52009PC0337

Abbozz preliminari tal-baġit ta' emenda nru 8 għall-baġit ġenerali tal-2009 - Dikjarazzjoni tal-infiq taqsima b’taqsima - Taqsima III : Il-Kummissjoni /* KUMM/2009/0337 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 3.7.2009

KUMM(2009) 337 finali

ABBOZZ PRELIMINARI TAL-BAĠIT TA' EMENDA Nru 8 GĦALL-BAĠIT ĠENERALI TAL-2009

DIKJARAZZJONI TAL-INFIQ TAQSIMA B’TAQSIMA Taqsima III – Il-Kummissjoni

ABBOZZ PRELIMINARI TAL-BAĠIT TA' EMENDA Nru 8GĦALL-BAĠIT ĠENERALI TAL-2009

DIKJARAZZJONI TAL-INFIQ TAQSIMA B’TAQSIMATaqsima III – Il-Kummissjoni

Wara li kkunsidrat:

- it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 272 tiegħu,

- it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 177 tiegħu,

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1525/2007[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Il-Kummissjoni Ewropea hawnhekk tippreżenta lill-awtorità tal-baġit l-Abbozz Preliminari tal-Baġit ta’ Emenda Nru 8 għall-baġit tal-2009.

WERREJ

1. Introduzzjoni 4

2. Bluetongue 4

3. Reattur ta’ Fluss Għoli 5

4. EUROPOL 6

5. EUROJUST 7

6. OLAF 8

TABELLA FIL-QOSOR SKONT L-INTESTATURA TAL-QAFAS FINANZJARJU 10

TIBDILIET FID-DIKJARAZZJONI TAL-INFIQ TAQSIMA B’TAQSIMA

It-tibdil fid-dikjarazzjoni tal-infiq taqsima b'taqsima jintbagħat separatament permezz tas-sistema SEI-BUD. Verżjoni bl-Ingliż tat-tibdil għad-dikjarazzjoni ġenerali tad-dħul hija mehmuża għall-informazzjoni bħala anness tal-baġit.

1. Introduzzjoni

L-Abbozz Preliminari tal-Baġit ta’ Emenda (APBE) Nru 8 għas-sena 2009 jkopri l-elementi li ġejjin:

- Żjieda ta’ EUR 49 340 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenn għall-partita tal-baġit 17 04 01 01 Eradikazzjoni tal-mard tal-annimali u programmi ta’ monitoraġġ u monitoraġġ tal-kundizzjonijiet fiżiċi tal-annimali li jistgħu jipperikolaw is-saħħa pubblika marbutin ma’ fattur estern – Miżuri ġodda. Din iż-żjieda hija maħsuba biex issaħħaħ il-baġit għall-eradikazzjoni tal-marda bluetongue.

- Il-ħolqien tal-partita tal-baġit 10 04 04 02 It-tħaddim tar-reattur ta’ fluss għoli (HFR) — Programmi supplimentari HFR (2009 sa 2011), bi “p.m.”

- Il-ħolqien tal-partita tal-baġit 18 05 02 03 Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija – spejjeż ta’ transizzjoni, li għandha tiġi fornita bl-ammont ta’ EUR 1 250 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenn u għall-ħlasijiet. Dawn l-approprjazzjonijiet għandhom jittieħdu mill-artikolu tal-baġit 18 05 09 Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità.

- It-tisħiħ tas-sussidju tal-Komunità lil EUROJUST bi EUR 3 900 000, li minnhom tipproponi li EUR 1 600 000 ikunu koperti minn dħul assenjat ġej mill-irkupru żejjed tal-EUROJUST għas-sena finanzjarja 2008. Għalhekk, it-talba għal approprjazzjonijiet ta’ impenn ġodda f’dan il-baġit ta’ emenda tammonta għal EUR 2 300 000. L-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet korrispondenti se jiġu minn Artikolu 18 06 07 tal-programm tal-Ġustizzja Ċivili.

- Tibdiliet għall-pjan ta’ stabbiliment tal-OLAF, mingħajr dispożizzjonijiet finanzjarji addizzjonali.

L-impatt finanzjarju nett għal dan il-baġit ta’ emenda huwa ta’ EUR 51 640 000 f’impenji ġodda, mingħajr ebda talba ġdida għal approprjazzjonijiet tal-ħlasijiet.

2. Bluetongue

Mit-tieni nofs tal-2006 ’l hawn il-bluetongue serotip 8 u wara serotip 1 feġġet f’diversi Stati Membri. Il-bluetongue hija marda li tinġarr minn vektor u li għaliha l-qtil tal-annimali tal-ispeċi suxxettibbli, b’mod ġenerali, mhuwiex miżura xierqa ħlief fil-każ tal-annimali milquta mill-bluetongue klinikament. It-tixrid ta’ din il-marda jirrappreżenta periklu serju għall-popolazzjoni tal-bhejjem tal-Komunità.

It-tilqim huwa l-iktar miżura veterinarja effiċjenti li tista’ tintuża biex tiġġieled il-bluetongue, u kampanja kbira ta’ emerġenza għat-tilqim hija l-aħjar għażla biex jinkisbu l-għanijiet li jitnaqqas il-mard kliniku u l-mewt, jitwaqqaf it-tixrid tal-marda, jiġu protetti t-territorji ħielsa fl-Istati Membri u jkun iffaċilitat il-kummerċ sikur tal-annimali ħajjin.

Biex it-tixrid tal-marda jiġi evitat kemm jista’ jkun malajr, il-Komunità kkontribwiet finanzjarjament għall-ispejjeż tal-Istati Membri għall-miżuri ta’ emerġenza li ħadu biex jikkumbattu l-marda, kif previst fid-Deċiżjoni 90/424/KEE[3]. L-ispiża totali tal-azzjoni ta' tilqim imsemmija hawn fuq kienet stmata EUR 130 miljun għall-2008. Dan l-ammont sar disponibbli permezz tal-Baġit ta’ Jemenda 3/2008[4].

Fil-kuntest tal-Ittra ta’ Emenda Nru 2 għall-Abbozz Preliminari tal-Baġit (PDB) 2009[5], il-Kummissjoni indikat li kien se jkun neċessarju li jiġu riveduti l-ħtiġiet baġitarji tal-2009 għall-eradikazzjoni tal-marda bluetongue, wara anliżi tal-eżekuzzjoni u l-valutazzjoni li saret tas-sitwazzjoni li kienet qed tiżviluppa. F’dak iż-żmien kien mistenni li se jkunu meħtieġa EUR 100 miljun addizzjonali fuq it-EUR 62 miljun proposti li jkunu meħtieġa mill-PDB tal-2009.

Abbażi tat-talbiet aġġornati mill-Istati Membri u l-ammonti li għadhom mhux allokati, il-Kummissjoni qed tfittex impenji addizzjonali ta’ EUR 49 340 000. L-ebda approprjazzjoniji ta’ ħlas addizzjonali m’hi meħtieġa fl-2009.

3. REATTUR TA’ FLUSS GħOLI

Nhar id-19 ta' Frar 2004, il-Kunsill adotta programm supplimentari ta’ riċerka ta' tliet snin li kellu jkun implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2004-2006) dwar it-tħaddim tar-Reattur ta' Fluss Għoli (l-HFR) tal-Komunità li jinsab f’Petten (l-Olanda). Nhar is-26 ta’ Novembru 2007, il-Kunsill adotta estensjoni ta’ sena (għall-2007) għal dan il-programm supplimentari. Għaldaqstant, dan il-programm għalaqlu żmienu fil-31 ta' Diċembru 2007. It-tħaddim tal-HFR kompla matul l-2008 mingħajr programm supplimentari ta’ riċerka, filwaqt li saru sforzi sabiex it-tħaddim u l-isfruttar tiegħu jissejsu fuq reġim legali indipendenti u iktar sod. Minħabba li dawk l-isforzi fallew, kien hemm il-ħtieġa ta’ sostenn finanzjarju kontinwat taħt programm supplimentari ġdid tar-riċerka.

Il-programm supplimentari ġdid tar-riċerka dwar it-tħaddim tar-reattur ta’ fluss għoli f’Patten (HFR) ġie adottat għal perjodu ta’ tliet snin, mill-1 ta’ Jannar 2009[6].

Fi żmien il-proċedura tal-baġit tal-2009 ma kienx possibbli li jkun previst iż-żmien għal din id-deċiżjoni u ma ġie inkluż ebda partita baġitarja għaliha fl-2009. Hekk kif evolvew in-negozjati, sar possibbli li jsir pjan għal dan il-programm fil-PDB tal-2010. Madanakollu, issa qed jiġi kkunsidrat għall-2009.

L-għanijiet xjentifiċi u teknoloġiċi prinċipali ta’ dan il-programm huma dawn li ġejjin:

- Li jkun żgurat it-tħaddim sikur u affidabbli tar-reattur ta’ fluss għoli (l-HFR), sabiex tkun żgurata d-disponibbiltà tal-fluss tan-newtroni għal għanijiet tal-esperimenti.

- Li jitħalla jsir użu effiċjenti tal-HFR mill-istituti tar-riċerka f’firxa wiesgħa ta’ dixxiplini: fit-titjib tas-sikurezza tar-reatturi nukleari eżistenti, fis-saħħa, inkluż l-iżvilupp ta’ iżotopi mediċi sabiex jitwieġbu mistoqsijiet tar-riċerka medika, fil-fużjoni nukleari, fir-riċerka u t-taħriġ fundamentali, u fil-ġestjoni tal-iskart, inkluża l-possibbiltà li tiġi studjata l-imġiba tas-sikurezza tal-fjuwils nukleari għall-ġenerazzjoni l-ġdida tas-sistemi tar-reatturi.

Ir-reattur jintuża wkoll għall-produzzjoni kummerċjali tar-radjuiżotopi għal iktar minn 60% tal-10 miljun djanjosi medika mwettqa kull sena fl-Ewropa. Ir-rendiment tiegħu jagħmlu apparat importanti għall-kumpaniji farmaċewtiċi Ewropej f’dan il-qasam. Barra minn hekk, minħabba li jinsab fl-Ewropa, il-produzzjoni tar-reattur hija diretta b'ħeffa lejn iċ-ċentri tal-mediċina fl-Ewropa. Dan huwa importanti ferm għall-iżotopi ta' ħajja qasira li qed jintużaw l-iktar bħalissa.

L-HFR iservi wkoll bħala faċilità tat-taħriġ għal studenti li jkunu qed jagħmlu d-dottorat jew studju ta' wara d-dottorat u li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet tar-riċerka tagħhom permezz ta' programmi nazzjonali jew Ewropej.

F’dan il-programm supplementari huwa indikat li l-kontribuzzjoni se tiġi minn tliet Stati Membri parteċipanti, cioè l-Olanda, Franza u l-Belġju, bħala l-kontribuzzjonijiet għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-forma ta’ dħul assenjat.

Il-Kummissjoni mhix se tikkontribwixxi għal-ispejjeż tat-tħaddim tal-HFR minn fondi tal-baġit tagħha. Madanakollu, il-Kummissjoni teħtieġ toħloq “punt tad-dħul” għal dan il-programm permezz ta’ entrata pro memorja “p.m.” fil-partita ġdida tal-baġit 10 04 04 02 Tħaddim tar-reattur ta’ fluss għoli (HRF) – Programmi supplimentari HFR (2009-2011).

4. EUROPOL

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/JAI[7] li tistabbilixxi l-EUROPOL kienet formalment adottata fis-6 ta’ April 2009. Skont din id-Deċiżjoni, l-EUROPOL – li s’issa kien iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri – għandu jopera bħala aġenzija tal-UE, taħt finanzjament tal-Komunità mill-1 ta’ Jannar 2010.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tinkludi dispożizzjoni għall-iffinanzjar mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea ta’ parti mill-ispejjeż li saru mill-EUROPOL fl-2009 li joħorġu mit-tranżizzjoni għall-qafas finanzjarju ġdid.

Il-Europol ipprovdiet elenku dettaljat tal-ispejjeż li għamlet fl-2009, li jammontaw għal EUR 1 337 000. L-ispiża li teħtieġ tkun koperta tinkludi, inter alia :

- l-ingaġġ ta’ persunal temporanju li jittratta piż għoli ta’ xogħol (iħejji, flimkien mal-volum normali tax-xogħol, l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ġodda),

- l-ispejjeż ta’ traduzzjoni ta’ diversi Deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Ġestjoni fil-lingwi uffiċjali Ewropej kollha,

- It-teknoloġija tal-Informazzjoni u l-ispejjeż tal-vjaġġi.

Il-Kummissjoni tipproponi, kif stipulat fl-att bażiku, li tkopri parti minn dawn l-ispejjeż tranżizzjonali li jammontaw għal EUR 1 250 000, li jiddaħħlu taħt partita ġdida tal-baġit 18 05 02 03 – Uffiċċju Ewropew tal-Puliżija – spejjeż ta’ tranżizzjoni.

L-iffinanzjar ta’ dawn l-ispejjeż mhux se jħallu impatt fuq il-marġini tal-intestatura 3a, minħabba li kemm l-approprjazzjonijiet għall-impenn kif ukoll dawk tal-ħlasijiet se jittieħdu mill-Artikolu 18 05 09 Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità.

5. EUROJUST

Fit-22 ta’ Jannar 2009 Il-Kulleġġ tal-EUROJUST approva deċiżjoni li temenda l-baġit tiegħu tal-2009 bl-ammont ta’ EUR 5,6 miljun.

Iż-żjieda mitluba mill-EUROJUST hija maħsuba biex issaħħaħ l-ispejjeż kemm tal-amministrazzjoni kif ukoll dawk operattivi tal-aġenzija. EUROJUST teħtieġ rinforzament tal-ispejjeż tagħha operattivi għat-tieni nofs tas-sena 2009, l-iktar għall-ħtiġiet ta’ persunal (sabiex jiġi evitat dewmien fid-dati tar-reklutaġġ) u kwistjonijiet ta’ siġurtà (għall-bini l-ġdid HV1). Barra minn dan, il-ħidma essenzjali tal-EUROJUST teħtieġ tiġi msaħħa permezz ta’ sostenn kontinwu u faċilitazzjoni ta’ kooperazzjoni transkonfinali f’każi tal-EUROJUST. Fl-aħħarnett, il-EUROJUST teħtieġ tħallas l-ispejjeż li għad fadal tal-hekk imsejjaħ pakkett “built-in” għall-bini l-ġdid, kif spjegat f’iktar dettal hawn taħt.

Ma’ dan il-baġit emendatorju u wara analiżi dettaljata, il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ is-sussidju tal-Komunità lill-EUROJUST b’EUR 3,9 miljuni.

L-analiżi dettaljata li saret mill-Kummissjoni wasslet biex l-ammont mitlub jinqasam f’żewġ partijiet: prijorità u mhux prijorità. Il-Kummissjoni qed tipproponi li taċċetta dawk l-ispejjeż imsejħa mill-aġenzija bħala prijorità.

Dan għandu jwassal is-sussidju tal-Komunità għall-2009 minn EUR 22,5 miljun għal EUR 26,4 miljun. It-tisħiħ propost huwa elenkat taħt Titolu kif ġej:

Titolu 1: EUR 1.24 miljun

Il-krediti kurrenti taħt Titolu 1 huma biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għas-salarji sal-aħħar tas-sena għall-130 Aġenti Temporanji kollha (TA) u t-12-il Aġent Kuntrattwali (CA) li bħalissa huma fis-servizz. Sal-aħħar tas-sena EUROJUST għandha l-ħsieb li tirrekluta 14-il Aġent Temporanju addizzjonali (li jwasslu għal total ta’ 144), fil-limiti tal-pjan ta’ stabbililment kif awtoizzat bħalissa, kif ukoll 30 Aġent Kuntrattwali (total ta’ 42), li kienu previsti mit-talba fil-PDB tal-Aġenzija għall-2009. L-approprjazzjonijiet addizzjonali għal persunal huma intiżi li jkopru s-salarji ta' dawn il-membri ġodda (EUR 940 000), kif ukoll għal servizzi klerikali u interim sabiex tkun żgurata l-kontinwità finanzjarja (EUR 300 000).

Titolu 2: EUR 1,75 miljun, li minnhom EUR 1,1 miljun għall-pakkett “built-in” għad iridu jitħallsu u EUR 0,65 miljun għal spejjeż ta’ sigurtà.

Kif propost mill-Istat Membru li qed jospita, kien deċiż li bejn l-2008 u l-2012 l-EUROJUST timxi (parti mill-aġenzija imxiet fl-1/12/2008) għal bini ġdid f’"Haagse Veste 1" (HV1), li EUROJUST taqsam mal-Qorti Kriminali Internazzjonali. F’Ottubru 2008, intlaħaq ftehim mal-Istat Membru li qed jospita dwar din iċ-ċaqliqa, speċjalment rigward l-hekk imsejjaħ pakkett “built-in” li jkopri l-ispejjeż tal-forniment tal-bini l-ġdid (il-ħitan, il-paviment, il-bibien, il-faċilitajiet ta’ server tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni) għal spiża totali ta’ EUR 3,5 (stima riveduta). Filwaqt li EUROJUST diġà seta’ jiffinanzja parti minn din l-ispiża permezz tal-baġit tal-2008, għad baqa’ ammont ta’ EUR 1,1 miljun li jrid jiġi ffinanzjat fl-2009, li ma kienx previst fil-baġit tal-2009.

Minħabba li l-ftehim jipprevedi wkoll li l-EUROJUST tieħu fuqha l-ispejjeż kollha tas-sigurtà għall-bini HV1, huwa meħtieġ rinfurzar għar-reklutaġġ tal-persunal ta’ sigurtà neċessarju (dawn l-ispejjeż se jinqasmu mal-Qorti Kriminali Internazzjonali). L-allokazzjoni preżenti tkopri biss il-ħtiġiet ta’ erba’ xhur u nofs, u għalhekk qed jintalab rinfurzar ta’ EUR 0,65 miljun.

Titolu 3: EUR 0,91 miljun

Dan jikkonċerna l-partiti li ġejjin:

- ir-rinfurzar ta’ laqgħat ta’ koordinazzjoni minħabba ż-żjieda ta’ 30% fl-għadd tal-każi tal-EUROJUST (EUR 400 000);

- il-ħtieġa ta’ espert nazzjonali ssekondat (SNE) għal kull wieħed mis-27 uffiċċju nazzjonali, ħtieġa addizzjonali ta’ 14-il SNE (EUR 250 000); kif ukoll

- ammont addizzjonali ta’ EUR 260 000 għal proġetti tal-IT, li minnhom EUR 164 000 huma għax-xogħol preparatorju dwar l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni Sikura (SCI) fid-dawl tad-Deċiżjoni reċenti tal-EUROJUST tas-16 ta’ Diċembru 2008[8] (konnessjoni mal-Istati Membri) u l-ammont ta’ EUR 96 000 għall-verifiki tas-sigurtà.

Kif spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ is-sussidju tal-Komunità lill-EUROJUST b’EUR 3,9 miljun. Huwa propost li EUR 1,6 miljun ta’ dan l-ammont ikun kopert minn dħul assenjat li ġej mill-irkupru ta’ dak li fadal mis-sena finanzjarja 2008 tal-EUROJUST. Għalhekk, it-talba għal approprjazzjonijiet ta’ impenn ġodda f’dan il-baġit ta’ emenda tammonta għal EUR 2,3 miljun.

Huwa propost li l-approprjazzjonijiet addizzjonali jiddaħħlu fil-baġit kif ġej:

18 06 04 01 EUROJUST — Sussidju taħt it-Titoli 1 u 2, EUR 1 390 000

18 06 04 02 EUROJUST — Sussidju taħt it-Titolu 3, EUR 910 000

L-approprjazzjonijiet għall-impenn mill-marġini disponibbli tal-2009 taħt il-limitu ta’ testatura 3a.

L-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet korrispondenti se jiġu minn Artikolu 18 06 07 tal-programm tal-Ġustizzja Ċivili.

6. OLAF

Wara li twaqqaf l-OLAF, kien hemm il-ħtieġa li fi żmien qasir jiġi ngaġġat għadd kbir ta’ speċjalisti ta’ kontra l-frodi, li ma kienx hemm fis-servizzi tal-Kummissjoni, għalhekk fl-2003 l-awtorità tal-baġit ittrasformat għadd sostanzjali ta’ postijiet permanenti f’temporanji sabiex l-Uffiċċju jkun jista’ jibda jaħdem malajr kemm jista’ jkun.

Ġew ingaġġati għadd kbir ta’ aġenti temporanji. Hekk kif dan il-persunal wasal lejn tmiem il-kuntratti tiegħu l-OLAF kellha tieħu miżuri biex tevita eżodu u t-telfien ta’ kompetenza li żviluppat biż-żmien.

L-ewwel miżura temporanja kienet it-tiġdid tal-kuntrattli temporanji li inbidlu f’kuntratti indefiniti. Madanakollu, hija biss iż-żjieda proporzjonali ta’ uffiċjali mqabbla ma’ aġenti temporanji biż-żmien li se tipprovdi soluzzjoni stabbli fit-tul.

B’din il-perspettiva, intlaħaq ftehim fl-2007 bejn il-Kummissjoni u l-Assoċjazzjonijiet tal-Persunal, sabiex ikunu mnedija kompetizzjonijiet esterni u interni sabiex ikun iffaċilitat ir-reklutaġġ ta’ aġenti temporanji tal-OLAF bħala uffiċjali. Kompetizzjonijiet esterni għandhom jipprovdu wkoll lil dawk li jirnexxu li bħalissa mhumiex aġenti temporanji tal-OLAF u għalhekk għandhom jikkostitwixxu sors addizzjonali ta’ speċjalisti kkwalifikati bil-għan ta’ reklutaġġ futur.

Ir-riżultati tal-kompetizzjonijiet esterni (AD11, AD8, AST4) issa jinsabu disponibbli, filwaqt li l-kompetizzjoinjiet interni (AD10, AD8) tnedew u għadhom għaddejjin.

Il-pjan ta’ stabbiliment tal-OLAF issa jeħtieġ jiġi adattat sabiex jippermetti r-reklutaġġ ta’ dawk li jirnexxu f’dawn il-kompetizzjonijiet bħala uffiċjali permanenti. Minħabba li uffiċjali permanenti ma jistgħux ikunu ngaġġati f’postijiet temporanji, huwa meħtieġ li jitwarrbu kemm il-postijiet permanenti kif ukoll temporanji għal żmien limitat sabiex l-aġenti temporanji jkunu jistgħu jiġu ngaġġati f’postijiet permanenti.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tipproponi li jiġu integrati l-ewwel bidliet neċessarji fil-pjan ta’ stabbiliment tal-OLAF sabiex jitħaffef il-progress tar-reklutaġġ ta’ dawk li għaddew mill-kompetizzjoni esterna li diġà tlestiet. Madanakollu ebda approprjazzjoni addizzjonali m’hi meħtieġa minħabba li salarju wieħed biss irid jitħallas fikwalunkwe ħin u dan l-abbozz preliminari tal-baġit ta' emenda huwa għalhekk newtrali għall-finijiet tal-baġit.

Il-pjan ta’ stabbiliment propost jimplika l-allokazzjoni ta’ 12-il post AD11 addizzjonali mingħajr provvediment finanzjarju.

Il-PDB tal-2010 diġà jiġbor fih it-tnaqqis tal-għadd ekwivalenti ta' postijiet temporanji AD11 mill-pjan ta' stabbiliment tal-OLAF i.e. il-pjan ta' stabbiliment tal-2010 ma juri ebda żjieda fl-għadd ta' postijiet meta kkomparat mal-2009.

Ladarba jkunu tlestew il-kompetizzjonijiet kollha u, skont il-proporzjon ta’ aġenti temporanji tal-OLAF fil-listi relevanti ta’ dawk li għaddew, ikun magħruf l-għadd ta’ postijiet temporanji li jeħtieġ jinbidlu f’postijiet permanenti, il-Kummissjoni tipproponi l-miżuri neċessarji fil-baġit.

Il-pjan ta’ stabbiliment huwa inkluż fl-anness tal-baġit.

TABELLA FIL-QOSOR SKONT L-INTESTATURA TAL-QAFAS FINANZJARJU

Qafas finanzjarju Intestatura/sottointestatura | Qafas finanzjarju 2009 | Baġit 2009 (inkluż BE 1-5 u APBE 6-7) | APBE 8/2009 | Baġit 2009 (inkluż BE 1-5 u APBE 6-8) |

|AI |AĦ |AI |AĦ |AI |AĦ |AI |AĦ | | 1. TKABBIR SOSTENIBBLI | | | | | | | | | | 1a. Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi |13 272 000 000 | |13 768 997 000 |11 100 585 513 | | |13 768 997 000 |11 100 585 513 | |1b. Koeżjoni għat-tkabbir u l-impjiegi |48 428 000 000 | |48 426 884 669 |34 963 348 789 | | |48 426 884 669 |34 963 348 789 | | Total | 61 700 000 000 | |62 195 881 669 | 46 063 934 302 | | |62 195 881 669 | 46 063 934 302 | | Marġini[9] | | |4 118 331 | | | | |4 118 331 | | 2. PRESERVAZZJONI U ĠESTJONI TA' RIŻORSI NATURALI | | | | | | | | | | Li minnhom infiq relatat mas-suq u ħlasijiet diretti |46 679 000 000 | |41 131 356 325 |41 083 823 325 | 49 340 000 | |41 180 696 325 |41 083 823 325 | | Total | 57 639 000 000 | |56 721 437 011 | 52 566 129 680 | 49 340 000 | |56 770 777 011 | 52 566 129 680 | | Marġini | | |917 562 989 | | | |868 222 989 | | | 3. ĊITTADINANZA, LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA | | | | | | | | | | 3a. Libertà, Sigurtà u Ġustizzja |872 000 000 | |863 925 000 |617 440 000 |2 300 000 | |866 225 000 |617 440 000 | |3b. Ċittadinanza |651 000 000 | |772 125 542 |800 122 542 | | |772 125 542 |800 122 542 | | Total | 1 523 000 000 | |1 636 050 542 | 1 417 562 542 | 2 300 000 | |1 638 350 542 | 1 417 562 542 | | Marġini[10] | | |8 112 000 | | | |5 812 000 | | | 4. L-UE BĦALA ATTUR GLOBALI[11] | 7 440 000 000 | | 8 103 930 360 | 8 324 169 158 | | | 8 103 930 360 | 8 324 169 158 | | Marġini | | | -419 930 360 | | | | -419 930 360 | | | 5. AMMINISTRAZZJONI[12] | 7 699 000 000 | |7 700 730 900 | 7 700 730 900 | | |7 700 730 900 | 7 700 730 900 | | Marġini | | | 76 269 100 | | | | 76 269 100 | | | 6. KUMPENS | 210 000 000 | |209 112 912 | 209 112 912 | | |209 112 912 | 209 112 912 | | Marġini | | | 887 088 | | | | 887 088 | | | TOTAL | 136 211 000 000 | 121 901 000 000 | 136 567 143 394 | 116 281 639 494 | 51 640 000 | |136 618 783 394 | 116 281 639 494 | | Marġini | | |587 019 148 | 8 019 523 048 | | |535 379 148 | 8 019 523 048 | |

[1] ĠU L 248, 16.09.2002, p. 1.

[2] ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9.

[3] ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

[4] ĠU L 208, 5.5.2008, p. 1.

[5] SEC(2008) 2707 tat- 28.10.2008.

[6] Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/410 Euratom ĠU L 132, tad-29.5.2009, p.15).

[7] ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

[8] ĠU L 138, 4.6.2009, p. 14.

[9] Il-Fond Ewropew ta' aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) mhuwiex inkluż fil-kalkolu tal-marġini taħt l-Intestatura 1a.

[10] L-ammont tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF) ikun inserit apparti l-intestaturi relevanti kif previst mit-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 (ĠU C 139 tal-14.6.2006)

[11] Il-marġini għall-2009 fl-intestatura 4 ma jinkludix l-approprjazzjonijiet relatati mar-Riżerva għal Għajnuna f'Emerġenza jew il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibbiltà.

[12] Għall-kalkolu tal-marġini taħt il-limitu massimu tal-intestatura 5, ittieħed kont tan-nota (1) f'qiegħ il-paġna fil-qafas finanzjarju 2007-2013 għal somma ta' EUR 78 miljun mill-kontribuzzjonijiet tal-persunal għall-iskema tal-pensjoni.