52009DC0434

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - ‘eCall : Wasal il-waqt għall-Mobilizzazzjoni’ /* KUMM/2009/0434 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.8.2009

KUMM(2009) 434 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

‘eCall: Wasal il-waqt għall-Mobilizzazzjoni’

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

‘eCall: Wasal il-waqt għall-Mobilizzazzjoni’

1. DAħLA

L-imwiet fit-toroq fl-UE-27 naqsu b'aktar minn 27 % minn meta fl-2001, il-Kummissjoni ppubblikat il-White Paper tagħha dwar il-Politika Ewropea tat-Trasport[1]. Il-Programm ta' Azzjoni Ewropew għas-Sikurezza fit-Toroq[2] u l-Inizjattiva għal Karozzi Intelliġenti [3] kellhom impatt sinifikanti fuq dan l-iżvilupp pożittiv, u huma mistennija jkomplu jipproduċu aktar benefiċċji sabiex jintlaħaq l-għan li jitnaqqsu l-imwiet.

Madankollu, meta jitqies li fl-2008 kien hemm madwar 39 000 mewt u aktar minn 1.7 miljuni midruba fit-toroq Ewropej, hija meħtieġa aktar azzjoni. Is-sistema pan-Ewropea tas-sejħa ta' emerġenza minn ġol-vettura, 'eCall' , hija stmata li ladarba tkun ġiet mobilizzata b'mod sħiħ għandha l-potenzjal issalva sa 2 500 ruħ fis-sena fl-UE-27 , tnaqqas is-severità tal-ġrieħi, u tipprovdi ffrankar sinifikanti għas-soċjetà fil-qasam tal-kura tas-saħħa u kostijiet oħra u tnaqqas it-tbatija tal-bniedem[4].

Sabiex tgħin fil-mobilizzazzjoni tal-eCall pan-Ewropea, li inizjalment kien hemm il-pjan li tiġi implimentata b'mod sħiħ fl-2009, il-Kummissjoni diġà ħadet diversi passi. Appoġġat grupp ta' ħidma li jinkludi l-partijiet interessati kollha, li wasal għal qbil dwar id-definizzjoni ta' servizz interoperabbli tal-eCall li jkun jaħdem lil hinn mill-konfini Ewropej , u stiednet lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-Istati Membri u l-Industrija, sabiex jiffirmaw Memorandum ta' Fehim (MoU) fejn jimpenjaw irwieħhom li jaħdmu flimkien għall-implimentazzjoni tal-eCall. Il-Kummissjoni adottat ukoll żewġ komunikazzjonijiet li jiddefinixxu pjan ta' implimentazzjoni u li jirrakkomandaw azzjoni mill-partijiet interessati[5]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, f'Diċembru 2008, adottat il-Pjan ta' Azzjoni tal-ITS[6], fejn waħda mill-azzjonijiet tiegħu kienet il-mobilizzazzjoni tal-eCall, u fl-istess ħin proposta għal Direttiva tal-ITS[7], li tipprovdi għal strument legali (i.e. kumitat regolatorju) biex jimponi miżuri fuq l-Istati Membri, notevolment għall- 'introduzzjoni armonizzata ta' eCall pan-Ewropea' .

L- eCall tgawdi appoġġ wiesa' mill-partijiet interessati kollha , inklużi l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-Istati Membri u l-pubbliku ġenerali.

- Il-Parlament Ewropew wiegħed l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-implimentazzjoni tal-eCall f'diversi okkażjonijiet, u talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jimmobilizzawha b'mod armonizzat fl-Ewropa kollha[8].

- Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qies bħala prijorità d-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-promozzjoni tal-introduzzjoni armonizzata ta' eCall li tkun interoperabbli mal-UE kollha abbażi ta' kooperazzjoni u standardizzazzjoni xierqa[9].

- Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ffirmaw l-MoU tal-eCall u jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-eCall.

- Aktar minn tmenin organizzazzjoni pubblika u privata ffirmaw l-MoU wkoll, inklużi r-rappreżentanti tal-partijiet interessati kollha fil-katina ta' valuri.

Aktar minn 70 % taċ-ċittadini li wieġbu għal stħarriġ tal-Eurobarometer fl-Ewropa qalu li jixtiequ li jkollhom l-eCall installata fil-karozza suċċessiva tagħhom[10].

Madankollu, il-progress sar bil-mod wisq u l-implimentazzjoni tal-eCall pan-Ewropea waqgħet lura sew . L-approċċ volontarju li ttieħed f'komunikazzjonijiet preċedenti u l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tistandardizza l-eCall u l-ħidma mal-partijiet interessati kollha ma kinux biżżejjed. Aktar miżuri huma meħtieġa b'mod urġenti.

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan tgħarraf lill-Istituzzjonijiet tal-UE dwar il-progress miksub, u tipproponi miżuri ġodda sabiex fil-fatt tibda l-mobilizzazzjoni tas-servizz fl-Ewropa. Il-miżuri, indirizzati lejn il-partijiet interessati u l-Kummissjoni Ewropea nfisha, jinkludu l-alternattiva li jitwaqqaf qafas regolatorju għall-mobilizzazzjoni tal-eCall. Dawn il-miżuri għandhom jibdlu s-servizz tas-sistema pan-Ewropea tas-sejħa ta' emerġenza minn ġol-vettura f'realtà, u jwasslu sabiex l-apparat tal-'eCall' jiġi installat f'vetturi ġodda omologati fl-Ewropa.

2. IS-SISTEMA PAN-EWROPEA TAS-SEJħA TA' EMERġENZA MINN ġOL-VETTURA: KIF TOPERA S-SISTEMA

Aktar minn 1.2 miljun inċident jeħtieġu għajnuna medika fl-Ewropa kull sena, u ħafna oħrajn ikunu jeħtieġu tipi oħra ta' għajnuna. Wara inċident, l-okkupanti tal-vettura jistgħu jkunu f'xokk, ma jkunux jafu fejn qegħdin, ma jkunux kapaċi jikkomunikaw jew jużaw il-mowbajl. F'dawn il-każijiet kollha, ikunu fejn ikunu fl-Ewropa, l-eCall tagħmel id-differenza kollha: tista' tnaqqas b'mod drastiku l-ħin meħtieġ għal reazzjoni f'emerġenza , issalva l-ħajjiet u tnaqqas is-severità tal-ġrieħi. Meta jiġu implimentati b'mod sħiħ fl-Ewropa, il-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-eCall għandhom ikunu kbar ħafna.4

L-eCall hija servizz pan-Ewropew li se jkun jopera fl- Istati Membri Ewropej kollha u fl-istati assoċjati mal-inizjattiva . Se tkun disponibbli fil- vetturi kollha , irrispettivament mill-għamla, il-pajjiż u fejn fil-fatt tkun tinsab il-vettura. L-eCall hija l-uniku servizz li jipprovdi kopertura fl-Ewropa kollha . l-ebda ftehim speċjali jew apparat addizzjonali mhuwa se jkun meħtieġ, l-eCall se tkun taħdem fil-post tal-btala tiegħek u matul xi vjaġġ għan-negozju kif ukoll fejn toqgħod.

[pic]

Figura 1. eCall — Prinċipji Operazzjonali

Meta jseħħ inċident serju, sensuri fil-vettura awtomatikament jagħtu bidu għal eCall. Meta tiġi attivata, is- sistema ta' ġol-vettura tistabbilixxi konnessjoni bil-vuċi mal-112 u fl-istess ħin, mas-sejħa bil-vuċi jintbagħat messaġġ ta' emerġenza, is- sett minimu ta' dejta (MSD) li jinkludi tagħrif essenzjali dwar l-inċident, bħalma huma l-ħin, il-post, id-direzzjoni tas-sewqan (li jirriżulta minn dejta preċiża bbażata fuq satelliti bħall-EGNOS[11] u, mill-2013 'il quddiem, il-Galileo[12]) u deskrizzjoni tal-vettura. L-eCall tista' tiġi attivata wkoll manwalment.

L-operatur tan-netwerk mobbli (MNO) jidentifika li s-sejħa 112 tkun eCall mill-marka 'eCall' li tiddaħħal mill-modulu ta' komunikazzjoni tal-vettura. L-MNO jittratta l-eCall bħal kwalunkwe sejħa 112 oħra u jibgħat is-sejħa liċ-ċentru ta' reazzjoni f'emerġenza l-aktar xieraq — Ċentru li jirċievi s-sejħiet relatati mas-sikurezza pubblika (PSAP) — [13]kif iddefinit mill-awtoritajiet pubbliċi. L-operatur PSAP jirċievi kemm is-sejħa bil-vuċi kif ukoll l-MSD.

It-tagħrif ipprovdut mill-MSD jiġi ddekowdjat u jidher fuq l-iskrin tal-operatur tal-PSAP. Il- post u d-direzzjoni tas-sewqan tal-vettura jistgħu jintwerew f'Sistema ta' Tagħrif Ġeografiku. Fl-istess ħin, l-operatur se jkun jista' jisma' dak li jkun qiegħed jiġri fil-vettura u jitkellem mal-okkupanti tal-vettura jekk ikun possibbli. Dan se jgħin lill-operatur jiżgura liema huma s-servizzi ta' emerġenza meħtieġa fil-post tal-inċident (ambulanza, il-pompiera, il-pulizija) u sabiex jibgħat malajr it-twissija u t-tagħrif kollu rilevanti lis-servizz it-tajjeb.

Barra minn hekk, l-operatur tal-PSAP se jkun jista' jgħarraf immedjatament liċ-ċentri tal-ġestjoni tat-toroq/traffiku li seħħ inċident f'post speċifiku, sabiex jiffaċilita tgħarrif rapidu ta' kull min juża t-toroq u b'hekk jiġu evitati inċidenti sekondarji, u għalhekk titnaqqas il-konġestjoni.

3. RAPPORT DWAR IL-PROGRESS U L-KISBIET

3.1. Progress tal-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni

Il-Kummissjoni talbet lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni (ETSI[14], CEN[15]) biex jabbozzaw standards miftuħa għall-operazzjoni tal-eCall, abbażi tar-rakkomondazzjonijiet li qablu dwarhom il-partijiet interessati[16]. Din il-ħidma ġiet aċċettata mill-kumitati tekniċi ETSI-MSG[17] b'kollaborazzjoni mat-3GPP[18] għall-istandards relatati mat-trażmissjoni tal-eCall u s-CEN TC 278 WG 15[19] għal dawk relatati mal-istruttura tal-MSD u r-rekwiżiti operazzjonali tas-sistemi. Il-miri ewlenin li ntlaħqu huma:

- L-approvazzjoni tas-CEN tal-istruttura tas- Sett Minimu ta' Dejta tal-eCall ('MSD'). L-MSD jinkludi tagħrif importanti biex jgħin sabiex jintbagħtu s-servizzi fis-sit tal-inċident u jħaffef ir-reazzjoni. L-MSD jippermetti lill-operatur tal-PSAP jirrispondi għall-eCall anke mingħajr l-iskambju ta' vuċijiet.

- L-approvazzjoni tat-3GPP tad- diskriminatur tal-eCall ('il-marka tal-eCall'), inkluża fil-Ħarġa 8 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jeħtieġ li tikkonforma magħhom is-sistema tat-telekomunikazzjoni. Dan id-diskriminatur se jiddivrenzja bejn sejħiet 112 minn terminals mobbli u eCalls, u wkoll bejn eCalls manwali u dawk li jinbdew awtomatikament.Dan se jippermetti li l-Istati Membri jfasslu l-infrastruttura ta' reazzjoni għall-eCall bl-aħjar mod li jkun skont l-infrastruttura tagħhom ta' reazzjoni f'emerġenza (i.e. ċentralizzata/mhux ċentralizzata, l-istess PSAP li jirċievi s-sejħiet 112, jew PSAP differenti b'funzjoni ta' filtrar, organizzazzjoni pubblika jew waħda privata rikonoxxuta mill-awtorità pubblika). L-Istati Membri jeħtieġ li jgħarrfu lill-operaturi tan-netwerk mobbli li joperaw fil-pajjiż dwar il-PSAP l-aktar xierqa biex tibgħat l-eCalls.

- L-approvazzjoni tal-ETSI-MSG u t-3GPP tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ewlenin li jiddefinixxu l- protokolli sabiex l-MSD jintbagħat mill-vettura għal għand l-operatur tal-PSAP. Is-soluzzjoni li kien hemm qbil dwarha hija li d-dejta se tiġi trażmessa permezz ta' modem tal-istess frekwenza flimkien mas-sejħa bil-vuċi. L-istandard huwa miftuħ u mhux se jkun hemm imposti fuq il-liċenzji għall-użu tal-modem tal-istess frekwenza għas-servizz tal-eCall.

- L-approvazzjoni tas-CEN tar- rekwiżiti ewlenin tal-operazzjoni għas-servizz Pan-Ewropew tal-eCall, li jiddefinixxu l-prinċipji ġenerali funzjonali u operazzjonali. Ir-rekwiżiti tal-operazzjoni mistennija li jitlestew bi protokolli ta' livell għoli ta' applikazzjoni sal-ħarifa 2009.

Dan is-sett ta' standards se jippermetti l-mobilizzazzjoni ta' servizz armonizzat, kredibbli, interoperabbli u kontinwu tal-eCall fl-Ewropa, soġġett għall-applikazzjoni tagħhom mill-partijiet interessati: il-manifatturi tal-vetturi u t-tagħmir, l-operaturi tan-netwerk mobbli u l-Istati Membri. Il-lista aġġornata tal-istandards tinsab fuq:http://ec.europa.eu/information_society/activities/esafety/ecallstandards/

3.2. Progress dwar l-impenn tal-partijiet interessati ewlenin

3.2.1. Negozjati mal-industrija tal-karozzi

Fl-2008, il-Kummissjoni Ewropea organizzat negozjati mar-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-manifatturi tal-karozzi (ACEA, JAMA u KAMA[20]) dwar l-introduzzjoni volontarja tal-eCall fil-vetturi l-ġodda omologati kollha.

Il-manifatturi tal-karozzi (l-ACEA kienet waħda mill-ewwel firmatarji tal-MoU tal-eCall) ikkonfermaw l-impenn tagħhom għall-eCall u wiegħdu li joffru l-eCall bħala alternattiva għal vetturi ġodda omologati ta' ċerti kategoriji[21] tliet snin wara l-approvazzjoni tal-istandards rilevanti kollha (l-istandards tal-komunikazzjoni, l-MSD, ir-rekwiżiti tal-operazzjoni), bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jkunu aġġornaw l-infrastrutturi tagħhom tal-PSAP biex jittrattaw l-eCalls. Il-manifatturi tal-karozzi ħadu wkoll il-pożizzjoni li l-fatt li l-eCall isir tagħmir standard armat fil-fabbrika fil-vetturi kollha jista' jkun possibbli biss permezz tar-regolazzjoni.

Barra minn hekk, l-industrija tal-karozzi hija favur il-koeżistenza tal-eCall pan-Ewropea u soluzzjonijiet proprjetarji ta' sejħiet ta' emerġenza żviluppati minn xi manifatturi. L-industrija tal-karozzi hija interessata wkoll li tuża l-pjattaforma tal-eCall biex toffri servizzi ta' valur miżjud sabiex tagħti spinta lill-kummerċ tagħha.

3.2.2. L-Istati Membri

Sal-lum, ħmistax-il Stat Membru ffirmaw l-MoU tal-eCall: l-Awstrija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Olanda u l-Iżvezja. Iffirmaw ukoll tliet pajjiżi Ewropej oħra: l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera

Stati Membri oħra esprimew l-appoġġ tagħhom għall-inizjattiva u r-rieda tagħhom li jiffirmaw l-MoU fi żmien qasir: il-Belġju, il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Lussemburgu, ir-Rumanija u l-Polonja.

Ir-raġunijiet mogħtija mill-Istati Membri l-oħra għaliex ma sseħbux fil-mobilizzazzjoni tal-eCall ivarjaw iżda essenzjalment huma relatati mal-kost tal-operazzjoni. Uħud mill-Istati Membri mhumiex lesti li jinvestu biex jaġġornaw il-PSAPs tagħhom sabiex ikunu jistgħu jirċievu l-eCalls għaliex dan jista' jżid il-piż tat-taxxi fuq iċ-ċittadini kollha, anke dawk li ma għandhomx karozza. Madankollu, l-eCall huwa ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha, inklużi dawk kollha li jużaw it-trasport pubbliku u utenti vulnerabbli tat-toroq. Filwaqt li huwa minnu li l-aġġornar tal-PSAPs u l-infrastrutturi ta' salvataġġ mhux se jkunu b'xejn, il-mobilizzazzjoni tal-eCall fi Stat Membru sħiħ, u konsegwentement fl-Unjoni Ewropea kollha, ikun ifisser ekonomiji ta' skala sinifikanti.

Minkejja li wħud mill-Istati Membri għadhom qegħdin jaħsbuha, il-biċċa l-kbira huma lesti li jmexxu u jimplimentaw l-eCall. Minħabba li l-istandards ewlenin issa jeżistu,[22] l-Istati Membri għandhom jibdew jimplimentaw il-funzjoni tal-eCall fl-infrastuttura tagħhom ta' salvataġġ f'emerġenza. Minbarra li jiġu salvati l-ħajjiet, l-installazzjoni tas-sistemi tal-eCall abbord il-vetturi u l-kisba ta' ekonomiji ta' skala permezz ta' mobilizzazzjoni usa' għandhom ikunu ta' inċentiv għall-industrija.

3.2.3. Operaturi tan-Netwerks Mobbli

L-operaturi tat-telekomunikazzjoni mobbli jeħtieġ li jittrattaw l-eCalls bl-istess mod li jittrattaw is-sejħiet 112. Jeħtieġ li jattivaw l-indikatur tal-eCall fin-netwerks tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw l-eCalls u jibagħtuhom lejn il-PSAP l-aktar xieraq iddefinit mill-gvernijiet nazzjonali.

Il-GSM Europe, l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-Operaturi tan-Netwerks Mobbli Ewropej, stabbiliet grupp ta' ħidma biex jiżviluppa strateġiji għall-mobilizzazzjoni tal-eCall fl-Ewropa, jikkontribwixxi għall-istandardizzazzjoni u jipparteċipa fil-ħidma tal-Pjattaforma Ewropea għall-Implimentazzjoni tal-eCall[23].

3.2.4. Servizzi ta’ reazzjoni f'emerġenza

Jeħtieġ li l-Istati Membri jaġġornaw is-servizz tagħhom ta' salvataġġ f'emerġenza, l-infrastruttura tal-PSAP biex jittrattaw l-eCalls u d-dejta li jkun hemm fl-MSD.

Ir-rappreżentanti tal-PSAP kienu attivi fid-definizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-eCall. Id-definizzjoni finali tas-servizz tikkorrispondi mal-ħtiġijiet tas-servizzi ta' emerġenza.

Għall-pajjiżi b'infrastruttura tal-PSAP l-aktar avvanzata li kapaċi tittratta t-tagħrif dwar il-post minn fejn ikunu qegħdin isiru s-sejħiet mobbli lill-112 (E112), dan se jirrappreżenta investiment minimu. Għall-pajjiżi b'sistema anqas żviluppata, it-tfassil tas-servizz tal-eCall inkluż id-diskriminatur tal-eCall joffri alternattivi varji, bħal pereżempju l-istabbiliment ta' pjattaforma intermedjarja. Madankollu, l-aġġornar tal-infrastruttura tal-PSAP huwa investiment essenzjali sabiex jiġu salvati l-ħajjiet.

3.3. L-eCall hija opportunità għall-mobilizzazzjoni ta' servizzi ta' valur miżjud

L-eCall tibni fuq komponenti tekniċi (il-kapaċitajiet ta' lokalizzazzjoni, l-ipproċessar u l-komunikazzjoni bis-satellita) li jipprovdu wkoll il-bażi għal diversi applikazzjonijiet ta' ġol-vettura, inklużi dawk meħtieġa skont regolazzjoni eżistenti jew ippjanati applikabbli għall-vetturi kummerċjali jew privati, bħalma huma t-takografu diġitali, is-sistema elettronika ta' ġbir ta' imposti jew id-dispożizzjonijiet dwar it-trasport ta' oġġetti perikolużi jew annimali ħajjin.

Semplifikazzjoni u integrazzjoni ta' dawn l-applikazzjonijiet kollha f'arkitettura koerenti u sistema miftuħa (open-system) jistgħu jagħtu effiċjenza u użu aħjar, kostijiet imnaqqsa u estensibilità akbar, u jippermettu l-integrazzjoni "plug and play" ta' applikazzjonijiet futuri ġodda jew aġġornati. Dan it-tip ta' approċċ modulari għandu faċilment jippermetti integrazzjoni rħisa tal-funzjonalitajiet u l-applikazzjonijiet li jindirizzaw is-sikurezza fit-toroq, il-mobilità personali, l-appoġġ tal-loġistika jew l-aċċess għal tagħrif multimodali. Id-definizzjoni tal-kunċett ta' 'pjattaforma miftuħa fil-vettura' tagħmel parti mill-Pjan ta' Azzjoni tal-ITS, u l-introduzzjoni tal-eCall abbażi ta' dan il-kunċett għandha tikkontribwixxi b'mod pożittiv għal dan il-momentum.

L-industriji tal-karozzi u tat-telekomunikazzjoni u l-fornituri tas-servizzi se jibbenefikaw minn servizzi ġodda bbażati fuq l-introduzzjoni tal-pjattafroma tas-sistemi telematiċi tal-eCall fil-vetturi kollha. Dan huwa ta' valur b'mod partikolari fi żminijiet ta' kriżi.

L-operaturi tat-toroq se jibbenefikaw minn servizz aktar effiċjenti ta' ġestjoni ta' inċidenti minħabba r-rappurtar immedjat tal-inċidenti pprovdut mis-servizz tal-eCall.

Is-servizzi ta' emerġenza se jibbenefikaw mid-deskrizzjoni tal-vetturi inkluża fl-MSD. Din se tgħarrafhom dwar l-istruttura eżatta tal-vettura, u b'hekk se jitnaqqas b'mod konsiderevoli l-ħin li jieħu l-intervent ta' estrazzjoni tal-okkupanti li jkunu maqbuda fil-vettura u se jiġu evitati inċidenti possibbli (i.e. billi jkunu magħrufa l-pożizzjoni eżatta tal-batteriji tal-vettura u s-sistemi pirotekniċi)[24].

Barra minn hekk huwa mistenni li t-tagħmir li jiġi installat fil-vettura wara li tkun inxtrat (after-market) se jiġi żviluppat biex jipprovdi s-servizz tal-eCall f'mudelli ta' vetturi li diġà qegħdin fis-suq. Dawn is-sistemi li jiġu stallati fil-vettura wara li tkun inxtrat għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti operazzjonali standard tal-eCall pan-Ewropea.

3.4. Koeżistenza tal-eCall pan-Ewropea u servizzi proprjetarji tal-eCall

Servizzi proprjetarji ta' sejħiet ta' emerġenza minn ġol-vettura huma disponibbli fl-Ewropa u mad-dinja kollha f'fergħat differenti ta' fornituri ta' karozzi u fornituri ta' servizzi (eż. Volvo OnCall, GM OnStar, PSA, Fiat, BMW). Tipikament dawn jiġu rraggruppati (bundled) ma' servizzi oħra, bħal għajnuna f'każ ta' ħsara, telefonija mobbli abbord, navigazzjoni dinamika, eċċ. Ċentri privati għas-sejħiet jirċievu s-sejħiet ta' emerġenza u jittrażmettu s-sejħiet u d-dejta dwar l-inċident lill-PSAPs f'emerġenza. Kull manifattur jeħtieġ li jilħaq ftehim mal-awtoritajiet tal-PSAP f'kull pajjiż fejn ikun irid jinstalla s-servizz għall-użu, fuq bażi ta' każ b'każ.

Minkejja li dawn is-servizzi, introdotti aktar minn 10 snin ilu, urew l-utilità tagħhom u jikkonfermaw il-benefiċċji li jistgħu jiġu pprovduti bl-eCall, il-penetrazzjoni tagħhom fl-Ewropa tibqa' baxxa (anqas minn 0.4 % tal-flotta tal-vetturi). Is-servizz normalment jiġi offrut biss fl-aqwa karozzi u ma jkoprix il-pajjiżi kollha fl-Ewropa.

Fl-Istati Membri fejn hemm ftehim għall-appoġġ ta' servizzi proprjetarji tal-eCall bi kwalità ta' servizz simili għall-eCall pan-Ewropea, il-manifattur tal-vetturi jkun liberu li jagħżel it-tip tas-sistema appoġġata (eCall pan-Ewropea jew servizz proprjetarju tal-eCall). Għal dan il-għan, is-CEN qiegħed jiżviluppa rekwiżiti operazzjonali standard għal servizzi minn partijiet terzi li jipprovdu l-eCall (TPS-eCall). Fi Stati Membri oħra, il-manifatturi tal-vetturi għandhom jimplimentaw is-sistema pan-Ewropea tal-eCall. Jekk ix-xerrej tal-vettura ma jagħżilx is-soluzzjoni proprjetarja tal-eCall, il-manifattur għandu jarma l-vettura bis-sistema pan-Ewropea tal-eCall.

Tkun xi tkun is-soluzzjoni magħżula mill-manifattur tal-vettura, servizz ta' sejħiet ta' emerġenza minn ġol-vettura , inklużi l-link bil-vuċi u l-provvediment tal-anqas tal-MSD tal-eCall, għandhom jiġu pprovduti mingħajr ostakli fl-Istati Membri tal-UE kollha .

Meta l-eCall jiġi mobilizzat b'mod sħiħ fl-Ewropa kollha, il-fornituri tas-servizzi tal-eCall jistgħu wkoll jgħaddu għall-użu tal-eCall pan-Ewropea, i.e. is-sejħiet ta' emerġenza minn ġol-vettura jsejħu n-numru 112 filwaqt li s-servizzi l-oħra kollha pprovduti jibqgħu intatti.

4. RAKKOMANDAZZJONIJIET

4.1. Ħtieġa għal aktar azzjoni

Il-mira inizjali għall-mobilizzazzjoni tal-eCall kienet l-2009. Madankollu, il-progress sar bil-mod wisq u l-implimentazzjoni waqgħet lura sew , minkejja d-disponibbiltà tal-istandards u r-rieda tal-maġġoranza tal-partijiet interessati.

Problema ewlenija fil-mobilizzazzjoni tal-eCall kienet il-ħtieġa ta' azzjoni simultanja mill-partijiet interessati kollha, i.e. l-industrija tal-karozzi, l-operaturi tat-telekomunikazzjoni mobbli, is-servizzi ta' emerġenza u l-Istati Membri kollha huma meħtieġa jimplimentaw parti mis-servizz. Sabiex tinstab soluzzjoni għal dan l-istaġnar, il-Kummissjoni qiegħda tqis tliet alternattivi politiċi possibbli: (1) l-ebda intervent u l-introduzzjoni titħalla f'idejn il-forzi tas-suq; (2) l-appoġġ ta' introduzzjoni volontarja mill-industrija jew (3) l-introduzzjoni ssir obbligatorja permezz ta' miżuri regolatorji.

(1) Fir-rigward tal-alternattiva fejn ma jsir l-ebda intervent , is-servizzi proprjetarji tas-sejħiet ta' emerġenza minn ġol-vettura taw prova tal-benefiċċji tagħhom, iżda l-penetrazzjoni tagħhom fis-suq hija bil-mod ħafna, ristretta l-aktar għall-aqwa karozzi u biss għal ċerti pajjiżi fl-Ewropa. Barra minn hekk is-servizzi ta' reazzjoni f'emerġenza jeħtieġ li jikkomunikaw ma' servizzi proprjetarji differenti, biex aktar tiżdied il-komplessità tas-servizz. Huwa ċar, li meta nqisu dak li nistgħu niggwadanjaw (insalvaw il-ħajjiet), din l-għażla mhijiex aċċettabbli.

(2) L-approċċ volontarju għandu jwassal għall-introduzzjoni tas-servizz tal-eCall fl-Ewropa, iżda bil-mod wisq. L-impenn min-naħa tal-industrija biex toffri l-eCall bħala alternattiva fil-vetturi kollha ta' ċerti kategoriji huwa pass pożittiv 'il quddiem, u biż-żmien għandu jżid ir-rata tal-penetrazzjoni tas-servizz, sakemm is-servizzi ta' emerġenza jkunu ġew aġġornati. Madankollu, jekk l-eCall tkun biss alternattiva ma jkunx hemm l-istess ekonomiji ta' skala, u dan jista' jgħollilha l-prezz, inaqqas id-domanda u jrażżan il-penetrazzjoni tagħha u konsegwentement il-benefiċċji tagħha.

(3) L-approċċ regolatorju jkun ifisser li l-eCall issir tagħmir standard installat fil-vetturi l-ġodda kollha fl-Ewropa, li tinbeda f'ċerti kategoriji21 tul perjodu ta' tranżizzjoni, u jkun jipprovdi qafas għat-trattament tal-eCalls fin-netwerks tat-telekomunikazzjoni u l-PSAPs ibbażati fuq regolamenti eżistenti. Dan l-approċċ għandu jagħmel l-eCall disponibbli għaċ-ċittadini kollha fl-Ewropa, jaċċellera l-implimentazzjoni u jisfrutta l-potenzjal kollu tal-eCall sabiex jiġu salvati l-ħajjiet u tittaffa s-severità tal-ġrieħi. Barra minn hekk huwa mistenni li ċ-ċertezza maħluqa bl-approċċ regolatorju għandha taċċellera l-introduzzjoni tas-sistemi tal-eCall mill-manifatturi tal-karozzi, u b'hekk trawwem l-introduzzjoni tas-servizz saħansitra qabel ma jsir obbligatorju, u fl-istess ħin tistimola s-suq tas-sistemi telematiċi fl-Ewropa.

4.2. Azzjoni proposta

Il-miżuri proposti hawn taħt għandhom l-għan li s-servizz pan-Ewropew tal-eCall jibdluh f'realtà. Il-partijiet interessati għandhom jieħdu l-passi li ġejjin:

1. Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati l-oħra kollha se jappoġġaw b'mod attiv il-ħidma tal-Pjattaforma Ewropea għall-Implimentazzjoni tal-eCall (EeIP)23 u tal-Gruppi ta' Ħidma tagħha, sabiex tiżgura l-pubblikazzjoni fil-ħin tad-definizzjonijiet, il-linji gwida u l-prattiki tajbin kollha għall-mobilizzazzjoni effikaċi u armonizzata tas-servizz tal-eCall fl-Ewropa.

2. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati l-oħra, se tvara kampanji kkoordinati ta' għarfien biex iżżid il-fehim ta' u d-domanda għas-servizz.

3. L-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-PSAP, l-industrija tal-karozzi u tat-telekomunikazzjoni, flimkien mal-partijiet interessati l-oħra, se jwettqu proġetti piloti qabel il-mobilizzazzjoni li jqisu l-istandards li qegħdin jiġu approvati Il-Kummissjoni tista' tipprovdi finanzjament biex tappoġġa dawn il-proġetti pilota permezz tal-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP)

L-għan aħħari huwa l-implimentazzjoni sħiħa tas-servizz pan-Ewropew tal-eCall u li dan isir tagħmir standard fil-vetturi l-ġodda omologati kollha fl-Ewropa. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-effikaċja tal-approċċ volontarju deskritt hawn fuq. Jekk ma jsir l-ebda progress sinifikanti sal-aħħar tal-2009, kemm fid-disponibbiltà tat-tagħmir tal-eCall fil-vetturi, kif ukoll fl-investiment meħtieġ fl-infrastruttura tal-PSAP, il-Kummissjoni tippjana li fl-2010 se tieħu l-miżuri regolatorji li ġejjin:

4. Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri mmirata lejn l-Operaturi tan-Netwerks Mobbli dwar it-trażmissjoni tal-eCall, inkluża l-MSD mis-sistemi ta' ġol-vetturi sal-PSAPs. Il-linji gwida jkunu bbażati fuq in-numru ta' emerġenza Ewropew uniku li jkollu wkoll kapaċitajiet ta' lokalizzazzjoni (E112)[25] u s-sett ta' standards relatati mat-trażmissjoni tal-eCall.

5. Proposta għal Regolament skont il-leġiżlazzjoni tal-vetturi omologati[26] għall-introduzzjoni obbligatorja tal-parti ta' ġol-vettura tas-servizz tal-eCall f'vetturi ġodda omologati fl-Ewropa li tinbeda f'ċerti kategoriji,21 abbażi tar-rekwiżiti tal-operazzjoni approvati mill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni.

6. Il-valutazzjoni ta' miżura regolatorja potenzjali għat-titjib neċessarju tal-infrastruttura tal-PSAP meħtieġa sabiex l-eCalls jiġu riċevuti u ttrattati kif suppost fil-qafas tad-Direttiva proposta dwar il-mobilizzazzjoni tal-ITS fl-Ewropa.5 Ir-Regolament li jirriżulta, li jkun jesiġi li l-Istati Membri jieħdu l-azzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-eCall, ikun ibbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Pjattaforma Ewropea għall-Implimentazzjoni tal-eCall (EeIP).

5. KONKLUżJONIJIET

L-eCall ġiet identifikata bħala waħda mis-sistemi tat-trasport intelliġenti l-aktar effiċjenti u rħas għas-sikurezza tat-toroq li tista' tiġi installata għall-użu f'perjodu ta' żmien qasir. It-teknoloġija hija żviluppata u l-Organizzazzjonijet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni ppubblikaw l-istandards meħtieġa sabiex tiġi żgurata operazzjoni kredibbli u interoperabbli tas-servizz tal-eCall mal-Ewropa kollha. Iċ-ċittadini jagħrfu l-valur tagħha u jridu eCall bi prezz raġonevoli mal-vettura suċċessiva tagħhom. Il-Parlament Ewropew u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri wiegħdu appoġġ sħiħ għas-servizz tal-eCall. Il-partijiet interessati ngħaqdu flimkien fil-Pjattaforma Ewropea għall-Implimentazzjoni tal-eCall sabiex jiżguraw mobilizzazzjoni armonizzata u fil-ħin tas-servizz fl-Ewropa.

Issa wasal iż-żmien li s-sistemi jibdew jiġu installati għall-użu fil-vetturi, fin-netwerks mobbli ta' komunikazzjoni u fl-infrastruttura tas-servizzi ta' emerġenza. F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi miżuri biex taċċellera l-introduzzjoni tal-eCall bħala parti mit-tagħmir fil-vetturi l-ġodda kollha fl-Ewropa. L-2500 ħajja li jistgħu jiġu salvati fis-sena u t-tnaqqis tat-tbatija ta' eluf ta' familji ma għandhomx jiddewmu aktar. Jekk l-approċċ volontarju ma jilħaqx l-għan li jintroduċi s-servizz tal-eCall fl-Ewropa, il-Kummissjoni se tqis l-introduzzjoni fl-2010 ta' miżuri regolatorji ġodda sabiex is-sistema tal-eCall issir standard fil-vetturi l-ġodda omologati fl-Ewropa, sabiex jitnaqqas il-kost tas-sistemi u sabiex tiġi żgurata l-mobilizzazzjoni fil-pajjiżi Ewropej kollha.

[1] COM(2001) 370 – 'White Paper dwar il-politika Ewropea tat-trasport għall-2010: wasal il-waqt li niddeċiedu’.

[2] COM(2003) 311 – 'Programm ta' Azzjoni Ewropew għas-Sikurezza fit-Toroq — Innaqqsu bin-nofs l-għadd ta' vittmi ta' inċidenti tat-traffiku fl-Unjoni Ewropea sal-2010: Responsabbiltà komuni'.

[3] COM(2006) 59 – Inizjattiva għal Karozzi Intelliġenti - ‘Inqajmu Kuxjenza dwar l-ICT għal Vetturi aktar Intelliġenti, Sikuri u Nodfa'. COM(2007) 541 – ‘Lejn Mobilità aktar Sikura, aktar Nadifa u aktar Effiċjenti madwar l-Ewropa: L-Ewwel Rapport dwar il-Karozzi Intelliġenti'.

[4] Ara l-istudji fuq www.esafetysupport.info/en/ecall_toolbox/related_studies/.

[5] COM(2005)431 – ‘It-twassil ta ' eCall liċ-ċittadini’. COM(2006) 723 – ‘Pjan ta' azzjoni sabiex l-eCall titkompla kif kien ippjanat’ [Verżjoni mhux uffiċjali].

[6] COM (2008) 886 – ‘Pjan ta' Azzjoni għal Skjerament ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fl-Ewropa’

[7] COM (2008) 887 – Proposta għal 'Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-varar ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport’

[8] Ir-Riżoluzzjonijiet tal-PE A6-0072/2006 tas-27 ta' April 2006, A6-0169/2008 tas-6 ta' Mejju 2008, 2008/2216(INI) tal-20 ta' Jannar 2009.

[9] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kommunikazzjoni tal-KE ‘Pjan ta' Azzjoni għal Skjerament ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fl-Ewropa’ tal-31 ta' Marzu 2009.

[10] Eurobarometer 267 dwar l-Użu ta' Sistemi Intelliġenti fil-Vetturi.

[11] Is-Sistema Ewropea ta' Kopertura għan-Navigazzjoni Ġeostazzjonarja (EGNOS). Iżżid il-kredibilità u l-preċiżjoni tas-sinjali tal-GNSS (is-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita).

[12] Il-GNSS Ewropea se tibda taħdem mill-2013 'il quddiem

[13] PSAP: il-post fiżiku li jirċievi l-ewwel sejħiet ta' emerġenza taħt ir-responsabbilità ta' awtorità pubblika jew organizzazzjoni privata rikonoxxuta mill-gvern. Il-PSAP l-aktar xieraq ikun dak iddefinit minn qabel mill-awtoritajiet sabiex ikopri sejħiet ta' emerġenza minn żona partikolari jew għal sejħiet ta' emerġenza ta' tip partikolari (i.e. l-eCalls).

[14] L-Istitut Ewropew tal-Istandardizzazzjoni tat-Telekomunikazzjoni.

[15] Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni.

[16] Grupp tat-Tmexxija tal-eCall: Ir-Rakkomandazzjonijiet Finali għall-introduzzjoni tal-eCall pan-Ewropea.

[17] Il-Grupp ta' Servizzi Mobbli ETSI.

[18] Proġett ta' Sħubija tat-Tielet Ġenerazzjoni.

[19] Il-Kumitat Tekniku 278 dwar it-Trasport bit-triq u s-sistemi telematiċi tat-traffiku. Il-Grupp ta' Ħidma 15 dwar l-eSafety.

[20] ACEA, JAMA, KAMA: L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Karozzi tal-Ġapan u dik Koreana rispettivament.

[21] L-eCall l-ewwel se tiġi introdotta fil-karozzi għall-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief (il-kategoriji M1 u N1) li għalihom jeżisti mekkaniżmu xieraq li jagħti bidu għall-eCall, u aktar tard f'kategoriji ta' vetturi oħra.

[22] Ara http://ec.europa.eu/information_society/activities/esafety/ecallstandards/

[23] Din il-Pjattaforma hija l-korp ta' koordinazzjoni li jlaqqa' flimkien lir-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-partijiet interessati rilevanti u tal-Pjattaformi Nazzjonali. Għandha l-għan li tiggwida, tikkoordina u timmonitorja l-progress tal-implimentazzjoni tas-servizz tal-eCall fl-Ewropa kollha sabiex tiżgura li l-mobilizzazzjoni tas-servizz tal-eCall fl-Ewropa ssir fil-ħin, tkun effikaċi u tkun armonizzata. Ara http://www.esafetysupport.org/en/ecall_toolbox/ecall_implementation_platform/

[24] Ara l-istudju ta' riċerka tal-ADAC dwar l-inċidenti fuq il-fuljetti tas-salvataġġ. www.adac.de/rettungskarte

[25] Id-Direttiva 2002/22/KE tas-7 ta' Marzu 2002 'Id-Direttiva dwar is-Servizzi Universali' u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/558/KE tal-25 ta' Lulju 2003 dwar l-ipproċessar tat-tagħrif dwar il-lokalizzazzjoni ta' min qed jagħmel is-sejħa fin-netwerks ta' komunikazzjoni elettronika għall-fini ta' servizzi ta' sejħiet ta' emerġenza li jagħtu wkoll il-lokalizzazzjoni [verżjoni mhux uffiċjali].

[26] Id-Direttiva 2007/46/KE li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi.