52009DC0295




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell 25.6.2009

KUMM(2009) 295 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Is-sitt rapport ta’ progress dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali{SE G(2009) 828 finali}

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Id-dimensjoni reġjonali tal-kreattività u l-innovazzoni 4

2.1. Il-kreattività 4

2.1.1. L-iżvilupp tat-talent lokali 4

2.1.2. Il-ġibda ta' talenti u viżitaturi lejn ir-reġjun 5

2.1.3. It-tolleranza 5

2.2. L-Innovazzjoni 7

2.2.1. L-intrapriżi ġodda 8

2.2.2. L-intrapriżi eżistenti 10

2.3. Konklużjoni 11

3. Il-koeżjoni territorjali: fiex wasal id-dibattitu 12

3.1. Id-definizzjoni, l-ambitu u l-iskala tal-koeżjoni territorjali 12

3.2. Koordinazzjoni aħjar u sħab territijali ġodda 13

3.3. Kooperazzjoni mtejba 14

3.4. Għarfien aħjar dwar il-koeżjoni territorjali 15

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Is-sitt rapport ta’ progress dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjaliIr-reġjuni kreattivi u innovattivi

INTRODUZZJONI

Dan ir-rapport jiffoka fuq il-kreattività u l-innovazzjoni billi dawn jistgħu jgħinu lill-Unjoni toħroġ aktar malajr u b'saħħa mill-kriżi ekonomika attwali. Huwa għalhekk li l-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku flimkien mal-Politika ta' Koeżjoni għandhom l-għan li jsaħħu l-kompetittività tal-UE, bħall-intraprenditorija, l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs, il-kapital uman, l-ICT, it-teknoloġija favur l-ambjent u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija[1]. Dan il-pjan isaħħaħ ir-rabta tal-Politika ta' Koeżjoni mal-Istrateġija ta' Liżbona u l-impenn aktar qawwi favur l-innovazzjoni matul il-perjodu 2007-2013 għal liema kienu ddedikati EUR 85 biljun[2]. Il-ħames rapport ta' progress[3] jisħaq fuq ir-rwol qawwi ta' ċerti setturi u tar-ristrutturar ekonomiku fl-iżvilupp reġjonali. Din ir-riċessjoni se taċċellera r-ristrutturar u tolqot xi setturi b'qawwa, b'mod partikolari s-settur finanzjarju, tal-kostruzzjoni u dak tal-karozzi se jaffaċċjaw telf ta' impjiegi sinifikanti.

Barra minn hekk, dan ir-rapport jargumenta li l-kreattività u l-innovazzjoni għandhom dimensjoni reġjonali kruċjali[4]. L-OECD[5] (OECD - Organisation for Economic Cooperation and Development) tenfasizza li billi l-innovazzjoni qed issir aktar kumplessa (b'mudelli tal-innovazzjoni aktar miftuħa, innovazzjoni tal-proċessi u r-rwol tal-assorbiment u l-adattament) l-ebda politika ma tista' tippromwovi l-innovazzjoni fir-reġjuni kollha. L-għarfien lokali hemm bżonn ikun immobilizzat biex ir-reġjuni jfasslu s-sistemi tal-innovazzjoni tagħhom u jużaw l-għarfien u t-teknoloġija b'mod aktar effettiv. Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, is-Sena Ewropea għall-Kreattività u l-Innovazzjoni kienet ta' ispirazzjoni għat-tfassil ta' dan ir-rapport.

L-għan ewlieni ta' dan ir-rapport huwa li juri liema fatturi jistgħu jagħtu spinta lill-kreattività u l-innovazzjoni kemm fir-reġjuni żviluppati u dawk anqas żviluppati Dan ir-rapport ikopri l-innovazzjoni teknoloġika, iżda wkoll ħafna forom mhux teknoloġiċi ta' innovazzjoni bħall-innovazzjoni soċjali, kulturali, l-innnovazzjoni tal-proċessi u tas-servizzi.

Id-dejta reġjonali disponibbli għal dan ir-rapport għadha ma tirriflettix il-kriżi. Sal-2007, ir-rati ta' qgħad kienu qed jonqsu u jikkonverġu b'mod mgħaġġel (ara l-Iskeda 1). Iżda bħalissa dawn qed jikbru b'mod drammatiku fi Spanja, fl-Irlanda, u fit-tliet Stati Baltiċi, u mistennija jitilgħu sa bejn 11 u 17 % fl-2009, aktar mid-doppju tar-rata tal-2007[6]. Dawn il-ħames Stati Membri (SM) jipprevedu wkoll li se jsofru tnaqqis ekonomiku, li jwassal għat-tmiem ta' perjodu ta' tkabbir sostnut (ara l-Iskeda 2).

Dan ir-rapport jipprovdi wkoll sinteżi tad-dibattitu dwar il-Koeżjoni Territorjali, imnedija bi Green Paper is-sena li għaddiet.

Dan ir-rapport huwa akkumpanjat mill-11-il skeda li jqabblu u janalizzaw l-indikaturi prinċipali relatati mal-kreattività u l-innovazzjoni.

ID-DIMENSJONI REġJONALI TAL-KREATTIVITÀ U L-INNOVAZZONI

Dan ir-rapport juża l-kreattività fis-sens tal-ħolqien ta' idea ġdida u ta' użu[7], u l-innovazzjoni bħala l-implimentazzjoni fil-prattika ta' idea ġdida u ta' użu. Id-dimensjoni reġjonali tfisser li idea trid tkun ġdida u ta' użu fir-reġjun. L-analiżi tkopri kemm l-attivitajiet li jkabbru l-limitu tal-għarfien u dawk li jippermettu lir-reġjuni jersqu eqreb lejn dak il-limitu.

Il-kreattività

Kif inhuma ġġenerati l-ideat ġodda u ta' użu? Minkejja l-immaġini popolari tal-inventur solitarju, l-ideat ġodda huma l-aktar iġġenerati mill-interazzjoni bejn il-bnedmin b'mod speċjali bejn diversi nies differenti u ta' talent. Din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn l-applikazzjonijiet għall-brevetti u għall-attivitajiet kulturali huma kkonċentrati fl-ibliet. Sabiex din l-interazzjoni tkun imsaħħa, hemm bżonn li r-reġjuni jiżviluppaw it-talent tagħhom, jiġbdu persuni b'talenti lejhom u jittolleraw id-diversità.

L-iżvilupp tat-talent lokali

L-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jgħinu lill-persuni jiżviluppaw it-talenti u l-kreattività tagħhom. Madankollu għad fadal differenzi kbar bejn ir-reġjuni fil-livelli tal-edukazzjoni. Il-proporzjon ta' gradwati huwa kważi disa' punti perċentwali aktar fir-reġjuni ta' kompetittività u impjiegi reġjonali (RCE - regional competitiveness and employment) u ta' Tranżizzjoni[8] milli fir-reġjuni ta' Konverġenza (ara t-Tabella 1). Anki l-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul l-ħajja hija anqas fir-reġjuni ta' Konverġenza, fejn ir-rata hija nofs dik tar-reġjuni RCE.

L-indiċi tal-intensità tal-kapital uman (HCI – human capital intensity) turi kombinazzjoni mwieżna ta' suċċessi fl-edukazzjoni sekondarja u terzjarja mill-populazzjoni fl-età ta' bejn il-25 u l-64 sena (ara l-Iskeda 3) Diversi reġjuni fil-Portugall, fl-Italja, fil-Greċja u fin-naħa ta' isfel ta' Spanja jinsabu fin-naħa ta' isfel tal-lista, li jimplika li dawn jistimulaw anqas kreattività. Il-qabża bejn ir-reġjuni ta' Konverġenza u r-reġjuni RCE hija mdaqqsa (disa' punti perċentwali), iżda naqset bis-saħħa ta' żieda ogħla fis-suċċessi fl-edukazzjoni sekondarja fir-reġjuni ta' Konverġenza.

L-HCI kiber b'mod sinifikanti għall-UE kollha matul il-perjodu 2000-2007. Dan se jkompli hekk kif aktar persuni żgħażagħ u b'taħriġ aħjar jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Il-kisba ta' kwalifiki ta' livell medju u għoli min-nisa qegħda dejjem tikber. Bħalissa n-nisa żgħażagħ huma spiss aktar kwalifikati mill-irġiel żgħażagħ (ara l-Iskeda 4).

Il-ġibda ta' talenti u viżitaturi lejn ir-reġjun

Reġjun jista' jkabbar il-proporzjon ta' talenti tiegħu billi jiġbed lejh persuni b'talenti biex joqogħdu hemm jew biex iżuru r-reġjun. Għalkemm iċ-ċaqlieq fi ħdan pajjiż jista' jgħin xi reġjuni jew bliet, il-ġibda ta' talenti minn barra biss tkabbar it-total tat-talent nazzjonali. Il-proporzjon ta' gradwati mwielda barra huwa biss ta' 2 % fl-UE, meta mqabbel ma' 6 % fl-Istati Uniti, livell li tmien reġjuni tal-UE biss irnexxielhom jilħqu. Il-Karta l-Blu[9] (Blue Card) tal-UE li qed tkun proposta tista' tgħin biex aktar gradwati barranin ikunu mħajra jiċċaqilqu lejn l-UE.

Il-proporzjon tal-popolazzjoni li għandhom età biex jaħdmu mwielda f'pajjiż ieħor għandu l-istess karatteristiċi bħall-gradwati mwielda barra, bi proporzjonijiet għolja f'Londra, fil-Lussemburgu, fi Brussell u fi Vjenna, fejn aktar minn terz huma mwielda barra (ara l-Iskeda 5), u ħafna proporzjonijiet baxxi ħafna fl-Istati Membri taċ-Ċentru u l-Lvant (SM ĊL). Fir-reġjuni ta' Konverġenza, dan huwa ta' 3 % biss, filwaqt li fir-reġjuni RCE dan huwa erba' darbiet ogħla.

Fortunatament, għall-pajjiżi u r-reġjuni bi flussi għoljin ta' migrazzjoni lil hinn minnhom, ħafna miċ-ċittadini ma jaqtgħux kompletament il-kuntatt ma' pajjiż twelidhom. Xi SM, pereżempju, jirċievu flussi sostanzjali ta' flus li jintbagħtu minn min ikun qed jaħdem barra. Dan jipprovdi fluss qawwi ta' kapital lejn il-pajjiż, l-ekwivalenti ta' punt perċentwali jew aktar tal-PGD kull sena[10], iżda dan jista' jonqos minħabba l-kriżi.

Ħafna ċittadini tal-UE diġà marru lura lejn l-Istati Membri taċ-Ċentru u l-Lvant minħabba titjib fl-opportunitajiet ta' xogħol u fil-pagi, parzjalment bis-saħħa tal-Politika ta' Koeżjoni, u żieda fil-qgħad fl-Istati Membri prinċipali ta' destinazzjoni. Dan inaqqas il-flussi ta' flus mibgħuta minn ċittadini li jaħdmu barra, iżda dawn iġibu magħhom l-esperjenza internazzjonali, għarfien kummerċjali mtejjeb u l-kuntatti tagħhom. Fl-imgħoddi, l-Irlanda u Spanja tilfu mill-popolazzjoni tagħhom billi l-migrazzjoni lil hinn minhhom kienet akbar mill-emigrazzjoni lejhom, iżda fis-snin riċenti dawn żiedu fil-popolazzjoni minħabba l-mobilità intra-komunitarja u migrazzjoni bis-saħħa tat-tkabbir ekonomiku qawwi u attitudni aktar miftuħa.

L-ivvjaġġar kummerċjali jsaħħaħ wkoll l-interazzjoni u l-iskambju ta' ideat. Minkejja aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar biex wieħed jagħmel netwerking u jikkoopera permezz tal-Internet, il-laqgħat fiżiċi għadhom popolari ħafna. Il-konferenzi kummerċjali u xjentifiċi għadhom jiġbdu numru kbir ta' nies mid-dinja kollha. L-ivvjaġġar kummerċjali huwa sors sinifikanti ta' tkabbir u impjiegi għal ħafna bliet u reġjuni. L-għan tal-ivvjaġġar turistiku mhuwiex l-iskambju ta' ideat, iżda jista' jikkontribwixxi biex il-ħajja soċjali fl-ibliet ssir aktar sinjura fit-talent u għalhekk jistimula l-kreattività. In-numru ta' wasliet għal kull persuna fil-lukandi (ara l-Iskeda 6) juru l-aktar destinazzjonijiet ta' suċċess għall-mawriet kummerċjali u n-numru baxx ta' wasliet fl-Istati Membri Ċentrali u tal-Lvant.

It-tolleranza

It-tolleranza lejn sfondi u stili ta' ħajja differenti jgħinu mhux biss biex it-talent ikun miżmum u mħajjar lejn ir-reġjun iżda wkoll biex jinħoloq ambjent miftuħ fejn il-kreattività timraħ u fejn id-diversità tkun apprezzata. F'xi pajjiżi, madankollu, ir-residenti ma jħossuhomx komdi ħafna ma' ġirien jew persuni eletti f'livelli politiċi għoljin li għandhom sfond etniku, reliġjon jew twemmin, jew orjentazzjoni sesswali differenti, jew xi diżabbiltà (ara l-Iskeda 7). Id-diskriminazzjoni fuq dawn il-bażi hija projbita[11] fl-UE. Madankollu, meta mqabbel mal-Istati Uniti u mal-Iżlanda, fi tmien Stati Membri aktar minn nofs dawk li rrispondew ma kinux iħossuhom komdi ma' persuni bi sfond etniku differenti fl-ogħla pożizzjoni politika eletta u f'disa' Stati Membri ma kinux komdi b'omosesswali fit-tmexxija tal-pajjiż.

Għalkemm b'kollox, dawk li rrispondew qalu li jaħsbu li d-diskriminazzjoni kienet anqas mifruxa fl-Istat Membru tagħhom, fi 17-il Stat Membru tal-anqas tip ta' diskriminazzjoni waħda kienet titqies aktar mifruxa minn ħames snin ilu. Fi kważi l-Istati Membri kollha dan kien jinkludu diskriminazzjoni etnika, kif ukoll fuq il-bażi ta' reliġjon, omosesswalità u sess. Għalkemm l-aktar Stati Membri żviluppati għandhom it-tendenza jkunu aktar tolleranti, ftit minnhom xorta għadhom lura minn din il-perspettiva, u ż-żieda fil-qgħad tista' twassal għal żieda fl-atti ta' diskriminazzjoni.

Fl-Istati Membri tal-UE, ir-rati ta' qgħad fost ir-residenti mwielda barra mill-pajjiż huma spiss darbtejn jew tliet darbiet ogħla mir-rata ta' qgħad fost il-persuni mwielda fil-pajjiż. Dawn ir-rati għoljin huma minħabba nuqqas ta' għarfien tal-lingwa tal-pajjiż u livelli aktar baxxi ta' edukazzjoni, iżda wkoll minħabba diskriminazzjoni. Hekk kif il-migrazzjoni minn barra l-Unjoni se tkun l-uniku mod kif ikun sostnut it-tnaqqis fil-popolazzjoni, fil-futur se ssir aktar importanti li wieħed jiżgura li l-migranti u t-tfal tagħhom isibu xogħol jew iwaqqfu negozju[12]. L-aċċess aħjar għal taħriġ xieraq u edukazzjoni ogħla se jgħin biex ikun hemm titjib fl-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol[13].

Il-klassi kreattiva prinċipali (ara l-Iskeda 8) hija importanti b'mod partikolari għall-ekonomija billi l-membri tagħha jiġġeneraw aktar ideat u huma aktar probabbli li jwaqqfu kumpaniji, u joħolqu kemm tkabbir u impjiegi fil-proċess[14]. Diversi analiżi wrew li fl-Istati Uniti[15] din il-klassi tippreferi bliet ta' talent, tolleranti u ta' teknoloġija għolja. Il-professjonijiet fil-klassi kreattiva prinċipali jinkludu inġiniera, kittieba, arkitetti, xjentisti, professuri u artisti u professjonijiet oħrajn li jinvolvu l-ħolqien ta' prodotti, proċessi u servizzi ġodda importanti

Fl-UE, il-klassi kreattiva prinċipali hija kkonċentrata fi u madwar reġjuni kapitali u fil-pajjiżi tal-Benelux u dawk Nordiċi, fl-Irlanda u fir-Renju Unit. Dawn ir-reġjuni għandhom proporzjon għoli ta' gradwati mwielda barra, aċċess għall-Internet broadband u spiss bliet kbar, li jikkonfermaw din il-preferenza. Dawn ir-reġjuni u ż-żoni metropolitani huma dejjem aktar rikonoxxuti bħala muturi qawwija tal-innovazzjoni u ħafna bliet qed jieħdu azzjoni biex isiru aktar kreattivi billi jiġbdu lejhom persuni b'ħiliet għolja u kreattivi u billi joffru ambjent tajjeb biex xogħlijiet u ideat innovattivi jirnexxu[16]. Ir-reġjuni ta' konverġenza għandhom sehem iżgħar tal-klassi kreattiva prinċipali ta' 5 %, meta mqabbel ma' 8 % fir-reġjuni RCE, liema rata hija probabbilment relatata mal-proporzjon iżgħar ta' gradwati u nies imwielda barra, u użu aktar limitat tal-ICT. Pereżempju fl-2008 l-aċċess għall-internet broadband fir-reġjuni ta' konverġenza kien ta' 32 % li huwa ħafna anqas mill-57 % fir-reġjuni RCE iżda ħafna aktar mill-2004 meta dan kien ta' 8 % biss.

Tabella 1: L-Indikaturi tal-Kreattività skont it-tip ta' reġjun

[pic]

L-Innovazzjoni

Dan ir-rapport jiffoka fuq id-dimensjoni reġjonali, iżda l-innovazzjoni għandha wkoll dimensjoni globali. Ir-riċerka[17] turi li l-UE qegħda lura meta mqabbla mal-Istati Uniti, iżda din il-qabża bdiet tonqos. Speċifikament, li l-UE għandha tkabbir akbar fin-numru ta' gradwati, riċerkaturi, R&D pubbliku, kapital spekulattiv, aċċess għall-internet broadband u impjiegi f'servizzi li jinħtieġu għarfien intensiv3 u qegħda fuq quddiem fil-gradwati fost l-SMEs, trejdmarks, flussi tal-bilanċi tal-pagamenti marbuta mat-teknoloġija u impjiegi fil-manifattura b'teknoloġija medja-għolja u teknoloġija għolja3.

Idea ġdida u ta' użu tista' titpoġġa fil-prattika fi sfera soċjali, kulturali u ekonomika. L-innovazzjoni soċjali tista' toħloq mudelli aħjar għall-ħarsien tat-tfal, ittejjeb is-servizzi tal-kura tas-saħħa fid-dar u tippromwovi trasport sostenibbli. L-innovazzjoni kulturali tista' twassal għal forom ġodda ta' arti. Fl-ekonomija, din tista' tnaqqas l-użu tal-enerġija, tarmonizza l-proċessi u ttejjeb id-disinn ta' prodotti u servizzi, li kollha għandhom it-tendenza jsaħħu l-produttività. Ħafna reġjuni esperjenzaw tkabbir sinifikanti fil-produttività (ara l-Iskeda 9). Ir-reġjuni bl-akbar tkabbir fil-produttività għandhom tendenza jkunu fl-Istati Membri Ċentrali u tal-Lvant. Mis-sena 2000 lil hawn il-produttività fl-industrija u fis-servizzi kibret bi 2 % kull sena fir-reġjuni ta' Konverġenza, id-doppju tar-rata ta' tkabbir fir-reġjuni RCE. Dan it-tkabbir kien appoġġjat minn tkabbir fl-edukazzjoni, użu aħjar u aktar wiesa' tal-ICT u flussi akbar ta' investiment barrani dirett (IBD) lejn ir-reġjun.

L-IBD huwa sors kruċjali ta' investimenti għal kważi l-Istati Membri Ċentrali u tal-Lvant kollha (ara t-Tabella 3), fejn il-flusi netti tal-IBD kienu ta' aktar minn 3 % tal-PGD kull sena bejn l-2005 u l-2007. L-IBD, madankollu, mhux bilfors jirriżulta fil-ħolqien ta' intrapriża ġdida. Ħafna mill-IBD jinvolvi investituri barranin li jieħdu sehem ta' kontroll f'kumpanija. It-tkabbir qawwi fil-produttività fir-reġjuni ta' Konverġenza huwa r-raġuni prinċipali għalfejn il-qabża fil-PGD għal kull persuna naqset b'mod sinifikanti. Il-qabża fir-rata tal-impjiegi baqgħet ta' aktar minn 10 punti perċentwali sa mis-sena 2000 (ara t-Tabella 4). Il-PGD għal kull persuna żdiet b'sitt punti bejn is-sena 2000 u l-2006 meta mqabbel mal-medja tal-UE, u b'hekk ir-reġjuni ta' Tranżizzjoni issa qegħdin erba' punti 'l bogħod mill-medja tal-UE, u r-reġjuni ta' Konverġenza, b'59 %, eqreb iżda xorta waħda ħafna anqas mil-limitu ta' 75 % (ara l-Iskeda 2).

L-intrapriżi ġodda

L-ideat ġodda huma spiss implimentati minn intrapriżi ġodda. Dawn jistgħu jkunu kummerċ ġdid maħluq minn intraprenditur lokali jew investiment barrani dirett (IBD). L-intrapriżi ġodda huma importanti ħafna għall-innovazzjoni. L-intrapriżi ġodda innovattivi jistgħu jiffukaw fuq settur speċifiku tas-suq u jikbru malajr (dawk l-hekk imsejħa gazelles). Iżda ma huwiex dejjem faċli li intrapriża ġdida tkun maħluqa. Il-Bank Dinji[18] indika li huwa aktar faċli li wieħed jibda negozju f'tal-anqas mitt pajjiż ieħor milli fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fil-Greċja, fi Spanja u fil-Polonja (ara t-Tabella 2). L-Irlanda u r-Renju Unit biss jinsabu mal-aħjar għaxra f'din il-klassifika.

Tabella 2: Klassifika tal-faċilità biex wieħed ikollu negozju, 2009

[pic]

Fl-2006, il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa waqqaf tliet miri ċari biex ir-reġistrazzjoni ta' kumpanija ġdida ssir aktar faċli, tiswa anqas flus u ssir aktar veloċi, iżda sal-aħħar tal-2008 disa' Stati Membri biss laħqu t-tliet miri[19].

Mod ieħor kif l-intraprenditorija tista' tkun imsaħħa huwa permezz tal-promozzjoni attiva tagħha bħala għażla ta' karriera, speċjalment f'reġjuni b'rati għoljin ta' qgħad (fost iż-żgħażagħ). L-edukazzjoni intraprenditorjali tista' tikkonvinċi aktar żgħażagħ biex iwettqu u jimplimentaw l-ideat tagħhom.

Intrapriżi barranin ġodda huma normalment kkonċentrati fir-reġjuni kapitali pereżempju fir-Repubblika Ċeka, fis-Slovakkja, fil-Finlandja u fil-Portugall (ara l-Iskeda 10). Dawn jinstabu wkoll fir-reġjuni konfinali, b'mod partikolari mal-konfini li huma l-eqreb mal-kumplament tal-Ewropa, pereżempju fil-Punent tal-Polonja u l-Ungerija, fil-Majjistral tar-Rumanija, u fil-Lvant ta' Franza. Fl-2005-07, ir-reġjuni ta' Konverġenza qabżu lir-reġjuni RCE f'termini tan-numru ta' intrapriżi barranin ġodda għal kull abitant. Il-kriżi se twassal għal tnaqqis fl-IBD u numru anqas ta' intrapriżi barranin ġodda. Ir-riċerka[20] turi li l-politiki reġjonali huma aktar effettivi mill-politiki nazzjonali biex jinkoraġġixxu t-tixrid tal-għarfien li joriġina minn persuni b'talent fl-intrapriżi barranin .

Tabella 3: L-investiment barrani dirett nett bħala % tal-PGD, 2005-2007

[pic]

Waħda mill-miri tad-direttiva tas-servizzi hija li t-twaqqif ta' negozji ġodda fis-servizzi jkun iffaċilitat fi Stati Membri oħrajn sal-aħħar tal-2009. Dan jista' jwassal għal żieda fl-IBD, b'mod partikolari fir-reġjuni mal-konfini. L-implimentazzjoni rapida u kompluta ta' din id-Direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali reġjonali u lokali se tiżgura l-ogħla impatt fuq l-impjiegi u negozji ġodda madwar l-Ewropa.

L-intrapriżi eżistenti

L-innovazzjoni fl-intrapriżi eżistenti ssir permezz tal-R&D u metodi oħrajn[21], bħall-adozzjoni tat-teknoloġija, l-innovazzjoni mhux marbuta mat-teknoloġija u l-ikkumbinar ta' għerf eżistenti b'metodi ġodda. Studji[22] wrew biċ-ċar li l-intrapriżi l-kbar jinvestu aktar fl-R&D u jagħmlu aktar innovazzjoni fi ħdanhom, filwaqt li l-SMEs għandhom anqas aċċess għall-finanzi u għandhom tendenza jagħmlu anqas innovazzjoni u jikkuntrattjaw il-bżonnijiet tagħhom ta' innovazzjoni lill-kumpaniji oħrajn. L-SMEs bi tkabbir qawwi, madankollu, jista' jkollhom impatt akbar fuq l-innovazzjoni, iżda jistgħu jkunu mfixkla minn swieq protetti u ostakoli oħrajn.

L-R&D huwa kkonċentrat ħafna kemm b'mod settorjali – il-manifattura tammonta għal 80 % – u kemm reġjonali, pereżempju 30 % tal-infiq kummerċjali fl-R&D (BERD, ara l-Iskeda 11) isir f'10 reġjuni biss. Huwa biss f'29 reġjun li n-negozji jinvestu aktar minn 2 % tal-PGD fl-R&D. F'ħafna l-porzjon investit fl-R&D huwa taħt 1 %. B'kollox, l-UE tonfoq ħafna anqas mill-Istati Uniti fl-R&D, iżda xi Stati Membri jilħqu l-livell tal-Istati Uniti f'ċerti setturi tal-manifattura. L-R&D, madankollu, ikopri parti żgħira biss mill-infiq relatat mal-innovazzjoni.

Fir-reġjuni RCE, il-BERD huwa ta' 1,3 %, li huwa erba' darbiet aktar mir-reġjuni ta' Konverġenza. Fir-reġjuni anqas żviluppati, it-tixrid tat-teknoloġija aktar għandu rwol akbar, li huwa evidenti min-numru ta' brevetti għal kull ras, bir-reġjuni RCE jipproduċu 13-il darba n-numru ta' applikazzjonijiet għal brevetti tar-reġjuni ta' Konverġenza.

Tabella 4: L-indikaturi tal-innovazzjoni skont it-tip ta' reġjun

[pic]

Konklużjoni

Il-kriżi finanzjarja u r-riċessjoni jsaħħu r-rwol tal-kreattività u l-innovazzjoni. Din l-analiżi turi li l-kreattività u l-innovazzjoni għandhom dimensjoni reġjonali distinta. Skont diversi indikaturi r-reġjuni RCE jidhru fuq quddiem, fir-rigward tal-klassi kreattiva prinċipali, l-R&D u l-intensità tal-kapital uman. Skont indikaturi oħrajn, bħat-tkabbir fl-IBD u fil-produttività, madankollu, ir-reġjuni ta' Konverġenza jidhru fuq quddiem. X'konklużjonijiet jista' wieħed jieħu minn dawn it-tendenzi?

Ir-reġjuni ta' Konverġenza jistgħu jieħdu benefiċċji akbar mill-intrapriżi barranin billi jinkluduhom fl-ekonomija reġjonali u jtejbu l-kapaċità ta' assorbiment tagħhom. Ir-rabtiet mill-qrib bejn l-intrapriżi barranin u l-fornituri lokali jtejbu l-effiċjenza, l-impjiegi lokali u l-flussi ta' għarfien. Dawn ir-reġjuni għandhom itejbu l-kisba edukattiva u l-parteċipazzjoni fit-taħriġ, li jżidu mal-kapaċità tagħhom li jassorbu ideat u prattiċi ġodda u tgħinhom isostnu t-tkabbir għoli tagħhom fil-produttività.

Barra minn dan, dawn ir-reġjuni għandhom iżidu l-popolarità tagħhom mat-turisti u dawk li jsiefru fuq negozju, billi, pereżempju, jistimulaw attivitajiet kulturali u kreattivi. Dan isaħħaħ l-iskambju ta' ideat u possibilment ikabbar il-popolarità tar-reġjun għal residenti ġodda u migranti li jirritornaw lura.

Ir-reġjuni ta' Tranżizzjoni qegħdin joqorbu lejn ir-reġjuni RCE, iżda xorta waħda għadhom lura skont ħafna mill-indikaturi ekonomiċi inklużi l-produttività u l-impjiegi. L-indikaturi relatati mal-innovazzjoni bħall-R&D, il-brevetti u l-kapital uman għadhom juru nuqqas sostanzjali. Biex jimxu mill-iffukar fuq l-effettività fl-infiq għal ekonomija msejsa fuq l-innovazzjoni[23], dawn ir-reġjuni għandhom bżonn itejbu l-ambjent kummerċjali tagħhom u jinvestu aktar fl-R&D, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ u jiżviluppaw il-ħiliet kreattivi bażiċi.

Ir-reġjuni RCE għandhom jiżguraw li jieħdu l-aħjar benefiċċju mill-proporzjon kbir ta' residenzi mwielda f'pajjiż ieħor, billi jiżguraw li dawn ikunu integrati fis-suq tax-xogħol u jagħmluha aktar faċli għalihom li dawn ikollhom in-negozju tagħhom. Biex ikomplu jikkompetu fuq skala globali, dawn ir-reġjuni jinħteġilhom iżidu l-investiment tagħhom fil-kreattività u l-innovazzjoni u jaċċelleraw it-tranżizzjoni minn idea ġdida għal prodott, servizz jew proċess ġdid.

Il-kreattività u l-innovazzjoni jimirħu f'ambjent fejn l-ideat u l-approċċi ġodda huma aċċettati u inkoraġġuti. F'reġjun fejn hemm diskriminazzjoni kontra l-persuni abbażi tal-oriġini etnika, twemmin, sess, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, mhux biss il-kreattività u l-innovazzjoni se jkunu anqas iżda r-reġjun sħiħ se jkun anqas kompetittiv. Għaldaqstant, ir-reġjuni kollha għandhom jistinkaw biex inaqqsu d-diskriminazzjoni, jippromwovu d-djalogu interkulturali u aktar ftuħ lejn persuni bi sfondi u stili ta' ħajja differenti.

IL-KOEżJONI TERRITORJALI: FIEX WASAL ID-DIBATTITU

Fl-Artikolu 3 tiegħu, it-Trattat ta Liżbona jelenka l-koeżjoni territorjali bħala Għan espliċitu għall-futur tal-Politika ta' Koeżjoni. Barra minn dan, il-kriżi attwali bl-impatti asimmetriċi tagħha żiedet l-importanza tal-koeżjoni territorjali fl-UE, u d-diskussjoni dwar il-kunċett sabet aktar appoġġ.

F'Ottubru 2008, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Green Paper dwar “il-Koeżjoni Territorjali”[24] billi nehdiet dibattitu pubbliku wiesa' dwar il-koeżjoni territorjali u l-implikazzjonijiet politiċi. Il-Kummissjoni laqgħet b'mod pożittiv il-fatt li rċeviet 391 risposta[25], inkluż kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri kollha, minn kważi 100 awtorità reġjonali, minn aktar minn 150 assoċjazzjoni reġjonali u lokali kif ukoll minn ibliet, sħab ekonomiċi u soċjali, minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, minn istituzzjonijiet ta' riċerka u minn ċittadini individwali. Il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali kollha adottaw l-opinjonijiet tagħhom dwar il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali.

Din it-taqsima tipprovdi sommarju fil-qosor tar-riżultati tal-konsultazzjoni.

Id-definizzjoni, l-ambitu u l-iskala tal-koeżjoni territorjali

Il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali ma pproponietx definizzjoni, iżda staqsiet għal waħda. Il-Parlament Ewropew, fir-reazzjoni tiegħu, esprima t-tħassib li mingħajr "definizzjoni miftehma, komuni u li tinftiehem" se jkun diffiċli li wieħed jiddiskuti l-implikazzjonijiet tal-politika. Xi wħud minn dawk li rrispondew urew l-istess tħassib, iżda oħrajn argumentaw li t-talba għal definizzjoni preċiża se ttawwal id-diskussjonijiet bla bżonn. Fortunatament, minn dan id-dibattitu ħareġ ftehim ġeneriku dwar l-għan u l-elementi bażiċi tal-koeżjoni territorjali.

L-għan tal-koeżjoni territorjali huwa li tinkoraġġixxi l-iżvilupp armonizzat u sostenibbli tat-territorji kollha billi dawn jibnu fuq il-karatteristiċi territorjali u r-riżorsi tagħhom.

It-tliet elementi bażiċi proposti biex jinkiseb dan il-għan kienu appoġġjati fil-wisà:

- il-konċentrazzjoni (il-kisba ta' saħħa mill-għaqda fl-indirizzar ta' inċidenti esterni),

- il-konnessjoni (it-tisħiħ tal-importanza ta' konnessjonijiet effiċjenti ta' żoni li waqgħu lura maċ-ċentri ta' tkabbir permezz tal-infrastruttura u l-aċċess għas-servizzi), u

- il-kooperazzjoni (ħidma flimkien 'il barra mil-limiti amministrattivi biex jinkisbu sinerġiji).

Ir-risposti wrew bis-sħiħ li l-koeżjoni territorjali tikkumplimenta u ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali u saħqu li t-tliet elementi bażiċi kienu diġà preżenti impliċitament fil-Politika ta' Koeżjoni. Għal xi wħud, il-koeżjoni territorjali sservi biss il-koeżjoni soċjali u ekonomika, filwaqt li għal ħafna din hija kunċett usa' u orizzontali li jinkludi s-setturi tal-politika kollha f'kull livell amministrattiv.

Ħafna kontributuri saħqu l-importanza tad-dimensjoni ta' solidarjetà tal-koeżjoni territorjali; xi wħud bħala dimensjoni territorjali tal-mudell soċjali Ewropew. Dan jimplika li l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali bejn it-territorji f'kull livell (mil-livell ta' UE sa dak reġjonali u lokali) għandhom ikunu kkunsidrati. Ħafna risposti sostnew li l-kwalità tajba tal-ħajja, l-opportunitatjiet indaqs u l-aċċess għas-servizzi ta' interess ġenerali fit-territorji kollha huma kruċjali kemm għas-solidarjetà u l-kompetittività.

Minorità minn dawk li rrispondew ipproponew li l-koeżjoni territorjali tkun relatata ma' numru żgħir ta' fatturi ġeografiċi li jistgħu jinfluwenzaw l-iżvilupp. Dawn ipproponew ukoll politiċi speċifiċi tal-UE u ffinanzjar jew anki strateġiji komprensivi tal-UE għal dawn it-territorji. Madankollu, il-maġġoranza tar-risposti, inkluża maġġoranza ta' Stati Membri, argumentaw li dawn il-fatturi ma jindikawx is-suċċess jew il-falliment, u lanqas ma jikkunsidraw il-kapaċitajiet tal-Istati Membri u r-reġjuni li jipprovdu risposti adegwati ta' politika, u għaldaqstant ma jirrikjedux trattament speċifiku, u wisq anqas kumpens. Dawn ir-reazzjonijiet jikkonfermaw li s-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tat-territorji għandha tkun il-bażi tal-intervent u t-tfassil tal-politika. Barra minn dan, dawn enfasizzaw li l-Politika ta' Koeżjoni diġà tipprovdi biżżejjed flessibilità biex tindirizza problemi diversi f'territorji differenti.

Ħafna reazzjonijiet argumentaw li diversi kwistjonijiet (pereżempju l-esklużjoni soċjali jew it-tifrix urban, l-aċċessibilità għas-servizzi u r-riskju ta' għargħar) jirrikjedu risposti politiċi fuq livelli territorjali differenti. Dawn ivarjaw minn viċinati urbani sa żoni metropolitani mċaħħda, minn baċini tax-xmajjar sa żoni fil-muntanji. Il-bżonn għal appoġġ Ewropew u l-flessibilità mixtieqa biex ikunu indirizzati l-problemi b'mod funzjonali għandu jkun ikkunsidrat fid-dawl tal-prinċipju ta' sussidjarjetà.

Koordinazzjoni aħjar u sħab territijali ġodda

Il-maġġoranza tal-kontribuzzjonijiet jassoċjaw il-koeżjoni territorjali ma' approċċ integrat, kontroll fuq diversi livelli, u sħubija; it-tlieta li huma assi ta' valur tal-Politika ta' Koeżjoni. B'mod partikolari, l-Inizjattivi tal-Komunità bħal URBAN u l-iżvilupp rurali ta' LEADER kienu msemmija b'mod pożittiv. Minkejja dan, ir-risposti argumentaw li l-koeżjoni territorjali għandha twassal għal żvilupp ulterjuri tad-dimensjoni territorjali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki Komunitarji. Pereżempju, diversi reazzjonijiet talbu għal titjib fil-koordinazzjoni u fil-koerenza bejn id-diversi strumenti u fondi tal-UE.

Kien hemm kunsens ċar li l-politiki pubbliċi fuq livelli differenti għandhom jikkunsidraw l-impatt territorjali biex jevitaw l-effetti kuntradittorji. Dan huwa l-każ b'mod partikolari tal-politiki Ewropej b'impatt territorjali, bħall-politika ta' koeżjoni, tat-trasport, tal-enerġija, tal-agrikultura, tal-ambjent, tal-impjiegi, tal-kompetizzjoni u tar-riċerka. Diversi kontribuzzjonijiet saħqu li d-dimensjonijiet territorjali tal-Istrateġiji ta' Liżbona u ta' Gothenburg għandhom ikunu kkunsidrati. Il-kunsiderazzjoni tal-impatt territorjali matul il-fażi tat-tfassil tal-politika ttejjeb is-sinerġiji u l-effikaċja. Huwa għalhekk li hemm bżonn fehim aħjar tal-impatt territorjali tal-politiki pubbliċi. Ħafna mir-reazzjonijiet talbu lill-UE biex ikollha rwol prinċipali f'dan il-qasam, pereżempju billi tipprova alternattivi differenti biex id-dimensjoni territorjali tal-valutazzjonijiet tal-impatt eżistenti tkun imsaħħa.

Il-kontribuzzjonijiet kollha qablu li l-koordinazzjoni tista' tkun imtejba permezz ta' kontroll fuq diversi livelli. Għall-maġġoranza, dan ma jbiddilx id-distribuzzjoni tal-kompetenzi, speċjalment fir-rigward tal-ippjanar matul iż-żmien. L-importanza tar-rwol tal-atturi reġjonali u lokali – inklużi rappreżentanti mill-ibliet, mis-settur privat u mis-soċjetà ċivili – fil-formulazzjoni, fl-implimentazzjoni, u fil-valutazzjoni tal-politika kienet enfasizzata f'diversi risposti. Il-kontribuzzjonijiet stiednu lill-UE biex tiffaċilità l-kontroll territorjali matul il-fruntieri (pereżempju permezz ta' sħubiji urbani-rurali, bliet-reġjuni, netwerks ta' bliet) biex tintlaħaq is-saħħa meħtieġa biex ikun pprovduti servizzi pubbliċi jew biex ikunu żviluppati proġetti ta' interess komuni. Numru ta' kontribuzzjonijiet semmew li l-UE għandha rwol fl-appoġġ tal-kapaċità istituzzjonali fuq diversi livelli ta' żmien permezz tal-Politika ta' Koeżjoni, li tkabbar l-effiċjenza tal-politiki mhux iffinanzjati mill-UE.

Kooperazzjoni mtejba

It-tliet strati tal-kooperazzjoni territorjali huma huma rikonoxxuti kważi unanimament bħala importanti ħafna għall-koeżjoni territorjali u eżempji ċari tal-valur miżjud tal-UE. Hemm talba qawwija għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni territorjali biex din issir aktar strateġika, iżda – fl-istess ħin – aftar flessibbli u sempliċi. F'dan ir-rigward, ir-Raggruppament Ewropew għall-Kooperazzjoni Territorjali (EGTC - European Grouping of Territorial Cooperation) huwa milqugħ u l-potenzjal tiegħu rikonoxxut.

Ir-reġjuni transkonfinali huma meqjusa laboratorji tal-integrazzjoni Ewropea. Il-partijiet interessati minn agglomerazzjonijiet transkonfinali jew żoni naturali, pereżempju, jistgħu jittestjaw il-pjanijiet ta' żvilupp integrat u l-provvista ta' servizzi.

Il-maġġoranza tal-kontribuzzjonijiet jisħqu l-importanza tal-koordinazzjoni tal-istrateġiji, regolamenti u ffinanzjar nazzjonali u reġjonali favur l-iżvilupp sostenibbli ta' żoni transnazzjonali sħaħ, kif ġara fil-każ tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku.

L-UE għandha tiffaċilita l-iskambji ta' esperjenzi u l-aħjar prattiċi. Hemm appoġġ qawwi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni inter-reġjonali (b'mod partikolari INTERREG C u URBAN), b'mod speċjali netwerking u t-twaqqif ta' limiti ta' referenza fir-rigward tal-indirizzar ta' problemi irrispettivament mill-fruntieri.

Fl-aħħarnett, il-kontribuzzjonijiet jappellaw għal koordinazzjoni aħjar bejn il-politika ta' koeżjoni u dik esterna; it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; u l-użu tal-EGTC mal-fruntieri esterni ukoll.

Għarfien aħjar dwar il-koeżjoni territorjali

Dawk kollha li rrispondew qablu li hemm bżonn ta' għodod aħjar għall-analiżi territorjali u indikaturi biex wieħed jifhem it-tendenzi territorjali. L-analiżi mtejba fuq il-livell NETS3, l-iżvilupp ta' analiżi tematiċi dwar il-migrazzjoni jew il-bdil fil-klima, it-titjib tal-istrument għall-valutazzjoni tal-impatt territorjali, kollha jistgħu jtejbu t-tfassil tal-politika. Il-programm ESPON u l-Kontroll Urban huma meqjusa bħala l-assi prinċipali f'dan ir-rigward.

Il-Kummissjoni hija mistiedna tqabbel għall-fini analitiċi l-PGD għal kull persuna ma' indikaturi oħrajn tal-kwalità tal-ħajja (pereżempju l-iżvilupp uman, is-sostenibbiltà, il-vulnerabbiltà, l-aċċessibbiltà għas-servizzi).

[1] COM(2008) 876

[2] SEC(2007) 1547

[3] COM(2008) 371

[4] It-Tabella dwar l-innovazzjoni reġjonali 2006, MERIT

[5] Sommarju tal-Laqgħa Ministerjali tal-OECD: Il-Ħolqien ta' Reġjuni Innovattivi Marzu 2009

[6] Previżjoni Ekonomika, Rebbiegħa 2009, KE

[7] Dwar il-kreattività , 2008, Ernesto Villalba, JRC.

[8] Reġjuni fil-fażi ta' introduzzjoni u tneħħija gradwali ('phasing in' u 'phasing out') huma miġbura flimkien bħala reġjuni ta’ Tranżizzjoni minħabba li t-tnejn li huma jirċievu sostenn tranżizzjonali.

[9] COM(2007) 637

[10] Il-flussi ta' flus minn u lejn l-UE mibgħuta minn min ikun qed jaħdem barra l-pajjiż. 2007. Eurostat

[11] L-Artikolu 21 tal-Karta tal-UE dwar id-drittijiet fundamentali

[12] COM(2008) 394

[13] Xogħol għall-Immigranti, 2008, OECD

[14] Il-klassi kreattiva u t-tkabbir reġjonali. 2007 R.A. Boschma & M. Fritsch

[15] Il-Qawmien tal-Klassi Kreattiva. 2002 Richard Florida.

[16] Il-Kompetittività fir-Reġjuni Metropoltanii Ewropej www.acre.socsci.uva.nl/

[17] It-Tabella tal-Innovazzjoni Ewropea 2008, 2009, MERIT

[18] Il-faċilità li jsir Kummerċ, Rapport 2009, il-Bank Dinji.

[19] http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/support_measures/start-ups/startups2008.pdf

[20] Rapport Finali, 2009, DYNREG http://www.esri.ie/research/research_areas/international_economics/dynreg

[21] Innovaturi Minsija, 2008, MERIT.

[22] Eż. Innobarometer 2007 , 2008, Flash EB213, u R&D fl-Ewropa , 2009, K. Uppenberg, EIB.

[23] Rapport dwar il-Kompetittività Globali 2008-2009, 2008, Il-Forum Dinji dwar l-Ekonomija

[24] COM(2008) 616

[25] http://ec.europa.eu/regional_policy/consultation/terco/consultation_en.htm