52009DC0215

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali - Kontribut għall-Iżvilupp Sostenibbli : ir-rwol tal-kummerċ Fair Trade u l-iskemi mhux governattivi ta' assigurazzjoni ta' sostenibilità relatati mal-kummerċ /* KUMM/2009/0215 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 5.5.2009

KUMM(2009) 215 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI

Kontribut għall-Iżvilupp Sostenibbli: Ir-rwol tal-kummerċ Fair Trade u l-iskemi mhux governattivi ta' assigurazzjoni ta' sostenibilità relatati mal-kummerċ

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI

Kontribut għall-Iżvilupp Sostenibbli: Ir-rwol tal-kummerċ Fair Trade u l-iskemi mhux governattivi ta' assigurazzjoni ta' sostenibilità relatati mal-kummerċ

WERREJ

1. Id-Daħla 3

2. L-iżviluppi tal-kummerċ Fair Trade mill-1999 'il hawn 4

3. Jiġu applikati l-kriterji ta' sostenibilità 5

4. Il-Konsiderazzjonijiet ta' Politika 6

4.1. Il-Kontribut għall-Iżvilupp Sostenibbli 6

4.2. L-Iskemi Privati ta' Assigurazzjoni tas-Sostenibilità Relatati mal-Kummerċ u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK) 8

4.3. Is-sejħiet għall-offerti 8

4.4. L-appoġġ tal-UE 9

5. Il-konklużjonijiet: ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-operaturi fir-rigward tal-kummerċ Fair Trade u l-iskemi privati ta' assigurazzjoni tas-sostenibilità relatati mal-kummerċ 10

ANNESS I 12

ANNESS II 13

ANNESS III 14

ANNESS IV 16

ANNESS V 17

1. Id-Daħla

Din il-Komunikazzjoni tinvestiga l-qagħda attwali tal-kummerċ Fair Trade u skemi oħra mhux governattivi (jiġifieri privati) ta' assigurazzjoni ta' sostenibilità relatati mal-kummerċ Il-Kummissjoni ilha li għarfet li l-konsumaturi jistgħu jappoġġjaw għanijiet ta' żvilupp sostenibbli permezz tad-deċiżjonijiet tagħhom ta' akkwist. Din il-Komunikazzjoni tirreaġixxi għall-interessi li qed jikbru li ġewa rtikolati, fil-livell politiku kif ukoll fil-livell li qed jikber tal-akkwisti mill-konsumaturi tal-UE. Fil-livell politiku l-Parlament Ewropew adotta rapport fl-2006 dwar il-kummerċ Fair Trade u l-Iżvilupp[1]. Ir-rapport jidentifika l-ħtieġa li jitqajjem għarfien fost il-konsumaturi, u r-riskju ta' abbuż minn kumpaniji li jidħlu fis-suq tal-kummerċ Fair Trade mingħajr ma jikkonformaw mal-kriterji ta' ċertifikazzjoni. Barra dan, jagħraf li l-kummerċ Fair Trade huwa essenzjalment fenomenu volontarju tas-settur privat, u li tħaddin regolatorju goff jista' jagħmel aktar ħsara milli ġid.

L-opinjoni esploratorja 2005 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) tat ħarsa "skemi ta' assigurazzjoni tal-konsumatur". Is-sejbiet ewlenin kienu li tiġi identifikata l-ħtieġa għal valutazzjoni awtoritattiva ta' kwalità ta' skemi ta' assigurazzjoni tal-konsumatur u li jiġu stipulati definizzjonijiet essenzjali. F'Ġunju 2006 l-Kunsill Ewropew adotta l-istrateġija mġedda tiegħu ta' żvilupp sostenibbli u ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu prodotti sostenibbli, inkluż il-kummerċ Fair Trade[2].

Il-konsumaturi tal-UE kull sena jakkwistaw prodotti ċertifikati Fair Trade għal madwar EUR 1.5 biljun; li huwa 70 darba akbar mill-1999 meta l-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar dan is-suġġett. Dan is-suċċess jenfasizza l-ħtieġa għall-konsumaturi, l-awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati oħra, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex l-impatt reali tal-kummerċ Fair Trade jitkejjel.

F'din il-komunikazzjoni it-terminu "Fair Trade" qed jintuża f'konformità mal-istandards stabbiliti mill-organizzazzjonijiet internazzjonali tat-twaqqif tal-istandards u l-valutazzjoni tal-konformità, li huma membri tal-ISEAL[3], u kif applikat mill-organizzazzjonijiet tal-kummerċ Fair Trade. It-terminu "skemi oħra privati ta' assigurazzjoni tas-sostenibilità" jintuża biex jiddeskrivi skemi oħra ta' tikkettar li jimmiraw li jinfurmaw konsumaturi dwar is-sostenibilità tal-produzzjoni tal-prodott. (Deskrizzjoni ġenerali fil-qosor ta' termini u organizzazzjonijiet hija mehmuża fl-Anness I).

Din il-Komunikazzjoni tipprovdi aġġornament fuq l-iżviluppi li saru mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ Fair Trade 1999[4] 'il hawn u tissuġġerixxi konsiderazzjonijiet dwar ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam tal-kummerċ Fair Trade u skemi privati oħra ta' assigurazzjoni tas-sostenibilità. Il-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati huma rilevanti għal bosta oqsma ta' politika tal-UE, pereżempju l-protezzjoni tal-konsumatur, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-kummerċ, ir-responsabilità soċjali tal-korporazzjonijiet, l-ambjent u s-suq intern tal-UE. Meta xieraq, din il-Komunikazzjoni tista' tiġi segwita minn inizjattivi iktar immirati f'qasam ta' politika wieħed jew aktar.

Din il-Komunikazzjoni ma tkoprix l-iskemi tas-sostenibilità u tat-tikkettar stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi (bħalma hija l-marka tal-UE ta' kwalità ekoloġika).

2. L-iżviluppi tal-kummerċ Fair Trade mill-1999 'il hawn

L-iktar żviluppi prominenti mill-1999 'il hawn seħħew fis-swieq nazzjonali fejn il-prodotti ċertifikati tal-kummerċ Fair Trade kienu diġà preżenti. Bi tweġiba għas-sejħa tal-Komunikazzjoni tal-1999 għal tikketta unika u l-ħtieġa ta' verifika u kontroll indipendenti, il-"Marka ta' Ċertifikazzjoni ta' kummerċ Fair Trade" ġiet implimentata b'suċċess[5].

Il-livell ta' għarfien tal-Konsumatur għall-marka Fiar Trade fir-Renju Unit kien 'il fuq minn 70 % fl-2008 (meta mqabbel ma' 12 % fl-2000)[6] u fi Franza 74 % fl-2005 (meta mqabbel ma' 9 % fl-2000)[7]. Il-bejgħ madwar id-dinja ta' prodotti ċertifikati Fair Trade qabeż EUR 2.3 biljun sal-aħħar tal-2007, li huwa kważi sebgħin darba iżjed mill-għaxar snin preċedenti[8] (iżda xorta waħda inqas b'mod kwantitattiv mill-bejgħ tal-ikel organiku u għadu inqas minn 1 % tal-kummerċ totali)[9]. L-Ewropa hija d-dar tal-kummerċ Fair Trade: bejn 60 % u 70 % tal-bejgħ globali jseħħ hawnhekk, b'varjazzjonijiet kbar bejn is-suq tagħha li qed jikber bl-aktar rata mgħaġġla, l-Iżvezja, u l-Istati Membri l-ġodda fejn il-kunċett għadu relattivament qed jinbet.

Il-kummerċ Fair Trade wettaq rwol importanti biex jitfa' dawl fuq kwistjonijiet ta' responsabilità u solidarjetà, li ħalla impatt fuq operaturi oħra u stimula li jitfaċċaw sistemi oħra ta' sostenibilità. Inizjattivi privati ta' sostenibilità relatati mal-kummerċ jużaw standards[10] soċjali u ambjentali varji ta' verifika, li kibru fl-għadd tagħhom kif ukoll mil-lat ta' sehem mis-suq. L-iktar standard soċjali magħruf probabbli huwa SA8000, li ngħata bidu mis-Social Accountability International (Ir-Responsabilità Soċjali Internazzjonali - SAI) fl-1997[11]. Assigurazzjonijiet li jestendu ruħhom fi kwistjonijiet usa', inklużi kemm kriterji soċjali kif ukoll ambjentali, huma pereżempju ċ-ċertifikazzjoni Utz certified u Rainforest Alliance (RA).

Inizjattivi kummerċjali ta' sostenibilità għal multi-intrapriżi, f'partijiet differenti tal-Ewropa, ivarjaw minn arranġamenti nazzjonali biex jamalgamaw ir-riżultati ta' verifiki soċjali għal inizjattivi transnazzjonali b'xi sostenn tal-gvern, bħalma hija l-Ethical Trading Initiative (l-Inizjattiva ta' Kummerċ Etiku - ETI)[12]. Ix-xogħol preparatorju mwettaq minn operaturi biex jilħqu l-istandards ta' verifika ma jeħtiġlux jiġi trażmess permezz ta' ċertifikazzjoni u tikketta għall-konumaturi; li jintlaħqu u jiġu verifikati l-istandards jistgħu jgħoddu bħala sforzi tal-kumpanija ta' Responsabilità Soċjali tal-Impriżi (RSI)[13] li ma tkunx dejjem indikata fuq il-prodott. Attivitajiet ta' RSI jistgħu jissaħħu minn kumpanija li timpenja ruħha għal sett rikonoxxut ta' kriterji jew għanijiet, bħal pereżempju permezz tal-Global Compact tan-Nazzjonijiet Uniti[14].

Is-swieq privati ta' tikkettar jistgħu jinqasmu bejn:

1. il-kummerċ Fair Trade proprju;

2. il-prodotti ċertifikati oħra "ta' niċċa" li ma jipparteċipawx formalment fil-kummerċ Fair Trade iżda li huma mmirati lejn konsumaturi li huma konxji mill-kwistjonijiet ta' sostenibilità (Rainforest Alliance, Utz Certified);

3. il--rodotti koperti minn standards ta' pedament li jaspiraw li jkunu "mifruxa mal-industrija sħiħa" (pereżempju Kodiċi ta' Kondotta għall-Komunità tal-Kafé (l-4K); Ethical Tea Partnership);

4. il-bqija (prodotti ta' konsum "bla isem").

Produttur wieħed jista' jbiegħ fl-erba' kategoriji kollha. Xi kultant jista' jkun problematiku għall-konsumatur biex jivvaluta s-sinifikat tal-iskemi differenti ta' sostenibilità. Huwa fuq dan l-isfond kumpless u li qiegħed jevolvi li għandhom jiġu vvalutati l-iżviluppi politiċi u istituzzjonali.

3. Jiġu applikati l-kriterji ta' sostenibilità

Skemi privati ta' sostenibilità relatati mal-kummerċ jużaw sett ta' kriterji biex jivverifikaw u/jew jiggarantixxu s-sostenibilità tal-prodotti. Il-kriterji spiss jibnu fuq wieħed jew aktar mit-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli; dak ekonomiku, dak ambjentali u dak tal-iżvilupp soċjali, u kultant jorbtu ma' standards u ftehimiet internazzjonali. Uħud mill-iskemi jiffukaw fuq kwistjoni u għan partikolari (pereżempju l-emissjonijiet tal-karbonju (il-carbon footprint) għall-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima) filwaqt li oħrajn jorbtu fuq kriterji f'kuntest usa' tal-iżvilupp sostenibbli.

Din it-taqsima tiddeskrivi l-ewwel kategorija - il-kummerċ Fair Trade - imsemmija hawn fuq[15] li kisbet livelli sinifikanti ta' għarfien tal-konsumatur f'dawk is-swieq fejn qed topera. L-għarfien imur id f'id ma' doża tajba ta' komprensjoni tal-kwistjonijiet li jippromwovi l-kummerċ Fair Trade. Il-kriterji u l-istandards applikati mill-kummerċ Fair Trade huma fost l-aktar kompetittivi u ambizzjużi mil-lat ta' konċentrazzjoni fuq sett wiesa' ta' kwistjonijiet u kundizzjonijiet li jħallu impatt fuq il-produtturi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż b'mod partikolari prezz minimu għall-produttur u premium imħallas lill-komunità tal-produttur.

Il-kriterji tal-kummerċ Fair Trade

Il-kriterji, kif definiti mill-moviment tal-Fair Trade u evokati fir-rapport tal-Parlament Ewropew 2006 huma;

- prezz ġust għall-produttur , li jagħti garanzija ta' paga ġusta, li jkopri l-ispejjeż ta' produzzjoni u għajxien sostenibbli. Dan il-prezz jeħtieġ ikun mill-inqas għoli daqs il-prezz minimu flimkien mal-premium tal-kummerċ Fair Trade meta dawn huma definiti mill-assoċjazzjonijiet internazjonali tal-Fair Trade;

- parti mill-ħlasijiet għandha ssir bil-quddiem jekk il-produttur jitlob li dan isir;

- relazzjonijiet li jifirxu fit-tul u stabbli mal-produtturi u involviment tal-produturi fit-twaqqif tal-istandards tal-kummerċ Fair Trade;

- trasparenza u traċċabilità tul il-katina kollha tal-forniment bħala garanzija tal-informazzjoni xierqa tal-konsumatur;

- kundizzjonijiet ta' produzzjoni li jirrispettaw it-tmien Konvenzjonijiet Ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

- rispett għall-ambjent, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-Bniedem u partikolarment id-drittijiet tan-nisa u t-tfal u rispett għall-metodi ta' produzzjoni tradizzjonali li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

- bini tal-kapaċità u tiswir tas-setgħa għall-produtturi, partikolarment produtturi u ħaddiema fuq skala żgħira u marġinalizzati f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-organizzazzjonijiet tagħhom kif ukoll il-komunitajiet rispettivi, biex tiġi żgurata s-sostenibilità tal-kummerċ Fair Trade;

- sostenn għal produzzjoni u aċċess għas-suq għall-organizzazzjonijiet tal-produttur;

- attivitajiet li jqajmu l-għarfien tal-opinjoni pubblika dwar il-produzzjoni u r-relazzjonijiet kummerċjali tal-Fair Trade, il-missjoni u l-għanijiet tal-kummerċ Fair Trade u dwar l-inġustizzja prevalenti tar-regoli internazzjonali tal-kummerċ;

- monitoraġġ u verifika ta' konformità ma' dawn il-kriterji, li fihom iridu jieħdu rwol akbar l-organizzazzjonijiet tan-Nofsinhar, li jwasslu għal spejjeż imnaqqsa u parteċipazzjoni lokali miżjuda fil-proċess ta' ċertifikazzjoni;

- stimi tal-impatt regolari tal-attivitajiet tal-kummerċ Fair Trade.

4. IL-KONSIDERAZZJONIJIET TA' POLITIKA

4.1. Il-Kontribut għall-Iżvilupp Sostenibbli

Wieħed mill-fatturi partikolari tal-kummerċ Fair Trade u skemi privati oħra ta' assigurazzjoni huwa li essenzjalment huwa mekkaniżmu volontarju u dinamiku li jiżviluppa flimkien mal-għarfien u t-talbiet tas-soċjetà u tal-konsumatur. Hekk kif il-komprensjoni tal-isfidi tas-sostenibilità tiżviluppa, l-iskemi tal-assigurazzjoni privata tas-sostenibilità relatata mal-kummerċ għandhom it-tendenza li jsegwu. F'uħud mill-każijiet, huma jkunu fuq quddiem nett tal-kwistjonijiet; iqajmu l-għarfien u jagħtu spinta lill-interess u l-komprensjoni tal-konsumatur ta' sfidi ġodda u emerġenti tal-iżvilupp sostenibbli. Is-swieq u l-iskemi ta' niċċa jistgħu jinfluwenzaw in-negozju ġenerali u t-tfassil tal-politika tal-gvern.

Il-Kummissjoni tqis li hija ma għandhiex tieħu rwol fil-klassifikazzjoni jew ir-regolamentazzjoni tal-kriterji relatati mal-iskemi privati ta' assigurazzjoni ta' sostenibilità relatati mal-kummerċ, u r-rilevanza tagħhom fir-rigward tal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli. Il-kriterji u l-istandards ta' regolamentazzjoni jillimitaw element dinamiku tal-inizjattivi privati f'dan il-qasam u jistgħu jxekklu żvilupp ulterjuri tal-kummerċ Fair Trade u skemi privati oħra u l-istandards tagħhom.

L-iżvilupp sostenibbli jista' jgawdi minn skemi li jagħtu prijorità l-elementi ambjentali, soċjali jew ekonomiċi. Huwa importanti għal tħaddim tajjeb tas-suq li l-konsumaturi u l-produtturi jkollhom aċċess għal tagħrif attendibbli dwar l-iskemi. Hawnhekk, huwa possibbli li jiġu indikati xi elementi li huma rilevanti għal valutazzjoni tal-prassi t-tajba li l-operaturi għandhom iwettqu skont il-Kummissjoni:

L-istandards u l-kriterji għandhom ikunu oġġettivi u diskriminatorji biex jevitaw kwalunke impatt (mhux intenzjonat) negattiv fuq, partikolarment, il-produtturi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-Kummissjoni tilqa' bi pjaċir l-siforzi li għaddejjin biex tinkiseb ċarezza tad-definizzjoni, bħalma hija l-pubblikazzjoni tal-Karta tal-Kummerċ Fair Trade. Biex jippermettu li l-konsumaturi jagħmlu l-għażliet tagħhom b'mod infurmat tajjeb, l-istandards u l-kriterji għandhom jiġu applikati b'mod trasparenti. Parti mit-tagħrif li jistgħu jirrikjedu l-konsumaturi u l-produtturi biex jippreservaw il-fiduċja fis-suq hija l-proporzjon tal-prezz supplementari li jingħadda lill-produtturi[16].

Idealment, għandu jkun hemm monitoraġġ li jiggarantixxi li l-prodotti huma r-riżultat tal-prassi mwettqa skont sett speċifiku ta' kriterji li jibbilanċjaw konsiderazzjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u konsiderazzjonijiet soċjali. In-natura u r-riżultati tal-proċess ta' verifika għandu jkun disponibbli għal spezzjoni[17]. Għalhekk il-Kummissjoni tħeġġeġ lil partijiet rilevanti biex itejbu l-metodoloġija tagħhom ta' valutazzjoni biex jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati.

Jinħtieġu ċarezza u komprensjoni ulterjuri tal-impatt reali tal-iskemi privati ta' sostenibilità fuq produtturi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll fuq l-ambjent tagħhom f'sens usa'. Il-konsumaturi għandhom idealment jiġu offruti element ta' stima tal-impatt oġġettiva tal-iskemi. F'dan il-qasam l-Kummissjoni tistenna titjib, fid-dawl tal-ħidma li diġà qed titwettaq u tinsab ħerqana għall-progress li jista' jsawwar il-bażi ta' konsiderazzjonijiet politiċi ulterjuri[18].

L-Anness IV għandu lista ta' kwistjonijiet ta' proċess relatati mal-iskemi ta' assigurazzjoni tal-konsumatur identifikati mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ħidma ulterjuri diretta lejn komprensjoni komuni ta' liema huma r-rekwiżiti bażiċi tal-proċess li l-iskemi mistennija jilħqu b'mod raġjonevoli, filwaqt li jkompli jiġi evitat li jiġi segwit il-mertu tad-definizzjoni ta' standards xierqa ta' sostenibilità għal skemi privati.

Il-prinċipji biex jiġi sfruttat l-impatt ta' skemi privati ta' assigurazzjoni tas-sostenibilità relatati mal-kummerċ; Il-preservazzjoni tan-natura mhux governattiva ta' skemi privati madwar l-UE kollha. L-esplorazzjoni tal-ambitu għal sinerġiji possibbli bejn l-iskemi u t-tisħiħ taċ-ċarezza għall-konsumatur u l-produttur. Il-kisba ta' komprensjoni komuni ta' rekwiżiti raġjonevoli bażiċi ta' proċess. It-twaqqif ta' fatti oġġettivi dwar l-impatti relattivi ta' skemi privati differenti ta' assigurazzjoni tas-sostenibilità relatati mal-kummerċ. |

- 4.2. L-Iskemi Privati ta' Assigurazzjoni tas-Sostenibilità Relatati mal-Kummerċ u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK)

Il-liberalizzazzjoni tista' toffri opportunitajiet ta' tkabbir ekonomiku u żvilupp sostenibbli. L-iżvilupp u l-integrazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għal ġo ekonomija globali, speċjalment dawk l-inqas żviluppati, huma għanijiet ewlenin tal-ODK u tal-politika kummerċjali tal-UE.

Il-liberalizzazzjoni multilaterali tal-kummerċ permezz tas-sistema tal-ODK hija l-aktar mod effettiv għall-espansjoni u l-ġestjoni tal-kummerċ dinji, u tista' tgħin biex toħloq opportunitajiet għal tkabbir ekonomiku u żvilupp sostenibbli. Minkejja dan, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ mhijiex biżżejjed; l-impatt tal-politiki tal-kummerċ fuq it-tkabbir, l-iżvilupp u s-sostenibilità huwa parzjalment imdawwar minn regolamentazzjoni u politiki f'firxa wiesgħa ta' oqsma oħra li jħallu impatt fuq it-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli.

Inizjattivi privati li joperaw essenzjalment permezz ta' parteċipazzjoni volontarja huma konsistenti ma' sistema kummerċjali multilaterali mhux diskriminatorja. Kwalunkwe intervent tal-gvern jew mekkaniżmu regolatorju relatat ma' skemi ta' tikkettar bħal dawn, filwaqt li mhuwiex minnu nnifsu problematiku, jeħtieġ li jieħu inkunsiderazzjoni l-obbligi tal-ODK, b'mod partikolari biex jiżgura t-tħaddim trasparenti u mhux diskriminatorju tiegħu.

Il-prinċipju fir-rigward tal-ODK; Jiġi żgurat it-tħaddim trasparenti u mhux diskriminatorju tal-iskemi ta' tikkettar. |

- 4.3. Is-sejħiet għall-offerti

Qasam li fih qed iseħħu żviluppi importanti huwa s-sejħiet għall-offerti. L-awtoritajiet pubbliċi jonfqu l-ekwivalenti ta' 16 % tal-PGD tal-UE u għalhekk jikkostitwixxu suq strateġiku importanti.

Biex tirreaġixxi aħjar għall-ħtieġa tal-awtoritajiet kontraenti għall-gwida għal implimentazzjoni ta' sejħiet sostenibbli għall-offerti, il-Kummissjoni dan l-aħħar adottat Komunikazzjoni dwar akkwist pubbliku għal ambjent aħjar[19] (li tikkomplementa l-Gwida għall-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku) u bħalissa qed taħdem fuq il-publikazzjoni ta' gwida parallela dwar sejħiet għall-offerti soċjali. Flimkien, dawn il-gwidi jikkostitwixxu gwida kompensiva għal sejħiet għall-offerti sostenibbli.

Bosta awtoritajiet qed jagħmlu sejħiet għall-offeri li jinkludu għanijiet sostenibbli jew "fair trade" fil-politiki tagħhom ta' sejħiet għall-offerti. Uħud mill-Istati Membri mxew lil hinn minn dan u jirrikjedu "Tikketta tal-Fair Trade jew ekwivalenti". Skont ir-regoli Ewropej tas-sejħiet għall-offerti, l-awtoritajiet kontraenti li jixtiequ jakkwistaw prodotti tal-kummerċ Fair Trade, ma jistgħux jirrikjedu tikketti speċifiċi għaliex dan jillimita l-aċċess għall-kuntratt ta' prodotti li mhumiex ċertifikati b'dan il-mod iżda li xorta jilħqu standards simili ta' sostenibilità tal-kummerċ.

Jekk awtorità kontraenti jkollha l-għan li takkwista prodotti Fair Trade, hija tista' tiddefinixxi fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-prodotti l-kriterji rilevanti ta' sostenibilità, li jridu jkunu marbuta mat-tema tal-kuntratt u jikkonformaw ma' regoli rilevanti oħra tas-sjeħa għall-offerti tal-UE, inklużi l-prinċipji bażiċi ta' trattament ugwali u ta' trasparenza. Dawn il-kriterji jridu jirrelataw mal-karatteristiċi jew il-prestazzjoni tal-prodotti (pereżempju ħġieġ magħmul minn materjal riċiklat) jew il-proċess ta' produzzjoni tal-prodotti (pereżempju mkabbra b'mod organiku).

L-awtoritajiet kontraenti li biħsiebhom jakkwistaw prodotti ta' assigurazzjoni ta' sostenibilità ma għandhomx sempliċiment jieħdu l-kunċett ta' tikketta partikolari u jinkluduha fl-ispeċifikazzjonijiet tal-akkwist tagħhom. Minflok għandhom jaraw is-subkriterji prinċipali, pereżempju, it-tikketta Fair Trade u jużaw dawk biss li huma rilevanti għat-tema tal-akkwist tagħhom. L-awtoritajiet kontraenti jridu dejjem jippermettu li l-parteċipanti jagħtu prova ta' konformità ma' dawn l-istandards billi jużaw tikketti Fair Trade jew b'mezz ieħor ta' prova.

Il-kriterji ambjentali u soċjali jistgħu wkoll jiġu inkorporati fil-klawżoli ta' eżekuzzjoni, bil-kundizzjoni li dawn il-kriterji huma marbuta mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt rilevanti (pereżempju salarju minimu għall-ħaddiema involuti fil-prestazzjoni tal-kuntratt) u jikkonformaw mutatis mutandis mar-rekwiżiti l-oħra msemmija hawn fuq fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

Il-prinċipji biex jgħinu li jntlaħaq il-kontribut potenzjali għal żvilupp sostenibbli minn deċiżjonijiet pubbliċi ta' akkwist: Jiġi żgurat li l-linjigwida xierqa huma disponibbli dwar kif għandha tiġi implimentata s-sejħa għall-offerti sostenibbli |

- 4.4. L-appoġġ tal-UE

Il-Kummissjoni tat appoġġ finanzjarju għall-kummerċ Fair Trade u attivitajiet kummerċjali sostenibbli oħra relatati essenzjalment permezz tal-istrumenti tagħha tal-iżvilupp (il-kapitolu tal-baġit 19), permezz ta' azzjonijiet tal-kofinanzjament mal-NGO's. Bejn l-2007 u l-2008, EUR 19.466 miljun ġew allokati għal bosta azzjonijiet implimentati u kofinanzjati tal-NGO. Il-maġġoranza ta' dawn l-azzjonijiet kienu fil-qasam tal-għarfien tal-opinjoni pubblika fi ħdan l-UE.

Azzjonijiet finanzjati fi ħdan il-qafas tad-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiż u Programmi Indikattivi multiannwali, li jkopru setturi agrikoli u rurali, jinkludu attivitajiet li jikkontribwixxu għall-iffaċilitar tal-kummerċ Fair Trade. Il-Qafas Speċjali ta' Assistenza għal Fornituri Tradizzjonali tal-AKP tal-Banana u l-Miżuri Komplementari għall-Protokoll taz-Zokkor taw kontribut ukoll biex jgħinu l-bdiewa jbiegħu fin-niċċa tal-kummerċ Fair Trade. Fuq in-naħa l-oħra tal-katina, proġetti li jappoġġjaw il-kummerċ u l-iżvilupp tas-settur privat jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-iffaċilitar tal-attivitajiet kummerċjali, inkluż il-kummerċ Fair Trade.

Għas-snin tal-baġit 2008 u 2009, krediti addizzjonali ta' EUR 1 miljun kull sena ġew inklużi speċifikament għal azzjonijiet relatati mal-kummerċ Fair Trade fil-krediti għall-baġit tal-kummerċ (il-kapitolu 20). Dawn il-krediti se jintużaw biex jikkompletaw il-finanzjament li jaqa' taħt l-istrumenti tal-iżvilupp[20].

Il-KE tat appoġġ lil "proġetti relatati mal-kummerċ Fair Trade" fil-biċċa l-kbira skont id-domanda, b'reazzjoni għal talbiet ta' għotja mill-NGOs għal kofinanzjament ta' azzjonijiet f'dan il-qasam, fil-biċċa l-kbira relatati ma' li jitqajjem l-għarfien tal-opinjoni pubblika fi ħdan l-UE. Il-Kummissjoni tal-UE qed tikkunsidra li tagħti aktar attenzjoni għall-appoġġ tal-istimi tal-impatt, l-isforzi ta' trasparenza tas-suq u l-valutazzjoni ta' diffikultajiet fl-iskemi ta' implimentazzjoni u l-kisba ta' ċertifikazzjoni. Dan jista' jiġi appoġjat b'mod ulterjuri minn azzjoni simili mill-Istati Membri tal-UE biex jiffinanzjaw studji fuq l-impatt tal-kummerċ Fair Trade.

Proġett tal-Kummissjoni żviluppat b'mod ulterjuri minn UNCTAD huwa li jiġi żviluppat portal fuq skemi ta' pretensjonijiet ta' sostenibilità. Il-proġett jimmira li jipprovdi tagħrif komparabbli fuq il-kontenut u l-proċessi tal-firxa tal-iskemi eżistenti, għall-benefiċċju kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-produtturi. L-intenzjoni hija li tiżdied it-trasparenza dwar kif skemi differenti jittrattaw il-bosta kriterji rilevanti u biex jippermettu l-iskambji tal-partijiet interessati dwar dan.

Il-prinċipji biex jgħinu lill-UE tuża appoġġ dirett għall-iskemi bl-aħjar mod; L-identifikazzjoni tal-oqsma mmirati li jaqgħu taħt il-baġit attwali bħalma huma studji li jiċċaraw l-impatti li jħallu skemi differenti, l-appoġġ ta' sforzi ta' trasparenza tas-suq u analiżi tal-benefiċċju tal-ispiża tal-appoġġ mogħti. |

- 5. IL-KONKLUżJONIJIET: IR-RWOL TAL-AWTORITAJIET PUBBLIċI U TAL-OPERATURI FIR-RIGWARD TAL-KUMMERċ FAIR TRADE U L-ISKEMI PRIVATI TA' ASSIGURAZZJONI TAS-SOSTENIBILITÀ RELATATI MAL-KUMMERċ

Fid-dawl tal-kontribut potenzjali tal-kummerċ Fair Trade u skemi privati oħra ta' assigurazzjoni relatati mal-kummerċ, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tibqa' involuta f'dawn l-iskemi u biħsiebha tappoġġjahom b'mod ulterjuri. Meta xieraq, din il-Komunikazzjoni tista' tiġi segwita minn inizjattivi addizzjonali immirati f'qasam ta' politika wieħed jew aktar. F'dan l-istadju, il-Kummissjoni:

- Ittenni l-importanza tal-preservazzjoni tan-natura mhux governattiva tal-kummerċ Fair Trade u skemi simili oħra ta' sostenibilità madwar l-UE kollha. Ir-regolamentazzjoni pubblika tista' tinterferixxi fil-ħidma tal-iskemi privati dinamiċi.

- Tosserva li l-kummerċ Fair Trade għandu preżenza sinifikanti fil-biċċa l-kbira tas-suq tal-UE u livell għoli ta' għarfien tal-konsumatur marbut mal-iżvilupp u t-trasparenza tal-istandards u l-prinċipji li jsostnu s-sistema.

- Tosserva li bosta tipi differenti ta' skemi privati jistgħu jikkontribwixxu għal għanijiet ta' sostenibilità, iżda l-varjetà kbira tista' ġġib magħha riskji ta' konfużjoni għall-konsumatur. Il-Kummissjoni tara l-ambitu għal riflessjoni ulterjuri dwar il-prinċipji għall-isfruttar tal-impatt tal-iskemi privati ta' assigurazzjoni tas-sostenibilità relatati mal-kummerċ, filwaqt li tevita li tidħol fid-definizzjoni ta' liema huma l-sitandards xierqa ta' sostenibilità li għandhom jiġu segwiti minn dawn l-iskemi privati: Madankollu, dan huwa bla ħsara għall-konformità mal-istandards u l-leġiżlazzjoni rilevanti relatati mas-sostenibilità stipulati mill-awtoritajiet pubbliċi.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni:

- Tevoka li t-trasparenza u l-adegwatezza tat-tagħrif lill-konsumaturi dwar standards ta' skemi privati ta' sostenibilità huma l-elementi ta' qofol, u li jista' jinkiseb benefiċċju jekk naslu għal komprensjoni komuni ta' liema rekwiżiti bażiċi tal-proċess, bħalma huwa l-monitoraġġ indipendenti, huma raġjonevoli li jkunu mistennija.

- Tevoka li stima ulterjuri tal-impatt tal-iskemi privati ta' sostenibilità tista' tkun pass strateġiku 'l quddiem.

- Għandha l-ħsieb li tinvestiga l-ambitu għal djalogu, kooperazzjoni u fejn xieraq konverġenza ulterjuri bejn l-iskemi differenti ta' tikkettar biex tippromwovi sinerġiji u ssaħħaħ iċ-ċarezza għall-konsumatur.

Fil-kuntest tas-sejħiet għall-offerti, il-Kummissjoni:

- Tenfasizza l-interess li tiggwida lill-awtoritajiet pubbliċi tal-akkwist biex jgħinu jilħqu l-kontribut potenzjali sħiħ tal-iżvilupp sostenibbli permezz tad-deċiżjonijiet tagħhom.

- Tenfasizza li awtorità kontraenti li għandha l-ħsieb li takkwista prodotti ta' assigurazzjoni tas-sostenibilità għandha tuża biss il-kriterji marbuta mat-tema tal-akkwist tagħhom u tikkonforma mar-regoli rilevanti l-oħra tas-sejħiet għall-offerti tal-UE. L-awtoritajiet kontraenti jridu dejjem jippermettu li l-parteċipanti jagħtu prova ta' konformità ma' dawn l-istandards billi jużaw tikketti Fair Trade jew b'mezz ieħor ta' prova.

Fil-kuntest tal-finanzjament, il-Kummissjoni:

- Għandha l-ħsieb li tissokta l-finanzjament għall-kummerċ Fair Trade rilevanti u attivitajiet oħra relatati mas-sostenibilità tal-kummerċ skont il-prassi tagħha sal-lum. Dan ma jeskludix il-possibilità ta' finanzjament ukoll ta' azzjonijiet immirati iżjed biex jiġu segwiti l-prijoritajiet identifikati.

- Ittenni l-ħtieġa li tivvaluta r-riżultati ta' analiżi tal-impatt ta' skema privata ta' assigurazzjoni fuq il-parametri tal-iżvilupp sostenibbli, inklużi l-implikazzjonijiet għall-kriterji ekonomiċi, soċjali u ta' żvilupp fil-pajjiżi ta' produzzjoni. Fid-dawl tal-konċentrazzjoni tal-iskema privata ta' assigurazzjoni tas-sostenibilità fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien għall-produtturi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-Kummissjoni tikkunsidra li trid tingħata attenzjoni partikolari lil dan l-aspett. L-analiżi għandha tqabbel l-impatt ta' skemi privati differenti biex tipprovdi bażi għal inizjattivi ulterjuri possibli f'dan il-qasam.

ANNESS I

DEFINIZZJONI TAL-KUMMERĊ FREE TRADE

L-istandards tal-kummerċ Fair Trade huma r-riżultat ta' konsultazzjoni tal-partijiet interessati u l-esperti u huma stabbiliti skont ir-rekwiżiti ta' International Social and Environment Accreditations and Labelling Alliance (ISEAL). L-alleanza hija kollaborazzjoni formali ta' organizzazzjonijiet prinċipali internazzjonali ta' twaqqif tal-istandards u ta' valutazzjoni tal-konformità ffukati fuq kwistjonijiet soċjali u ambjentali.

Hemm żewġ organizzazzjonijiet li jistabbilixxu l-istandards li jiċċertifikaw Organizzazzjonijiet tal-kummerċ Fair Trade madwar id-dinja kollha, skont il-prinċipji tal-ISEAL; Il- Fairtrade Labelling Organizations (FLO) u l- World Fair Trade Organization (WFTO) (li qabel kienet l-International Fair Trade Association, IFAT). Il-WFTO hija membru assoċjat tal-ISEAL. Dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet li jistabbilixxu l-istandards ipproduċew " Karta tal-prinċipji tal-Kummerċ Fair Trade" .

Skont il-" Karta tal-prinċipji tal-Kummerċ Fair Trade" (Jannar 2009) il-kummerċ Fair Trade huwa definit bħala (abbażi tad-definizzjoni FINE fl-2001):

"Il-kummerċ Fair Trade huwa kollaborazzjoni kummerċjali bi sħab, ibbażata fuq djalogu u rispett, li jfittex ekwità akbar fil-kummerċ internazzjonali. Huwa jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli billi joffri kundizzjonijiet kummerċjali aħjar lil, u jiżgura d-drittijiet ta', produtturi u ħaddiema emarġinalizzati, speċjalment fin-Nofsinhar. L-Organizzazzjonijiet Fair Trade, sostnuti mill-konsumaturi, huma involuti b'mod attiv fl-appoġġ tal-produtturi, iqajmu għarfien tal-opinjoni pubblika u jippromwovu bidliet fir-regoli u l-prassi tal-kummerċ internazzjonali konvenzjonali".

F'din il-Komunikazzjoni tintuża din id-definizzjoni ta' hawn fuq. .

Il- Fairtrade Labelling Organizations (FLO) hija assoċjazzjoni multilaterali li tinvolvi 23 organizzazzjoni membru, kummerċjanti u espert estern. L-organizzazzjoni tiżviluppa u tanalizza standards tal-kummerċ Fair Trade u tagħti appoġġ lil produtturi li jkunu Ċertifikati bħala Fair Trade billi tgħinhom biex jakkwistaw u jikkonservaw ċertifikazzjonijiet tal-Fair Trade u jikkapitalizzaw minn opportunitajiet tas-suq. Pereżempju l-Fairtrade Labelling Organisation (FLO) tistabbilixxi l-istandards, u kumpanija internazzjonali separata ta' ċertifikazzjoni - FLO-CERT - tagħmel spezzjonijiet regolari u tiċċertifika produtturi billi tqabbilhom ma' dawn l-istandards, u tivverifika l-fluss tal-prodotti bejn produtturi u importaturi.

Barra minn hekk, il- World Fair Trade Organization (WFTO) żviluppat sistema indipendenti ta' ċertifikazzjoni ta' parti terza: is-sistema ta' ġestjoni sostenibbli tal-Fiar Trade.

Mhux faċli ssir distinsjoni bejn bejn operat mogħti bidu mill-NGOs li huwa dirett lejn għanijiet, jiġifieri l-għan primarju jkun li jsir kontribut għall-iżvilupp sostenibbli, u inizjattivi konvenzjonali li primarjament huma orjentati lejn in-negozju iżda li jfittxu li jikkontribwixxu għal għanijiet ta' sostenibilità. Pereżempju supermarkets jipproponu l-marki tagħhom ta' kummerċ Fair Trade flimkien ma' prodotti oħra li huma ċertifikati Fair Trade.

ANNESS II

IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-1999 DWAR IL-KUMMERĊ FAIR TRADE

Il-kwistjonijiet identifikati fil-Komunikazzjoni tal-1999 ġew indirizzati f'mumenti differenti. Fil-livell Ewropew, ir-rapport tal-2006 tal-Parlament Ewropew (ir-"Rapport Schmidt") u l-opinjoni esploratorja 2005 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) (relatur Richard Adams) ippreżenta kunsiderazzjonijiet relatati mal-kummerċ Fair Trade u skemi privati simili ta' sostenibilità. F'Ġunju 2006 l-Kunsill Ewropew adotta l-istrateġija mġedda tiegħu ta' żvilupp sostenibbli u inkluda l-kummer Fair Trade fis-sejħa lill-Istati Membri biex jippromwovu prodotti sostenibbli[21].

Kwistjonijiet ta' rilevanza għat-tikkettar tas-sostenibilità ssemmew ukoll f'bosta dokumenti ta' politika tal-KE; il-Komunikazzjoni dwar il-Kummerċ tal-Prodotti Agrikoli, il-faqar u d-dipendenza; il-Politika tal-UE għall-Afrika; il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Qoton; l-Għajnuna għall-Istrateġija tal-Kummerċ adottata mill-Kunsill f'Ottubru 2007) u l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli (Ottubru 2008)[22]. Minkejja dan, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1999 dwar “fair trade” tibqa' l-iktar dikjarazzjoni komprensiva tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' dak li dak iż-żmien kien imsejjaħ "fair trade".

Il-Komunikazzjoni indikat tliet kwistjonijiet ewlenin; (i) l-iżvilupp tal-kummerċ Fair Trade u "kummerċ etiku" jeħtieġ li jiġi ttrattat f'mod koerenti; (ii) Il-kummerċ tal-Fair Trade għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli permezz ta' parteċipazzjoni volontarja u l-involviment tal-KE għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-obbligi tal-ODK; u (iii) l-iskemi jridu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-produtturi minn pajjiżi li qed jiżviluppaw u jippermettu l-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati.

ANNESS III

IL-KRITERJI RELATATI MAL-PRASSI AGRIKOLA U KUMMERĊJALI TAJBA KIF UKOLL KRITERJI SOĊJALI U AMBJENTALI

Din il-parti tirreferi għat-taqsima tlieta fil-Komunikazzjoni u tagħti eżempji għal prodotti ċertifikati li jimmiraw li jitqajjem għarfien tal-konsumaturi dwar kwistjonijiet ta' sostenibilità.

Hija ħaġa komuni għall-iskemi taċ-ċertifikazzjoni li jinkludu kriterji relatati mal-prassi agrikola u kummerċjali tajba kif ukoll kriterji soċjali u ambjentali. Il-Kodiċi ta' Kondotta Utz Certified (li bħalissa tapplika għall-kafé u mistennija li tiġi estiża għal kawkaw, it-te u ż-żejt tal-palm) tinkludi elementi bħalma huma standards għad-dokumentazzjoni, użu minimizzat u dokumentat ta' agrokimiċi għal protezzjoni tal-uċuħ tar-raba', protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u aċċess għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni għall-impjegati u l-familji tagħhom. Fil-qasam soċjali, il-protezzjoni tal-ħaddiema hija bbażata kemm fuq liġijiet nazzjonali kif ukoll fuq konvenzjonijiet tal-ILO iżda hija tirrelata wkoll mal-housing, ilma tax-xorb nadif u taħriġ għall-ħaddiema. Il-kriterji ambjentali jirrelataw mal-prevenzjoni tal-erożjoni tal-ħamrija, l-użu tal-ilma, l-użu tal-enerġija u s-sorsi tal-enerġija sostenibbli kif ukoll għad-diforestazzjoni.

Skemi privati oħra għandhom konċentrazzjoni aktar ambjentali: huwa evidenti mill-isem li l-organizzazzjoni Rainforest Alliance hija waħda minnhom, għalkemm fil-prattika l-iskema taċ-ċertifikazzjoni RA tlaqqa' kemm interessi ambjentali kif ukoll soċjali:

- Sistema ta' Ġestjoni Soċjali u Ambjentali

- Konservazzjoni tal-Ekosistema

- Protezzjoni tal-Fawna Selvaġġi

- Konservazzjoni tal-Ilma

- Trattament Ġust u Kundizzjonijiet Tajba ta' Xogħol għall-Ħaddiema

- Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol

- Relazzjonijiet tal-Komunità

- Ġestjoni Integrata tal-Uċuħ tar-Raba'

- Ġestjoni u Konservazzjoni tal-Ħamrija

- Ġestjoni Integrata tal-Iskart

It-tielet tip elenkat fir-rapport, it-taqsima 3, huwa standards li twaqqfu bil-ħsieb li għandhom japplikaw "mal-industrija kollha" aktar milli biex jaqdu suq ta' niċċa ta' konsumaturi selettivi. Eżempju wieħed ta' din it-tip ta' inizjattiva huwa l-Assoċjazzjoni tal-Kodiċi Komuni għall-Komunità tal-Kafé (l-4K), li ħadmet matul dawn l-aħħar ħames snin u fuqhom biex twaqqaf il-pedament ta' żvilup sostenibbli fi ħdan il-qasam ġenerali tal-kafé. L-istandards tal-Assoċjazzjoni tal-4 K jiżviluppaw l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti u jeskludu l-agħar forom ta' prassi soċjali, ambjentali u ekonomika fil-produzzjoni, l-ipproċessar ta' wara l-ħsad u l-kummerċ tal-kafé aħdar. Id-definizzjonijiet huma primarjament ibbażati fuq id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU kif ukoll konvenzjonijiet u standards eżistenti tan-NU u, fil-biċċa l-kbira, leġiżlazzjoni nazzjonali. Ladarba l-agħar għaxar forom ta' prassi jiġu eliminati l-parteċipanti jridu kontinwament itejbu l-parametri l-oħra stipulati fil-Kodiċi.

ANNESS IV

Il-firxa ta' kwistjonijiet ta' proċess relatati mal-iskemi ta' assigurazzjoni tal-konsumatur identifikati mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. a) L-Amministrazzjoni tal-Iskema Fejn jinsab il-kontroll deċisiv tal-iskema? b) L-Għanijiet tal-Iskema L-għanijiet huma definiti b'mod ċar? c) L-ambitu tal-iskema L-iskema tinidirizza l-"problema" bħlma definita normalment? d) It-termini jew l-istandards tal-iskema L-istandards stabbiliti u sorveljati mill-iskema jesprimu l-għanijiet? e) L-istima tal-impatt Hemm stima kredibbli tal-impatt tal-iskema fuq l-għanijiet? f) L-analiżi indipendenti Hemm analiżi indipendenti tal-opert tal-iskema? g) L-analiżi tal-benefiċċju tal-ispiża Jeżisti xi proċess li jissorvelja jew jivvaluta l-ispejjeż li jeħlu l-fornituri, il-kummerċjanti u l-konsumaturi meta mqabbla mal-progress li sar biex jinkisbu l-għanijiet? h) Il-pretenzjonijiet pubbliċi Il-pretenzjonijiet pubbliċi minn kumpaniji jew fornituri ċertifikati jaqblu mal-għanijiet, l-istandards u r-riżultati tal-iskema? |

ANNESS V

PROGRAMMI TEMATIĊI "IL-KOFINANZJAMENT MA' NGOs EWROPEJ" U "OPERATURI MHUX STATALI U AWTORITAJIET LOKALI FL-IŻVILUPP" |

Proġetti 2007 u 2008 inkluż il-promozzjoni tal-kummerċ Fair Trade fist l-għanijiet u/ jew l-attivitajiet tiegħu |

Is-sena tal-Kuntratt | It-Titlu | Il-parti kontraenti | In-nazzjonalità | Il-baġit | Il-kodiċi DAC |

2008 | ESTRATEGIA PARA EL FORTALECIMIENTO DE INICIATIVAS COMUNITARIAS PRODUCTIVAS ACORDES CON EL DESARROLLO SUSTENTABLE | FUNDACION TIERRA VIVA | Il-Venezwela | 49968 | 15150 |

2008 | COMPETITIVIDAD PRODUCTIVA Y COMERCIAL DE LA RED DEPARTAMENTAL DE PEQUEÑOS PRODUCTORES DE HABA CONVENCIONAL Y ORGÁNICA (ASOHABA) EN EL MERCADO COMUNITARIO Y DE COMERCIO JUSTO | CREDI FUTURO ASOCIACION | 380000 | 43040 |

2008 | Cafe amigable con la naturaleza Santa Cruz - Bolivia | ASOCIACION CENTRO DE PROMOCION AGROPECUARIA CAMPESINA | Il-Bolivja | 515267 | 43040 |

2008 | OntunLan, N''do Botor - Turismo Socialmente responsavel no sector de Quinhamel | INSTITUTO MARQUES DE VALLE FLOR FUNDACAO | Il-Portugall | 496389,32 | 33210 |

2008 | Espaço por um Comércio Justo: alternativas em rede | CENTRO DE INFORMACAO E DOCUMENTACAOAMILCAR CABRAL ASSOCIACAO | Konsorzju | 370011,99 | 15150 |

2008 | Decent Life - decent work. Enhancing international strategies and policies of trade unions | SUDWIND DIE AGENTUR FUR SUD NORD BILDUNGS UND OFFENTLICHKEITSARBEIT GMBH | Konsorzju | 662264 | 99820 |

2008 | Mobilizing for a sector dialogue for the improvement of working conditions in the globalized toy industry | SUDWIND DIE AGENTUR FUR SUD NORD BILDUNGS UND OFFENTLICHKEITSARBEIT GMBH | Konsorzju | 929043 | 99820 |

2008 | F.R.A.M.E. (Fair and Responsible Action in MEditerranean area ) | CONSORZIO CTM-ALTROMERCATO SOCIETACOOPERATIVA | Konsorzju | 494821 | 99820 |

2008 | Network Sustainable Consumption | SUDWIND DIE AGENTUR FUR SUD NORD BILDUNGS UND OFFENTLICHKEITSARBEIT GMBH | Konsorzju | 647023 | 99820 |

2008 | Creating Coherence. Trade for Development: Development Aid for Trade | MOVIMENTO PER L AUTOSVILUPPOL INTERSCAMBIO E LA SOLIDARIETA | Konsorzju | 968233 | 99820 |

2008 | A NETWORK FOR THE DEVELOPMENT | PROVINCE OF PESARO AND URBINO | Konsorzju | 115621 | 99820 |

2008 | Frauen und Globalisierung: Decent work for ALL! – Informations- und Mobilisierungskampagne für menschenwürdige Arbeit für Frauen in der globalen Exportindustrie am Beispiel Bekleidung | CHRISTLICHE INITIATIVE ROMERO EV | Konsorzju | 720446 | 99820 |

2008 | Verantwortliche Öffentliche Beschaffung und Menschenwürdige Arbeit JETZT!– Öffentlichkeits-, Bewusstseins- und Lobbykampagne zur Durchsetzung sozialer und ökologischer Beschaffung von Öffentlicher Hand und privaten Institutionen | CHRISTLICHE INITIATIVE ROMERO EV | Konsorzju | 701163 | 99820 |

2008 | Local capacity building for Fairtrade in Sweden, Finland and Estonia | FORENINGEN FOR RATTVISEMARKT SVERIGE | Konsorzju | 823148 | 99820 |

2008 | Network of Schools and Local Communities contributing to the achievement of the MDGs | POLSKA AKCJA HUMANITARNA | Konsorzju | 999000 | 99820 |

2008 | Fair Flowers - a gift to all involved. Raising the awareness of local authorities, consumers and traders on the production of cut flowers in developing countries | FIAN FOODFIRST INFORMATIONS & AKTIONS NETWERK SEKTION DER BUNDESREPUBLIK DEUTSCHLAND EV | Konsorzju | 669087 | 99820 |

2008 | A case for poverty reduction: Consumer awareness and action in 6 EU member states | CONSUMERS INTERNATIONAL LBG | Konsorzju | 857713 | 99820 |

2008 | Introducing the MADE-BY label for sustainable fashion in the United Kingdom | STICHTING INTERKERKELIJKE AKTIE VOOR LATIJNS AMERIKA SOLIDARIDAD | Konsorzju | 770000 | 99820 |

2008 | La sensibilisation sur les interdépendances entre Nord et Sud : un enjeu pour la mobilisation des citoyens européens en faveur du développement. | ASSOCIATION FRERES DES HOMMES | Franza | 789205,5 | 99820 |

2007 | Export Trade from Kenya – Enabling the poor to share the fruits. | AFRICA NOW LBG | Ir-Renju Unit | 408000 | 31191 |

2007 | Appui aux familles vulnérables dans deux zones cotonnières du Mali | ASSOCIATION VETERINAIRES SANS FRONTIERES - CENTRE INTERNATIONAL DE COOPERATION POUR LE DEVELOPPEMENT AGRICOLE VSF CICDA | Franza | 740614,53 | 43040 |

2007 | Empowering Emerging Farmers through fair trade development in South Africa | STICHTING INTERKERKELIJKE AKTIE VOOR LATIJNS AMERIKA SOLIDARIDAD | L-Olanda | 1000000 | 33120 |

2007 | PUBLIC AFFAIRS - Mobilising action for Fair Trade Public Procurement | STICHTING EUROPEAN FAIR TRADE ASSOCIATION | L-Olanda | 568200 | 99820 |

2007 | Campaign for sustainable purchasing of computers: Making public purchasing in Europe work for development by raising awareness ot the working conditions and environmental issues in the global supply chain of computers. | WELTWIRTSCHAFT, OKOLOGIE & ENTWICKLUNG - WEED EV | Il-Ġermanja | 1038334,5 | 99820 |

2007 | Enlarging FAIR | PANGEA - NIENTE TROPPO SOCIETA COOPERATIVA SOCIALE SCSARL | L-Italja | 448198,2 | 99820 |

2007 | Expanding Fair Trade Awareness in Slovakia and the Czech Republic | NADACIA INTEGRA | Is-Slovakkja | 202779 | 99820 |

2007 | Fair consumption | MAGOSFA KORNYEZETI NEVELESI ES OKOTURISZTIKAI ALAPITVANY | 99880,26 | 99820 |

2007 | Supermarkets, supply chains and poverty reduction | WAR ON WANT | Ir-Renju Unit | 360000 | 99820 |

2007 | Decent work, trade and development: raising awareness among trade unions and women´s groups of the employment implications of international trade relations | WAR ON WANT | Ir-Renju Unit | 720000 | 99820 |

2007 | Education for Global Sustainability, Responsible Consumption and Fair Trade | UUSI TUULI RY | 496579,78 | 99820 |

2007 | FEEDING AND FUELLING EUROPE | MAGYAR TERMESZETVEDOK SZOVETSEGE | L-Ungerija | 1078521,66 | 99820 |

2007 | Médiatiser la face invisible du développement | ASSOCIATION COMITE FRANCAIS POUR LASOLIDARITE INTERNATIONALE | Franza | 346591,06 | 99820 |

19.466.102,80 |

.

[1] Rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-kummerċ Fair Trade u l-Iżvilupp (2005/2245(INI) "Ir-Rapport Schmidt".

[2] "Member States should promote sustainable products that stem for organic farming and fair trade as well as environmentally sound products"http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/06/st10/st10117.en06.pdf, paġna 13.

[3] International Social And Environment Accreditations and Labelling

[4] COM(1999) 619 tad-29.11.1999. It-tagħrif dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 1999 jinsab mehmuż fl-Anness II.

[5] Ara tagħrif ulterjuri dwar definizzjonijiet fl-Anness I.

[6] Fairtrade Foundation, 2008.

[7] OECD, Trade Policy Working Paper No. 47. Parti 1; Jan 10, 2007.

[8] Fairtrade Labelling Organizations International, 2008.

[9] Land, P. & Andersen, M, "What is the world market for certified products", Commodities and Trade Technical Paper, OECD.

[10] Ara wkoll il-Portal għal Ġestjoni Responsabbli tal-Katina tal-Provvista, stabbilit bħala parti mill-Alleanza Ewropea dwar ir-Responsabilità Soċjali tal-Impriżi; www.csr-supplychain.org.

[11] SAI jiddikjara li "bejjiegħa bl-imnut, kumpaniji tad-ditta u entitajiet oħra li jħaddmu n-nies madwar id-dinja kollha b'bejgħ annwali ta' 'l fuq minn USD 175 biljun qed jużaw SA8000"; www.sa-intl.org.

[12] Inizjattivi oħra ta' min isemmi f'dan il-kuntest jinkludu Business Social Compliance Initiative (http://www.bsci-eu.com/), u Global Social Compliance Programme (http://www.ciesnet.com/2-wwedo/2.2-programmes/2.2.gscp.background.asp).

[13] Il-Komunikazzjoni (2006) 136 tat-22 ta' Marzu 2006 "Nagħmlu l-Ewropa pilastru ta' eċċellenza dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-impriżi".

[14] www.unglobalcompact.org.

[15] Mehmuża fl-Anness III hemm preżentazzjoni tal-iskemi privati addizzjonali ta' sostenibilità; imsemmija f'din it-taqsima.

[16] Ir-Renju Unit Ir-rapport tal-House of Commons "Fair Trade and Development, Ġunju 2007, jissuġġerixxi tikketta li tindika l-perċentwali tal-prezz li tasal għand il-produttur.

[17] Mehmuża fl-Anness IV hemm lista ta' kwistjonijiet relatati mal-iskemi ta' assigurazzjoni tal-konsumatur identifikati mill-KESE.

[18] L-Alleanza ISEAL qed twettaq proġett ta' kitba biex tivvaluta l-prassi t-tajba biex jitkejjel l-impatt tal-istandards u ċ-ċertifikazzjoni.

[19] Komunikazzjoni tal-Kummisjoni dwar akkwist pubbliku għal ambjent aħjar: COM (2008) 400 tat-16 ta' Lulju 2008.

[20] Mehmuża fl-Anness V hemm eżempji tal-finanzjament attwali.

[21] http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/06/st10/st10117.en06.pdf, p. 13.

[22] Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli ta' Ottubru 2008 tindirizza l-kwistjoni tal-kummerċ Fair Trade fil-kuntest tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-ikel. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (imminenti) dwar l-istess suġġett hija ppjanata. Dokument dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli: l-istandards tal-prodotti, ir-rekwiżiti tal-biedja u l-iskemi dwar il-kwalità schemes COM (2008) 641 finali tal-15 ta' Ottubru 2008.