52009DC0156

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 18.3 tad-Direttiva ta' Qafas tal-Ilma 2006/60/KE dwar il-programmi ta' monitoraġġ tal-istat tal-ilma {SEC(2009)415} /* KUMM/2009/0156 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 1.4.2009

KUMM(2009) 156 finali

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

skont l-Artikolu 18.3 tad-Direttiva ta' Qafas tal-Ilma 2006/60/KE dwar il-programmi ta' monitoraġġ tal-istat tal-ilma {SEC(2009)415}

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

skont l-Artikolu 18.3 tad-Direttiva ta' Qafas tal-Ilma 2006/60/KE dwar il-programmi ta' monitoraġġ tal-istat tal-ilma

INTRODUZZJONI

Id-Direttiva ta' Qafas tal-Ilma (WFD)[1] tal-UE adottata fl-2000, bniet is-sisien ta' politika moderna, ħolistika u ambizzjuża tal-ilma tal-Unjoni Ewropea u ddefinit kalendarju ċar ta' implimentazzjoni biex jintlaħqu għanijietha, bi skadenzi intermedji għall-ilħiq ta' kompiti speċifiċi, fosthom:

1. Diċembru 2003: it-traspożizzjoni tad-WFD fil-liġi nazzjonali (l-Artikolu 24), l-identifikazzjoni ta' distretti fejn għandhom baċini tax-xmajjar u t-twaqqif ta' arranġamenti amministrattivi (l-Artikolu 3);

2. Diċembru 2004: analiżi tal-pressjonijiet u l-impattti fuq id-distretti ta' baċini tax-xmajjar, u l-analiżi ekonomika tal-użi tal-ilma (l-Artikolu 5);

3. Diċembru 2006: l-istabbiliment tal-programmi ta' monitoraġġ għall-valutazzjoni tal-istat tal-ilma (l-Artikolu 8);

4. Diċembru 2008: il-pubblikazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar għall-konsultazzjoni (l-Artikolu 14);

5. Diċembru 2009: l-adozzjoni tal-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar (l-Artikolu 13);

6. Diċembru 2012: l-aktar tard biex il-programm ta' miżuri jkun operattiv (l-Artikolu 11);

7. Diċembru 2015: l-ilħiq tal-istat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta' taħt l-art (l-Artikolu 4) u l-ewwel aġġornament tal-pjan ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill "Towards sustainable water management in the European Union - First stage in the implementation of the Water Framework Directive 2000/60/EC" (Lejn immaniġġjar sostenibbli tal-ilma fl-Unjoni Ewropea - L-ewwel pass fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas tal-Ilma 2000/60/KE) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal[2] anċillari, f'Marzu 2007, taw ħarsa lejn il-miri tad-Direttiva u pprovdew sinteżi tar-riżultati tal-implimentazzjoni tal-ewwel żewġ passi identifikati hawn fuq.

Dan ir-Rapport u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal[3] anċillari jirreaġixxu għall-Artikolu 18(3) tad-WFD li jirrikjedi li l-Kummissjoni tippubblika rapport dwar il-progress tal-implimentazzjoni tad-WFD fir-rigward tal-Artikolu 8 dwar il-monitoraġġ tal-istat tal-ilma. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-informazzjoni li ddaħħlet mill-Istati Membri skont l-Artikolu 15(2) tad-WFD, li kellha tiddaħħal fit-22 ta' Marzu 2007.

IR-REKWIżITI TAL-MONITORAġġ TAD-DIRETTIVA QAFAS TAL-ILMA

L-għanijiet ambjentali stipulati fl-Artikolu 4(1) tad-WFD jeħtieġu li l-Istati Membri jipprevjenu d-deterjorament tal-istat tal-organiżmi ("korpi") kollha tal-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art u li bħala regola jintlaħaq l-istat tajjeb sal-2015. Barra minn hekk, it-tniġġis minn sustanzi prijoritarji jrid jitnaqqas progressivament, l-emissjonijiet ta' sustanzi perikolużi għandhom jitwaqqfu jew jixxejnu gradwalment, u kwalunkwe xejra sinifikanti ta żieda fit-tniġġis tal-ilma ta' taħt l-art ukoll trid ukoll titreġġa' lura permezz ta' miżuri xierqa.

Skont l-Artikolu 8(1) tad-WFD l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi ta' monitoraġġ għall-valutazzjoni tal-istat tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta' taħt l-art sabiex tiġi stabbilita ħarsa koerenti u komprensiva tal-istat tal-ilma f'kull distrett ta' baċin tax-xmara. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu l-monitoraġġ ta' żoni protetti fir-rigward tal-istat tal-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art. Abbażi tal-Artikolu 8(2) tad-WFD il-programmi ta' monitoraġġ kellhom ikunu operattivi sat-22 ta’ Diċembru 2006. Ir-riżultati tal-monitoraġġ ser ikollhom rwol ewlieni fl-iddeterminar ta' jekk l-ilmijiet humiex fi stat tajjeb u x'miżuri jeħtieġ li jiddaħħlu fil-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar sabiex bħala regola jinltaħaq l-istat tajjeb sal-2015. Riżultati preċiżi u affidabbli tal-monitoraġġ huma għalhekk prirekwiżiti għall-ippjanar tajjeb tal-investimenti fil-programm ta' miżuri.

Dan ir-rapport u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni anċillari jippreżentaw ir-riżultati tal-analiżi tal-informazzjoni dwar il-programmi ta' monitoraġġ tad-WFD li wasslu mingħand l-Istati Membri.

METODOLOġIJA GħALL-KONTROLLI TAL-KONFORMITÀ

Il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-informazzjoni li rċeviet bl-għajnuna ta' għadd ta' indikaturi tal-konformità. L-approċċ metodoloġiku u r-riżultati dettaljati tal-analiżi huma deskritti fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni anċillari.

FATTI U ĊIFRI DWAR IL-PROGRAMMI TA' MONITORAġġ TAL-ISTATI MEMBRI

Ir-rapporti ta' monitoraġġ tal-Istati Membri juru li hemm madwar 57,000 stazzjon ta' monitoraġġ stabbiliti għall-monitoraġġ tad-WFD għall-ilma tal-wiċċ u 51,000 għall-ilma ta' taħt l-art. Fil-każ tal-ilma tal-wiċċ, l-akbar ammont qatigħ tal-istazzjonijiet tal-monitoraġġ jinsab fuq ix-xmajjar, segwit b'ammonti daqstant għoljin għal-lagi u l-ilmijiet kostali.

Għall-ilmijiet tal-wiċċ, aktar minn 26,000 stazzjon ta' monitoraġġ jaqgħdu l-funzjoni ta' monitoraġġ ta' sorvjeljanza u aktar minn 41,000 għall-monitoraġġ operazzjonali tal-istat ekoloġiku u/jew kimiku. Għall-ilma ta' taħt l-art, hemm madwar 31,000 stazzjon għall-monitoraġġ ta' sorvelanza tal-istat kimiku, madwar 20,000 stazzjoni għall-monitoraġġ operazzjonali, kif ukoll kważi 30,000 stazzjon għall-monitoraġġ tal-livell tal-ilma ta' taħt l-art.

Ħarsa madwar l-UE27 turi l-ogħla għadd ta' stazzjonijiet ta' monitoraġġ jinsabu fir-Renju Unit (12,807 stazzjoni), fl-Italja (8,311 stazzjon), fil-Ġermanja (6,688 stazzjon) u fid-Danimarka (6,085 stazzjon). Meta dawn in-numri jiġu standardizzati kull erja ta' 1,000 km2, ir-Renju Unit (52 stazzjon) u l-Irlanda (44 stazzjon) juru qatigħ l-ogħla densità ta' stazzjonijiet ta' monitoraġġ, filwaqt li l-pajjiżi Nordiċi bħall-Finlandja (anqas minn stazzjon) u l-Iżvezja (5 stazzjonijiet) għandhom għadd baxx ħafna. In-numri jvarjaw qatigħ bejn l-Istati Membri. Dan huwa parzjalment marbut mad-differenzi fil-karatteristiċi naturali, fid-densitajiet tal-popolazzjoni, fl-użi tal-ilma, kif ukoll fil-pressjonijiet li hemm, imma anki kunċetti differenti fid-diżinn tal-programmi ta' monitoraġġ (eż. fl-għażla tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ) influwenzaw dawn in-numri. Il-valutazzjoni teknika mwettqa mill-Kummissjoni identifikat għadd ta' diskrepanzi u defiċjenzi fid-diżinn tal-programmi ta' monitoraġġ li qed tingħata sinteżi tagħhom hawn taħt.

KONKLUżJONIJIET

L-irrappurtar

L-Istati Membri kollha rrapportaw dwar l-istabbilment ta' programmi ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 8 u l-Anness V tad-WFD, bl-eċċezzjoni tal-Greċja li ma rrapportatx u Malta li ma rrapportatx dwar il-programmi ta' monitoraġġ dwar l-ilma tal-. Barra minn hekk, ġew innutati diskrepanzi f'distretti individwali ta' baċini tax-xmajjar jew kategoriji individwali ta' ilma.

Għall-ewwel darba, l-Istati Membri rrapportaw elettronikament permezz tal-WISE, the W ater I nformation S ystem for E urope (is-Sistema tal-Informazzjoni tal-Ewropa dwar l-Ilma)[4]. Is-sottomissjoni elettronika tar-rapporti permezz tal-WISE rriżultat li kienet ta' suċċess b'total ta' 24 Stat Membru sal-lum jirrapportaw b'dan il-mezz. Il-WISE tipprovdi rrappurtar aktar effikaċi u armonizzat u diġà qed iwassal għal benefiċċji f'termini ta' evitar ta' rrappurtar doppju tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ.

Madankollu, għad hemm xi titjibiet meħtieġa biex jiġi żgurat li r-rapporti sottomessi jkunu ċari u komprensivi. Irrappurtar ċar u komprensiv huwa prirekwiżit biex jippremetti lill-Kummissjoni twettaq analiżi xierqa tal-implimentazzjoni. Eżempji ta' prattika tajba ta' rrappurtar ċar jinkludu r-rapporti tal-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Olanda.

Il-monitoraġġ

F'termini ġenerali, hemm sforz tajjeb ta' monitoraġġ madwar l-Unjoni Ewropea. Iktar minn 107,000 stazzjoni ta' monitoraġġ ġew irrappurtati għall-monitoraġġ tal-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta' taħt l-art skont id-Direttiva Qafas tal-Ilma. Fil-każ tal-ilma tal-wiċċ, l-akbar ammont qatigħ tal-istazzjonijiet tal-monitoraġġ jinsab fuq ix-xmajjar (75%), segwit bil-lagi (13%), l-ilmijiet kostali (10%) u l-ilmijiet tranżizzjonali (2%).

Ġeneralment, jidher li d-dispożizzjonijiet tal-Anness V għad-WFD u d-dokumenti eżistenti ta' gwida dwar il-monitoraġġ tal-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta' taħt l-art ġew applikati, minkejja li għad hemm lok għal titjib f'xi Stati Membri biex jittejbu l-fehim u l-applikazzjoni tal-kunċetti bażiċi tal-monitoraġġ ta' sorveljanza, operazzjonali u investigattiv.

Ir-rapporti mill-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija jistgħu jintużaw bħala eżempji ta' prassi tajba, u juru approċċ ċar għall-iżvilupp ta' programmi ta' monitoraġġ tad-WFD. Barra minn hekk, ir-rapport mill-Irlanda u r-Renju Unit juri sforz sinifikanti ta' monitoraġġ biex tiġi żgurata l-fiduċja fir-riżultati mill-monitoraġġ. Fl-aħħar nett, iridu jiġu rrikonoxxuti wkoll l-isforzi tal-pajjiżi li ssieħbu fl-UE fl-2007. Filwaqt li l-iżvilupp ta' metodi ta' vvalutar tal-istat ekoloġiku għad fadallu sew biex ikun komplut fil-Bulgarija u r-Rumanija, il-programmi ta' monitoraġġ ġew stabbiliti skont il-kunċetti tad-WFD u, partikolarment fir-Rumanija, ipprovdew monitoraġġ komprensiv.

Wieħed mill-elementi ewlieni tad-WFD huwa li twaqqaf qafas biex jitqiesu l-pressjonijiet u l-impatti kollha fl-ambjent akwatiku u tintegra r-rekwiżiti ta' leġiżlazzjoni oħra eżistenti tal-UE bħala miżuri bażiċi minimi. Id-WFD teħtieġ monitoraġġ speċifiku ta' oqsma protetti, partikolarment tal-ilmijiet użati għall-estrazzjoni tal-ilma tax-xorb u tal-ħabitat dipendenti mill-ilma u oqsma ta' protezzjoni tal-ispeċi. Madankollu, f'ħafna każijiet dawn ir-rekwiżiti speċifiċi ma ġewx inkorporati b'mod ċar fil-programmi ta' monitoraġġ tad-WFD. Il-programmi adottati fl-Irlanda jistgħu jintużaw bħala eżempju tajjeb ta' approċċ li jissodisfa dawn ir-rekwiżiti permezz ta' netwerks sekondarji speċifiċi ta' monitoraġġ. L-integrazzjoni ta' rekwiżiti ta' monitoraġġ minn Direttivi oħra fil-programmi ta' monitoraġġ fl-ambitu tad-WFD għandu jwassal għal benefiċċji ta' ppjanar u l-allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi għall-monitoraġġ.

Minkejja l-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni internazzjonali qed jitħaddem f'bosta distretti internazzjonali ta' baċini tax-xmajjar, ftit Stati Membri biss, bħall-Ġermanja, l-Irlanda, l-Olanda, ir-Rumanija u r-Renju Unit, irrapportaw li użawhom fl-istabbilment tal-programmi tagħhom ta' monitoraġġ. Sabiex jiġi żgurat ippjanar mmirat u tajjeb tal-programm ta' miżuri fid-distretti internazzjonali tal-baċini tax-xmajjar, l-Istati Membri jeħtieġu li jikkoordinaw il-programmi ta' monitoraġġ fid-distretti ta' baċini tax-xmajjar sabiex jipprovdu valutazzjoni integrata tal-pressjonijiet u l-impatti eżistenti.

L-għan ewlieni tal-monitoraġġ huwa li jiġi vvalutat l-istat tal-ilma fejn il-valutazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-ilma tal-wiċċ tkun ta' importanza kruċjali. Kif diġà rriżulta mill-eżerċizzju tal-interkalibrazzjoni[5], jibqa' għadd konsiderevoli ta' diskrepanzi fl- iżvilupp ta' metodi għall-valutazzjoni bijoloġika għall-iddeterminar tal-istat ekoloġiku. L-analiżi tal-informazzjoni pprovduta fuq il-programmi ta' monitoraġġ turi li għad hemm bosta distretti ta' baċini tax-xmajjar fejn għad ma hemmx il-metodi neċessarji għall-valutazzjoni tal-elementi ta' kwalità bijoloġika. Dan partikolarment jgħodd għall-pajjiżi li ssieħbu fl-UE fl-2004 u l-2007. Huwa importanti ħafna li l-Istati Membri jikkonkludu l-iżviluppi tal-metodi nazzjonali tagħhom u jkomplu l-ħidma fuq l-interkalibrazzjoni biex jiffinalizzaw l-eżerċizzju sal-2011 kif miftiehem fil-Kumitat tad-Direttiva Qafas tal-Ilma (Programm ta' Ħidma tal-Interkalibrazzjoni 2008-2011). Hemm bosta programmi ta' riċerka għaddejjin li mistennija jwasslu għal informazzjoni prezzabbli għall-iffinalizzar tal-eżerċizzju tal-interkalibrazzjoni, wieħed mill-ewlenin huwa l-WISER[6].

Kien hemm ftit informazzjoni dwar il-livelli ta' fiduċja u preċiżjoni tal-programmi ta' monitoraġġ kumplessivament u partikolarment tal-metodi ta' valutazzjoni għall-istat ekoloġiku. Għaldaqstant huwa diffiċli li jiġi vvalutat jekk il-programmi ta' monitoraġġ humiex ser iwasslu għal-livell suffiċjenti ta' fiduċja u preċiżjoni għall-fini tal-forniment ta' ħarsa koerenti u komprensiva tal-istat tal-ilmijiet madwar id-distretti ta' baċini tax-xmajjar u li jipprovdu l-informazzjoni għat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-programmi ta' miżuri. Il-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajar mistennija għal tmiem l-2009 ser jipprovdu stampa kompluta tad-distretti ta' baċini tax-xmajjar f'termini ta' pressjonijiet, impatti, valutazzjoni tal-istati u miżuri, u dan ser jippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod komprensiv ir-riżultati li joħorġu mill-programmi ta' monitoraġġ.

[1] Id-Direttiva 2000/60/KE, ĠU L 327, 22.12.2000, kif emendata.

[2] COM(2007)128 finali u d-dokument anċillari SEC(2007) 362.

[3] SEC(2009)415.

[4] Ara http://water.europa.eu/

[5] Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/915/KE tat-30 ta’ Ottubru 2008 li tistabbilixxi, skont id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-valuri tal-klassifikazzjonijiet tas-sistemi ta' monitoraġġ tal-Istati Membri bħala riżultat tal-eżerċizzju tal-interkalibrar, disponibbli fi http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2008:332:0020:0044:MT:PDF

[6] http://www.wiser.eu