill-Europeana, filwaqt li oħrajn (il-Finlandja, il-Lussemburgu, l-Estonja) ikkonċentraw il-kontribut tagħhom fuq gazzetti u rivisti jew (fil-każ tar-Rumanija) immaġnijiet mill-mużewijiet. Dan iwassal għal sitwazzjoni paradossali fejn il-klassiċi tal-letteratura Ewropea huma disponibbli permezz tal-Europeana f'medda ta' lingwi, iżda mhux fil-lingwa tal-oriġini. Pereżempju, wieħed isib ix-xogħlijiet ta' Goethe bil-Franċiż, bil-Pollakk u bl-Ungeriż, iżda mhux bil-Ġermaniż.

Din is-sitwazzjoni qajmet kummenti u mistoqsijiet mill-utenti. L-għażla tal-kontenut li għandu jiġi diġitizzat u mdaħħal fil-Europeana huwa determinat mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kulturali tagħhom, skont il-politiki kulturali u/jew ta' informazzjoni tagħhom. Madankollu, sabiex jintlaħqu l-aspettativi tal-utenti rigward x'isibu fil-Europeana, jista' jkun jeħtieġ sforz partikolari rigward kategoriji speċifiċi ta' materjal.

3.2. Kontenut bid-dritt tal-awtur

Waħda mill-isfidi ewlenin għall-Europeana hija li jiddaħħal materjal bid-dritt tal-awtur, sabiex jiġi evitat il-"vojt iswed tas-seklu 20" - sitwazzjoni li fiha ħafna mill-materjal kulturali ta' qabel l-1900 huwa aċċessibbli fuq il-web, imma ftit li xejn hemm materjal disponibbli tal-passat aktar reċenti. Dan jitlob kolloborazzjoni tajba bejn l-istituzzjonijiet kulturali u d-detenturi tad-drittijiet, b'rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tad-dritt tal-awtur. Kollaborazzjoni bħal din tista' tieħu l-forma ta' ftehimiet bejn l-istituzzjonijiet kulturali nazzjonali u d-detenturi tad-drittijiet jew ta' links mis-siti tal- Europeana mħaddma mid-detenturi tad-drittijiet.

Eżempju tajjeb ta' tip ta' sħubija bħal din tal-aħħar huwa l-Gallica2, is-sit tal-Bibliothèque nationale de France. Dan jagħti aċċess liberu lil materjal ta' dominju pubbliku u jipprovdi links għall-kontenut bid-dritt tal-awtur tal-pubblikaturi Franċiżi. Il-pubblikaturi jiddeċiedu kemm mill-kontenut tagħhom jixtiequ juru permezz tal-Gallica2, u l-utenti jistgħu jakkwistaw ix-xogħlijiet kollha mis-siti tagħhom. Jista' jiġi kunsidrat mudell simili għall-Europeana. Il-vantaġġ għall-utenti huwa li mhux biss huma jkollhom aċċess dirett onlajn għal materjal ta' dominju pubbliku, iżda jistgħu wkoll isibu faċilment il-kontenut bid-dritt tal-awtur li huma jixtiequ jakkwistaw. Il-vantaġġ għall-pubblikaturi jkun viżibbiltà ogħla tax-xogħlijiet tagħhom għal udjenza mal-Ewropa kollha.

F'diversi pajjiżi Ewropej, pereżempju fl-Olanda u fil-Ġermanja, id-detenturi tad-drittijiet u l-istituzzjonijiet kulturali qed ifittxu mudell li jippermetti lill-istituzzjonijiet kulturali jiddiġitizzaw il-materjal kulturali b'kumpens u jagħmluh aċċessibbli għall-pubbliku. Dan jirrigwarda b'mod partikolari kotba li ma għadhomx jiġu stampati iżda li huma koperti mid-drittijiet tal-awtur, kif ukoll gazzetti antiki.

Għall-iżvilupp tal-Europeana huwa essenzjali li liċenzji bħal dawn jipprovdu għad-disponibbilità tal-materjal mal-UE. Fil-fatt, aggregatur Franċiż kellu jirtira ritratti mill-Europeana, peress li kellu biss id-dritt ixerred il-materjal fit-territorju tiegħu stess. Hemm eżempji oħra fejn istituzzjonijiet kulturali aċċettaw liċenzji li jirrestrinġu t-tixrid tal-materjal lill-indirizzi IP fi ħdan id-dominju nazzjonali. Arranġamenti bħal dawn huma r-riżultat ta' kunsiderazzjonijiet finanzjarji – liċenzja li tkopri l-Ewropa kollha tista' tqum aktar flus - jew jistgħu jkunu relatati ma' kwistjonijiet legali. Mandankollu, jkunu qed jirriskjaw li jifframmentaw il-wirt kulturali diġitali tal-Ewropa f'silos nazzjonali fuq l-internet u jqajmu mistoqsijiet dwar ir-responsabbiltà ta' istituzzjonijiet kulturali ffinanzjati mill-pubbliku madwar l-UE li jagħtu aċċess ekwu lis-servizzi li joffru fuq l-internet liċ-ċittadini kollha tal-UE.

Wieħed mis-setturi fejn hu meħtieġ il-progress b'mod urġenti sabiex ikun faċli li ssir id-diġitizzazzjoni li minnha jibbenefika l-kontenut aċċessibbli permezz tal-Europeana huwa s-settur tax-xogħlijiet orfni, jiġifieri dawk ix-xogħlijiet li huwa impossibbli jew diffiċli ħafna li jiġu intraċċati id-detenturi tad-drittijiet. Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tal-2006 dwar id-diġitizzazzjoni u l-konservazzjoni diġitali, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri sabiex ikollhom il-mekkaniżmi sabiex jittrattaw mal-problema tax-xogħlijiet orfni. Minn dak iż-żmien 'l hawn, ħafna mill-Istati Membri ftit għamlu progress. Fil-kuntest tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-libreriji diġitali, ġie ffirmat memorandum ta' ftehim mill-partijiet interessati varji dwar linji ta' gwida ta' tfittix diliġenti għax-xogħlijiet orfni.

Il-Green Paper tal-2008 dwar id-Drittijiet tal-Awtur fl-Ekonomija tal-Għarfien[5] segwiet dan b'sejre ta' mistoqsijiet, b'mod partikolari dwar jekk hiex meħtieġa leġiżlazzjoni fuq livell Ewropew biex jiġu indirizzati x-xogħlijet orfni u dwar kif jiġu ttrattati l-aspetti transkonfinali involuti. Wara r-riżultat tal-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tipprepara valutazzjoni tal-impatt dwar il-mod kif tiġi ttrattata l-kwistjoni tax-xogħol orfni, li se tesplora varjetà ta' approċċi li jistgħu jiffaċilitaw id-diġitizzazzjoni u t-tixrid tax-xogħlijiet orfni.

Reċentement il-kwistjoni tax-xogħlijiet orfni attirat dejjem aktar l-attenzjoni bħala riżultat tal-ftehim dwar it-tfittix bil-Google Book li jikkonċerna ħafna minn dawn ix-xogħlijiet. Il-ftehim kien diskuss fuq livell ministerjali fil-Kunsill tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Kultura tat-12 ta' Mejju 2009 u fil-Kunsill tal-Kompetittività fit-28 ta' Mejju 2009. Il-Kummissjoni kienet mitluba tippreżenta analiżi tal-effetti tal-ftehim, u qiegħda attwalment tipprepara din l-analiżi.

Fil-kuntest tad-diġitizzazzjoni ta' xogħlijiet eqdem, hemm differenza impressjonanti u tal-ogħla rilevanza mal-Istati Uniti rigward il-leġiżlazzjoni tad-dritt ta' awtur. It-terminu ta' protezzjoni tad-dritt tal-awtur ġie armonizzat fl-Ewropa u fl-Istati Uniti għal 70 sena wara l-mewt tal-awtur, iżda l-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti tinkludi d-data tal-għeluq tal-1923 (xogħlijiet pubblikati qabel l-1923 huma fid-dominju pubbliku). Għalhekk, ħafna materjal ta' oriġini Ewropea minn qabel l-1923 jista' jiġi diġitizzat u magħmul disponibbli fl-Istati Uniti mingħajr ftehim ta' liċenzja, filwaqt li jista' ma jkunx disponibbli għaċ-ċittadini Ewropej permezz ta' servizzi bħall-Europeana[6]. Il-konsegwenza prattika hija aċċess onlajn usa' għal kotba diġitali fl-Istati Uniti milli fl-Ewropa, u għandhom jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet li jinvolvu d-detenturi tad-drittijiet u l-istituzzjonijiet kulturali sabiex din is-sitwazzjoni tkun rimedjata.. Dawn is-soluzzjonijiet jistgħu jinkludu ħolqien aktar rapidu ta' reġistri għal xogħlijiet orfni jew li ma għadhomx jiġu stampati – dan diġà qed isir permezz tal-proġett ARROW – jew l-użu pragmatiku ta' data tal-għeluq li timponi limitu aktar baxx għal tfittix diliġenti għal xogħlijiet minn qabel ċerta data.

3.3. Kontenut tad-dominju pubbliku

Ħafna mill-materjal aċċessibbli f'format diġitali permezz tal-Europeana huwa fid-dominju pubbliku; dan ifisser li mhuwiex jew ma għadux kopert mid-dritt tal-awtur u, fil-prinċipju, kulħadd għandu aċċess għalih u jista' jużah. Dan il-materjal huwa sors importanti għall-użu mill-ġdid miċ-ċittadini u l-kumpaniji bl-istess mod u jixpruna l-kreattività fl-era tal-internet. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li "ix-xogħlijiet fid-dominju pubbliku jibqgħu aċċessibbli wara li jinbidel il-format. Fi kliem ieħor, xogħlijiet fid-dominju pubbliku għandhom jibqgħu hemm ladarba jiġu diġitizzati u jkunu aċċessibbli permezz tal-internet”[7].

Fil-prattika, dan mhux dejjem huwa l-każ. Filwaqt li wħud mill-istituzzjonijiet kulturali jindikaw b'mod espliċitu li l-materjal li jagħtu lill-Europeana huwa ta' dominju pubbliku, oħrajn jippretendu drittijiet fuq il-kopji diġitizzati u/jew ikunu jridu ħlas għat-tniżżil tal-materjal. Ftit mill-istituzzjonijiet ipoġġu filigrana u, f'każ wieħed, trid tħallas biex tara l-materjal f'daqs raġonevoli. Il-prattiki differenti jirriflettu l-medda wiesgħa ta' approċċi mal-UE, li huma xi kultant dettati minn pressjoni dejjem tikber fuq l-istituzzjonijiet kulturali sabiex iżidu d-dħul ta' flus dirett mill-assi li għandhom. Il-ħtieġa ta' ħlas għal xogħlijiet ta' dominju pubbliku diġitizzati tirrifletti wkoll il-fatt li d-diġitizzazzjoni tqum il-flus. Fl-istess ħin tillimita serjament il-potenzjal kulturali u ekonomiku tal-materjal.

Mil-lat legali, il-mistoqsija hija dwar jekk id-diġitizzazzjoni toħloqx drittijiet ġodda fiha nnifisha. Normalment, dan ma jkunx il-każ. Madankollu, il-livell ta' oriġinalità meħtieġ għall-ħolqien tad-dritt tal-awtur mhuwiex armonizzat fuq livell Ewropej, allura r-risposta għall-mistoqsija tista' tkun differenti minn Stat Membru għall-ieħor[8]. Jista' jvarja wkoll għal tipi differenti ta' diġitizzazzjoni (pereżempju l-iskenjar ta' kotba mhux l-istess bħal proċess bi prezz għoli li jbiddel l-oġġetti fi 3D).

Il-kwistjoni tal-prinċipju hija jekk hux aċċettabbli li jissakkar materjal ta' dominju pubbliku li ġie diġitizzat bi flejjes pubbliċi minn istituzzjonijiet pubbliċi minflok dan jinbidel f’riżorsa mifruxa għas-soċjetà tal-informazzjoni. Dan l-aħħar approċċ huwa skont il-politika tal-Komunità dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni fis-settur pubbliku, kif ukoll tar-Rakkomandazzjoni Ministerjali tal-OECD dwar Aċċess Aħjar u Użu Aktar Effettiv tal-Informazzjoni fis-Settur Pubbliku[9]. Din il-kwistjoni hija essenzjali għall-funzjonament tal-Europeana, peress li fil-kundizzjonijiet tal-użu tiegħu, is-sit isegwi l-politiki tal-istituzzjonijiet kontributuri.

Meta istituzzjonijiet pubbliċi jagħmlu arranġamenti esklussivi ma' kumpaniji privati għad-diġitizzazzjoni u l-isfruttament tal-assi uniċi tagħhom ta' dominju pubbliku bi skambju għal vantaġġi materjali jitqajmu kwistjonijiet simili. Arranġamenti bħal dawn għandhom ir-riskju li jsakkru l-kontenut ta' dominju pubbliku, imma f'xi każi dan jista' jkun l-uniku mod sabiex tkun finanzjata d-diġitizzazzjoni. Din id-dilemma kienet espressa mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Libreriji Diġitali fir-rapport tiegħu dwar is-sħubijiet pubbliċi-privati għad-diġitizzazzjoni. Il-Grupp jirrakkomanda li "kontenut ta' dominju pubbliku fid-dinja analoga għandu jibqa' fid-dominju pubbliku fl-ambjent diġitali. Jekk hemm bżonn ta' restrizzjonijiet għall-aċċess u l-użu tal-utenti sabiex il-kontenut diġitali jkun disponibbli, dawn ir-restrizzjonijiet għandhom japplikaw biss għal perjodu limitat ta' żmien."[10]

4. KWISTJONIJIET TA' FINANZJAMENT U GOVERNANZA

Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2008 dwar l-Europeana, il-Ministri tal-UE responsabbli mill-kultura enfasizzaw il-bżonn li jinstab mudell ta' finanzjament u governanza sostenibbli għas-servizz. Il-Ministri stiednu lill-Fondazzjoni tal-Librerija Diġitali Europeana, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jaħdmu flimkien f'dan ir-rigward u saru diskussjonijiet fil-kuntest tal-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri dwar id-Diġitizzazzjoni u l-Konservazzjoni Diġitali. Il-konsultazzjoni preżenti tiftaħ id-dibattitu għal medda usa' ta' partijiet interessati dwar kif tista' tkun garantita l-awtonomija meħtieġa għall-Europeana fil-futur.

Għall-iżvilupp ulterjuri tal-Europeana wieħed jista' jikkonċepixxi mudelli diverġenti ferm, minn operazzjoni totalment finanzjata mill-Komunità sa mudell fejn is-settur privat ikollu rwol ewlieni fit-tmexxija tas-servizz. Il-mudell ta' finanzjament u governanza li jintagħżel fl-aħħar għandu jqis il-vokazzjoni tal-Europeana li toffri l-aktar aċċess wiesa' possibbli għall-kollezzjonijiet kulturali, l-ambitu tal-Europeana u n-natura tas-sit, kif ukoll ir-rwol prominenti tal-istituzzjonijiet kulturali li joffru l-kollezzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, għandu jqis il-fatt li l-kostijiet tal-uffiċċju tal-Europeana jirrappreżentaw biss frazzjoni żgħira mill-investimenti totali mill-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea sabiex il-wirt kulturali tal-Ewropa jkun aċċessibbli fuq l-internet.

4.1. Finanzjament għall-fażi ta' żvilupp (2009-2013)

Il-Kummissjoni Ewropea kkontribwixxiet finanzjarjament fil-fażi tal-bidu għall-ħolqien tal-Europeana permezz tal-proġett EDL-net, kofinanzjat bil-programm e Content plus. Il-proġett, li kellu baġit ta' EUR 1.3 miljun spiċċa fil-bidu tal-2009.

Għall-perjodu mill-2009 sa nofs l-2011 l-iżvilupp tal-Europeana se jkun kofinanzjat b'EUR 6.2 miljun permezz tal-proġett Europeana 1.0, magħżul bil-programm e Content plus. F'din il-fażi, diversi Stati Membri[11] kif ukoll xi istituzzjonijiet kulturali se jagħtu kontribut finanzjarju.

Sal-aħħar tal-2013 il-Kummissjoni tista' tkompli tappoġġja l-fażi ta' żvilupp tal-Europeana permezz tal-Programm ta' Kompetittività u Innovazzjoni. Se jkun hemm kofinanzjament ulterjuri mill-Istati Membri u/jew minn sponsorjar inizjali mis-settur privat f'din il-fażi.

4.2. Finanzjament għat-terminu medju (2013 u lil hinn)

Għal perjodu lil hinn mill-2013 għandhom jitqiesu modi addizzjonali ta' finanzjament tal-Europeana, li jsibu l-bilanċ adegwat bejn il-finanzjament mill-Komunità u riżorsi oħra, u li jitbiegħed mill-finanzjament preżenti abbażi ta' proġetti. Jistgħu jiġu pprovduti sorsi komplementari ta' finanzjament permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati jew permezz ta' kontribut aktar strutturat mill-Istati Membri. Jista' jkun mistenni wkoll xi dħul mis-sit, imma dan se jkopri biss parti modesta ħafna mill-ispejjeż totali għat-tmexxija tas-servizz. Ma għandhiex tkun għażla li l-utent iħallas sabiex jasal għall-kontenut permezz tal-Europeana u għall-funzjonalitajiet l-oħra tas-sit, peress li dan jipperikola serjament l-użu mill-utenti u jmur kontra l-għan bażiku tas-sit.

Sħubijiet pubbliċi-privati għall-Europeana

Is-sħubijiet pubbliċi-privati għall-Europeana jistgħu jieħdu forom differenti. L-ewwel mudell huwa sponsorjar mill-privat, hekk kif l-Europeana tiżviluppa aktar u tattira aktar utenti. L-isponsorjar jista' jingħata b'kunsiderazzjonijiet filantropiċi – mudell li huwa użat ħafna fl-Istati Uniti. Jista' wkoll isir bi skambju għal xi ħaġa oħra, pereżempju r-reklamar.

Il-prattiki fl-Istati Membri huma differenti fejn tidħol l-aċċettabbilità tal-komunikazzjoni kummerċjali fuq siti li joffru servizz pubbliku bħall-Europeana. Dan jista' jiddependi wkoll fuq it-tip ta' komunikazzjoni kummerċjali, peress li l-preżenza ta' logo ta' kumpanija fuq fl-isfond tal-informazzjoni huwa differenti minn strixxa bi slogan li jippromwovi prodott partikolari.

Sors potenzjali ieħor ta' dħul jista' jkun il-ħlas għal-links pprovduti mill-Europeana lejn il-kontenut ta' organizzazzjonijiet (privati u pubbliċi) li jiġġenera dħul ta' flus minn dan il-kontenut. Fi kliem ieħor, jista' jkun hemm ħlas ta' senserija għat-traffiku ġenerat għas-siti b'kontenut li sewa l-flus. Madankollu, sħubija pubblika-privata bbażata fuq links bħal dawn ma timplikax bilfors relazzjoni finanzjarja. Is-sħubija bejn il-Bibliothèque nationale de France u l-pubblikaturi Franċiżi permezz tal-Gallica 2 hija eżempju fejn il-forniment ta' dawn il-links jitqies bħala parti mill-kompiti pubbliċi tas-sit.

Mudell ieħor possibbli biex jittejbu l-karatteristiċi tas-sit huwa li jintużaw is-soluzzjonijiet u l-ħiliet tekniċi ta' kumpaniji privati sabiex l-Europeana tittejjeb. Jistgħu jintgħażlu sħab privati permezz ta' proċess ta' akkwist (skont ir-regoli Ewropej dwar l-akkwist pubbliku) jew il-kontribut tagħhom jista' jkun parti minn link sponsorizzat kif deskritt hawn fuq.

Mudelli ta' sħubija b’ambitu usa’ jistgħu jitqiesu fejn is-settur privat ikun direttament involut fit-tmexxija tal-Europeana u fil-ġenerazzjoni ta' introjtu biex jopera s-sit. Mudelli bħal dawn ikunu jridu jqisu serje ta' limitazzjonijiet. Ovvjament, l-Europeana għandha tkompli timmira lejn l-għanijiet ta' politika kulturali u ta' informazzjoni li huma r-raġuni għall-eżistenza tagħha. Ikun meħtieġ ukoll il-qbil totali tal-organizzazzjonijiet kulturali kontibuturi tal-kontenut peress li huma effettivament għandhom il-materjal diġitali li huwa fil-bażi tas-servizz. Fl-aħħarnett, mudelli bħal dawn ikunu jridu jiġu implimentati b'mod li jevita t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni.

Finanzjament pubbliku għall-Europeana

Finanzjament sostnut mis-settur pubbliku isib il-ġustifikazzjoni tiegħu mill-importanza tal-Europeana bħala mezz li jwassal il-politika kulturali li jżid il-valur ta' kollezzjonijiet kulturali frammentati onlajn li attwalment spiss huma nieqsa mill-viżibbiltà, billi jgħaqqadhom flimkien permezz ta' punt komuni multilingwi tad-dħul. Barra minn hekk, investiment pubbliku relattivament żgħir fil-Europeana jista' jiġġenera ammont enormi ta' attivitajiet indipendenti kreattivi u ekonomiċi f'setturi bħat-tagħlim u t-turiżmu.

Il-finanzjament pubbliku jista' jiġi minn medda ta' sorsi differenti. Għażla waħda kkunsidrata u mwarrba mill-Fondazzjoni Ewropea tal-Libreriji Diġitali hija kontribut finanzjarju magħmul mill-organizzazzjonijiet kulturali li jikkontribwixxu l-kontenut. Dawn l-organizzazzjonijiet jinkludu assoċjazzjonijiet nazzjonali u Ewropej, aggregaturi u istituzzjonijiet individwali minn setturi differenti. L-eteroġeneità ta' dan il-grupp hija ostaklu għad-diżinn ta' sistema ta' kontributi li dawk kollha kkonċernati jistgħu iqisu bħala ġusta.

Kontribut akbar mill-Istati Membri jista' jieħu forma konkreta fuq żewġ mudelli bażiċi. L-ewwel approċċ jiddependi fuq ir-rieda tal-Istati Membri individwali sabiex jikkontribwixxu, kif għamlu wħud minnhom fil-fażi tal-bidu. Din tista' tkun għażla fuq żmien qasir u flessibbli. Fl-istess ħin, dan iħalli qasam wiesa' ta' nuqqas ta' sigurtà għall-Europeana, peress li l-baġit disponibbli jista' jvarja minn sena għall-oħra. Barra minn hekk, dan l-approċċ ma joffrix stampa ċara lill-Istati Membri dwar x'inhu mistenni minnhom.

It-tieni mudell ikun ibbażat fuq element ta' tqassim li permezz tiegħu l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu skont il-PGD tagħhom. Dan il-mudell jesprimi r-responsabbiltà tal-Istati Membri kollha għall-iżvilupp tal-Europeana, imma r-riskju huwa li l-ispejjeż ġenerali għat-tmexxija jistgħu isiru relattivament għoljin meta l-mudell u l-element tat-tqassim jiġu formalizzati. F'xi każi, il-kontribut minn Stat Membru tista' filfatt tkun anqas mill-ispejjez imġarrba sabiex jintlaħaq il-qbil dwar is-sehem tiegħu.

Kontribuzzjoni Komunitarja wara l-2013 hija ġustifikata miż-żieda fil-valur Ewropew tas-sit u fl-importanza tiegħu sabiex juri l-unità tal-Ewropa fid-diversità kulturali kollha tagħha. Madankollu, il-finanzjament preżenti abbażi ta' proġetti, ibbażat fuq sejħiet miftuħa għal proposti, mhuwiex bażi sostenibbli għall-ippjanar finanzjarju. Għandhom jitqiesu alternattivi għall-finanzjament bażiku tal-Europeana fi ħdan il-medda tal-istrumenti disponibbli ta' politika.

4.3. Kwistjonijiet ta' Governanza

Il-Fondazzjoni Ewropea tal-Libreriji Diġitali, stabbilita fit-8 ta' Novembru 2007 tissorvelja l-operazzjonijiet tal-Europeana. Il-membri fundaturi huma l-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-libreriji, l-arkivji, il-mużewijiet u l-arkivji awdjoviżivi, kif ukoll għadd ta' istituzzjonijiet kulturali individwali kbar. Sabiex isiru membri tal-Fondazzjoni, l-organizzazzjonijiet jridu jkunu jew jirrappreżentaw fornituri ta' importanza kbira ta' kontenut għall-Europeana, u jkunu lesti li jikkonformaw mal-istandards u l-politiki tas-sit.

L-appoġġ finanzjarju mogħti lill-Europeana minn diversi Stati Membri qajjem il-kwistjoni tal-influwenza tagħhom fuq il-korpijiet ta' governanza tal-Fondazzjoni. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri mhumiex parti mill-istruttura formali ta' governanza tal-Europeana. Minflok, huma informati dwar il-progress u jipprovdu kontribut lill-kumitat eżekuttiv tal-Fondazzjoni permezz ta' 'grupp ta' finanzjament u orjentazzjoni' li huwa parti mill-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri. Dan huwa skont l-idea li l-membri għandhom ikunu responsabbli mill-operazzjonijiet ts-sit, bħala l-kontributuri prinċipali tal-kontenut u minħabba l-għarfien u l-kompetenza tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni attwalment għandha relazzjoni kontrattwali mal-Fondazzjoni permezz ta' ftehimiet ta' għotjiet għal proġetti li fihom hija involuta l-Fondazzjoni.

Minħabba d-dħul mistenni ta' membri ġodda, il-Fondazzjoni EDL qed tipprepara tibdil fl-istruttura preżenti ta' governanza. Is-segwitu għad-dibattitu dwar l-orjentazzjoni għat-terminu medju tal-Europeana, inkluż il-finanzjament tagħha u l-kwistjoni relatata ta' responsabbiltà, jista' jirrikjedi aktar aġġustamenti fil-futur.

5. KONKLUżJONI

F'perjodu ta' żmien qasir l-Europana stabbiliet ruħha bħala punt ta' referenza għall-kultura Ewropea fuq l-internet. Tirrifletti l-ambizzjoni tal-istituzzjonijiet kulturali Ewropej sabiex jagħmlu l-wirt kulturali komuni u divers tagħna aktar aċċessibbli għal kulħadd.

Huma meħtieġa aktar sforzi li jibnu fuq dak li diġà nkiseb u kollaborazzjoni mill-qrib li tinvolvi lill-partijiet interessati kollha sabiex tiġi sodisfatta l-wegħda ta' aċċess onlajn faċli għal kotba, pitturi, mapep, ritratti, gazzetti, biċċiet tal-films u ħsejjes minn madwar l-Ewropa.

Dan id-dokument ġabar l-isfidi ewlenin li se jiddeterminaw l-iżvilupp ulterjuri tal-Europeana u fformula serje ta' kwistjonijiet għal dibattitu li l-partijiet interessati huma mistiedna jirreaġixxu għalih.

[1] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ‘i2010, lejn librerija diġitali Ewropea’ tas-27.9.2007.

[2] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-Europeana, ĠU L 319, 13.12.2008, p.18.

[3] Rakkomandazzjoni 2006/585/KE dwar id-diġitizzazzjoni u l-konservazzjoni diġitali, ĠU L 236, 31.8.2006, p.28.

[4] Komunikazzjoni "Il-maws muftieħ tal-wirt kulturali tal-Ewropa", 11.8.2008.

[5] COM(2008) 466/3

[6] Fid-dikjarazzjoni reċenti tagħha dwar id-disponibbiltà tat-Tfittix tal-Google Book fuq il-mowbajl, Google indikat li aktar minn miljun ktieb fid-dominju pubbliku tpoġġew għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini tal-Istati Uniti permezz tas-servizz. Fl-Ewropa, l-istqarrija għall-istampa maħruġa minn Google semmiet biss nofs miljun ktieb fid-dominju pubbliku.

[7] Komunikazzjoni "Il-maws muftieħ tal-wirt kulturali tal-Ewropa", p. 7.

[8] Madankollu, il-kriterju tal-oriġinalità ġie armonizzat għar-ritratti, databases u softwer tal-kompjuter.

[9] Seoul, it-18 ta' Ġunju 2008.

[10] http://ec.europa.eu/information_society/activities/digital_libraries/doc/hleg/reports/ppp/ppp_final.pdf

[11] Franza, il-Ġermanja, l-Olanda, Spanja, l-Italja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Litwanja, l-Ungerija