52009DC0206




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 29.4.2009

KUMM(2009) 206 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar it-tħaddim tar-Regolament 1/2003 {SEC(2009)574}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar it-tħaddim tar-Regolament 1/2003

INTRODUZZJONI

1. Ir-Regolament 1/2003[1], il-pedament tal-modernizzazzjoni tar-regoli u tal-proċeduri għall-infurzar tan-normi tal-antitrust tal-Unjoni Ewropea, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2004. L-Artikolu 44 tar-Regolament 1/2003 jistipula li l-Kummissjoni, sal-1 ta' Mejju 2009, jiġifieri wara ħames snin ta' applikazzjoni, għandha tħejji rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-mod kif dan qed jitħaddem.

2. Ir-Regolament 1/2003 kien ir-riżultat tal-aktar riforma komprensiva ta' proċedura għall-infurzar tal-Artikoli 81 u 82 KE mill-1962 lil hawn. Il-karatteristiċi ewlenin tiegħu huma:

3. It-tneħħija tal-prattika li jiġu nnotifikati ftehimiet ta' negozju lill-Kummissjoni, biex il-Kummissjoni tkun tista' tiffoka r-riżorsi tagħha fuq il-ġlieda importanti kontra l-kartelli u ksur serju ieħor tar-regoli dwar l-antitrust.

4. L-għoti ta' poteri lill-awtoritajiet u qrati nazzjonali tal-kompetizzjoni biex japplikaw ir-regoli tal-antitrust tal-KE kollha kemm huma, b'mod li dawn ikunu infurzati minn diversi bnadi u b'hekk ikun hemm applikazzjoni aktar wiesgħa tar-regoli tal-antitrust tal-KE.

5. Spazju li jkun ġust għal kulħadd għan-negozji li joperaw b'mod transkonfinali peress li dawk l-entitajiet kollha li jinfurzaw il-kompetizzjoni, inklużi l-awtoritajiet u qrati nazzjonali tal-kompetizzjoni, huma obbligati li japplikaw ir-regoli tal-antitrust tal-KE fil-każijiet li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6. Kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fin-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni ( European Competition Network − “ECN”)

7. Strumenti għall-infurzar mtejba għall-Kummissjoni sabiex tkun mgħammra aħjar biex tidentifika u tindirizza ksur tar-regoli tal-antitrust.

8. Fil-kuntest tar-Regolament 1/2003 il-Kummissjoni adottat ukoll ir-regolament li jimplimenta r-Regolament 773/2004[2] kif ukoll sitt Avviżi u Linji-Gwida tal-Kummissjoni[3].

9. Ir-Rapport huwa mod kif tiġi eżaminata s-sitwazzjoni preżenti, u l-għan tiegħu huwa li wieħed ikun jista' jifhem u jivvaluta kif il-modernizzazzjoni tar-regoli ta' infurzar tar-regoli tal-antitrust tal-KE ħadmet matul l-ewwel ħames snin. Wieħed għandu jaqra r-Rapport flimkien mad-Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummisjoni li fiha analiżi aktar dettaljata.

BDIL FIS-SISTEMA: MINN SISTEMA TA' NOTIFIKA GħAL APPLIKAZZJONI DIRETTA TAL-ARTIKOLU 81(3) KE

10. Ir-Regolament 1/2003 daħħal bidla fundamentali fil-qafas tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE. Huwa neħħa s-sistema ċentralizzata ta' notifika u ta' awtorizzazzjoni li kienet inħolqot bir-Regolament 17, u minflokha daħħal sistema bbażata fuq l-applikazzjoni diretta tal-Artikoli 82 u 83 KE kollha kemm huma.

11. Skont ir-Regolament 1/2003, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom il-poter li japplikaw l-Artikoli 82 u 82 KE kollha kemm huma. B'mod partikolari, ftehimiet li huma affettwati mill-Artikolu 81(1) KE iżda li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE issa huma direttament validi u infurzabbli, mingħajr ma hi meħtieġa xi deċiżjoni minn qabel dwar dan. Fil-kuntest tal-infurzar pubbliku, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE qed jiġu prinċipalment ivvalutati fejn id-dispożizzjoni hija invokata bħala difiża f'każijiet ta' infurzar.

12. Il-bidla minn sistema ta' notifika u awtorizzazzjoni amministrattiva għal waħda ta' applikazzjoni diretta imxiet bla skossi fit-twettiq tagħha. Kollox ma' kollox, la l-prattika dwar il-każijiet tal-Kummisjoni u tal-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali, u lanqas l-esperjenza li ġiet rappurtata mill-komunità tan-negozju u dik legali ma wrew li kien hemm xi diffikultajiet kbar bl-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 81(3) KE li ġie milqugħ tajjeb minn firxa wiesgħa fost dawk interessati.

13. Il-bidla fis-sistema sostniet bidla fil-prijoritajiet tal-Kummissjoni, b'mod li setgħet tiffoka r-riżorsi fuq oqsma li fihom tista' tagħmel kontribut sinifikanti għall-infurzar tal-Artikoli 81 u 82 KE. Dan l-approċċ proattiv joħroġ biċ-ċar bit-tnedija ta' inkjesti fuq skala kbira f'setturi ċentrali tal-ekonomija tal-UE, li għandhom impatt dirett fuq il-konsumaturi. Il-Kummissjoni kompliet timplimenta approċċ aktar ibbażat fuq l-effetti fl-oqsma kollha ta' każijiet u ta' politika tal-antitrust, barra l-qasam tal-kartelli. L-atteġġjament aktar proattiv tal-Kummissjoni joħroġ ukoll miż-żieda fl-għadd ta' deċiżjonijiet ta' infurzar li ġew adottati, meta wieħed iqabbel mal-perjodi ta' qabel.

14. Ir-riforma tar-regoli tal-antitrust ġabet magħha bidla minn rispett lejn ftehimiet individwali lejn sistema li fiha l-enfasi tkun fuq gwida ġenerali li tista' jkun ta' għajnuna lil għadd kbir ta' impriżi u korpi oħra ta’ infurzar. Dan kien proċess li l-Kummissjoni kienet diġà bdiet qabel l-2004 għal restrizzjonijiet vertikali[4] u għal ftehimiet orizzontali ta' kooperazzjoni[5]. Il-pakkett tal-Modernizzazzjoni tal-2004 kien jinkludi linji-gwida ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE[6] u l-Eżenzjoni ta' Kategorija dwar it-Trasferiment tat-Teknoloġija, u fl-istess sena ġew applikati linji-gwida[7]. Fid-9 ta' Frar 2009 il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar il-prijoritajiet tagħha ta' infurzar fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE fejn tidħol imġiba abbużiva ta' esklużività minn impriżi dominanti, bi tweġiba għal talba qawwija minn ħafna minn dawk interessati[8]. Fejn tidħol il-gwida individwali, il-Kummissjoni għadha impenjata bis-sħiħ li tipprovdi gwida lillkumpaniji li jsibu quddiemhom kwistjonijiet ġodda jew mhux solvuti, skont l-Avviż dwar gwida informali[9]. Madankollu, ftit kien hemm min resaq għand il-Kummissjoni matul il-perjodu tar-rapport.

IL-PROċEDURI TAL-KUMMISSJONI SKONT IR-REGOLAMENT 1/2003

15. Ir-Regolament 1/2003 ta lill-Kummissjoni sett ġdid ta' poteri ta' infurzar li huma mmirati lejn l-għanijiet prinċipali tagħha ta' infurzar effettiv u koerenti. Il-Kummissjoni użat il-poteri ġodda jew riveduti tagħha għal infurzar effettiv b'mod attiv u, b'mod ġenerali b'suċċess,

16. Ir-Regolament 1/2003 iċċara u saħħaħ il-poteri ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni (L-Artikoli 17 sa 22). L-inkjesti settorjali saru wieħed mill-istrumenti ċentrali tagħha ta' investigazzjoni u ppermettewlha li tidentifika nuqqasijiet fil-proċess kompetittiv fis-setturi tal-gass u tal-elettriku, fis-servizzi tal-banek bl-imnut, fl-assikurazzjoni tan-negozju u fis-settur farmaċewtiku. Ipprovdew ammont kbir ta' materjal fattwali li sostna l-infurzar mill-Kummissjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE f'każijiet individwali.

17. Il-poteri l-ġodda jew riveduti intużaw sal-livell neċessarju fil-każijiet investigati. Il-poter ta' sssiġillar, kif ukoll il-poter li jsiru mistoqsijiet dwar fatti jew dokumenti matul l-ispezzjonijiet f'bini u uffiċċji ta' negozji, intużaw b'mod regolari. F'żewġ okkażjonijiet saru spezzjonijiet f'bini u uffiċċji mhux tan-negozju[10]. Ir-Regolament 1/2003 daħħal ukoll il-poter li persuni ġuridiċi u fiżiċi jiġu intervistati bil-kunsens tagħhom. Filwaqt li l-Kummissjoni użat dan l-istrument b'mod regolari, l-esperjenza wriet li n-nuqqas ta' penali fil-każ ta' tweġibiet qarrieqa jew foloz jista' jkun ta' diżinċentiv biex dak li jkun jagħmel stqarrijiet tajba u sħaħ. Barra minn dan, il-Kummissjoni diġà użat il-poter li titlob l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex iwettqu spezzjonijiet f'isimha, kif stipulat fl-Artikolu 22(2). Jista' jkun xieraq li ssir aktar riflessjoni dwar dawn iż-żewġ materji li għadhom kif issemmew.

18. Ir-Regolament 1/2003 daħħal sett imġedded ta' deċiżjonijiet. L-innovazzjoni ewlenija hija l-Artikolu 9 li ta l-poter lill-Kummissjoni li tagħmel vinkolanti u infurzabbli l-impenji li jidħlu għalihom l-impriżi. Il-Kummissjoni użat dan il-poter fl-adozzjoni ta' 13-il deċiżjoni. L-Artikolu 9 għandu l-għan li jtejjeb l-effiċjenza u l-effettività amministrattiva fl-ipproċessar ta' tilwimiet dwar il-kompetizzjoni li jkunu identifikati mill-Kummissjoni fejn l-impriża/i kkonċernata/i b'mod voluntarju toffri/joffru impenji bil-għan li tindirizza/jindirizzaw dan it-tħassib. B'hekk jiġi żgurat li jkun hemm tibdil malajr fis-suq u żieda fil-valur konsiderevoli ikkumparat mar-Regolament 17, li taħtu ma kien hemm l-ebda possibbiltà ta' infurzar għal każijiet konklużi b'impenji informali.

19. Il-Kummissjoni adottat għadd kbir ta' deċiżjonijiet ta' projbizzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament. Dik id-dispożizzjoni b'mod espliċitu tipprevedi l-poteri li jiġu imposti rimedji strutturali. Sa issa l-Kummissjoni m’użatx dan il-poter. Madankollu hija aċċettat tibdil strutturali bħala impenji[11].

20. Matul il-perjodu tar-rapport, il-Kummissjoni m'adottatx deċiżjonijiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament. Dan l-istrument kien prinċipalment maħluq biex ikun hemm żgur konsistenza. L-isforzi estensivi tal-ECN fil-promozzjoni tal-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-KE tal-antitrust wasslu għall-fatt li l-użu tiegħu ma kienx meħtieġ sa issa.

21. Ir-Regolament 1/2003 wiret mingħand ir-Regolament 17 il-possibbiltà għal persuni li jkunu jistgħu jagħtu prova li għandhom interess leġittimu li jkunu kwerelanti (formali) u għalhekk ikunu jgawdu ċerti drittijiet. Il-Kummissjoni tilqa b’mod pożittiv l-ilmenti li jwasslu għal każijiet ta' prijorità u tħeġġeġ lill-kwerelanti biex jagħtu kontribut sostanzjali. Fl-istess ħin, wieħed għandu jkompli jeżamina kif għandu jiġi rrazzjonalizzat l-ipproċessar ta' ilmenti li ma jwasslux għal każijiet ta' prijorità skont il-każistika tal-Qrati tal-Komumità.

22. Multi li jkollhom effett suffiċjenti ta' deterrent, flimkien ma' programm effettiv ta' klemenza, jikkostitwixxu l-aktar arma effettiva li għandha l-Kummissjoni biex, b'mod partikolari, tiġġieled il-kartelli. Il-bażi legali għall-poter li għandha l-Kummissjoni li timponi multi għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni sostanzjali skont ir-Regolament 1/2003 essenzjalment intirtet mir-Regolament 17. Il-Kummissjoni tista' timponi multi fuq imprizi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi li jkunu ħatja ta' ksur li ma jkunux jaqbżu l-10% tal-fattura totali tagħhom fis-sena ta' negozju ta' qabel. Il-Kummissjoni kompliet tirfina u telabora l-politika tagħha dwar il-multi fil-Linji-Gwida dwar il-Multi fl-2006. Il-Qrati tal-Komunità irrivedew għadd kbir ta' multi imposti mill-Kummissjoni u kollox ma' kollox approvaw l-approċċ tal-Kummissjoni.

23. Ir-Regolament 1/2003 daħħal sanzjonijiet aktar effettivi fil-każi fejn ma jitwettqux l-obbligi li jkollhom l-impriżi fil-kuntest tal-investigazzjonijiet. Il-Kummissjoni użat din id-dispożizzjoni għall-ewwel darba u imponiet multa ta' €38 miljun minħabba ksur ta' siġill[12]. Titjib importanti ieħor li ddaħħal fir-Regolament 1/2003 kien iż-żieda sostanzjali fil-limiti massimi għal pagamenti ta' penali li jistgħu jiġu imposti wara nuqqas ta' konformità ma' deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-esperjenza b'din id-dispożizzjoni wriet li l-proċedura stipulata fl-Artikolu 24 tista' tkun twila ħafna u kkomplikata[13] u wieħed jista' jifli l-potenzjal ta' xi titjib.

L-APPLIKAZZJONI TAL-LIġI TAL-KOMPETIZZJONI TAL-KE SKONT L-ARTIKOLU 3 TAR-REGOLAMENT 1/2003

24. L-Artikolu 3 tar-Regolament 1/2003 irregola għall-ewwel darba r-relazzjoni bejn il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni u r-regoli tal-KE dwar il-kompetizzjoni. Dawk interessati fil-komunitajiet legali u tan-negozju b'mod ġenerali kkonfermaw li r-Regolament 1/2003 kien ta kontribut pożittiv għall-ħolqien ta' kontribuzzjonijiet indaqs għal kulħadd, skont l-għanijiet ta' Liżbona[14].

25. L-Artikolu 3(1) jobbliga lill-awtoritajiet u qrati nazzjonali tal-kompetizzjoni biex japplikaw l-Artikoli 81 KE u 82 KE fil-każ ta' arranġamenti jew imġiba li tista' taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Din ir-regola hija intenzjonata li tiżgura li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE ikunu applikati fil-każijiet kollha fi ħdan l-ambitu tagħhom. Il-konformità timplika wkoll li l-mekkaniżmi tal-kooperazzjoni imfissra fl-Artikoli 11 sa 13 u 15 tar-Regolament 1/2003 ikunu applikati b'mod sħiħ f'każijiet bħal dawn. L-obbligu li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE fl-Artikolu 3(1) wassal għal żieda sinifikanti ħafna fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tal-KE, b'mod li saret realtà mifruxa ħafna l-eżistenza ta' standard legali wieħed.

26. Ir-regola ta' konverġenza li hemm fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 għandha l-għan li toħloq sitwazzjoni ta' parità billi jkun hemm standard wieħed għall-valutazzjoni ta' arranġamenti prattiċi flimkien u deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' impriżi. Bil-maqlub, l-Istati Membri għadhom fil-libertà li jgħaddu u jżommu liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jkunu aktar stretti mill-Artikolu 82 KE biex jipprojbixxu jew jikkastigaw imġiba unilaterali. Dispożizzjonijiet ta' dan it-tip jeżistu f'għadd ta' Stati Membri u notevolment jinkludu: dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-abbuż ta’ dipendenza ekonomika, 'superjorità fil-qawwa tan-negozjar' jew 'influwenza sinifikanti'[15]; dispożizzjonijiet legali dwar il-bejgħ mill-ġdid bi prezz aktar baxx, jew bit-telf[16]; liġijiet nazzjonali li jipprevedu standards differenti li bihom titkejjel id-dominanza[17] u dispożizzjonijiet nazzjonali aktar stretti li jirregolaw l-imġiba ta' impriżi dominanti.

27. Kien hemm kummenti bi kritika tad-diverġenza ta' standards fejn tidħol imġiba unilaterali mill-komunitajiet tan-negozju u legali, li jqisu li l-istandards diverġenti jifframmentaw l-istrateġiji tan-negozji li tipikament huma fformulati fuq bażi Ewropea jew globali. Dan huwa suġġett li għandu jiġi eżaminat aktar, sew fejn tidħol l-evalwazzjoni ta' kemm huma mifruxa l-problemi li jinħolqu kif ukoll fil-valutazzjoni tal-ħtieġa ta' azzjoni fuq livell Ewropew.

IN-NETWERK EWROPEW TAL-KOMPETIZZJONI

28. Ir-Regolament 1/2003 afda lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni bi rwol ċentrali li jiżguraw li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE ikunu applikati b'mod effettiv u konsistenti, f’ħidma flimkien mal-Kummissjoni. Wara ħames snin, jidher ċar li l-isfida li jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE, filwaqt li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u koerenti tagħhom, kollox ma' kollox inkisbet.

29. L-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE żdied ħafna mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament 1/2003. Sa tmiem Marzu 2009, kienu eżaminati aktar minn 1,000 każ fuq il-bażi tar-regoli ta' kompetizzjoni tal-KE, f'firxa wiesgħa ta' setturi.

30. It-tqassim tax-xogħol bejn l-awtoritajiet tal-infurzar fin-netwerk mexa b'mod ġenerali mingħajr problemi. Ħames snin ta' esperjenza kkonfermaw li l-arranġamenti flessibbli u l-prattiċi li ddaħħlu mir-Regolament 1/2003 u l-Avviż tan-Netwerk, ħadmu tajjeb. Kienu biss ftit id-drabi fejn kien hemm diskussjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-każi, u dawn ġew solvuti malajr.

31. Il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni għal skopijiet ta' tiftix fi ħdan l-ECN ħadmu tajjeb, b'mod ġenerali. Il-possibiltà li jsir skambju u li tintuża informazzjoni miġbura minn awtorità oħra tal-kompetizzjoni ttejjeb l-effiċjenza ġenerali fi ħdan in-netwerk u hija prekundizzjoni għal sistema flessibbli ta' allokazzjoni ta' każijiet. Barra minn dan, il-poter ta' awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jwettqu spezzjonijiet jew miżuri oħra ta' tiftix f'isem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni oħra, anki jekk kien hemm xi limitazzjonijiet bħala riżultat tad-diversità tal-proċeduri nazzjonali, intuża attivament f'każi fejn kien xieraq u ikkontribwixxa għal infurzar effettiv.

32. Qamet diskussjoni dwar jekk hix mifruxa wisq il-projbizzjoni fuq l-użu ta' informazzjoni minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet ta' priġunerija li tkun irċeviet l-informazzjoni minn ġuriżdizzjoni li ma tkunx tuża sanzjonijiet bħal dawn, kif stipulat mill-Artikolu 12(3), u jekk din il-projbizzjoni hix ostakolu għal infurzar effiċjenti. Jista' jkun xieraq li wieħed jeżamina jekk hemmx għażliet oħra, filwaqt li jitħarsu bis-sħiħ id-drittijiet ta' difiża tal-partijiet. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jkunu wkoll rilevanti f'diskussjonijiet fil-futur dwar arranġamenti ta' kooperazzjoni internazzjonali ma' ġuriżdizzjonijiet magħżula b'sistemi ta' infurzar kriminali.

33. Sa tmiem il-perjodu tar-rapport, il-Kummissjoni kienet ġiet infurmata b'aktar minn 300 deċiżjoni li kienu beħsiebhom jieħdu l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetzzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 11(4). L-ebda wieħed minn dawn il-każijiet ma wassal lill-Kummissjoni biex tibda proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) biex tneħħi minn fuq awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni l-kompetenza li għandha minħabba raġunijiet ta' applikazzjoni koerenti. L-esperjenza turi li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom ġeneralment impenn għoli biex jaraw li jkun hemm konsistenza u l-isforzi li saru fl-ECN ikkontribwew b'suċċess għal dan il-għan. Skont l-Artikolu 11(4), ġiet żviluppata l-prattika li b'mod informali, fil-livell tas-servizzi u fi ħdan il-konfini ta' kunfidenzjalità fin-netwerk, tiġi diskussa l-azzjoni li l-awtorità nazzjonali jkun beħsieba tieħu. Dawk interessati huma kollox ma' kollox sodisfatti bir-riżultati tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE fi ħdan l-ECN.

34. L-ECN ta prova li hu post li rnexxa fejn wieħed jista' jiddiskuti kwistjonijiet ta' politika ġenerali. Id-djalogu kostanti bejn il-membri tan-netwerk fil-livelli kollha matul l-aħħar snin kien ta kontribut sinifikanti lejn l-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE.

35. Filwaqt li r-Regolament 1/2003 ma jobbligax lill-Istati Membri li jadottaw qafas istituzzjonali speċifiku għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE, ħafna Stati Membri saħħew jew irrevedew l-istrutturi tagħhom ta' infurzar biex itejbu kemm jistgħu l-effettività tagħhom.

36. Ir-Regolament 1/2003 la jirregola u lanqas jarmonizza formalment il-proċeduri tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, jiġifieri li japplikaw l-istess regoli sostanzjali skont il-proċeduri diverġenti u jistgħu jimponi varjetà ta' sanzjonijiet. Ir-Regolament 1/2003 jakkomoda din id-diversità[18]. Wassal ukoll għal grad sinifikanti ta' konverġenza voluntarja fil-liġijiet tal-Istati Membri li ġiet sostnuta minn ħidma ta' politika fl-ECN.

37. Il-Programm dwar il-Mudell ta' Klemenza tal-ECN[19] juri kif l-ECN jista' jgħaqqad il-forzi tiegħu u flimkien jiżviluppa viżjoni ġdida biex jindirizza nuqqasijiet reali u perċeputi fis-sistema eżistenti. Il-ħidma fi ħdan l-ECN kienet katalist ewlieni biex l-Istati Membri u/jew l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jitħajru jdaħħlu u jiżviluppaw il-linji ta' politika tagħhom dwar il-klemenza u li jippromwovu l-konverġenza bejniethom. Illum, huma biss żewġ Stati Membri li m'għandhom l-ebda linja ta' politika dwar il-klemenza. Il-Programm Mudell jipprevedi li l-ECN se jevalwa l-istat ta' konverġenza tal-programmi ta' klemenza sa tmiem l-2008. Il-valutazzjoni se tkun il-bażi għal riflessjoni dwar jekk hemmx bżonn aktar azzjoni f'dan il-qasam.

38. Minkejja dan, għad hemm diverġenzi bejn is-sistemi ta' infurzar tal-Istati Membri f'aspetti importanti bħal ma huma l-multi, is-sanzjonijiet kriminali, ir-responsabbiltà fi gruppi ta' impriżi, ir-responsabbiltà ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi, is-suċċessjoni ta' impriżi, il-perjodi ta' preskrizzjoni u l-livell ta' prova, il-poter li jiġu imposti rimedji strutturali, kif ukoll il-ħila tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li jistabbilixxu formalment prijoritajiet ta' infurzar. Dan l-aspett jista' jimmerita aktar eżaminazzjoni u riflessjoni.

INTERAZZJONI MAL-QRATI NAZZJONALI

39. Sa minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament 1/2003, il-qrati nazzjonali użaw il-poter li japplikaw sew l-Artikolu 81 kif ukoll it-82 KE b'mod sħiħ. Il-qrati nazzjonali applikaw l-Artikoli 81 u 82 KE f'għadd ta' setturi u ddeliberaw fuq firxa ta' kwistjonijiet. Madankollu, xi wħud minn dawk interessati indikaw dak li huma jqisu bħala nfurzar mhux ekwu tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE min-naħa tal-qrati nazzjonali.

40. Ir-Regolament 1/2003 jipprovdi għal għadd ta' strumenti biex tiġi promossa l-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-qrati nazzjonali. Sa mill-1 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni fi 18-il okkażjoni lil qrati nazzjonali dwar kwistjonijiet li jolqtu l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE. Sew il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom il-poter li jagħmlu kummenti bħala amicus curiae skont l-Artikolu 15(3). Dan huwa strument użat tajjeb minn għadd ta' awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta kummenti amicus f'żewġ okkażjonijiet matul il-perjodu tar-rapport fejn qieset li kien hemm theddid imminenti għall-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE. Persuni u korpi interessati sejħu lill-Kummissjoni biex tirrikorri aktar lejn dan l-istrument u għandha ssir riflessjoni dwar kif din il-prattika tista' tiġi żviluppata aktar.

41. Ir-Regolament 1/2003 jobbliga lill-Istati Membri li jressqu lill-Kummissjoni kopja bil-miktub ta' xi ġudizzju tal-qrati nazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 KE. Madankollu, dan ma mexiex bl-aħjar mod u għad irid isir ħsieb dwar l-għażliet biex jiġi żgurat aċċess effiċjenti u effettiv għal sentenzi tal-qrati nazzjonali.

KUNTATT MA' NFURZAR F'PAJJIżI TERZI

42. Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lit-tkattir ta' kooperazzjoni kostruttiva ma' awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari fejn jidħol il-ksur b’dimenzjoni internazzjonali. L-effettività tal-kooperazzjoni internazzjonali hija, madankollu, interdipendenti fuq l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni stess fl-infurzar tal-Artikoli 81 u 82 KE.

43. Matul il-perjodu tar-rapport, qamu kwisjonijiet dwar l-iżvelar ta' informazzjoni mill-fajl tal-Kummissjoni f'ġuriżdizzjonijiet terzi. Kwistjonijiet bħal dawn instabu fil-kuntest ta' litigazzjoni privata f'ġuriżdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi u, fi skala aktar limitata, fejn jidħol l-iskambju ta' informazzjoni ma' awtoritajiet pubbliċi ta' pajjiżi terzi.

44. Il-Kummissjoni hija bil-qawwa favur li jkun hemm proċedimenti ċivili effettivi dwar il-ħsarat, b'mod partikolari, kontra dawk li jipparteċipaw f'kartell. Madankollu, l-iżvelar ta' informazzjoni mill-fajl tal-Kummissjoni fil-kuntest ta' litigazzjoni privata f'ġuriżdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari informazzjoni li tkun ingħatat b'mod volontarju matul l-investigazzjoni tista' timmina serjament l-effettività ta' infurzar pubbliku tal-antitrust. Il-Kummissjoni interveniet permezz ta' ittri amicus curiae quddiem qrati tal-Istati Uniti kontra l-possibbiltà li tkun tista' tinkixef informazzjoni li tkun tħejjiet esklużivament għall-iskop tal-investigazzjoni. Id-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni ippreżenta wkoll sottomissjoni lill-US Antitrust Modernisation Commission, għal dan l-iskop.

45. Kollox ma' kollox, hemm il-perċezzjoni li l-qafas legali jista' jiġi ċċarat u msaħħaħ sabiex ikomplu jitjiebu l-livelli eżistenti ta' protezzjoni kontra l-iżvelar, fejn tidħol sew il-litigazzjoni privata f'ġuriżdizzjonijiet terzi kif ukoll l-iskambju ta' informazzjoni ma' awtoritajiet pubbliċi ta' pajjiżi terzi.

KONKLUżJONI

46. Ir-Regolament 1/2003 ġab bidla sinifikanti fil-mod kif tiġi nfurzata l-liġi Ewropea tal-kompetizzjoni. Ir-Regolament tejjeb b'mod sinifikanti l-infurzar mill-Kummissjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE. Il-Kummissjoni setgħet issir aktar proattiva, u taffaċċja n-nuqqasijiet fil-kompetittività f'setturi ċentrali tal-ekonomija b'mod iffokat.

47. Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE saru f'ħafna każi " il-liġi tal-pajjiż " għall-UE kollha. Il-kooperazzjoni fi ħdan l-ECN kienet ta' kontribut biex ikun hemm żgur l-applikazzjoni koerenti tagħhom. In-netwerk huwa mudell innovattiv ta' governanza għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-Komunità mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

48. F'għadd limitat ta' oqsma[20], dan ir-Rapport jenfasizza aspetti li jimmeritaw aktar evalwazzjoni, iżda jħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk humiex meħtieġa xi emendi għar-regoli jew il-prattiċi eżistenti. Għandu jservi ta' bażi għall-Kummissjoni biex tivvaluta, fi stadju aktar tard, jekk ikunx xieraq li jittieħdu aktar inizjattivi ta' politika.

[1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003 L1, 4.1.2003, p.1) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 411/2004 tas-26 ta' Frar 2004 li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 3975/87 u jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3976/87 u (KE) Nru 1/2003, f'konnessjoni ma' trasport bl-ajru bejn il-Komunità u pajjiżi terzi (ĠU L 68, 6.3.2004, p.1) u r- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1419/2006 tal-25 ta’ Settembru 2006 li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 4056/86 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1/2003 fir-rigward tal-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu biex jinkludi l-kabotaġġ u s-servizzi internazzjonali ta' trasport marittimu mhux regolari (ĠU L 269, 28.9.2006, p. 1).

[2] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) numru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p.18), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 tat- 30 ta’ Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 773/2004, fir-rigward ta’ kif jitmexxew il-proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli (ĠU L 171, 1.7.2008, p.3)

[3] Il-Pakkett tal-Modernizzazzjoni, ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-Kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni (ĠU C 101, 27.4.2004, p.43), l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Qrati tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE (ĠU C 101, 27.4.2004, p.54), l-Avviż tal-Kummissjoni dwar Gwida Informali fil-każ ta' Kwistjonijiet Ġodda fejn jidħlu l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, li jqumu f'Każi Inidividwali (Ittri ta' Gwida) (ĠU C 101, 27.4.2004, p.78), l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod kif jiġu trattati lmenti mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 82 u 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU C 101, 27.4.2004, p.65), Linji-Gwida dwar l-effett tal-kunċett tal-kummerċ fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU C 101, 27.4.2004, p.81) u l-Linji-Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat (ĠU C 101, 27.4.2004, p.97)

[4] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehimiet vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 336, 29.12.1999, p.21-25) u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar Linji-Gwida fuq restrizzjonijiet vertikali (ĠU C 291, 13.10.2000, p.1)

[5] Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2658/2000 tad-29 ta' Novembru 2000 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehimiet ta' speċjalizzazzjoni (ĠU L 304, 5.12.2000, p.3), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2659/2000 tad-29 ta’ Novembru 2000 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar ir-riċerka u l-iżvilupp (ĠU L 304, 5.12.2000, p.7) u l-Linji-Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE għal ftehimiet orizzontali tal- kooperazzjoni (ĠU C 3, 6.1.2001, p.2)

[6] Linji-Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat (ĠU C 101, 27.4.2004, p.97)

[7] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 772/2004 tas-27 ta' April 2004 fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għall-kategoriji ta' ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġij (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 11-17)

[8] ĠU C 45, 24.02.2009, p. 7.

[9] Avviz tal-Kummissjoni dwar gwida informali, ara nota ta' qiegħ il-paġna 3.

[10] Ara l-Istqarrija Stampa tal-Kummissjoni IP/09/137 fil-każ ta' kartell Marine Hoses li ġie deċiż dan l-aħħar.

[11] E.ON suq elettriku Ġermaniż, ĠU C 36, 13.02.2009, p.8 u l-każ RWE Gas Foreclosure, are l-Istqarrija Stampa tal-Kummissjoni IP/09/410 tat-18.03.2009.

[12] E.ON, ĠU C 240, 19.09.2008, p. 6.

[13] Sett sħiħ tad-dokumenti marbuta mal-proċedura ta' Microsoft tista' tinstab hawn: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/microsoft/index.html.

[14] Il-Kunsill Ewropew kien laħaq qbil dwar l-hekk.imsejħa strateġija ta' Liżbona f'Marzu tal-2000 f'Liżbona bil-għan li jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-UE.

[15] Regoli ta' din ix-xorta jinstabu fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fil-Portugall, fil-Latvja, fl-Ungerija u fl-Irlanda.

[16] L-Istati Membri li bħalissa jipprojbixxu l-bejgħ mill-ġdid bi prezz orħos jew bit-telf jinkludu notevolment lil Franza u lill-Ġermanja.

[17] Wieħed isib eżempju fil-liġi Awstrijaka, skont liema impriża titqies bħala dominanti jekk ikollha pożizzjoni superjuri fir-relazzjoni tas-suq mal-klijenti tagħha jew ma dawk li jfornuha.

[18] Ara l-kundizzjonijiet għall-użu fl-evidenza ta' informazzjoni skambjata fl-Artikolu 12(2) u (3).

[19] Jinstab fi http://ec.europa.eu/competition/ecn/model_leniency_en.pdf.

[20] Ara l-paragrafi 12, 16, 18, 22, 27, 32, 33, 35, 36 u 40