52009DC0225

Rapport mill-Kummissjoni - Analiżi tal-penali għall-ksur serju ta’ regoli soċjali fit-trasport bit-triq, kif stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri /* KUMM/2009/0225 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.5.2009

KUMM(2009) 225 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Analiżi tal-penali għall-ksur serju ta’ regoli soċjali fit-trasport bit-triq, kif stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Analiżi tal-penali għall-ksur serju ta’ regoli soċjali fit-trasport bit-triq, kif stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

INTRODUZZJONI

Dan ir-rapport janalizza l-penali għall-ksur serju ta’ regoli soċjali fit-trasport bit-triq kif stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/22/KE[1] dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq.

Il-ksur jikkonċerna żewġ regolamenti. Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006[2] dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq għandu regoli preċiżi ħafna dwar il-ħinijiet massimi tas-sewqan, il-perjodi minimi ta’ mistrieħ u l-pawżi għas-sewwieqa involuti fit-trasport professjonali. Ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85[3] dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq jikkonċerna l-installazzjoni u l-użu tat-takografu.

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 jesiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur taż-żewġ Regolamenti. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, diswassivi u nondiskriminatorji[4]. Il-Premessa 26 ta’ dan ir-Regolament issemmi wkoll li l-possibbiltà li vettura tiġi immobilizzata fejn jinstab li hemm ksur serju għandha wkoll tkun inkluża fil-medda komuni ta’ miżuri li l-Istati Membri jistgħu jimponu. Madankollu, ir-Regolament ma fih ebda definizzjoni ta’ x’għandu jitqies bħala ksur serju.

Oriġinarjament, id-Direttiva 2006/22/KE kellha l-Anness III tagħha li kien fih lista mhux eżawrjenti ta’ x’għandu jitqies bħala ksur. Reċentement, permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/5/KE[5], dan l-Anness III ġie sostitwit b’Anness ġdid. Dan l-Anness III ġdid fih linji ta’ gwida dwar il-kategorizzazzjoni tal-ksur taż-żewġ Regolamenti.

L-Istati Membri kellhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bir-regoli li adottaw dwar il-penali għall-ksur taż-żewġ regolamenti[6]. Meta tfassal dan ir-rapport, 26 Stat Membru kienu għarrfu lill-Kummissjoni dwar ir-regoli tagħhom. Il-Portugall għadu ma kkonformax mal-obbligi tiegħu, u għaldaqstant, huwa suġġett għal proċedura ta’ ksur.

TIPI TA’ PENALI

Fil-liġijiet u regolamenti nazzjonali jissemmew diversi tipi ta’ penali: penali finanzjarji, immobilizzazzjoni tal-vettura, projbizzjoni tas-sewqan u pieni ta’ ħabs. Dawn il-penali jistgħu jkunu differenti wkoll fir-rigward tas-sewwieqa u tal-impriżi.

Penali finanzjarji

L-Istati Membri kollha għandhom penali finanzjarji għall-ksur. Il-multi massimi jvarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri; minn multa fissa ta’ €58.23 f’Malta sa €5 000 u aktar fl-Awstrija, Ċipru, il-Ġermanja u l-Irlanda. Dan ifisser li l-multa massima f’pajjiż tista’ tkun diversi drabi aktar minn dik f’pajjiż ieħor.

Sa ċertu punt, din id-differenza tista’ tiġi ġġustifikata mid-differenzi soċjoekonomiċi li hemm bejn l-Istati Membri, tant li l-istess multa tista’ tkun diswassiva u proporzjonata għal sewwieqa u impriżi f’pajjiż, iżda mhux neċessarjament f’ieħor. Madankollu, dan ir-raġunament ma jistax jiġi applikat, pereżempju, għall-penali pjuttost għoljin li jiġu applikati fi Spanja u fl-Ungerija.

F’dan ir-rigward, il-Finlandja għandha approċċ uniku, peress li l-penali jiġi kkalkulat abbażi ta’ “multi tal-ġurnata”. Dawn il-“multi tal-ġurnata” jiġu kkalkulati abbażi ta’ diversi fatturi, fosthom, abbażi tad-dħul ta’ kuljum tal-persuna li tingħata l-penali u ta’ kemm din ikollha tfal.

Immobilizzazzjoni tal-vettura

Kif jissemma hawn fuq, il-Premessa 26 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tirreferi b’mod espliċitu għall-immobilizzazzjoni tal-vettura bħala waħda mill-miżuri li għandhom jintużaw kontra l-ksur serju. Din il-miżura tista’ tiżgura, pereżempju, li l-perjodu ta’ mistrieħ li jieħu s-sewwieq ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. Barra minn hekk, jista’ jimpedixxi lill-impriżi milli jieħdu vantaġġ kompetittiv billi jħallsu biss multa minflok ma jirrispettaw ir-Regolament.

Madankollu, 15-il pajjiż biss għarrfu lill-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni tagħhom tipprovdi b’mod espliċitu għall-possibbilità tal-immobilizzazzjoni tal-vettura (il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, ir-Rumanija, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit).

Penali oħrajn

Seba’ Stati Membri jipprovdu għal pieni ta’ ħabs f’każijiet ta’ ksur serju, anke jekk xi wħud minnhom japplikaw dawn il-pieni biss meta l-multi ma jitħallsux (l-Awstrija, Ċipru, id-Danimarka, Franza, l-Irlanda, il-Lussemburgu u r-Renju Unit).

F’xi pajjiżi, il-leġiżlazzjoni tinkludi wkoll l-irtirar temporanju tal-liċenzja tas-sewqan tas-sewwieq (il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Greċja, l-Italja u r-Renju Unit) jew tal-kard tas-sewwieq (is-Slovakkja)

Diversi Stati Membri japplikaw ukoll penali akbar jew aktar ibsin għal każijiet ta’ ksur ripetut jew rikorrenti (l-Awstrija, il-Bulgarija, Franza, l-Italja, is-Slovakkja u r-Renju Unit). Il-leġiżlazzjoni tal-Awstrija, pereżempju, tipprovdi għall-possibbiltà ta’ pieni ta’ ħabs f’każijiet fejn il-persuna tkun diġà ġiet ippenalizzata għal ksur simili.

Penali għall-impriżi

L-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 iżomm lill-impriżi b’responsabbli għall-ksur li jitwettaq mis-sewwieqa tagħhom, anke meta l-ksur jitwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz. Il-leġiżlazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Iżveżja u r-Renju Unit) tinkludi penali differenti għas-sewwieqa u l-impriżi, fejn l-impriżi jiffaċaw penali akbar u aktar ibsin minn dawk għas-sewwieqa.

l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jistipula wkoll li l-kunsinjatarji, il-burdnara, l-operaturi ta’ ġiti, il-kuntratturi prinċipali, is-subkuntratturi u l-aġenziji għall-impjieg tas-sewwieqa għandhom jiżguraw illi l-iskedi tal-ħin tat-trasport miftiehma f’kuntratt iħarsu d-disposizzjonijiet dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ. Madankollu, ftit Stati Membri biss għandhom leġiżlazzjoni dwar il-penali li ssemmi lil dawn l-operaturi fil-katina tat-trasport (id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Polonja u l-Iżvezja). Sfortunatament, mill-analiżi tal-leġiżlazzjonijiet rispettivi mhux evidenti l-mod li bih qed jiġu applikati dawn il-penali.

Prinċipju ta’ estraterritorjalità

L-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 introduċa wkoll il-prinċipju tal-estraterritorjalità: meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jsiru jafu li seħħ xi ksur u li għalih tkun għadha ma ġietx imposta penali, dawn l-awtoritajiet kompetenti għandhom il-kapaċità li jimponu penali anke meta l-ksur ikun seħħ fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiz terz. Minħabba l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni, il-penali għandha tkun l-istess daqs li kieku l-ksur seħħ fit-terrijitorju tal-Istat Membru li jkun sar jaf bil-ksur.

Filwaqt li jżid l-ambitu għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni soċjali fit-trasport bit-triq, dan il-prinċipju jista’ jkollu effetti sekondarji negattivi jekk l-Istati Membri japplikaw penali differenti ħafna għall-istess tip ta’ ksur. It-trasportaturi tal-merkanzija li jwettqu ksur għandhom mnejn jagħżlu li jħallsu l-penali għall-ksur fi Stat Membru li japplika multi baxxi minflok ma jissograw li jkollhom iħallsu penali għolja ħafna fi Stat Membru ieħor. B’hekk jistgħu jieħdu vantaġġ kompetittiv fuq impriżi oħrajn li jikkonformaw mar-Regolamenti.

SISTEMI NAZZJONALI TA’ PENALIZZAZZJONI

Skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni tingħata mill-Istati Membri, is-sistemi nazzjonali ta’ penalizzazzjoni jvarjaw ħafna. Tista’ ssir distinzjoni bażika bejn l-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom ma tispeċifika ebda differenza bejn it-tipi differenti ta’ ksur u l-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom tiddistingwi bejn tipi ta’ ksur speċifiċi u tapplika livelli differenti ta’ penali għal dawn id-diversi tipi ta’ ksur.

Sistemi mingħajr differenzjazzjoni tal-penali

Il-leġiżlazzjoni ta’ xi Stati Membri sempliċement tiffissa l-livelli massimi, u kultant dawk minimi, tal-penali applikabbli għall-ksur, b’mod ġenerali. Għalhekk, mhux possibbli li wieħed janalizza l-penali għal każijiet ta’ ksur serju. Xi Stati Membri għarrfu lill-Kummissjoni dwar dawn il-livelli massimi, u xi kultant dawk minimi, biss (l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, il-Lussemburgu u r-Renju Unit). Malta tapplika multa fissa għal kull tip ta’ ksur (€58.23).

Sistemi b’differenzjazzjoni tal-penali

Fl-Istati Membri l-oħra, il-leġiżlazzjoni tiddistingwi mill-anqas bejn xi tipi differenti ta’ ksur u tapplika penali differenti għalihom. Ta’ min wieħed jinnota li mhux l-Istati Membri kollha li japplikaw penali differenti għal tipi differenti ta’ ksur għandhom livelli differenti ta’ penali għall-istess tip ta’ ksur.

Ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ tar-Regolament (KE) Nru 561/2006

F’xi Stati Membri li jkollhom sistema li tagħmel differenzjazzjoni għall-penali, il-leġiżlazzjoni tinkludi sistema dettaljata tal-kategorizzazzjoni tal-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ previsti fir-Regolament (KE) Nru 561/2006. Issir distinzjoni bejn żewġ livelli jew aktar tal-istess tip ta’ ksur u jiġu ffissati multi speċifiċi għal kull livell. Ir-regoli jistipulaw penali akbar, pereżempju, meta l-limitu tal-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum jinqabeż b’sagħtejn milli meta dan il-limitu jinqabeż b’siegħa.

It-tabella tal-Anness 1 tfasslet abbażi tal-informazzjoni li ngħatat lill-Kummissjoni. Din tqabbel, għall-Istati Membri li japplikaw penali differenzjati skont il-ksur, il-multi applikati għall-ksur tal-Artikoli 6-8 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, kif definit fl-Anness III il-ġdid għad-Direttiva 2006/22/KE.

Turi wkoll id-differrenzi fl-ammonti tal-multi applikati mid-diversi Stati Membri. F’każijiet estremi, l-ammonti massimi għal tipi ta’ ksur speċifiċi f’pajjiż jistgħu jkunu aktar minn għaxar darbiet akbar milli f’pajjiż ieħor. Fi Spanja, meta l-limitu tal-ħin ta’ sewqan jinqabeż b’aktar minn sagħtejn, dan jista’ jwassal għal multa li titla’ sa €4 600, filwaqt li l-multa massima fil-Ġreċja hija €400.

Il-metodu li bih jiġu ddeterminati l-livelli fid-diversi Stati Membri jvarja wkoll. Il-limiti jiġu indikati f’unitajiet ta’ minuti jew ta’ sigħat jew bħala perċentwali Xi Stati Membri jipprovdu għal żewġ livelli differenti biss, pereżempju, l-Estonja, Franza u s-Slovakkja. Pajjiżi oħrajn għandhom aktar livelli, pereżempju, l-Ungerija, li tapplika 5 livelli għal meta jinqabeż il-limitu tal-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum: b’ 5%, b’ 5-10%, b’ 10-15%, b’ 15-20% jew b’aktar minn 20%.

Il-leġiżlazzjoni ta’ Spanja, pereżempju, tiffissa ammonti speċifiċi għal kull siegħa ta’ sewqan aktar mil-limitu tal-ħin ta’ sewqan għal gimagħtejn, liema limitu, skont ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 huwa ta’ 90 siegħa: sewqan għal aktar minn 110 sigħat iwassal għal penali ta’ €1 580, filwaqt li għal sewqan ta’ aktar minn 111-il siegħa din il-penali titla’ għal €1 620, u fiż-żewġ każijiet tiġi wkoll immobilizzata l-vettura.

Meta jiġu applikati aktar minn żewġ livelli, iż-żieda bejn il-penali applikati tista’ ssir b’mod lineari jew b’mod progressiv. Fl-Olanda, pereżempju, il-penali applikabbli meta jinqabeż il-limitu tal-ħin ta’ sewqan għal ġimgħa hi ta’ €110 kull siegħa, filwaqt li fil-Greċja, il-penali applikabbli meta l-limitu tal-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum jinqabeż b’sagħtejn hija aktar mid-doppju ta’ dik applikabbli għal meta dan il-limitu jinqabeż b’siegħa.

Il-Belġju japplika sistema partikolari biex jiddetermina l-penali f’każ li jinqabeż il-limitu tal-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum jew il-limitu tal-ħin ta’ sewqan bla waqfien għal mistrieħ, li jqis żewġ parametri. Fil-każ tal-limitu tal-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum, l-itwal perjodu ta’ mistrieħ matul il-perjodu ta’ sewqan ta’ kuljum jiddetermina l-livell tal-penali. Għalhekk, meta l-limitu tal-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum jinqabeż b’erba’ siegħat, dan iwassal għal penali akbar (€450) f’każ li s-sewwieq jistrieħ għal perjodu sħiħ ta’ inqas minn tliet sigħat milli fil-każ fejn is-sewwieq jistrieħ għal perjodu sħiħ ta’ sitt siegħat (€310).

Meta l-Istati Membri jagħmlu din it-tip ta’ distinzjoni bejn ksur differenti, tkun impossibbli li wieħed jifhem liema ksur huma jqisu bħala l-aktar serju. Għalhekk, wieħed jista’ jikkonkludi li r-regoli dwar il-ksur tal-ħinijiet tas-sewqan u l-mistrieħ ma jvarjawx ħafna bejn Stat Membru u ieħor f’termini ta’ liema ksur għandu jitqies bħala serju aktar minn ksur ieħor, anke jekk jidher li hemm xi differenzi żgħar. Bħala eżempju ta’ dawn id-differenzi, fil-Belġju, ksur li skont il-kategoriji inklużi fl-Anness III il-ġdid għad-Direttiva 2006/22/KE jitqies bħala ksur minuri tad-dispożizzjonijiet dwar il-pawżi jwassal għal penali iżgħar minn dik applikabbli għal ksur minuri tad-dispożizzjonijiet dwar il-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum; fl-Olanda, għaż-żewġ tipi ta’ ksur tiġi applikata l-istess penali, filwaqt li fil-Polonja tiġi applikata penali akbar.

Madankollu, b’mod ġenerali, m’hemmx dubju li aktar ma jinqabeż il-limitu tal-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum jew inqas ma jiġi osservat il-perjodu minimu ta’ mistrieħ, aktar tiżdied is-serjetà tal-ksur.

Id-differenzi jikkonċernaw l-aktar lil żewġ aspetti: il-livelli differenti tad-diversi penali u l-ammonti tal-multi ffissati għall-ksur. Kif indikat hawn fuq, il-mod li bih jiġu determinati l-livelli jvarja mhux ftit peress li jiġi bbażat fuq sigħat/minuti jew perċentwali, u jiġi applikat għadd differenti ta’ livelli. Kif jidher fl-Anness I, id-differenzi bejn l-ammonti tal-penali huma ċari ħafna.

Ksur tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 (ir-Regolament dwar it-takografu)

Minkejja li fl-Istati Membri r-regoli dwar il-ksur tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 huma pjuttost simili f’termini ta’ x’għandu jitqies bħala ksur serju, is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward tal-ksur tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85.

Meta l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri jkollhom kategoriji differenti ta’ ksur, ġeneralment dawn ivarjaw b’mod sinifikanti bejn Stat Membru u ieħor u anke mill-kategorji tal-Anness III il-ġdid għad-Direttiva 2006/22/KE. Skont l-informazzjoni addizzjonali li jibagħtu l-Istati Membri, jidher li hemm differenzi sinifikanti mhux biss fil-livell tal-multi applikabbli iżda anke fil-mod li bih jiġi kkategorizzat il-ksur.

It-tabella tal-Anness II turi dawn id-differenzi fil-kategorizzazzjoni. Għal xi ksur li d-Direttiva 2006/22/KE tqis bħala “serju ħafna”, xi Stati Membri rrappurtaw l-aktar livell ta’ penali baxx għall-ksur tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85. Pereżempju, dan jiġri meta sewwieq ikollu aktar minn kard tas-sewwieq waħda validi (il-ksur G7 fl-Anness III għad-Direttiva 2006/22/KE). F’dan il-każ, l-Estonja, il-Bulgarija u l-Litwanja japplikaw l-aktar livell ta’ penali baxx. Eżempji oħra jinkludu meta l-mekkaniżmu ta’ kommutazzjoni tat-takografu jintuża ħażin jew meta s-sewwieq ikollu kard tas-sewwieq u ma jkunx jista’ jippreżenta r-reġistrazzjonijiet tagħha (il-ksur G22 jew I4).

Min-naħa l-oħra, għall-biċċa l-kbira tal-ksur meqjus bħala ksur minuri skont id-Direttiva 2006/22/KE, ħafna mill-Istati Membri ma japplikawx l-aktar livell ta’ penali baxx. Pereżempju, fil-każ ta’ sewwieq li ma jżommx biżżejjed karti għal karti stampati (printouts) fil-vettura, li skont id-Direttiva 2006/22/KE jitqies bħala każ ta’ ksur minuri (il-ksur G5), l-Ungerija tapplika l-ogħla livell ta’ multa.

Huma biss fil-każijiet ta’ ksur li jinvolvu frodi tat-takografu (il-ksur J1 sa J3) u fil-każijiet fejn l-impriżi ma jżommux folji ta’ reġistrazzjoni (il-ksur G6 u G10) li l-kategorizzazzjoni hija simili fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, fejn jiġi applikat l-ogħla livell ta’ penali għal dan il-ksur serju.

Bħal fil-każ tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, l-ammonti tal-multi applikati għall-ksur tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 ivarjaw ħafna, u jinkludu l-akbar multi applikabbli. Pereżempju, fil-Litwanja, għall-manipulazzjoni tat-takografu tingħata multa sa €586, iżda fil-Polonja tingħata multa sa €2 460, anke jekk dawn huma l-multi massimi applikabbli fiż-żewġ pajjiżi. F’pajjiżi oħrajn, il-multa taf tkun akbar minn hekk: fi Spanja, il-multa għal dan it-tip ta’ ksur hi €4 601, fl-Italja titla’ sa €6 232 u fi Franza sa €30 000 (bil-possibbiltà addizzjonali ta’ pieni ta’ ħabs sa massimu ta’ sena ħabs).

Għalhekk, wieħed jista’ jikkonkludi li, fil-każ ta’ ksur tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, mhux talli l-ammont tal-multa li jiġi applikat għal ksur serju jvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri, iżda talli tvarja wkoll il-kategorizzazzjoni, b’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ liema tip ta’ ksur għandu jitqies bħala ksur serju.

KONKLUżJONIJIET

Ir-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur serju tal-leġiżlazzjoni soċjali jvarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri fir-rigward tat-tipi ta’ penali, il-livell tal-multi u l-kategorizzazzjoni tal-ksur.

Filwaqt li l-Istati Membri kollha japplikaw il-multi bħala penali, mhux kollha jipprovdu għall-immobilizzazzjoni tal-vettura jew għal pieni ta’ ħabs. F’xi Stati Membri jista’ jsir l-irtirar tal-kard tas-sewwieq jew tal-liċenzja tas-sewqan tas-sewwieq.

Meta wieħed iqis kif l-Istati Membri jikkategorizzaw it-tipi jew livelli differenti ta’ ksur, is-sitwazzjoni tidher li hi aktar kumplessa. L-ammonti tal-multi jvarjaw b’mod sinifikanti bejn l-istati Membri, f’każijiet estremi anke b’ 1:10. Sa ċertu punt biss, dawn id-differenzi jistgħu jiġu ġġustifikati mid-differenzi soċjoekonomiċi li jagħmlu l-istess multa diswassiva u proporzjonata f’pajjiż, iżda mhux neċessarjament f’ieħor.

Filwaqt li f’każijiet ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ huwa pjuttost ċar liema ksur għandu jitqies bħala ksur aktar serju minn ieħor, il-kategorizzazzjoni tal-ksur tvarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri għall-ksur tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85. Xi ksur jitqies bħala serju f’pajjiż, iżda mhux neċessarjament f’ieħor.

Barra minn hekk, il-penali għall-ksur tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 kif applikabbli f’ħafna Stati Membri ma jsegwux il-linji ta’ gwida Komunitarji dwar il-kategorizzazzjoni tal-ksur kif previst fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/5/KE li temenda l-Anness II għad-Direttiva 2006/22/KE.

Għalhekk, is-sewwieqa u l-impriżi involuti fit-trasport internazzjonali jsibuha diffiċli ħafna biex jifhmu sew il-livell tas-serjetà ta’ ksur possibbli f’każijiet fejn ma jikkonformawx ma’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, peress li l-penali li jistgħu jeħlu fid-diversi Stati Membri huma differenti ħafna minn xulxin.

Il-Kummissjoni tqis li din is-sitwazzjoni, li hija frott tad-deċiżjonijiet tal-leġiżlaturi, mhix sodisfaċenti f’termini ta’ kundizzjonijiet ugwali għas-sewwieqa u l-impriżi. L-Anness il-ġdid għad-Direttiva 2006/22/KE li ddaħħal permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/5/KE, jipprovdi bażi għall-għarfien komuni ta’ x’għandu jew m’għandux jitqies bħala ksur serju. L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu l-passi neċessarji biex jipprovdu għall-implimentazzjoni aktar armonizzata tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq, u għalhekk, biex itejbu l-ħarsien tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari billi tappoġġa d-djalogu bejn l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni nazzjonali tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq permezz tal-Kumitat previst fir-Regolament (KE) Nru 561/2006, u billi tqis il-limiti ta’ kompetenzi li l-Istati Membri u l-leġiżlaturi ddeċidew li jagħtu lill-Kummissjoni.

ANNESS I

Ħarsa ġenerali lejn il-multi applikati għal ksur tal-Artikoli 6-9 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 fi Stati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom tipprovdi għal multi differenti għal livelli differenti ta’ ksur

Ksur serju |

Ksur minuri |

ANNESS III

Ħarsa ġenerali lejn l-atti legali tal-Istati Membri

STAT MEMBRU | ATTI LEĠIŻLATTIVI |

L-Awstrija | 57. Bundesgesetz, mit dem das Kraftfahrgesetz 1967 geändert wird (28. KFG Novelle) |

Il-Belġju | Arrêté royal tas-27 ta’ April 2007, Moniteur Belge tas-7 ta’ Mejju 2007 |

Bulgarija | Kapitolu 8 tal-Att dwar it-Trasport bit-Triq |

Ċipru | Att tal-2007 dwar il-Monitoraġġ tas-Sigħat ta’ Sewqan u ta’ Mistrieħ għal Ċerti Vetturi (il-Liġi 86(I)/2007) |

Ir-Repubblika Ċeka | §35 tal-Att Nru 111/1994 Coll., dwar it-Trasport bit-Triq kif emendat, u l-Att Nru 200/1990 Coll., dwar il-kontravenzjonijiet kif emendat |

Il-Ġermanja | Fahrpersonalgesetz (kif emendat fis-6.7.2007) |

Id-Danimarka | Digriet li jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ fit-trasport bit-triq, BEK Nru 328 tat-28.3.2007, Att Konsolidat Nru 1100 tat-8.11.2006 |

L-Estonja | Emendi għall-Att dwar it-Traffiku adottat mill-Parlament tal-Estonja fl-20 ta’ Settembru 2007 |

Il-Greċja | Liġi 3446/2006 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-awtoritajiet ta’ kontroll tat-traffiku tal-vetturi - riformi relatati mat-trasport tal-passiġġieri u dispożizzjonijiet oħrajn (il-Gazzetta tal-Gvern 49/A) |

Spanja | Riżoluzzjoni tad-19 ta’ April 2007 (BOE 10-05-2007) u Ley 16/1987 de 30 de Julio, de ordenacion de los transportes terrestres |

Il-Finlandja | Att dwar it-traffiku fit-toroq u Att dwar il-Vetturi |

Franza | Contraventions: Article R48-0 du code de procédure pénale et le décret n° 86/1130 du 17 octobre modifié Délits: Ordonnance 58/1310 du 23 décembre 1958 modifié |

L-Ungerija | §20 (1) tal-Liġi Nru 1/1988 kif emendata l-aħħar u §1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 557/2007 (III.31) |

L-Irlanda | Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej tal-2008 (Trasport bit-Triq) (Kundizzjonijiet tax-Xogħol u Sikurezza fit-Toroq) (S.I. Nru 62 tal-2008) |

L-Italja | Kodiċi tat-Triq (Highway Code) u Liġi 286/2006 tad-29.11.2006 |

Il-Litwanja | Artikoli 142 u 1424 tal-Kodiċi tal-Litwanja għall-Ksur Amministrattiv |

Il-Lussemburgu | Règlement grand-ducal du 23 mars 2007 |

Il-Latvja | Kodiċi għall-Ksur Amministrattiv |

Malta | Regolamenti dwar il-Vetturi (Trasport ta’ Merkanzija bit-Triq) (65.19) |

L-Olanda | Regoli dwar l-impożizzjoni ta’ multi skont l-Att dwar is-Sigħat ta’ Xogħol u d-Digriet dwar is-Sigħat ta’ Xogħol (għal Ħaddiema tat-Trasport bit-Triq) |

Il-Polonja | Att dwar it-Trasport bit-Triq tas-6 ta’ Settembru 2001 Att tad-29 ta’ Lulju 2005 dwar is-sistema tat-takografu diġitali |

Il-Portugall | Il-liġi għadha ma ġietx addottata |

Ir-Rumanija | Ordonanta de govern Nr 37/2007 |

Is-Slovenja | Att dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol u l-Perjodi ta’ Mistrieħ Obbligatorju tal-Ħaddiema tat-Trasport bit-Triq u dwar it-Tagħmir tar-Reġistrazzjoni fit-Trasport bit-Triq |

Is-Slovakkja | Att dwar il-ħinijiet tax-xogħol fit-trasport |

L-Isvezja | Ordinanza (2004:865) dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, perjodi ta’ mistrieħ u takografi, eċċ. |

Ir-Renju Unit | Part VI tal-Att dwar it-Trasport tal-1968 (kif emendat) |

[1] Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u (KEE) Nru 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam ma' attivitajiet tat-trasport bit-triq, ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35.

[2] Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, ĠU L 102, 11.4.2006, p.1.

[3] Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq,. ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8.

[4] L-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

[5] Direttiva tal-Kummissjoni 2009/5/KE tat-30 ta’ Jannar 2009 li temenda l-Anness III tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u (KEE) Nru 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq, ĠU L 29, 31.1.2009, p.45.

[6] Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006

[7] Skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/5/KE li temenda l-Anness III għad-Direttiva 2006/22/KE; VSI = ksur serju ħafna / SI = ksur serju / MI = ksur inqas serju

[8] L-Ungerija: Peress li l-kategorizzazzjoni hija bbażata fuq perċentwali, il-kategoriji ma jaqblux eżatt mal-kategorizzazzjoni armonizzata.

[9] Is-Slovenja: Multi previsti għas-sewwieqa.

[10] Skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/5/KE li temenda l-Anness III għad-Direttiva 2006/22/KE; VSI = ksur serju ħafna / SI = ksur serju / MI = ksur inqas serju