[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, 3.7.2009 COM(2009) 324 finali WHITE PAPER Il-Modernizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE - It-Triq 'il Quddiem WHITE PAPER Il - Modernizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE – It-Triq 'il Quddiem 1. KISBA TA' POLITIKA MODERNA DWAR L-ISTANDARDIZZAZZJONI TAL-ICT It-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) hija protagonista ewlenija tal-kompetittività u tirrappreżenta wieħed mis-setturi industrijali ewlenin tas-seklu 21. Fl-2007 l-industrija Ewropea tal-ICT kellha fatturat ta' EUR 670 bn u kienet responsabbli għal aktar minn 5 % tal-impjiegi kollha fl-UE. L-ICT Ewropea teħtieġ kundizzjonijiet ta' qafas b'saħħtu biex tikkontribwixxi għat-tkabbir u għall-aġenda tal-impjiegi u f'dan il-kuntest l-istandardizzazzjoni għandha rwol importanti. Barra dan, peress li l-għodda tal-ICT huma użati fis-setturi ekonomiċi kollha, politika Ewropea effettiva tal-istandardizzazzjoni tal-ICT tista' tħeġġeġ adozzjoni aktar mgħaġġla ta' teknoloġiji u applikazzjonijiet ġodda u b'hekk tkun qed tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea globali. L-istandardizzazzjoni hija kooperazzjoni volontarja fost l-industrija, il-konsumaturi, l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati l-oħra għall-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet tekniċi. L-industrija tuża standards biex tissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq – biex tappoġġja l-kompetittività tiegħu, biex tassigura l-aċċċettazzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi jew biex iżżid l-interoperabilità. L-awtoritajiet pubbliċi jirreferu għall-istandards fil-leġiżlazzjoni, f'politiki u fi proċeduri ta' akkwist sabiex jiksbu l-għanijiet tas-soċjetà għal sikurezza, interoperabilità, aċċessibiltà, prestazzjoni ambjentali, eċċ. Filwaqt li l-industrija tista' tuża kwalunkwe standards, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom preferenza qawwija għal, jew anki obligazzjoni biex jużaw, standards li jirriżultaw minn proċessi miftuħa, trasparenti u inklussivi. Madankollu, permezz ta' referenzar u użu standard, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jgħinu jgħaġġlu l-kompetittività tal-industrija u jiffaċilitaw il-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi. L-implimentazzjoni tal-politika attwali tal-istandardizzazzjoni tal-UE [1], hija bbażata fuq ix-xogħol tal-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni (ESOs) u l-kooperazzjoni tagħhom mal-organizzazzjonijiet internazzjonali għall-istandardizzazzjoni. Dan jippermetti lill-Kummissjoni tistieden lill-ESOs biex jikkommettu ruħhom għal inizjattivi speċifiċi tal-istandardizzazzjoni u tawtorizza lill-UE u lill-Istati Membri biex jirreferu għall-istandards Ewropej stabbiliti minn dawk l-organizzazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni u fil-politiki. Barra minn dan, il-bażi legali attwali dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT irrikonoxxiet ċerti speċifiċitajiet tal-ICT bħall-bżonn għal interoperabilità u tippermetti għal aktar flessibiltà f'każ ta' referenzar tal-istandards tal-ICT fi proċeduri tal-akkwist pubbliku[2]. L-isfond tal-istandardizzazzjoni tal-ICT inbidel drammatikament f'dawn l-aħħar għaxar snin. Flimkien mal-organizzazzjonijiet tradizzjonali li jistabbilixxu l-istandards, il-fora u l-konsorzji speċjalizzati u l-aktar dawk globali saru aktar attivi u diversi minnhom żviluppaw f'entitajiet ta' żvilupp tal-istandards tal-ICT li huma ta' eżempju għad-dinja bħal dawk responsabbli mill-istandards li jkopru l-internet u l-world wide web. Dan l-iżvilupp mhux rifless fil-politika tal-istandardizzazzjoni tal-UE. Fil-preżent m'għandhiex issir referenza għall-istandards tal-fora u tal-konsorzji, anki jekk dawn jistgħu jkunu ta' benefiċċju fil-kisba tal-iskopijiet ta' politika pubblika. Mingħajr azzjoni deċisiva l-UE tirriskja li ssir irrelevanti fit-tfassil tal-istandard tal-ICT li se jsir kważi kullimkien 'il barra mill-Ewropa, u irrispettivament għal ħtiġijiet Ewropej. L-Istati Membri jaqblu fil-parti l-kbira mal-istess analiżi u l-Kunsill enfasizza l-bżonn biex isir aktar progress fl-applikazzjoni tal-istandardizzazzjoni f'oqsma bħall-ICT, filwaqt li enfasizza li s-sistemà Ewropea tal-istandardizzazzjoni attwali għandha tadatta għall-bżonnijiet tas-swieq, speċjalment, f'servizzi u prodotti ta' teknoloġija għolja[3]. Huwa tassew importanti li l-politika tal-EU dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT tiġi modernizzata u li jiġi użat b'mod sħiħ il-potenzjali tat-tfassil tal-istandard. Jekk ma jsirx dan l-UE se tonqos milli jkollha kontroll fuq is-soċjetà tal-informazzjoni, mhix se tikseb numru ta' skopijiet ta' politika Ewropea importanti li jeħtieġu interoperabilità bħal saħħa elettronika, aċċessibilità, sikurezza, negozju elettroniku, gvern elettroniku, trasport, eċċ, u se tiffaċċja ostakoli biex tkun il-forza fl-iżvilupp u l-promozzjoni tal-istandards internazzjonali għall-protezzjoni ta' dejta personali kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar il-programm ta' Stokkolma[4]. B'mod aktar ġenerali, l-iskopijiet ta' politika li ġejjin jeħtieġu jiġu indirizzati: - Żieda fl-innovazzjoni u l-kompetittività billi l-politika għall-istandardizzazzjoni tal-ICT tkun adattata għall-iżviluppi fis-suq u fil-politika; - L-industrija inkluż SMEs tkun ipprovduta, bi standards tal-ICT ta' kwalità għolja fil-waqt biex b'hekk tassigura kompetittività fis-suq globali filwaqt li tissodisfa l-aspettativi tas-soċjetà; - Titjib fil-qagħda tal-istandardizzazzjoni Ewropea tal-ICT f'livell globali; - Assigurazzjoni tal-benefiċċji għall-konsumatur billi tiġi ffaċilitata kompetizzjoni fis-swieq tal-ICT kemm dawk Ewropej kif ukoll dawk internazzjonali; - Tisħiħ tas-suq intern billi jiġu stabbiliti kriterji u proċessi komuni għar-referenzar tal-istandards tal-ICT fil-leġiżlazzjoni Ewropea, politiki u proċeduri ta' akkwist pubbliku; - Żieda fil-kwalità, koerenza u konsistenza tal-istandards tal-ICT; - Jiġi pprovdut appoġġ attiv għall-implimentazzjoni tal-istandards tal-ICT. Sabiex iġġedded il-politika Ewropea għall-istandardizzazzjoni tal-ICT, il-Kummissjoni nediet reviżjoni bi studju biex tanalizza l-politika tal-UE dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT attwali u biex tħeġġeġ rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp futur tagħha. Ir-rapport tal-istudju kien ippubblikat f'Lulju 2007[5] u konsultazzjoni permezz tal-internet segwiet. Il-kummenti riċevuti ġew ippubblikati fil-websajt tal-Europa[6] u nżammet konferenza li kienet miftuħa għal kulħadd fi Frar 2008[7] biex teżamina r-rakkomandazzjonijiet tal-istudju u dawk il-kummenti. Bħala riżultat ta' dan, ġie deċiż li tiġi preżentata White Paper biex taċċerta l-grad ta' kunsens fuq il-proposti possibbli għall-għażliet politiċi u miżuri speċifiċi li jkunu ta' għajnuna għall-politika Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT biex jirreaġixxu aħjar għall-bżonnijiet tal-industrija u tas-soċjetà. Filwaqt li l-politika Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT għandha tkompli tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta' standardizzazzjoni volontarja u ggwidata mill-ħtiġijiet tas-suq, newtralità teknoloġika u bilanċ ta' interess, dawn li ġejjin huma l-aktar oqsma prominenti għal titjib fis-sistema attwali: - Stabbiliment ta' politika dwar l-istandards tal-ICT li takkomoda d-dinamiċi globali u r-rekwiżiti tas-settur tal-ICT u li tirrifletti l-bżonnijiet varji tal-oqsma tal-infrastruttura u tal-applikazzjoni; - Jingħata lok għal metodu aktar integrat fl-istandardizzazzjoni tal-ICT u fl-użu tal-istandards u tal-ispeċifikazzjonijiet tal-ICT; - Tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija u tal-kompetizzjoni ġusta billi titħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-istandards u tal-ispeċifikazzjonijiet; - Tissaħħaħ il-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-istandards tal-ICT, kemm madwar l-Ewropa kollha u anki globalment. 2. Aspetti Ewlenin tal-modernizzazzjoni tal-istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE 2.1. Attributi tal-istandards tal-ICT assoċjati mal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE Sabiex tiffaċilita l-użu tal-istandards li huma l-aktar disponibbli fl-appoġġ tal-leġiżlazzjoni u l-politiki Ewropej jeħtieġ li jiġu stipulati rekwiżiti, f'forma ta' lista ta' attributi, għal tali standards u l-proċessi ta' standardizzazzjoni assoċjati magħhom. Dawn l-attributi jassiguraw li l-objettivi tal-politika pubblika u l-ħtiġijiet tas-soċjetà jitħarsu. Madankollu l-lista tal-attributi tista' teħtieġ aktar kjarifikazzjoni, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-politiki tal-IPR sabiex jakkomodaw metodi ta' żvilupp ta' software emerġenti bħall-mudell ta' sors miftuħ. Qed jiġi propost li tintuża l-kriterja żviluppata fi ħdan il-WTO għall-organizzazzjonijiet għall-istandardizzazzjoni internazzjonali bħala l-bażi għal-lista tal-attributi. Ir-rabta mill-viċin bejn il-kriterji tad-WTO u l-attributi li jsaħħu l-politika Ewropea tal-istandardizzazzjoni tal-ICT se jappoġġjaw lill-kummerċ ħieles fi prodotti li jkunu konformi, servizzi u applikazzjonijiet u kriterji simili għandhom jiġu applikati mill-imsieħba tagħna fil-kummerċ fil-metodi tal-istandardizzazzjoni tagħhom. Qed jiġi ssuġġerit li l-attributi li ġejjin, li diġa' huma osservati mill-ESOs kif ukoll xi ftit fora u konsorzji, għandhom dejjem jitħarsu fil-proċessi ta' standardizzazzjoni: 1. Nuqqas ta' Ħabi : Il-proċess tal-iżvilupp tal-istandardizzazzjoni jiġri fi ħdan organizzazzjoni li ma tagħmilx qligħ abbażi tal-mod b'nuqqas ta' ħabi ta' kif jittieħdu d-deċiżjonijiet li hu aċċessibbli għall-imsieħba interessati kollha. Il-proċess miftuħ ta' standardizzazzjoni qed jitmexxa mill-kategoriji relevanti ta' partijiet interessati u jirrifletti r-rekwiżiti tal-utent. 2. Kunsens: Il-proċess ta' standardizzazzjoni huwa kollaborattiv u bbażat fuq il-kunsens. Il-proċess ma jiffavorixxiex xi parti interessata partikolari. 3. Bilanċ : Il-proċess ta' standardizzazzjoni huwa aċċessibbli fi kwalunkwe stadju tal-żvilupp u tat-teħid ta' deċiżjoni għall-partijiet interessati rilevanti. Il-parteċipazzjoni tal-kategoriji kollha ta' partijiet interessati tintalab bil-għan li jinkiseb bilanċ. 4. Trasparenza : Il-proċess ta' standardizzazzjoni huwa aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha u l-informazzjoni kollha li tikkonċerna diskussjonijiet tekniċi u teħid ta' deċiżjoni hija arkivjata u identifikata. Informazzjoni dwar attivitajiet ta' standardizzazzjoni (ġodda) titħabbar b'mod globali permezz ta' mezzi xierqa u aċċessibbli. Qed tingħata konsiderazzjoni u tweġiba għall-kummenti mill-partijiet interessati. Barra minn dan l-attributi li ġejjin għandhom ikunu riflessi fl-istandards innifishom: 5. Manutenzjoni: Qed tingħata garanzija li fuq perjodu twil se jiġu pprovduti sostenn u manutenzjoni kontinwi tal-istandards ippubblikati, inkluż adattament mgħaġġel għal żviluppi ġodda li jaċċertaw in-neċessità, l-effiċjenza u l-interoperabilità tagħhom. 6. Disponibilità : L-istandards li jirriżultaw huma disponibbli pubblikament għall-implimentazzjoni u għall-użu f'termini raġonevoli (inkluż għal ħlas raġonevoli jew mingħajr ħlas). 7. Drittijiet ta' proprjetà intellettwali : L-IP essenzjali għall-implimentazzjoni tal-istandards hija liċenzjata lill-applikanti fuq bażi (ġusta) raġonevoli u mhux diskriminatorja ((F)RAND)[8] , li tinkludi, għad-diskrezzjoni ta' min ikollu l-IPR, il-liċenzjar ta' IP essenzjali mingħajr kumpens. 8. Rilevanza : L-istandard huwa effettiv u rilevanti. L-istandards għandhom bżonn jirreaġixxu għall-ħtiġijiet tas-suq u għar-rekwiżiti regolatorji, speċjalmenti meta dawk ir-rekwiżiti jkunu espressi f'mandati ta' standardizzazzjoni. 9. Newtralità u stabbiltà: Kull meta jkun possibbli l-istandards għandhom ikunu diretti lejn il-prestazzjoni aktar milli bbażati fuq id-disinn jew karatteristiċi deskrittivi. M'għandhomx ifixklu lis-suq (globali) u għandhom iżommu l-kapaċità għall-implimentaturi biex jiżviluppaw kompetizzjoni u innovazzjoni bbażati fuqhom. B'żieda ma' dan, u sabiex jassiguraw it-titjib tal-istabbiltà tagħhom, l-istandards għandhom ikunu bbażati fuq żviluppi xjentifiċi avvanzati u teknoloġiċi. 10. Kwalità: Il-kwalità u l-livell ta' dettall huma biżżejjed biex jippermettu l-iżvilupp ta' varjetà ta' implimentazzjonijiet ta' prodotti u servizzi interoperabbli li qegħdin jikkompetu magħhom.. Interfaces standardizzati m'humiex moħbija jew ikkontrollati minn xi ħadd għajr minn organizzazzjonijiet li jfasslu l-istandard. 11. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li dawn l-attributi jkunu integrati fil-politika dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT fil-futur. 2.2. L-użu tal-istandards tal-ICT fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku Ir-referenzar tal-istandards fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku jista' jkun mezz importanti ta' kif titħeġġeġ l-innovazzjoni filwaqt li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu pprovduti bl-għodda meħtieġa biex jissodisfaw ix-xogħlijiethom, speċjalment fi swieq ewlenin[9] bħal saħħa elettronika. Proċeduri tal-akkwist pubbliku jridu jkunu konformi mad-Direttiva 2004/18/KE[10] li tagħmel differenza bejn standards formali u speċifikazzjonijiet tekniċi oħra, għal-liema deskrizzjoni ta' rekwiżiti funzjonali tintalab addizzjonalment. Barra minn dan, biex l-offerti jkunu jistgħu jirriflettu diversità teknika qed jintalab li jsir użu tal-ispeċifikazzjonijiet newtrali ta' teknoloġija. Meta l-awtoritajiet pubbliċi jirreferu għall-istandards tekniċi fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom, għandhom jispeċifikaw ukoll jekk jippermettux lil dawk li jitfgħu l-offerti jikkonfermaw li l-offerta tagħhom tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet anke jekk ma tikkonformax mal-istandard tekniku msemmi. Madankollu, meta jiġu akkwistati servizzi u prodotti tal-ICT, jistgħu jkunu preżenti rekwiżiti addizzjonali. Awtoritajiet pubbliċi għandhom bżonn ikunu kapaċi jiddefinixxu l-istrateġiji u l-arkitetturi tal-ICT tagħhom, inkluż l-interoperabilità bejn organizzazzjonijiet, u jakkwistaw sistemi/servizzi tal-ICT u prodotti jew komponenti tagħhom, li jissodisfaw ir-rekwiżiti. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KE, li jistabbilixxi l-politika attwali tal-istandardizzazzjoni tal-EU fil-qasam tal-ICT, jirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet tal-qasam tal-ICT u għandu l-għan li jipprovdi gwida għal proċeduri ta' akkwist pubbliku tas-sistemi tal-ICT. Jenfasizza l-importanza tal-interoperabilità u jinkoraġġixxi referenza għall-istandards funzjonali biex jinkiseb dak l-objettiv. Jinkludi wkoll dispożizzjoni li f'każijiet ġustifikati tista' tingħata deroga minn din ir-regola. Madankollu, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KE huwa skadut peress li jiffoka fuq prodotti u mhux fuq il-kunċett ta' servizzi u applikazzjonijiet kif użati illum. B'konsegwenza ta' dan, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KE jeħtieġ jiġi aġġornat biex jipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi bi standards u speċifikazzjonijiet li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-lum fir-rigward tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku tas-servizzi u tal-applikazzjonijiet tal-ICT. L-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet li jkopru l-interfaces bejn l-organizzazzjonijiet jew bejn is-sistemi u s-servizzi tal-ICT se jkollhom bżonn, bħala objettiv ewlieni, jissodisfaw il-ħtiġijiet kummerċjali speċifiċi tal-awtoritajiet pubbliċi u b'hekk jimplimentaw l-istrateġiji u l-arkitetturi tal-ICT tagħhom. Meta xieraq, u hawn wieħed għandu jiftakar li tinħtieġ il-flessibilità biex tissodisfa dawk il-ħtiġijiet, tali interfaces għandhom jiġu ddefiniti permezz tat-teknoloġija tar-referenzar, jiġifieri standards jew speċifikazzjonijiet newtrali tal-prodott u tal-bejjiegħ li jistgħu jkunu implimentati minn fornituri differenti. Dan jassigura kompetizzjoni effettiva bejn l-appaltaturi u għaldaqstant prezzijiet irħas, u jagħmilha aktar probabbli wkoll li s-sistemi tal-ICT li jirriżultaw jkunu interoperabbli ma' sistemi li diġa' jeżistu u oħrajn li jistgħu jeżistu fil-futur użati minn entitajiet oħra pubbliċi jew minn persuni u kumpaniji privati. 12. Il-Kummissjoni tissuġġerrixxi l-aġġornament tad-dispożizzjonijiet tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KE biex b'hekk l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jiksbu b'mod aktar faċli s-servizzi tal-ICT, applikazzjonijiet u prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi tagħhom u b'mod partikolari livell xieraq ta' interoperabilità. 13. Il-Kummissjoni tissuġġerrixxi li jiġi kkjarifikat li meta jkunu definiti fil-kuntest tal-istrateġiji tal-ICT, tal-arkitetturi u tal-oqfsa tal-interoperabilità, l-implimentazzjoni tal-interfaces standardizzati tista' tintalab bħala rekwiżitu fi proċeduri tal-akkwist pubbliku, sakemm il-prinċipji ta' b'nuqqas ta' ħabi, imparzjalità, oġġettività u tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni u d-direttivi tal-akkwist pubbliku jkunu applikati. 2.3. Trawwim ta' sinerġija bejn riċerka fl-ICT, l-innovazzjoni u l-istandardizzazzjoni Ħafna proġetti ICT R&D iwasslu għal riżultati ta' riċerki li huma rilevanti ħafna. Madankollu, ta' sikwit ma jkunux tradotti biżżejjed f'applikazzjonijiet konkreti li jistgħu jkunu kummerċjalizzati fi stadju aktar tard. L-istandards huma mod importanti ta' kif tista' tkun promossa t-traduzzjoni ta' riżultati ta' riċerka f'applikazzjonijiet prattiċi. Inizjattivi biex jistabbilixxu rabta aħjar bejn l-istandardizzazzjoni tal-ICT u l-ICT R&D jidhru li jkunu l-aktar effettivi meta jsiru fil-livell tal-fażi ta' ppjanar ta' riċerka aktar milli sempliċiment fil-fażi ta' twettiq tal-proġett speċifiku ta' riċerka. L-għarfien tal-istandardizzazzjoni għaldaqstant jeħtieġ li jkun ikkunsidrat kmieni fiċ-ċiklu tal-ħajja tar-riċerka u għandu jkun parti integrali ta' aġendi strateġiċi ta' riċerka żviluppati mill-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej (ETPs). 14. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-partijiet interessati fl-istandardizzazzjoni u fir-riċerka, b'mod partikolari l-ETPs, ikunu kkonsultati regolarment biex b'hekk ikun żgurat li inizjattivi Ewropej rilevanti dwar riċerka jikkontribwixxu b'mod l-aktar effettiv għall-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni tal-ICT. 15. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li dawk li jagħmlu l-istandards fejn neċessarju jadattaw il-proċeduri tagħhom biex jiżguraw li kontribuzzjonijiet minn organizzazzjonijiet ta' riċerka, konsorzji u proġetti jiffaċilitaw il-produzzjoni fil-ħin tal-istandards tal-ICT. 16. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Istati Membri jikkunsidraw metodu simili għal kwalunkwe inizjattivi tal-ICT R&D f'livell nazzjonali. 2.4. Drittijiet ta' proprjetà intellettwali fl-istandards tal-ICT L-interoperabilità tal-ICT u speċjalment l-interoperabilità ta' software, saret kritika f'dinja li kull ma jmur aktar qed issir interkonnessa. B'riżultat ta' dan l-IPR għandha rwol importanti fl-istandardizzazzjoni sabiex tirrispetta drittijiet ta' proprjetà li jkopru soluzzjonijiet teknoloġiċi meħtieġa għall-interoperabilità[11]. B'mod ġenerali, il-politika Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni tippermetti li teknoloġiji proprjetarji, protetti minn IPR, ikunu inkorporati fl-istandards. Ir-regoli tal-UE dwar kompetizzjoni jipprovdu, madankollu, li t-tfassil tal-istandard m'għandux iwassal għal restrizzjoni ta' kompetizzjoni, u għandu jkun ibbażat fuq proċeduri mhux diskriminatorji, miftuħa u trasparenti[12].Standards li huma disponibbli bla kundizzjoni u li jistgħu jiġu implimentati mill-partijiet interessati kollha jippermettu kompetizzjoni effettiva. F'organizazzjonijiet li jiżviluppaw l-istandards jistgħu jinsabu diversi politiki differenti tal-IPR adattati għal ċirkostanzi individwali. B'mod partikolari, l-istandardizzazzjoni tas-software li jagħti sostenn għal rekwiżiti ta' interoperabilità jidher li qed isegwi l-metodu tiegħu nnifsu. Dawn id-differenzi fihom infushom ma jimponu l-ebda problema, sakemm l-IPR rilevanti għall-istandard jitqiesu xierqa fil-proċess u l-politiki jikkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni. Politiki li jistabbilixxu l-istandard għandhom ikunu wkoll stabbli, imbassra, trasparenti u effettivi. Għandhom jippermettu l-kompetizzjoni u jiffaċilitaw l-innovazzjoni tal-prodott. Nuqqas ta' ħabi, u aċċess faċli għal proċessi ta' standardizzazzjoni kif ukoll id-disponibbiltà tal-istandards għall-partijiet interessata kollha huma prerekwiżiti importanti għall-implimentazzjoni ta' politiki effettivi tal-IPR. Partijiet interessata fis-sotto-settur tal-komunikazzjoni tal-ICT jidhru li huma ġeneralment kuntenti bil-metodu tal-(F)RAND għal liċenzjar tal-IP essenzjali fl-istandards. Madankollu anki hemmhekk, il-kumplessità li dejjem tiżdied ta' servizzi u applikazzjonijiet innovattivi tista' tagħti lok għal numru kbir ta' privattivi essenzjali li jirriżultaw f'sitwazzjoni kumplessa u f'piż ta' IPR kumulattiv fl-istandards. Minkejja li l-prinċipji ta' (F)RAND jistgħu jkunu mezz biex jipprovdu bilanċ ġust bejn id-drittijiet tad-detenturi tal-liċenzja u tal-liċenzjaturi, numru ta' partijiet interessati jħossu li għad hemm lok għal titjib biex titnaqqas il-kumplessità u titjieb il-previdibilità tal-proċess ta' liċenzjar. Dikjarazzjoni ex-ante tat-termini ta' liċenzjar l-aktar ristrettivi, li possibilment tinkludu r-rati (massimi) tad-dritt tas-sid qabel l-adozzjoni ta' standard, tista' tkun mezz ta' kif titjieb l-effettività ta' liċenzjar ta' (F)RAND peress li din tista' tippermetti kompetitività kemm fit-teknoloġija kif ukoll fil-prezz. Maġġoranza tal-partjiet interessata tal-IT min-naħa l-oħra, speċjalment fl-industrija tas-software u fost l-utenti tagħha, huma tal-opinjoni li livell aktar sodisfaċenti ta' interoperabilità jista jinkiseb bl-użu ta' politiki ta' IPR li jistgħu jitqiesu li huma differenti minn metodu ta' (F)RAND. Diversi fora u konsorzji li jkopru l-istandardizzazzjoni tas-software għaldaqstant adottaw metodi differenti mill-IPR. Xi wħud, pereżempju, jeħtieġu li l-IPR fl-istandards ikun is-suġġett ta' liċensjar mingħajr dritt tas-sid. Finalment, ħafna partijiet interessati tal-SME kif ukoll organizzazzjonijiet ta' konsumaturi jappoġġjaw metodu mingħajr dritt tas-sid, ta' sikwit deskritt bħala RF fuq (F)RAND, speċjalment għall-istandards li se jkunu referenzjati fil-leġiżlazzjoni u fil-politiki. Filwaqt li hu ċar li ħafna aspetti tat-trattament tal-IPR huma koperti minn oqsma oħra tal-politika hemm ċerti aspetti tal-istandardizzazzjoni tal-ICT bl-iffokar tagħha fuq standards funzjonali u interoperabilità, li jwasslu għat-trattament tal-IPR biex jiġi kkunsidrat speċjalment importanti u delikat f'dan il-qasam. Għandu jkun hemm flessibilità madankollu, biex tippermetti għal kompetizzjoni mingħajr xkiel bejn mudelli differenti ta' negozju, inkluż il-mudell dejjem aktar popolari tas-sors miftuħ, liema użu u implimentazzjoni jistgħu jkunu soġġetti għal kundizzjonijiet differenti ħafna mid-drittijiet tas-sid li niltaqgħu magħhom taħt (F)RAND. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li organizzazzjonijiet li qed jiżviluppaw l-istandards tal-ICT għandhom skont il-liġi tal-kompetizzjoni u b'rispett lejn l-IPR tas-sid: jimplimentaw politiki tal-IPR ċari, trasparenti u bbilanċjati li ma jiddiskriminawx u li jagħtu lok għal kompetizzjoni bejn mudelli differenti ta' negozju, jassiguraw l-effettività tal-proċeduri għal żvelar tal-IPR, jikkunsidraw dikjarazzjoni tat-termini ta' liċenzjar l-aktar restrittivi, li possibilment jinkludu r-rati (massimi) ta' drittijiet tas-sid qabel l-adozzjoni ta' standard bħala rotta potenzjali biex tipprovdi aktar previdibilità u trasparenza. | 17. 2.5. Integrazzjoni ta' fora u konsorzji fil-proċess ta' standardizzazzjoni tal-ICT Bħalissa il-politika tal-istandardizzazzjoni Ewropea tillimita r-referenzar tal-istandards fil-leġiżlazzjoni u fil-politiki tal-UE għal standards stabbiliti mill-ESOs. Madankollu l-ESOs jinħtieġu biex jagħmlu xogħlijiet u jadottaw metodi ta' xogħol li jistgħu jagħmluha diffiċli biex ikun hemm risposta effiċjenti għat-talbiet ta' standards fil-ħin li kull ma jmur jiżdiedu fil-qasam tal-ICT li qed jevolvi b'pass mgħaġġel. L-istudju u l-proċess ta' konsultazzjoni sussegwenti wrew li l-industrija għandha tendenza li tpoġġi n-nies b'ħiliet għolja f'kompetenzi tekniċi, li huma pjuttost rari, meħtieġa għall-istandardizzazzjoni f'ħafna oqsma kumplessi tal-ICT fil-fora u l-konsorzji li jistgħu jirreaġixxu aktar malajr għad-domandi tas-suq fuq kwistjonijiet bħal interoperabilità. Flora u konsorzji pproduċew ħafna standards tal-ICT rilevanti, primarjament f'oqsma fejn l-għarfien tekniku ċarament qiegħed fil-fora u konsorzji speċifiċi u mhux fl-ESOs. Dan hu l-każ mal-istandards li jkopru protokolli tal-internet stabbiliti mill-IETF u linji ta' gwida dwar aċċessibilità fuq il-web prodotti mill-W3C. L-approvazzjoni tas-suq tal-istandards imsemmija mhix qiegħda tiġi kkontestata. In-numru tal-istandards stabbiliti mill-fora u l-konsorzji tal-industrija b'aċċess dirett għar-riżorsi tekniċi meħtieġa qiegħda dejjem tikber u dawn huma ta' sikwit implimentati fi prodotti u servizzi innovattivi. Il-politika Ewropea għandha tibni fuq u tibbenefika mill-potenzjal ipprovdut mill-fora u l-konsorzji. Huwa mistenni li kooperazzjoni aħjar mal-fora u mal-konsorzji tal-ICT u speċjalment aktar koordinazzjoni bejniethom u l-organizzazzjonijiet formali tal-istandardizzazzjoni tnaqqas ir-riskju ta' frammentazzjoni, duplikazzjoni u standards konfliġġenti fil-qasam tal-ICT. Użu bil-mod u soluzzjonijiet frammentati jippreżentaw raġunijiet speċjali għal tħassib f'servizzi ta' interess soċjetali maġġuri bħal gvern elettroniku, tagħlim elettroniku u saħħa elettronika. L-isforzi ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni se jżidu l-interoperabilitià u għaldaqstant iżidu l-użu tas-suq ta' soluzzjonijiet innovattivi. Sforzi biex isir aktar użu mix-xogħol tal-fora u l-konsorzji għandhom iqisu l-fatt li l-assoċjazzjoni tal-istandards mal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE għandha dimensjoni ta' politika pubblika minbarra l-karattru purament volontarju tal-istandards innifishom. Dan jispjega l-importanza tal-lista tal-attributi deskritta hawn fuq fil-każ ta' referenzar leġiżlattiv. Meta wieħed iqis din ir-realtà, u l-kooperazzjoni aktar mill-viċin bejn entitajiet li jiżviluppaw l-istandard formali u dawk mhux formali, ir-referenzar dirett tal-istandards tal-fora u tal-konsorzji f'oqsma fejn ċarament m'hemmx riskju li l-ambitu tax-xogħol tal-ESOs ikun irduppjat jew li l-organizzazzjonijiet formali internazzjonali jkunu l-aktar mod effettiv għall-UE biex timla l-vojt speċifiku tal-istandardizzazzjoni. Ir-rikonoxximent tal-istandards żviluppati mill-fora u mill-konsorzji bħal IETF, W3C u OASIS b'mod ġenerali jiffaċilita l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet tal-istandardizzazzjoni tal-ICT ma' imsieħba kummerċjali ewlenin bħall-Istati Uniti u tali kooperazzjoni tkun tista' tiġi ddeterminata fil-qafas tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku. Filwaqt li affermaw mill-ġdid kemm huma xierqa l-istandards armonizzati f'oqsma koperti fil-preżent mill-metodu l-ġdid, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikollhom il-possibilità, sakemm il-kundizzjonijiet adatti jkunu ssodisfatti, li jkollhom deroga mir-regola ġenerali tar-referenzar tal-istandards formali tal-ESO. Għal dak il-għan il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi proċedura adatta biex tippermetti ir-referenzar ta' standards tal-fora u tal-konsorzji speċifiċi fil-leġiżlazzjoni u f'politiki. 18. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li r-referenzar tal-istandards tal-fora u tal-konsorzji speċifiċi jkun permess f'leġiżlazzjoni u f'politiki tal-UE rilevanti soġġetti għal valutazzjoni pożittiva tal-istandard u l-proċessi ta' forum jew konsorzju fir-rigward tal-lista tal-attributi kif deskritt f'Kapitolu 2.1. 19. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tippromwovi kooperazzjoni aħjar bejn il-fora u l-konsorzji u l-ESOs abbażi ta' proċess li jista' jwassal għal standards maħruġa mill-ESOs. 2.6. Titjib fid-djalogu u fis-sħubija mal-partijiet interessati Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KE ibassar Kumitat, grupp tal-Uffiċjali Anzjani inkarigat mill-istandardizzazzjoni fil-qasam tat-Teknoloġija tal-Informatika (SOGITS), biex jassisti lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tad-Deċiżjoni. Il-kompożizzjoni tiegħu hu limitat għall-Istati Membri, għalkemm rappreżentati tal-ESOs għandhom status ta' osservant u SOGITS għandu l-possibilità li jistidien esperti biex jiddiskutu kwistjonijiet speċifiċi. Madankollu, l-aspetti aktar wiesgħa tal-politika tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, inkluż l-istabbiliment ta' prijorità, l-użu ta' xogħol ta' standardizzazzjoni minn sorsi oħra kif ukoll koerenza bejn il-politika tal-istandardizzazzjoni tal-ICT u politiki oħra li jużaw standards tal-ICT, huma fil-maġġoranza barra mill-ambitu ta' SOGITS. Għaldaqstant, SOGITS kellu biss suċċess limitat fil-passat. Il-Kummissjoni temmen li pjattaforma li tirrappreżenta l-partijiet interessati kkonċernati kollha għandha tieħu post is-SOGITIS. Tali pjattaforma għandha tassigura politika tal-istandardizzazzjoni tal-ICT li hi aktar koerenti, trasparenti u konsistenti li b'hekk tiffaċilita l-iżvilupp tal-istandards ta' kwalità għolja tal-ICT. Għandha tipprovdi wkoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bi twissija ta' għarfien fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw il-politika tal-istandardizzazzjoni tal-ICT u l-implimentazzjoni tagħha, billi: - tipprovdi parir fuq il-programm ta' xogħol annwali dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT tal-Kummissjoni u l-prijoritajiet tiegħu - tidentifika b'mod bikri l-bżonnijiet tal-istandardizzazzjoni tal-ICT li jappoġġjaw oqfsa ġodda legali u politiki tal-UE - tiddiskuti mandati possibbli ta' ESOs u organizzazzjonijiet oħra involuti fl-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet ta' ICT - tissorvelja u tirrevedi kwistjonijiet ta' standardizzazzjoni ta' ICT li jappoġġjaw ta' oqfsa ġodda legali u politiki tal-UE matul l-eżekuzzjoni tagħhom - teżamina l-applikazzjoni tal-lista tal-attributi fir-rigward ta' proċessi u standards tal-fora u tal-konsorzji - tidentifika l-fora u l-konsorzji rilevanti u tiddefinixxi r-rwol tagħhom biex ittejjeb l-integrazzjoni tax-xogħol tagħhom fl-istandardizzazzjoni Ewropea tal-ICT - tiġbor informazzjoni li tikkonċerna l-programmi ta' xogħol ta' organizzazzjonijiet li jipparteċipaw u possibilment, attivitajiet nazzjonali relatati mal-istandardizzazzjoni tal-ICT. Dan id-djalogu għandu jippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiddiskutu kwistjonijiet fi ħdan ir-responsabilitajiet speċifiċi tagħhom filwaqt li jippermetti wkoll diskussjoni maċ-ċirklu usa ta' partijiet interessati minn organizzazzjonijiet ta' standards, inkluż il-fora u l-konsorzji, l-industrija, SMEs, konsumaturi, eċċ. Barra minn hekk, il-pjattaforma tal-partijiet interessati għandha tkun ikkumplimentata minn bini ta' struttura fuq il-bord tal-istandards tal-ICT fil-preżent (ICTSB) biex tikkoordina l-attivitajiet ta' standardizzazzjoni tal-ESOs u l-fora u l-konsorzji b'rispons għall-orjentazzjonijiet ta' politika tagħha. Ix-xogħol ewlieni tal-ICTSB se jkun li jissorvelja u jikkoordina l-attivitajiet ta' żvilupp tal-istandards fost l-organizzazzjonijiet relevanti li jistabbilixxu l-istandard bħala rispons għall-linji ta' gwida ta' politika stabbilita mill-pjattaforma tal-partijiet interessati. 20. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi l-istabbiliment ta' pjattaforma ta' politika dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT li tkun permanenti, magħmula minn bosta partijiet interessati (bi sħubija aktar wiesgħa mill-Kumitat tal-Istat Membru SOGITS li kien stabbilit fil-passat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KE) biex tagħti parir lill-Kummissjoni fuq kwistjonijiet kollha relatati mal-politika Ewropea tal-istandardizzazzjoni tal-ICT u mal-implimentazzjoni effettiva tagħha. 21. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-ESOs u organizzazzjonijiet oħra li jiżviluppaw l-istandard tal-ICT għandhom ikunu mistiedna biex jirrevedu l-funzjoni u l-kompożizzjoni tal-ICTSB fil-preżent biex jagħmluh aktar effiċjenti. 3. PASSI LI JMISS Meta qed tippubblika l-White Paper, il-Kummissjoni qegħda tistieden kummenti mill-partijiet interessati kollha, speċjalment fuq is-suġġeriment magħmula għal aktar azzjonijiet. Kif indikat fil-kapitoli t'hawn fuq, dawn is-suġġeriment jiffokaw fuq miżuri li possibilment m'humiex leġiżlattivi u fuq miżuri li jistgħu jkunu implimentati bl-aġġornament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95. B'mod parallel, riċentament għadha kif tnediet reviżjoni wiesgħa tas-sistema Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni. Il-Kummissjoni qabdet Bord ta' Esperti indipendenti biex jippreparaw rakkomandazzjonijiet strateġiċi għar-reviżjoni tas-sistema Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni kollha sal-aħħar tal-2009. Il-proposti fir-rigward tal-politika tal-istandardizzazzjoni tal-ICT imsemmija f'din il-White Paper se jitqiesu fix-xogħol tal-Bord ta' Esperti. Fid-dawl tal-eżitu tar-reviżjoni li għadha għaddejja fuq il-politika ġenerali u wara l-konsultazzjoni pubblika li saret minn din il-White Paper, il-Kummissjoni qed tbassar li fl-2010 tippreżenta, kwalunkwe proposti ta' natura politika u leġislattiva neċessarji. Il-Kummissjoni tistieden kummenti fuq din il-White Paper, u speċjalment fuq is-suġġerimenti mniżżla fil-kaxxa. Dawn jistgħu jintbagħtu, sal-15 ta' Settembru 2009, permezz tal-'Your Voice in Europe' http://ec.europa.eu/yourvoice/consultations/index_en.htm#open , jew permezz tal-posta elettronika lil: ENTR-ICT-STANDARDISATION@ec.europa.eu jew bil-posta lil" Modernising ICT Standardisation Policy in the EU: the Way Forward (ENTR/D/4) European Commission – BREY 6/60 B-1049 Brussels. Sakemm m'intix twieġeb bħala individwu, jekk jogħġbok indika l-isem u n-natura tal-organizzazzjoni li tirrappreżenta. Kumpaniji li jwieġbu għandhom b'żieda ma' dan jipprovdu dettalji tad-daqs tagħhom f'termini ta' dħul u numru ta' impjegati kif ukoll jindikaw jekk humiex provdituri primarjament tal-prodott tal-ICT, jew provdituri tas-servizz tal-ICT jew utenti tal-prodott jew tas-servizz. Id-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija se jippubblika s-sottomissjoni tiegħek fuq is-Sit Web Dinji ( http://ec.europa.eu/enterprise/ict/policy/standards/ict_index_en.htm ) . Jekk jogħġbok aqra l-istqarrija dwar il-privatezza mehmuża mal-konsultazzjoni għal informazzjoni dwar kif id-dejta personali u l-kontribut tiegħek se jiġu trattati. Organizzazzjonijiet professjonali huma mistiedna jirreġistraw fir-Reġistru tal-Kummissjoni għar-Rappreżentanti ta' Interess (http://ec.europa.eu/transparency/regrin/) stabbilit fil-qafas tal-Inizjattiva Ewropea ta’ Trasparenza bl-għan li jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-pubbliku in ġenerali b'informazzjoni dwar l-objettivi, il-finanzjament u l-istrutturi tar-rappreżentanti ta' interess. [1] ĠU L 204, 21.7.1998 p. 37. Id-Direttiva 98/34/KE ikkonsolidat emendi fid-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta' Marzu 1983, u kompliet tiġi emendata mid-Direttiva 98/48/KE biex tkopri s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni [2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KE, ĠU L 36, 7.2.1987, p. 31. [3] http://www.eu2006.fi/news_and_documents/conclusions/vko50/en_GB/1165932111543/_files/76410530393686600/default/92107.pdf [4] Komunikazzjoni: Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja biex taqdi liċ-ċittadin COM(2009) 262 [5] http://ec.europa.eu/enterprise/ict/policy/standards/piper/full_report.pdf [6] http://ec.europa.eu/enterprise/ict/policy/standards/piper_en.htm [7] http://ec.europa.eu/enterprise/ict/policy/standards/cf2008_en.htm [8] Il-prinċipju ta' FRAND hu li l-partijiet jaqblu li jagħti liċenzja lill-proprjetà intellettwali tagħhom preżenti fl-istandards rispettivi fuq termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji għal kulmin jixtieq jimplimenta l-istandard. Il-ftehim tal-liċenzja attwali hu magħmul bejn is-sidien rispettivi tal-IP u dawk li jixtiequ jimplimentaw l-istandard [9] Komunikazzjoni, Inizjattiva tas-suq ewlieni għall-Ewropa – COM(2007) 860. [10] ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114 [11] Ara l-Komunikazzjoni dwar id-Drittijiet ta' Proprjetà Industrijali - COM(2008) 465 tas-16.7.2008. [12] Ara l-Linji ta' Gwida dwar l-applikabilità tal-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE għal ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali - ĠU C 3, 6.1.2001 p. 1. Kull entità li tfassal l-istandard trid tikkonforma ma' dawn il-Linji ta' Gwida. Din il-White Paper ma tippreġudikax l-applikazzjoni tar-regoli ta' kompetizzjoni u l-Linji ta' Gwida Orizzontali.