52009DC0247

Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Evalwazzjoni finali tal-implimentazzjoni tal-programm IDABC /* KUMM/2009/0247 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 29.5.2009

KUMM(2009) 247 finali

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Evalwazzjoni finali tal-implimentazzjoni tal-programm IDABC

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Evalwazzjoni finali tal-implimentazzjoni tal-programm IDABC

1. Daħla

Bid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Deċiżjoni IDABC)[1] il-programm fuq medda ta’ ħames snin dwar l-għoti interoperabbli ta’ servizzi pan-Ewropej tal-eGovernment lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini (il-programm IDABC) tnieda fl-1 ta’ Jannar 2005 bħala tkomplija fuq il-programmi IDA u IDA II.

L-għan ta’ din il-komunikazzjoni huwa li tippreżenta s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni finali tal-implimentazzjoni tal-programm IDABC. Il-ħtieġa li titwettaq il-evalwazzjoni toħroġ mill-Artikolu 13(1), (3)-(4) tad-Deċiżjoni tal-IDABC, li titlob ukoll lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tressaq ir-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

L-evalwazzjoni twettqet mill-Kummissjoni bl-għajnuna ta’ kumpanija ta’ konsulenza esterna[2]. Rappreżentanti tas-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri taw sehemhom fil-metodoloġija u fil-konklużjonijiet permezz ta’ grupp ta’ tmexxija tal-Kummissjoni u permezz tal-kumitat ta’ ġestjoni tal-IDABC (PEGSCO).

Ir-rapport sħiħ tal-evalwazzjoni mill-kumpanija ta’ konsulenza jinsab online fuq http://ec.europa.eu/idabc/en/document/5707/3 .

Ir-rapport tal-evalwazzjoni kien fil-biċċa kbira pożittiv u jiddeskrivi l-programm IDABC bħala wieħed konsistenti mal-prijoritajiet ta’ politika għall-eGovernment tal-Kummissjoni Ewropea, kif indikati fl-istrateġija i2010[3] u fil-pjan ta’ ħidma dwar l-eGovernment. Il-programm għandu r-rwol uniku li jrawwem l-integrazzjoni tal-Ewropa permezz ta’ amministrazzjoni pubblika interoperabbli u jivvaluta l-implimentazzjoni b'mod xieraq. Madankollu, ir-rapport joffri wkoll xi suġġerimenti għal titjib li jista’ jseħħ billi, fil-ġejjieni, fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ tkomplija[4] titqies ukoll il-ġestjoni tal-programmi.

2. L-isfond

L-għan tal-programm IDABC huwa li jidentifika, jappoġġa u jippromwovi l-iżvilupp u l-ħolqien tas-servizzi pan-Ewropej tal-eGovernment u n-networks telematiċi interoperabbli bażiċi. Il-programm tfassal sabiex jgħin biex jintlaħqu miri fil-qasam tal-eGovernment billi

- ikompli jippromwovi l-introduzzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni fl-oqsma ta’ politika, speċjalment fejn din tiġi ffaċilitata bil-leġiżlazzjoni,

- jibni infrastruttura komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni transkonfinali bejn amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex jiġu żgurati komunikazzjonijiet effiċjenti,

- jinkoraġixxi l-ħolqien ta’ servizzi ġodda għan-negozji u għaċ-ċittadini.

Għal dan l-għan, il-programm IDABC jipprovdi l-fondi għall-azzjonijiet taħt żewġ titli, li huma l-Proġetti ta’ Interess Komuni u l-Miżuri Orizzontali, li huma mniżżla fil-programm ta’ ħidma IDABC attwali[5]. Mill-anqas darba fis-sena, wara li tikkonsulta mal-Istati Membri, l-Kummissjoni tadotta emendi għal dan il-programm permezz tal-kumitat ta’ ġestjoni tal-IDABC.

Il-Proġetti ta’ Interess Komuni (PCIs) huma azzjonijiet li jittieħdu fl-oqsma ta’ politika tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-ħolqien jew titjib tas-servizzi pan-Ewropej tal-eGovernment b’appoġġ għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini. Dawn l-azzjonijiet, li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-politika Ewropea u jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet madwar l-Ewropa, jiġu implimentati mis-setturi responsabbli għall-oqsma tad-diversi politiki tal-UE, pereżempju, mid-Direttorati Ġenerali, u ġeneralment jiġu mmonitorjati mill-kumitati sezzjonali. Il-Proġetti ta’ Interess Komuni mnedijin taħt il-programm huma deskritti b’mod dettaljat fil-Programm ta’ Ħidma IDABC.

Il-Miżuri Orizzontali (HMs) huma azzjonijiet li jitfasslu b’appoġġ għall-Proġetti ta’ Interess Komuni, kif ukoll, għall-eGovernment b’mod ġenerali. L-ewwel nett, jipprovdu u jsostnu s-servizzi infrastrutturali għall-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità. Dawn is-servizzi jipprovdu u jsostnu soluzzjonijiet teknoloġiċi u ta’ softwer u jinkludu servizzi ta’ netwerk, servizzi ta’ sigurtà u linji gwida. It-tieni nett, dawn il-miżuri jagħtu bidu għal, jippermettu u jmexxu l-provvista ta’ servizzi orizzontali pan-Ewropej tal-eGovernment lin-negozji u liċ-ċittadini fl-Ewropa, li jinkludu l-aspetti relatati mal-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni. Fil-biċċa kbira tagħhom, il-Miżuri Orizzontali jiġu implimentati mid-Direttorat Ġenerali għall-Informatika b’kollaborazzjoni mill-qrib mas-servizzi l-oħra tal-Kummissjoni u jiġu mmonitorjati mill-kumitat ta’ ġestjoni tal-IDABC. Il-Miżuri Orizzontali mnedijin taħt il-programm huma deskritti b’mod dettaljat fil-Programm ta’ Ħidma IDABC.

3. Metodoloġija

L-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq diversi metodi ta’ investigazzjoni, fosthom, fuq riċerka dokumentarja, stħarriġ online, laqgħa tal-focus group u l-membri tal-kumitat ta’ ġestjoni tal-IDABC kif ukoll fuq studji ta’ każijiet, li involvew medda vasta ta’ partijiet interessati; b’kollox, kważi tliet mitt rappreżentant tal-kumitati settorjali, tal-kumitat ta’ ġestjoni tal-IDABC u tas-servizzi tal-UE.

4. Kwistjonijiet ta’ evalwazzjoni u mistoqsijiet

L-evalwazzjoni iffukat fuq dawn il-punti:

- Rilevanza: Kemm kienu rilevanti l-għanijiet u l-azzjonijiet tal-programm IDABC fir-rigward tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet li qegħdin jevolvu kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak tal-UE, l-aktar tal-ħtiġijiet u prijoritajiet relatati mal-i2010 u, b’mod aktar ġenerali, għal dawk stabbiliti mill-għanijiet ta’ Liżbona? Il-programm, kemm jirnexxilu jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-aktar għanijiet politiki importanti.

- Effiċjenza: Id-diversi kontribuzzjonijiet u azzjonijiet, kemm qed jiġu mibdulin f’effetti u riżultati ekonomiċi? Liema aspetti tal-programm huma l-aktar effiċjenti jew ineffiċjenti, speċjalment f’termini ta’riżorsi mmobilizzati?

- Effettività: Ir-riżultati u l-impatti tal-programm IDABC, safejn qed jirnexxilhom jilħqu l-miri speċifiċi u ġenerali tagħhom? Hemm xi aspetti li huma iktar jew inqas effikaċi minn oħrajn, u - jekk hemm - x’inhuma l-lezzjonijiet li joħorġu minn dan?

- Utilità: Ir-riżultati u l-impatti tal-azzjonijiet tal-programm IDBAC, milħuqa u mwettqa, kif jikkorrispondu mal-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet fil-mira tagħhom?

- Sostenibbiltà Kemm hija żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja u funzjonali tas-servizzi tal-infrastruttura? Kemm hija żgurata s-sostenibbiltà tas-Servizzi pan-Ewropej tal-eGovernment orizzontali u tal-Proġetti ta’ Interess komuni?

- Koerenza: l-azzjonijiet, kemm jiffurmaw parti minn strateġija “olistika” fil-qafas tal-programm u kemm jintlaħqu tajjeb is-sinerġiji bejn l-azzjonijiet tal-programm u l-attivitajiet l-oħra tal-Komunita’ fil-qasam tas-servizzi pan-Ewropej tal-eGovernment u tas-servizzi tal-infrastruttura? Jekk rilevanti, kemm hemm effetti sekondarji fuq l-oqsma ta’ politika ekonomiċi, soċjali jew ambjentali?

Minbarra mistoqsijiet speċifiċi relatati ma’ dawn l-aspetti tal-evalwazzjoni, tqanqlu żewġ mistoqsijiet ta’ applikazzjoni ġenerali fir-rigward ta’

- il-qagħda attwali tal-progress tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm IDABC, u

- il-koordinazzjoni u l-involviment tal-Istati Membri.

5. Sejbiet

5.1. Rilevanza

Ir-rapport tal-evalwazzjoni jikkonkludi li l-IDABC jikkontribwixxi għall-inizjattiva i2010 li għandha l-għan li timmodernizza s-settur pubbliku Ewropew billi tippromwovi l-użu tat-teknoloġiji ta’ informazzjoni u komunikazzjoni l-aktar reċenti u avvanzati, tiżviluppa soluzzjonijiet u servizzi komuni u billi tipprovdi bażi għall-iskambju ta’ prattiki ġodda bejn l-amministraturi pubbliċi. Barra minn hekk, il-programm ġie adattat skont il-prijoritajiet politiċi ġodda tal-Ewropa li ssemmew fil-konferenzi ministerjali li saru f’Manchester u Liżbona[6] billi l-azzjonijiet tiegħu ġew integrati fil-pjan ta’ ħidma għall-eGovernment[7] u billi tnedew diversi azzjonijiet li huma konsistenti mal-pjan ta’ ħidma, fosthom, l-eProcurement (li jinkludi l-eOrdering u l-eInvoicing) u l-eSignatures. Illum, l-IDABC jitqies bħala interlokutur importanti għall-interoperabbiltà transkonfinali. Il-programm ikkontribwixxa għal disa’ għanijiet ta’ politika settorjali, speċjalment fejn jidħlu s-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi, l-Istatistika, l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Agrikultura[8].

5.2. Effiċjenza

Skont l-opinjoni tal-partijiet interessati li ġew ikkonsultati, il-programm irnexxilu jilħaq l-għanijiet tiegħu b’mod effiċjenti, u maż-żmien, kompla żied f’din l-effiċjenza. Ġie nnotat li fl-2005, il-programm ittardja ħafna minħabba l-proċess twil tal-akkwist pubbliku meħtieġ għal xi azzjonijiet. Sa ċertu punt, dan it-tardjar ġie rkuprat minħabba l-flessibbiltà li jġib miegħu il-programm ta’ ħidma attwali, b’mod partikolari għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-fondi tal-baġit fost l-azzjonijiet.

Barra minn hekk, fir-rapport tal-evalwazzjoni ġie enfasizzat il-fatt li l-Miżuri Orizzontali issa saru jgawdu minn finanzjament akbar minn dak għal Proġetti ta’ Interess Komuni, li juri b’mod dirett li l-ħtieġa ta’ finanzjament għall-Proġetti ta’ Interess Komuni qiegħda dejjem tonqos. Dan kien żvilupp prevedibbli peress li llum, ħafna mill-inizjattivi tal-politika Komunitarja huma bbażati fuq l-użu ta’ soluzzjonijiet ICT u għalhekk, dawn l-inizjattivi jeħtieġu l-finanzjament tal-ispejjeż relatati[9].

5.3. Effikaċja

Il-grupp li wettaq l-evalwazzjoni kkonkluda li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm IDABC kkontribwixxew b’mod ġenerali għall-ħolqien ta’ servizzi ta’ infrastruttura għall-iskambju ta’ informazzjoni transkonfinali bejn amministrazzjonijiet pubbliċi u li l-istudji ffinanzjati minn dan il-programm urew taw xhieda ta’ valur miżjud għoli. Skont ħafna mill-partijiet interessati, l-effikaċja globali tal-programm setgħet tiżdied aktar kieku, malli beda jintuża l-programm, ġiet applikata strateġija tat-tip "minn fuq għal isfel" (top-down)[10] Madankollu, strateġija ta’ dan it-tip tkun limitati biss għall-ambitu tal-programm IDABC innifsu. Id-diversi setturi ta’ politika li jimplimentaw Proġetti ta’ Interess Komuni jaġixxu fl-oqsma ta’ kompetenza u strateġija tagħhom.

Barra minn hekk, instab li r-riżultati u l-adozzjoni tal-azzjonijiet ma jiġux rappurtati b’mod sistematiku lid-diversi partijiet interessati.

5.4. Utilità

L-evalwaturi kkonkludew li l-programm jindirizza l-ħtiġijiet tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-UE u li ma hemm ebda programm ieħor li jissodisfa l-ħtieġa li jiġu żviluppati għodod komuni tal-interoperabbiltà għas-servizzi transkonfinali tal-eGovernment. Il-membri tal-kumitat ta’ ġestjoni tal-IDABC osservaw li l-programm jista’ jintuża bħala xprun fil-qasam tal-eGovernment, anke fil-livell nazzjonali. Fir-rigward tan-negozji u taċ-ċittadini, l-evalwaturi kkonkludew li l-IDABC jindirizza l-ħtiġijiet tagħhom b’mod aktar aktar indirett, l-aktar minħabba li l-prinċipju tas-sussidarjetà, fil-qofol tiegħu, jimplika li s-servizzi rilevanti għandhom jingħataw mill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet mekkaniżmi ta’ interazzjoni mal-partijiet interessati, li jinkludu laqgħat, workshops, fora u blogs, iżda l-evalwaturi kkonkludew li għad fadal xi jsir biex jinkiseb għarfien aħjar tal-esiġenzi u ħtiġijiet tal-partijiet interessat.

5.5. Sostenibbiltà

Filwaqt li s-sostenibbiltà finanzjarja u funzjonali fit-tul taż-żmien għall-Proġetti ta’ interess Komuni hija żgurata f’kuntest settorali bbażat fuq leġiżlazzjoni settorjali speċifika, attwalment, is-sostenibbiltà tal-miżuri orizzontali tal-IDABC tista’ tiġi żgurata biss permezz ta’ programm Komunitarju. Id-deċiżjonijiet li jiżguraw is-sostenibbiltà jiddependu fuq l-użu u l-utilità reali tal-miżuri. Għaldaqstant, dan huwa element essenzjali li għandu jitqies fl-implimentazzjoni tal-programm li jmiss.

Barra minn hekk, ir-rapport tal-evalwazzjoni indika li t-tqassim tajjeb tar-riżorsi disponibbli bejn l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet ġodda u ż-żamma tal-applikazzjonijiet attwali hija kwistjoni importanti għall-Istati Membri, u għalhekk, din għandha titqies ukoll fil-kuntest tal-programm ta’ segwitu.

5.6. Koerenza

Il-koerenza esterna tal-programm fir-rigward ta’ attivitajiet Komunitarji oħrajn fil-qasam tal-eGovernment qiegħda dejjem tiżdied. Wara li saret l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, il-kollaborazzjoni bejn il-programm IDABC u l-programm ta’ Appoġġ għall-politika dwar l-ICT tal-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP ICT PSP)[11] baqgħet dejjem titjieb. Madankollu, għad fadal ħafna partijiet interessati li mhumiex familjarji biżżejjed mas-sinerġiji u komplementarjetajiet ta’ bejn id-diversi programmi u azzjonijiet.

Fir-rigward tal-koerenza interna, l-integrazzjoni transsettorjali tal-miżuri orizzontali hi meqjusa bħala adegwata, filwaqt il-koerenza bejn il-Proġetti ta’ Interess Komuni u l-Miżuri Orizzontali għad tista’ tittejjeb. Min-naħa l-oħra, il-Miżuri Orizzontali jintużaw ħafna fl-ambitu tal-programm IDABC li hu ferm usa’ minn dak tal-Proġetti ta’ Interess Komuni.

5.7. Il-qagħda attwali tal-progress tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm IDABC

Skont il-ħames reviżjoni tal-programm ta’ ħidma, 54 azzjoni, 22 Proġetti ta’ Interess Komuni u 32 Miżuri Orizzontali ingħataw l-appoġġ tal-IDABC, għal valur totali ta’ madwar EUR 110 miljun (madwar EUR 20 miljun għall-Proġetti ta’ Interess Komuni u madwar EUR 90 miljun għall-Miżuri Orizzontali).

L-evalwaturi kkonkludew li l-azzjonijiet ġew żviluppati u implimentati bla diffikultà u li sa issa għad ma kienx hemm problemi kbar. Madankollu, jidher li l-implimentazzjoni ta’ xi azzjonijiet ittardjat ftit aktar minn kif ġie ppjanat. Sa ċertu punt, it-tardjar fl-implimentazzjoni ta’ xi miżuri orizzontali jista’ jiġi ġġustifikat miċ-ċirkustanzi indikati fil-punt 5.2.

Waqt it-tħejjija tal-verżjoni finali tar-rapport tal-evalwazzjoni, il-biċċa kbira tal-azzjonijiet IDABC kienu għadhom għaddejin, u għalhekk, l-użu tagħhom ma setax jiġi vvalutat bis-sħiħ. L-evalwaturi sabu provi ċari li l-azzjonijiet diġà implimentati kienu ntużaw ħafna u rrappurtaw li l-partijiet interessati kellhom fiduċja li l-azzjonijiet li kienu għadhom għaddejjin se jintużaw anke wara li jiġu implimentati.

5.8. Koordinazzjoni u involviment tal-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom rwol importanti fil-ġestjoni tal-programm u biex jagħtu suġġerimenti rigward l-użu tal-programm fil-ġejjieni. Il-preżenza ta’ rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali fil-kumitat ta’ ġestjoni tal-programm IDABC u fil-ħafna gruppi ta’ esperti tfisser li l-programm jista’ jintuża wkoll bħala forum għall-koordinazzjoni ta’ politiki nazzjonali tal-eGovernment. Madankollu, l-allinjament strateġiku bejn il-prijoritajiet nazzjonali u dawk Ewropej mhux dejjem ikun l-aħjar alternattiva peress li f’diversi Stati Membri, attwalment, l-interoperabbiltà transkonfinali ma tingħatax prijorità għolja.

Fil-livell tal-ġestjoni funzjonali tal-programm, l-evalwaturi kkonkludew li matul dawn l-aħħar snin, l-Istati Membri għamlu għadd kbir ta’ suġġerimenti dwar kif il-programm jista’ jintuża fil-ġejjieni u li sa fejn kien possibbli, dawn is-suġġerimenti tqiesu, anke jekk in-numru ta’ azzjonijiet li jiġu inizjati direttament mill-Istati Membri huwa limitat. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri ħassew li jista’ jsir titjib fil-mod li bih il-Kummissjoni u l-Istati Membri jaqsmu bejniethom l-informazzjoni dwar il-programm ta’ ħidma attwali u dwar l-azzjonijiet individwali.

6. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

B’mod ġenerali, l-evalwazzjoni tikkonkludi li l-programm huwa konsistenti mal-prijoritajiet ta’ politika għall-eGovernment tal-Kummissjoni Ewropea, li għandu rwol uniku fost l-istrumenti Ewropej biex irawwem l-integrazzjoni tal-Ewropa permezz ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi interoperabbli u li miexi kif xieraq bl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet.

L-isforzi li jsiru għat-titjib tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-programm, li xi wħud minnhom huma attwali, għandhom jiffokaw fuq:

- L-ambjent strateġiku li l-programm għandu jiffunzjona fih[12]

- L-għodod ta’ komunikazzjoni tal-partijiet interessati[13]

- L-iżvilupp tal-metodi ta’ monitoraġġ[14]

Barra minn hekk, l-evalwaturi rrakkomandaw li għall-programmi tal-ġejjieni, l-oqfsa kuntrattwali adegwati għandhom jiġu stabbiliti fil-waqt opportun, sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-azzjonijiet jinbdew tard[15].

6.1. L-ambjent strateġiku li l-programm għandu jiffunzjona fih

L-evalwazzjoni tissuġġerixxi li l-programm għandu jingħata profil aktar evidenti, bl-għan li tiżdied l-importanza politika tiegħu u jikber l-għarfien dwaru fil-livell nazzjonali[16].

Fil-kuntest tal-proposta għall-programm tal-IDABC li jmiss, l-ISA[17], il-Kummissjoni ssuġġeriet lill-Istati Membri biex jinnominaw il-membri tal-kumitat ta’ ġestjoni fil-livell ta’ Uffiċjal Prinċipali tal-Informazzjoni nazzjonali. Dan huwa konsistenti mal-evalwazzjoni li tipproponi li l-kumitat ta’ ġestjoni tal-IDABC jissaħħaħ billi tiġi żgurata l-parteċipazzjoni f’livell ogħla tal-ġestjoni politika u organizzazzjonali.

Il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li tiżviluppa, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, Strateġija Ewropea għall-Interoperabbiltà (EIS - European Interoperability Strategy) li se tkun il-bażi għall-programm ISA. Minbarra fuq l-EIS, il-programm ISA se jkun ibbażat ukoll fuq il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF - European Interoperability Framework), li qiegħed jiġi ffinalizzat. Dan huwa konsistenti mal-evalwazzjoni li tirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tfassal qafas strateġiku bbażat fuq l-analiżi tal-problemi għall-interoperabbiltà u fuq l-iskambju ta’ dejta fl-Ewropa, li jkun magħmul minn analiżi tal-partijiet interessati kif ukoll minn viżjoni u definizzjoni strateġika tal-għanijiet u l-objettivi[18].

Il-prijoritajiet stabbiliti fl-EIS se jissarfu f’azzjonijiet konkreti li jiffurmaw il-bażi tal-programm ta’ ħidma ISA attwali (WP – Work Programme) tul iż-żmien kollu tal-programm (sitt snin). F’dan il-Programm ta’ Ħidma, l-allokazzjoni ta’ riżorsi għad-diversi prijoritajiet, inkluż l-attivitajiet operazzjonali u dawk ta’ żvilupp, se jiġu speċifikati u deċiżi b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri[19].

6.2. L-għodod ta’ komunikazzjoni tal-partijiet interessati

L-evalwazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li jiddaħħlu l-mekkaniżmi xierqa ta’ komunikazzjoni u konsultazzjoni biex tinħoloq interazzjoni mal-partijiet interessati, b’mod partikolari mas-setturi relatati mal-politika, mal-Istati Membri u mal-industrija tal-ICT. Dawn il-mekkaniżmi għandhom jintużaw, pereżempju, biex tiġi diskussa s-sostenibbiltà tad-diversi azzjonijiet[20] mal-Istati Membri.

Fil-programm ISA li se tagħmel fil-ġejjieni, il-Kummissjoni se tkompli tintensifika l-isforzi għall-komunikazzjoni li huma inklużi fil-programm IDABC. Se tiġi żviluppata strateġija ta’ komunikazzjoni li tindirizza lid-diversi partijiet interessati[21] (bħal diversi livelli tal-amministrazzjoni, l-industrija, l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni u l-komunitajiet “open source”) fir-rigward tal-prijoritajiet u attivitajiet tal-programm. Il-Kummissjoni, se tuża l-aktar mekkaniżmi xierqa ta’ komunikazzjoni u konsultazzjoni biex tinvolvi lil dawn il-partijiet interessati fl-attivitajiet tal-programm ISA li jindirizzaw il-kwistjonijiet konċernati. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se torganizza laqgħat, workshops u konferenzi, filwaqt li tkompli twettaq attivitajiet li jrawwmu l-għarfien. Il-Kummissjoni se tutilizza wkoll xi pjattaformi on-line, li jippermettu l-ħolqien ta’ komunitajiet kbar u jipprovdu fora għal diskussjonijiet mal-partijiet interessati u bejniethom. Il-Kummissjoni se tkompli bil-konsultazzjonijiet pubbliċi, u fejn meħtieġ issaħħaħhom, biex tiżgura l-parteċipazzjoni wiesgħa u komprensiva tal-gruppi rilevanti ta’ partijiet interessati[22].

6.3. L-iżvilupp tal-metodi ta’ monitoraġġ

Fil-proposta dwar il-programm ISA[23], il-Kummissjoni ddefinixxiet indikaturi għall-għanijiet speċifiċi u ġenerali tal-programm ISA u għar-riżultati mistennija. Dawn l-indikaturi għandhom jintużaw mill-Kummissjoni bħala referenza fil-kejl tar-rendiment fil-programm ISA tal-ġejjieni. Dan huwa konsistenti mar-rakkomandazzjoni tal-evalwaturi li tgħid li l-Kummissjoni għandha toħloq għodda għall-monitoraġġ tal-programm, li tkun ibbażata fuq l-għanijiet strateġiċi u l-objettivi tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm[24].

Għall-monitoraġġ ta’ azzjonijiet individwali, fil-programm ISA li se tagħmel fil-ġejjieni, il-Kummissjoni tipprevedi li l-fażijiet u l-miri speċifiċi ta’ azzjoni jkunu konsistenti mal-metodoloġija interna tal-Kummissjoni li tintuża għall-ġestjoni tal-proġetti ICT. Din il-metodoloġija għandha tiffaċilita l-monitoraġġ u l-valutazzjoni kontinwi tal-proġetti ISA u tiffaċilita wkoll li l-partijiet interessati jiġu aġġornati, b’mod regolari, dwar l-istadju li jkunu waslu fih l-azzjonijiet attwali, pereżempju, dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni identifikati fil-bidu tal-azzjonijiet. Il-prattika ta’ rappurtar online li qed tintuża fil-programm IDABC bħalissa se tibqa’ tintuża u tiġi msaħħa permezz tat-twaqqif ta’ soluzzjoni ta’ monitoraġġ kontinwu. Dawn l-attivitajiet huma konsistenti mar-rakkomandazzjoni tal-evalwaturi li tgħid li l-partijiet interessati għandhom jinżammu aġġornati b’mod regolari dwar l-istadju li jkunu waslu fih l-azzjonijiet attwali[25], inkluż l-aspetti relatati mas-sostenibbiltà tagħhom[26]. Fl-aħħar nett, se jibqgħu jiġu implimentati azzjonijiet abbażi tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku, li l-Kummissjoni, fil-kuntest tagħhom, għandha tagħmel sforzi biex tiżgura li l-oqfsa kuntrattwali meħtieġa jkunu ġew stabbiliti fiż-żmien opportun għat-tnedija tal-programm ISA[27].

Għall-evalwazzjoni tal-programm li se tagħmel fil-ġejjieni u tal-azzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni se tkompli tapplika l-proċessi u l-metodi ta’ evalwazzjoni stabbiliti tagħha.

7. Konklużjonijiet

Ħafna mill-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-evalwaturi jappoġġaw id-direzzjoni li l-Kummissjoni adottat għall-programm ISA.

Notevolment, dan japplika fil-każ tar-rakkomandazzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri f'livelli ogħla fil-ġestjoni tal-programm u dwar it-tfassil ta’ qafas strateġiku, li huma integrati bis-sħiħ fil-proposta tal-Kummissjoni dwar il-programm ISA.

Rakkomandazzjonijiet oħrajn, bħad-definizzjoni ta’ strateġija ta’ ġestjoni u ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati u dik tas-sistema ta’ monitoraġġ, jitqiesu mill-Kummissjoni bħala prerekwiżiti għall-implimentazzjoni tajba tal-programm ISA.

Il-Kummissjoni se tqis ir-rakkomandazzjonijiet kollha fl-implimentazzjoni tal-programm ISA, kif ukoll, fl-azzjonijiet kollha li għad iridu jiġu implimentati fil-perjodu li fadal sakemm jintemm il-programm IDABC, dejjem jekk dan ikun possibbli li jsir fil-limiti tal-iskeda attwali.

[1] Id-Deċiżjoni 2004/387/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar l-għoti interoperabbli tas-servizzi pan-Ewropej tal-eGovernment lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini (IDABC), ĠU L 144, 30.4.2004 (Ara ĠU L 181, 18.5.2004, p. 25. http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/oj/2004/l_181/l_18120040518en00250035.pdf

[2] Deloitte Consulting

[3] http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/index_en.htm

[4] Il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA), COM(2008)583.

[5] C/2008/1881, ara http://ec.europa.eu/idabc/en/document/5101

[6] http://ec.europa.eu/information_society/activities/egovernment/conferenceshttp://archive.cabinetoffice.gov.uk/egov2005conference/http://www.egov2007.gov.pt/

[7] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52006DC0173:EN:NOT

[8] Flimkien mal-kompetittività, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-intrapriża u s-suq intern.

[9] Din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni pproponiet li l-programm li jmiss ikun jiffoka biss fuq azzjonijiet orizzontali.

[10] Fir-Rebbiegħa tal-2008, il-ħidma relatata mal-iżvilupp ta’ Strateġija Ewropea għall-Interoperabbiltà ġiet inkluża fil-ħames reviżjoni tal-Programm ta’ Ħidma IDABC.

[11] http://ec.europa.eu/information_society/activities/ict_psp/index_en.htm

[12] Ir-Rakkomandazzjonijiet 1, 2 u 3

[13] Ir-Rakkomandazzjonijiet 4, 5, 10 u 11 u l-aspetti tar-Rakkomandazzjonijiet 1 sa 8

[14] Ir-Rakkomandazzjonijiet 6, 7 u 8

[15] Ir-Rakkomandazzjoni 9

[16] Ir-Rakkomandazzjoni 1

[17] Il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA), COM(2008)583

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52008PC0583:EN:NOT

[18] Ir-Rakkomandazzjoni 2

[19] Ir-Rakkomandazzjoni 3

[20] Ir-Rakkomandazzjoni 8

[21] Ir-Rakkomandazzjoni 4

[22] Dan iqis ir-Rakkomandazzjonijiet 1, 5, 10 u 11.

[23] L-Anness għall-COM(2008)583

[24] Ir-Rakkomandazzjoni 6

[25] Ir-Rakkomandazzjoni 7

[26] Ir-Rakkomandazzjoni 8

[27] Ir-Rakkomandazzjoni 9