Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva EIA (Id-Direttiva 85/337/KEE, kif emendata bid-Direttivi 97/11/KE u 2003/35/KE) /* KUMM/2009/0378 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 23.7.2009 KUMM(2009) 378 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva EIA (Id-Direttiva 85/337/KEE, kif emendata bid-Direttivi 97/11/KE u 2003/35/KE) RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva EIA(Id-Direttiva 85/337/KEE, kif emendata bid-Direttivi 97/11/KE u 2003/35/KE) 1. KUNTEST POLITIKU U LEGALI L-għan tar-rapport tal-Komunikazzjoni huwa li janalizza l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE[1] dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttivi 97/11/KE[2] u 2003/35/KE[3] (minn hawn ’il quddiem il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali – id-Direttiva EIA), fl-Unjoni Ewropea (UE). Id-Direttiva EIA kienet it-tema ta’ rapporti regolari simili fil-passat, li kienu bbażati fuq l-Artikolu 11 tad-Direttiva. Abbażi ta’ rapporti bħal dawn, din id-Direttiva EIA kienet emendata fl-1997. Id-Direttiva 97/11/KE tat ambitu usa’, saħħet l-istadji proċedurali u integrat il-bidliet ipprovduti mill-Konvenzjoni Espoo tan-NU/KEE dwar l-EIA f’kuntest transkonfinali. Wara li l-Komunità ffirmat (f’Ġunju 1998) il-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f’Kwistjonijiet Ambjentali, il-liġi Komunitarja kellha tiġi allinjata tajjeb ma’ dik il-Konvenzjoni. Għalhekk, id-Direttiva EIA ġiet emendata bid-Direttiva 2003/35/KE, li kellha l-għan li tallinja d-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni pubblika mal-Konvenzjoni ta' Aarhus. Id-Direttiva għandha l-għan li tħares l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja, filwaqt li tiżgura approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tal-valutazzjoni tal-effetti ambjentali tal-proġetti pubbliċi u privati. Hija għodda ewlenija ta’ integrazzjoni ambjentali, tkopri firxa wiesgħa ta’ proġetti u tagħmilhom sostenibbli ambjentalment. Il-mezzi ta’ kif jintlaħaq dan il-għan huma stipulati fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, li jistipula li, qabel ma jingħata kunsens għall-iżvilupp, ċerti proġetti pubbliċi u privati li x'aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti minħabba, inter alia, in-natura, id-daqs jew il-lokalità tagħhom isiru soġġetti għal rekwiżit ta' kunsens għall-iżvilupp u ta’ Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA). Id-Direttiva tarmonizza l-prinċipji tal-EIA billi tintroduċi rekwiżiti minimi, b’mod partikolari fir-rigward tat-tip ta’ proġetti li għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni, l-obbligi ewlenin tal-iżviluppaturi, il-kontenut tal-valutazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u tal-pubbliku. Illum, l-Istati Membri kollha (minn hawn ’il quddiem SM) stabbilixxew oqfsa regolatorji komprensivi. Madankollu, l-isfida li jiġi żgurat li d-Direttiva tiġi implimentata b’effikaċja u konsistenza fl-SM kollha hija waħda kontinwa. Dan ir-rapport jivvaluta l-20 sena ta’ implimentazzjoni bl-iskop li jindirizza din l-isfida. Is-sorsi ewlenin ta’ dan ir-rapport jinsabu fl-Anness 1. Ir-rapport huwa f’waqtu għal bosta raġunijiet: - wara t-tkabbir tal-UE fl-2004 u l-2007, id-Direttiva bdiet tapplika fi 12-il SM ġdid; - l-isfidi ambjentali fl-oqsma tat-tibdil fil-klima u l-bijodiversità dejjem jikbru; - il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (QEĠ) ħarġet deċiżjonijiet importanti li jiċċaraw xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-EIA; - jeħtieġ li tinħoloq sinerġija bejn id-Direttiva u l-Konvenzjoni Espoo, inkluż il-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika[4]; - Id-Direttiva EIA ġiet identifikata bħala għodda potenzjali għal eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni fil-ġejjieni[5], bil-għan li tidentifika duplikazzjoni, nuqqasijiet u potenzjal għal tnaqqis ta’ piżijiet regolatorji u amministrattivi, b’mod partikolari għal proġetti transkonfinali (eż. pajpijiet jew kejbils tal-elettriku fil-qiegħ tal-baħar). Ir-rapport jispjega l-benefiċċji tad-Direttiva EIA, jenfasizza l-oqsma ewlenin li għandhom bżonn jittejbu, u jipprovdi rakkomandazzjonijiet, fejn rilevanti. Jagħlaq billi jikkunsidra kif tista' tittejjeb id-Direttiva. 2. PUNTI TA’ VANTAġġ TAD-DIRETTIVA EIA 2.1. L-Istabbiliment tal-iskemi komprensivi tal-EIA fl-SM kollha L-SM, ġeneralment, ittrasponew u implimentaw id-Direttiva EIA ħafna drabi skont l-għanijiet u r-rekwiżiti tad-Direttiva. F’diversi każijiet, l-SM introduċew l-obbligi li jmorru ’l hemm mir-rekwiżiti minimi tad-Direttiva. Dan huwa l-każ fl-istadji ewlenin tal-EIA, bħall- "skrining" u d- "definizzjoni tal-ambitu”: - L- "iskrining" huwa l-parti tal-proċess tal-EIA li tiddetermina jekk l-EIA hijiex meħtieġa. F’xi SM, l-EIA hija obbligatorja għal xi tipi ta’ proġetti elenkati fl-Anness II jew għal kategoriji oħrajn ta’ proġetti flimkien ma’ dawk elenkati fl-Annessi I u II. - Id-“ definizzjoni tal-ambitu ” huwa l-istadju tal-proċess tal-EIA li jiddetermina l-kontenut tal-kwistjonijiet, u sa fejn għandhom jiġu koperti fl-informazzjoni ambjentali li trid tintbagħat lill-awtorità kompetenti. Huwa parti importanti ta’ skema adegwata tal-EIA, prinċipalment għaliex ittejjeb il-kwalità tal-EIA. Bosta SM marru ’l hemm mir-rekwiżiti minimi tad-Direttiva, u jesiġu li d-definizzjoni tal-ambitu tkun obbligatorja, u matulha jipprovdu konsultazzjoni pubblika. 2.2. Żieda fil-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-teħid ta’ deċizjonijiet Id-Direttiva 2003/35/KE kellha tiġi implimentata fil-liġi nazzjonali sal-25 ta’ Ġunju 2005. Meta kien qed jinkiteb dan ir-rapport, l-Irlanda biss kien għadha ma ttrasponitx id-Direttiva kompletament; il-każ huwa pendenti quddiem il-QEĠ (C-427/07). L-impressjoni ġenerali hija li l-esperjenza fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġodda introdotti bid-Direttiva 2003/35/KE għadha limitata. Fl-Anness 2 jingħataw osservazzjonijiet preliminari dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Se jinsiltu konklużjonijiet sinifikanti mill-valutazzjoni attwali tal-konformità tal-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni. Il-maġġoranza tal-SM irraportaw li l-emendi introdotti bid-Direttiva 2003/35/KE jżidu l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Barra minn hekk, l-SM li daħlu fl-UE fl-2004 u l-2007 rraportaw li d-Direttiva EIA kienet ikkontribwiet direttament għall-konsolidazzjoni tal-iżvilupp demokratiku, billi żiedet il-parteċipazzjoni pubblika u t-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet. 2.3. Il-QEĠ tiċċara d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva EIA Il-QEĠ enfasizzat li d-Direttiva għandha ambitu u għan wesgħin u tillimita d-diskrezzjoni tal-SM. Bosta mid-deċiżjonijiet tal-QEĠ jiffokaw fuq l- "iskrining" u d-deċiżjoni jekk l-EIA ssirx jew le. Il-QEĠ ipprovdiet ukoll interpretazzjonijiet ta’ ċerti categoriji ta’ proġetti u l-kunċett ta’ "kunsens għall-iżvilupp" , u investigat il-kwistjoni ta’ permessi għar-regolarizzazzjoni. L-Anness 3 jispjega fil-qosor is-sejbiet ewlenin tad-deċiżjonijiet riċenti. 2.4. Il-vantaġġi ġenerali tad-Direttiva EIA Ġew identifikati żewġ vantaġġi ewlenin. L-ewwelnett, l-EIA tiżgura li kunsiderazzjonijiet ambjentali jitqiesu kmieni kemm jista’ jkun fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. It-tieni, billi tinvolvi lill-pubbliku, il-proċedura tal-EIA tiżgura aktar trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet ambjentali u, għalhekk, aċċettazzjoni soċjali. Anke jekk il-maġġoranza tal-vantaġġi tal-EIA ma jistgħux jitfissru f’termini monetarji, hemm qbil ġenerali, ikkonfermat mill-istudji disponibbli, li l-vantaġġi tal-EIA jisbqu n-nefqa tal-preparazzjoni tal-EIA[6]. Barra minn hekk, l-esperjenza tal-Kummissjoni mill-valutazzjoni ta’ proġetti kofinanzjati taħt il-Politika Reġjonali tal-UE, partikolarment proġetti ewlenin, turi li l-EIAs tejbu d-disinn tal-proġett u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (inkluż il-parteċipazzjoni ta’ awtoritajiet ambjentali u tal-pubbliku) u għenu biex tittejjeb l-inkorporazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali. Fl-aħħarnett, l-implimentazzjoni tad-Direttiva ħolqot dinamika speċifika nazzjonali. L-SM ta’ sikwit ibbażaw fuq ir-rekwiżiti minimi tad-Direttiva u marru ’l hinn minnhom, billi introduċew dispożizzjonijiet aktar stretti (abbażi tal-Artikolu 176 tat-Trattat tal-KE), li jimmiraw biex jiżguraw ħarsien ambjentali aħjar u aktar trasparenza. Bosta SM żviluppaw ukoll linjigwida għal prattika tajba, u għal kategoriji speċifiċi ta’ proġetti, għalihom stess. L-UE kollha tista' tibbenifika minn dawn l-esperjenzi nazzjonali. Għalhekk, nistgħu nikkonkludu li l-għan prinċipali tad-Direttiva EIA intlaħaq u li l-momentum qiegħed hemm sabiex ir-rekwiżiti minimi tad-Direttiva jiżdiedu u d-Direttiva tittejjeb. 3. ASPETTI INDIKATTIVI TAD-DIRETTIVA EIA LI JEħTIEġ LI JITTEJBU Id-Direttiva EIA evolviet wara 20 sena ta’ implimentazzjoni. Fl-istess waqt, il-leġiżlazzjoni tal-UE kibret u żviluppaw politiki ġodda. Filwaqt li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tad-Direttiva EIA fl-UE kollha, jeħtieġ ukoll li jiġu identifikati aspetti li għandhom bżonn jittejbu, bħal nuqqasijiet fl-implimentazzjoni, duplikazzjoni ma' partijiet oħrajn ta' leġiżlazzjoni u inkonsistenzi ma' politiki oħrajn tal-UE, u l-għoti ta' rakkommandazzjonijiet, meta rilevanti. 3.1. Tħassib dwar il-proċedura tal -"iskrining" Id-Direttiva EIA tagħti lok vast lill-SM biex jiddeterminaw, permezz ta’ eżami każ b’każ u/jew permezz ta’ limiti jew kriterji nazzjonali, jekk hijiex meħtieġa EIA għal proġetti elenkati fl-Anness II. Meta jiġu stipulati dawn il-limiti jew kriterji, l-SM iridu jqisu l-kriterji rilevanti tal-għażla mniżżla fl-Anness III. Din id-dispożizzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, wasslet għal varjazzjoni kbira fit-tipi u l-livelli tal-limiti jew kriterji stipulati mill-SM. L-implimentazzjoni u l-każistika juru li, fl-istipulazzjoni ta’ limiti, l-SM ta’ sikwit jaqbżu l-marġini tad-diskrezzjoni tagħhom, jew billi jqisu biss xi wħud mill-kriterji fl-Anness III inkella billi jeżentaw minn qabel xi wħud mill-proġetti. Barra minn hekk, għalkemm ix-xejra turi żieda, l-EIAs li jsiru fid-diversi SM ivarjaw konsiderevolment (minn anqas minn 100 għal 5 000), anke meta jitqabblu SM tal-istess daqs. Il-livelli li fihom ġew stipulati l-limiti jagħtu implikazzjonijiet ċari tal-ammont tal-attività tal-EIA. Barra minn hekk, għad baqa’ diversi każijiet fejn l-effetti kumulattivi ma jitqisux, filwaqt li għad baqa’ problemi fl-eliminazzjoni tal-prattiki tal-“frazjonizzazzjoni"[7], speċjalment fil-pjanijiet ta’ investiment kbir. Dawn il-fatturi jistgħu jheddu l-leġittimità tad-Direttiva u jnaqqsu l-isforzi biex jiġu stabbiliti standards komuni għall-iskrining. Għalhekk, il-mekkaniżmu tal-iskrining għandu jiġi ssimplifikat u ċċarat, pereżempju, billi l-kriterji tal-għażla elenkati fl-Anness III jiġu spjegati fid-dettal u billi l-limiti, il-kriterji jew il-mekkaniżmi tal-bidu jiġu stabbiliti fil-livell Komunitarji (eż. bil-komitoloġija). Għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jingħata kunsens abbażi ta’ proċedura simplifikata ta’ valutazzjoni minn qabel. 3.2. Tħassib fuq il-kwalità tal-EIA Id-Direttiva EIA tistipula rekwiżiti proċedurali essenzjali; ma tistabbilixxix standards ambjentali obbligatorji. L-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jqisu r-riżultati ta’ konsultazzjonijiet u l-informazzjoni miġbura u jipprovdu informazzjoni speċifika fit-tmien tal-proċedura tal-kunsens għall-iżvilupp (l-Artikoli 8 u 9), iżda mhumiex obbligati jagħmlu konklużjonijiet speċifiċi mir-riżultati tal-EIA. L-iżgurar tal-kontroll tal-kwalità f’EIA jitħalla l-iktar f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Madankollu, il-kapaċità biex jittieħdu deċiżjonijiet validi, tiddependi fuq il-kwalità tal-informazzjoni użata fid-dokumentazzjoni tal-EIA u fuq il-kwalità tal-proċess tal-EIA.Għalhekk, il-kwalità hija element kruċjali għall-effikaċja tad-Direttiva. 3.2.1. Il-kwalità tal-informazzjoni użata fid-dokumentazzjoni tal-EIA Bosta SM ikkummentaw illi n-nuqqas ta’ kwalità suffiċjenti fl-informazzjoni użata fid-dokumentazzjoni tal-EIA hija problema. Jeżistu differenzi kbar fil-kwalità tad-dokumentazzjoni tal-EIA, mhux biss bejn SM differenti, iżda wkoll fi SM innifishom. Hemm diversi modi kif jiġi żgurat kontroll adegwat tal-kwalità tad-dokumentazzjoni tal-EIA, (ta’ sikwit ippreżentata bħala rapport): akkreditazzjoni xierqa ta' konsulenti li jwettqu l-ħidma tal-EIA; preparazzjoni ta’ rapporti minn konsulenti indipendenti; użu ta’ analiżi indipendenti esterna jew għajnuna ta’ esperti; użu ta’ linjigwida dwar kwistjonijiet speċifiċi li jridu jitqiesu għal ċerti tipi ta' proġetti; aġġornament tad-dejta li tintuża; "definizzjoni tal-ambitu" obbligatorja; l-introduzzjoni tal-komitoloġija biex jiġi aġġornat l-Anness IV (l-informazzjoni trid tingħata mill-iżviluppatur). 3.2.2. Il-kwalità tal-proċess tal-EIA L-esperjenza tal-implimentazzjoni turi li xi kwistjonijiet ta’ sikwit jitqajmu fil-proċeduri tal-EIA. Fir-rigward ta’ alternattivi, fost l-informazzjoni li trid tingħata fid-dokumentazzjoni tal-EIA, id-Direttiva tinkludi “il-punti prinċipali ("outline") tal-alternattivi ewlenin studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni dwar ir-raġunijiet prinċipali tal-għażla tiegħu”. Xi SM introduċew obbligu legali li jiġu kkunsidrati alternattivi speċifiċi, waqt li xi SM oħrajn le. L-awtoritajiet kompetenti u l-pubbliku jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-għażla ta’ alternattivi biex jiġu valutati. Il-valutazzjoni ta’ alternattivi fil-proċeduri tal-EIA, hija ta’ sikwit kwistjoni diffiċli. Jista' jkun hemm bżonn li jiġi speċifikat x’inhuwa meħtieġ skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, eż. bl-introduzzjoni tal-valutazzjoni obbligatorja ta' alternattivi jew bl-ispeċifikazzjoni ta’ firxa ta’ alternattivi (bħal l-alternattiva ta’ “kollox jibqa' kif inhu”) li jridu jiġu analiżżati. In-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fid-Direttiva dwar il-perjodu ta' żmien raġonevoli u l-perjodu ta’ żmien preferibbli ffisat għall-għotja tal-kunsens għall-iżvilupp, dwar it-tul ta’ żmien tal- validità tal-EIA, u dwar il- monitoraġġ tal-effetti ambjentali sinifikanti tal-implimentazzjoni ta’ proġetti, joħloq ukoll tħassib. Dawk in-nuqqasijiet jistgħu jiġu indirizzati bl-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi fid-Direttiva. 3.3. In-nuqqas ta' prattiki armonizzati għall-parteċipazzjoni pubblika Minkejja li l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet qed tiżdied, għad m’hemm l-ebda prattika standard għall-UE kollha. Dan huwa kkonformat mill-punti li ġejjin: - Il-pubbliku jrid jingħata opportunitajiet bikrija u effettivi biex jipparteċipa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ambjentali. Ma hemm l-ebda punt komuni ta’ referenza għall-bidu tal-konsultazzjoni. F'bosta SM, il-pubbliku diġà jiġi kkonsultat fi stadju bikri (fl-istadju tal-iskrining jew fl-istadju tad-definizzjoni tal-ambitu). Madankollu, fil-maġġoranza tal-każijiet, il-pubbliku jiġi kkonsultat l-ewwel darba dwar l-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 5, dan jikkorrispondi għar-rekwiżit minimu stipulat bid-Direttiva. - Skont id-Direttiva EIA, il-perjodu ta’ żmien għal konsultazzjoni pubblika effettiva għandu jkun raġonevoli, billi perjodi ta' żmien qosra huma ostaklu f’dan ir-rigward. Madankollu, il-perjodi ta' żmien ivarjaw konsiderevolment[8]. - L-arranġamenti dettaljati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-pubbliku jiġu determinati mill-Istati Membri. Madankollu, il-parteċipazzjoni pubblika mhijiex effettiva meta l-arranġamenti nazzjonali huma ristretti (eż. meta d-dokumentazzjoni tal-EIA hija disponibbli biss għal konsultazzjoni fl-uffiċċji tal-awtorità kompetenti). - Fir-rigward tal-aċċess tal-pubbliku interessat għal proċedura ta’ reviżjoni, il-kriterji għall-kandidatura jvarjaw konsiderevolment minn SM għal ieħor, u n-nefqa tal-proċeduri hija kkunsidrata bħal ostaklu għall-aċċess għall-ġustizzja f’xi SM. Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jiġu indirizzati billi jkun hemm dispożizzjoni għal konsultazzjoni pubblika bikrija fl-istadju tal-iskrining jew tad-definizzjoni tal-ambitu (inkluż l-involviment tal-partijiet interessati) u billi jiġu stabbiliti perjodi ta’ żmien minimi. Jistgħu jiġu żviluppati wkoll linjigwida dwar l-aqwa prattiki sabiex id-dokumentazzjoni tal-EIA ssir disponibbli għall-pubbliku interessat. 3.4. Diffikultajiet dwar il-proċeduri transkonfinali tal-EIA Id-Direttiva EIA toffri ambitu wiesa’ lill-SM biex jiddeċiedu meta u kif SM oħrajn għandhom jiġu involuti fil-proċeduri tal-EIA għal proġetti b’impatti transkonfinali. Bosta SM irrimarkaw illi l-proċeduri transkonfinali tal-EIA jagħtu lok għal diffikultajiet li ġejjin prinċipalment minn differenzi fi proċeduri nazzjonali tal-EIA, bħall-istadji differenti tal-proċess tal-proposta għall-proġett, il-perjodi ta' żmien differenti u l-ostakli tal-lingwa. Ir-riskji ta' duplikazzjoni, inkonsistenzi, piżijiet (eż. amministrattivi) u konflitti potenzjali huma għoljin għal proġetti li jitwettqu f’oqsma taħt il-ġurisdizzjoni ta’ aktar minn SM wieħed (eż. f’baċiri tal-baħar). Barra minn hekk, hemm riskju li l-impatti ta’ proġett li jinvolvi aktar minn pajjiż wieħed ma jiġux ivvalutati kollha kemm huma. Jenħtieġu arranġamenti formali u informali mtejba għal konsultazzjoni dwar impatti transkonfinali ma’ pajjiżi ġirien. Dawn jistgħu jinkisbu bl-iżvilupp ta’ linjigwida jew billi jissaħħu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (eż. definizzjoni ta’ perjodi ta’ żmien minimi għal konsultazzjoni transkonfinali, proċeduri tal-EIA koordinati jew possibbilment konġunti għal proġetti li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed; esplorazzjoni tal-possibbiltà li jkun hemm proċedura unika tal-EIA). Barra minn hekk, wara l-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Protokoll SEA tal-Konvenzjoni Espoo, id-Direttiva EIA tista’ tiġi reveduta biex tiżgura implimentazzjoni aħjar tar-rekwiżiti tal-Protokoll. 3.5. Koordinazzjoni aħjar bejn l-EIA u d-Direttivi u l-politiki oħrajn tal-UE F’bosta każijiet, proġetti koperti mid-Direttiva EIA huma soġġetti wkoll għad-dispożizzjonijiet ta' Direttivi u politiki ambjentali oħrajn tal-UE. Minkejja r-riskju ta’ duplikazzjonijiet fir-rekwiżiti tal-valutazzjoni, ma hemm ebda problema maġġuri rraportata fir-rigward ta’ koordinazzjoni bejn id-Direttiva EIA u d-Direttivi u l-politiki oħrajn; ġeneralment, il-koordinazzjoni timxi sew. Madankollu, hemm bżonn li nirriflettu fuq kif tista’ tittejjeb is-sinerġija bejn id-Direttiva EIA u l-leġiżlazzjoni u l-politika f'setturi ambjentali speċifiċi bħal kwalità tal-arja, espożizzjoni għall-istorbju, ġestjoni tal-iskart u l-ilma, ħarsien tal-ambjent tal-baħar, ħarsien tal-ħamrija, prevenzjoni tar-riskju ta’ diżastri (inkluż kontroll ta’ perikli ta’ aċċidenti maġġuri), tibdil fil-klima, u bijodiversità. Hemm kwistjonijiet speċifiċi, pereżempju, li jeħtieġu valutazzjoni maħsuba li tiżgura koordinazzjoni aħjar. 3.5.1. L-EIA u s-SEA Id-Direttiva 2001/42/KE[9] (Valutazzjoni Ambjentali Strateġika – SEA) tapplika “minn isfel għal fuq” għal ċerti pjanijiet u programmi pubbliċi, filwaqt li d-Direttiva EIA tapplika “minn fuq għal isfel” għal ċerti proġetti pubbliċi u privati. Iż-żewġ Direttivi jindirizzaw suġġetti differenti u huma distinti fin-natura. Ġew identifikati d-differenzi ewlenin li ġejjin: l-għanijiet tas-SEA huma espressi f’termini ta’ żvilupp sostenibbli, filwaqt li l-għanijiet tal-EIA huma purament ambjentali; is-SEA tesiġi li l-awtoritajiet kompetenti jiġu kkonsultati fl-istadju tal-iskrining; is-SEA tesiġi valutazzjoni ta' alternattivi raġonevoli u fiha dispożizzjoni espliċita dwar l-użu ta' informazzjoni minn sorsi oħrajn; is-SEA tinkludi rekwiżiti dwar monitoraġġ u kontroll tal-kwalità. Fit-teorija, ma għandux ikun hemm duplikazzjoni. Madankollu, ġew identifikati oqsma differenti ta’ duplikazzjoni potenzjali[10] fl-applikazzjoni taż-żewġ Direttivi. Partikolarment, il-konfini bejn id-definizzjoni ta’ pjan, programm jew proġett mhumiex dejjem ċari, u għalhekk jista’ jkun hemm xi dubju jekk is-suġġett tal-valutazzjoni jilħaqx jew le l-kriterji għall-ħtieġa tal-applikazzjoni tad-Direttiva EIA jew id-Direttiva SEA, jew tat-tnejn. F’dan ir-rigward, id-definizzjonijiet ta’ xi kategoriji ta’ proġetti, li huma ta’ sikwit relatati mal-użu tal-art, mhumiex ċari u dan jista’ joħloq konfużjoni mas-SEA. L-SM għażlu strateġiji differenti biex isolvu l-ineffikaċja potenzjali li tirriżulta minn proċeduri dupplikati. Madankollu, ħafna SM ta’ sikwit jikkunsidraw li ma għandhomx esperjenza biżżejjed biex jidentifikaw u jivvalutaw kwalunkwe kwistjoni dupplikata adegwatament. Din hija r-raġuni għaliex ftit wisq SM irrakkomandaw il-konsolidazzjoni taż-żewġ Direttivi. Ħafna SM ikkummentaw li kull proċess għandu jiġi ppreżervat u distint, billi dawn huma proċeduri kumplimentari li jindirizzaw stadji u proċessi differenti. L-SM talbu wkoll il-forniment ta’ dokumenti ta’ gwida. Minħabba l-partikolaritajiet taż-żewġ proċessi u l-esperjenza limitati fl-applikazzjoni tas-SEA, attwalment ma hemm l-ebda każ biex id-Direttivi jingħaqdu. F’dan il-punt, tista’ tinkiseb koordinazzjoni aħjar billi jiġu indirizzati d-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet taż-żewġ Direttivi u billi jiġu ċċarati d-definizzjonijiet ta’ kategoriji ta' proġetti li jista’ jkollhom duplikazzjoni. Dan jista’ jseħħ fil-kuntest tar-reviżjoni tal-EIA. 3.5.2. L-EIA u l-IPPC Ftit wisq SM użaw l-għażla li jistabbilixxu proċedura unika għal proġetti li jaqgħu taħt id-Direttiva EIA u d-Direttiva 2008/1/KE[11] (dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis – IPPC); f’xi SM, proċedura unika tista’ tintuża jekk tintalab mill-iżviluppatur. L-SM għandhom dispożizzjonijiet għal forom solidi ta’ koordinazzjoni (eż. il-parti tad-dokumentazzjoni tal-EIA tad-dokumentazzjoni għall-applikazzjonijiet tal-IPPC; permessi tal-IPPC ikkundizzjonati minn deċiżjoni pożittiva tal-EIA; l-użu tal-istess dejta; proċedura komuni ta’ parteċipazzjoni pubblika). B’mod ġenerali, ma ġewx irraportati problemi speċifiċi ta’ koordinazzjoni. Madankollu, għall-istess tip ta’ attivitajiet, id-Direttiva IPPC xi drabi tistipula limiti li huma differenti minn dawk użati fl-EIA; dan jista’ jikkawża xi konfużjoni. Għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati l-armonizzazzjoni tal-limiti u l-kriterji użati biex jiddefinixxu proġetti soġġetti għar-rekwiżiti ta' dawn id-Direttivi (eż. bil-komitoloġija) u s-simplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar rekwiżiti tal-informazzjoni (ukoll billi titqies ir-reviżjoni għaddejja tad-Direttiva IPPC). 3.5.3. L-EIA u l-bijodiversità L-SM stabbilixxew rabtiet kemm informali u formali bejn id-Direttiva EIA u d- Direttivi dwar il-Ħabitats[12] u l-Għasafar [13] (b’mod partikolari l-Artikolu 6(3)-(4)[14] tal-ewwel waħda). Għalkemm ma ġew irraportati l-ebda problemi maġġuri, l-esperjenza tal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni turi li r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3)-(4) ma jitqisux adegwatament fil-kuntest tal-proċeduri tal-EIA. Barra minn hekk, il-proċeduri tal-EIA jiffokaw fuq l-impatt fuq is-siti Natura 2000, filwaqt li d-dispożizzjonijiet dwar il-ħarsien tal-ispeċijiet x’aktarx jiġu injorati. Id-Direttiva EIA ma tagħmilx referenza espliċita għall-kunċett ta’ bijodiversità (tirreferi biss għall-fawna u l-flora). Ħafna SM wieġbu li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva EIA diġà jqisu biżżejjed is-sustanza tal- Pjan ta' Azzjoni għal Bijodiversità [15] (BAP) u li s-sistemi nazzjonali tal-EIA tagħhom huma effettivi fil-prevenzjoni tat-telf tal-bijodiversità. Madankollu, verament jidher li x’aktarx l-UE ma tilħaqx il-mira tagħha tal-2010 li twaqqaf id-degradazzjoni tal-bijodiversità[16]; jenħtieġu sforzi intensivi. F’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet tal-bijodiversità jistgħu jiġu riflessi espressament fi ħdan it-test tad-Direttiva EIA. Barra minn hekk, tista’ tiġi stabbilita proċedura unika ta’ valutazzjoni għal proġetti li jaqgħu taħt id-Direttiva EIA u l-Artikolu 6(3)-(4) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. 3.5.4. L-EIA u t-tibdil fil-klima Id-Direttiva EIA ma tindirizzax espressament kwistjonijiet dwar tibdil fil-klima. Ħafna mill-SM jirrikonoxxu li kwistjonijiet dwar tibdil fil-klima mhumiex identifikati u vvalutati adegwatament fil-proċess tal-EIA. Kwalunkwe analiżi tal-impatti tat-tibdil fil-klima hija ta’ sikwit limitata għas-CO2 u l-emissjonijiet oħrajn tal-gassijiet serra mill-industrija u miż-żieda fit-trasport bħala parti mill-istudji dwar il-kwalità tal-arja jew bħala impatti indiretti. Il-valutazzjoni tal-EIA ta’ sikwit ma tmurx ’l hemm milli tevalwa l-emissjonijiet eżistenti u tiżgura li l-istandards tal-kwalità tal-arja ta’ madwarna jintlaħqu. Barra minn hekk, l-effetti fuq il-klima globali, l-effetti kumulattivi ta' proġett addizzjonali u ta’ adattament għat-tibdil fil-klima mhumiex ikkunsidrati biżżejjed fi ħdan l-EIA. Jeħtieġ li nindirizzaw il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq. Gew identifikati diversi kategoriji speċifiċi ta’ proġetti fejn iridu jigu kkunsidrati espressament kwistjonijiet ta' tibdil fil-klima fi ħdan l-EIA. Dawn huma relatati prinċipalment ma’ emissjonijiet sinifikanti potenzjali tas-CO2, bħal proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija u t-trasport, iżda jinkludu wkoll proġetti li għalihom l-effiċjenza fl-enerġija hija kwistjoni ewlenija. L-introduzzjoni tal-komitoloġija tista’ tkun għażla għall-aġġornament tal-Annessi I u II. Barra minn hekk, l-SM talbu għal għodod ta’ valutazzjoni li jridu jiġu żviluppati (eż. għall-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ tibdil fil-klima fil-proċess tal-EIA). Il-Kummissjoni se tiżviluppa linji gwida sal-2011 sabiex jiġi żgurat li l-impatti tal-klima jitiqiesu fid-Direttivi EIA[17]. 4. GħELUQ Dan ir-rapport jikkonferma li l-għanijiet tad-Direttiva EIA ġeneralment intlaħqu. Il-prinċipji tal-valutazzjoni ambjentali ġew integrati fis-sistemi nazzjonali tal-EIA. L-SM kollha stabbilixxew oqfsa regolatorji komprensivi u implimentaw l-EIA b’mod li ġeneralment jikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva; f’bosta każijiet, l-SM bnew fuq ir-rekwiżiti minimi tad-Direttiva u marru ’l hemm minnhom. Bħala riżultat, kunsiderazzjonijiet ambjentali jitqiesu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li sar aktar trasparenti. Madankollu, l-iżvilupp tal-EIA huwa proċess li jevolvi. Waqt li jiġi żgurat li d-Direttiva EIA tiġi implimentata b’effikaċja fl-UE mkabbra, jeħtieġ ukoll li jiġi żgurat li d-Direttiva EIA tiġi addattata għal kuntesti politiċi u legali Komunitarji u internazzjonali. Dan ir-rapport jindika oqsma li jeħtieġu jittejbu (eż. skrining, parteċipazzjoni pubblika, kwalità tal-EIA, proċeduri transkonfinali tal-EIA, koordinazzjoni bejn l-EIA u d-direttivi u l-politiki ambjentali oħrajn, bħat-tibdil fil-klima u l-bijodiversità) u jippreżenta rakkommandazzjonijiet possibbli għall-azzjoni. Dawn il-konklużjonijiet huma rilevanti fil-qafas ta’ eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni. Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-metodi kollha ta' simplifikazzjoni (kodifikazzjoni, kodifikazzjoni flimkien mal-introduzzjoni tal-komitoloġija, r-riformulazzjoni, l-għaqdiet, l-użu ta' regolamentazzjoni). Kwalunkwe inizjattiva ta’ simplifikazzjoni se jkollha l-għan li ttejjeb il-ħarsien ambjentali, iżżid l-armonizzazzjoni u tissimplifika l-proċeduri eżistenti. Il-Kummissjoni se tiżgura, irrispettivament mill-istraġija magħżula, li kwalunkwe modifika maġġuri tkun soġġetta għal konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati u jsirilha valutazzjoni leġiżlattiva tal-impatt. ANNESS 1: Sorsi ewlenin tar-rapport - It-tweġibiet tal-SM għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva EIA (dawn intbagħtu fl-2007 u l-2008). - L-istudju kkumissjonat mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva EIA (2009). - Il-konklużjonijiet ta’ rapport preċedenti dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva EIA. - Studji rilevanti kkummissjonati mill-Kummissjoni: "The Relationship between the EIA and the SEA Directives" (2005); "Costs and benefits of the EIA Directive" (2006); "Inventory of EU Member States' measures on access to justice in environmental matters" (2007) ; "Evaluation of EU legislation - Directive 85/337/EEC (Environmental Impact Assessment, EIA) and associated amendments" (2007). - L-esperjenza tal-Kummissjoni bl-implimentazzjoni tad-Direttiva EIA (inkluż informazzjoni minn ilmenti u petizzjonijiet u l-każistika). ANNESS 2: Osservazzjonijiet preliminari dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġodda introdotti bid-Direttiva 2003/35/KE Definizzjonijiet tal-“pubbliku” u l-“pubbliku interessat” (l-Artikolu 1(2)): jidher li l-SM kollha japplikaw definizzjoni wiesgħa tal -“pubbliku" , u jippermettu kull persuna naturali u legali tieħu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Is-sitwazzjoni dwar id-definizzjoni ta’ “pubbliku interessat” tvarja aktar. Il-maġġoranza tal-SM inkludew definizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Xi SM ma jiddistingwux bejn il- "pubbliku" u l- "pubbliku interessat" ; għadu mhux ċar jekk in-nuqqas ta’ definizzjoni speċifika hijiex problema jew le. L-għażla li proġetti nazzjonali ta’ difiża jiġu eżentati mill-EIA bażi ta’ każ b’każ (l-Artikolu 1(4)): il-maġġoranza tal-SM inkludew dispożizzjonijiet rilevanti fil-liġijiet tagħhom. Madankollu, mill-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni jidher li din l-għażla tintuża vera rari. Dispożizzjonijiet imsaħħa dwar il-konsultazzjoni pubblika (l-Artikolu 6(2) u (3)) : ġeneralment il-pubbliku għandu aċċess aċċettabbli għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Għalkemm jenħtieġ investigazzjoni aktar dettaljat biex tivvaluta l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ifeġġu xi fatturi pożittivi: bosta SM diġà jipprovdu għal konsultazzjoni pubblika fl-istadju tad-definizzjoni tal-ambitu, filwaqt li xi SM jipprovdu wkoll għal konsultazzjoni pubblika fl-istadju tal-iskrining. Bidliet jew estensjonijiet tal-proġetti tal-Anness I u II : l-SM kollha jirraportaw illi adottaw miżuri nazzjonali biex jikkonformaw mal-bidliet introdotti bid-Direttiva 2003/35/KE. Informazzjoni dwar il-proċess tal-parteċipazzjoni pubblika li tinstab fl-informazzjoni pprovduta dwar id-deċiżjoni finali (l-Artikolu 9(1)) u d- dispożizzjonijiet dwar aċċess għal pubbliku għal proċedura ta’ reviżjoni (l-Artikolu 10(a)) : f’dan il-punt mhux possibbli li tinsilet kwalunkwe konklużjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, il-Kummissjoni diġà identifikat problemi ta’ traspożizzjoni f’xi SM u bdiet proċeduri ta' ksur, skont l-Artikolu 226 tat-Trattat tal-KE. ANNESS 3: Id-dettalji ewlenin tad-deċiżjonijiet riċenti tal-QEĠ Il-QEĠ enfassizza li d-Direttiva EIA għandha ambitu, kif ukoll għan wesgħin[18] u timmira li tiżgura li d-diskrezzjoni tal-SM ma tnaqqasx l-għan tad-Direttiva, li huwa li ebda proġett li aktarx ikollu effetti sinifikanti fuq l-ambjent, fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva, ma jista’ jiġi eżentat minn valutazzjoni, ħlief meta l-proġett speċifiku eskluż, jista’ jitqies, abbażi tal-iskrining komprensiv illi mhux se jkollu dawn l-effetti. Mekkaniżmu ta’ skrining (deċiżjoni jekk issirx IEA jew le) L-SM huma obbligati jqisu l-kriterji kollha rilevanti tal-għażla elenkati fl-Anness III meta jistabbilixxu kriterji jew limiti għal proġetti tal-Anness II. SM li stabbilixxa limiti u/jew kriterji li jqisu biss id-daqs tal-proġetti, mingħajr ma kkunsidra l-kriterji kollha elenkati fl-Anness III, ikun qed jaqbeż il-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu skont id-Direttiva[19]. Deċiżjoni li biha awtorità nazzjonali kompetenti tqis li l-karatteristiċi ta' proġett ma jirrikjedux li jkun soġġett għal valutazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent għandha tinkludi jew tkun akkumpanjata mill-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi mistħarreġ jekk hijiex ibbażata fuq skrining preliminari adegwat, imwettaq skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337[20]. Interpretazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ proġetti tal-Anness I u II Jeħtieġ li d-Direttiva EIA titqies bħala waħda li tipprovdi għal EIA ta' proġetti ta' modernizzar u titjib ta' toroq urbani (proġetti koperti mill-Anness I.7.b jew c jew mill-Anness II.10.e jew mill-Anness II.13) li aktarx ikollhom, minħabba n-natura, daqs jew lokalità tagħhom, u, jekk xieraq, l-interazzjoni tagħhom ma’ proġetti oħrajn, effetti sinifikanti fuq l-ambjent[21]. L-Anness II.12, flimkien mal-Anness I.7 tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni oriġinali tagħhom, jinkludu wkoll ix-xogħlijiet ta’ modifika mwettqa lill-infrastruttura ta’ ajruport eżistenti mingħajr ma tiġi mtawla r-runway, sakemm dawn jistgħu jiġu meqjusa, b’mod partikolari min-natura, l-importanza u l-karatteristiċi tagħhom, bħala modifka tal-ajruport stess. Dan japplika, partikolarment, għal xogħlijiet iddisinjati biex iżidu l-operazzjonijiet ta’ ajruporti u t-traffiku tal-ajru b’mod sinifikanti[22]. Dispożizzjoni nazzjonali li tirrekjedi EIA għal proġetti ta’ żvilupp urban biss (l-Anness II.10.b) ’il barra minn żoni urbani jillimita l-ambitu tad-Direttiva[23]. L-argument li proġett intenzjonat li jinbena fuq art kompletament trasformata ma għandux ikollu effetti ambjentali sinifikanti ma ġiex aċċettat. Meta jiġi determinat jekk dan it-tip ta' proġett għandu effetti sinifikanti, Stat Membru għandu jqis in-natura, daqs u lokalità tagħhom, u l-kriterji kollha tal-iskrining elenkati fl-Anness III. Il-kunsens għall-iżvilupp Ftehim bejn awtoritajiet pubbliċi u mpriżi privati mhux proġett fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva EIA; "huwa l-qorti nazzjonali li jiddetermina, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jekk ftehim bħal dan jikkostitwixxix kunsens għal żvilupp fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(2). F’dak il-kuntest hemm lok li jiġi eżaminat jekk dak il-kunsens huwiex parti minn proċedura f’diversi stadji li tinkludi deċiżjoni prinċipali kif ukoll deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni u jekk hemmx lok li jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv ta’ diversi proġetti li l-effetti tagħhom fuq l-ambjent għandhom ikunu vvalutati globalment” [24] . Meta l-liġi nazzjonali tipprovdi għal proċedura ta' kunsens ta' żvilupp f'diversi stadji, waħda tinvolvi deċiżjoni prinċipali u l-oħra deċiżjoni ta' eżekuzzjoni, li ma tistax tmur lil hinn mill-kriterji stabbiliti fid-deċiżjoni prinċipali, l-effetti li proġett jista' jkollu fuq l-ambjent għandu jkun identifikat u vvalutat waqt il-proċedura relattiva għad-deċiżjoni prinċipali. Huwa biss fil-każ li dawk l-effetti mhumiex identifikabbli ħlief waqt il-proċedura relattiva għad-deċiżjoni ta' eżekuzzjoni li l-valutazzjoni għandha ssir matul din l-aħħar proċedura[25]. L-EIA għandha ssir fi stadju aktar tard, meta, fil-każ ta’ għotja ta’ kunsens ta’ żvilupp f’diversi stadji, ikun ċar, matul it-tieni stadju, li l-proġett aktarx li jkollu effetti sinifikanti fuq l-ambjent. Permessi għal regolarizzazzjoni u “regolarizzazzjonijiet ta’ wara li jseħħu” ta’ operazzjonijiet illegali Filwaqt li l-liġi Komunitarja ma tistax tipprekludi li r-regoli nazzjonali applikabbli jippermettu, f’ċerti każijiet, li jiġu rregolarizzati operazzjonijiet jew miżuri li huma illegali fi-dawl tal-liġi Komunitarju, “tali possibbiltà għandha tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li hija ma toffrix lill-individwi kkonċernati l-opportunità li jevitaw ir-regoli Komunitarji jew li jaħarbu milli japplikawhom, u li din għandha tibqa’ eċċezzjonali” [26] . Tariffi amministrattivi Il-ħlas ta’ tariffa amministrattiva għal parteċipazzjoni pubblika fil-proċess konsultattiv mhix fiha nnifisha inkompatibbli mal-għan tad-Direttiva EIA[27]. “Madankollu, ma tistax tiġi ffissata tariffa li tkun f'tali livell illi tipprevjeni lid-direttiva milli tkun effettiva totalment, skont l-għan li jkollha”. Dan ikun il-każ li kieku, minħabba l-ammont tagħha, tariffa tikkostitwixxi ostaklu għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva. [pic][pic][pic] [1] ĠU L 175, 5.7. 85, p. 40. [2] ĠU L 73, 14.3. 97, p. 5. [3] ĠU L 156, 25.6.03, p.17. [4] Approvata bid-Deċiżjoni 2008/871/KE, ĠU L 308, 19.11.08, p.33. [5] COM(09)15. [6] Tipikament, in-nefqa ta’ preparazzjoni tal-EIA, bħala sehem min-nefqa tal-proġett, tvarja minn 0.1 % għal proġetti kbar sa 1.0 % għal proġetti żgħar. Dawn l-ispejjeż jipprovdu perspettiva inizjali iżda ovvjament ma jikkunsidrawx infiq ieħor (eż. emendi sussegwenti, rapportar, dewmien). [7] Il-prattika tat-tqassim ta’ proġetti f’żewġ jew aktar entitajiet separati sabiex kull element individwali ma jkollux bżonn EIA, u allura l-proġett kollu ma jiġix ivvalutat; jew il-prattika li jinkiseb permess għal proġett li huwa taħt il-limitu (u għalhekk mhux soġġett għal EIA) u mbagħad wara ż-żmien dak il-proġett jew il-kapaċità tiegħu tiġi estiża ’l fuq mill-limiti. [8] Fl-istadju tal-iskrining, il-firxa titla’ sa 45 ġurnata; fl-istadji tad-definizzjoni tal-ambitu u tal-konsultazzjoni dwar id-dokumentazzjoni tal-EIA, il-perjodu ta’ żmien huwa bejn 10 u 60 ġurnata. [9] ĠU L 197, 21.7.01, p.30. [10] Pereżempju, meta proġetti kbar jikkonsistu minn subproġetti; proġetti li jeżiġu bidliet fil-pjanijiet tal-użu tal-art; pjanijiet u programmi li jistipulaw kriterji vinkolanti għall-kunsens għall-iżvilupp sussegwenti ta’ proġetti; u rabtiet ġerarkiċi bejn is-SEA u l-EIA (‘livellar’). [11] ĠU L 24, 29.1.08, p.7. [12] Id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.92, p. 7. [13] Id-Direttiva 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, ĠU L L 103, 25.4.79, p.1 [14] Dan l-Artikolu fih salvagwardji proċedurali u sostantivi għal kwalunkwe pjan jew proġett li x'aktarx għandu effett sinifikanti fuq sit Natura 2000. [15] COM(06)216. [16] COM(08)864. [17] COM(09)147. [18] Eż. C-121/03. [19] C-66/06, §§ 62-63 . [20] C-87/02, § 49. [21] C-142/07. [22] C-2/07. [23] C-332/04. [24] C-2/07. [25] C-201/02, §52; C-508/03; C-290/03. [26] C-215/06, §§57-61. [27] C-216/05, §§37-38 u 42-44. Din id-deċiżjoni hija relatata mad-Direttiva qabel l-emendi introdotti bid-Direttiva 2003/35/KE.