52009DC0383

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u t-tħaddim tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera introdott mir-Regolament (KE) Nru.1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri /* KUMM/2009/0383 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.7.2009

KUMM(2009) 383 finali

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni u t-tħaddim tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera introdott mir-Regolament (KE) Nru.1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni u t-tħaddim tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera introdott mir-Regolament (KE) Nru.1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri

INTRODUZZJONI

Fl-20 ta’ Diċembru tal-2006, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 li jistabilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri (Regolament LBT)[1]. Dan ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri sabiex jidderogaw, għal persuni li qed jgħixu fiż-żona tal-fruntiera, mir-regoli ġenerali dwar kontrolli fil-fruntieri stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen[2], sabiex ma jagħtix iċ-ċans li jinħolqu tfixkiel fil-kummerċ, fl-interkambji soċjali u kulturali jew fil-kooperazzjoni reġjonali mal-qraba. Fl-implimentazzjoni ta’ reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera, l-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehim bilaterali ma’ pajjiżi qraba li huma intiżi sabiex jindirizzaw bżonnijiet speċifiċi fir-rigward tal-qraba rispettivi tagħhom, peress li dawn il-bżonnijiet ivarjaw minħabba s-sitwazzjonijiet lokali, ġeografiċi, soċjali u ekonomiċi differenti. Dawn il-ftehim bilaterali għandhom jikkonformaw kompletament mal-parametri stabbilti mir-Regolament LBT għar-reġimi tat-traffiku lokali tal-fruntiera. Il-parametri, u b’mod partikolari d-definizzjoni taż-żona lokali tal-fruntiera, ġew stabbilti wara negozjazzjonijiet diffiċli fil-Kunsill u huma kkunsidrati li jirrapreżentaw il-bilanċ delikat u ġust bejn il-faċilitazzjoni għal dawk li qed jgħixu fiż-żona tal-fruntiera li għandhom bżonn jaqsmu l-fruntiera b’mod frekwenti u r-rekwiżiti ta’ sigurtà taż-żona sħiħa ta’ Schengen.

Skont it-termini tal-Artikolu 13 tar-Regolament LBT, l-Istati Membri iridu jikkonsultaw lill-Kummissjoni qabel ma jikkonkludu kwalunkwe ftehim bilaterali dwar traffiku lokali tal-fruntiera, sabiex jiċċekkjaw il-kompatibilità tiegħu mar-Regolament. Jekk il-Kummissjoni tqis il-ftehim inkompatibbli ma’ dan ir-Regolament, għandha tinnotifika lill-Istat Membru konċernat. L-Istat Membru għandu jieħu l-passi kollha xierqa biex jemenda l-abbozz tal-ftehim fuq tul ta' żmien raġonevoli b’tali mod illi jelimina l-inkompatibbiltajiet stabbiliti. L-istess prinċipji għall-konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni japplikaw għall-ftehim bilaterali li jiġu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament LBT u li għandhom bżonn jiġu adattati skont ir-Regolament.

Huwa importanti li wieħed jenfasizza li ladarba l-Komuità tilleġiżla f’ qasam partikolari, il-Komunità takkwista kompetenza esterna eslussiva fil-qasam kopert mil-leġiżlazzjoni. Konsegwentement, l-Istati Membru jitilfu l-poter li jinnegozzjaw ftehim ma’ pajjiżi terzi fil-qasam kopert mil-leġiżlazzjoni relevanti (dottrina tal-ERTA). Huwa possibbli li wieħed jidderoga minn dan il-prinċipju jekk l-istrument tal-liġi Komunitarja li permezz tiegħu l-kompetenza esterna hi akkwistata tawtorizza b’mod speċifiku l-Istati Membri sabiex jikkonkludu ftehim bħal dawn. Awtorizzazzjoni bħal din topera bħala delegazzjoni mill-ġdid ta’ poteri li, bi prinċipju, kienu mitlufa fil-Komunità u li bħala tali, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament LBT, il-Kummissjoni hi obbligata li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera sentejn wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Ir-rapport preżenti jissodisfa dan l-obbligu.

MIżURI TA’ FAċILITAZZJONI KIF SPEJGATI FIR-REGOLAMENT LBT

Ir-Regolament LBT jfassal numru ta’ miżuri sabiex jiffaċilita kwistjonijiet għar-residenti lokali tal-fruntiera kif imqabbla ma’ proċeduri standard u kontrolli applikabbli għall-qsim ta’ fruntieri esterni kif definiti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Dawn il-miżuri ta’ faċilitazzjoni jinkludu:

- Derogazzjoni mill-kondizzjonijiet tad-dħul tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen inkluż deroga mir-rekwiżit tal-viża.

Detenturi ta’ permess taż-żona lokali tal-fruntiera huma eżentati mill- (i) obbligu tal-viża (jekk obbligu bħal dan jeżisti) u (ii) bżonn li jkollhom mezzi suffiċjenti ta’ sosteniment, kemm għad-dewmien taż-żjara intenzjonata u anke għar-ritorn. Fil-punt tal-qsim tal-fruntiera, dokumenti ta’ appoġġ sabiex jippruvaw l-għan taż-żjara ma jistgħux jiġu rekwiżiti.

- 90 ġurnata ta’ żjara mhux interrotta.

Detenturi ta’ permessi tat-traffiku lokali tal-fruntiera jistgħu joqgħodu fuq it-territorju tal-pajjiż qarib relevanti mingħajr ebda restrizzjonijiet ta’ żmien, ħlief li kull żjara mhux interrotta ma tistax teċċedi 90 ġurnata. Din hi derogazzjoni mir-regola standard tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li tillimita żjara qasira għal massimu ta’ 90 ġurnata kull semestru (180 ġurnata).

- Il-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera jista' jinħareġ bla ħlas.

- Il-permessi jistgħu joħorġu għal perjodu ta’ validità ta’ bejn 1 u 5 snin.

- Punti speċjali ta’ qsim ta’ fruntieri jisgħu jitwaqqfu għat-traffiku lokali tal-fruntiera.

- Korsijiet speċifiċi jistgħu jiġu riżervati għar-residenti tal-fruntieri f’punti ordinarji ta’ qsim tal-fruntieri.

- Persuni li b’mod regulari jaqsmu fruntiera esterna tal-art u li, minħabba l-qsim frekwenti tagħhom tal-fruntiera, huma magħrufa sew mill-gwardjani tal-fruntiera, jistgħu jkunu soġġetti biss għal kontrolli każwali.

- Detenturi ta’ permessi tat-traffiku lokali tal-fruntiera huma eżenti mill-obbligazzjoni tat-timbru fuq il-passport meta qegħdin jaqsmu l-fruntiera.

- Sabiex jibbenifikaw mir-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera, ir-residenti taż-żona lokali tal-fruntiera jridu jissodisfaw diversi kondizzjonijiet, inkluż:

- ir-rekwiżit li kienu residenti fiż-żona lokali tal-fruntiera għal mill-anqas sena;

- għandhom fil-pussess tagħhom dokument validu tal-ivvjaġġar;

- mhumiex soġġetti għal alarm tas-Sistema ta’ Schengen dwar l-Informazzjoni;

- jipproduċu evidenza tal-istatus tagħhom bħala residenti tal-fruntiera u raġunijiet għal qsim frekwenti tal-fruntiera;

- ma jkunux kkonsidrati perikolużi għall-politika pubblika, għas-sigurtà nazzjonali, għas-saħħa pubblika jew għar-relazzjonijiet internazzjonali għall-wieħed mill-Istati Membri.

KONSULTAZZJONIJIET BBAŻATI FUQ ARTIKOLU 13 TAR-REGOLAMENT LBT. IL-QAGħDA ATTWALI.

Sa minn Mejju tal-2007 (meta saret l-ewwel rikjesta għall-konsultazzjoni), il-Kummissjoni kienet involuta f’konsultazzjonijiet ma’ numru ta’ Stati Membri. Dawn il-konsultazzjonijiet jitraduċu ruħhom fi skambju ta’ informazzjoni u pariri informali, laqgħat ta’ esperti bejn uffiċjali tal-Istati Membri u l-Kummissjoni kif ukoll skambji formali ta’ korrispondenza dwar il-kumpatibilità tal-abbozzi ta’ ftehim bilaterali mar-Regolament LBT. Il-ftehim bilaterali li jmiss kienu soġġetti għall-konsultazzjonijiet:

- Ungerija - Ukraina

L-Ungerija kienet l-ewwel Stat Membru li bagħtet l-abbozz ta' ftehim għall-konsultazzjoni lill-Kummissjoni f'Mejju tal-2007. Il-Kummissjoni ddikjarat li d-definizzjoni taż-żona tal-fruntiera fl-abbozz tal-ftehim kien inkompatibbli mar-Regolament LBT (iż-żona lokali tal-fruntiera estiża għal aktar minn 50 kilometru). L-Ungerija kienet mitluba sabiex temenda l-abbozz. L-Ungerija informat lill-Kummissjoni li l-ftehim kien daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Jannar tal-2008. Wara li l-ftehim kien daħal fis-seħħ il-verżjoni finali tal-ftehim kienet intbagħatet lill-Kummissjoni mingħajr ma kienu ġew inklużi l-bidliet rikjesti u diskussjonijiet komplew mal-Kummissjoni. F’Jannar tal-2009, l-Ungerija informat lill-Kummissjoni li l-missjonijiet Ungeriżi fl-Ukraina kienu ħarġu 34 000 permessi għat-traffiku lokali tal-fruntiera mid-data tal-applikazzjoni tal-Ftehim u r-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera kien qed jopera kif suppost. Madwar 80% tal-applikanti għall-permessi għat-traffiku lokali tal-fruntiera kellhom viża Ungeriża minn qabel. Skont informazzjoni provduta lill-Kummissjoni mill-gvern Ungeriż, u bbażat fuq iċ-ċensiment tal-2001, il-minoranza Ungeriża tal-Ukraina tikkonsisti minn 156 600 persuni, li bejn wieħed u ieħor huma kkonċentrati f’Zakarpatska Oblasthy li jmiss mal-Ungerija u r-Rumanija. Dan jirriżulta minn raġunijiet storiċi bid-definizzjoni mill-ġdid tal-fruntieri Ungeriżi fl-aħħar seklu. 84% ta’ din il-minoranza Ungeriża huma kkonċentrati qrib tal-fruntiera Ungeriża-Ukraina u qed jgħixu f’distanza ta’ 20 km 'l bogħod minnha, 95% ta’ din il-populazzjoni tgħix f’distanza ta’ 50 km ‘l bogħod minnha. Il-persuni kkonċernati saru jafu bil-possibilitajiet tal-permessi għat-traffiku lokali tal-fruntiera u huma ġeneralment jużawha sabiex jiffaċilitaw il-ħajja ta’ kuljum. Il-maġġor parti tagħhom għandhom membri tal-familja li qed jgħixu fl-Ungerija u ħafna drabi jridu jmorru l-Ungerija sabiex jimpenjaw ruħhom f’attività ta’ negozju fuq skala żgħira jew sabiex jieħdu edukazzjoni superjuri. Ġie reġistrat każ wieħed biss ta’ użu ħażin tal-permess LBT.

- Il-Polonja - l-Ukraina

F’Jannar tal-2008, il-Polonja trasmettiet l-ewwel abbozz ta’ ftehim bilaterali għall-konsultazzjoni. Waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni ġew skoperti żewġ inkompatibilitajiet: l-iskop taż-żona tal-fruntiera (50 kilometru minflok 30 kilometru) u r-rekwiżit sabiex il-benefiċjarji tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera jkun fil-pussess ta’ assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar. Il-Polonja ġiet mitluba sabiex temenda l-partijiet relevanti tal-ftehim qabel ma dan jidħol fis-seħħ. Fi Frar tal-2009, il-Polonja informat lill-Kummissjoni dwar it-tibdil introdott fil-ftehim. Għal dak li jirrigwarda l-iskop taż-żona tal-fruntiera, il-Polonja bidlet il-ftehim skont it-talba tal-Kummissjoni. Madanakollu, il-ftehim ma ġiex emendat f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit li wieħed ikun fil-pussess ta' assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar. F’Marzu tal-2009, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Polakki sabiex jemendaw il-partijiet relevanti tal-ftehim. Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2009 mingħajr it-tibdil mitlub.

- Il-Litwanja – il-Belarus

F’Jannar tal-2008, abbozz ta’ ftehim bejn il-Litwanja u l-Belarus ġie trasmess lill-Kummissjoni għall-konsultazzjoni. Il-Kummissjoni sabet inkompatibilità relatata mar-rekwiżit sabiex wieħed jkun fil-pussess ta’ assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar (simili għall-ftehim PL-UA). Il-Litwanja ġiet mitluba sabiex tibdel din il-parti tal-ftehim.

- Il-Litwanja - Il-Federazzjoni Russa

F’April tal-2009, abbozz ta’ ftehim bejn il-Litwanja u l-Federazzjoni Russa ġie trażmess lill-Kummissjoni għall-konsultazzjoni. Ġew indirizzati biss suġġerimenti minuri lil-Litwanja sabiex jiġi garantit konformità sħiħa tal-abbozz tal-ftehim mar-Regolament LBT. Wara skambju dwar l-aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni futura tal-abbozz tal-ftehim, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-abbozz tal-ftehim se jkun kompatibbli b'mod sħiħ mar-Regolament LBT jekk ikun implimentat skont l-informazzjoni addizzjonali kif provdut mill-awtoritajiet Litweni.

- Il-Latvja - Il-Federazzjoni Russa

F’Jannar tal-2008, abbozz ta’ ftehim bejn il-Latvja u l-Federazzjoni Russa ġie trażmess lill-Kummissjoni għall-konsultazzjoni. Konsegwentement, il-Latvja ġiet mitluba sabiex tispjega l-proċess ta’ ħruġ ta’ permessi għat-traffiku lokali tal-fruntiera mill-Federazzjoni Russa fil-forma ta’ viżas. . F’Ġunju 2009, il-Latvja ssottomettiet abbozz rivedut li introduċa permess speċifiku lokali tal-fruntiera, li ħa in kunsiderazzjoni l-kwistjonijiet espressi dwar il-format tal-viża. Madanakollu, l-abbozz emendat fih ir-rekwiżit li wieħed għandu jkun fil-pussess ta’ assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar. Barra minn hekk, iż-żona tal-fruntiera tikkonsisti minn unitajiet amministrattivi fuq territorju Russu li jmorru lil hinn mill-iskop taż-żona lokali tal-fruntiera. Il-Latvja ġiet mitluba sabiex tibdel dawn il-punti.

- Is-Slovakja – L-Ukraina

F’Marzu tal-2008, is-Slovakkja trasmettiet l-ewwel abbozz ta’ ftehim bilaterali lill-Kummissjoni għall-konsultazzjoni. Waqt dan il-proċess il-Kummissjoni kkonsidrat li l-abbozz tal-ftehim ma kienx kompatibbli mar-Regolament LBT peress li ż-żona tat-traffiku lokali tal-fruntiera eċċediet dak li hu permess taħt ir-Regolament LBT. Is-Slovakkja modifikat il-ftehim u dan daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Settembru tal-2008. Sussegwentement, f’Novembru tal-2008, l-awtoritajiet Slovakki provdew lill-Kummissjoni b’mappa taż-żona lokali tal-fruntiera. Għalkemm il-mappa tindika b’mod ċar li ż-żona lokali tal-fruntiera ġiet mibdula, il-valutazzjoni inizjali tal-Kummissjoni hi li l-bidliet miġjuba mill-awtoritajiet Slovakki fil-verżjoni finali tal-ftehim jistgħu jibqgħu mhux biżżejjed sabiex jagħmlu dan il-ftehim bilaterali kompatibbli kompletament mar-Regolament LBT fir-rigward tal-iskop taż-żona tal-fruntiera. Sa Ġunju 2009, ħarġu 466 permessi lokali tat-traffiku tal-fruntiera filwaqt li 54 applikazzjonijiet ġew rifjutati.

- Il-Polonja - il-Belarus

F’April tal-2008, abbozz ta’ ftehim bejn il-Polonja u l-Belarus ġie trasmess ukoll lill-Kummissjoni għall-konsultazzjoni. Minħabba l-fatt li dan il-Ftehim kien kważi identiku għal dak bejn il-Polonja u l-Ukraina, instabu l-istess żewġ inkompatibilitajiet: l-iskop taż-żona tal-fruntiera (50 kilometru minflok 30 kilometru) u r-rekwiżit sabiex il-benefiċjarji tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera jkunu fil-pussess ta’ assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar. F’dan il-każ wkoll, il-Polonja ġiet mitluba sabiex temenda l-partijiet relevanti tal-ftehim. Fl-aħħar ta’ April tal-2009, il-Polonja trasmettiet abbozz ta’ ftehim emendat li ħa in kunsiderazzjoni l-kummenti dwar iż-żona mal-fruntiera waqt li żamm ir-rekwiżit ta’ assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar. Fl-aħħar ta’ Ġunju 2009, il-Polonja ġiet mitluba temenda l-ftehim skont dan.

- Il-Bulgarija – is-Serbja

F’Lulju tal-2008, l-ewwel abbozz tal-ftehim bejn il-Bulgarija u s-Serbja ġie trażmess lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni provdiet lill-Bulgarija bl-ewwel sett ta’ kummenti dwar bosta aspetti, notevolment: id-definizzjoni ta’ residenti tal-fruntiera u l-istatus taċ-ċittadini tal-UE fiż-żona tal-fruntiera, kondizzjonijiet ta’ dħul għal residenti tal-fruntiera, l-iskop tal-permess LBT, fatturi ta’ sigurtà u rekwiżiti tekniċi.

- Il-Bulgarija – FYROM

F’Lulju tal-2008, l-ewwel abbozz tal-ftehim bejn il-Bulgarija u FYROM ġie trażmess lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni provdiet lill-Bulgarija bl-ewwel sett ta’ kummenti dwar l-istess aspetti bħal dawk indirizzati fir-rigward tal-abbozz tal-ftehim bejn il-Bulgarija u s-Serbja.

- Ir-Rumanija - l-Ukraina

F’Awwissu tal-2008, l-ewwel abbozz tal-ftehim bejn ir-Rumanija u l-Ukraina ġie trażmess lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni provdiet lir-Rumanija bl-ewwel sett ta’ kummenti dwar bosta aspetti, notevolment: l-istatus tal-ixmara tad-Danubju fl-arranġamenti tat-traffiku lokali tal-fruntieri, il-limitazzjonijiet taż-żona tal-fruntiera, il-possibilitajiet sabiex jimponu tariffi għal permessi, eċċ. F’Marzu 2009 ir-Rumanija ppreżentat Ftehim emendat li l-Kummissjoni kkunsidrat li kien kumpatibbli mar-Regolament LBT.

Ftehim eżistenti bilaterali li ġew qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament LBT

- Is-Slovenja – Il-Kroazja

F’Diċembru tal-2007, l-Slovenja trażmettiet uffiċċjalment il-ftehim bilaterali dwar kooperazzjoni għat-traffiku tal-fruntiera bejn is-Slovenja u l-Kroazja li kien ilu fis-seħħ mill-2001. Fil-proċess tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni nnotat bosta inkompatibilitajiet, notevolment: limitazzjoni biss fuq iċ-ċittadini tal-partijiet kontraenti, li mhux qed ikopru ċittadini oħra tal-UE u persuni li għandhom id-dritt ta’ moviment tal-Komunità; in-nuqqas tar-rekwiżit għal perjodu minimu ta’ residenza fiż-żona tal-fruntiera; l-ebda fatturi relevanti tas-sigurtà; perjodu mhux adegwat ta' validità, kondizzjonijiet mhux ċari għall-ħruġ ta’ permessi, nuqqas ta’ twaqqif ċar mid-dħul ta’ persuni soġġetti għal alarm fid-dejtabejżis. Kien ukoll impossibbli sabiex jiġi determinat b’mod ċar l-estensjoni taż-żona tat-traffiku lokali tal-fruntiera u l-kompatibilità tagħha mar-Regolament LBT. F’Marzu tal-2008 is-Slovenja talbet sabiex temenda dan il-ftehim sabiex tagħmlu konformi mar-Regolament LBT. Fl-aħħar ta’ Novembru tal-2008, is-Slovenja rrikonoxxiet li infatti diversi dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali tagħha kellhom bżonn jiġu adattati. F’dak li jirrigwarda ż-żona tal-fruntiera kkonċernata, is-Slovenja spjegat li ż-żona tal-fruntiera fiha arja ta' 10 kilometri approssimativament mill-fruntiera nnifisha. Wara li analizzat il-mappi sottomessi mis-Slovenja, il-Kummissjoni vvalutat li ż-żona tal-fruntiera lokali tidher li hi konformi mar-Regolament LBT.

Is-Slovenja infurmat li kienet ikkuntattjat lill-Kroazja dwar il-bżonn sabiex tadatta l-ftehim f’laqgħa f’Diċembru tal-2007. Mandanakollu, ma ngħatat l-ebda informazzjoni ċara dwar it-tabella taż-żmien għall-aġġustamenti meħtieġa. Għalhekk, f’April tal-2009, is-Slovenja kienet ġiet mitluba sabiex tipprovdi lill-Kummissjoni bi skeda għall-implimentazzjoni ta' tibdil relatati mal-kwistjonijiet li baqgħu mhux kompatibbli mar-Regolament LBT, bħal eżempju l-introduzzjoni tal-fatturi ta' sigurtà fil-permessi maħruġa jew l-għotja ta' drittijiet sabiex tikseb permessi LBT minn ċittadini eliġibbli barra mill-Kroati u Sloveni.

MIżURI TA’ FAċILITAZZJONI APPLIKATI MILL-ISTATI MEMBRI

L-Istati Membri applikaw il-miżuri ta’ faċilitazzjoni mfassla fir-Regolament LBT b’modi differenti. Ma ġewx użati l-varjetà kollha ta’ miżuri ta’ faċilitazzjoni fl-ebda mill-ftehim bilaterali kkonsultati. Il-maġġoranza tal-Istati Membri japplikaw rekwiżiti aktar stretti minn dawk msemmija fir-Regolament LBT. Dan li ġej jirreferi għal ftehim li daħlu fis-seħħ kif ukoll l-abbozzi msemmija fittaqsima preċedenti.

- 90 ġurnata ta’ żjara mhux interrotta.

B’eċċezzjoni waħda, il-ftehim kollhu għamlu restrizzjonijiet addizzjonali dwar il-perjodu ta’ żjara fiż-żona tal-fruntiera, i.e. 90 ġuranta kull semestru (180 ġurnata). F’każ minnhom, l-Istat Membru kkonċernat naqqas ukoll il-perjodu ta’ żjara mhux interrotta għal 30 ġurnata. Madanakollu, indipendentement miċ-ċirkostanzi mhux ċar kif dawn l-Istati Membri fil-verità jivverifikaw id-dewmien taż-żjarameta wieħed iqis li l-passporti mhumiex ittimbrati meta jaqsmu l-fruntiera.

- Il-perjodu ta’ residenza fiż-żona lokali tal-fruntiera hi stabbilita għal sena

Fil-ftehim kollu, il-perjodu minimu ta’ residenza hu ta’ aktar mis-sena li hi rikjesta mir-Regolament LBT. F’ħamsa mill-ftehim il-perjodu ta' residenza minima meħtieġa fiż-żona tal-fruntiera hi ta' tliet snin.

- Il-permessi tat-traffiku lokali tal-fruntiera jinħarġu bla ħlas

Ftehim wieħed biss jipprovdi li l-permessi kollha tal-traffiku lokali tal-fruntiera se joħorġu mingħajr ħlas kif permess mir-Regolament LBT. It-tariffa għal ħruġ ta' permessi fil-ftehim l-ieħor jvarja bejn 20 sa 35 ewro.

- Il-permessi LBT jistgħu joħorġu għal perjodu ta’ validità sa 5 snin.

B’eċċezzjoni waħda, il-ftehim kollhu jipprovdi għal possibilità sabiex jinħarġu permessi sa 5 snin.

DIFFIUKLTAJIET LI LTAQGħU MAGħHOM META KIEN QED JIġU ANALIZZATI L-ABBOZZI TAL-FTEHIM BILATERALI

Waqt il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, żewġ kwistjonijiet maġġuri dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament LBT ġew innotati.

- Id-definizzjoni taż-żona tat-traffiku lokali tal-fruntiera.

Skont l-Artikolu 3 (2) tar-Regolament LBT:

'żona tal-fruntiera' tfisser żona li ma testendix aktar minn 30 kilometru mill-fruntiera. Id-distretti amministrattivi lokali li għandhom jitqiesu bħala ż-żona tal-fruntiera għandhom jiġu speċifikati mill-Istati konċernati fil-Ftehim bilaterali tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 13. Jekk parti minn tali distrett tkun tinsab aktar minn 30 kilometru bogħod mil-linja tal-fruntiera, iżda mhux aktar minn 50, għandha xorta waħda titqies bħala parti miż-żona tal-fruntiera.”

Ċerti ftehim (kif indikat f’taqsima 3) iddeskrivew iż-żona tat-traffiku lokali tal-fruntiera b’tali mod u manjiera li effettivament iż-żona lokali tal-fruntiera hi stabbilita għal 50 kilometru mill-fruntiera (mhux 30 kilometru kif meħtieġ mir-Regolament LBT). L-Istati Membri kkonċernati jargumentaw li hemm ambigwità, mill-anqas fit-test Ingliż tar-Regolament LBT dwar jekk il-kelma “it” tirreferix għad-distrett magħżul jew għal parti mid-distrett ġewwa l-linja tal-50 kilometru. Jekk tirreferi għad-distrett magħżul, jista’ jiġi argumentat li, provdut li mill-anqas parti tad-distrett hu fiż-żona ta’ bejn 30 u 50 kilometru, iż-żona kollha sa 50 kilometru tista’ tiġi trattata bħala li hi parti taż-żona tal-fruntiera.

Madanakollu, il-Kummissjoni ma tappoġġjax interpretazzjoni bħal din. L-ewwelnett, il-verżjoni Franċiża – "toute partie d'une de ces communes située à plus de 30 mais à moins de 50 kilomètres de la ligne frontalière est néanmoins considérée comme appartenant à la zone frontalière" – tagħmilha ċara li dik il-parti biss tad-distrett li hi ġewwa l-50 kilometru mill-fruntiera tista’ titqies bħala parti miż-żona tal-fruntiera.

It-tieni nett, huwa ċar mill-Artikolu 3(2), wara li jiġi moqri kollu, li l-intenzjoni tal-leġislatur kienet li fil-prinċipju tiġi limitata ż-żona lokali tal-fruntiera għal 30 kilometru. Għalhekk, fil-prinċipju, l-unitajiet amministrattivi li għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni għar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera għandhom ikollhom struttura lokali amministrattiva li tibqà fiż-żona tat-30 kilomentru u mhux struttura reġjonali, sub-stat bħal dipartimenti, provinċji jew "województwa" li (min-natura tagħhom) imorru lil’hinn mill-50 km u għalhekk jippermettu f’kull każ kopertura taż-żona tal-50 kilometru sħiħa tul il-fruntiera kollha. Dan se jkun b’mod ċar inkompatibbli mal-kompromess li ntlaħaq fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, li llimita ż-żona għal 30 kilometru.

L-għan tad-deroga mogħtija mill-aħħar sentenza – li tkopri partijiet tad-distretti lokali li jinstabu bejn 30 u 50 kilometru - hu li ma jħallix sitwazzjoni li fiha parti mid-distrett amministrattiv huwa parti minnu ġewwa u parti minnu barra minn din iż-żona tal-fruntiera.

Allura, estensjonijiet lokali liż-żona tal-fruntiera huma permessi fejn id-distrett amministrattiv relevanti jaqsam il-linja tat-30 kilometru bl-effett li d-distrett huwa parti minnu ġewwa ż-żona tat-30 kilometru u parti minnu ġewwa ż-żona ta’ bejn it-30 u l-50 kilometru mill-fruntiera.

Din ir-regola tfisser li Stat Membru li jixtieq jikkonkludi ftehim bilaterali għandu jagħżel distretti amministrattivi li huma mill-anqas parzjalment ġewwa ż-żona ta’ 30 kilometru u li ma jestendux lil hinn miż-żona tal-50 kilometru, b'hekk jiġi assigurat li d-distrett sħiħ jista’ jiġi nominat bħala żona tal-fruntiera.

Konsegwentement, kull unità amministrattiva li tibda fil-fruntiera iżda tmur lil hinn mill-50 kilometru hija eskluża awtomatikament.

Punt ieħor importanti li għandu jiġi kkunsidrat hu li fil-konfront ta’ xi pajjiżi terzi, pereżempju l-Federazzjoni tar-Russja u l-Ukraina, hemm ukoll strument ieħor li għandu jiġi użat u applikat fil-każ ta’ persuni li għandhom b’mod frekwenti jaqsmu l-fruntiera u li jgħixu barra miż-żona tat-traffiku lokali tal-fruntiera. Dan l-istrument, jiġifieri l-ftehim ta’ faċilitazzjoni tal-viża, jippermetti lil ċerti katergoriji ta’ nies li jingħataw, bla ħlas, viżas ta’ dħul multiplu validu sa ħames snin.

- Rekwiżit ta’ assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar

Ċerti Stati Membri (kif indikat f’taqsima 3) għamlu dispożizzjoni li tirrikjedi lid-detenturi ta’ permessi tat-traffiku lokali tal-fruntiera sabiex jippreżentaw prova tal-assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar meta qed jaqsmu l-fruntiera. L-Istati Membri kkonċernati jargumentaw li assigurazzjoni bħal din hi meħtieġa sabiex tipproteġi l-istabbilimenti tas-saħħa pubblika (prinċipalment sptarijiet) fiż-żona tal-fruntiera minn żieda potenzjali fl-ispejjeż għall-kura medika provduta lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-iskema tat-traffiku lokali tal-fruntiera.

Huwa possibbli li piż finanzjarju jista’ jinħoloq fiż-żona tal-frunteria meta persuni ta’ nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi li huma qraba għandhom bżonn kura medika ta' emerġenza u wara li jingħataw il-kura jitilqu mingħajr ma jkunu ħallsu (din il-problema ma teżistix għal kura medika "ordinarja", peress li kura bħal din hi mogħtija biss jekk ħlas hu garantit permezz ta' assigurazzjoni tas-saħħa jew mezzi oħra). Madanakollu, din il-problema tista’ tiġi solvuta b’mezzi oħra e.ż. permezz ta’ ftehim bejn l-awtoritajiet tas-saħħa tal-pajjiżi kkonċernati bħal ma’ hi implimentata bejn l-Ungerija u l-Ukraina.

L-introduzzjoni ta’ assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar bħala rekwiżit għal ħruġ ta’ permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera jqajjem kwistjonijiet minħabba r-raġuni li ġejja: L-Artikolu 13 tar-Regolament LBT jawtorizza l-Istati Membri sabiex jikkonkludu ftehim bilaterali. Din l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi interpretata biss bħala permess sabiex jiġi konkluż ftehim li strettament jikkonforma ma’ dak li hu b’mod ċar permess mir-Regolament. La l-Artikolu 4 u l-anqas l-Artikolu 9, li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-ivvjaġġar billi jissimplifikaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ tal-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera u jeskludu b’mod partikolari l-bżonn li jiġi provdut prova tal-mezz ta’ sosteniment, ma jsemmu l-possibilità li jkun mitlub l-assigurazzjoni medika għall-ivvjaġġar. L-introduzzjoni ta’ rekwiżit bħal dan fil-ftehim bilaterali relevanti jkun għalhekk f’kunflitt mar-Regolament LBT. Barra minn dan, id-detenturi ta’ permessi tat-traffiku lokali tal-fruntiera huma espressament eżentati mill-obbligi tal-viża u l-Istruzzjonijiet Komuni Konsulari jistipulaw li l-obbligi li wieħed ikollu assigrurazzjoni medika tal-ivvjaġġar ma tistax tiġi imposta fuq din il-kategorija ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi.

KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni disponibbli u tal-analiżi ta’ hawn fuq, tislet il-konklużjonijiet li ġejjin:

- It-test preżenti tar-Regolament kien ir-riżultat ta’ negozjati ġo u bejn l-istituzzjonijeit, u kien meqjus li ħoloq bilanċ delikat u ġust bejn il-faċilitazzjoni ta’ kuntatti personali fiż-żona tal-fruntiera u li jiġi miżmum livell għoli ta’ sigurtà.

- L-MS għandhom jiġu inkoraġġuti li jieħdu vantaġġ sħiħ ta’ strumenti oħra disponnibbli sabiex jiffaċilitaw kuntatti transkonfinali. Per eżempju, fil-każ tal-Ukraina u l-Federazzjoni Russa hemm ftehim ta’ faċilitazzjoni tal-viża li jippermetti lil ċerti kategoriji ta’ persuni, li għandhom bżonn jivvjaġġaw spiss, sabiex jiksbu viżas ta’ dħul multipli validi sa ħames snin.

- Il-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni qed jaħdem sabiex jiżgura kompatibiltà sħiħa tal-ftehim tat-traffiku lokali tal-fruntiera mal-parametru stabbilit mir-Regolament LBT. Konsultazzjonijiet mal-Istati Membri kienu relattivament intensivi. Madanakollu, ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet mhumiex dejjem sodisfaċenti peress li xi Stati Membri mhux qed jagħtu każ tal-aħħar fażi ta’ din il-proċedura, jiġifieri “il-korrezzjoni”, qabel l-iffirmar tal-ftehim bilaterali, rigward id-dispożizzjonijiet inkompatibbli mar-Regolament LBT.

- Tliet ftehim bilaterali tat-traffiku lokali tal-fruntiera biss daħlu fis-seħħ mill-adozzjoni tar-Regolament LBT, bejn l-Ungerija/l-Ukraina (mill-11 ta’ Jannar tal-2008) u s-Slovakkja/l-Ukraina (mis-27 ta’ Settembru tal-2008) u bejn il-Polonja/l-Ukraina (mill-1 ta’ Lulju 2009). Huwa għalhekk diffiċli li tislet konklużjonijiet prattiċi bbażati fuq evidenza limitata bħal din, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda n-numru totali tan-nies li jibbenefikaw mir-reġim, jew biex tkun taf jekk il-miżuri jew kondizzjonijiet relevanti ta' faċilitazzjoni kienux problematiċi. Madanakollu m’hemm l-ebda rapporti mill-Istati Membri li kien hemm użu ħażin fuq firxa wiesa’ mill-proprjetarji tal-permessi LBT jew li l-ftehim jqajjem xi riskji dwar sigurtà għaż-żona tas-Schengen.

- Fi prinċipju, il-Kummissjoni tikkonsidra li dan ir-rapport hu kmieni wisq sabiex jiġi kkunsidrat mill-ġdid Regolament Nru.1931/2006 fir-rigward tal-parametri għal ftehim bilaterali.

- Rigward assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar; huwa possibbli li piż finanzjarju jista’ jinħoloq fiż-żona tal-frunteria meta persuni ta’ nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi li huma qraba għandhom bżonn kura medika ta' emerġenza u wara li jingħataw il-kura jitilqu mingħajr ma jkunu ħallsu (din il-problema ma teżistix għal kura medika "ordinarja", peress li kura bħal din hi mogħtija biss jekk ħlas hu garantit permezz ta' assigurazzjoni tas-saħħa jew mezzi oħra). Madanakollu, din il-problema tista’ tiġi solvuta b’mezzi oħra e.ż. permezz ta’ ftehim bejn l-awtoritajiet tas-saħħa tal-pajjiżi kkonċernati) . Aktar esperjenzi fl-implimentazzjoni tal-ftehim bbażati fuq ir-Regolament LBT preżenti se jgħinu fil-valutazzjoni tal-kobor potenzjali tal-problema.

- Fir-rigward taż-żona tal-fruntiera, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni se tkun preparata li tikkonsidra li tkun flessibli fid-delimitazzjoni taż-żona tal-fruntiera fi ftehim bilaterali jekk id-definizzjoni provduta mir-Regolament LBT kellha twassal f'każijiet individwali għal sitwazzjonijiet li jmorru kontra l-ispirtu tar-Regolament, li jipprovdu għal estensjoni eċċezzjonali taż-żona tal-fruntiera sabiex ma tinqasamx b’mod artifiċjali l-komunità. Barra minn dan, meta qed tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni tar-Regolament LBT, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-parametri għad-delimitazzjoni tal-qasam lokali tal-fruntiera. Il-Kummissjoni għalhekk tilqa' diskussjoni mal-Istati Membri dwar jekk ir-Regolament hux ikkonsidrat flessibbli b’mod suffiċjenti sabiex jakkomoda sitwazzjonijiet partikolari li jinqalgħu rigward reġjuni speċifiċi tal-fruntiera u hi lesta li tirrifletti fuq il-bżonn għal proposti ta’ emendi lir-Regolament fid-dawl ta’ dik id-diskussjoni.

- Informazzjoni aktar komprensiva se tkun disponibbli b’mod gradwali hekk kif aktar u aktar ftehim huma implimentati fil-prattika. Il-Kummissjoni hi lesta li tissottometti rapport ġdid dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-tieni nofs tal-2010.

[1] ĠU L 29, 3.2.2007, p. 3

[2] Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen); ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1