Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji {SEC(2009) 423 SEC(2009) 424 SEC(2009) 425} /* KUMM/2009/0158 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 2.4.2009 KUMM(2009) 158 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji {SEC(2009) 423SEC(2009) 424SEC(2009) 425} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji(Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. Suġġett ta' importanza dejjem akbar L-universitajiet[1], bir-rwoli tripliċi tagħhom bħala fornituri tal-ogħla livelli ta' edukazzjoni, riċerka avvanzata u l-innovazzjoni tal-"path-breaking", huma fil-qalba tat-trijangolu tal-għarfien tal-Ewropa. Għandhom il-potenzjal li jkunu dawk l-iktar importanti li jmexxu 'l quddiem l-ambizzjoni tal-Ewropa li tkun l-akbar ekonomija u soċjetà bbażata fuq l-għarfien fid-dinja. Dan ġie rikonoxxut fil-livell ta' tfassil ta' politika tal-UE sa mis-Samit ta' Hampton Court ta' Ottubru 2005; fl-istess ħin, hija ċara l-ħtieġa għal bidla jekk iridu jilħqu l-potenzjal tagħhom. Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Twassil għal riżultati fuq l-Aġenda ta' Modernizzazzjoni għal Universitajiet: Edukazzjoni, Riċerka, Innovazzjoni" ta' Mejju 2006 diġà ġew imsemmija disa' oqsma għall-azzjoni[2]. Minn dakinhar il-programm ta' modernizzazzjoni kien is-suġġett ta' skambju estensiv ta' politika, bil-progress li jsir ikun rivedut b'mod regolari mill-Kunsill tal-Ministri[3]. Il-Kummissjoni għandha tagħmel aktar proposti għat-twettiq tal-immodernizzar ta' waħda mit-temi ta' prijorità fil-qafas ġdid għall-kooperazzjoni fil-politika dwar l-edukazzjoni u taħriġ fi ħdan l-Istrateġija ta' Liżbona[4]. Element ewlieni fil-programm ta' stabbilita fl-2006 kien li l-universitajiet għandhom jiżviluppaw sħubiji strutturati mad-dinja tal-intrapriża sabiex "jsiru parteċipanti sinifikanti fl-ekonomija, kapaċi jirrispondu b'mod aħjar u aktar mgħaġġel għad-domandi tas-suq u jiżviluppaw sħubiji li jorbtu flimkien l-għarfien xjentifiku u teknoloġiku". Il-Komunikazzjoni ssuġġeriet li l-intrapriżi jistgħu jgħinu lill-universitajiet sabiex ifasslu mill-ġdid il-kurrikula, l-istrutturi ta' tmexxija u jikkontribwixxu għall-finanzjament. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni nediet il-Forum Universitajiet u Negozji bħala pjattaforma Ewropea għad-djalogu bejn iż-żewġ dinjiet. L-ewwel laqgħa tal-Forum fi Frar 2008 ġiet segwita matul l-2008 minn tliet laqgħat ta' ħidma tematiċi[5]. It-tieni Forum plenarju fi Frar 2009 ġabar flimkien madwar 400 parteċipant u, flimkien mal-laqgħat ta' ħidma dwar temi differenti, involva l-evalwazzjoni ta' lezzjonijiet mitgħallma u diskussjoni dwar id-direzzjonijiet possibbli fil-futur għall-ħidma tal-Forum. L-attendenza għolja ħafna fl-avveniment ta' Frar 2009 turi l-importanza li jagħtu l-partijiet interessati lill-Forum. Il-parteċipanti semmew ta' spiss il-kuntest tat-tnaqqis ekonomiku li fih seħħ l-avveniment u argumentaw li kien hemm urġenza mġedda għall-bini ta' kollegamenti aħjar bejn in-negozju u l-università bħala mezz għat-tisħiħ tat-trijangolu Ewropew tal-għarfien. Din il-Komunikazzjoni tfittex li twieġeb għal dan is-sens ta' urġenza. 2. Analiżi u tmexxija 'l quddiem: l-iskop ta’ din il-komunikazzjoni Il-kooperazzjoni università-negozju tinvolvi żewġ komunitajiet b'differenzi notevoli fil-kultura, valuri u missjonijiet. Eżempji ta' kooperazzjoni b'suċċess bejn iż-żewġ naħat jeżistu fl-Ewropa kollha u programmi tal-UE ppruvaw jibnu sħubiji bejn iż-żewġ oqsma, billi normalment jiffokaw fuq sħubiji f'oqsma speċifiċi bħar-riċerka jew il-mobilità tal-istudenti[6]. Iżda l-livell ta' kooperazzjoni jibqa' inugwali ħafna madwar il-pajjiżi, l-universitajiet u d-dixxiplini akkademiċi. Barra minn hekk, il-livell ta' kemm din il-koperazzjoni influwenzat il-kulturi tat-tmexxija u l-organizzazzjoni fiż-żewġ setturi kkonċernati huwa limitat. Ftit universitajiet għandhom strateġija mal-istituzzjoni kollha għall-kooperazzjoni mal-intrapriża; dawk li għandhom huma kkonċentrati f'numru żgħir ta' Stati Membri. F'ħafna pajjiżi l-qafas legali u finanzjarju jew jibqa' jonqos milli jippremja jew jista' anki jtellef l-isforzi tal-universitajiet milli jikkoperaw man-negozju. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni preżenti huwa li: - Tagħmel analiżi ta' dak li kien mitgħallem mill-ewwel sena tal-Forum u attivitajiet rilevanti oħra fil-livell Ewropew dwar l-isfidi u l-ostakoli għal kooperazzjoni università-negozju, il-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati u l-prattiki tajba u approċċi li jistgħu jiġu wżati b'mod aktar wiesa'. Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni (SWD) jiżviluppa dan l-aspett tax-xogħol aktar fit-tul. - Tagħmel proposti għall-passi li jmiss fil-ħidma tal-Forum. - Tidentifika azzjonijiet konkreti ta' segwitu biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni università-negozju. 3. Kwistjonijiet u sfidi Ir-riflessjonijiet tal-Forum sal-lum jistgħu jiġu mqassra f'sitt temi ewlenin. Kull taqsima tinkludi sezzjoni magħluqa f'kaxxa li tidentifika eżempju ta' prattika tajba. 3.1. Kurrikuli ġodda għall-impjegabilità Il-kompetittività tal-ekonomiji hija dejjem iżjed dipendenti fuq id-disponibbiltà ta' ħaddiema kwalifikati u intraprenditorjali. L-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda [7] ikkonfermat li l-ħtieġa tal-UE għal gradwati kkwalifikat u intraprenditorjali se tkompli tikber fis-snin li ġejjin. Fl-istess ħin, l-intrapriżi fi ħdan il-Forum jirraportaw nuqqas ta' qbil bejn il-kompetenzi tal-gradwati kif joħorġu mill-universitajiet u l-kwalifiki li jfittxu dawk li jħaddmu. L-isfida tal-impjegabilità kienet, mingħajr dubju, il-kwistjoni ewlenija quddiem il-Forum, li lejh ir-riflessjoni ffukat mill-ġdid kemm-il darba. Kien hemm qbil dwar il-ħtieġa ta' bidla komprensiva fil-kurrikula u metodi ta' tagħlim u għal: - l-inklużjoni ta' ħiliet trasversali u trasferibbli u ta' kunċetti fundamentali tal-ekonomija u tat-teknoloġija fil-kurrikuli fil-livelli kollha ta' kwalifika. Il-kurrikula għandhom ikollhom "il-forma ta' T" : imsawrin fid-dixxiplina akkademika speċifika waqt li fl-istess ħin jinteraġixxu u jikkoperaw ma' sħab oħra fid-dixxiplini u s-setturi; - Metodi aħjar għall-ezamijiet, immirati aktar lejn l-evalwazzjoni ta' tagħlim u kompetenzi; - Diversifikazzjoni ikbar tal-profili tal-ammissjoni u approċċi għat-tagħlim sabiex ikun esplojtat it-talent minn sfondi mhux tradizzjonali, inklużi adulti li jirritornaw għall-istudju; - Interdixxiplinarità ikbar u transdixxiplinarità tal-programmi ta' riċerka u edukazzjoni. Il-parteċipanti tal-Forum ta' spiss għamlu referenzi f'dan ir-rigward għall-mod li bih l-IET se jinkorpora fil-futur dawn l-approċċi fil-ħidma tiegħu - dan kien meqjus bħala gwida għal strateġiji bħal dawn b'mod aktar wiesa' fl-edukazzjoni għolja. Bidla kurrikulari ta' ċerta vastita u bil-pass mixtieq hija possibbli biss jekk l-istruttura interna tal-universitajiet tipprovdi qafas li jippermetti u li jippremja. L-assigurazzjoni interna ta' kwalità (QA) u sistemi esterni ta' akkreditazzjoni għandhom jagħtu iktar attenzjoni lir-rilevanza soċjali u ekonomika ta' programmi ta' tagħlim. L-aġenziji ta' akkreditament għandhom jinkludu rappreżentanti mill-istudent kif ukoll min-negozju u s-soċjetà ġenerali Għadd ta' aġenziji ta' akkrediment jinkludu rappreżentanti tan-negozju fil-korp għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom, eż. ACQUIN fil-Ġermanja, HETAC fl-Irlanda jew CTI fi Franza. Tal-aħħar hi responsabbli għall-kurrikula ta' inġinerija u fiha hemm numru ugwali ta' membri mill-akkademja u mill-industrija; ħiliet transversali u l-interazzjoni tal-istudenti mal-industrija huma rekwiżiti ewlenin għall-akkreditazzjoni. (SWD, Taqsima 5.2.4) 3.2. Trawwim tal-intraprenditorija Il-livelli komparattivament baxxi tal-intraprenditorija fl-UE [8] iqiegħdu f'dubju l-kapaċità tat-trawwim ta' tkabbir u impjiegi mill-Ewropa. L-isfida għal edukazzjoni għolja hija li tipprovdi ambjenti ta' tagħlim li jistimulaw l-indipendenza, il-kreattività intraprenditorjali u approċċ intraprenditorjali għal għarfien imrażżan. Fluss regolari ta' studenti u membri mill-fakultà minn università għan-negozju u preżenza kostanti ta' nies tan-negozju fuq il- campus jgħinu sabiex tinħoloq il-bidla meħtieġa fil-kultura. Wieħed jista' jsib eżempju tajjeb f'dan ir-rigward fil-programmi ta' taħriġ postgradwali ffinanzjati mill-Marie Curie Initial Training Networks li jiffokaw fuq ħiliet intraprenditorjali. Għandu jkun hemm espansjoni ta' forom eżistenti ta' kooperazzjoni man-negozju bħal konferenzi, apprendistati u xogħol ta' proġetti (individwali jew fi gruppi multidixxiplinari). Opportunitajiet barra l-kurrikulu tqiesu bħala siewja, eż. kumpaniji ta' konsulenza għaż-żagħar jew inkubaturi li jipprovdu appoġġ addattat lill-istudenti universitarji u l-istaff li jartikolaw ideat konkreti għal proġetti ġodda ta' negozju (kumpaniji "start-up", "spin-off"). Dawn l-attivitajiet kollha għandhom jilħqu lill-istudenti minn stadju bikri fl-istudji tagħhom u għandhom ikunu integrati b'aktar saħħa fil-kurrikula. Kien meqjus bħala partikolarment importanti li t-taħriġ ta' għalliema futuri tal-iskola u ta' dawk li jħarrġu għandu jibni attitudnijiet pożittivi u apertura lejn in-negozju bħala sors ta' progress, impjiegi u benessri. Il-konklużjonijiet ewlenin huma li - L-iżvilupp ta' kultura intraprenditorjali fl-universitajiet jeħtieġ tibdil profond fl-iggvernar tal-università u t-tmexxija; - L-edukazzjoni fl-intraprenditorija għandha tkun komprensiva u miftuħa għall-istudenti kollha interessati, fid-dixxiplini akkademiċi kollha, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-perspettiva tas-sessi; - L-universitajiet għandhom jinvolvu intraprendituri u nies tan-negozju fit-tagħlim tal-imprenditorija, pereżempju permezz ta' twaqqif ta' professurati viżitanti u intraprendituri importanti; - Bl-istess mod, professuri u għalliema għandu jkollhom aċċess għal taħriġ fit-tagħlim intraprenditorjali u espożizzjoni għad-dinja tan-negozju. In-netwerk tal-Akkademja Internazzjonali tal-Intraprenditorija Daniża (IDEA) jinkoraġġixxi l-intrapriża fl-istudenti kemm mill-edukazzjoni għolja u minn istituzzjonijiet oħra ta' edukazzjoni permezz ta' appoġġ finanzjarju, monitoraġġ, korsijiet u opportunitajiet ta' netwerking. IDEA hija ffinanzjata mill-għotjiet mill-istat, kontej u muniċipalitajiet u sorsi privati. (SWD, Taqsima 5.2.4) 3.3. Trasferiment tal-għarfien: tqegħid tal-għarfien f'ħidma L-Ewropa hija produttivi meta tiġi għall-ġenerazzjoni tal-għarfien. L-isfida hija, madankollu sabiex jiġu mtejba l-użu u l-isfruttament tal-R&Ż li hu ffinanzjat mill-pubbliku. Għalkemm hemm numru ta' programmi li jsaħħu mezzi li permezz tagħhom il-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni ta' għarfien tal-edukazzjoni għolja pubblika u r-riċerka jistgħu jaħdmu flimkien mal-impriżi li jressqu innovazzjonijiet lis-suq, il-livell ta' kooperazzjoni strateġika dejjiema bejn iż-żewġ setturi għadu baxx wisq. L-universitajiet jeħtieġ li jiżviluppaw politika għall-ġestjoni professjonali tal-proprjetà intellettwali. Dan jgħinhom jissodisfaw bosta aspetti tal-missjoni tagħhom, pereżempju biex jiġġeneraw benefiċċji soċjo-ekonomiċi għas-soċjetà u jattiraw l-aħjar studenti u riċerkaturi. Biex issostni l-universitajiet u biex tipprovdi qafas aktar koerenti għall-attivitajiet ta' trasferiment ta' għarfien il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali fl-attivitajiet ta' trasferiment ta' għarfien u Kodiċi ta' Prattika għall-universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi ta' riċerka oħra[9]. L-inizjattiva "Sħubiji Responsabbli" tipprovdi wkoll gwida[10] għal prattiki aħjar għal riċerka kollaborattiva u trasferiment ta' għarfien bejn l-universitajiet u l-industrija. Fil-qosor - It-trasferiment tal-għarfien bejn universitajiet u intrapriżi jaħdem l-aħjar meta jkun hemm qafas ġenerali ta' kooperazzjoni u ftehim reċiproku, li jinvolvi sħubiji, proġetti konġunti u skambju ta' persuni; - L-universitajiet għandhom jiżguraw interdixxiplinità; soluzzjonijiet monodixxipplinarji rarament huma t-tweġiba għall-problemi veri tad-dinja; - L-universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka għandhom ikollhom strateġija ċara għat-tul għall-ġestjoni tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (IPR); - L-isfidi partikolari li jiltaqgħu magħhom l-SMEs jekk huma jidħlu fi sħubiji mal-universitajiet jeħtieġ li jiġu indirizzati. L-universitajiet għandhom bżonn jilħqu lill-SMEs. Li l-universitajiet ikollhom uffiċċju tat-trasferiment ta' għarfien jew li jkollhom aċċess għal wieħed jgħin fil-kooperazzjoni mal-SMEs, billi dawn huma l-portal u interface bejn l-universitajiet u s-settur privat. L-Università ta' Twente (NL) tmexxi "park" ta' għarfien u aċċeleraturi tan-negozju li jlaqqgħu flimkien l-għarfien iġġenerat fl-università mal-komunità kummerċjali reġjonali. Dawk li jixtiequ jibdew kumpanija jirċievu appoġġ addattat permezz tal-programm TOP tal-università (Temporary Entrepreneurial Positions). L-Università toffri wkoll programm ta' tkabbir immirat lejn is-sidien tal-kumpaniji. It-tnejn jinkludu moduli ta' taħriġ u attivitajiet ta' netwerking. (SWD, Taqsima 5.6.1) 3.4. Mobilità: bejn il-fruntieri u bejn in-negozju u l-akkademja Minkejja numru ta' stejjer ta' suċċess mal-allokazzjonijiet ta' studenti, il-programmi ta' mobilità industrija-akkademja taħt is-Seba' Programm ta' Qafas (FP7) u proġetti ta' xogħol kollaborattiv bejn l-universitajiet u l-industrija, il-livell ġenerali ta' kuntatt, l-interazzjoni u l-mobbiltà bejn iż-żewġ setturi għadhom wisq baxxi. L-apprendistati, il-programmi ta' mobilità ta' riċerka u proġett kollaborattiv, li jippermettu lill-istudenti biex jaħdmu ma' kumpanija jew fi ħdanha, waħedhom jew fi gruppi interdixxiplinarji, għandhom isiru parti integrali minn programmi ta' tagħlim fid-dixxiplini kollha u għandhom iwettqu kredits fis-Sistema Ewropea ta’ Trasferiment ta’ Kredits (ECTS). Il-mobilità għandha tinvolvi wkoll lill-persunal maniġerjali akkademiku u universitarju, biex b'hekk tippermetti lill-universitajiet biex jibnu n-netwerks li minnhom fil-futur jistgħu jiġu żviluppati apprendistati, impjiegi u proġetti għall-istudenti. L-espożizzjoni diretta tal-persunal għar-realtà tan-negozju se tgħin biex wieħed jifhem u jantiċipa l-bdil tat-taħriġ u ħtiġijiet tal-innovazzjoni tal-industrija. Madankollu, għad hemm ostakli sinifikanti kemm legali kif ukoll amministrattivi għall-mobilità tal-persunal universitarju lejn in-negozju, pereżempju relatati mas-sigurtà soċjali u mar-reġimi ta' pensjonijiet[11]. Fid-direzzjoni opposta, l-involviment aktar qawwi ta' intrapriżi fil-bordijiet universitarji, programmi ta' riċerka, bordijiet tad-dħul, tfassil tal-kurrikulum, għoti tal-korsijiet u sistemi ta' assigurazzjoni interna ta' kwalità jistgħu jtejbu b'mod sinifikanti t-tagħlim, riċerka u innovazzjoni tal-universitajiet. Mill-ġdid, dan jibqa' limitat f'ħafna pajjiżi, għal raġunijiet jew legali jew kulturali. Sabiex isir progress huwa importanti li: - Il-valur tal-mobilità jeħtieg li jiġi promoss u rikonoxxut mill-università u negozju fil-modalitajiet differenti kollha tiegħu u fil-livelli kollha; b'mod partikolari l-SMEs għandhom jipparteċipaw aktar fl-internati; - Għandhom jiġu adattati oqsfa legali biex isostnu u jiffaċilitaw il-mobbiltà bejn l-università u negozju; - Il-mobilità ta' akkademiċi, riċerkaturi jew studenti lejn il-ħtiġijiet tan-negozju għandha tkun rikonoxxuta u akkreditata. Ġo Valencia, ADEIT[12] hija organizzazzjoni bl-objettiv speċifiku li tgħaqqad l-università mal-ambjent soċjali tagħha. Hija tiffoka fuq l-allokazzjonijiet tal-istudenti universitarji f'organizzazzjonijiet jew intrapriżi. ADEIT talloka 1 500 istudent kull sena ma' kumpaniji u jħarrġu tuturi fuq iż-żewġ naħat tal-impjieg. Hija wkoll tmexxi Taħriġ Intern għall-Professuri fejn dawn (il-professuri) jaħdmu sa 100 siegħa f'kumpaniji. (SWD, Taqsima 5.4.4) 3.5. Ftuħ tal-universitajiet għal Tagħlim Tul il-Ħajja Kollha It-titjib fl-impjegabilità ma jinvolvix biss lil dawk li jidħlu fis-suq tax-xogħol: l-aġġornament ta' kompetenzi għal dawk li huma diġà fil-forza tax-xogħol hija sfida ugwalment importanti [13], li qed iżżid fl-importanza tagħha minħabba t-telfien ta' impjiegi fit-tnaqqis ekonomiku ta' bħalissa. Ir-reviżjoni tal-progress fl- Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 juri li r-rata ta' parteċipazzjoni ta' adulti fit-tagħlim tul il-ħajja kollha[14] qed tiżdied bil-mod wisq u dan qed isir biss f'ċerti Stati Membri. Fi żmien meta n-numri tal-istudenti student jistgħu jibdew ukoll neżlin 'l isfel għal raġunijiet demografiċi, l-edukazzjoni kontinwa tidher li tirrapreżenta opportunità potenzjali importanti ħafna għall-universitajiet. Madankollu, l-universitajiet jiftħu lilhom infushom għal sehem wisq żgħir tas-suq tal-edukazzjoni kontinwa. Hija meħtieġa rijorjentazzjoni komprensiva lejn l-għoti ta' tagħlim li jtul il-ħajja kollha. Id-dokument tal-Universitajiet Ewropej dwar it-Tagħlim tul il-Ħajja[15], adottat mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet (EUA) ġie ppreżentat u diskuss fil-Forum. Id-dokument jistabbilixxi 10 impenji għall-Universitajiet li jkopru aċċess iktar wiesgħa għat-tagħlim, jiddiversifikaw il-popolazzjoni tal-istudenti u jżidu l-attrazzjoni ta' studju, tagħlim tul il-ħajja f'kultura ta' kwalità u f'livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali iktar b'saħħtu. L-edukazzjoni kontinwa teħtieġ kuntatt mill-qrib bejn l-università u n-negozju li jippermettilhom jidentifikaw u mbagħad jindirizzaw id-domanda għal ħiliet ġodda/aġġornati fil-livelli lokali u reġjonali. Huwa ta' importanza primarja li: - Tagħlim tul il-Ħajja (TTĦ) jiġi integrat b'mod sħiħ fil-missjonijiet u l-istrateġiji tal-universitajiet; - L-aġġornament/aġġornament tal-ħiliet għandu jiġi stmat u rikonoxxut fis-suq tax-xogħol u minn min iħaddem; - It-TTĦ għandu jkun żviluppat fi sħubija mal-intrapriżi – l-universitajiet ma jistgħux ifassluh u jagħtuh waħedhom. Fl-Iżvezja tal-Punent, tliet universitajiet żviluppaw soluzzjonijiet apposta għall-korsijiet ta' tagħlim b'distanza għal impjegati tal-SME bħala mezzi biex tingħata spinta lill-kompetittività ta' dawn l-intrapriżi u tar-reġjun kollu. Il-korsijiet jittrattaw mistoqsijiet kruċjali għall-SMEs bħal tekniki aħjar ta' produzzjoni, l-Ekonomija, Loġistika, Żvilupp tal-Produzzjoni u Ġestjoni tal-Prodott Totali. Ħafna mill-impjegati li jieħdu dawn il-korsijiet għandhom mal-40 sena u qatt ma għamlu xi studju fuq livell universitarju qabel. (SWD, Taqsima 5.3.2) 3.6. Tmexxija universitarja aħjar Il-Forum iffoka fuq it-tmexxija fuq livell nazzjonali, reġjonali u livell istituzzjonali bħala prekundizzjoni għall-kollaborazzjoni effettiva bejn l-università u n-negozju. Fuq livell nazzjonali, il-bidliet huma mfittxija fil-leġiżlazzjoni, f'arranġamenti ta' finanzjament u strutturi ta' inċentivi li kienu dehru li jew ma joffru l-ebda appoġġ jew xi drabi huma ostili għall-kooperazzjoni università-negozju. Kooperazzjoni bħal din għandha tkun parti mill-istrateġija globali tal-universitajiet u għandha tkun inkluża fl-ippjanar tal-iżvilupp u fit-tfassil tal-għanijiet. Il-ħidma kollaborattiva mal-industrija għandha tiġi rrikonoxxuta bħala tal-istess importanza bħal pubblikazzjoni għall-avvanz fil-karriera u l-kumpens. Organizzazzjonijiet intermedjarji jew assoċjazzjonijiet tan-negozju huma atturi importanti għaliex jistgħu jirrappreżentaw interface tajjeb bejn l-universitajiet u l-kumpaniji, b'mod partikolari għall-SMEs. Barra minn hekk, hemm numru ta' korpi Ewropej, nazzjonali jew reġjonali jew aġenziji li jsostnu wkoll il-kooperazzjoni bejn universitajiet u negozji. Huma jistgħu jkunu strutturi effettivi li jagħmlu progress f'dan il-qasam. Fir-Renju Unit, il-Kunsill għall-Edukazzjoni Għolja u l-Industrija (CIHE) jindaga fil-kwistjonijiet dwar it-tagħlim li jaffettwaw il-kompetittività u koeżjoni soċjali tal-pajjiż, u jipprova jrawwem ħidma mill-qrib u ftehim bejn in-negozju u l-edukazzjoni għolja. Fil-Ġermanja, Stifterverband für die Deutsche Wissenschaft taġixxi bħala l-inizjattiva konġunta tal-industrija għall-appoġġ tar-riċerka u l-edukazzjoni għolja. Din issawwar rabtiet bejn l-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta' riċerka mhux akkademiċi, torbot ix-xjenza mal-industrija u tħeġġeġ il-ħolqien ta' qasam wieħed ta' edukazzjoni u riċerka Ewropej. Fi Spanja, il-Fondazzjoni Conocimiento y Desarrollo (CYD) għandha l-għan li ttejjeb it-tmexxija, ir-responsabilità u l-ġestjoni tal-universitajiet; issaħħaħ ir-rabtiet bejn is-sistema produttiva tal-universitajiet u s-soċjetà; Iġġib 'il quddiem il-kultura imprenditorjali u innovattiva fost professuri universitarji u l-istudenti. (SWD, Taqsima 5.1.1) Kooperazzjoni effettiva bejn università-negozju hija meqjusa partikolarment importanti għall-iżvilupp reġjonali[16]. Is-suċċess ta' ħafna żoni innovattivi fl-Istati Uniti u fl-Ewropa kien ibbażat fuq sħubija trijangolari li tinvolvi universitajiet, negozju u tmexxija, għal politika ta' orjentament u ffinanzjar. Fil-Finlandja, il-programm e-Tampere jorbot il-viżjoni tal-belt Tampere għall-2012 ma' bosta SMEs u kumpaniji akbar u ma' żewġ universitajiet. Nieda kważi 400 proġett lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali mfassla fuq kooperazzjoni estensiva bejn ir-riċerka universitarja, negozju u t-tmexxija mill-perspettiva tat-teknoloġija, tal-ekonomija u tas-soċjetà. (SWD, Taqsima 6.1) Il-konklużjonijiet prinċipali huma: - Il-kundizzjonijiet ta' qafas nazzjonali u reġjonali għandhom jipprovdu ambjent ta' sostenn għall-universitajiet biex jingħaqdu f'kooperazzjoni man-negozju; - Il-kooperazzjoni Università-Negozju għandha tkun inkorporata fi strateġiji istituzzjonali; it-tmexxija u l-immaniġġjar effettiv tar-riżorsi umani huma kruċjali għall-implimentazzjoni; - It-tmexxija għandha tiżgura li l-inċentiv relevanti u s-sistemi ta' evalwazzjoni li huma konformi mal-missjoni, ir-rwol u l-istrateġija tal-universitajiet huma stabbiliti. 4. Passi futuri F'sena waħda, l-ħidma tal-Forum diġà ħalliet riżultati importanti. Il-Kummissjoni tilqa' l-ġid tal-ideat u l-kwalità tar-riflessjoni ġġenerati. Sejra tibbaża fuq dan ix-xogħol hekk kif iġġib 'il quddiem dejjem aktar il-modernizzazzjoni tal-universitajiet Ewropej, kemm permezz ta' kooperazzjoni politika u kif ukoll permezz ta' azzjonijiet permezz tal-programmi tagħha. Il-Kummissjoni tipproponi żewġ forom ta' azzjoni ta' segwitu. L-ewwel nett, ġie ippjanat programm ta' ħidma għall-ġejjieni wara xewqa qawwija espressa mill-parteċipanti tal-Forum biex ikompli u japprofondixxi x-xogħol. It-tieni nett, il-Forum identifika għadd ta' kwistjonijiet potenzjali u linji ta' azzjoni li għandhom jingħataw attenzjoni kemm jista' jkun malajr, b'mod partikolari fil-kuntest tat-tnaqqis ekonomiku, immirati lejn it-titjib tas-sħubija kummerċjali fuq l-impjegabilità. Serje ta' azzjonijiet konkreti ġew proposti. Tkomplija tad-djalogu - Il-Forum se jkompli bl-istruttura tal-laqgħat plenarji u seminars tematiċi. Barra minn hekk, se jiġi żviluppat spazju fuq l-internet għall-qsim u t-tixrid ta' esperjenzi u għall-komunikazzjoni. - S'issa, il-Forum kien effettiv fil-mobilizzazzjoni ta' rappreżentanti taż-żewġ dinjiet, universitajiet u intrapriżi, inklużi l-organizzazzjonijiet intermedjarji u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju. Is-sħubija teħtieġ ukoll l-involviment attiv tal-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali. Għalhekk fil-fażi li jmiss għandu jkun hemm involviment akbar ta' rappreżentanti pubbliċi rilevanti. - Mid-djalogu li sar s'issa u fuq ix-xogħol li għaddej f'oqsma oħra, għandhom ikunu diskussi l-kwistjonijiet li ġejjin: - Ikun żgurat li d-dinja universitarja tirrispondi b'mod effettiv għall-programm "Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda" u għall-isfidi mqegħdin mit-tnaqqis ekonomiku; - sħubiji għal żvilupp reġjonali; - sħubiji mal-SMEs; - Diversifikazzjoni ta' strateġiji għat-tagħlim u ħolqien ta' kollegamenti bejn id-diversi tipi ta' edukazzjoni għolja; - L-Assigurazzjoni interna ta' kwalità u akkreditament bħala għodod biex tkun sostnuta l- kooperazzjoni università-negozju; - Kien hemm turija frekwenti ta' interess fil-ħidma minn barra l-UE. Il-Forum għandu jkun aktar miftuħ b'mod espliċitu għal atturi lil hinn mill-UE (fil-prattika, ħafna intrapriżi internazzjonali diġà pparteċipaw) u għandu jinkludi attenzjoni b'saħħitha fil-futur fuq dak li wieħed jista' jitgħallem mill-pajjiżi msieħba. Fil-kuntatti tagħha mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti fil-pajjiżi msieħba, il-Kummissjoni se tippubbliċizza l-ħidma tal-Forum u tistieden il-parteċipazzjoni tagħhom. Żvilupp ta' sħubiji ġodda - Il-Forum argumenta l-ħolqien ta' forom ġodda ta' sħubija strutturata bejn negozji u universitajiet biex jiżviluppaw u jagħtu korsijiet edukattivi. Dawn is-sħubiji jixbħu l-istrutturi żviluppati fil-Pjattaformi tat-Teknoloġija, il-Marie Curie Industry-Academia Partnerships and Pathways (IAPP) taħt l-FP7 u l-Komunitajiet ta' Tagħrif u Innovazzjoni (KICs) fi ħdan l-IET. Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi studjat immedjatament kif tali sħubiji jistgħu jiġu sostnuti permezz ta' programmi rilevanti tal-UE, bil-ħsieb li tniedi sejħiet għall-proposti għal azzjonijiet ta' esplorazzjoni taħt il-programm Tagħlim Tul il-Ħajja (TTĦ) fl-2010. - Il-kwistjoni tal-estensjoni tal-iskop tal-pjattaforma għad-djalogu għal oqsma oħra ta' edukazzjoni u taħriġ - b'mod partikolari l-iskejjel sekondarji u l-istituzzjonijiet tal-ETV – kienet ta' spiss imqajma mill-intrapriża sekondarja fi ħdan il-Forum. Pereżempju l-potenzjal għan-negozju biex jikkontribwixxi għat-tagħlim tal-imprenditorjat jidher b'mod ċar li huwa għoli[17]. Il-Kummissjoni se tesplora kif programmi eżistenti - pereżempju l-programmi Leonardo da Vinci u Comenius - u inizjattivi bħal Schoolnet Ewropew jistgħu jintużaw biex idaħħlu flimkien intrapriżi u skejjel fi sħubiji fl-edukazzjoni, u kif il-kooperazzjoni tista' tinġieb 'il quddiem permezz ta' korp Ewropew koordinat. Il-Kummissjoni beħsiebha tistieden lill-partijiet interessati sabiex tesplora possibbiltajiet futuri għal kooperazzjoni bejn intrapriżi u skejjel u istituzzjonijiet VET waqt konferenza jew seminar fil-ħarifa. - L-iżvilupp tad-djalogu università-negozju fuq livell ta' UE għandu jistimola djalogu simili f'livelli nazzjonali u reġjonali. Il-Kummissjoni se tkompli, fil-kuntest tal-politika tagħha ta' kooperazzjoni mal-Istati Membri dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jistabbilixxu strutturi ta' djalogu simili fuq livell nazzjonali. Se tesplora kif Fondi Strutturali jistgħu jintużaw biex isostnu inizjattivi reġjonali f'dan ir-rigward. - Il-Kummissjoni se tniedi studju biex tistabbilixxi inventarju dwar l-aħjar prattiċi eżistenti fil-qasam ta' kooperazzjoni bejn universitajiet u intrapriżi. Issa huwa ż-żmien it-tajjeb għal spinta ġdida u qawwija għal kooperazzjoni bejn università-negozju. Fi żminijiet ta' tnaqqis ekonomiku, meta l-gradwati jiffaċċjaw diffikultà akbar biex isibu impjieg u l-intrapriżi huma suġġetti għal pressjoni kompetittiva għolja, il-kollaborazzjoni ekonomika u soċjali b'valur miżjud bejn università-negozju għandu jagħmilha saħansitra aktar prijoritarja. [1] F'dan id-dokument it-terminu "universitajiet" se jfisser l-istituzzjonijiet kollha ta' edukazzjoni għolja, rrispettivament mill-isem u l-istatus fl-Istati Membri [2] COM(2006) 208 finali [3] Għal sinteżi tal-kwistjonijiet u l-azzjonijiet li ġew meħuda ara COM(2008) 680 tat-30 ta' Ottubru 2008 Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-Immodernizzazzjoni ta' Universitajiet għall-kompetittività tal-Ewropa f'ekonomija globali tal-għarfien. [4] COM(2008) 865 tas-16 ta' Diċembru 2008: Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ [5] Edukazzjoni Kontinwa u Tagħlim tul il-Ħajja (Brussell, 30 ta' Ġunju 2008); Żvilupp ta' Kurrikulum u Spirtu ta' Intrapriża (Tenerife, 30-31 ta' Ottubru 2008); Trasferiment ta’ Għarfien (Brussell, 7 ta' Novembru 2008) [6] Għal deskrizzjoni tal-programmi Ewropej li jrawwmu sħubiji edukazzjoni ogħlja-negozju, ara d-Dokument ta' Ħidma, Taqsima 3. [7] COM(2008) 868 [8] Ara Dokument ta' Ħidma tal-Istaff , taqsima 2.3: il Monitoraġġ Intraprenditorjali Globali 2007 juri rati ta' intraprenditorija minn 2 sa 5 darbiet ogħla fiċ-Ċina milli fil-pajjiżi tal-UE. [9] COM(2008) 1329 [10] http://www.responsible-partnering.org/; żviluppata minn assoċjazzjonijiet ewlenin mill-akkademja u mill-industrija (EUA, EARTO, EIRMA u ProTon Europe) [11] COM(2008) 317 Karrieri aħjar u aktar mobilità: Sħubija Ewropea għar-Riċerkaturi [12] http://www.adeit.uv.es [13] COM(2008) 868 finali Kapaċitajiet Ġodda għal Impjiegi Ġodda. [14] Progress fid-direzzjoni tal-Objettivi ta' Liżbona fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ – indikaturi u livelli ta' referenza 2008, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea, SEC(2008) 2293. [15] Dokument tal-Universitajiet Ewropej dwar Tagħlim tul il-Ħajja, 2008; ISBN: 9789078997009, EUA; www.eua.be [16] Edukazzjoni Għolja u Reġjuni: Kompetittiva Globali, Ingaġġata Lokalment; OECD 2007 [17] Il-Kummissjoni bħalissa qed twaqqaf penil Ewropew ta' riflessjoni ta' livell għoli dwar l-edukazzjoni Intraprenditorjali li jinvolvi rappreżentanti mill-Istati Membri kollha u mill-pajjiżi taż-ŻEE biex issostni l-iżvilupp ta' approċċi aktar koerenti