52009DC0188

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2008 {SEC(2009) 511} {SEC(2009) 512} {SEC(2009) 513} {SEC(2009) 514} {SEC(2009) 515} {SEC(2009) 516} {SEC(2009) 517} {SEC(2009) 518} {SEC(2009) 519} {SEC(2009) 520} {SEC(2009) 521} {SEC(2009) 522} {SEC(2009) 523} /* KUMM/2009/0188 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.4.2009

KUMM(2009) 188 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2008

{SEC(2009) 511}{SEC(2009) 512}{SEC(2009) 513}{SEC(2009) 514}{SEC(2009) 515}{SEC(2009) 516}{SEC(2009) 517}{SEC(2009) 518}{SEC(2009) 519}{SEC(2009) 520}{SEC(2009) 521}{SEC(2009) 522}{SEC(2009) 523}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl- 2008

1. IL-KUNTEST STRATEġIKU – SENA TA' KRIżIJIET

L-2008 kienet sena iebsa għall-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. L-aħħar xhur tagħha kienu immarkati bi kriżijiet li jistgħu jippreżentaw sfidi fit-tul għal din il-politika ewlenija tal-UE. Faqqgħu żewġ kunflitti vjolenti: il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ġorġja f'Awwissu 2008 u l-intervent Iżraeljan f'Gaża f'Diċembru 2008/Jannar 2009. F'għeluq is-sena msieħba tal-Lvant u l-UE batew qtugħ fil-provvista tal-gas b'riżultat ta' tilwima bejn l-Ukraina u r-Russja. Fl-aħħar nett, iż-żona kollha tal-PEV, partikolarment il-Lvant, kienet affetwata mill-kriżi finanzjarja u ekonomika globali li dejjem qed tiżdied. Dan il-kuntest xejn favorevoli jenfasizza l-bżonn għal appoġġ iktar attiv u tanġibbli mill-UE għall-Viċinat biex jippromwovi l-prosperità, l-istabbilità u s-sigurtà fuq bażi reċiproka.

Minkejja l-ambjent b'mod ġenerali diffikultuż, l-imsieħba għamlu progress sinifikanti fuq l-implimentazzjoni tal-PEV f'bosta oqsma prinċipali, b'hekk jirriflettu r-rwol tal-politika bħala katalista għar-riforma. Numru ta' msieħba avvanzaw f'negozjati kummerċjali, riforma tat-taxxa u tad-dwana u fil-politika dwar il-kompetizzjoni. L-ambjent tan-negozju tjieb ukoll f'numru ta' pajjiżi, f'ċertu każijiet marbuta mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Madanakollu l-korruzzjoni tibqa' kwistjoni sinifikanti f'diversi pajjiżi. Kollox ma kollox ir-ritmu tar-riforma naqas partikolarment fir-riforma demokratika u l-istandards tad-drittjiet tal-bniedem. Din il-Komunikazzjoni tipprovdi deskrizzjoni qasira u ġenerika ta' dawn l-iżviluppi. Hija wkoll temfasizza l-impatt tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fuq il-pajjiżi sħab u tiproponi numru ta' modi kif l-istrumenti tal-PEV jistgħu jikkontribwixxu għall-proċess ta' rkupru.

L-approfondiment gradwali tal-PEV kompla matul l-2008, skont il-proposta tal-Kummissjoni f'Diċembru 2007[1] kif ukoll mal-iżviluppi taż-żewġ inizzjattivi ġodda: f'Lulju tnediet l-Unjoni għall-Mediterran wara Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u f'Diċembru l-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għal Sħubija tal-Lvant ambizzjuża. Dawn l-inizzjattivi ewlenin ikomplu isaħħu l-PEV u jikkumplimentaw inizjattivi eżiżtenti bħas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed.

Iktar informazzjoni ddettaljata tista' tinsab fir-Rapporti dwar il-Progress pajjiż b'pajjiż u fir-Rapport ta' Progress Settorjali anness. Il-qafas tal-PEV jipprovdi approċċ oġġettiv u koerenti. Ir-rapporti jirrifflettu differenzi fis-sekwenzar u l-prioritizzazzjoni tar-riformi skont il-Pjan ta' Azzjoni maqbul bilateralment[2], kif ukoll diversità bejn l-imsieħba.

2. ŻVILUPPI FIR-RELAZZJONIJIET BILATERALI

L- Armenja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV. Madanakollu għadha qed titħabat mal-konsegwenzi ta' kriżi interna b'riżultat tal-elezzjonijiet presidenzjali ta' Frar 2008 li wasslu għal stat ta' emerġenza u għal tħassib dwar l-istandards demoktratiċi u d-drittiijiet tal-bniedem, notament fil-qasam tal-libertà tal-medja. Din il-kriżi seħħet f'kuntest ta' progress kostanti matul l-aħħar snin. Fl-2008 ittieħdu passi importanti biex itejbu t-trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-gvern, notament il-kooperazzjoni tal-Gvern mal-NGOs u s-socjetà ċivili, għalkemm għad jonqos xi jsir. L-Armenja għamlet progress fil-kooperazzjoni reġjonali u fid-djalogu mal-pajjiżi ġirien. Hija anke allinjat ruħha b'mod ġenerali mad-dikjarazzjonijiet tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u hija ġeneralment attiva f'kooperazzjoni fil-kwistjonijiet relatati mal-PESK. Sar progress fir-riformi tat-taxxa u d-dwana, fis-servizzi finanzjarji, fil-poilitika tal-kompetizzjoni, fil-politika soċjali u fit-tnaqqis tal-faqar. L-Armenja kompliet bil-kooperazzjoni tagħha mal-UE fuq kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, inkluż preparamenti għall-possibilità ta' ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv (DCFTA) fil-futur. Il-ftuħ ta' Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f'Yerevan fi Frar 2008 kompliet saħħet ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Armenja.

L- Ażerbajġan , bħas-sena l-oħra, għamel biss progress limitat fil-qasam tal-governanza demokratika. L-Elezzjonijiet Presidenzjali f'Ottubru 2008 urew progress biex jintlaħqu l-impenji tal-OSCE (Organizzazzjoni għas-Sigurta u Kooperazzjoni fl-Ewropa) iżda kien hemm nuqqasijiet fil-proċess elettorali. Sar xi progress fil-qasam ġudizzjarju, madanakollu l-indipendenza tiegħu tibqa' raġuni ta' tħassib. Kien hemm żviluppi negattivi fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. F'Diċembru 2008 deċiżjoni tal-Kunsill Nazzjonali tat-TV u r-Radju li ma jestendiex il-liċenzja ta' xandâra barranin biex jittrażmettu fuq frekwenzi lokali kompliet tillimita l-pluraliżmu tal-medja. Fil-qasam tal-kummerċ, l-Ażerbajġan ġie vvalutat mill-Bank Dinji bħala wieħed minn ta' quddiem fid-dinja fir-riforma. L-ambjent makroekonomiku kien favorevoli bi tkabbir ekonomiku b'saħħtu, prinċipalment minħabba l-prezz għoli taż-żejt u l-gass, partikolarment fl-ewwel nofs tal-2008. L-Ażerbajġan kompla bin-negozzjati għall-adeżjoni tiegħu fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Sar progress siewi fil-kuntest ta' Memorandum ta' Ftehim tal-2006 fuq sħubija strateġika fil-qasam tal-enerġija u dwar l-infurzar tar-rwol tiegħu bħala produttur tal-enerġija. Wara l-perjodu ta' rappurtaġġ, fl-2009, deheru xi sinjali inkoraġġanti, notament bir-ratifikazzjoni tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u bl-irtirar tal-akkużi ta' libell kontra difensur tad-drittijiet tal-bniedem. Il-ftuħ ta' Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f'Baku fi Frar 2008 kompliet saħħet ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Ażerbajġan.

Sar pass il-quddiem fil-kunflitt ta' Nagorno-Karabakh, minkejja t-tensjoni għolja li teżisti, bl-ewwel dokument iffirmat b'mod konġunt mill-President tal-Ażerbajġan u l-Armenja sa mill-1994. L-UE tkompli bl-appoġġ tagħha għal soluzzjoni tal-kunflitt fil-qafas tal-Grupp ta' Minsk tal-OSCE.

Impenn b'saħħtu għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni bejn l- Eġittu u l-UE deher fl-oqsma soċjali, ekonomiċi u fir-riformi settorjali, għalkemm inqas impenjat fir-riforma politika. Fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, sar progress sinifikanti fejn jidħlu d-drittijiet tan-nisa u tat-tfal waqt li baqa' ħafna xi jsir f'aspetti oħra. Inkiseb progress fir-riforma ekonomika, partikolarment fuq l-armonizzazzjoni fiskali u l-politika monetarja u fuq il-liberalizzazzjoni ekonomika ġenerali, li kienet appoġġata mit-twaqqif ta' qrati ekonomiċi ta' azzjoni rapida. Tnedew negozjati dwar il-kummerċ fuq il-liberalizzazzjoni gradwali tas-servizzi kummerċjali u d-dritt ta' stabbiliment u ġew konklużi dawk fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti proċessati tal-agrikoltura u s-sajd. Il-progress dwar ir-riforma tas-suq u dawk regolatorji kien limitat, prinċipalment iffukat fuq titjieb fl-ambjent tan-negozju għall-SMEs u l-amministrazzjoni tad-dwana u l-kapaċitajiet operattivi tagħha. L-Eġittu issieħeb ukoll fin-Netwerk Ewropew tal-Intrapriża. Sar progress fuq il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija bl-iffirmar ta' Memorandum ta' Ftehim bejn l-Eġittu u l-UE dwar sħubija strateġika fuq l-enerġija. Fil-qasam tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali, seta' jiġi nnotat progress limitat fuq il-liġijiet tax-xogħol. Progress sinifikanti kien jidher fil-promozzjoni ta' aċċess għall-edukazzjoni primarja. Ġie wkoll irrapurtat progress fuq ir-riforma fil-qasam tas-saħħa, inkluż aċċess għall-kura primarja tas-saħħa. Fir-raba' laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu f'April 2008 l-Eġittu ssottometta proposti biex itejjeb ir-relazzjoni mal-UE.

Fil- Ġorġja , l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV kien serjament affetwat minn avvenimenti eċċezzjonali. Matul l-2008, ir-Russja ħadet numru ta' passi unilaterali bil-għan li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mar-reġjuni separatisti tal-Ġorġja, l-Abkażja u l-Ossezja t' Isfel, waqt li żiedet il-preżenza militari tagħha notament. Sekwenza ta' inċidenti militari u provokazzjonijiet laħqu l-qofol tagħhom f'Awwissu 2008 fil-bidu ta' kunflitt armat mar-Russja fuq il-kontroll tal-Ossezja t'Isfel, li wassal għal mijiet ta' vittmi, l-isfrattu ta' madwar 192,000 persuna u ħsara ambjentali sostanzjali, li ħalla 7,000 suldat Russu fuq it-teritorju tal-Ġorġja. Ir-rikonoxximent li segwa mir-Russja tal-indipendenza awtodikjaratà ta' żewġ entitajiet separitisti marret kontra s-sovranità tal-Ġorġja u kkumplikat ir-reżoluzzjoni paċifika u sostenibbli tal-kunflitti. Bl-għajnuna tal-UE kien konkluż ftehim għall-waqfien mill-ġlied, u l-Kunsill Ewropew wera appoġġ konkret għall-integrità tat-teritorju tal-Ġorġja. Fl-istess zmien, żewġ elezzjonijiet suċċessivi kkuntestati ġibdu l-attenzjoni fuq il-bżonn li tingħata spinta ġdida lir-riformi demokratiċi u li jiġi inkoraġġut il-pluraliżmu politiku, konformi mal-aġenda ambizzjuża għar-riformi li segwew mir-"Rivoluzjoni tal-Ward". Minkejja l-kuntest diffikultuż, il-Ġorġja għamlet xi progress fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV, b'kisbiet notevoli fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja u titjieb fil-klima tan-negozju u l-investment u l-amministrazzjoni tad-dwana. Miżuri konkreti huma neċessarji b'rispett għal-liġi tax-xogħol, id-drittijiet fuq ix-xogħol u d-djalogu soċjali. Il-Ġorġja kompliet tikkoopera mal-UE fuq kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, inkluż preparamenti għall-DCFTA possibli. Il-Ġorġja kompliet ukoll tikkoopera fil-qasam tal-ġustizzja, libertà u sigurta bħala bażi għan-negozjati bejn l-UE u l-Ġorġja dwar il-faċilitàzzjoni tal-viża u l-ftehimiet ta’ riammissjoni.

Wara talba mill- Iżrael li jiġu aġġornati r-relazzjonijiet bilaterali, il-kooperazzjoni skont il-Pjan ta' Azzjoni eżistenti ġiet estiża f'April 2008. Dan provda iktar żmien biex jiġi diskuss il-kontenut tad-dokument li jsegwi. L-Iżrael għamel progress fuq numru kbir ta' prioritajiet tal-Pjan ta' Azzjoni. Jinħtieġu aktar sforzi biex tiġi indirizzata d-diskrepanza dejjem tikber kawża tal-faqar u titjieb tas-sitwazzjoni tal-minoranza GĦarbija billi jiġu adottati miżuri dwar l-impiegi, id-drittijiet tan-nisa, l-inklużjoni soċjali u l-amministrazzjon pubblika. Kienu mnedija negozjati dwar il-kummerċ fuq il-liberalizzazzjoni gradwali tas-servizzi kummerċjali u d-dritt ta' stabbiliment u kienu konklużi dawk fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti proċessati tal-agrikoltura u s-sajd. Fil-każ tat-trasport, Il-Komunità Ewropea u l-Iżrael iffirmaw ftehim orizzontali dwar l-avjazzjoni u bdew in-negozzjati għal ftehim komprensiv dwar l-avjazzjoni. Il-Kummssjoni u l-Iżrael iffirmaw ukoll Dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni u d-djalogu fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ u, f'April 2008, Protokoll fuq il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Iżrael fil-programmi tal-Komunità.

Kwalunkwe reviżjoni tar-relazzjonijiet bilatereali UE-Iżrael, inkluż fil-kuntest tal-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV li jmiss trid tikkunsidra l-kunflitt Iżraeljan-Għarbi u l-iżviluppi politiċi ġenerali fil-Lvant Nofsani. It-tkabbir kontinwu u saħansitra mgħaġġel tal-insedjamenti fl-2008 kellu impatt negattiv kemm fuq il-proċess ta' paċi kif ukoll fuq l-aċċess u l-moviment għall-poplu Palestinjan u fuq l-ekonomija. Dan kompla jitgħarraq bin-nuqqas ta' progress fuq numru ta' impenji li ttieħdu fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni, bħal ma hu l-iffaċilitàr tal-kummerċ Palestinjan. It-twaqqigħ ta' djar Palestinjani li ma kellhomx permess tal-bini f'Żona Ċ ( li tinkludi żoni taħt il-kontroll esklussiv Iżraeljan) tax-Xatt tal-Punent reġa' beda fl-aħħar tliet xhur tal-2008 wara moratorju de facto ta' sitt xhur. It-tnedija tal-Operazzjoni Ċomb Maħdum f'Gaza fi tmiem il-perjodu ta' reportaġġ kompliet iggravat il-kuntest politiku u ħażżnet b'mod drammatiku s-sitwazzjoni tal-populazzjoni Palestinjana, li kienet diġa mfaqqra qabel l-offensiva minnħabba l-imblokk totali tal-Istrippa ta' Gaza.

Il- Ġordan huwa sieħeb attiv u kostruttiv tal-PEV. Sar progress fir-riforma penitenzjarja, fit-trasparenza u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Madanakollu, ma kienux osservati l-ebda avanzi sinifikanti fl-indipendenza tal-ġudikatura jew fil-libertà tal-assoċjazzjoni. Progress tajjeb sar lejn il-liberalizzazzjoni tal-ekonomija u ż-żieda tal-kompetizzjoni f'setturi bħal ma huma l-kommunikazzjoni elettronika u l-enerġija u fil-governanza ambjentali. Iktar leġiżlazzjoni hija neċessarja biex jitjieb l-ambjent tan-negozju. Madanakollu, progress limitat sar fuq l-aġenda tal-kummerċ. Barra minn hekk, strateġija komprensiva biex tnaqqas il-faqar għad trid tiġi implimentata u d-diskrepanza bejn sinjuri u fqar qed tkompli tikber. F'Novembru 2008 il-Ġordan wera x-xewqa li jasal għal intensifikazjoni kwalitattivà u kwantitattivà tal-iskambji politiċi mal-UE fuq firxa wiesa' ta' sfidi komuni politiċi u ta' sigurtà.

Wara t-tmiem tal-kunflitt militari bejn l-Iżrael u l- Hezbollah fl-2006, il- Libanu daħal fi staġnar politiku għal tul ta' żmien. Fl-aħħar f'Mejju 2008 intlaħaq ftehim bejn il-fazzjonijiet rivali, li wassal għat-tmiem ta' 19-il xahar ta' kriżi. Gvern ta' għaqda nazzjonali kien iffurmat f'Lulju 2008. Is-sitwazzjoni politika diffikultuża matul is-sena naqqset ir-ritmu ta' implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni. Minkejja t-titjieb istituzzjonali, staġnar leġiżlattiv wassal biex l-ebda proposta leġiżlattiva ma setgħet tiġi diskussa. Bosta riformi (inkluż il-politika dwar il-kompetizzjoni u l-VAT) ġew miftehma mill-Kunsill tal-Ministri iżda ma setgħux jidħlu fis-seħħ. Il-progress f'oqsma oħra (id-drittijiet umani, ir-riforma ġudizzjarja, ir-riforma fis-settur soċjali, u r-riformi regolatorji u amministrattivi) ukoll mexa bil-mod. Din is-sitwazzjoni kellha impatt fuq is-sitwazzjoni soċjali, ekonomika u politika ġenerali fil-pajjiż u fuq id-djalogu fil-qafas tal-PEV. L-ewwel pass lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mas-Sirja ttieħed f'Ottubru 2008 bit-twaqqif ta' relazzjonijiet diplomatiċi. Il-ħidma tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Investigazzjoni Internazzjonali kompliet matul il-perjodu ta' rappurtaġġ. Il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet l-appoġġ għall-ħolqien tat-Tribunal Speċjali għal-Libanu fl-Aja.

Ir-Repubblika tal-Moldova (minn hawn ’il quddiem "Moldova") għamlet progress f'numru ta' oqsma tal-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV, bir-riforma kontinwa tas-sistema ġudizzjarja, il-pubblikazzjoni ta' rapporti tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u l-kooperazzjoni pożittiva mal- Missjoni ta' Assistenza fil-Fruntiera tal-UE (EUBAM). Il-Moldova kompliet ukoll tikkoopera mal-UE fuq kwistjonijiet relatati mal-isforzi ta’ soluzzjoni tat-Transnistrija, inkluż fuq miżuri għat-trawwim ta' fiduċja mmirati biex itejbu d-djalogu fil-livell lokali u żgurat implimentazzjoni korretta tal-kondizzjonijiet biex jittieħed benefiċċju mill-Preferenzi Awtonomi ta' Kummerċ tal-UE. Ftehim għal sħubija għall-mobilità bejn l-UE u l-Moldova kien iffirmat. F'Novembru 2008, tnedew in-negozjati fuq id-dħul tal-Moldova fit-trattat Komunitarju dwar l-Enerġija, b'hekk ġie rifless progress sostanzjali fir-riforma fis-settur tal-enerġija Madanakollu, l-ebda jew progress limitat sar fuq uħud mill-prioritajiet ewlenin, bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-libertà tal-kelma. L-istess jista' jingħad għal kwistjonijiet tas-suq u dawk regolatorji, l-implimentazzjoni ta' strateġiji nazzjonali kontra l-korruzzjoni, id-drogi u t-traffikar tan-nies, u f'setturi bħat-trasport. L-adozzjoni ta liġi elettorali modifikata tikkostitwixxi rigress. Rapport fuq l-elezzjonijiet li saru f'April 2009 isir is-sena d-dieħla.

Il- Marokk ikompli jkun sieħeb attiv u kostruttiv tal-PEV u għamel progress f'numru ta' oqsma tal-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV. Għalkemm ir-riformi biex javvanzaw d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem setgħu jkunu aktar ambizzjużi, madanakollu progress sar, pereżempju bl-adozzjoni tal-kodiċi elettorali l-ġdid li jsaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa, miżura biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-adeżjoni għall-konvenzjonijiet tal-NU. Madanakollu, nuqqasijiet persistenti fil-funzjonament tal-ġudikatura huma ta' riskju għar-riformi li ġew imnedija. Għad hemm ostakli għal-libertà tal-istampa. Id-djalogu mal-UE f'uħud mis-setturi sensittivi kompla jintensifika, notament fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-kooperazzjoni fuq il-ġestjoni tal-fruntieri. In-Negozjati dwar il-ftehim ta' riammissjoni ma mxewx 'il quddiem daqs kemm kien mistenni. Sar progress fin-negozjati dwar il-kummerċ fuq il-liberalizazzjoni gradwali tal-kummerċ fis-servizzi u fuq id-dritt ta' stabbiliment u dwar l-agrikoltura, il-prodotti proċessati tal-agrikoltura, il-ħut u prodotti tas-sajd. Il-gvern maħtur wara l-elezzjonijiet tal-2007 beda gradwalment numru ta' riformi ekonomici strutturali, minkejja klima ekonomika xejn favorevoli. Fil-qasam tal-politika soċjali, jidhru sinjali ta' titjieb: il-proporzjon tal-popolazzjoni li jgħixu fil-faqar naqas kemm kemm, u l-fondi allokati għall-edukazzjoni u l-qasam tas-saħħa għolew u kien hemm titjieb sostanzjali fil-provvista tal-ilma u l-infrastruttura sanitarja. Iżda l-impjieg tat-tfal ikompli u l-qgħad fiż-żagħżagħ jibqa' raġuni għal tħassib. Fil-Laqgħa tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni f'Ottubru 2008, il-Marokk u l-UE adottaw dokument konġunt, ippreparat mill-grupp ta' ħidma ad hoc , dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali fil-forma ta' "Pjan Direzzjonali għall-Istatus Avvanzat" li ser jkun implimentat fis-snin li ġejjien. Il-grupp ta' ħidma ser jirraporta lill-laqgħa li jmiss tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

Għall- Awtorità Palestinjana l-2008 rat progress f'bosta oqsma li jaqgħu taħt il-Pjan ta' Azzjoni u l-AP ħadet passi kredibbli biex timplimenta l-"Pjan ta' Riforma u Żvilupp Palestinjan" tagħha. L-iktar progress notevoli sar fil-konsolidazzjoni tal-baġit u r-riforma tas-settur tas-sigurtà. Fl-isfera ekonomika, kien osservat rigress drammatiku fl-iżvilupp tas-settur privat f'Gaza, fejn għajnuna umanitarja minima biss tħalliet tgħaddi minn dak li altrimenti kien imblokk totali. L-iżvilupp ekonomiku fix-Xatt tal-Punent kien ukoll serjament imfixkel mill-okkupazzjoni Iżraeljana li ma qatgħatx u r-restrizzjonijiet persistenti fuq il-moviment u l-aċċess. Għalhekk, tkabbir ekonomiku kumplessiv fit-territorju okkupat tal-Palestina baqa' dgħajef (taħt it-2%) u ferm taħt it-tkabbir demografiku, minkejja l-injezzjoni massiva ta' ffinanzjar mid-donaturi. Ir-riforma politika u l-bini istituzzjonali wkoll qalgħu daqqa ta' ħarta b'riżultat tal-qasma bejn ix-Xatt tal-Punent u Gaza. Bosta attentati għar-rikonċiljazzjoni bejn il-fazzjonijiet fallew u wasslu għad-deterjorazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fuq iż-żewġ naħat tat-teritorju. L-attività leġiżlattiva kienet limitata, minħabba li l-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan ma setgħax jiltaqa'.

Is-Sena għalqet b'wieħed mill-agħar kapitli tal-kunflitt Iżraeli-Palestinjan. Madanakollu, dan jiġi analizzat f'iktar dettal fir-rapport ta' progress li jmiss.

Kollox ma kollox, it- Tuneżija qed tipparteċipa attivament fl-PEV. Fil-qasam tad-demokrazjija u d-drittijiet tal-bniedem, id-djalogu fis-sottokumitati relevanti kompla jiżviluppa, iżda l-isfidi jibqgħu fl-implimentazzjoni tal-oġġettivi mifthema, notament fil-libertà ta' assoċjazzjoni u tal-kelma. Riforma fis-sistema ġudizzjarja hija neċessarja biex issaħħaħ l-istat tad-dritt, element li se jkun essenzjali biex iqarreb lit-Tuneżija lejn l-UE. Id-djalogu li nbeda fil-qafas tas-sottukumitat dwar il-Ġustizzja u s-Sigurtà għandu jiftaħ it-triq għall-kooperazzjoni eqreb fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kimininalità organizzata, fuq il-ġestjoni tal-fruntiera u fuq kwistjonijiet ta' migrazzjoni. Sar progress sinifikanti fuq ir-riformi ekonomiċi u regolatorji, li wassal għat-tkabbir tal-ekonomija Tuneżina u tal-Kummerċ mal-UE. Hekk kif it-Tuneżija kompliet l-isforzi tagħha fil-qasam tal-politika soċjali, ir-riżultati fl-oqsma tas-saħħa, edukazzjoni, ġlieda konta l-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa huma inkoraġġanti iżda jonqos xi jsir. It-Tuneżija hija l-ewwel imsieħba fir-reġjun li daħlet fiż-żona għall-kummerċ ħieles għall-prodotti industrijali fl-1 ta' Jannar 2008, sentejn qabel l-iskeda oriġinali. Hija ukoll l-ewwel waħda li kkonkludiet in-negozjati fuq il-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni ta' tilwim fil-qasam tal-ftehim ta' Assoċjazzjoni, u bdiet il-Protokoll f'Lulju 2008 Bdew in-negozjati dwar il-liberalizazzjoni gradwali tal-kummerċ fis-servizzi, fuq id-dritt ta' stabbiliment, kif ukoll dwar il-kummerċ fl-agrikoltura, il-prodotti proċessati tal-agrikoltura u l-ħut u l-prodotti tas-sajd. Fil-laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni f'Novembru, it-Tuneżija wriet interess fi sħubija msaħħa fuq l-istess linji tal-Istatus Avvanzat mal-Marokk. L-UE indikat ir-rieda tagħha li taħdem attivament fuq dan.

L- Ukraina għamlet progress f'ħafna oqsma koperti mill-Pjan ta' Azzjoni. Madanakollu, ir-ritmu ta' riforma naqas minħabba instabbilità domestika kontiwa u, fit-tieni parti tas-sena, minħabba l-kriżi globali finanzjarja u ekonomika li dejjem tikber. L-Ukraina ma għamlet l-ebda jew progress limitat fl-implimentazzjoni tal-miżuri ewlenin għar-riforma politika inkluż ir-riforma kostituzzjonali u ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Kisbiet ewlenin waqt il-perjodu ta' rappurtaġġ kienu d-dħul tal-Ukraina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Mejju 2008, il-progress tajjeb fin-negozjati fuq il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina, inkluż dawk l-aspetti relatati mal-ftehim profond u komprensiv għal Żona ta' Kummerċ Ħieles, it-tnedija f'Ottubru ta' djalogu fuq il-viża bil-għan li jiġi stabbilit reġim ħieles mill-viża bħala perspettiva fit-tul u l-kooperazzjoni pożittiva kontinwa mal-Missjoni ta' Assistenza fil-Fruntiera tal-UE (EUBAM). Il-kooperazzjoni fuq affarijiet relatai mal-PESK kienet pożittiva wkoll, bl-Ukraina tallinja ruħha ma' kważi l-pożizzjoniet kollha tal-PESK miftuħa għall-alinjament. F'Diċembru 2008 l-Ukraina u s-servizzi tal-Kummissjoni ffirmaw arranġament amministrattiv ġdid fuq kooperazzjoni eqreb fil-qasam tal-protezzjoni ċivili. F'Novembru, in-negozjati tnedew għad-dħul tal-pajjiż fit-Trattat Komunitarju għall-Enerġija. Il-kooperazzjoni fuq l-enerġija kompliet titjieb fil-kuntest tal-Memorandum ta' Ftehim dwar l-Enerġija.

Ir-relazzjonijiet ma pajjiżi oħra tal-PEV evolvew pożittivament matul l-2008. Pjan ta' Direzzjoni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal- Alġerija ġie maqbul mal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni f'Settembru. Wara l-ħelsien tal-priġunieri politiċi li kien fadal, il-projbizzjoni tal-viża għal uħud mill-membri tal-Gvern tal- Belarus ġiet sospiża għal perjodu ta' sitt xhur. In-negozjati għall-Ftehim Qafas mal- Libja bdew f'Novembru 2008, u Ftehim ta' Assoċjazzjoni aġġornat mas- Sirja kien mibdi f'Diċembru 2008.

3. OQFSA ġODDA BIEX ISAħħU L-PEV

Fl-2008, l-Unjoni Ewropea kompliet issaħħaħ sostanzjalment ir-relazzjonijiet tagħha mal-ġirien b'oqfsa ġodda li jikkumplimentaw ir-relazzjonijiet bilaterali differenzjati. Daqstant ieħor, l-implimentazzjoni kontinwa tal-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE li tkopri ħames mill-pajjiżi tal-PEV, tikkontribwixxi għall-istess għanijiet bis-sħubija ffukata tagħha orjentata lejn ir-riżultati.

Unjoni għall-Mediterran lejn sħubija iktar viżibbli.

Is-Summit ta' Pariġi ta' Lulju 2008 nieda l-Unjoni għall-Mediterran (UfM) bil-għan li jipprovdi stimulu politiku ġdid għar-relazzjoni kritika tal-UE mal-imsieħba Mediterranji tagħha, jipprovdi responsabbiltà komuni akbar u jagħmel ir-relazzjoni iktar konkreta u viżżibli bi proġetti reġjonali u sottoreġjonali, billi jibni fuq il-kisbiet tal-proċess ta' Barċellona. Fir-rigward tad-disinn dettaljat, il-UfM[3] ipproponiet li jitwaqqaf Segretarjat orientat lejn il-proġetti Fil-laqgħa ministerjali tal-UfM f'Novembru, ġiet deċiża l-lokalità tiegħu (Barċellona) u ntlaħaq ftehim fuq il-parteċipazzjoni tal-Lega tal-Istati Għarab, fil-laqgħat kollha ta' kwalunkwe livell. Kien ukoll maqbul li jitwaqqaf Uffiċċju ta' Komunikazzjoni u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Lega Għarbija f'Malta.

L-ewwel set ta' proġetti li għandhom jiġu żviluppati skont din l-inizjattiva jinkludu l-qirda tat-tniġġis fil-baħar Mediterran, it-twaqqif ta' rotot prinċipali fil-baħar u fuq l-art, inizjattivi ta' protezzjoni ċivili biex ikunu miġġielda diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem, pjan tal-Mediterran dwar l-enerġija solari, l-inawgurazzjoni tal-Università Ewro-Mediterranja fis-Slovenja u l-Inizjattiva Mediterranja għall-Iżvilupp tan-Negozju li tiffoka fuq intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju.

Is-sinerġija tal-Baħar l-Iswed: l-ewwel sena ta' implimentazzjoni[4]

Fi Frar 2008 saret laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet barranin f'Kyviv. L-istqarrija konġunta adottata tidentifika l-oqsma fejn hemm bżonn ta' azzjoni fuq livell reġjonali inklużi l-enerġija, it-trasport, il-kommunikazzjoni, il-kummerċ, l-ambjent, politika marittima, sajd, migrazzjoni, l-infurzar tal-liġi u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed qanqlet ukoll ħafna interess min-naħa tal-ONG. L-ewwel minn sensiela ta’ seminars fuq is-soċjetà ċivili fl-ambitu tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed dwar id-drittijiet tal-bniedem sar f’Mejju 2008 fil-Moldova. Ġiet imwaqqfa pjattaforma dwar il-migrazzjoni.

Il-Kummissjoni nediet taħdidiet esploratorji mal-pajjiżi fir-reġjun dwar l-estensjoni tas-sistemi ta' trasport trans-Ewropej, u saret laqgħa ministerjali dwar it-trasport f'Baku f'Diċembru 2008. Il-Kummissjoni żiedet l-enfażi tagħha fuq is-sigurezza u s-sigurtà tal-baħar u bdiet timplimenta l-kunċett tar-Rotot Prinċipali tal-Baħar fil-Baħar l-Iswed. Ix-xogħol beda wkoll fuq l-estensjoni tal-Ispazju Komuni għall-Avjazzjoni fil-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed. Il-Kummissjoni bdiet tiprrepara għall-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed kontra it-Tniġġiż (il-Konvenzjoni ta' Bukarest). Il-Bulgarija u r-Romanija resqu proposti formali biex jemedaw il-Konvenzjoni sabiex il-Komunità Ewropea tkun tista tissieħeb.

Proposta għal Sħubija tal-Lvant[5]

B'risposta għall-interess strateġiku tal-Unjoni li tara stabbiltà, governanza aħjar u żvilupp ekonomiku fuq il-fruntieri tal-Lvant tagħha, għall-bżonn li jiġu megħjuna s-sħab tal-Unjoni biex jikkonsolidaw l-istat u s-sovranità tagħhom., inkluż b'riformi demokratiċi, u skont ix-xewqa tagħhom biex jintensifikaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE, f'Diċembru 2008 il-Kummissjoni għamlet proposta għal Sħubija fil-Lvant. F'din il-proposta l-Kummissjoni ħarġet distinzjoni mill-kooperazzjoni reġjonali mibdija fis-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, biex tieħu l-massimu tal-kumplimentarità mas-Sinerġija li għada kemm bdiet topera.

Il-Kommunikazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant għandha sett ta' proposti politiki ambizzjużi għal relazzjonijiet iktar profondi mal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, biex tavvanza l-assoċjazzjoni politika, iktar integrazjoni ekonomika u gradwalment tipromwovi l-mobilità, bil-għan aħħari jkun il-liberalizzazzjoni kompleta tal-viża. Is-Sħubija jkollha kemm dimensjoni bilaterali kif ukoll multilaterali. Fuq livell multilaterali, hija tintroduci "pjattaformi ta' kooperazzjoni" dwar id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istabbilità, l-ntegrazzjoni ekonomika u t-tqarrib lejn il-politiki tal-UE, is-sigurtà tal-enerġija u l-kuntatti bejn il-popli. Il-Kunsill Ewropew laqa' dawn il-proposti f'Marzu 2009.

Is-Sħubija tal-Lvant se tkun mnedija f'Samit fis-7 ta' Mejju 2009 u strutturata minn laqgħat annwali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u samits fuq bażi bijennali. L-ewwel laqgħat tal-pjattaformi tematiċi huma mistennija ftit wara t-tnedija.

4. L-IMPATT TAL-KRIZI FINANZJARJA GLOBALI

Il-kriżi finanzjarja globali affetwat l-ekonomiji reali tas-sħab fuq livelli differenti.

Sa issa l-pajjiżi ġirien tal-Lvant kienu affetwati iktar serjament mill-bidla fil-kundizzjonijet ekonomiċi globali. Dawn il-pajjiżi, fejn it-tkabbir sostanzjali fis-snin preċedenti kien essenzjalment xprunat mill-investiment kapitali barrani (fil-forma ta' IBD, kreditu bankarju jew, f'ċertu każijiet, pagamenti) issa qegħdin isoffru min-nixfa fil-kapital internazzjonali u fis-swieq tal-kreditu. Għal uħud mill-pajjiżi fir-reġjun il-kollass finanzjarju kompla jiggrava kawża tal-waqa' fil-prezzijiet tal-prodotti ta' esportazzjoni li fuqhom joqgħodu bosta mill-pajjiżi tar-reġjun: prodotti tal-enerġija, metall u agrikoltura. L-impatt soċjali mistenni jiżviluppa b'riskji ta' iktar vulnerabbiltajiet u faqar li jagħmlu ir-rispons soċjali u r-riformi aktar urġenti u ta' sfida.

L-ikbar ekonomija fil-viċinat tal-Lvant, l-Ukraina, soffriet tnaqqis fir-ritmu ekonomiku lejn l-aħħar tal-2008: il-waqa' tal-prezz tal-esportazzjoni tal-azzar u bil-kriżi finanzjarja globali l-kundizzjonijiet kummerċjali kixfu l-vulnerabilità tas-setturi bankarji u korporattivi meta ffaċċaw qtugħ ta' finanzjament estern. Il-PGD reali naqas sinifikament, u wassal għal tnaqqis tat-tkabbir ekonomiku sa 2.5% għas-sena kollha. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku tal-Ukraina, li mistenni jkompli fl-2009, ukoll laqgħat ħażin lill-pajjiżi li għalihom hi sieħba kummerċjali importanti, bħal ma huma l-Modova u l-Belarus.

L-awtoritajiet tal-Ukraina malajr qablu ma' arranġament ta' riserva mal-FMI għal madwar EUR12.8 biljun skont programm ekonomiku ta’ stabilizzazzjoni komprensiv. L-ewwel porzjon inħareġ, bid-diskussjonijiet li għadhom għaddejjin fuq l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-FMI għat-tieni porzjon. Id-dejn pubbliku u d-dejn b'garanzija pubblika tal-Ukraina baqa' f'livell sostenibbli matul l-2008. It-tħassib ewlieni huwa l-iffinanzjar mill-ġdid tad-dejn estern ta' skadenza qasira tal-banek u l-korporazzjonijiet. Il-qafas legali biex tissolva din is-sitwazzjoni tal-banek kien emendat skont il-leġiżlazzjoni kontra l-kriżi ta' Novembru 2008, L-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni hija tal-ogħla priorità għall-awtoritajiet fl-2009 sabiex banek vijabbli jistgħu jkomplu jisilfu u b'hekk jappoġġaw it-tkabir mill-ġdid tal-ekonomija.

L-Ukraina ma kienetx l-uniku pajjiż fir-reġjun li ħadet appoġġ finanzjarju mill-Bretton Woods Institutions. L-FMI diġa wettaq arranġamenti finanzjarji mal-Ġorġja, mal-Belarus u mal-Armenja. Il-Moldova mistennija tinaqgħad magħhom iktar tard din is-sena.

Fir-reġjun tal-Mediterran, l-integrazzjoni internazzjonali baxxa tas-settur finanzjarju u self għaqli, flimkien mad-dipendenza relattivvament baxxa fuq flussi finanzjarji esterni, mewtu konsiderevolment il-konsekwenzi tal-waqa' tas-suq sub-prime u tal-appoġġ żejjed fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-banek lokali ma ġewx affetwati minn nuqqas ta' kreditu u komplew iħallu l-kreditu dieħel fl-ekonomija, anke jekk l-aċċess limitat għal self estern huwa limitazzjoni għat-tkabbir tal-kreditu u l-intermedjazzjoni finanzjarja iktar profonda fil-futur.

Madanakollu, għaż-żona tal-PEV kollha, il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, hija ta' riskju għall-uħud mis-setturi ewlenin tal-ekonomija fl-2009, bħal ma huma l-pagamenti, l-industriji orientati għall-esportazzjoni, it-turiżmu u l-kostruzzjoni. Partikolarment, id-dehra prekarja għat-tkabbir Ewropew, tippreżenta riskji sinifikanti ladarba l-UE hija s-suq prinċipali għall-esportazzjoni u tħaddem proporzjoni kbira tal-ħaddiema barranin li huma sors ta' pagamenti. Hemm ukoll possibiltà li l-esportazzjoni tkun affetwata minn pajjiżi b'pagi iktar baxxi. L-investiment intern huwa mistenni jsofri minħabba tnaqqis fir-ritmu Ewropew. Il-volumi tal-IBD ukoll mistennija ikunu affetwati ladarba kumpaniji Ewropej jafu jiddeċiedu li jipposponu l-investimenti. In-nixfa ta' likwidità fis-settur bankarju f'pajjiżi żviluppati taf tfixkel il-proċess ta' privatizzazzjoni fil-pajjiżi imsieħba. L-SMEs jistgħu jiffaċċaw aċċess iktar diffikultuż għall-finanzi li jista jaffetwa serjament l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. Trasferiment tal-kriżi fuq il-ġirien tal-UE jiggrava s-sitwazzjoni ta' qagħad għoli partikolarment fost iż-żagħżagħ u jkompli jkabbar l-isfida għar-riformi tal-impjiegi u soċjali.

F'sitwazzjoni ta' kriżi ekonomika, il-kummerċ u l-prioritajiet relatati mal-kummerċ fil-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV isiru importanti iktar minn qatt qabel. Il-proċess ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali fil-Viċinat ukoll irid ikompli.

Bħala risposta bikrija għas-Sammit tal-G20 ta' Londra, il-Kummissjoni, spjegat, f'Komunikazzjoni[6] riċenti, miżuri opportuni, mmirati u kkoordinati li għandhom jittieħdu minn din is-sena mill-UE kollha kemm hi, bil-għan li tappoġġa pajjiżi msieħba fl-isforzi tagħhom biex ilaħħqu mal-impatt tal-kriżi finanzjarja globali. B'dan f'moħħha, il-Kummissjoni Ewropea ser, inter alia , taċċelera ir-Reviżjoni Intermedja tal-programmi ta' għajnuna esterna fl-2009 u 2010, bil-għan li tirrifletti bżonnijiet u prioritajiet ġodda.

5. KONKLUżJONIJIET

Sħubija dejjem tikber ibbażata fuq interdipendenza reċiproka.

Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha komplew għalhekk jintensifikaw, minkejja d-diffikultajiet f'kuntest internazzjonali. Dan l-andament huwa rifless fil-progress ġenerali li sar minn dawk identifikati bħala "minn ta' quddiem" fl-PEV fil-Komunikazzjoni tal-2008 kif ukoll fi żviluppi ma pajjiżi oħra, inkluż dawk, li mhumiex, fil-preżent, jipparteċipaw bis-sħiħ f'din il-politika. Dan huwa rifless kemm fil-profondità tar-relazzjonijiet bilaterali kif ukoll fl-għanqbuta dejjem tikber ta' inizjattivi multilaterali. Il-kriżijiet fl-2008 u l-isfidi li baqa' fil-pajjiżi msieħba wasslu biss biex isaħħu ir-razzjonal strateġiku għall-PEV intensifikat li jipprovdi appoġġ tanġibbli u kredibli biex joħloq sigurtà reċiproka u dividendi ta' prosperità.

Numru ta' pajjiżi talbu li dawn l-iżviluppi jiġu riflessi f'titjib formali tar-relazzjonijiet tagħhom mal-UE. Dan juri l-attrazzjoni li ghandu l-PEV u l-inċentivi pożittivi pprovduti mill-politika differenzjata, bbażata fuq il-prestazzjoni Tibdil bħal dan jistituzzjonalizza u jkabbar l-iskambju politiku, jintensifika l-parteċipazzjoni tal-pajjiż fiż-żona ekonomika tal-UE , u jwassal għall-integrazzjoni ikbar f'varjetà ta' oqsma tal-politika. Il-Kummissjoni tikkonsidra li l-UE għandha tkun miftuħa għal dan it-tip ta' talbiet, jekk xejn biex issostni r-ritmu tar-riformi fil-pajjiiżi msieħba. Titjieb formali jkun ibbażat fuq l-impenn lejn valuri u interessi komuni u meta l-implimentazzjoni tal-pjan ta' Azzjoni turi l-ambizzjoni tas-sieħeb ikkonċernat li jimxi aktar il-quddiem, notament f'dak li jikkonċerna l-prattiċi demokratiċi, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt.

Jiġu indirizzati l-isfidi tal-governanza u l-ekonomija.

Il-kaxxa tal-għodod tal-UE għall-implimentazzjoni tal-PEV qed issir iktar ma jmur sofistikata. Waqt li tkompli tħaddan politika differenzjata, tal-qies għas-sitwazzjoni ta' kull imsieħeb, il-Kummissjoni ser tiżgura li approċċi u strumenti ta' suċċess żviluppati għall pajjiż jew reġjun partikolari jiġu replikati, kif suppost, f'partijiet oħra tal-Viċinat. B'mod partikolari, numru ta' proposti magħmula fil-komunikazzjoni fuq is-Sħubija tal-Lvant, bħall-approċċ iktar b'saħħtu u komprensiv għall-bini istituzzjonali u poltiki nazzjonali li jappoġġaw koeżjoni soċjali u ekonomika jistgħu jiġu kkonsidrati wkoll biex jappoġġaw ir-relazzjonijet mal-ġirien tan-nofs inhar tal-Unjoni.

L-appoġġ finanzjarju li qed jakkumpanja ir-riformi tal-imsieħba jrid ukoll jiġi adattat għal prioritajiet ġodda li joħorġu mill-isfidi l-ġodda li jiffaċċja l-Viċinat. Il-proposti tal-Kummissjoni għal-perjodu tal-programmazzjoni tal-PEVI 2011-13 ser jirrifletti dan.

In-nuqqas ġenerali ta' progress fi kwistjonijiet ta' governanza osservati fl-2008 jenfasizzaw il-bżonn li l-UE u l-imsieħba tagħha jirduppjaw l-isforzi tagħhom, kemm bi djalogu politiku intensifikat kif ukoll b'għajnuna tal-qies, inkluż il-Faċilità għall-Governanza li tibqa' inċentiv politiku importanti. Il-Kummissjoni ser tiddeċiedi fuq l-allokazzjonijiet għal din il-faċilità fid-dawl tal-analiżi f'din il-Komunikazzjoni u i-rapporti tal-pajjiżi annesi.

Waqt li l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali dejjem tikber tenfasizza l-bżonn li l-pajjiżi msieħba iżommu r-ritmu tar-riformi ekonomiċi u joqgħodu lura minn miżuri protezzjonisti u li jqarrqu l-kummerċ, titlob ukoll appoġġ tanġibli mill-UE. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tiproponi li:

- tiżgura, fil-kuntatti regolari tagħha mal-imsieħba, djalogu intensiv fuq ir-rispons għall-kriżi ekonomika u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tagħha u partikolarment fuq il-mod kif jista' jittaffa l-impatt fuq l-iktar vulnerabbli waqt li jippromwovu iktar kundizzjonijiet diċenti tax-xogħol u jiżguraw żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli;

- tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-problemi ta' skadenza qasira ta' likwidità li ħarġu mill-kriżi finanzjarja billi timmobilizza iktar is-self makrofinanzjarju tal-Komunità pprovdut f'kooperazzjoni mal-Fond Monetarju Internazzjonali u f'koerenza mal-kundizzjonijiet tal-programm tal-FMI; jekk mezzi oħra għall-provvista ta’ fond ta’ garanzija għal azzjonijiet esterni juru li huma insuffiċjenti biex ilaħħqu mal-ħtiġiet, it-twarrib ta' parti mill-għotjiet finanzjarji tal-ENPI tista tiġi kkunsidrata; Barra minn hekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkonsidraw li jipprovdu għahjnuna makroekonomika bilaterali lill-pajjiżi tal-PEV, ikkoordinata b'mod simili mal-FMI;

- li ssaħħaħ l-ambjent regolatorju tas-settur finanzjarju u l-istituzzjonijiet li jistgħu jiżguraw sorveljanza xierqa tas-sweiq finanzjarji (banek ċentrali, awtoritajiet ta' sorveljanza tas-settur bankarju u finanzjarju, Kummissjonijiet tal-iskambju tas-sikurezza, eċċ), b'mezzi ta' assistenza teknika, u fejn xieraq, programmi ta' ġemellaġġ fuq is-sentejn li ġejjien; f'dan l-appoġġ addizzjonali, il-possibiltà li l-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema jestendu iktar il-programmi ta' assiatenza teknika lill-banek ċentrali ta' pajjiżi msieħba wkoll ser tiġi esplorata;

- tinkoraġġixxi lill-BEI u lill-EBRD biex jgħaġġlu l-operazzzjonijiet ta' self tagħhom, inluż fil-Viċinat tal-Lvant;

- jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi ekonomika b'mezzi ta' appoġġ kummerċjali u ta' investiment; dan jaf jinkludi l'ipprioritizzar tal-Faċilità tal-SME maħsuba fis-Sħubija tal-Lvant, u, jekk ikun hemm fondi addizzjonali, tiġi provduta kontribuzzjoni addizzjonali lill-Faċilità għall-Investiment u s-Sħubija Ewro-Mediterranja (FEMIP) u/jew lill-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċiniat (NIF).

[1] COM(2007) 774: ’Politika Ewropea tal-Viċinat b'Saħħitha’.

[2] L-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libja, il-Libanu, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Marokk, it-Territorju okkupat tal-Palestina, is-Sirja, it-Tuneżija, u l-Ukrajna jaqgħu taħt l-ENP. Pjanijiet ta' Azzzjoni ġew adottati ma' tnax mill-imsieħba, prinċipalment kollha barra l-Alġerija, il-Belarus, il-Libja u s-Sirja.

[3] COM(2008) 319 – Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Il-Proċess ta’ Barċellona: Kommunikazzjoni dwar L-Unjoni għall-Mediterran.

[4] COM(2008) 391 - Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Rapport dwar l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed

[5] COM(2008) 823 – Kommunikazzjoni tall-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Proposta għas-Sħubija tal-Lvant

[6] COM(2009) 160, 8.4.2009: Appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ilaħħqu mal-kriżi.