Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rigward il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli {SEC(2009) 670} {SEC(2009) 671} /* KUMM/2009/0234 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 28.5.2009 KUMM(2009) 234 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI rigward il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli {SEC(2009) 670}{SEC(2009) 671} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI rigward il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli WERREJ 1. Daħla 3 2. Miżuri attwali tal-kwalità tal-prodotti agrikoli 4 3. Żvilupp tal-politika 5 4. Miżuri tal-UE dwar il-kwalità agrikola 7 4.1. Rekwiżiti tal-UE għall-biedja 7 4.2. Standards tal-kummerċjalizzazzjoni 7 4.3. Indikazzjonijiet ġeografiċi 10 4.4. Biedja organika 12 4.5. Speċjalitajiet Tradizzjonali 12 5. Żvilupp tal-qafas tal-UE għall-politika dwar il-kwalità 13 5.1. Koerenza tal-iskemi ġodda tal-UE 13 5.2. Linji gwida għall-iskemi privati u nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni tal-ikel 13 6. Konklużjoni 14 1. DAħLA Li tixtri ikel u xorb prodotti fl-UE jfisser li tixtri l-kwalità, magħżula minn diversità kbira ta' prodotti li jirriflettu t-tradizzjonijiet u r-reġjuni differenti tal-Komunità. Il-konsumaturi madwar id-dinja jafuh dan: is-settur agroalimentari tal-UE jgawdi reputazzjoni għal kwalità għolja bis-saħħa ta’ deċennji u anki sekli ta' xogħol iebes, investiment, innovazzjoni u attenzjoni għall-eċċellenza. Din it-tradizzjoni ta' kwalità għolja taħdem f'diversi modi. F'livell bażiku, il-bdiewa kollha fl-UE huma legalment marbuta li jirrispettaw uħud mill-aktar rekwiżiti stretti tal-biedja fid-dinja. Fost l-oħrajn, dawn jirrigwardjaw il-protezzjoni ambjentali, il-benessri tal-annimali u l-użu tal-pestiċidi u l-prodotti veterinarji. Lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti 'bażiċi', il-bdiewa u l-prodotturi tal-ikel jużaw l-għarfien espert tagħhom biex lill-prodotti tagħhom jagħtuhom kwalitajiet individwali oħra apprezzati mill-konsumaturi. Dan it-tħabrik għall-kwalità hija parti vitali mill-istrateġija tal-UE fis-settur agroalimentari fis-suq dinji. L-UE tibqa' produttur importanti ta' kommoditajiet bażiċi, iżda l-parti l-kbira (żewġ terżi tal-valur) tal-esportazzjoni agroalimentari annwali tagħha b'valur ta' EUR 70 biljun fis-sena hija fi 'prodotti pproċessati', bħal-laħam, il-prodotti tal-ħalib, l-inbid u ż-żjut veġitali. Is-settur agroalimentari tal-UE se jeħtieġlu jibni fuq dan l-approċċ fis-snin li ġejjin sabiex isostni l-kompetittività u profitabbiltà tiegħu. Għall-bdiewa kif ukoll għall-produtturi tal-ikel, dan ifisser żewġ affarijiet: l-ewwel, li jippreżentaw prodotti bil-kwalitajiet li jridu l-konsumaturi; u t-tieni, li jinfurmaw sew lill-konsumaturi dwar il-kwalitajiet tal-prodotti tagħhom. 2. MIżURI ATTWALI TAL-KWALITÀ TAL-PRODOTTI AGRIKOLI Għan essenzjali tal-politika dwar il-kwalità agrikola huwa li x-xerrejja u l-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-karatteristiċi tal-prodott u l-attributi tal-produzzjoni[1]. Ma jistax ikun mistenni li x-xerrejja u l-konsumaturi jħallsu prezz ġust jekk ma jkollhomx informazzjoni preċiża, utli u ggarantita dwar dawn il-karatteristiċ u l-attributi. Il-politika dwar il-kwalità agrikola żviluppat matul iż-żmien. Madankollu, din l-evoluzzjoni seħħet b'mod frammentat – strument strument, settur settur. It-tgħaqqid tal-istrumenti varji fi sħuħija aktar koerenti u l-iżvilupp tal-politika ġenerali għandhom jgħinuha trendi riżultati saħansitra aħjar. Dan l-iżvilupp ulterjuri għandu jkun flessibbli biżżejjed, iqis l-iskemi privati u nazzjonali li jiddominaw is-suq u jiżgura l-innovazzjoni. Il-Grafika 1 tagħti l-istampa sħiħa. L-iskemi jistgħu jkunu jew tat-'tip taċ- ċertifikazzjoni ' jew tat-'tip tat- tikkettar '. Iċ-ċertifikazzjoni hija l-aħjar għal meta l-impennji meħuda jkunu kumplessi; dawn normalment jiġi stipulati fi speċifikazzjoni dettaljata u jiġu vverifikati perjodikament (eż. kull sena), pereżempju minn entità taċ-ċertifikazzjoni. Il-miżuri tat-tikkettar huma l-aħjar għal dikjarazzjonijiet relattivament sempliċi li normalment ikunu dikjarati mill-produtturi nfushom u soġġetti għal kontrolli uffiċjali. Kemm iċ-ċertifikazzjoni kif ukoll it-tikkettar jistgħu juru li prodott jissodisfa standards bażiċi . It-tnejn li huma jistgħu wkoll jintużaw biex jndikaw il- kwalitajiet li jżidu l-valur lil hinn mill-istandards bażiċi – jew il-karatteristiċi tal-prodott jew l-attributi tal-produzzjoni. [pic] Grafika 1. Skemi taċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità u l-assigurazzjoni u standards tal-kummerċjalizzazzjoni 3. ŻVILUPP TAL-POLITIKA Il-konsultazzjonijiet fuq l-iżvilupp tal-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli bdiet fl-2006 b'seduta mal-partijiet interessati[2], u warajha konferenza fi Brussell[3] fil-5 u s-6 ta' Frar 2007. Il-Kummissjoni nediet ukoll eżami tal-politika tal-iskemi tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel u tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti. Dan ix-xogħol laħaq il-quċċata tiegħu fil-konsultazzjoni dwar il-Green Paper[4] u fil-Konferenza ta' Livell Għoli dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli li saret fi Praga[5] fit-12 u t-13 ta' Marzu 2009. Il-messaġġi ewlenin tal-partijiet interessati jinkludu sostenn qawwi għall-iskemi tal-kwalità ewlenin tal-UE (l- indikazzjonjiet ġeografiċi u l- biedja organika ) u l- istandards tal-kummerċjalizzazzjoni , iżda talbu wkoll aktar simplifikazzjoni u standardizzazzjoni. Il-bdiewa, il-produtturi u l-konsumaturi ħeġġew għal aktar użu tat-tikkettar tal- lok tal-produzzjoni . Min-naħa l-oħra, il-proċessuri u l-bejjiegħa bl-imnut wissew li hemm mnejn ikun diffiċli li tiġi ttraċċata l-oriġini tal-ingredjenti fl-oġġetti tal-ikel ipproċessati. Għall-iskemi kollha – tal-UE, privati u nazzjonali – il-ħarsien tas-suq uniku u s-simplifikazzjoni kienu wkoll messaġġi qawwija. Xi partijiet interessati, speċjalment il-proċessuri, wissew kontra l-iżvilupp ta' skemi inkoerenti li jistgħu jikkaġunaw konfużjoni fis-suq. Fid-dawl ta' dawn il-konsultazzjonijiet u l-eżami tal-miżuri attwali, il-Kummissjoni identifikat tliet kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati fl-iżvilupp tal-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli, li huma: - Informazzjoni: għandha tittejjeb il-komunikazzjoni bejn il-bdiewa, il-bejjiegħa, ix-xerrejja u l-konsumaturi dwar il-kwalitajiet tal-prodotti agrikoli; - Koerenza: għandha tiżdied il-koerenza tal-istrumenti tal-UE tal-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli; - Kumplessità: għandu jsir eħfef għall-bdiewa, il-produtturi u l-konsumaturi biex jużaw u jifhmu l-iskemi varji u t-termini tat-tikkettar. L-orjentazzjonijiet strateġiċi stipulati f'din il-Komunikazzjoni issa sejrin isawru l-punti ċentrali tad-dibattitu tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-ġejjieni. Il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli għandha tikkontribwixxi biex jitlaħqu l-għanijiet tal-PAK. Partikolarment, is-sostennibbiltà tas-sistemi tal-biedja għandha tittejjeb aktar permezz tal-politika dwar il-kwalità, u l-attributi tal-produzzjoni tal-prodotti ta' dawn is-sistemi għandha tkun magħrufa aħjar u kkomunikata liċ-ċittadini u l-konsumaturi. F'dan il-kuntest, qiegħed jiġi propost li l-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli tiġi żviluppata permezz ta' approċċ strutturat (are l-Grafika 2), magħmul minn: - Għall-iskemi tat-tip taċ-ċertifikazzjoni, l-iżvilupp ta' linji gwida biex l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni jaħdmu tajjeb u biex jiżguraw il-koerenza ta' kwalunkwe skema ġdida tal-UE[6]. - Għall-miżuri tat-tip tat-tikkettar, l-iżvilupp ta' standards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE fi ħdan l-Organizzazzjoni Komuni unika tas-Suq. Barra minn dan, l-iskemi u l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni eżistenti tal-UE għandhom jiġi ssimplifikati u kkjarifikati kull fejn possibbli. [pic] Grafika 2. Struttura għall-iżvilupp tal-kwalità agrikola u l-iskemi tal-assigurazzjoni taċ-ċertifikazzjoni u l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni 4. MIżURI TAL-UE DWAR IL-KWALITÀ AGRIKOLA 4.1. Rekwiżiti tal-UE għall-biedja Il-Green Paper saqsiet kif il-bdiewa jistgħu juru bl-aħjar mod li osservaw ir-rekwiżiti bażiċi tal-UE, bħar-regoli ambjentali, l-istandards tal-benessri tal-annimali, u l-kontroll strett tal-użu tal-pestiċidi u l-prodotti tas-saħħa tal-annimali. Ġew proposti żewġ possibbiltajiet: tikketta jew logo tar-'rekwiżiti tal-UE', jew it-tikkettar obbligatorju tal-lok tal-produzzjoni. Tikketta tar-'rekwiżiti tal-UE' tkun tidher fuq il-prodotti kollha (mill-UE jew importati) li jkunu ġew prodotti skont ir-rekwiżiti minimi tal-UE. Fir-reazzjonijiet għall-Green Paper, il-fehma l-aktar komuni mingħand il-konsumaturi, il-bdiewa, il-proċessuri, il-bejjiegħa bl-imnut u oħrajn, kienet kontra tikketta bħal din. Min-naħa l-oħra, ħafna minn dawk li wieġbu qablu ma' aktar użu tat-tikkettar tal-lok tal-produzzjoni bħala informazzjoni bażika utli dwar il-prodotti agrikoli. Dan il-punt ser ikun inkluż fis-sezzjoni li jmiss dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni. 4.2. Standards tal-kummerċjalizzazzjoni L-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u d-direttivi dwar il-prodotti fihom deskrizzjonijiet tekniċi tal-prodotti agrikoli, il-kompożizzjoni u l-karatteristiċi tagħhom u l-metodi ta' produzzjoni użati. Il-prodotti tas-sajd huma wkoll koperti b'sistema speċifika tal-kummerċjalizzazzjoni. Dawn ġew adottati mhux biss mill-UE, iżda wkoll minn entitajiet multilaterali[7]. Hemm erba' tipi ta' informazzjoni fl-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni (ara l-Kaxxa 1). 1. TERMINI RIŻERVATI: | Pereżempju: bajd 'tat-tiġieġ imrobbi fil-beraħ'; bajd 'tal-gallinar', żejt verġni u extra verġni taż-żebbuġa 'tal-ewwel għasra kiesħa', inbid spumanti 'bil-metodu tradizzjonali' | 2. KLASSIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT: | Pereżempju: frott: extra, klassi 1, klassi 2 bajd: kbir, medju, żgħir | 3. IDENTITÀ TAL-PRODOTT: | Pereżempju: definizzjonijiet butir, meraq tal-frott, ċikkulata, inbid, żejt extra verġni taż-żebbuġa | 4. TIKKETTAR TAL-ORIĠINI jew IL-LOK TAL-PRODUZZJONI: | Pereżempju: frott u ħaxix: lok tal-ħsad żejt taż-żebbuġa: lok tal-ħsad u tal-għasra | Kaxxa 1: Tipi ta' standrads tal-kummerċjalizzazzjoni Fir-reazzjonijiet tagħhom għall-Green Paper, il-bdiewa u l-produtturi, il-proċessuri, in-negozjanti u l-bejjiegħa bl-imnut qablu ma' standards tal-kummerċjalizzazzjoni, filwaqt li sostnew li huma meħtieġa biex il-bejjiegħa juru l-kwalità tal-prodotti li joffru u biex ix-xerrejja jkunu jafu x'qegħdin jixtru. Madankollu kien hemm ukoll sejħiet għas-simplifikazzjoni. L-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE ġew ikkritikati għax huma dettaljati wisq, wisq preskrittivi – ibbażati fuq regoli mandatorji meta regoli volontarji jkun biżżejjed – u għax huma wisq ikkumplikati biex jadattaw malajr għaċ-ċirkustanzi dejjem jinbidlu tas-suq. Ħafna minn dawk li wieġbu għall-Green Paper riedu wkoll li jiġu żviluppati 'termini riżervati fakultattivi'[8], pereżempju biex jiddefinixxu x'jista' jissejjaħ 'prodott tal-muntanji' jew 'b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju'. Barra minn dan il-konsumaturi u l-bdiewa sejħu għal aktar użu tat-tikkettar 'tal-lok tal-produzzjoni' (ara l-Kaxxa 2). Il-Kummissjoni bi ħsiebha tindirizza l-aspetti tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni li ġejjin: - ħtieġa għal standard bażiku ġenerali : Regoli mandatorji jistgħu jiġu stipulati fi standard bażiku ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni . Dan ikun ikopri dawk il-materji fejn approċċ volontarju jista' jfixkel is-suq uniku jew fejn tikkettar mandatorju huwa meħtieġ sabiex lill-konsumaturi jipprovdilhom informazzjoni bażika dwar il-prodotti. - Tikkettar tal-lok tal-produzzjoni : Sabiex tirrispondi għall-preferenzi ta' ħafna konsumaturi u bdiewa għal tikkettar li jidentifika l-lok fejn tkabbar il-prodott agrikolu, il-Kummissjoni għandha tikkonsidra tikkettar xieraq fl-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli, filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet ta' xi setturi, partikolarment dawk li jikkonċernaw il-prodotti agrikoli. Tikkettar tal-lok tal-produzzjoni Proporzjon kbir ta' konsumaturi (aktar minn 60 %) iqisu li huwa importanti li tingħatalhom tikketta tal-oriġini jew tal-lok tal-produzzjoni meta jitolbuha speċifikament. Il-proċessuri, in-negozjanti u l-bejjiegħa bl-imnut huma aktar xettiċi, u jsemmu ostakli konsiderevoli għall-prodotti b'iktar minn ingredjent wieħed u prodotti pproċessati oħra, pereżempju l-prodotti tal-ħalib[9]. It-tikkettar obbligatorju tal-pajjiż tal-oriġini u/jew it-tikkettar tal-lok tal-produzzjoni ġie introdott fl-Awstralja (għall-prodotti agrikoli kollha u l-oġġetti tal-ikel) u l-Istati Uniti (għal setturi ta' prodotti agrikoli magħżula), fost pajjiżi oħra. Fl-UE, it-tikkettar obbligatorju tal-lok tal-produzzjoni japplika għaċ-ċanga u l-vitella, il-frott u l-ħaxix, il-bajd, il-laħam tat-tjur, l-inbid, l-għasel, iż-żejt taż-żebbuġa (mill-2009) u l-prodotti organiċi tal-UE (mill-2010). It-tikkettar tal-oriġini japplika wkoll għall-prodotti tal-akkwakultura. | Kaxxa 2: Domanda għat-tikkettar tal-lok tal-produzzjoni - termini riżevati fakultattivi : It-termini riżervati fakultattivi għandhom jintużaw meta jkun jeħtieġ li tiġi ddefinita l-informazzjoni dwar il-kwalitajiet tal-prodott għall-konsumaturi (eż. żejt verġni u extra verġni taż-żebbuġa 'tal-ewwel għasra kiesħa'). Bħala alternattiva possibbli għal-leġiżlazzjoni tal-UE, il-Kummissjoni għandha tinvestiga aktar l-alternattiva tal-użu tas-CEN, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, għal regoli dettaljati ta' dan it-tip. Barra minn dan, il-Kummissjoni għandha teżamina l-fattibbiltà li tistipula termini riżervati fakultattivi speċifiċi għal 'prodott tal-biedja tal-muntanji' u 'prodott tradizzjonali' (ara t-taqsima 4.5 aktar 'l isfel). Mod wieħed kif jistgħu jiġu stipulati standards xierqa tal-kummerċjalizzazzjoni huwa billi jintalbu jiżviluppawhom il-partijiet interessati stess. Dan diġà seħħ għall-iżvilupp tal-istandards industrijali taħt is-CEN (ara l-Kaxxa 3). Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) Is-CEN hija entità privata bi 30 membru nazzjonali, mill-Istati Membri tal-UE, u l-pajjiżi tal-EFTA. L-attivitajiet tas-CEN huma r-riżultat ta' attivitajiet kollettivi tal-partijiet interessati, il-produtturi, l-utenti, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, id-dipartiment tal-gvern u l-konsumaturi. Is-CEN tiżviluppa Standards Ewropej volontarji (ENs). Dawn isiru l-istandard komuni uniku fit-30 pajjiż kollha kemm huma. L-ENs jgħinu fil-ħolqien ta' Suq Intern Ewropew għall-prodotti u s-servizzi u jassistu l-kummerċ internazzjonali. | Kaxxa 3: CEN - standards internazzjonali : Il-Kummissjoni għandha tkompli tirreferi u tikkontribwixxi attivament għall-iżvilupp ta' standards internazzjonali. 4.3. Indikazzjonijiet ġeografiċi L-indikazzjonijiet ġeografiċi huma l-ismijiet li jidentifikaw il-prodotti[10] bħala li joriġinaw f'territorju fejn kwalità partikolari, reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott hija essenzjalment attribwita għall-oriġini ġeografika tagħha[11]. L-iskemi tal-indikazzjonjiet ġeografiċi jipprovdu protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali għall-prodotti deskritti mill-indikazzjonjiet ġeografiċi rreġistrati; u l-assistenza fil-kummerċjalizzazzjoni, primarjament billi twassal l-informazzjoni dwar il-konformità mas-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi. L-iskemi jsaħħu l-kredibbiltà tal-prodotti f'għajnejn il-konsumaturi u jippermettu kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi Hemm tliet skemi (għall-inbid, għall-ispirti tax-xorb u għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel) u żewġ strumenti, il-DPO (denominazzjoni protetta tal-oriġini) u l-IĠP (indikazzjoni ġeografika protetta). Ir-reazzjonjiet għall-Green Paper u l-konsultazzjonijiet li saru aktar qabel mal-partijiet interessati wrew sostenn wiesa' għas-sistema tal-indikazzjoni ġeografika tal-UE u interess fi protezzjoni aħjar tal-indikazzjoni ġeografika tal-UE f'pajjiżi li mhumiex fl-UE. Madankollu, hemm bżonn li s-sistemi tal-indikazzjoni ġeografika jiġu eżaminati u ssimplifikati. Il-partijiet interessati ġibdu l-attenzjoni għall-bżonn li tinżamm ir-reputazzjoni tal-prodotti u li jiġi żgurat l-użu ta' metodi tal-biedja sostennibbli kif ukoll għal firxa ta' kwistjonijiet u l-possibbiltà ta' titjib fit-tħaddim tal-iskemi attwali. Hija meħtieġa aktar kjarezza b'rabta mat-tipi differenti ta' proprjetà intelletwali u fl-użu tat-termini ġeneriċi. Il-proċeduri ta' reġistrazzjoni huma twal wisq. Ir-repreżentanti tal-produtturi tal-prodotti bl-indikazzjoni ġeografika sejħu għal aktar drittijiet u kontroll fuq l-użu tagħhom – pereżempju, biex jikkontrollaw il-produzzjoni (bl-użu ta' kwoti)[12], u għall-kontroll tal-użu tal-ismijiet tal-indikazzjoni ġeografika fuq il-pakketti tal-prodotti proċessati. Fil-fehma tal-Kummissjoni, filwaqt li s-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE hija essenzjalment soda u tagħti benefiċċji lill-konsumaturi u lill-produtturi, il-ħtieġa ta' simplifikazzjoni, aktar ċarezza u standardizzazzjoni tiġġustifika riforma leġiżlattiva. Huwa wkoll veru li mhux l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati kollha għandhom reputazzjoni u potenzjal kummerċjali li jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tipprepara l-bażi għall-possibbiltà ta' riformulazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fuq il-linji li ġejjin: - Simplifikazzjoni: għandha tingħata kunsiderazzjoni ulterjuri biex it-tlett sistemi għall-inbid, l-ispirti, u l-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel jinġiebu flimkien fi struttura regolatorja unika, filwaqt li jinżammu l-ispeċifikazzjonijiet ta' kull sistema. Għandhom jiġu eżaminati aktar alternattivi għas-simplifikazzjoni: forsi l-għaqda tal-istrumenti DPO u IĠP eżistenti u l-għoti ta' livelli differenti ta' protezzjoni mill-UE. Kwalunkwe sistema ġdida għandha żżomm ir-rabta bejn iż-żona tal-produzzjoni, il-karratteristika kollettiva tal-indikazzjoni ġeografika, u tiżgura r-rikonoxximent fl-UE. Għandha tibqa' timmira li l-konsumaturi jagħrfu aħjar l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tiżgura infurzar u promozzjoni effiċjenti ta' sistema kredibbli ta' inidikazzjonjiet ġeografiċi. - Il-kjarifika tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, u partikolarment ir-rabta bejn it-tipi differenti ta' proprjetà intelletwali; - Termini ġeneriċi (jiġifieri ismijiet li saru l-isem komuni ta' prodott agrikolu jew oġġetti tal-ikel): il-Kummissjoni għandha tikkonsidra jekk humiex meħtieġa xi kjarifiki, b'mod partikolari fl-identifikazzjoni tat-termini ġeneriċi u l-ambitu tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati għal xi termini ġeneriċi; - L-informazzjoni fejn meħtieġa dwar il-lok tal-produzzjoni tal-materja prima meta din tkun differenti mil-lok indikat mill-indikazzjoni ġeografika; - L-estensjoni possibbli tar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għal operaturi differenti fil-katina tal-provvista (bħall-importaturi u d-distributuri) kif inhu l-każ għall-produtturi organiċi. Fuq diversi kwistjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li linji gwida jeħtiġilhom jiġu żviluppati fir-rigward ta': - l-użu tal-indikazzjonijiet ġeografiċi bħala ingredjenti rriklamati fuq it-tikketti tal-prodotti proċessati; - it-tħeġġiġ tal-gruppi tal-produtturi biex jinkludu kriterji dwar is-sostennibbiltà fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott. Fil-kuntest internazzjonali , is-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi hija stabbilita sew fl-UE u f'ħafna pajjiż li mhumiex fl-UE. Madankollu, f'xi sħab kummerċjali, ma teżistix leġiżlazzjoni speċifika jew l-ismijiet mill-UE mhumiex protetti sew fis-sistemi tal-pajjiż li mhuwiex fl-UE. Il-Kummissjoni tipproponi: - li tfittex protezzjoni aħjar fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE permezz ta' titjib fil-ftehim tad-WTO, u permezz ta' ftehimiet bilaterali mas-sħab kummerċjali; - li tinkludi indikazzjonijiet ġeografiċi fl-ambitu tal-'Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni' kif ukoll 'l-osservatorju Ewropew tal-falsifikazzjoni u l-piraterija' li ser jiġi stabbilit; - li indikazzjonijiet ġeografiċi mhux mill-UE iżda protetti fl-UE permezz ta' ftehimiet bilaterali jiġu protetti fil-prinċipju fir-reġistru/i uffiċjali tal-UE. Finalment, il-Kummissjoni trid tqassar il-proċessi billi tistandardizza l-proċeduri amministrattivi : għalkemm il-perjodu tar-reġistrazzjoni tjieb konsiderevolment mill-2006, il-Kummissjoni biħsiebha tnaqqas id-dewmien billi tlesti l-analiżi tagħha u tasal għad-deċiżjoni finali aktar malajr, fost l-oħrajn billi tirrifjuta minn kmieni s-sottomissjonijiet insuffiċjenti, filwaqt li tħares bis-sħiħ ir-regolamenti fis-seħħ. 4.4. Biedja organika Mill-1991, ir-regolamentazzjoni tal-biedja organika fl-UE pproteġiet l-identità u l-valur miżjud tat-tikketti 'organiku', 'bijoloġiku', 'ekoloġiku', 'eko' u 'bijo' . Il-biedja organika hija ddefinita fil-leġiżlazzjoni tal-UE u fil-livell internazzjonali f'linja gwida tal- Codex Alimentarius. Dan ifisser li l-konsumaturi jistgħu jafdaw il-kwalità tal-prodotti organiċi kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-kummerċ fis-suq uniku u mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-produzzjoni organika kienet riveduta[13] fl-2007 bħala parti mill-Pjan tal-2004 għall-Azzjoni Organika. Imma l-livell tas-segmentazzjoni tas-suq skont linji nazzjonali hija problema persistenti fl-UE, parzjalment minħabba n-nuqqas ta' aċċettazzjoni reċiproka bejn l-iskemi privati tat-tikkettar organiku u l-proliferazzjoni tal-logos organiċi. Il-Kummissjoni qiegħda tippjana l-iżviluppi li ġejjin għall-politika tal-biedja organika: - logo organiku ġdid tal-UE qiegħed jiġi żviluppat. Ser japplika b'mod obbligatorju għall-prodotti tal-biedja kollha tal-UE mill-2010, u għandu jgħin biex jintgħelbu l-ostakli għall-kummerċ tal-prodotti organiċi fis-suq uniku; - rapport dwar l-applikazzjoni tar-regolament ġdid għandu jitressaq quddiem il-Kunsill u l-Parlament fl-2011; - Sabiex jitrawwem il-kummerċ tal-prodotti organiċi, il-Kummissjoni għandha tfittex ir-rikonoxximent reċiproku tal-istandards organiċi ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE u għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-linja gwida tal- Codex Alimentarius għall-prodotti organiċi. 4.5. Speċjalitajiet Tradizzjonali L-iskema tal-UE għar-reġistrazzjoni tal-'ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti' kienet intenzjonata biex tidentifika l-ismijiet tal-prodotti tradizzjonali. Madankollu, b'20 reġistrazzjoni biss mill-1992, huwa ovvju li ma rnexxilhiex tilħaq il-potenzjal tagħha. Minkejja li ftit li xejn qabdet, ir-reazzjonijiet għall-konsultazzjonijiet mill-partijiet interessati urew sostenn għall-iskema attwali. Il-Kummissjoni tipproponi li tinvestiga l-fattibbiltà li tintroduċi t-terminu 'prodott tradizzjonali' bħala terminu riżervat definit fl-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni (ara it-taqsima 4.2 aktar 'il fuq) u tabolixxi l-iskema attwali. 5. ŻVILUPP TAL-QAFAS TAL-UE GħALL-POLITIKA DWAR IL-KWALITÀ 5.1. Koerenza tal-iskemi ġodda tal-UE Barra mill-iskemi tal-kwalità tal-UE eżistenti, il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra l-possibbiltà li tiżviluppa qafas għat-tikkettar tal-benessri tal-annimali u, soġġett għal studju tal-fattibbiltà, għandha testendi l- Ekotikketta għall-ikel u l-għalf. Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tistudja l-alternattivi tat-tikkettar fil-qasam kumpless tal- impatt tal-karbonju. Il-partijiet interessati pproponew aktar skemi tal-UE partikolament fl-isfera ambjentali, bħall-prodotti tal-biedja b'valur naturali għoli. Il-Kummissjoni biħsiebha tiżgura l-koerenza tal-iskemi u l-inizjattivi futuri tal-kwalità tal-prodotti agrikoli tal-UE billi tivvaluta attivament il-valur miżjud u rakkomandabbiltà ta' kwalunkwe skema ġdida bħal dawk imsemmija aktar 'il fuq b'kollaborazzjoni mas-servizzi kollha kkonċernati. 5.2. Linji gwida għall-iskemi privati u nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni tal-ikel L-iskemi privati u nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni għandhom il-potenzjal li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-informazzjoni tal-konsumaturi u x-xerrejja dwar il-karatteristiċi tal-prodotti agrikoli u l-attributi tal-produzzjoni. Il-prestazzjoni fis-suq x'aktarx li tkompli tkun il-fattur ewlieni għas-suċċess jew il-falliment ta' skemi privati, li jevolvu skont kemm jissodosfaw tajjeb id-domanda tal-konsumaturi, kemm huma lesti li jħallsu l-konsumaturi għal prodotti ċċertifikati, u kemm tqumilhom lill-bdiewa u l-produtturi l-parteċipazzjoni fl-iskema. Xi partijiet interessati argumentaw li l-iskemi privati għandhom żvantaġġi: theddid għas-suq uniku, kwistjonijiet dwar it-trasparenza tal-iskemi (u l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet) partikolarment għal skemi li jiċċertifikaw ir-rekwiżiti bażiċi, potenzjal li tiżvijja lill-konsumaturi, tendenza li l-iskemi jiġu bi żball mifhuma bħala standards uffiċjali, piżijiet fuq il-bdiewa (partikolarment fejn ikollhom jissieħbu f'diversi skemi) u impatti fuq il-kummerċ internazzjonali[14], speċjalment mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (ara l-Kaxxa 4). Pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw Skemi privati taċ-ċertifikazzjoni jistgħu jkunu katalisti għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jidħlu fis-suq tal-UE. Mil-lat pożittiv, l-iskemi privati jippreżentaw opportunità li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jistgħu jużaw għall-vantaġġ tagħhom billi jipprovdu lingwaġġ komuni fil-katina tal-forniment u jakkwistaw il-fiduċja tal-konsumaturi tal-UE fil-kwalità tal-prodotti tal-ikel. Il-ħtieġa li jikkonformaw mll-istandards tista' sservi ta' inċentiv għall-modernizzazzjoni tal-ktajjen tal-forniment tal-esportazzjoni tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Argument ieħor huwa li aktar attenzjoni għall-adozzjoni ta' 'prattiċi tajbin' fil-produzzjoni agrikola u tal-ikel tista' tkun ta' benefiċċju għall-popolazzjoni domestika, il-produtturi u l-ambjent. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti tal-iskemi privati jistgħu jkunu diffiċli biex jintlaħqu minn xi produtturi f'xi pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Fid-dawl tal-ispejjeż tal-konformità, l-għajnuna internazzjonali mingħand id-donaturi għandha rwol importanti biex tiżgura l-partiċipazzjoni tan-negozji żgħar u medji, u l-bdiewa b'impriżi żgħar fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. | Kaxxa 4. Skemi taċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-ikel fil-kuntest internazzjonali Mil-lat pożittiv, il-Kummissjoni tinnota li l-kwistjoni tal-konfużjoni tal-konsumaturi li tqum mill-iskemi differenti b'għanijiet simili qiegħda tiġi indirizzata minn inizjattivi bħalma huwa l-Kodiċi ISEAL għall-Prattika Tajba[15], li jiddikjara li huwa r-referenza internazzjonali għad-definizzjoni ta’ standards soċjali u ambjentali volontarji kredibbli. Barra minn dan, is-sostenituri tal-iskemi eżistenti jisħqu li diġà ħadu passi kbar lejn l-armonizzazzjoni. Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi u l-kummenti tal-partijiet interessati interessati b'reazzjoni għall-Green Paper, il-Kummissjoni ma taqbilx ma' leġiżlazzjoni għall-iskemi privati u nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni f'dan l-istadju. Filwaqt li tagħraf in-natura privata tal-iskemi, il-Kummissjoni qiegħda tippjana li tiżviluppa linji gwida tal-prattika tajba għat-tħaddim ta' skemi b'rabta mal-kwalità tal-prodotti agrikoli. Il-linji gwida għandhom jitfasslu b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati. 6. KONKLUżJONI L-orjentazzjonijiet strateġiċi stipulati f'din il-Komunikazzjoni joffru qafas loġiku għall-politika futura dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli. Kummenti mingħand Istituzzjonijiet oħrajn, kif ukoll mingħand il-partijiet interessati, jgħinu biex dawn is-suġġerimenti jittejbu u jkunu kkjarifikati aktar. Filwaqt li tqis il-kummenti dwar din il-Komunikazzjoni, u fid-dawl ta' aktar analiżi fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha: - tiżvilippa linji gwida għall-iskemi taċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-prodotti agrikoli b'konsultazzjoni mall-Grupp Konsultattiv għall-Kwalità; - tipprepara l-bażi għal inizjattivi leġiżlattivi possibbli fuq l-indikazzjonijiet ġeografiċi, garanziji tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali, u l-istandards tas-suq, fosthom it-termini riżervati fakultattivi; - tinvestiga l-potenzjal li tuża l-entità tas-CEN għad-definizzjoni tal-istandards; - ittejjeb l-għarfien tal-iskemi tal-UE tal-kwalità fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE. Dan l-approġġ ġenerali u l-passi prattiċi għandhom, fit-tul taż-żmien medju, itejbu l-komunikazzjoni bejn il-bdiewa, ix-xerrejja u l-konsumaturi dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli, jgħaqqdu flimkien ir-regoli tal-UE dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli, u jissimplifikaw l-iskemi u t-tikketti. [1] Il-'kwalitajiet' agrikoli tal-prodott jinkludu kemm il-'karatteristiċi tal-prodott' (karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi, u organolettici – daqs, apparenza, togħma, dehra, ingredjenti, eċċ.) u l-'attributi tal-produzzjoni' (il-metodu tal-produzzjoni, it-trobbija tal-annimali, l-użu ta' tekniki tal-proċessar, il-lok tat-tkabbir u l-produzzjoni, eċċ.). [2] Il-11 u t-12 ta’ Mejju 2006, Brussell. http://foodqualityschemes.jrc.ec.europa.eu/en/documents/ReportSTKHHearing_final.pdf [3] http://ec.europa.eu/agriculture/events/qualityconference/index_en.htm [4] Il-Green Paper dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli: l-istandards tal-prodotti, ir-rekwiżiti tal-biedja u l-iskemi dwar il-kwalità - COM(2008)641 finali, 15.10.2008. [5] Il-konklużjonijiet tal-konferenza, ara d-dokument tal-Kunsill, Brussell, it-18 ta’ Marzu 2009, Nru 7696/09, AGRI 114, http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/09/st07/st07696.en09.pdf [6] Il-kummenti tal-partijiet interessati kienu relatati l-aktar mal- Ekotikketta u l-potenzjal tagħha ta’ tirkib fuq l-iskema organika eżistenti. Il-Kummissjoni sejra twettaq studju dwar din il-kwistjoni. Barra minn dan, il-Kummissjoni qiegħda tħejji Komunikazzjoni dwar it-tikkettar tal-Kummerċ Ġust u l-Benessri tal-annimali, u qiegħda tippjana li tintroduċi kriteji minimi għal tikketti volontarji tas-sajd sostennibbli. [7] eż. il-Kummissjoni dwar il- Codex Alimentarius u l-Kummisjoni Ekonomika tan-NU għall-Ewropa (NU/ECE). [8] Termini riżervati 'fakultattivi' ma għandhomx għalfejn jintużaw sabiex jiddeskrivu prodott fis-suq jew fuq it-tikketti, imma jekk jintużaw, il-prodott ikollu jikkorrispondi mad-definizzjoni stabbilita. [9] 'Il-lok tal-produzzjoni' fil-kuntest tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni jirreferi għal fejn tkabbar il-prodott tar-raba', twieldu u trabbew l-annimali, fejn inħalbu l-baqar tal-ħalib, eċċ. 'Oriġini' tista' tirreferi, fil-każ ta' prodott ipproċessat, għal-lok tal-aħħar trasformazzjoni sostenzjali, u għalhekk mhux bilfors 'għal-lok tal-produzzjoni' tal-prodott agrikolu. Ir-regolamentazzjoni orizzontali tat-tikkettar tal-oriġini u l-provenjenza li tkopri l-prodotti kollha tal-ikel hija inkluża fil-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi - COM(2008) 40. Din il-proposta tinsab għall-konsiderazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. [10] Is-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tkopri wkoll il-prodotti tas-sajd. [11] Kif iddefinit fl-Artikolu 22 (1) tal-Ftehim WTO TRIPS. [12] Il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport dwar l-impatt tat-tneħħija tal-kwoti tal-ħalib fuq il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ġobon kopert b'indikazzjonijiet ġeografiċi. [13] Fost l-oħrajn, ir-Regolament issa jkopri l-akkwakultura. [14] Jinsabu għaddejjin diskussjonijiet dwar l-istandards privati fil-Kumitat WTO SPS (sanità u fitosanità). [15] L-Alleanza ISEAL tiddefinixxi u tikkodifika l-aħjar prattiċi fil-livell internazzjonali għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' standards soċjali u ambjentali.