52009DC0407

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 7 tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 tas-27 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi regoli għall-modulazzjoni volontarja ta’ pagamenti diretti /* KUMM/2009/0407 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 29.7.2009

KUMM(2009) 407 finali

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 tas-27 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi regoli għall-modulazzjoni volontarja ta’ pagamenti diretti

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 tas-27 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi regoli għall-modulazzjoni volontarja ta’ pagamenti diretti

Dan ir-rapport tħejja skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007[1], li jipprovdi li “qabel il-31 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ modulazzjoni volontarja, flimkien ma’, jekk meħtieġ, proposti xierqa”.

Sadanittant, il-Kontroll tas-Saħħa tal-Politika Agrikola Komuni (il-PAK) wieġeb għall-ħtieġa li jiżdiedu l-fondi għall-iżvilupp rurali billi żied ir-rata tal-modulazzjoni obbligatorja. Bil-mod il-mod, l-Istati Membri li qed japplikaw il-modulazzjoni volontarja se jibdluha bil-modulazzjoni obbligatorja. B’hekk, ir-rati tal-modulazzjoni madwar l-UE se jkunu allinjati aħjar.

Il-Kummissjoni ma tbassar l-ebda inizjattiva oħra dwar il-modulazzjoni volontarja fil-perjodu ta’ pprogrammar attwali mill-2007 sal-2013.

1. Il-kuntest

1.1. Il-kunċett tal-“modulazzjoni”

Il-kelma “modulazzjoni” tirreferi għat-trasferiment tar-riżorsi tal-baġit mill-pagamenti diretti lill-bdiewa (l-1 pilastru tal-PAK) għall-miżuri tal-iżvilupp rurali (it-2 pilastru tal-PAK).

Ir-riforma tal-PAK li saret fl-2003 daħħlet il-modulazzjoni obbligatorja, b’rata ta’ 3 % fil-bidu fl-2005, għal 4 % fl-2006 u għal 5 % mis-sena 2007 ’l quddiem, flimkien ma’ konċessjoni ta’ EUR 5,000, li inqas minnha ma jkun hemm l-ebda tnaqqis tal-pagamenti diretti.

Barra minn hekk, fl-2005 kien hemm qbil li r-Renju Unit u l-Portugall jistgħu jużaw iktar modulazzjoni volontarja skont it-termini mogħtija fir-Regolament (KE) Nru 378/2007.

1.2. Il-qafas legali għall-modulazzjoni volontarja

Ir-Regolament (KE) Nru 378/2007 jagħti lir-Renju Unit il-possibbiltà li japplika l-modulazzjoni volontarja fil-perjodu mill-2007 sal-2012 f’każijiet fejn il-modulazzjoni volontarja kienet diġà qed tiġi applikata, u jagħti din il-possibbiltà lill-Portugall ukoll, skont deroga mogħtija bl-Artikolu 70(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005[2].

Il-modulazzjoni volontarja ssir permezz ta’ tnaqqis tal-pagamenti diretti li jiżdied mat-tnaqqis li jkun ġej mill-modulazzjoni obbligatorja.

Trid tiġi applikata rata waħda ta’ tnaqqis għal kull sena kalendarja; madanakollu, ir-Renju Unit, li japplika l-iskema ta’ pagament uniku fil-livell reġjonali, jista’ japplika wkoll rati li jvarjaw skont ir-reġjun. Ir-rata massima tat-tnaqqis hija ta’ 20 %.

L-istess bħalma jiġri fil-każ tal-modulazzjoni obbligatorja, għall-modulazzjoni volontarja hija prevista konċessjoni ta’ EUR 5,000. Madanakollu, bil-kuntrarju għal dak li jiġri fil-każ tal-modulazzjoni obbligatorja, l-Istati Membri jistgħu jingħataw deroga u ma japplikawhiex (bħalma jsir fir-Renju Unit).

Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-ammonti netti li ġejjin mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni volontarja abbażi tar-rata/tar-rati li l-Istati Membri kkonċernati jkunu bagħtulha.

Dawn il-fondi addizzjonali mmodulati jintużaw biex jiffinanzjaw il-miżuri tal-iżvilupp rurali f’dak l-istess Stat Membru. M’hemm l-ebda obbligu li jkun hemm il-kofinanzjament nazzjonali, jiġifieri l-fondi addizzjonali ma huma suġġetti għall-ebda limitu massimu għall-assi differenti mniżżlin fl-Artikolu 70(3) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

L-Istati Membri kkonċernati jridu jipprovdu valutazzjonijiet tal-impatt, b’mod partikulari dwar il-qagħda ekonomika tal-bdiewa u l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-settur tal-agrikultura, filwaqt li jqisu l-bżonn li jkun evitat trattament tal-bdiewa li jkun inġust u li ma jkunx iġġustifikat. Abbażi ta’ dan, il-Kummmissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-modulazzjoni volontarja qabel tmiem l-2008.

Ir-regoli dwar l-implimentazzjoni mniżżlin fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2007[3] jipprovdu (a) għall-inklużjoni tal-ammonti li ġejjin mill-modulazzjoni volontarja fil-pjan dwar il-finanzjament ta’ kull programm tal-iżvilupp rurali (il-punt 6.1 tat-Taqsima A tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006), u (b) għat-tħassir tas-sistema l-qadima tal-modulazzjoni volontarja mogħtija fir-Regolament (KE) Nru 1655/2004.

1.3. Il-limitazzjoni tal-analiżi tal-impatt ekonomiku

Għadu kmieni wisq biex wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi dwar l-impatt tal-modulazzjoni volontarja fuq il-qagħda ekonomika tal-istabbilimenti agrikoli.

Fir-Renju Unit, l-ewwel baġit tal-modulazzjoni volontarja li kellu jintefaq fuq il-Programmi tal-Iżvilupp Rurali tar-Renju Unit skont ir-Regolament (KE) Nru 378/2007 ilu disponibbli minn Ottubru 2007 biss. Fil-każ tal-Irlanda ta’ Fuq, il-Programm dwar l-Iżvilupp Rurali nbidel f’Novembru 2008 sabiex jibda jinkludi l-modulazzjoni volontarja.

Fil-każ tal-Portugall, għadu kmieni wisq biex wieħed jivvaluta kwalunkwe impatt, minħabba li l-ammonti li ġejjin mill-modulazzjoni volontarja se jkunu jistgħu jintużaw mill-programmi tal-iżvilupp rurali mill-2010 biss.

Jeħtieġ li wieħed jagħraf ukoll li, matul perjodu ta’ bidla partikolarment instabbli, it-tnaqqis tal-modulazzjoni volontarja kien biss wieħed minn għadd ta’ fatturi li affettwaw il-qagħda ekonomika tal-istabbilimenti agrikoli mill-2007 sal-2008. Kien hemm fatturi oħrajn li kellhom impatt iktar qawwi fuq id-dħul tal-istabbilimenti agrikoli, bħal pereżempju l-prezzijiet dejjem jogħlew tal-prodotti, il-prezzijiet dejjem jogħlew tal-materja prima (l-“input”), l-iskarsezza tal-kreditu, u, fil-każ tar-Renju Unit, id-dgħajfien tal-Lira Sterlina meta mqabbla mal-Euro, il-kundizzjonijet estremi tat-temp u t-tifqigħ tal-mard tal-annimali. Madanakollu, f’dan l-Istat Membru, l-iżvilupp ġenerali tad-dħul kien wieħed tajjeb minħabba ż-żieda kbira fil-prezzijiet tal-prodotti.

2. L-applikazzjoni tal-modulazzjoni volontarja fir-Renju Unit

2.1. Komunikazzjoni skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 378/2007

Nhar it-12.06.2007, ir-Renju Unit bagħat lill-Kummissjoni r-rati tal-modulazzjoni volontarja mill-2007 sal-2012 flimkien ma’ valutazzjoni tal-impatt ta’ qabel.

Ir-Renju Unit stabbilixxa r-rati annwali li ġejjin għal kull reġjun, u ma pprevediex li se japplika konċessjoni:

IS-SENA | 2007 | 2008 | 2009 | 2010 | 2011 | 2012 |

L-Ingilterra | 12.0 % | 13.0 % | 14.0 % | 14.0 % | 14.0 % | 14.0 % |

Wales | 0 % | 2.5 % | 4.2 % | 5.8 % | 6.5 % | 6.5 % |

L-Iskozja | 5.0 % | 8.0 % | 8.5 % | 9.0 % | 9.0 % | 9.0 % |

L-Irlanda ta’ Fuq | 4.5 % | 6.0 % | 7.0 % | 8.0 % | 9.0 % | 9.0 % |

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kofinanzjament nazzjonali, ir-reġjuni kollha jipprovduh, u b’hekk hemm fondi addizzjonali totali ta’EUR 1.6 biljun. Ir-rati nazzjonali tal-kofinanzjament qed jingħataw hawn taħt:

L-ASSI NRU 1 | L-ASSI NRU 2 | L-ASSI NRU 3 | L-ASSI NRU 4 |

L-Ingilterra | 0 % | 40.00 % | 0 % | 0 % |

L-Irlanda ta’ Fuq | 0 % | 62.00 % | 0 % | 0 % |

L-Iskozja | 55.21 % | 55.21 % | 55.21 % | 65.00 % |

Wales | 45.00 % | 45.00 % | 45.00 % | 0 % |

Skont ir-Renju Unit, il-modulazzjoni volontarja tippermetti li jkun hemm bilanċ aħjar bejn iż-żewġ pilastri tal-PAK, jekk, mill-2007 sal-2013, wieħed iqis proporzjon bejn l-1 u t-2 pilastru ta’ 14 għal 1 għal qabel il-modulazzjoni volontarja u ta’ 7 għal 1 għal wara l-modulazzjoni fir-Renju Unit, meta mqabbel mal-medja tal-UE-15 ta’ 5 għal 1.

2.2. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/679/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/680/KE

Id-Deċizjoni tal-Kummissjoni 2007/679/KE[4] stabbiliet l-ammonti netti li ġejjin mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni volontarja abbażi tar-rati annwali li jvarjaw skont ir-reġjun mibgħutin mir-Renju Unit kif ġej:

IS-SENA | 2007 | 2008 | 2009 | 2010 | 2011 | 2012 |

L-ammont totali (f’miljuni ta’ EUR) | 362.0 | 424.0 | 464.4 | 475.5 | 481.6 | 481.6 |

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/680/KE[5] irranġat skont dan, minn banda, il-bilanċ nett disponibbli għan-nefqa tal-FAEG, u, mill-banda l-oħra, l-ammonti li għandhom x’jaqsmu mar-Renju Unit u l-ammonti totali tal-appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali mill-2007 sal-2013.

B’hekk, ammont totali ta’ EUR 2,689 miljun miksub mill-applikazzjoni tal-modulazjoni volontarja se jkun ittrasferit mill-1 għat-2 pilastru fil-perjodu ta’ pprogrammar mill-2007 sal-2013. Dan se jżid il-baġit tar-Renju Unit għall-iżvilupp rurali b’iktar mid-doppju (minn EUR 1,910 miljun għal EUR 4,599 miljun) u se jżid il-baġit totali tal-UE għall-iżvilupp rurali għal EUR 91.9 biljun għall-istess perjodu.

2.3. Rapport skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 378/2007

Ir-rapport imressaq mir-Renju Unit f’Diċembru 2008 ikopri l-perjodu minn Marzu 2007 sa Settembru 2008. U minħabba li l-irċevuti tal-modulazzjoni volontarja ilhom disponibbli biss minn Ottubru 2007, skont ir-Renju Unit għadu kmieni wisq biex wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi.

2.3.1. L-użu tal-fondi addizzjonali mill-modulazzjoni volontarja

Kif muri hawn taħt, il-fondi addizzjonali qed jintużaw, b’mod ewlieni, għal għanijiet ambjentali skont l-assi nru 2:

L-ASSI | L-INGILTERRA | L-ISKOZJA | L-IRLANDA TA’ FUQ | WALES |

1 | 10.45 % | 14.29 % | 17.00 % | 10 % |

2 | 76.09 % | 68.58 % | 65.04 % | 80 % |

3 | 8.74 % | 11.57 % | 0.00 % | 10 % |

Il-mexxej (Leader) | 4.72 % | 5.57 % | 17.96 % | 0 % |

L-ammont totali | 100 % | 100 % | 100 % | 100 % |

2.3.2. Id-dħul tal-istabbilimenti agrikoli

Il-Komunikazzjoni tgħid li l-iktar statistika riċenti dwar id-dħul tal-bdiewa “tagħti ’l wieħed x’jifhem li l-industrija agrikola tar-Renju Unit qiegħda f’qagħda relattivament tajba u kompetittiva, minkejja li l-modulazzjoni volontarja ilha applikata mill-2001 biss” (fil-perjodu mill-2000 sal-2006, l-ammont totali mħallas kien ta’ madwar EUR 4,500 miljun).

IS-SENA | IR-REġJUN TAR-RENJU UNIT | IR-RATA TAL-MODULAZZJONI VOLONTARJA | IT-TNAQQIS TAL-MODULAZZJONI VOLONTARJA (f’miljuni ta’ GBP) | ID-DħUL TOTALI MILL-ISTABBILIMENT AGRIKOLU (TIFF) (F’MILJUNI TA’ GBP) | IT-TIBDIL FIT-TNAQQIS tal-modulazzjoni volontarja | IT-TIBDIL FID-DħUL TOTALI MILL-ISTABBILIMENT AGRIKOLU (TIFF) |

2006 | L-Ingilterra | 6.0 % | 101.0 | 1555 |

L-Irlanda ta’ Fuq | 4.5 % | 11.0 | 160 |

L-Iskozja | 4.5 % | 19.9 | 537 |

Wales | 0.5 % | 1.2 | 52 |

2007 | L-Ingilterra | 12.0 % | 218.0 | 1631 | 117.0 | 76.0 |

L-Irlanda ta’ Fuq | 4.5 % | 11.0 | 233 | 0 | 73.0 |

L-Iskozja | 5.0 % | 22.7 | 628 | 2.7 | 91.0 |

Wales | 0 % | 0.0 | 46 | -1.0 | -6.0 |

Il-modulazzjoni volontarja m’għandux ikollha impatt sinifikanti fuq il-qagħda ekonomika tal-bdiewa u fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-settur tal-agrikultura fl-2008. Kien hemm fatturi oħrajn li kellhom impatt iktar qawwi fuq id-dħul totali mill-istabbiliment agrikolu (TIFF) mill-modulazzjoni volontarja, mhux l-inqas fosthom it-tibdil fir-rati tal-kambju. Prezzijiet ogħla taċ-ċereali fl-ewwel parti tas-sena 2008 u prezzijiet ogħla tal-laħam u tal-ħalib taw kontribut għaż-żieda fil-valur tal-produzzjoni, li mistennija tiġi bbilanċjata biss b’mod parzjali mill-ispejjeż ogħla tal-fjuwils, tal-fertilizzanti u tal-għalf tal-bhejjem. F’termini reali, id-dħul totali mill-istabbiliment agrikolu u d-dħul totali mill-istabbiliment agrikolu għal kull persuna mistennija jiżdiedu kemm kemm fl-2008 wara ż-żidiet li kien hemm fl-2006 u fl-2007.

Barra minn hekk, fuq tul ta’ żmien, il-bdiewa se jgawdu mill-impatti ekonomiċi taż-żieda fl-appoġġ għall-iżvilupp rurali permezz tal-modulazzjoni volontarja; il-biċċa l-kbira mill-fondi addizzjonali se jagħtu benefiċċji diretti lill-bdiewa fil-forma ta’ pagamenti agroambjentali, li jagħtu ċertu ċertezza u stabbiltà lid-dħul tal-istabbilimenti agrikoli.

It-tabella li jmiss tagħti, fil-qosor, l-impatt li hu stmat li se jkun hemm fuq id-dħul tal-bdiewa:

L-INGILTERRA | L-IRLANDA TA' FUQ | L-ISKOZJA | WALES |

Ir-rati tal-modulazzjoni volontarja (ir-rati minimi u massimi) | 12 %-14 % | 4.5 %-9 % | 5 %-9 % | 2.5 % - 6.5 % |

L-impatt li hu stmat li se jkun hemm fuq id-dħul totali mill-istabbiliment agrikolu | Mhux disponibbli | -3 % / -6 % | Mhux disponibbli | -3.9 % / -10.2 % |

L-impatt li hu stmat li se jkun hemm fuq id-dħul nett ta’ flus | Mhux disponibbli | Mhux disponibbli | -0.5 % / -4.3 % | -1.5 % / -4.4 % |

Il-pożizzjoni kompetittiva tal-agikultura tar-Renju Unit m’għandhiex tkun affettwata, filwaqt li l-kofinanzjament għandu jillimita t-tnaqqis fl-irċevuti tal-istabbilimenti agrikoli. Fil-fatt, minħabba l-kofinanzjament nazzjonali tal-modulazzjoni volontarja, se jkun hemm żieda netta fl-infiq totali tar-Renju Unit fuq il-PAK (żieda ta’ biljun Euro fil-perjodu ta’ pprogrammar mill-2007 sal-2013 għall-Ingilterra biss).

2.3.3. L-impatt fuq l-ambjent

Fl-Ingilterra, 99 % min-nefqa totali pubblika tal-modulazzjoni volontarja (EUR 131.5 miljun) intefqu fuq il-pagamenti agroambjentali, l-iktar fuq l-iskema għall-ħarsien tal-ambjent tal-livell tad-dħul imsejħa “Environmental Stewardship Scheme”. Din l-iskema teħtieġ livell bażiku tal-ġestjoni ambjentali u dawk li jieħdu sehem fiha jistgħu jagħżlu minn firxa wiesgħa ta’ iktar minn 50 għażla tal-ġestjoni. Dawn ikopru t-tipi kollha tal-biedja u jinkludu affarijiet bħall-ġestjoni tar-ringieli ta’ sġajriet li jdawru l-għelieqi, iż-żamma tal-ħitan tal-ġebel, l-imriegħi li m’għandhomx bżonn wisq materja prima, iż-żoni ta’ lqugħ, u l-għażliet tar-raba’ li jinħarat.

Sa minn Jannar tal-2007 ’l hawn, ġew iffirmati iktar minn 10,500 ftehim agroambjentali ġdid, li kollha kemm huma huma ffinanzjati permezz tal-modulazzjoni volontarja. Mingħajr il-modulazzjoni volontarja ma kienx se jkun possibbli li wieħed iwessa’ l-iskema għall-ħarsien tal-ambjent imsejħa “Environmental Stewardship Scheme” b’din ir-rata. Fl-Iskozja, fl-2008 ntefqu EUR 34.9 miljun (nefqa totali pubblika) għall-pagamenti għaż-żoni żvantaġġati. F’Wales, li għażel li ma japplika l-ebda tnaqqis volontarju mill-pagamenti tal-iskema tal-pagament uniku tal-2007, il-modulazzjoni volontarja, ladarba tkun disponibbli, se tkun iffukata sew fuq l-appoġġ tal-miżuri agroambjentali fuq skala iktar baxxa sabiex ikunu appoġġati t-taħriġ fl-oqsma tal-agrikultura u tal-forestrija u l-adattament tan-negozji.

Fl-Irlanda ta’ Fuq, il-modulazzjoni volontarja se tkun immirata lejn dawk il-miżuri li jagħtu appoġġ dirett lill-bdiewa (l-azzjonijiet tat-taħriġ u tat-tagħrif, l-immodernizzar tal-azjendi agrikoli, il-pagamenti bħala kumpens għaż-Żoni Żvantaġġati, il-pagamenti agroambjentali, il-miżuri fil-qasam tal-forestrija u d-diversifikazzjoni lejn attivitajiet li mhumiex agrikoli).

Mistennija jkun hemm firxa wiesgħa ta’ benefiċċji ambjentali permezz tal-miżuri agroambjentali. Dawn għandhom inaqqsu l-effetti negattivi possibbli tal-pagamenti diretti mnaqqsin, bħat-tnaqqis fl-għadd ta’ baqar li jreddgħu (li jista’ jwassal għal rigħi mhux biżżejjed ta’ xi ħabitati importanti) u t-tisħiħ possibbli fl-oqsma tal-ħalib, taċ-ċanga u tar-raba’ li jinħarat li jistgħu jaffettwaw il-kwalità tal-ilma u l-erożjoni tal-ħamrija.

3. L-applikazzjoni tal-modulazzjoni volontarja fil-Portugall

3.1. Komunikazzjoni skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 378/2007

Nhar it-18.06.2007, il-Portugall bagħat lill-Kummissjoni r-rati tal-modulazzjoni volontarja mill-2007 sal-2012 flimkien ma’ valutazzjoni tal-impatt ta’ qabel.

Ir-rata annwali li ntbagħtet kienet ta’ 10 %, li bdiet tapplika fl-2008. Meta wieħed iqis il-konċessjoni, ir-rata effettiva tiġi waħda ta’ 6.1 % mit-tnaqqis tal-pagamenti diretti.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-impatt fuq id-dħul tal-bdiewa, it-tnaqqis mistenni għandu jvarja minn massimu ta’ -13 % għall-istabbilimenti agrikoli tal-baqar taċ-ċanga u għall-“istabbilimenti agrikoli mħallta” sa minimu ta’ -2 % jew -3 % għall-istabbilimenti agrikoli li jispeċjalizzaw fl-għelejjel permanenti u fil-baqar tal-ħalib. Fl-istess ħin, id-differenza bejn l-ogħla u l-inqas dħul tal-istabbilimenti agrikoli se jitnaqqas, b’iktar minn nofs il-pakkett imħallas mill-bdiewa li jkunu qed jirċievu pagamenti diretti ta’ iktar minn EUR 50,000 fis-sena.

3.2. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2008 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/788/KE

Ir-Regolament (KE) Nru 333/2008[6] stabbilixxa li l-limitu nazzjonali tal-ammont totali tal-għajnuna addizzjonali mogħtija lill-bdiewa (il-konċessjoni) huwa ta’ EUR 20.4 miljun fis-sena.

Nhar it-12.09.2008, il-Portugall għarraf lill-Kummissjoni li kien beħsiebu jibda japplika l-modulazzjoni volontarja tal-pagamenti diretti biss mill-2009 ’l quddiem.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/788/KE[7] tat-3 ta’ Ottubru 2008 stabbiliet l-ammonti netti annwali li ġejjin mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni volontarja fil-Portugall, u kienet diġà qieset id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Portugiżi billi stabbiliet l-ammonti netti mill-2009 ’l quddiem biss:

Is-sena | 2009 | 2010 | 2011 | 2012 |

F’miljuni ta’ EUR | 41.6 | 40.8 | 40.8 | 40.8 |

B’hekk, se jkunu ttrasferiti EUR 164 miljun mill-1 għat-2 pilastru.

3.3. L-użu tal-fondi addizzjonali mill-modulazzjoni volontarja

Skont wieħed mill-impenji meħuda fil-Programm tiegħu għall-Iżvilupp Rurali taż-Zoni Kontinentali, il-fondi addizzjonali mill-modulazzjoni volontarja se jkunu maqsumin nofs bin-nofs bejn it-tisħiħ tal-appoġġ għan-netwerk tan-Natura 2000, inklużi siti addizzjonali ġodda (taħt l-assi nru 2) u l-proġetti biex jittejbu l-istrutturi tal-istabbilimenti agrikoli (taħt l-assi nru 1).

Kif issemma hawn fuq, nhar it-12.09.2008, il-Portugall għarraf lill-Kummissjoni li kien beħsiebu jibda japplika l-modulazzjoni volontarja tal-pagamenti diretti biss mill-2009 ’l quddiem.

Il-Portugall ikkonferma li se jsib mezzi alternattivi sabiex jirrispetta l-impenn imsemmi hawn fuq meħud fil-Programm tiegħu għall-Iżvilupp Rurali taż-Żoni Kontinentali.

4. L-impatt tal-Kontroll tas-Saħħa

Il-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK (ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nri 72/2009, 73/2009 u 74/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009)[8] jimmira li jgħin lill-bdiewa jwieġbu b’mod aħjar għas-sinjali tas-suq u jaffaċċaw sfidi ġodda.

Għal dan il-għan, ir-rata tal-modulazzjoni obbligatorja se tiżdied f’erba’ stadji sa ma tilħaq ir-rata ta’ 10 % fl-2012, filwaqt li se tinżamm il-konċessjoni ta’ EUR 5,000. Barra minn hekk, se tiddaħħal modulazzjoni progressiva għal 4 % iktar għal pagamenti ta’ iktar minn EUR 300,000.

B’hekk, f’erba’ snin se jkunu ttrasferiti EUR 3.24 biljun għat-2 pilastru. Il-fondi addizzjonali se jintużaw f’dan l-istess Stat Membru għall-“isfidi l-ġodda”: it-tibdil fil-klima, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, il-ġestjoni tal-ilma, il-bijodiversità, l-innovazzjoni b’rabta ma’ dawn l-isfidi u l-miżuri ta’ akkumpanjament tas-settur tal-ħalib. Ir-rata tal-kofinanzjament għal dawn il-ħidmiet hija ta’ 90 % fir-reġjuni ta’ konverġenza u ta’ 75 % fir-reġjuni l-oħrajn.

L-Istati Membri li japplikaw il-modulazzjoni volontarja se jnaqqsu r-rati skont dan. Dan ifisser li l-Kontroll tas-Saħħa se jnaqqas l-importanza tal-modulazzjoni volontarja għar-Renju Unit u għall-Portugall u li m’hu se jkollu l-ebda impatt fuq il-modulazzjoni totali, kif muri fit-tabella t’hawn taħt:

Tabella: L-ammonti tal-modulazzjoni volontarja mibdula bil-modulazzjoni obbligatorja wara li sar il-Kontroll tas-Saħħa

F’miljuni ta’ EUR

2009 | 2010 | 2011 | 2012 | It-total |

Ir-Renju Unit | 67.4 | 100.6 | 134.3 | 167.7 | 470.0 |

Il-Portugall | 8.8 | 11.8 | 15.8 | 19.8 | 56.2 |

Barra minn hekk, il-modulazzjoni kif miżjuda skont il-Kontroll tas-Saħħa se tnaqqas il-marġni finanzjarju għall-isfidi l-oħra li mhumiex ġodda.

5. Konklużjonijiet

Il-modulazzjoni volontarja bbażata fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 jew intużat għal perjodu qasir taż-żmien (fir-Renju Unit) jew għadha ma ġietx implimentata kif mistenni skont il-programmi tal-iżvilupp rurali (fil-Portugall). Għalhekk, għadu kmieni wisq biex wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi dwar l-impatt tal-modulazzjoni volontarja fuq il-qagħda ekonomika tal-istabbilimenti agrikoli u fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom. Kien hemm fatturi oħrajn li probabbilment kellhom impatt iktar qawwi mill-modulazzjoni volontarja fuq id-dħul totali tal-istabbiliment agrikolu (bħal pereżempju l-prezzijiet dejjem jogħlew tal-prodotti, il-prezzijiet dejjem jogħlew tal-materja prima u l-iskarsezza tal-kreditu).

F’dak li għandu x’jaqsam mal-impatti l-oħra, ta’ min jinnota li fir-Renju Unit hija mistennija firxa wiesgħa ta’ benefiċċji ambjentali, l-iktar permezz tal-miżuri agroambjentali, fejn ġiet innutata żieda sinifikanti fl-ammonti ta’ ftehimiet agroambjentali.

Il-Kontroll tas-Saħħa tal-Politika Agrikola Komuni (il-PAK) wieġeb għall-ħtieġa li jiżdiedu l-fondi għall-iżvilupp rurali billi żied ir-rata tal-modulazzjoni obbligatorja. Għalhekk, m’hemm bżonn jitressqu l-ebda proposti xierqa kif issuġġerit fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 378/2007.

[1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 tas-27 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi regoli għal modulazzjoni volontarja ta’ pagamenti diretti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 (ĠU L 95, 5.4.2007, p. 1).

[2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR) għall-iżvilupp rurali [ traduzzjoni mhix uffiċjali ] (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).

[3] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1236/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1974/2006 għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 dwar modulazzjoni fakultattiva [volontarja] (ĠU L 280, 24.10.2007, p. 3).

[4] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 li tistabbilixxi l-ammonti netti li jirriżultaw mill-modulazzjoni fakultattiva [volontarja] fir-Renju Unit għas-snin 2007-2012 (2007/679/KE) (ĠU L 280, 24.10.2007, p. 25).

[5] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2006/410/KE, li tistipula l-ammonti li, skont l-Artikoli 10(2), 143(d) u 143(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, huma mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-EAFRD u tal-EAGF, u d-Deċiżjoni 2006/636/KE li tistipula, għal kull Stat Membru, l-appoġġ annwali Komunitarju favur l-iżvilupp rurali għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013 (2007/680/KE) (ĠU L 280, 24.10.2007, p. 27).

[6] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2008 tal-11 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-limiti applikabbli għall-ammonti addizzjonali ta’ għajnuna li għandhom jitħallsu lill-Portugall fil-qafas tal-modulazzjoni volontarja pprovduta fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 (ĠU L 102, 12.4.2008, p. 19).

[7] ĠU L 271, 11.10.2008, p. 44.

[8] ĠU L 30, 31.1.2009, p. 1.