52009DC0408

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - It-tielet rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE tal-Kunsill dwar ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru /* KUMM/2009/0408 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.7.2009

KUMM(2009) 408 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

It-tielet rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE tal-Kunsill dwar ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru

WERREJ

1. Id-daħla 3

2. It-tieni rapport ta' valutazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE (1999-2003): il-konklużjonijiet 3

3. L-iżviluppi li seħħew mit-tieni rapport 'il hawn (2004-2007) 4

3.1. L-adeżjoni ta' 12-il Stat Membru ġdid 4

3.2. L-istudju dwar it-traċċabilità tal-oġġetti kulturali: l-estensjoni għat-tnax-il Stat Membru ġdid (2007) 4

4. L-applikazzjoni tad-direttiva matul il-perjodu 2004-2007 5

4.1. Ir-rapporti ta' applikazzjoni mill-Istati Membri 5

4.2. Il-valutazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva 6

4.2.1. Il-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet (l-Artikolu 4) 7

4.2.2. L-azzjoni ta' ritorn (l-Artikolu 5) 8

5. Il-konklużjonijiet 8

6. Il-pass li jmiss 9

ANNESS 10

1. ID-DAħLA

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE, adottata fil-15 ta' Marzu 1993[1], waqqfet mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll proċedura ġudizzjarja biex jitroddu l-oġġetti kulturali li jkunu ttieħdu b'mod illegali mit-territorju ta' Stat Membru.

Fil-livell Komunitarju, l-oġġetti kulturali jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (minn issa 'l quddiem "It-Trattat tal-KE"), u b'mod partikolari dawk marbuta mal-moviment ħieles tal-oġġetti. Partikolarment, l-Artikoli 28 u 29 tat-Trattat tal-KE jipprojbixxu miżuri li għandhom l-istess effett bħal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni. Madankollu, l-Artikolu 30 jipprevedi li l-Artikoli 28 u 29 tat-Trattat tal-KE ma għandhomx jeskludu projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew fuq it-tranżitu ġustifikat, għal "meta dawn ikunu ġustifikati abbażi tal-protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku". Għalhekk, permezz ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jippreservaw id-dritt li jiddefinixxu l-oġġetti kulturali li huma jqisu bħala patrimonju nazzjonali kif ukoll il-fakultà li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġuhom.

Għalhekk, id-Direttiva 93/7/KEE hija miżura sekondarja tas-suq intern maħsuba li twaħħad it-tħaddim tas-suq intern mal-garanzija li l-Istati Membri jkunu jistgħu jħarsu l-oġġetti kulturali tagħhom li għandhom l-istatus ta' patrimonju nazzjonali ta' valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, skont l-Artikolu 30 tat-Trattat tal-KE.

Skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni tindirizza rapport ta' valutazzjoni tal-applikazzjoni tagħha, kull tliet snin, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali[2].

Dan id-dokument huwa t-tielet rapport ta' valutazzjoni tad-Direttiva. Huwa jkopri l-perjodu 2004-2007 u janalizza l-applikazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri[3].

2. IT-TIENI RAPPORT TA' VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA 93/7/KEE (1999-2003): IL-KONKLUżJONIJIET

It-tieni rapport innota li l-Istati Membri kienu tal-opinjoni li d-Direttiva kienet utli għall-protezzjoni tal-patrimonju kulturali u li l-ambitu ġuridiku Komunitarju li nħoloq permezz tad-Direttiva kien biżżejjed, avolja jista' jinħtieġ li jsir ċertu titjib. Għalhekk, dan it-tieni rapport ikkonkluda fuq l-opportunità:

- ta' titjib tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri,

- li jittawwal il-perjodu ta' sena biex jitressqu proċedimenti,

- li jiġu ppreservati l-livelli massimi finanzjarji,

- li ma tinbidilx il-frekwenza tar-rapport tal-valutazzjoni.

Il-Kummissjoni kienet indikat l-intenzjoni tagħha li tikkonsulta l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Oġġetti Kulturali dwar il-kwistjoni tal-limitu ta' żmien biex jitressqu l-proċedimenti u l-frekwenza tar-rapporti.

3. L-IżVILUPPI LI SEħħEW MIT-TIENI RAPPORT 'IL HAWN (2004-2007)

3.1. L-adeżjoni ta' 12-il Stat Membru ġdid

Qabel kull adeżjoni, il-Kummissjoni investigat il-miżuri nazzjonali ppjanati għat-traspożizzjoni tad-Direttiva. Il-pajjiżi kandidati gawdew ukoll minn għajnuna teknika regolari biex tiġi ffaċilitata traspożizzjoni korretta.

Il-Kummissjoni nediet proċedimenti ta' ksur kontra xi Stati Membri[4] minħabba nuqqasijiet ta' notifikazzjoni tal-miżuri nazzjonali tat-traspożizzjoni fil-limitu ta' żmien stipulat. Dawn il-proċedimenti ma tkomplewx wara l-komunikazzjoni u l-verifika tal-miżuri nazzjonali.

Fil-perjodu taż-żewġ adeżjonijiet (2004 u 2007), il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Oġġetti Kulturali, (bħalissa msemmi "il-Kumitat dwar l-Esportazzjoni u r-Ritorn tal-Oġġetti Kulturali") iltaqa' darba, fis-16 ta' Frar 2005. Fost il-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-Direttiva u li tqajmu mill-Istati Membri, kien hemm dik dwar il-ħtieġa li jittawwal il-perjodu ta' sena biex jitressqu proċedimenti għar-ritorn ta' oġġetti kulturali. Din it-talba tal-Greċja ġiet appoġġjata minn Stati Membri oħra bħalma huma Spanja u l-Italja.

3.2. L-istudju dwar it-traċċabilità tal-oġġetti kulturali: l-estensjoni għat-tnax-il Stat Membru ġdid (2007)

Fl-aħħar tal-2006, il-Kummissjoni talbet estensjoni tal-istudju dwar it-traċċabilità tal-oġġetti kulturali fil-15-il Stat Membru antik kif ukoll fit-tliet pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea għat-12-il Stat Membru ġdid. L-istudju l-ġdid tal-2007 rratifika l-konklużjonijiet tal-istudju mwettaq fl-2004[5], jiġifieri li t-traċċabilità hija żgurata biss għat-teżori nazzjonali u, fi grad inqas, għall-oġġetti kulturali li l-moviment tagħhom huwa bbażat fuq awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni.

Barra dan, l-istudju kkonferma r-rakkomandazzjonijiet tal-istudju bażiku, b'mod partikolari l-importanza

- tal-adozzjoni ta' mudell uniku għall-awtorizzazzjonijiet tat-trasferimenti tal-oġġetti kulturali fiż-Żona tal-Komunità,

- tal-ħolqien ta' database Ewropew għal-liċenzji tat-trasferimenti u l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

- li jiġu stabbiliti sistemi ta' mmarkar tal-oġġetti kulturali u

- tal-ħolqien ta' netwerk biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Ċerti Stati membri, fosthom pereżempju Franza, jixtiequ jinvestigaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet fi ħdan il-Kumitat għall-Esportazzjoni u r-Ritorn tal-Oġġetti Kulturali. Minkejja dan, il-Kummissjoni tqis li dawn ir-rakkomandazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-ambitu ġuridiku tad-Direttiva 93/7KEE għandhom jiġu vvalutati fid-dawl tal-prinċipji relatati mal-moviment ħieles tal-oġġetti bejn l-Istati Membri (l-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat tal-KE)[6].

4. L-APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA MATUL IL-PERJODU 2004-2007

4.1. Ir-rapporti ta' applikazzjoni mill-Istati Membri

Skont l-Artikolu 16(1), tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jibagħtu lill-Kummissjoni rapport tal-applikazzjoni tad-Direttiva kull tliet snin[7].

B'mod ġenerali, l-Istati Membri jqisu li d-Direttiva hija strument effettiv għar-ritorn tat-teżori nazzjonali li jkunu tneħħew illegalment mit-territorju ta' Stat Membru u li jinstabu fi Stat Membru ieħor. Bl-istess mod, huma jaqblu dwar il-fatt li, ukoll jekk id-Direttiva attwali għandha ċertu karattru preventiv għall-ħarsien tal-patrimonju kulturali, fiha nfisha mhijiex strument immirat kontra t-traffikar illegali tal-oġġetti kulturali.

Ir-rapporti nazzjonali jinnutaw:

- l-applikazzjoni rari tad-Direttiva, kemm fl-ambitu ta' azzjonijiet ta' kooperazzjoni amministrattiva kif ukoll fl-eżerċitar tal-azzjoni ta' ritorn (ara l-Anness)[8];

- il-ħtieġa għal żieda fil-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali u Komunitarju.

- il-ħtieġa li jsiru ċerti aġġustamenti lid-Direttiva biex jagħmluha aktar effettiva.

Minbarra dan, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiġġustifikaw l-għadd baxx ta' każijiet ta' applikazzjoni tad-Direttiva bil-kumplessità amministrattiva u l-ispejjeż finanzjarji involuti biex jitwettqu. Skont dawn l-Istati Membri, dawn il-konsegwenzi jwasslu biex l-awtoritajiet nazzjonali jippreferu li jużaw proċedimenti ċivili jew kriminali. Barra minn hekk, uħud mill-Istati Membri, bħalma huma Franza, l-Italja u l-Ungerija, għandhom l-opinjoni li l-limitazzjoni tal-ambitu tad-Direttiva għat-teżori nazzjonali elenkati fl-Anness tad-Direttiva jew li jappartjenu għal kollezzjonijiet pubbliċi jew tal-inventarji ekkleżjastiċi tikkostitwixxi restrizzjoni addizzjonali.

It-titjib propost mill-Istati Membri

Biex itejbu l-effettività tad-Direttiva, kważi l-Istati Membri kollha huma favur ta' modifika tal-Artikolu 7(1), biex jittwwal il-perjodu li matulu jistgħu jitniedu l-proċedimenti ta' ritorn. Dan il-perjodu, li bħalissa huwa ta' sena, jista' pereżempju jittawwal għal tliet snin. Franza u l-Italja, pereżempju, huma tal-fehma li l-bidu tal-perjodu korrispondenti għandu jiġi ċċarat ukoll.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (fosthom il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Ċipru, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja) huma wkoll favur ta' modifika tal-Anness tad-Direttiva, jew biex jiġu inklużi kategoriji ġodda ta' oġġetti bħalma huma ċerti opri ta' arti kontemporanja, jew biex jinbidlu l-limiti finanzjarji[9] attwali inkella l-frekwenza tar-rapporti.

Ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Italja u l-Awstrija jenfasizzaw id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom meta jeżerċitaw azzjonijiet ta' ritorn li jirriżultaw, pereżempju, f'interpretazzjonijiet diverġenti tal-kunċett ta' "reqqa dovuta" inkella l-kunċett ta' "kumpens ġust" mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali involuti fl-azzjoni ta' ritorn. Għal din ir-raġuni, dawn l-Istati Membri huma favur standardizzazzjoni tal-interpretazzjoni ta' dawn il-kunċetti; fuq dan il-fil ta' ħsieb ir-Repubblika Ċeka tipproponi modifika tal-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva biex l-obbligi tad-detentur meta jsir akkwist ta' oġġett kulturali jiġu ċċarati aktar. Kif imsemmi hawn fuq, ċerti Stati Membri (bħalma huma Franza, l-Italja u l-Ungerija) innutaw li l-kunċetti ta' "oġġetti kulturali" u ta' "terżor nazzjonali" ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, u dan jikkumplika l-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-awtoritajiet inkarigati mill-applikazzjoni tagħha. Dawn l-Istati Membri jipproponu li jiġi investigat mill-ġdid l-ambitu ta' applikazzjoni tad-Direttiva.

Fl-aħħar nett, ċerti Stati Membri jqisu li raggruppament ta' linji gwida għall-kooperazzjoni aministrattiva (l-Artikolu 4) għandu jħaffef l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

4.2. Il-valutazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva

Fir-rigward tal-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri dwar il-perjodu 2004-2007, il-Kummissjoni elenkat f'tabella fl-Anness il-każijiet fejn ġew applikati l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva bejn l-2004 u l-2007.

B'mod aktar speċifiku, l-Istati Membri implimentaw l-Artikolu 4 li jipprevedi azzjonijiet ta' kooperazzjoni amministrattiva permezz ta' tfittxijiet għal oġġetti kulturali u l-avviż ta' skoperta ta' oġġetti kulturali fit-territorju ta' Stat Membru ieħor. Barra minn dan, tliet Stati Membri (il-Ġermanja, Ċipru u l-Latvja) iddikjaraw li taw permess lil Stat Membru ieħor biex jivverifika n-natura ta' oġġett kulturali; Spanja, l-Awstrija u l-Iżvezja indikaw li ħadu miżuri amministrattivi għall-preservazzjoni fiżika ta' oġġett kulturali, filwaqt li l-Ungerija u l-Greċja ddikjaraw li ħadu miżuri provviżorji biex jevitaw li l-oġġett jaħrab mill-proċedura ta' ritorn.

Il-kontributi nazzjonali għarfu wkoll l-148 ritorn effettiv ta' oġġetti kulturali wara negozjati bejn l-awtoritajiet nazzjonali, mingħajr il-bżonn li jsir rikors għal proċedura ġudizzjarja.

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet nazzjonali indikaw li introduċew tmien azzjonijiet legali għal ritorn skont l-Artikolu 5 matul il-perjodu ta' referenza[10].

Minkejja dan, kif ġara fil-valutazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tenfasizza d-diffikultà tal-verifika tal-eżattezza tad-dejta kkomunikata fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5. F'dan ir-rigward, uħud mill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-applikazzjoni tad-Direttiva enfasizzaw l-eżistenza ta' diffikultajiet biex jinġabar it-tagħrif kollu li għandu x'jaqsam mal-azzjonijiet legali.

4.2.1. Il-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet (l-Artikolu 4)

Mill-kontributi nazzjonali joħroġ li l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fil-livell nazzjonali bejn l-awtoritajiet ċentrali inkarigati mid-Direttiva u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħruġ illegali tal-oġġetti kulturali (b'mod speċjali d-dwana u l-pulizija) huma tajbin. Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet ċentrali jqisu li dan huwa indispensabbli għall-applikazzjoni tad-Direttiva. Pereżempju, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u r-Rumanija ħabbru l-eżistenza kemm ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli, kemm ta' sistemi ad hoc (l-uffiċċju ċentrali tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-oġġetti kulturali fi Franza) kif ukoll ta' gruppi ta' ħidma għall-iskambju tal-informazzjoni u l-prassi t-tajba (il-Ġermanja u l-Portugall). L-Olanda għandha l-għan[11] li tintensifika din il-kooperazzjoni, f'dak li għandu x'jaqsam pereżempju, mal-iskambju tal-għarfien, l-esperjenza u t-taħriġ. L-Istat Membru tal-Belġju ħabbar li huma previsti laqgħat regolari bejn l-awtoritajiet ikkonċernati u proġett ta' kooperazzjoni li se jibdew mill-2008.

L-Istati Membri jagħrfu wkoll l-importanza ta' kooperazzjoni amministrattiva tajba u skambju ta' informazzjoni tajjeb bejn l-Istati Membri għall-implimentazzjoni tad-Direttiva. F'dan ir-rigward, il-Greċja osservat li l-informazzjoni kollha li rċeviet fir-rigward tal-oġġetti maħruġa illegalment mit-territorju ta' Stat Membru waslulha permezz tal-intermedjarju tat-tribunali nazzjonali jew l-INTERPOL u mhux permezz tal-awtoritajiet nazzjonali maħtura bħala responsabbli tad-Direttiva. Barra minn hekk, l-awtorità Griega ħabbret li hija tinforma dejjem lill-awtoritajiet nazzjonali l-oħra li huma inkarigati mid-Direttiva dwar is-serq li jseħħ fit-territorju tagħha. ,Minn dan il-lat, il-Greċja tosserva l-lakuni tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-livell Ewropew. Franza tenfasizza l-importanza li tinħoloq pjattaforma ta' kuntatti u ta' skambju bejn l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mid-Direttiva fil-livell Ewropew. Skont l-Olanda, din il-kooperazzjoni għandha titwessa' għall-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea[12]. Ir-Repubblika Ċeka u l-Litwanja jissuġġerixxu t-titjib tal-komunikazzjoni permezz ta' għodod elettroniċi, pereżempju Portal komuni tal-Internet[13]. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar il-proġett pilota ITCG ( Information on Transfer of Cultural Goods ) maħsub biex jiffaċilita l-iskambji tal-informazzjoni dwar il-protezzjoni tal-oġġetti kulturali bejn l-amministrazzjonijiet kompetenti[14]. Fl-aħħar nett, il-Portugall isemmi wkoll li s-salvagwardja tal-patrimonju kulturali għandu jkun iktar effettiv jekk l-awtoritajiet kompetenti kollha jikkooperaw ukoll mal-INTERPOL u l-EUROPOL.

L-Istati Membri jikkonfermaw li għandu jkun utli li jkun hemm linji gwida komuni għall-kooperazzjoni amministrattiva, bħalma huma dawk adottati fl-2002 mill-Kumitat għall-esportazzjoni u r-ritorn tal-oġġetti kulturali. Fil-fehma tagħhom, dawn il-linji jirrappreżentaw strument ta' informazzjoni importanti ħafna dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-protezzjoni tal-oġġetti kulturali u dwar l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri kollha jagħrfu li l-Kumitat għall-esportazzjoni u r-ritorn tal-oġġetti kulturali jirrappreżenta sjede li tiffavorixxi l-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

4.2.2. L-azzjoni ta' ritorn (l-Artikolu 5)

Abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri, matul il-perjodu 2004-2007 nbdew tmien azzjonijiet legali ta' ritorn skont l-Artikolu 5.

L-Istati Membri jispjegaw dan l-għadd ċkejken permezz ta' żewġ raġunijiet ewlenin: 1) l-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva, li jkopri biss it-teżori nazzjonali li nħarġu illegalment mit-territorju mill-1 ta' Jannar 1993 u li jagħmlu parti jew minn waħda mill-kategoriji tal-oġġetti indikati fl-Anness tad-Direttiva inkella minn kollezzjonijijiet pubbliċi jew inventarji reliġużi; u 2) il-limitu ta' żmien tal-azzjoni ta' ritorn, li huwa ta' sena li tibda minn meta l-Istat Membru kwerelant isir jaf bil-post fejn jinsab l-oġġett kif ukoll l-identità tal-possessur jew id-detentur tiegħu. Għal dawn ir-raġunijiet, bosta Stati Membri jindikaw li jippreferu jużaw mezzi legali oħra, bħalma huma d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-UNESCO[15] għall-irkupru ta' oġġetti kulturali.

5. IL-KONKLUżJONIJIET

Skont il-konklużjonijiet taż-żewġ rapporti preċedenti ta' valutazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma tal-opinjoni li d-Direttiva huwa strument utli li jippermetti r-ritorn ta' ċerti oġġetti kulturali li nħarġu illegalment mit-territorju ta' Stat Membru u li jikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-patrimonju. Dawn l-istess Stati Membri jagħrfu li d-Direttiva għandha effett preventiv li jiskuraġġixxi l-ħruġ illegali tal-oġġetti. Madankollu, l-Istati Membri jiddispjaċihom li d-Direttiva għandha ċerti limitazzjonijiet, pereżempju l-limitu ta' żmien ta' sena biex tiġi eżerċitata azzjoni ta' ritorn.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju tal-informazzjoni fl-ambitu tad-Direttiva, il-Kummissjoni tinnota titjib kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom. Minkejja dan, hija tinnota xi lakuni, min-naħa l-waħda, fil-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet inkarigati mid-Direttiva u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra responsabbli mill-protezzjoni tal-oġġetti kulturali u, min-naħa l-oħra, bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti responsabbli mid-Direttiva. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tissuġġerixxi lill-Istati Membri li jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex jiffavorixxu kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet kompetenti differenti. Bħala appoġġ, il-Kummissjoni għandha taġġorna l-linji gwida dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-pubblikazzjoni tal-listi relatati mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mid-Direttiva. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tinsisti fuq l-obbligu tal-Istati Membri li jibagħtulha, kull darba li jsir tibdil, l-informazzjoni dwar l-awtorità nazzjonali li jaħtru skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/7/KEE biex il-lista ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea tkun tista' tiġi aġġornata.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-azzjoni ta' ritorn, il-Kummissjoni tindika li l-għadd ċkejken ta' azzjonijiet li tnedew jista' jkun ukoll konsegwenza tas-suċċess tal-azzjoni ta' kooperazzjoni amministrattiva u b'mod partikolari r-riżultat pożittiv tan-negozjati għal ritorn b'mod amikevoli barra mit-tribunali[16]. Madankollu, hemm kunsens fost l-Istati Membri dwar il-fatt li l-limitu ta' żmien ta' sena li hemm bħalissa jillimita l-effettività tad-Direttiva u li hemm bżonn li jittawwal. Min-naħa l-oħra, ma hemmx kunsens dwar proposti oħra ta' modifiki tad-Direttiva, pereżempju, dawk li jipproponu li jiżdiedu kategoriji ta' oġġetti mal-Anness jew li jinbidlu l-livelli massimi finanzjarji ta' dawn l-oġġetti.

6. IL-PASS LI JMISS

Fid-dawl tal-informazzjoni miġbura dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn li ssir riflessjoni dwar reviżjoni eventwali tad-Direttiva. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-proposti kollha ta' modifiki għandhom jiġu analizzati fil-fond fir-rigward tal-implikazzjonijiet tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mid-Direttiva.

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tipproponi lill-Kumitat għall-Esportazzjoni u r-Ritorn tal-Oġġeti Kulturali l-ħolqien, taħt l-awspiċji tiegħu, ta' grupp ta' ħidma ad hoc fl-2009. L-għan ta' dan il-grupp għandu jkun li jidentifika l-problemi marbuta mal-applikazzjoni tad-Direttiva u li jipproponi soluzzjonijiet effikaċi u aċċettabbli għall-Istati Membri bil-ħsieb ta' reviżjoni futura tad-Direttiva.

***

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jieħdu nota ta' dan ir-rapport.

ANNESS

Tabella ta' rkupri, ta' azzjonijiet ta' ritorn u ta' azzjonijiet ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri mill-2004 sa l-2007[17]

- Deskrizzjoni fil-qosor tal-irkupri (kollha kemm huma b'arranġament amikevoli barra mill-Qrati)

Is-Sena | L-Istat tar-Ritorn | L-Istat tat-Talba | L-Oġġett |

2004 | Il-Ġermanja | Il-Greċja | antikita 1 (riljiev ta' framment tal-irħam ta' statwa kolossali) |

2006 | L-Awstrija | Franza | 2 partijiet ta' bassoriljiev |

2006 | Il-Latvja | Il-Polonja | 2 bassoriljievi tal-injam (parti minn artal) |

2006 | Ir-Renju Unit | Il-Greċja | biċċa antika 1 |

2006 | L-Iżvezja | Il-Greċja | 48 biċċa antika |

2007 | L-Awstrija | L-Ungerija | pittura 1 ta' W.Farkas |

2007 | Franza | Ir-Renju Unit | manuskritt 1 Ebrajk tas-Seklu 14 |

? | Il-Ġermanja | Ir-Repubblika Ċeka | skultura 1 ta' anġlu tal-injam bil-kulur tas-Seklu 18 |

? | Il-Ġermanja | L-Awstrija | Ġurnal rjali 1 |

? | Il-Ġermanja | Ir-Repubblika Ċeka | 4 skulturi ta' qaddisin tal-injam bil-kulur tas-Seklu 18 |

? | Spanja | L-Italja | Skultura rumana 1 |

? | Spanja | L-Iżvezja | 86 oġġett reliġjuż |

? | Franza | Spanja | tila 1 |

- Taqsira tan-negozjati li għadhom għaddejjin bil-ħsieb ta' ritorn amikevoli (l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 93/7/KEE)

Is-Sena | L-Istat tar-Ritorn | L-Istat tat-Talba | Ir-Riżultat |

2006 | Il-Polonja | Il-Latvja | Għadu mhux lest |

2006 | Ir-Repubblika Ċeka | Il-Ġermanja | Għadu mhux lest (matriċi tal-ktieb De Revolutionibus orbium coelestium") |

? | Il-Ġermanja | L-Awstrija | Għadu mhux lest (gwazz 1) |

? | Spanja | L-Iżvezja | Għadu mhux lest (kaxxetta 1 tal-iżmalt) |

- Taqsira tat-talbiet ta' ritorn imressqa (l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/7/KEE)[18]

Is-Sena | Il-Kwerelant | Kontra | L-Oġġett |

2005 | Il-Greċja | Ir-Renju Unit | Ikona biżantina 1 (l-azzjoni għadha għaddejja) |

2006 | L-Italja | L-Awstrija | 336 oġġett arkeoloġiku (l-azzjoni għadha għaddejja) |

2006 | Ir-Repubblika Ċeka | Il-Ġermanja | fonti tal-magħmudija (l-azzjoni ġiet rifjutata fl-2008 għax ġiet preskritta) |

2006 | Ir-Repubblika Ċeka | L-Awstrija | Skultura 1 tal-Madonna ta' Cholina tas-Seklu 15 ritornata wara l-2007 |

2006 | Ir-Repubblika Ċeka | L-Awstrija | Pittura 1 ta' knisja (l-azzjoni għadha għaddejja) |

2006 | Ir-Repubblika Ċeka | L-Awstrija | 80 oġġett li ġejjin minn knejjes jew monasteri (l-azzjoni għadha għaddejja) |

2006 | Ir-Repubblika Ċeka | L-Awstrija | 4 skulturi li ġejjin minn palazz (l-azzjoni għadha għaddejja) |

2007 | Il-Greċja | Il-Ġermanja | 90 oġġett antik (għandhom jiġu ritornati fl-2009) |

- It-talba ta' riċerka għall-oġġetti (l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/7/KEE)

Is-Sena | Il-Kwerelant | Kontra | Ir-Riżultat |

2004 | L-Ungerija | L-Awstrija | Pożittiv (pittura ta' W. Farkas instabet) |

2004-2007 | Il-Greċja | L-awtoritajiet nazzjonali kollha | Negattiv (39 talba dwar 439 oġġetti misruqa minn knejjes u monasteri) |

2004-2005 | L-Awstrija | Il-Greċja (20 talba) | Negattiv minħabba informazzjoni mhux kompluta dwar l-oġġetti: 35 pittura u 11 886 opra tal-arti jew biċċiet. Din l-aħħar talba fir-rigward tal-opri tal-arti ġiet mill-Belġju. |

2005-2006 | Il-Ġermanja Il-Belġju Il-Bulgarija L-Ungerija Ir-Repubblika Ċeka Ir-Rumanija Is-Slovakkja |

2007 | Il-Portugall Il-Finlandja |

2005 | Il-Latvja | Il-Polonja | 2 bassoriljievi tal-injam (parti minn artal) |

2006 | Il-Finlandja | Il-Ġermanja | Negattiv (l-oġġett jinsab fl-Istati Uniti tal-Amerika) |

2006 | Franza | Ir-Renju Unit | Strument 1 tal-mużika (bla reazzjoni, skont Franza) |

2006 | L-Olanda | Il-Ġermanja | Negattiv (it-talba tar-riċerka tal-materjal tal-arkivji ġiet rifjutata) |

2006 | Il-Polonja | Il-Latvja | Għadu mhux lest (oġġett 1) |

? | Il-Ġermanja | Il-Litwanja | Pożittiv |

? | L-Italja | L-Awstrija | Negattiv (prosteżi dentali 1 tal-perjodu Ruman). It-talba ġiet rifjutata minħabba li skada ż-żmien |

? | Ir-Repubblika Ċeka | Il-Ġermanja | 2 skulturi ritornati, talba rtirata u tnedija ta' proċedura ta' ritorn (fontijiet tal-magħmudija) |

? | Ir-Repubblika Ċeka | L-Awstrija | Għadu mhux lest |

? | Ir-Rumanija | Franza | Għadu mhux lest |

? | Ir-Rumanija | Il-Ġermanja | Ritorn (3 oġġetti) |

? | Ir-Rumanija | L-Awstrija | Għadu mhux lest |

? | Ir-Rumanija | Ir-Renju Unit | Għadu mhux lest |

? | L-Iżvezja | Spanja | 86 oġġett reliġjuż ritornat |

? | L-Iżvezja | Spanja | Għadu mhux lest (kaxxetta 1 tal-iżmalt) |

- In-notifika ta' skoperta tal-oġġetti (l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/7/KEE)

Is-Sena | L-Istat li qed jinnotifika | L-Istat innotifikat | Ir-Riżultat |

2004 | Franza | Il-Greċja | Negattiv. Minħabba li nqabeż il-limitu ta' żmien ta' sena, ma setgħetx tiġi applikata d-Direttiva. Il-Greċja kellha tixtri l-amfora antika. |

2005 | L-Ungerija | L-Awstrija | Pożittiv (pittura ta' W. Farkas) |

2006 | L-Awstrija | Franza | Ritorn (2 partijiet ta' bassoriljiev) |

2006 | L-Awstrija | Ir-Repubblika Ċeka | Ritorn wara azzjoni legali għall-irkupru ta' skultura 1 tal-Madonna ta' Cholina |

2006 | Ir-Renju Unit | Il-Greċja | Biċċa antika 1 ritornata |

2007 | Il-Ġermanja | Il-Greċja | 3 konfiskazzjonijiet: 1) 90 oġġett antik (dawn l-oġġetti se jiġu ritornati lill-Greċja fl-2009) 2) 3 oġġetti antiki (l-investigazzjoni għadha għaddejja). 3) oġġett antik 1 (l-investigazzjoni għadha għaddejja). Fi tliet każi oħra ta' notifika, ir-riżultat kien negattiv għaliex ġie żvelat li l-oġġetti ma nħarġux mit-territorju Grieg b'mod illegali |

? | Il-Ġermanja | L-Awstrija | Negattiv |

? | L-Awstrija | Il-Bulgarija | Għadu mhux lest (muniti antiki) |

? | Ċipru | Il-Bulgarija | Għadu mhux lest (3 oġġetti) |

? | Spanja | L-Italja | Ritorn (skultura Rumana) |

? | Spanja | L-Italja | Għadu mhux lest (Bibja tas-Seklu 16) |

? | Il-Litwanja | Il-Ġermanja | Pożittiv |

[1] Id-Direttiva 93/7/KEE tal-Kunsill, tal-15 ta' Marzu 1993 dwar ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru, ĠU L 74 tas-27.03.1993, p. 74, emendata permezz tad-Direttiva 96/100/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 1997, ĠU L 60 tal-1 ta' Marzu 1997, p. 59, u permezz tad-Direttiva 2001/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001, ĠU L 187 tal-10.7.2001, p. 43.

[2] L-ewwel rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3911/92 tal-Kunsill dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali u tad-Direttiva 93/7/KEE tal-Kunsill dwar ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru, COM (2000)325 finali tal-25 ta' Mejju 2000.Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE tal-Kunsill dwar ir-ritorn ta’ oġġetti ta’ kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru, COM (2005)675 finali.

[3] Il-Kummissjoni ma rċevietx ir-rapport nazzjonali tal-Estonja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta u l-Bulgarija.

[4] Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u l-Bulgarija.

[5] http://ec.europa.eu/enterprise/regulation/goods/dir937_en.htm

[6] Matul il-perjodu 2004-2007, il-Kummissjoni ttrattat kwerela waħda dwar l-ostakli għall-ħruġ ta' oġġett kulturali minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor (l-Artikolu 29 KE).

[7] Biex tikseb dejta li tista' titqabbel, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mid-Direttiva 93/7/KEE l-istess kwestjonarju li kien intbagħat għat-tħejjija tat-tieni rapport ta' valutazzjoni.

[8] Din it-tabella ġiet ippreżentata, għall-opinjoni u l-qbil tagħhom, lill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mid-Direttiva.

[9] Ċerti Stati Membri huma favur ta' żieda (Ċipru u r-Renju Unit), filwaqt li oħrajn huma favur ta' tnaqqis (Spanja, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Iżvezja u r-Rumanija).

[10] Minbarra t-talba tar-Repubblika Ċeka lill-Ġermanja rigward fontijiet tal-magħmudija (Taufbecken ) li ġiet rifjutata minħabba li ġiet preskritta fl-2008, l-azzjonijiet l-oħra kienu għadhom għaddejjin sal-aħħar tal-2007.

[11] Pure Art- preventive criminal analysis of the Dutch art and antiques trade . Intraval- Groningen-Rotterdam.2007. Dan ir-rapport ġie elaborat wara inkjesta dwar il-vulnerabilità tas-suq tal-arti fl-Olanda fir-rigward tal-kriminalità organizzata.

[12] Id-Direttiva 93/7/KEE hija applikabbli bl-istess mod għall-pajjiżi tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE, skont il-punt 1 tal-Kapitolu 28 tal-Anness II tagħha.

[13] Portal Ewropew li jippermetti lill-Istati Membri li jaqsmu flimkien informazzjoni aġġornata dwar permessi ta' esportazzjoni u li jagħti informazzjoni dwar ħruġ illegali. Dan il-portal għandu b'mod partikolari jservi ta' punt ta' reġistrazzjoni għall-bażijiet tad-dejta ta' oġġetti misruqa (il-grupp Circa)

[14] Il-proġett bi prova ITGC ġie ffinanzjat bejn l-1997 u l-2000, permezz tal-IDA ( Interchange of Data between Administrations ). Ir-rapport finali tiegħu, ippubblikat f'Mejju 2000, jipproponi l-ħolqien ta' sit tal-Internet magħmul minn żewġ partijiet: l-ewwel waħda, pubblika, li jkun fiha l-informazzjoni dwar l-oġġetti kulturali (leġiżlazzjoni nazzjonali, formoli ta' ċirkolazzjoni, indirizzi ta' kuntatt, eċċ.); u l-oħra, b'aċċess limitat għall-amministrazzjonijiet u b'żona standardizzata ta' skambju, ikollha informazzjoni kunfidenzjali. Minkejja li l-Kummissjoni kienet ipproponiet, fl-2003, it-tnedija tal-fażi tal-eżekuzzjoni ta' dan il-proġett, il-proċedura ta' approvazzjoni ġiet ibblukkata.

[15] Konvenzjoni dwar il-miżuri li jridu jittieħdu biex jipprojbixxu u jwaqqfu l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta' proprjetà illegali ta' oġġetti kulturali, Pariġi l-14 ta' Novembru 1970.

[16] Ara t-tabella "Deskrizzjoni fil-qosor tal-irkupri -kollha kemm huma b'arranġament amikevoli barra mill-Qrati" fl-Anness.

[17] Sors: Ir-rapporti nazzjonali tal-applikazzjoni tad-Direttiva. Dawn it-tabelli ġew verifikati mill-awtoritajiet ċentrali inkarigati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 93/7/KEE. Minkejja dan, ċerta dejta mhijiex ikkonfermata miż-żewġ Stati Membri kkonċernati.Il-passi marbuta ma' ritorn partikolari jistgħu jidhru taħt diversi tabelli.

[18] Fl-2004, żewġ talbiet tal-Italja ġew rifjutati mit-tribunal Olandiż u Ġermaniż rispettivament għal azzjoni mressqa fl-2002 għar-ritorn ta' armatura Griega (panoplia) u għal azzjoni oħra tal-2001 dwar 911-il biċċa arkeoloġika.