[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 14.7.2009 KUMM(2009) 359 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Rapport dwar it-tħaddim tal-Ftehimiet Monetarji ma' Monako, San Marino u l-Vatikan KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Rapport dwar it-tħaddim tal-Ftehimiet Monetarji ma' Monako, San Marino u l-Vatikan 1. DAħLA Il-Ftehimiet Monetarji ġew konklużi bejn il-Komunità Ewropea u Monako, San Marino u l-Vatikan sabiex tingħata kontinwità legali għall-arranġamenti li eżistew bejn dawn il-pajjiżi min-naħa u Franza u l-Italja min-naħa l-oħra qabel l-introduzzjoni tal-euro. In-negozjar mill-ġdid tal-Ftehimiet eżistenti bil-ħsieb tal-introduzzjoni tal-euro kien previst b'dikjarazzjoni annessa mat-Trattat ta' Maastricht[1]. Għaxar snin wara li l-euro ssostitwiet il-munita lokali tal-Italja u Franza użati minn Monako, San Marino u l-Vatikan, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi t-tħaddim tal-Ftehimiet Monetarji[2] Il-Komunikazzjoni teżamina fid-dettall il-kontenut tal-Ftehimiet, tiddeskrivi l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-implimentazzjoni tagħhom u tissuġġerixxi l-emendi għall-kontenut ta' dawn it-tliet Ftehimiet. 2. DESKRIZZJONI TAL-KONTENUT TAL-FTEHIMIET 2.1. Karatteristiċi komuni tal-Ftehimiet Mindu l-valuti nazzjonali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro ġew sostitwiti bl-euro fl-1 ta' Jannar 1999 u l-kompetenzi tal-Istati Membri parteċipanti fil-kwistjonijet monetarji u tar-rata ta' kambju ġew trasferiti lill-Komunità, il-Kunsill iddeċieda li l-arranġamenti eżistenti li l-Istati Membri taż-żona tal-euro kellhom mal-pajjiżi terzi fuq kwistjonijiet monetarji għandhom jiġu emendati[3]. Il-Ftehim il-Ġdid bejn il-Komunità u l-Prinċipalità ta' Monako ġie nnegozjat minn Franza (flimkien mal-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE))[4] filwaqt li l-Ftehimiet mar-Repubblika ta' San Marino u l-Belt tal-Vatikan kienu nnegozjati mill-Italja (flimkien mal-Kummissjoni u mal-BĊE)[5]. Il-Ftehimiet Monetarji intitolaw lil Monako, lil San Marino u lill-Vatikan biex jużaw l-euro bħala l-valuta uffiċjali tagħhom u jagħtu status ta' valuta legali lill-karti tal-flus u l-muniti tal-euro. Sa mill-1 ta' Jannar 2002, il-Prinċipalità ta' Monako hija intitolata li toħroġ muniti tal-euro b'volum annwali ta' 1/500 tal-kwantità tal-muniti ffabbrikati fi Franza. Ir-Repubblika ta' San Marino hija intitolata li toħroġ muniti tal-euro b'valur massimu annwali ta' EUR 1 994 000. Il-valur massimu annwali tal-muniti tal-euro li jistgħu jinħarġu mill-Vatikan inizjalment kien iffissat għal EUR 670 000. Barra minn hekk, il-Belt tal-Vatikan ingħatat id-dritt li toħroġ muniti addizzjonali fis-snin meta s-Santa Sede tkun battala, f'kull Sena tal-Ġublew u fis-sena tal-ftuħ tal-Kunsill Ekumeniku li f'kull okkażjoni jammontaw għal EUR 201 000. Il-limiti ġew emendati b'deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ottubru 2003 għal EUR 1 000 000 għal ħruġ massimu annwali 'ordinarju' u EUR 300 000 addizzjonali f'ċirkostanzi speċjali. Il-limiti ta' San Marino u l-Vatikan huma rreveduti kull sentejn biex jirriflettu l-bidliet fl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur fl-Italja. Il-volumi annwali tal-muniti tal-euro maħruġa mill-muniti ta' Monako (ta' San Marino u tal-Vatikan) huma miżjuda mal-muniti maħruġa minn Franza (l-Italja) għall-għan tal-approvazzjoni tal-BĊE tal-volum ta' ħruġ. Il-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni ta' Monako, San Marino u l-Vatikan għandhom ikunu identiċi għall-muniti ta' ċirkolazzjoni tal-euro maħruġa mill-Istati Membri taż-żona tal-euro fir-rigward tal-valur nominali, l-istatus ta' valuta legali, il-karatteristiċi tekniċi u ta' disinn fuq l-uċuh komuni u l-karatteristiċi komuni ta' disinn fuq l-uċuh nazzjonali. L-awtortitajiet Komunitarji kompetenti għandhom jiġu nnotifikati minn qabel dwar il-karatteristiċi tad-disinn fuq l-uċuh nazzjonali. Monako, San Marino u l-Vatikan għandhom id-dritt ukoll li joħorġu muniti tal-euro għall-kollezzjonisti skont l-istess regoli tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, bil-valur tagħhom jingħadd fil-limiti tal-ħruġ massimu annwali tal-pajjiżi. Ir-Repubblika ta' San Marino tista' toħroġ iktar muniti tad-deheb denominati fi skudi[6]. Monako, San Marino u l-Vatikan mhumiex intitolati joħorġu l-karti tal-flus tal-euro u l-muniti għall-kollezzjonisti tagħhom m'għandhomx valuta legali barra t-territorji tagħhom stess. It-tliet pajjiżi kollha impenjaw irwieħhom biex jieħdu miżuri legali interni sabiex japplikaw lit-territorji rispettivi tagħhom id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro u biex jikkoperaw mill-qrib mal-Komunità Ewropea biex jiġġieldu l-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus u tal-muniti tal-euro. 2.2. Karatteristiċi speċifiċi tal-Ftehim ma' Monako Barra mid-dispożizzjonijiet deskritti hawn fuq, li jinsabu f'kull wieħed mit-tliet Ftehimiet Monetarji, il-Ftehim ma' Monako fih xi rekwiżiti addizzjonali. Il-Ftehim jinkludi l-obbligazzjoni espliċita min-naħa ta' Monako biex timplimenta l-leġiżlazzjoni Komunitarja mmirata biex tiġġieled il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro. L-istituzzjonijet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħra li qed iwettqu attivitajiet fil-Prinċipalità ta' Monako jistgħu jipparteċipaw fis-sistemi ta' saldu interbankarji u ta' pagamenti u ta' saldu tat-titoli fuq l-istess termini bħall-istituzzjonijiet rilevanti stabbiliti fi Franza jekk dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-aċċess għal dawk is-sistemi. L-istituzzjonijiet ta' kreditu ta' Monako huma suġġetti għall-istess miżuri adottati mill-Banque de France fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-BĊE dwar l-istrumenti u proċeduri tal-politika monetarja. Il-Prinċipalità hija responsabbli biex tagħmel dispożizzjonijiet legali applikabbli mmirati biex jiżguraw il-protezzjoni u l-istabbiltà tal-euro u s-sistema finanzjarja tal-KE fit-territorju tagħha. Skont l-Artikolu 11 tal-Ftehim Monetarju, l-atti Komunitarji fid-dominji li ġejjin għandhom japplikaw fit-territorju tal-Prinċipalità ta' Monako: il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-BĊE, riżervi minimi min-naħa tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, penalitajiet imposti fuq l-impriżi għan-nuqqas ta' konformità mar-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-BĊE, il-ħruġ tal-karti tal-flus, l-operazzjonijiet tas-suq, l-istrumenti ta' kontroll monetarju, u s-sistemi ta' kklerjar u tas-saldu. Il-Prinċipalità ta' Monako għandha tapplika wkoll il-miżuri adottati minn Franza biex timplimenta l-atti Komunitarji dwar is-sorveljanza prudenti tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-prevenzjoni ta' riskji sistematiċi għas-sistemi ta' pagamenti u ta' saldu tat-titoli. Barra min hekk, Monako għandha tieħu miżuri b'effett ekwivalenti għad-direttivi Komunitarji dwar il-ħasil tal-flus u għall-atti legali dwar is-servizzi ta' investiment. Il-Ftehim Monetarju ma' Monako jipprevedi Kumitat Konġunt li huwa impenjat li jiffaċilita l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-Ftehim. 3. EVALWAZZJONI TAT-TħADDIM TAL-FTEHIMIET U S-SUġġERIMENTI GħALL-IżVILUPPI POSSIBBLI GħALL-KONTENUT TAL-FTEHIMIET 3.1. Traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni KE rilevanti Il-firxa tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li trid tiġi trasposta fit-tliet Stati wara li jkunu ffirmaw ftehim mal-Komunità hija sinifikament differenti minn ftehim għall-ieħor. It-tliet Stati kollha impenjaw irwieħhom li jieħdu miżuri legali interni sabiex japplikaw fit-territorji rispettivi tagħhom id- dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro . Id-dispożizzjonijet dwar l-ispeċifikazzjonijiet tad-disinn u tekniċi tal-muniti tal-euro huma ġeneralment applikati sew. Mindu l-muniti tal-euro ta' Monako, San Marino u l-Vatikan huma ddiżinjati b'kooperazzjoni ma' u prodotti miz-Zekek ċċertifikati taż-żona tal-euro (jiġifieri z-Zekek nazzjonali ta' Franza u l-Italja), l-applikazzjoni tal-aħħar dispożizzjonijiet Komunitarji huma żgurati kumplessivament. Safejn jikkonċerna l-karti tal-flus tal-euro, l-ebda awtorità kompetenti jew proċedura ta' aġġornament ma ġiet installata biex tivverifika li d-dispożizzjonijiet applikabbli (eż. regoli dwar il-kambju u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro) jiġu implimentati. Il-firmatarji tal-Ftehimiet Monetarji kkommettew irwieħhom ukoll biex jikkoperaw mill-qrib mal-Komunità fid-dominju tal-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro . Il-Ftehim ma' Monako jmur lil hinn miż-żewġ Ftehimiet l-oħra billi jispeċifika li l-Prinċipalità għandha tadotta l-passi xierqa stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja[7] biex tipprevjeni l-falsifikazzjoni. L-implimentazzjoni tal-Ftehim ma' Monako fil-qasam tal-falsifikazzjoni hija evalwata regolarment u l-lista tal-istrumenti leġiżlattivi li jridu jiġu adottati qed tiġi aġġornata waqt il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt (ara t-Taqsima 3.2). Għalkemm għad hemm xi nuqqasijiet (eż. nuqqas ta' ffirmar ta' Ftehim mal-Europol) kien hemm progress globali notevoli f'dan il-qasam. Il-Ftehimiet ma' San Marino u l-Vatikan ma jinkludux obbligazzjoni speċifika għat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fid-dominju tal-protezzjoni tal-karti tal-flus tal-euro mill-iffalsifikar u l-mezzi ta' kooperazzjoni mal-Komunità. Skont l-informazzjoni tal-Kummissjoni, iż-żewġ pajjiżi għamlu xi sforzi biex jikkonformaw il-liġijiet tagħhom mal-istandards Komunitarji iżda minħabba li m'hemmx mekkaniżmu ta' aġġornament fir-rigward ta' dawn iż-żewġ Ftehimiet simili għal dak fis-seħħ għal Monako, il-Komunità mhijiex mgħarrfa regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji mwettqa minn San Marino u l-Vatikan. Il-Ftehim Monetarju ma' Monako fih xi elementi addizzjonali, il-biċċa l-kbira minnhom kienu diġà jagħmlu parti mill-ftehimiet ta' qabel ma' Franza. Għal kuntrarju tal-Ftehimiet Monetarji mal-Vatikan u ma' San Marino, il-Ftehim ma' Monako jistipula t- termini u l-kundizzjonijiet ta' aċċess tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra awtorizzati li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fuq it-territorju ta' Monako lis-sistema ta' saldu interbankarju u ta' pagamenti u ta' saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea . Il-Ftehimiet mal-Vatikan u ma' San Marino jispeċifikaw li l-istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu f'dawn iż-żewġ Stati jista' jkollhom aċċess għas-sistema ta' ħlas fi ħdan iż-żona tal-euro skont termini u kundizzjonijiet li jridu jiġu ddeterminati mill-Banca d'Italia bi ftehim mal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Vatikan u San Marino s'issa għadhom ma esprimewx interess biex jipparteċipaw direttament fis-sistemi ta' ħlas taż-żona tal-euro, minkejja l-eżistenza ta' settur finanzjarju f'dan tal-aħħar (il-banek li joperaw f'San Marino, għalissa, qed jaċċessaw is-sistemi ta' ħlas permezz tal-banek tal-Italja). Minħabba d-daqs tas-settur bankarju f'San Marino u l-interazzjoni mill-qrib mal-banek attivi fiż-żona tal-euro, ikun raġjonevoli li r-Repubblika ta' San Marino tiġi mistoqsija biex tikkonforma l-leġiżlazzjoni tas-settur bankarju u finanzjarju tagħha ma' dak applikabbli fl-Istati Membri taż-żona tal-euro. L-obbligi biex tiġi trasposta l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-KE fl-ordni legali domestiku u/jew biex jiġu adottati miżuri ekwivalenti huma inugwali ħafna fit-tliet pajjiżi li ffirmaw il-Ftehim Monetarju mal-Komunità. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni tajba tal-flus tal-karti u l-muniti tal-euro mill-falsifikazzjoni, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-KE għandha tiġi ssorveljata fit-tliet pajjiżi. Il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji ta' San Marino għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli bħall-kontropartijiet tagħhom fiż-żona tal-euro. San Marino għalhekk għandha tiġi mistoqsija tittrasponi l-leġiżlazzjoni tal-KE eżistenti rilevanti fid-dominju tal-banek u tal-finanzi u sabiex tikkunsidra l-aġġornamenti u l-liġijiet kollha ġodda f'dan il-qasam. Għandha ssir dispożizzjoni għal perjodu ta' tranżizzjoni ta' sentejn minħabba kemm il-kumplessità ta' din il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-kapaċitajiet amministrattivi tar-Repubblika. | 3.2. Mekkaniżmi ta' tkomplija Il-Ftehimiet Monetarji jissostitwixxu l-Konvenzjonijiet li eżistew bejn Franza u l-Italja min-naħa u Monako, il-Vatikan u San Marino min-naħa l-oħra. M'għadx hemm ftehimiet bilaterali, iżda Ftehimiet bejn pajjiżi terzi u l-Komunità Ewropea adottati abbażi tal-Artikolu 111 tat-Trattat. Monako, il-Vatikan u San Marino ngħataw d-dritt li joħorġu muniti li huma valuta legali għat-325 miljun abitant taż-żona tal-euro. L-Istati Membri taż-żona tal-euro għandhom josservaw regoli stretti li l-implimentazzjoni tagħhom hija ssorveljata mill-qrib mill-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn tal-aħħar għalhekk għandu jkollhom rwol xieraq fl-aġġornament tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet Monetarji. Il-Ftehim Monetarju ma' Monako jipprevedi Kumitat Konġunt li huwa impenjat li jiffaċilita l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-Ftehim. Huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Prinċipalità ta' Monako, Franza, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew u jkollu laqgħat ġeneralment darba fis-sena. Waqt il-laqgħat, il-partijiet jiddiskutu l-progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-emendi possibbli għall-Annessi li jelenkaw il-leġiżlazzjoni li trid tiġi trasposta. Il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-flus u l-muniti tal-euro u fl-implimentazzjoni tal-miżuri leġiżlattivi rilevanti hija wkoll eżaminata regolarment min-naħa tal-Kumitat. F'kuntrast mal-proċedura prevista għall-Ftehim ma' Monako, ma saret l-ebda dispożizzjoni għall-proċedura ta' aġġornament fil-Ftehimiet iffirmati ma' San Marino u l-Vatikan. Fin-nuqqas ta' aġġornament regolari formali, San Marino u l-Vatikan mhux qegħdin jirrapportaw b'mod regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet. Il-kompatibilità tal-leġiżlazzjoni tagħhom mal-obbligi li jiġu mal-Ftehimiet Monetarji ma għaddietx minn skrutinju, lanqas ma kienu mgħarrfa sew dwar l-iżviluppi fl-oqsma koperti minn dawn tal-aħħar. Bil-ħsieb tat-tħejjija ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni u l-BĊE organizzaw laqgħa informali mar-rappreżentanti tat-tliet Stati f'Marzu 2009. Id-djalogi mar-rappreżentanti ta' Monako u ta' San Marino kienu kostruttivi filwaqt li l-Belt tal-Vatikan kien inqas miftuħ għal skambju ta' fehmiet u tagħrif, Il-Ftehimiet mal-Vatikan u San Marino ma joffrux pjattaforma għal diskussjoni regolari tat-tħaddim tagħhom. Fin-nuqqas ta' laqgħat regolari, l-awtoritajiet ta' San Marino u l-Vatikan qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex iżommu kont tal-leġiżlazzjoni adottata dan l-aħħar fl-oqsma koperti bil-Ftehimiet u l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jissorveljaw sew l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet. Il-Kummissjoni għalhekk tissuggerixxi li toħloq żewġ kumitati konġunti – simili għal dak eżistenti mal-Prinċipalità ta' Monako - mal-Belt tal-Vatikan u r-Repubblika ta' San Marino. Il-Kumitati għandhom jiġbru r-rappreżentanti ta' San Marino/il-Vatikan, l-Italja, il-Kummissjoni u l-BĊE u jiltaqgħu mill-inqas darba fis-sena sabiex jissorveljaw il-progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet u l-emendi possibbli tagħhom. | 3.3. Klawsola ta' salvagwardja fil-każ ta' nuqqas serju fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet Bl-iffirmar tal-Ftehimiet Monetarji mal-Komunità, it-tliet Stati impenjaw irwieħhom b'għadd ta' impenji bi skambju għad-dritt li tintuża l-euro bħala l-valuta nazzjonali tagħhom u joħorġu l-muniti tal-euro. Filwaqt li l-UE għandha l-possibilità li tniedi proċedura ta' ksur meta Stat Membru jonqos li jaqdi l-obbligi tiegħu, il-Ftehimiet preżenti ma taw l-ebda vantaġġi lill-Komunità fil-każ li l-pajjiż li jkun iffirma Ftehim ma jaqdix l-obbligi tiegħu (minbarra l-aħħar – u għalhekk x'aktarx li ma sseħħx - possibilità ta' rtirar unilaterali mill-Ftehim). Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-UE għandha titħalla tiddeċiedi fuq sospensjoni temporanja tad-dritt li jinħarġu l-muniti tal-euro fil-każ ta' ksur persistenti (pereżempju li jdum sentejn) u ksur serju tal-obbligi li jiġu mal-Ftehimiet Monetarji. Is-sospensjoni temporanja tad-dritt tal-ħruġ (eż. għal falliment persistenti biex tiġi trasposta l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti) għandha tiġi wara diversi twissijiet u skambji ta' fehmiet. | 3.4. Limiti għall-ħruġ tal-muniti tal-euro Monako, il-Vatikan u San Marino huma intitolati li joħorġu muniti tal-euro li jkollhom l-uċuh nazzjonali ta' pajjiżhom u għandhom l-status ta' valuta legali madwar iż-żona kollha tal-euro. Għal raġunijiet storiċi, il-limiti għal ħruġ massimu annwali kienu iffissati f'bosta modi differenti[8]. Monako hija awtorizzata li toħroġ massimu ta' 1/500 mill-kwantità ta' muniti ffabbrikati fi Franza (jiġifieri ta' muniti tal-euro bl-uċuh nazzjonali Franċiżi). Fl-2009, kien awtorizzat li jinħarġu muniti tal-euro bil-valur nominali totali ta' EUR 221 094. Il-limiti ta' San Marino u l-Vatikan jikkonsistu minn ammonti fissi u huma adattati kull sentejn biex jirriflettu l-bidliet fl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur fl-Italja. Iż-żewġ limiti kienu bbażati fuq il-limiti ta' ħruġ użati fil-ftehimiet pre-euro mal-Italja u ma kinux marbuta mal-ebda varjabbli reali, bħall-għadd ta' abitanti, il-PGD jew il-ħruġ tal-muniti tal-euro fl-Istati Membri taż-żona tal-euro. Għall-2008 u l-2009, dawn kienu ffissati għal EUR 2 183 112 għal San Marino u EUR 1 074 000 għall-Vatikan. L-Istat tal-Belt tal-Vatikan jista' joħroġ volumi addizzjonali ta' muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni għall-okkażjonijiet speċjali (ara t-Taqsima 2.1). It-tliet pajjiżi s'issa kollha rrispettaw b'mod strett il-limiti ta' ħruġ tagħhom. Iċ-ċifri per capita proprji jissuġġerixxu li l-limiti ta' ħruġ għall-pajjiżi li ffirmaw il-Ftehimiet Monetarji mal-Komunità huma ġenerużi. Sa minn Settembru 2008, il-valur tal-muniti maħruġa għal kull abitant ammontaw għal EUR 7 028 fil-Vatikan, EUR 422 f'San Marino u EUR 190 f'Monako. Waqt l-istess perjodu (2002-2008), il-ħruġ medju tal-Istati Membri taż-żona euro laħaq it-EUR 63 per capita (għad-dettalji ara l-Anness I). Kwoti ogħla ta' ħruġ minn dak li jkun proporzjonali għall-għadd ta' abitanti jista' madankollu jiġi ġġustifikat minn domanda relattivament ogħla għal u l-assorbiment ta' dawn il-muniti li tinħoloq mis-suq tal-kollezzjonisti tal-muniti. Madankollu, il-muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni huma primarjament strument ta' ħlas. Għandhom jiċċirkolaw b'mod ħieles fis-suq u jintużaw għall-ħlasijiet. Il-muniti għaċ-ċirkolazzjoni assorbiti min-naħa tal-kollezzjonisti tal-muniti ma jservux l-għan oriġinali tagħhom iżda jintużaw esklussivament bħala oġġetti ta' kollezzjoni. Bil-ħsieb li titħalla ssir xi ċirkolazzjoni tal-muniti tagħhom, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jiżdiedu l-limiti ta' ħruġ għat-tliet pajjiżi li ffirmaw il-Ftehim Monetarju. Il-limiti ġodda għandhom jiġu kkalkulati skont il-metodu uniformi ġdid li jagħti trattament ugwali lit-tliet pajjiżi. Il-Ftehimiet Monetarji oriġinali de facto taw trattament ħafna inqas favorevoli lil Monako milli lil San Marino u l-Vatikan. Bħala konsegwenza ta' dan, Monako attwalment toħroġ mal-wieħed għal kull għaxra mill-għadd ta' muniti li joħroġ San Marino u wieħed għal kull ħamsa minn dawk maħruġa mill-Vatikan, għalkemm il-popolazzjoni ta' Monako hija l-ikbar fost it-tliet pajjiżi u l-Ftehim Monetarju jinkludi l-ikbar għadd ta' obbligazzjonijiet. Limitu ġdid għas-sena (n) għandu jkun magħmul minn parti fissa u waħda varjabbli: 1. Il-parti fissa għandha timmira li tkopri d-domanda tal-kollezzjonisti tal-muniti. Skont l-estimi komuni, valur totali ta' madwar EUR 2 100 000 għandu jkun suffiċjenti biex ikopri d-domanda tas-suq tal-kollezzjonisti[9]. 2. Il-parti varjabbli tista' tkun ibbażata fuq il-ħruġ medju per capita fiż-żona tal-euro. L-għadd medju ta' muniti per capita maħruġ fl-(n-1) fiż-żona tal-euro għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta' abitanti ta' pajjiż li jkun iffirma Ftehim Monetarju. Simulazzjoni tal-limiti tal-2009 kkalkulati abbażi ta' dan il-metodu tidher fit-Tabella 1. Tabella 1: Limiti ta' ħruġ ikkalkulat abbażi ta' metodu uniformi (eżempju tal-2009) San Marino | 30 324 | 109 470 | 2 100 000 | 2 209 470 | 2 183 112 | Il-Vatikan | 826 | 2 952 | 2 100 000 | 2 102 952 | 1 074 000 | Il-metodu l-ġdid għandu jżid b'mod sinifikanti l-limitu għall-ħruġ tal-muniti f'Monako: minn madwar EUR 220 000 għal madwar EUR 2 220 000. Il-limitu tal-Vatikan għandu kważi jirdoppja minn EUR 1 074 000 għal iktar minn EUR 2 100 000. Iż-żieda fil-limiti tal-ħruġ għandha, madankollu, tkun fuq kundizzjoni ta' konformità mar-'Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni l-ġdida[11], approvata mill-Kunsill fl-10 ta' Frar 2009. Għaldaqstant, il-muniti kollha tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni għandhom jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni bil-valur nominali bl-eċċezzjoni ta' proporzjon żgħir ta' muniti maħruġa li jistgħu jinbigħu għal prezz ogħla jekk iġġustifikati b'raġunijiet bħal xi kwalità jew ippakkjar speċjali. Kemm Monako kif ukoll San Marino jirrispettaw din ir-regola: Monako tiddistribwixxi il-maġġoranza tal-muniti tagħha mħallta f'rollijiet ta' muniti mal-muniti tal-euro ta' pajjiżi oħra taż-żona tal-euro lill-banek ta' Monako. San Marino jissupplixxi xi 70% tal-muniti tiegħu lill-banek fit-territorju tiegħu mingħajr ma jħallathom ma' muniti tal-euro ta' pajjiżi oħra. Bil-ħsieb li jipprevjeni xirjiet kbar ta' muniti ta' San Marino fil-banek lokali mill-kollezzjonisti tal-muniti, soluzzjoni possibbli għandha tkun li jitħalltu ma' muniti tal-euro minn pajjiżi oħra qabel ma jintbagħtu fil-banek. L-ikbar tibdil min-naħa tal-prattiki attwali se jkunu meħtieġa min-naħa tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan, li joħroġ kważi l-muniti kollha tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni f'settijiet għall-kollezzjonisti (fiż-żona tal-euro inqas minn 1% tal-muniti jinbigħu iktar mill-valur nominali f'settijiet ta' muniti). Metodu komuni ġdid jista' jkun applikabbli wkoll għal xi ftehim monetarju potenzjali fil-futur[12]. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tintroduċi metodu ġdid biex tikkalkula l-limiti tal-ħruġ, li jqiegħed lill-pajjiżi kollha li jkunu ffirmaw l-Ftehim Monetarju mal-Komunità fuq l-istess livell. Il-metodu komuni għandu jiżgura trattament ġust u jikkunsidra d-domanda ġġenerata mill-kollezzjonisti tal-muniti, bil-ħsieb li jiżgura xi ċirkolazzjoni effettiva taċ-ċirkolazzjoni tal-euro maħruġa minn dawn il-pajjiżi. | 3.5. Regoli għall-istampar tal-muniti tal-euro Il-Ftehim Monetarju ma' Monako jirreżerva d-dritt taz-Zekka nazzjonali ta' Franza biex tipproduċi l-muniti tal-euro ta' Monako, filwaqt li l-muniti tal-Vatikan u ta' San Marino jistgħu jiġu ffabbrikati biss miz-Zekka tal-Italja. Din ir-regola ġiet introdotta għal raġunijiet storiċi fi żmien meta l-karti tal-flus tal-euro kienu għadhom ma ġewx fiċ-ċirkolazzjoni u kważi l-pajjiżi kollha tal-euro kienu qed jiffabbrikaw il-muniti tal-euro għall-bżonnijiet tagħhom biss, bi ftit wisq kooperazzjoni fil-produzzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet. Il-qagħda issa evolviet, b'għadd ta' pajjiżi taż-żona tal-euro llum li għandhom il-muniti tagħhom iffabbrikati f'pajjiż ieħor fiż-żona tal-euro u xi muniti tax-xiri minn stokkijiet barranin. De facto, għadd kbir ta' Zekek taż-żona tal-euro żviluppaw attività wiesgħa kummerċjali u dinamika ta' produzzjoni ta' muniti għal pajjiżi oħra Ewropej u non-Ewropej[13]. Għalkemm l-arranġamenti eżistenti ta' Monako, San Marino u l-Vatikan maz-Zekek ta' Franza u tal-Italja jidhru li jaħdmu sew, illum m'hemm l-ebda raġjuni mil-lat tal-liġi tal-UE biex jinżamm monopolju ta' ċerti Zekek nazzjonali għall-produzzjoni tal-muniti meħtieġa għall-implimentazzjon ita' ftehim bejn il-Komunità u pajjiż terz. Monopolju bħal dan imur totalment kontra l-ispirtu tat-Trattat u joħloq de facto diskriminazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll iz-zekek l-oħra taż-żona tal-euro jiġu mċaħħda d-dritt leġittimu li jagħmlu offerta biex jistampaw il-muniti meħtieġa minn Monako, il-Vatikan u San Marino. Iz-zekek taż-żona tal-euro għandhom jingħataw l-opportunità li jagħmlu offerta lit-tliet pajjiżi kkonċernati għall-produzzjoni tal-muniti tal-euro tagħhom, u Monako, il-Vatikan u San Marino għandhom jitħallew jagħżlu b'mod ħieles il-kuntrattur li jixtiequ minn fosthom[14]. | 4. KONKLUżJONIJIET Il-Kummissjoni ġiet mistiedna mill-Kunsill biex tirrevedi t-tħaddim tal-Ftehimiet Monetarji. Wara eżaminazzjoni dettaljata tal-Ftehimiet, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li temendahom bil-ħsieb li tinkludi l-elementi li ġejjin: 3. Li tiġi żgurata iktar ugwaljanza fir-rigward tal-obbligi tal-pajjiżi li jkunu ffirmaw il-Ftehimiet Monetarji mal-Komunità; 4. Li jinħoloq mekkaniżmu ta' aġġornament xieraq għat-tliet Ftehimiet kollha; 5. Li tiġi introdotta l-possibbiltà li jiġi sospiż d-dritt li jinħarġu muniti tal-euro fil-każ ta' ksur persistenti u serju tal-obbligi li l-Ftehim jinvolvi; 6. L-introduzzjoni ta' metodu komuni għall-kalkolazzjoni tal-limiti tal-ħruġ tal-muniti tal-euro u li jiġu rreveduti kif jixraq; 7. Li z-Zekek taż-żona tal-euro jitħallew jagħmlu l-offerta tagħhom għall-produzzjoni tal-muniti ta' Monako, il-Vatikan u San Marino, u li jitħalla f'idejn dawn tal-aħħar li jagħżlu b'mod ħieles il-kuntrattur li jixtiequ minn fosthom. Mandat għan-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim Monetarju ma' Monako jista' jingħata lill-Kummissjoni u Franza b'assoċjazzjoni mal-BĊE waqt li l-Ftehimiet Monetarji ma' San Marino u l-Vatikan jistgħu jiġu nnegozjati mill-ġdid mill-Kummissjoni u l-Italja, b'assoċjazzjoni mal-BĊE. ANNESS I Ħruġ Kumulattiv tal-Muniti f-aħħar tal-2008 [15] San Marino | 30 324 | 24 074 | 794 | 12 808 | 422.38 | Il-Vatikan | 826 | 5 461 | 6 611 | 5 806 | 7 028.77 | Iż-żona tal-euro | 323 186 285 | 82 033 879 | 254 | 20 399 071 | 63.12 | BE | 10 741 048 | 3 227 578 | 300 | 1 168 911 | 108.83 | DE | 82 062 249 | 23 406 690 | 285 | 5 689 889 | 69.34 | IE | 4 517 758 | 4 096 719 | 907 | 697 268 | 154.34 | EL | 11 262 539 | 2 190 838 | 195 | 661 998 | 58.78 | ES | 45 853 045 | 14 198 243 | 310 | 3 419 593 | 74.58 | FR | 64 105 125 | 12 485 491 | 195 | 2 439 620 | 38.06 | IT | 60 090 430 | 11 526 576 | 192 | 3 635 354 | 60.50 | CY | 801 622 | 217 011 | 271 | 73 282 | 91.42 | LU | 491 702 | 513 019 | 1043 | 181 312 | 368.74 | MT | 412 614 | 110 173 | 267 | 31 244 | 75.72 | NL | 16 481 139 | 2 829 555 | 172 | 539 189 | 32.72 | AT | 8 356 707 | 3 918 946 | 469 | 959 720 | 114.84 | PT | 10 631 800 | 2 012 771 | 189 | 416 684 | 39.19 | SI | 2 053 393 | 159 550 | 78 | 39 906 | 19.43 | FI | 5 325 115 | 1 140 716 | 214 | 445 100 | 83.59 | [1] Id-Dikjarazzjoni Nru 6 li tikkonċerna r-relazzjonijiet monetarji ma' San Marino, il-Vatikan u Monako. [2] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar 'Linji gwida komuni għall-uċuh nazzjonali u l-ħruġ tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni', fl-2922 laqgħa tal-Kunsill ECOFIN tal-10 ta' Frar 2009. [3] Il-franki Franċiżii kellhom l-istatus ta' valuta legali f'Monako sa mill-1925. Il-Prinċipalità kienet qed tuża l-karti tal-flus u l-muniti tal-franki Franċiżi u kienet intitolata biex toħroġ il-muniti franki tagħha sa ċertu limitu (huma kienu valuta legali biss ġewwa t-territorju ta' Monako). Ir-rabtiet monetarji bejn l-Italja u San Marino ġew regolati mill-Konvenzjoni tal-Ħbiberija u tal-Viċinat Tajjeb iffirmati fl-1939, u l-Konvenzjoni Monetarja li tirregola r-relazzjonijiet monetarji bejn l-Italja u l-Vatikan ġew iffirmati fl-1929. Iż-żewġ konvenzjonijiet setgħu jiġġeddu kull għaxar snin u intitolaw lil San Marino u l-Vatikan biex joħorġu muniti tal-lira li kellhom status legali fl-Italja. [4] Il-Ftehim Monetarju bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża, f’isem il-Komunità Ewropea, u l-Gvern tal-Altezza Serenissima Tiegħu l-Prinċep ta' Monako (ĠU L 142 tal-31 ta' Mejju 2002). [5] Ftehim Monetarju bejn ir-Repubbliku Taljana, min-naħa tal-Komunità Ewropea, u r-Repubblika ta' San Marino (ĠU C 209 tas-27.7.2001). Ftehim Monetarju bejn ir-Repubblika Taljana, f'isem il-Komunità, l-Istat tal-Belt tal-Vatikan u, f'ismu, is-Santa Sede , (ĠU C 299 tal-25.10.2001). [6] Unità monetarja użata fil-penisula Apennina sas-seklu 19. [7] Deċiżjoni ta' Qafas tad-29 ta' Mejju 2000 dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta' pieni kriminali u sanzjonijiet oħra (2000/383/JHA, ĠU L 140, 14.6.2000) u r-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar (1338/2001, ĠU L 181, 4.7.2001). [8] Il-Ftehimiet Monetarji inkorporaw il-metodoloġija li kienet intużat biex tiffissa l-limiti tal-ħruġ fil-Konvenzjonijiet Monetarji li eżistew qabel l-introduzzjoni tal-euro. [9] Pereżempju San Marino kkonċentra fuq l-istampar ta' xi muniti bid-denominazzjoni tal-euro u kiseb xi suċċess: dawn il-muniti issa qed jintużaw bil-valur nominali tagħhom għal tranżazzjonijiet. [10] Fl-2008, il-ħruġ medju nett fiż-żona tal-euro kien ta' EUR 3.61 per capita. [11] Ara n-nota fil-qiegħ 2. [12] Qed jiġi diskuss ftehim mzl-Prinċipalità ta' Andorra. [13] 10 muniti għall-esportazzjoni taz-Zekek taż-żona tal-euro. [14] Dak il-pajjiż li z-Zekka tiegħu tkun se tipproduċi l-muniti tal-euro għal pajjiż li jkun iffirma Ftehim Monetarju għandu jżid dawn il-muniti mal-volum ta' muniti li jkun qed jippjana li joħroġ għall-użu tiegħu stess għall-għan ta' approvazzjoni min-naħa tal-BĊE tal-volum totali tal-ħruġ, f'konformità mal-prattika eżistenti. Id-drittijiet ta' ħruġ tal-Istat Membru fiż-żona tal-euro fil-kwistjoni ma jitnaqqsux, billi l-volum ta' ħruġ ma kellux limitu a priori . [15] Sorsi: BĊE (ħruġ nett kumulattiv) għall-pajjiżi tal-UE; istituzzjonijiet rilevanti fi Franza u l-Italja għall-pajjiżi terzi. [16] Sors: Eurostat għal pajjiżi tal-UE; Ktieb ta' fatti CIA (estimi ta' Lulju 2009) għall-pajjiżi terzi