52009DC0201

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali - Il-Promozzjoni ta' governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa /* KUMM/2009/0201 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 28.4.2009

KUMM(2009) 201 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI

Il-Promozzjoni ta' governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI

Il-Promozzjoni ta' governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa

WERREJ

1. Introduzzjoni 4

2. Elementi ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa 5

2.1. Kooperazzjoni transkonfinali attwali fi ħdan l-UE 5

2.2. Diskussjonijiet dwar il-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-taxxa 6

3. Il-Politika internazzjonali tal-UE dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa 7

3.1. Impenji magħmula fuq livell tal-UE 7

3.2. Azzjonijiet li qegħdin jittieħdu bħalissa 8

4. Kif jista' jissaħħaħ il-prinċipju ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fi ħdan l-UE u internazzjonalment 10

5. Konklużjoni 14

1. INTRODUZZJONI

Bil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, il-baġits nazzjonali u s-sistemi tat-taxxa jinsabu mhedda iktar u l-ħtieġa għalkooperazzjoni internazzjonali dwar it-taxxa u l-istandards komuni (jiġifieri "governanza tajba fil-qasam tat-taxxa") saret fattur regolari fid-diskussjonijiet internazzjonali.

Il-globalizzazzjoni, jiġifieri ż-żieda tal-integrazzjoni ekonomika tas-swieq li qiegħda tkun stimulata minn bidla teknoloġika rapida u liberalizzazzjoni tal-politika, qiegħda toffri opportunitajiet kbar fid-dinja. Ħafna pajjiżi jġibu dividendi enormi minn dan il-fenomenu. Għall-UE, ġie stmat li dan jammonta għal mill-inqas parti minn ħamsa tal-qligħ mid-dħul fl-Ewropa minn żmien it-tieni gwerra dinjija[1]. Iżda hemm ukoll lati soċjali u ekonomiċi negattivi tal-globalizzazzjoni. Pereżempju, il-pajjiżi jistgħu isiru iktar vulnerabbli għat-taqlib ekonomiku, kif qed jidher bħalissa, kif ukoll għall-evitar u l-evażjoni tat-taxxa. F'dinja fejn il-flus jiċċaqalqu b'mod liberu, "rifuġji fiskali", u ċentri finanzjarji internazzjonali li mhumiex regolati b'mod suffiċjenti li jirrifjutaw li jaċċettaw il-prinċipji tat-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni jistgħu jiffaċilitaw jew ukoll jinkoraġġixxu l-frodi jew l-evażjoni tat-taxxa, b'effett negattiv fuq is-sovranità tat-taxxa ta' pajjiżi oħra u b'hekk jheddu d-dħul tagħhom. Skont stima tal-OECD fl-aħħar tal-2008, ir-rifuġji fiskali fid-dinja attiraw bejn $ 5 triljun u $ 7 triljun[2] f'assi, għalkemm il-grad ta' segretezza madwar dan il-kontijiet jagħmilha diffiċli li jkun iddeterminat eżatt kemm tpoġġa f'dawn il-ġuriżidizzjonijiet individwali. Bil-baġits nazzjonali, u għalhekk, il-politiki soċjali u politiki oħra taħt pressjoni qawwija, din hija problema estremament serja.

Ir-rifjut tal-globalizzazzjoni u l-għeluq tas-swieq minħabba dawn l-effetti negattivi jkun kontraproduċenti. Għalhekk, mill-perspettiva tal-UE, għażla vijabbli hija li l-effetti jkunu mmexxija aħjar permezz ta' ftehimiet ma' pajjiżi terzi fuq l-usa' bażi ġeografika possibbli li jkopru standards komuni u kooperazzjoni, inkluż fi kwestjonijiet dwar it-taxxa. Sistemi tat-taxxa ġusti u effiċjenti mhux biss għandhom rwol essenzjali biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti għar-relazzjonijiet ekonomiċi, il-kummerċ u l-investiment iżda wkoll jipprovdu bażi finanzjarja għall-infiq pubbliku kollu. Din tfisser governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, li mhux biss hija mezz essenzjali biex tiġġieled il-frodi u l-evażjoni transkonfinali iżda tista' wkoll issaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u l-finanzjament tat-terroriżmu. Huwa ċar li hemm konsensus globali li dejjem qiegħed jikber dwar il-ħtieġa għal tweġiba kkoordinata kontinwa għal din il-problema, li tikkonsisti minn inizjattivi komplimentari fl-oqsma tar-regolazzjoni finanzjarja u t-tassazzjoni.

Il-pajjiżi tal-G20, fil-pjan ta' azzjoni tagħhom ta' Novembru 2008, qablu biex jaħdmu fuq l-applikazzjoni internazzjonali tar-regoli dwar it-trasparenza fil-kwestjonijiet finanzjarji u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa. Il-Ministri tal-Finanzi tal-UE, fid-dokument li ppreżentaw fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2008[3], sejħu għall-kontinwazzjoni tal-ġlieda kontra r-riskji finanzjarji illeċiti li jiġu minn ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi, u kontra r-rifuġji fiskali. Fil-kontribut tagħhom għall-laqgħa Ministerjali u tal-Gvernaturi tal-G20 tal-14 ta' Marzu 2009, il-Ministri tal-Finanzi tal-UE sostnew "il-bżonn li s-sistemi finanzjarji jkunu protetti minn ġurisdizzjonijiet mhux trasparenti, mhux kooperattivi u b'regoli laxki, inklużi ċ-ċentri offshore", talbu għal "għadd ta' sanzjonijiet" u saħqu dwar il-bżonn li tissaħħaħ "azzjoni biex tintlaħaq governanza tajba internazzjonali fil-qasam tat-taxxa (trasparenza, skambju ta' informazzjoni u kompetizzjoni tat-taxxa ġusta)". Il-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta' Marzu kkonferma din il-linja. Waqt is-samit tal-Mexxejja tal-G20 fl-Londra (it-2 ta' April, 2009), il-Mexxejja qablu " li jieħdu azzjoni kontra l-ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi, inkużi r-rifuġji fiskali", huma ddikjaraw li huma "lesti li jpoġġu sanzjonijiet biex jipproteġu l-finanzi pubbliki u s-sistemi finanzjarji [tagħhom]", u li "ż-żmien fejn il-banek iżommu kollox mistur għadda u spiċċa". Waqt il-preparazzjoni għall-laqgħa tal-G20, ħafna ġurisdizzjonijiet għamlu reazzjoni billi indikaw ir-rieda tagħhom li japplikaw standards internazzjonali ta' trasparenza u skambju ta' informazzjoni minn issa 'l quddiem[4].

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tidentifika l-kontribut partikolari tal-UE għal governanza tajba fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. Hija tikkunsidra:

- kif governanza tajba tista' tittejjeb fi ħdan l-UE,

- l-għodod partikolari li l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tal-UE jista' jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex jippromovu l-governanza tajba internazzjonalment, u

- l-ambitu ta' azzjoni iktar ikkoordinata mill-Istati Membri tal-UE, sabiex tappoġġja, tissimplifika u tikkumplimenta l-azzjoni internazzjonali meħuda f'fora oħra bħal l-OECD u n-NU.

2. ELEMENTI TA' GOVERNANZA TAJBA FIL-QASAM TAT-TAXXA

2.1. Kooperazzjoni transkonfinali attwali fi ħdan l-UE

Il-Ministri tal-Finanzi tal-UE, fil-laqgħa tal-Kunsill (ECOFIN) fl-14 ta' Mejju 2008, iddefinew il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa bħala l-prinċipji ta' trasparenza, skambju ta' informazzjoni u kompetizzjoni tat-taxxa ġusta.

Hemm regoli komuni fi ħdan is-Suq Intern, inkluż dwar il-liġi tal-kumpaniji u dwar it-tassazzjoni[5], li huma mfassla biex iħallu lill-kumpaniji u lill-individwi jieħdu l-ogħla benefiċċju mill-fruntieri miftuħa. Dawn ir-regoli qed ikollhom effetti benefiċi, b'mod partikolari fit-tnaqqis tal-ispejjeż ta' konformità u biex jinkoraġġixxu l-investiment transkonfinali. Iżda l-integrazzjoni tal-ekonomiji li dejjem qiegħda tiżdied fis-Suq Intern qed toħloq ukoll sfidi ġodda. Pereżempju, il-fruntieri miftuħa jistgħu jpoġġu s-sistemi tat-taxxa taħt pressjoni u jagħmluha iktar diffiċli li jintlaħaq livell adegwat ta' dħul biex l-ispiża pubblika tiġi ffinanzjata.

Skont il-liġi Komunitarja, l-Istati Membri huma b'mod ġenerali liberi li jfasslu s-sistemi tat-taxxa diretta tagħhom b'mod li jilħaq l-aħjar l-għanijiet u l-ħtiġijiet tal-politika domestika tagħhom. Madanakollu, f'dawn l-aħħar għaxar snin, dawn laħqu ftehim komuni dwar numru ta' modi biex jindirizzaw l-erożjoni ta' bażijiet tat-taxxa u t-tgħawwiġ tal-allokazzjoni tal-investiment. B'dan huma irrikonoxxew li l-miżuri individwali, nazzjonali u bilaterali jistgħu jindirizzaw biss parzjalment il-problemi tal-erożjoni tat-taxxa u li l-kooperazzjoni madwar l-UE kollha hija vitali. L-Istati Membri qablu dwar numru ta' miżuri li huma mfassla biex jippromwovu governanza aħjar fil-qasam tat-taxxa fi ħdan l-UE, kif ġej:

- Il-kooperazzjoni amministrattiva inkluż l-iskambju tal-informazzjoni - Direttiva ta' "Assitenza Reċiproka"[6] tipprovdi għal skambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa diretta bejn l-awtoritajiet tat-taxxa. Direttiva dwar l-irkupru tat-talbiet tat-taxxa[7] tistabbilixxi reġim li bih Stat Membru jista' jitlob l-għajnuna lil ieħor fl-irkupru ta' talbiet rigward taxxi, dazji u imposti. Id-Direttiva fuq it-Taxxa tat-Tfaddil[8] tippermetti lill-amminstrazzjonijiet tat-taxxa li jagħmlu skambju ta' informazzjoni awtomatika, għalkemm tapplika biss fuq id-dħul tal-interessi mit-tfaddil ta' individwi u tliet Stati Membri ġew awtorizzati li japplikaw taxxa minn ras il-għajn fuq bażi ta' tranżizzjoni.

- Il-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża - L-Istrumenti legali dwar il-kooperazzjoni amministrattiva huma kkumplimentati minn ftehim politiku bejn l-Istati Membri biex jindirizzaw il-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża fil-qasam tat-tassazzjoni tan-negozju taħt proċess ta' reviżjoni bejn il-pari. Il-"Kodiċi ta' Kondotta dwar it-tassazzjoni tan-negozji"[9] jiddeffinixxi l-miżuri tat-taxxa dannużi bħala miżuri (inklużi prattiki amministrattivi) li jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw b'mod sinifikanti, il-post tal-attività tan-negozju fil-Komunità, u li jipprovdi għal livell sinifikattivament iktar baxx ta' tassazzjoni milli dak ġeneralment applikat fl-Istat Membru kkonċernat. B'dan il-Kodiċi, li japplika kemm għall-Istati Membri u għat-territorji dipendenti u assoċjati tagħhom, ġew valutati iktar minn erba' mitt miżura ta'tassazzjoni tan-negozju u iktar minn 100 minn dawn, ikkunsidrata dannużi, ġew imneħħija jew emendati.

- Għajnuna mill-istat - Barra minn dan, il-politika dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE għall-għajnuna mill-istat fiskali[10] ikkontribwixxiet biex tneħħi t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn skemi tat-taxxa tan-negozju speċifiċi introdotti minn Stati Membri individwali.

- Trasparenza - Dawn l-inizjattiva dwar it-taxxa huma kkumplimentati bl-eżistenza ta' liġijiet u regoli tal-kumpaniji li jiżguraw it-trasparenza korporattiva u finanzjarja.

2.2. Diskussjonijiet dwar il-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-taxxa

Ix-xogħol tal-UE dwar it-titjib tal-kooperazzjoni dwar it-taxxa jirrifletti ħafna mill-prinċipji sottostanti li mexxew l-attività tal-OECD kontra l-kompetizzjoni tat-taxxa dannuża fuq numru ta' snin. Ix-xogħol tal-OECD huwa doppju:

- Għandu l-għan li jidentifika u jneħħi l-iskemi tat-taxxa preferenzjali tat-30 pajjiż membru tagħha, bl-użu ta' kriterji li huma viċin (għalkemm b'ambitu inqas) ta' dawk fil-Kodiċi tal-Kondotta tal-UE għat-tassazzjoni tan-negozju.

- Dan ġie ukoll estiż għal pajjiżi li mhumiex fl-OECD, inkluż numru tal-hekk imsejħa "rifuġji fiskali"[11], u nġabar impenn politiku minn 35 minn dawn il-ġurisdizzjonijiet biex tkun stabbilita kooperazzjoni ġenwina mal-membri tal-OECD dwar it-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni dwar kwestjonijiet tat-taxxa. Minħabba l-aspettattiva li l-laqgħa tal-G20 tat-2 ta' April kellha tfassal lista ta' ġurisdizzjonijiet li m'għamlux biżżejjed progress fl-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali dwar it-taxxa żviluppati mill-OECD li dwarhom hemm qbil mifrux, ħafna ġurisdizzjonijiet dan l-aħħar ukoll taw l-impenn tagħhom lejn l-istandards, inklużi l-Iżvizzera, l-Awstrija, il-Belgju, il-Lussemburgu, Hong Kong, il-Makaw, Singapore, iċ-Ċile, Andorra, Liechtenstein u Monaco. Dawn l-impenji huma essenzjali biex jinżammu l-istandards internazzjonali tal-OECD, li jeħtieġu skambju ta' informazzjoni fuq talba dwar il-kwestjonijiet tat-taxxa kollha għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġi tat-taxxa domestika, mingħajr ma jitqies il-ħtieġa tal-interess domestiku jew is-sigriet tal-banek għal raġunijiet ta' taxxa fil-ġurisdizzjoni mitluba. L-istandards tal-OECD jipprovdu wkoll salvagwardji estensivi biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni skambjata. Immedjatament wara l-laqgħa tal-G20, l-OECD irrapurtat dwar l-implimentazzjoni tal-istandard dwar it-taxxa miftihem internazzjonalment mill-ġuriżdizzjonijiet mistħarrġa mill-Forum Globali tal-OECD.

Il-Kummissjoni tilqa' l-impenji importanti li saru dan l-aħħar, u tistenni l-implimentazzjoni tagħhom bil-ħerqa. Se tipproponi azzjoni koordinata mill-Istati Membri biex tiżgura sewgitu xieraq, fejn dan hu fl-interess tal-UE. Id-"Dikjarazzjoni dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp"[12] tas-segwitu tal-Konferenza Internazzjonali dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp tan-NU biex tirrevedi l-implimentazzjoni tal-Konsensus ta' Monterrey fiha impenji qawwija lejn ir-riforma fit-taxxa, tħeġġeġ l-isforzi biex jitjieb id-dħul mit-taxxa permezz ta' sistemi tat-taxxa modernizzati u ġbir tat-taxxa iktar effiċjenti, it-twessiħ tal-bażi għat-taxxa u l-ġlieda iktar effettiva kontra l-evażjoni fiskali.

3. IL-POLITIKA INTERNAZZJONALI TAL-UE DWAR IL-GOVERNANZA TAJBA FIL-QASAM TAT-TAXXA

3.1. Impenji magħmula fuq livell tal-UE

Il-politika tal-UE dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa evolviet matul is-snin fuq il-bażi ta' serje ta' inizjattivi tal-Kummissjoni[13] li wasslu għall-adozzjoni ta' konkluzjonijiet dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa mill-laqgħa tal-Ministri tal-Finanza tal-UE fil-Kunsill (ECOFIN) fl-14 ta' Mejju 2008. L-ECOFIN irrikonoxxa l-ħtieġa li jippromwovi l-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fuq l-usa' bażi ġeografika possibbli. Għalhekk talab li dispożizzjoni dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa tkun miżjuda mal-ftehimiet rilevanti li huma konklużi mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha ma' pajjiżi terzi jew gruppi ta' pajjiżi terzi. L-għan mhux li jkunu fil-mira r-rifuġji fiskali nnifishom iżda li jintlaħaq ftehim mal-ikbar numru ta' pajjiżi terzi possibbli dwar prinċipji komuni ta' kooperazzjoni u trasparenza.

Barra minn dan, l-ECOFIN, fit-tressiq tiegħu lill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2008[14], ta' impetu ikbar lill-isforzi tiegħu, f'konformità ma' xogħol li sar fuq livell internazzjonali f'fora diversi, billi qabel li jkompli jiġġieled kontra r-riskji finanzjarji illeċiti li jiġu minn ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi, u li jiġġieled kontra r-rifuġji fiskali.

3.2. Azzjonijiet li qegħdin jittieħdu bħalissa

L-UE ħadet numru ta' miżuri f'oqsma differenti biex tiżgura li pajjiżi terzi jżommu ma' prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa jew prinċipji relatati.

It-taxxa tat-tfaddil - Miżuri li huma l-istess jew ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva fuq it-Taxxa tat-Tfaddil tal-UE japplikaw għal numru ta' pjjiżi terżi[15] u territorji dipendenti u assoċjati tal-Istati Membri, li xi wħud minnhom huma identifikati bħala rifuġji fiskali mill-OECD. Il-Kummissjoni għamlet ukoll laqgħat esploratorji ma' Hong Kong, il-Makaw u Singapore dwar l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet ekwivalenti għal dawk fid-Direttiva fuq it-Taxxa tat-Tfaddil, fuq il-bażi ta' mandat mill-ECOFIN. Dawn għandhom ma rriżultawx fil-ftuħ tan- negozjati formali.

Kodiċi ta' Kondotta - Meta adottaw il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar it-tassazzjoni tan-negozju, l-Istati Membri tal-UE impenjaw irwieħhom kemm li jiżguraw li l-prinċipji biex ineħħu l-kompetizzjoni dannuża tat-taxxa jkunu applikati wkoll fit-territorji dipendenti u assoċjati tal-Istati Membri u biex jippromwovu dawn il-prinċipji f'pajjiżi terzi. Din l-aħħar kwestjoni hija parti mill-programm ta' ħidma tal-2009 u 2010 tal-grupp tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE.

Iż-ŻEE u l-Iżvizzera - L-UE għandha relazzjonijiet mill-qrib mal-pajjiżi fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE) (l-Iżlanda, Liechtenstein u n-Norveġja) u mal-Iżvizzera. Il-korp tal-liġi tal-UE dwar is-suq intern japplika direttament għall-pajjiżi fiż-ŻEE, waqt li regoli ekwivalenti għar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat tal-UE qegħdin fil-ftehim taż-ŻEE u huma infurzati mill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA. Regoli simili japplikaw għall-Iżvizzera skont il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Żvizzera tal-1972. Dan jillimita l-ambitu ta' skemi tat-taxxa mgħawwġa f'dawk il-pajjiżi u fil-fatt, il-Kummissjoni riċentament sfidat xi skemi tat-taxxa tan-negozju Żvizzeri li taw benefiċċji li hija tqishom bħala għajnuniet mill-istat. Il-Kunsill tal-ECOFIN ħeġġeġ lil Liechtenstein biex jikkoopera iktar fil-fond mal-UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-frodi, u hemm negozjati għaddejjin għal ftehim kontra l-frodi l-ġdid UE-Liechtenstein, inkluż dwar il-kwestjoni ta' skambju ta' informazzjoni fuq it-taxxa diretta. L-impenji tal-Liechtenstein ta' dan l-aħħar lejn l-istandards ta' trasparenza u ta' skambju ta' informazzjoni tal-OECD għandhom jagħtu spinta ġdida lil dawn in-negozjazzjonijiet.

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat - Numru ta' Pjanijiet ta' Azzjoni konklużi ma' pajjiżi koperti minn din il-Politika jinkludu riferenzi ġenerali għall-kooperazzjoni dwar kwestjonijiet tat-taxxa. Ħafna jagħmlu wkoll referenzi speċifiċi għall-prinċipji ta' trasparenza, skambju ta' informazzjoni u l-Kodiċi ta' Kondotta għat-tassazzjoni tan-negozju. Il-Pjanijiet ta' Azzjoni huma għodod għall-kooperazzjoni ekonomika u politika bejn l-UE u l-pajjiżi sħab, li jwasslu għal stadju iktar avvanzat ta' impenji u għanijiet li jinsabu fil-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni.

Il-Politika tat-tkabbir - Il-politika ta' tkabbir teħtieġ li l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali jittrasponu gradwalment il-leġiżlazzjoni tal-UE fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, inklużi kwestjonijiet dwar it-taxxi. Fil-mument tal-adeżjoni tagħhom fl-UE, il-pajjiżi kandidati jeħtieġu li jimplimentaw bis-sħiħ il-korp tal-liġi tal-UE kollu; f'dan ir-rigward, il-governanza tajba hija waħda mill-oqsma li l-istrateġija tat-tkabbir għandha l-għan li tindirizza fi stadju bikri tal-proċess ta' pre-adeżjoni.

L-implimentazzjoni tal-konkluzjonijet tal-Kunsill ta' Mejju 2008 - Il-Kummissjoni bdiet negozjati ma' numru ta' pajjiżi terzi dwar dispożizzjoni dwar governanza tajba fil-qasam tat-taxxa kif miftihem mill-Kunsill tal-ECOFIN u l-konkluzjonijiet tiegħu ta' Mejju 2008. Dan il-proċess għadu kif beda u r-riżultati huma mistennija fil-futur qarib. Il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjoni r-reazzjoni pożittiva ta' xi pajjiżi terzi. Madanakollu, għandu jkun eżaminat ukoll il-każ ta' dawn il-ġurisdizzjonijiet li s'issa irrifjutaw l-idea.

Il-politika ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp - Il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ addizzjonali għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li huma lesti li jimpenjaw ruħhom għall-prinċipji ta' governanza tajba, inkluż fil-qasam tat-taxxa. Il-Faċilità ta' Governanza Ewropea tal-Viċinat u s-Sħubija (ENP), bbażata fuq l-Artikolu 2(1) u 7 tal-Istrument tal-ENP, tipprovdi fondi, minbarra l-allokazzjonijiet nazzjonali, lil dawk il-pajjiżi sħab li huma valutati li għamlu l-iktar progress fl-implimentazzjoni tal-għanijiet relatati mal-governanza tal-aġenda ta' riforma miftehma tagħhom kif stabbilit fil-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-ENP (li fihom kemm impenji ġenerali kif ukoll speċifiċi dwar riformi relatati mal-governanza). Issa huwa pprovdut ukoll inċentiv taħt l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) (li jkopri s-snin 2008-2013) permezz tal-Inizzjattiva ta' Governanza, li biha l-UE toffri fondi addizzjonali biex tappoġġja d-djalogu u r-riforma tal-governanza, inkluż fil-qasam tat-taxxa. Il-pajjiżi li huma eliġibbli għall-għajnuna għall-iżvilupp, wara valutazzjoni bbażata fuq l-elaborazzjoni ta' profil ta' governanza, li jieħdu impenji dettaljati (Pjan ta' Azzjoni ta' Governanza), jistgħu jirċievu alllokazzjoni addizzjonali li tiddependi fuq il-kwalità tal-impenn. Numru ta' pajjiżi tal-Karibew u l-Paċifiku issa ħadu dawn l-impenji[16] iżda oħrajn, s'issa, irrifjutaw, jew ma ħadux din l-offerta[17]. Numru ta' Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej (OCTs) li tagħhom huma responsabbli l-Istati Membri għamlu impenji lill-OECD dwar standards ta' trasparenza u skambju ta' informazzjoni. [18]

4. KIF JISTA' JISSAħħAħ IL-PRINċIPJU TA' GOVERNANZA TAJBA FIL-QASAM TAT-TAXXA FI ħDAN L-UE U INTERNAZZJONALMENT

Il-promozzjoni ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa għandha tinvolvi kemm governanza tat-taxxa aħjar fi ħdan l-UE kif ukoll azzjonijiet immirati lejn pajjiżi terzi. Il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fi ħdan l-UE se jsaħħaħ l-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa. Fl-istess ħin, se jkun raffurzat l-argument biex ġurisdizzjonijiet oħra jindħlu f'kooperazzjoni amminstrattiva effiċjenti u effettiva mal-UE. F'kull każ, skont regoli ta' trattament ugwali, Stat Membru għandu jipprovdi Stat Membru ieħor il-livell ta' kooperazzjoni li huwa aċċetta fir-rigward ta' pajjiż terz.

Il-Kummissjoni temmen li l-azzjonijiet li ġejjin huma meħtieġa:

Inizjattivi interni eżistenti li qegħdin jitwettqu

Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Kunsill biex jadotta kemm jista' jkun malajr il-proposti tal-Kummissjoni msemmija hawn taħt fil-punti i), ii) u iii), u biex tagħti l-prijorità xierqa għall-azzjoni proposta fil-punt iv).

i) Il-Kummissjoni ppreżentat proposta[19] fi Frar 2009 biex tieħu post id-Direttiva ta' Assistenza Reċiproka attwali. Minbarra li toħloq għodod prattiċi ġodda biex issaħħaħ il-kooperazzjoni amminstrattiva (formoli komuni, formats, kanali u organizzazzjoni), il-proposta għandha tintroduċi żewġ elementi ġodda importanti li l-Kummissjoni tikkunsidra indispendabbli biex tirrafforza l-azzjoni tal-UE fuq livell internazzjonali kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali. L-ewwelnett, tintroduċi klawżola ta' nazzjon l-aktar favorita li biha l-Istati Membri huma obbligati li jipprovdu Stat Membru ieħor il-livell ta' kooperazzjoni li huma aċċettaw fir-rigward ta' pajjiż terz. It-tieni, u l-iktar importanti, il-proposta ma tħallix lill-Istati Membri milli jużaw is-sigriet tal-banek għal min mhux residenti bħala raġuni biex jirrifjutaw li jagħtu informazzjoni dwar min iħallas it-taxxa lill-Istat Membru ta' residenza tiegħu jew tagħha.

ii) Flimkien mal-proposta għall-Assitenza Reċiproka, il-Kummissjoni ippreżentat ukoll proposta[20] biex tieħu post id-Direttiva dwar l-irkupru tat-talbiet tat-taxxi. Il-proposta għandha l-għan li żżid l-effiċenza tal-assistenza sabiex isaħħaħ il-kapaċità tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex jirkupraw taxxi li ma tħallsux, u għalhekk tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa.

iii) Il-Proposta tal-Kummissjoni ppreżentata fl-2008 biex temenda d-Direttiva dwar it-Tfaddil[21] tfittex li testendi l-kopertura tad-Direttiva għal ċerti ħlasijiet ta' interessi lil residenti tal-UE li jgħaddu minn strutturi eżenti mit-taxxa intermedjarji stabbiliti f'pajjżi li mhumiex fl-UE. Il-proposta tagħmel ukoll suġġerimenti oħra dwar it-titjib tal-miżuri dwar it-taxxa tat-tfaddil. L-adozzjoni rapida tal-bidliet kollha tiżgura sistema iktar effettiva. Il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill biex jasal għal ftehim politiku malajr dwar l-emendi li għandhom isiru għad-direttiva. Dan se jiżgura li l-applikazzjoni ta' dan it-titjib għall-funzjonament tal-miżuri ta' tfaddil tista' ssir għall-ġurisdizzjonijiet l-oħra li japplikaw l-istess mizuri jew mizuri ekwivalenti kemm jista' jkun malajr.

iv) Ix-xogħol fuq il-miżuri tat-taxxa tan-negozju dannuża ta' waqfien (standstill) u ta' tneħħija (rollback) fl-Istati Membri tal-UE skont il-Kodiċi ta' Kondotta għat-tassazzjoni tan-negozju għandu jkompli.

Arranġamenti fuq livell tal-UE ma' pajjiżi terzi

v) Il-Kunsill għandu jagħti prijorità xieraq lill-kwestjoni ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. In-nogozjar ta' dispożizzjonijiet dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa ma' pajjiżi terzi fi ħdan ftehimiet ġenerali għandu jkun imtejjeb bil-miżuri li ġejjin: referenza għal governanza tajba fil-qasam tat-taxxa għandu jkun magħmul kemm jista' jkun malajr fil-proċess, pereżempju fid-direttivi tan-negozjar mogħtija lill-Kummissjoni mill-Kunsill, waqt li jżomm rigward għan-natura speċifika tal-ftehim.

vi) F'każijiet li huwa magħruf minn qabel li d-diskussjoni dwar il-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa se tkun kontenzjuża, jew fejn dawn il-prinċipji ma jinfthemux, id-djalogi politiċi bejn l-UE u pajjiżi terzi għandhom jindirizzaw il-kwestjoni minn qabel in-negozjati relatati mal-kummerċ, sabiex jiffaċilitaw dawk in-negozjati.

vii) Il-Kunsill għandu jagħti lill-Kummissjoni biżżejjed flessibbiltà fin-negozjati tagħha dwar il-formulazzjoni, waqt li jżomm l-elementi sostanzjali u l-għanijiet ta' governanza tajba, sabiex tkun tista' tinnegozja soluzzjonijiet li jkunu l-aħjar għal każ speċifiku tal kull pajjiż.

viii) Il-kontenut ta' dawn il-ftehimiet, fejn xieraq, għandu jinkludu wkoll dispożizzjonijiet simili għal dawk applikabbli fi ħdan l-UE skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan itejjeb il-kompetizzjoni ġusta bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tat-tassazzjoni tan-negozju. Għandu, pereżempju, jagħmilha possibbli li jkunu indirizzati l-prattiki li jgħawwġu ta' detriment inġust għall-baġits u n-negozji tal-Istati Membri tal-UE, u li mhux neċessarjament huma indirizzati mir-regoli tal-WTO.

ix) Fejn xieraq, jistgħu jkunu kkunsidrati ftehimiet speċifiċi fil-qasam tat-taxxa, li fihom dispożizzjonijet dwar it-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni għar-raġunijiet ta' taxxa, biex jaċċelleraw il-proċess biex jimplimentaw l-impenji għaltrasparenza u skambju ta' informazzjoni aħjar magħmula minn ċerti ġurisdizzjonijiet.

x) Id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tat-Tfaddil tinkludi arranġament speċjali fir-rigward ta' tliet Stati Membri biex jesiġu taxxa minn ras il-għajn mir-residenti tal-UE li għandhom kont barrani, minflok ma japplikaw skambju ta' informazzjoni bħal ma jagħmlu pajjiżi oħra. Liechtenstein, l-Iżvizzera, Monaco, Andorra u San Marino għandhom ftehimiet dwar it-taxxa tat-tfaddil mal-UE li wkoll tipprovdi għal taxxa minn ras il-għajn minflok l-iskambju ta' informazzjoni. Id-Direttiva taħseb li l-Istati Membri tal-UE kollha eventwalment jersqu lejn l-iskambju ta' informazzjoni awtomatiku f'arranġament li jiddependi fuq l-adozzjoni tal-istandards tal-OECD tal-2002 dwar l-iskambju ta' informazzjoni mill-pajjiżi terzi msemmija hawn fuq. Huwa importanti li dan ikun promoss lejn użu usa' tal-iskambju ta' informazzjoni mill-pajjiżi terzi fil-kwestjoni sabiex jintlaħaq l-għan kumplessiv tad-Direttiva. L-impenji riċenti lejn l-istandard tal-OECD tat-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni minn erbgħa[22] mill-ħames pajjiżi li baqa' msemmija hawn fuq juri li wasal il-mument li jkun valutat jekk il-perjodu tranżitorju spiċċax, bl-Istati Membri tal-UE kollha jersqu lejn l-iskambju ta' informazzjoni awtomatika.

Jidher ċar ukoll li hemm ħtieġa biex jimxu 'l quddiem il-diskussjonijiet ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari Singapore, Hong Kong u l-Makaw, fid-dawl tal-kunsens ġdid dwar it-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni, biex tkun esplorata ma' dawn il-ġurisdizzjonijiet, l-applikazzjoni ta' miżuri xierqa ekwivalenti ma dawk li jinsabu fid-direttiva dwar it-tfaddil.

xi) Fir-rigward tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tan-Negozju, il-Kummissjoni temmen li l-Grupp tal-Kunsill għandu jiżviluppa politika koerenti ta' azzjoni koordinata lejn pajjiżi terzi li jieħdu sehem fi prattiki tat-taxxa tan-negozju dannuża, bħal pereżempju l-adozzjoni ta' approċċ komuni għall-applikazzjoni ta' miżuri kontra l-abbuż. Dan għandu jkun prijorità meta jkun implimentat il-programm ta' ħidma tal-Grupp adottat mill-Ministri tal-Finanzi tal-UE fl-2008.

Inċentivi għalkooperazzjoni għall-iżvilupp

xii) Għandha tkun ikkunsidrata l-koerenza bejn l-appoġġ finanzjarju tal-UE u l-forniment ta' aċċess għas-swieq tal-UE lil pajjiżi partikolari u l-livell ta' kooperazzjoni tagħhom mal-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa.

xiii) Il-Kummissjoni temmen li l-isforzi fuq livell tal-UE biex tippromwovi l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa f'pajjiżi terzi eliġibbli għall-għajnuna għall-iżvilupp għandha tkun imsaħħa bl-azzjonijiet li ġejjin:

- Il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni attwali tal-governanza tajba, skont ir-Revizjoni f'Nofs it-Terminu tal-programma tal-għajnuna (MTR), sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri xierqa meta jkun relevanti; iktar speċifikament, fil-kuntest tal-għaxar EDF MTR; il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-impenji dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa li saru minn xi pajjiżi; kunsiderazzjoni ta' allokazzjoni mill-ġdid ta' fondi lejn pajjiżi li qed jimplimentaw l-impenji tagħhom b'mod sodisfaċenti; u bil-kontra, kunsiderazzjoni tat-taħsir tal-fondi allokati lil dawk il-pajjiżi li ma implimentawx l-impenji tagħhom.

- Il-forniment tal-għajnuna teknika meħtieġa biex tgħin lill-pajjiżi jilħqu l-impenji tagħhom dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. Għajnuna teknika tista' wkoll tkun ipprovduta għad-disinn ta' sistema tat-taxxi effiċjenti, jekk xi pajjiż jitlob dan, li tippermetti lill-pajjiż jimmobiliżża aħjar ir-riżorsi disponibbli.

- Il-proponiment tal-inklużjoni ta' dispożizzjoni speċifika relatata mal-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa skont ir-revizjoni tal-ftehim ta' Cotonou.

xiv) Il-Kummissjoni għandha l-intezjoni wkoll li tikkunsidra l-possibbiltà li tintroduċi kriterju addizzjonali fl-evalwazzjoni tal-eliġibbiltà għall-allokazzjoni ta'fondi skont l-istrument estern attwali tal-Komunità li jkun marbut mal-applikazzjoni tal-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa minn pajjiżi terzi. Barra minn dan, il-possibbiltà, taħt il-Perspettivi Finanzjarji li jmiss, ta' fondi addizzjonali għall-ġurisdizzjonijiet li jikkoperaw, tista' tkun evalwata, pereżempju għal għajnuna teknika għas-sekondar ta' esperti.

xv) L-UE hija donatur ewlieni. Il-Kummissjoni temmen li l-koerenza tal-politika fir-rigward ta' pajjiżi terzi hija essenzjali għall-għanijiet li jkunu żviluppati l-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. Għalhekk, l-Istati Membri tal-UE, taħt il-programmi ta' għajnuna bilaterali tagħhom, għandhom jieħdu miżuri simili għal dawk indikati hawn fuq. Il-koordinazzjoni tal-UE fuq livell ta' pajjiż se tkun imsaħħa bil-għan li jkun żgurat l-ogħla sinerġija. L-UE titlob lid-donaturi l-oħra wkoll biex itejbu l-koerenza tal-politiki tagħhom u se tfittex approċċ iktar koordinat bejn id-donaturi f'dan ir-rigward.

Koordinazzjoni tal-politika tat-taxxa internazzjonali

xvi) Għandu jkun eżaminat ukoll x'miżura ta' koerenza teżisti bejn il-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u l-politiki tat-taxxa tal-Istati Membri stess, inklużi trattati bilaterali dwar it-taxxa ma' pajjiżi terzi. Jkun importanti li jiġi żgurat li l-Istati Membri, permezz tat-trattati bilaterali tagħhom dwar it-taxxa, ma jiftħux opportunitajiet ġodda biex tkun evitata t-taxxa, fir-rigward tas-sistemi tat-taxxa ta' Stati Membri oħra jew biex ikunu evitati d-direttivi tal-UE. Fl-istess ħin, l-eżistenza ta' obbligi ta' governanza tajba fi ftehimiet fuq livell tal-UE ma' pajjiżi terzi jipprovdi saħħa ta' negozjar lill-Istati Membri fin-negozjati bilaterali ma' dawk il-pajjiżi.

xvii) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll approċċ iktar unifikat lejn pajjiżi terzi marbut ma' jekk dawn il-pajjiżi japplikawx il-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, jew le. Pereżempju, pajjiż terz li jimplimenta dawn il-prinċipji jista' jitneħħa mill-"lista s-sewda" nazzjonali tal-Istati Membri sabiex ma jkunx suġġett għall-miżuri kontra l-abbuż fir-rigward tal-prattiki tat-taxxi kkonċernati. Għall-kuntrarju, ġurisdizzjonijiet li ma jimplimentawx b'mod sodisfaċenti aspetti prinċipali ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa applikata mill-Istati Membri tal-UE jistgħu ikunu suġġetti għall-kontromiżuri koordinati. Pereżempju, il-Mexxejja tal-G20 qablu biex jiżviluppaw għadd ta' kontromiżuri effettivi li għandhom ikunu kkunsidrati aktar 'il quddiem[23]. Il-Kummissjoni temmen li l-kontenut u l-użu eventwali ta' dawn l-għodod għandhom ikunu suħħetti għal diskussjoni mal-Istati Membri biex jieħdu f'kunsiderazzjoni r-regoli u l-prattiki partikolari tal-UE.

xxiii) Il-Kummissjoni temmen li koordinazzjoni aħjar tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE fid-diskussjonijiet fl-OECD, fil-G20 u fin-NU dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa hija meħtieġa biex tiżgura influwenza iktar qawwija fin-negozjati ma' pajjiżi mhux kooperattivi.

5. KONKLUżJONI

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha qegħdin jaffaċċjaw sfidi serji hekk kif jippruvaw jindirizzaw il-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-preżent. Il-kriżi żiedet it-tħassib dwar is-sostenibbiltà tas-sistemi tat-taxxa b'konsegwenza tal-globalizzazzjoni. Il-promozzjoni ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fuq bażi ġeografika usa' possibbli issa hija rikonoxxuta bħala l-mod xieraq biex dan it-tħassib jiġi indirizzat. Din tibbilanċja s-sovranità tat-taxxa tal-pajjiżi individwali mal-protezzjoni leġittima tad-dħul mit-taxxa.

Għaldaqstant, l-UE u s-sħab tagħha għandhom interess komuni qawwi bħalissa biex jippromwovu l-kooperazzjoni dwar it-taxxa u standards komuni fuq bażi ġeografika usa' possibbli. Issa huwa żmien tajjeb biex l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jaħdmu flimkien u jinkoraġixxu u jappoġġjaw ix-xejra li issa bdiet lejn aċċettazzjoni usa' ta' standards internazzjonali dwar il-kooperazzjoni dwar it-taxxa.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta serje ta' passi biex jippromwovu governanza tajba fil-qasam tat-taxxa biex ikunu kkunsidrati, li fihom azzjonijiet kemm fi ħdan kif ukoll barra mill-UE u kemm fuq livell tal-UE kif ukoll fuq livell ta' Stat Membru individwali. Il-Kummissjoni temmen li:

- Jekk il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa titjieb internament, l-Istati Membri tal-UE se jibbenefikaw u b'hekk jissaħħaħ l-argument biex ġurisidizzjonijiet oħrajn jidħlu f'kooperazzjoni amminstrattiva iktar effiċjenti u effettiva mal-UE. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jadottaw kemm jista' jkun malajr, il-proposti tal-Kummissjoni għal Direttivi dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, l-assistenza reċiproka fl-irkupru tat-taxxi u t-taxxa tat-tfaddil u jkomplu jagħtu l-prijorità xierqa lill-eliminazzjoni ta' skemi tat-taxxa tan-negozju dannużi.

- konsistenza u koordinazzjoni tal-politika imtejba fuq livell tal-UE tgħin fil-promozzjoni ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fuq bażi ġeografika usa', bil-għan li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u l-ġurisdizzjonijiet sħab tagħha, jkun akkumpanjat minn ftehim dwar prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa segwit minn ftehimiet ta' kooperazzjoni dwar it-taxxa fejn xieraq. L-UE għandha wkoll tfittex approċċ globali iktar koordinat ben id-donaturi fir-rigward ta' politiki ta' koerenza.

- b'kunsiderazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, hemm bżonn li tiġi żgurata iktar koerenza bejn il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri individwali fil-qasam tat-taxxa internazzjonali u l-prinċipji ta' governanza tajba miftehma, bħal ma huma trattati bilaterali dwar it-taxxa ma' pajjiżi terzi u f'fora internazzjonali. Dan jeħtieġ grad ta' koordinazzjoni ogħla fl-livell tal-UE sabiex jiżgura li l-ispinta lejn kooperazzjoni dwar it-taxxa iktar miftuħa u kostruttiva tkompli għaddejjafuq livell globali.

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tkompli djalogu kostruttiv mal-partijiet konċernati kollha b'konnessjoni mal-prinċipji u l-implimentazzjoni prattika tal-miżuri identifikati f'din il-Komunikazzjoni, u ser tirrevedi u tirrapporta dwar is-sitwazzjoni fl-2010.

Il-Kummissjoni temmen li l-ispinta li ngħatat mill-Mexxija tal-G20 meta ressqu 'l quddiem il-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-taxxa għandha tinżamm u ddikjarat li hija lesta li tgħin lill-Istati Membri fit-tressiq ta' istruzzjonijiet xierqa fil-kuntest tal-politika dwar governanza tajba fil-qasam tat-taxxa.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jadotta dawn l-orjentazzjonijiet ta' politika u jieħu azzjoni biex jiżgura l-implimentazzjoni tagħhom bla dewmien.

[1] “Globalisation: Trends, Issues and Macro Implications for the EU”, (Il-Globalizzazzjoni: Xejriet, Kwestjonijiet u Implikazzjonijiet Makri għall-UE", Dokument Ekonomiku DG-ECFIN, Nru 254 (Brussell: Kummissjoni Ewropea 2006).

[2] Rimarki minn Agel Gurria, Segretarju-Ġenerali tal-OECD, waqt il-Konferenza dwar il-Ġlieda Kontra l-Evitar u l-Evażjoni tat-Taxxa Internazzjonali, Pariġi. Franza, 21 ta' Ottubru 2008.

[3] Id-Dokument tal-Kunsill 16095/1/08 REV 1

[4] http://www.oecd.org/dataoecd/38/14/42497950.pdf

[5] http://ec.europa.eu/internal_market/score/relateddocs/index_en.htm

[6] Id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977, kif emendata bid-Direttiva 2004/56/KE tal-21 ta' April 2004.

[7] Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/ KE tas -26 ta' Mejju 2008.

[8] Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta' Ġunju2003

[9] http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/company_tax/harmful_tax_practices/index_en.htm#code_conduct

[10] (i) Notifika tal-Kummissjoni 98/C 384/03, Ġurnal Uffiċjali C 384, 10/12/1998 p. 3 ; (ii) "Rapport dwar l-implimentazzjoni tan-notifika tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna mill-istat għal miżuri relatati mat-tassazzjoni diretta tan-negozju", K(2004) 434, 9/2/2004.

[11] Kif iddefinit fir-rapport tal-1998 "Kompetizzjoni tat-taxxa dannuża: kwestjoni globali emerġenti". L-OECD telenka erba' fatturi prinċipali biex tiddetermina jekk ġurisdizzjoni hiex rifuġju fiskali – i) il-ġurisdizzjoni ma timponi ebda taxxa jew biss taxxa nominali, ii) hemm nuqqas ta' trasparenza; iii) hemm liġijiet jew prattiċi amministrattivi li ma jħallux l-iskambju effettiv tal-inforomazzjoni għal raġunijiet ta' taxxa ma' gvernijiet oħra dwar individwu li jħallas it-taxxa li jibbenefika minn nuqqas ta' tassazzjoni jew tassazjoni nominali; iv) hemm nuqqas tal-ħtieġa li l-attività tkun sostanzjali.

[12] Id-Dikjarazzjoni ta' Doha, 29 ta' Novembru sa 2 ta' Diċembru 2008.

[13] Komunikazzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Prattiċi ħżiena Korporattivi u Finanzjarji (COM(2004)611), dwar il-pajjiżi tal-Karibew (COM(2006)86), dwar il-pajjiżi tal-Paċifiku (COM(2006)248), dwar Hong-Kong u l-Makaw (COM(2006)648, dwar il-Governanza u l-Iżvilupp (COM(2006)421 u dwar il-kompetiittività tal-UE (COM(2006)567).

[14] Id-Dokument tal-Kunsill 16095/1/08 REV 1

[15] L-Iżvizzera, Liechtenstein, San Marino, Monaco u Andorra.

[16] http://ec.europa.eu/development/geographical/methodologies/strategypapers10_en.cfm

[17] Antigua u Barbuda, il-Bahamas u l-Liberja ma ħadux impenji dwar kwestjonijiet tat-taxxa taħt l-għaxar Fond ta' Żvilupp Ewropew.

[18] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 10.

[19] COM(2009) 29 tat-2 ta' Frar 2009.

[20] COM(2009) 28 tat-2 ta' Frar 2009.

[21] KUMM(2008) 727 tas-13 ta’ Novembru 2008.

[22] San Marino hija impenjata sa mis-sena 2000.

[23] http://www.londonsummit.gov.uk/resources/en/PDF/annex-strengthening-fin-sysm