52009DC0153

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-koeżistenza tal-uċuħ modifikati ġenetikament ma' dawk tal-biedja konvenzjonali u organika {SEK(2009) 408} /* KUMM/2009/0153 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 2.4.2009

KUMM(2009) 153 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-koeżistenza tal-uċuħ modifikati ġenetikament ma' dawk tal-biedja konvenzjonali u organika

{SEK(2009) 408}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-koeżistenza tal-uċuħ modifikati ġenetikament ma' dawk tal-biedja konvenzjonali u organika

1. Daħla

Il-koeżistenza tal-organiżmi modifikati ġenetikament (OMĠ) ma' dawk tal-produzzjoni agrikola konvenzjonali u organika hija direttament relatata mal-għażla prattika tal-konsumaturi u l-produtturi tal-agrikoltura sabiex jirrispettaw il-preferenzi individwali u l-opportunitajiet ekonomiċi, f'konformità mal-obligazzjonijiet legali dwar it-tikkettar tal-OMĠ. Skont id-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament[1], ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[2] u r-Regolament (KE) Nru 1830/2003 dwar it-traċċabilità u t-tikkettar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċabilità ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament[3], OMĠ kif ukoll prodotti tal-ikel u għalf li fihom, jikkonsistu jew huma prodotti minn OMĠ għandhom jiġu ttikkettati kif xieraq sabiex ikun hemm garanzija ta' għażla infurmata. Dan jimplika li l-prodotti li għandhom bżonn tikketta bħala MĠ għandhom ikunu segregati mill-prodotti li mhumiex ittikkettati.

Minħabba li l-aspetti ambjentali u tas-saħħa tal-kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ huma kompletament koperti matul il-proċedura tal-awtorizzazzjoni tagħhom, il-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest tal-koeżistenza jikkonċernaw il-miżuri tas-segregazzjoni teknika u l-konsegwenzi ekonomiċi possibbli tat-tħallit tal-uċuħ MĠ u tal-uċuħ li mhumiex MĠ.

Skont l-Artikolu 26a tad-Direttiva 2001/18/KE, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri nazzjonali xierqa dwar il-koeżistenza sabiex jevitaw il-preżenza mhux intenzjonata tal-OMĠ fi prodotti oħra. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/556/KE dwar linji gwida għall-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali u l-aħjar prattiki sabiex tkun żgurata l-koeżistenza tal-għelejjel modifikati ġenetikament mal-biedja konvenzjonali u organika[4], hija maħsuba sabiex tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji leġiżlattivi nazzjonali jew strateġiji oħra għall-koeżistenza.

F'Marzu 2006, il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri nazzjonali dwar il-koeżistenza ta' uċuħ MĠ ma' biedja konvenzjonali u organika[5].

Fit-22 ta' Mejju 2006 il-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura adotta Konklużjonijiet dwar il-Koeżistenza fejn stieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq l-attivitajiet li ġejjin:

1. Tippreżenta, mill-aktar fis possibbli l-limiti Komunitarji tat-tikkettar għaż-żrieragħ.

2. Tidentifika, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, l-aħjar prattika għall-miżuri tekniċi ta' segregazzjoni u, abbażi ta' din il-ħidma, tiżviluppa linji gwida għall-miżuri li huma speċifiċi għall-uċuħ.

3. Tintensifika l-użu tal-COEX-NET[6] sabiex ikun hemm skambju ta' tagħrif dwar is-segregazzjoni tal-uċuħ u l-miżuri tar-responsabbiltà, inklużi l-problemi transkonfinali relatati mal-koeżistenza, u sabiex tiddiskuti s-soluzzjonijiet possibbli fil-każ li jiġu osservati problemi bħal dawn.

4. Tesplora mal-Istati Membri l-modi possibbli sabiex jiġu minimizzati l-problemi transkonfinali relatati mal-koeżistenza.

5. Tesplora soluzzjonijiet sostenibbli, li huma konformi mal-liġi tal-UE, għal żoni fejn l-istrutturi agrikoli u l-kundizzjonijiet tal-biedja huma tali li koeżistenza fil-livell tal-biedja tinkiseb diffiċilment għal wiċċ partikolari.

6. Isaħħaħ ir-riċerka Ewropea dwar il-koeżistenza sabiex jimtela l-vojt fl-għarfien attwali u r-riżultati eżistenti tar-riċerka jkunu disponibbli għall-Istati Membri.

7. Tistudja s-sistemi differenti nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili relatati mal-applikazzjoni tagħhom fil-każ ta' danni ekonomiċi mit-tħallit tal-OMĠ fl-uċuħ li mhumiex MĠ, inklużi l-kwistjonijiet transkonfinali. F'dan il-kuntest, teżamina wkoll skemi ta' kumpens speċifiku u ta' assigurazzjoni żvilupati fl-Istati Membri.

8. Tkompli tesplora, flimkien mal-Istati Membri, jekk għandhomx jittieħdu iktar passi li jwasslu għal prinċipji komuni dwar il-koeżistenza.

Dan ir-rapport jipprovdi deskrizzjoni fil-qosor tal-attivitajiet tal-Kummissjoni relatati mal-mandat ipprovdut mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill. Jipprovdi wkoll deskrizzjoni fil-qosor tal-istat ta' implimentazzjoni tal-miżuri ta' koeżistenza nazzjonali u reġjonali, ibbażata fuq it-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri.

2. Il-limiti tat-tikkettar Komunitarju għaż-żrieragħ

Id-Direttiva 2001/18/KE tipprovdi għall-possibbiltà li ż-żrieragħ jiġu eżentati mit-tikkettar jekk ikollhom traċċi ta' żrieragħ MĠ awtorizzati għall-kultivazzjoni fl-UE li jkunu taħt ċertu limitu. Bħalissa l-Kummissjoni qiegħdha twettaq valutazzjoni tal-impatt għall-istabbiliment ta' dawn il-limiti tat-tikkettar għal żrieragħ li se jiffurmaw il-bażi ta' test leġiżlattiv tal-Kummissjoni li dalwaqt joħroġ. Waqt l-abbozzar tal-proposta, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-OMĠ tal-5 ta' Diċembru 2008 li dawn il-limiti għandhom jiġu ffissati fil-livelli l-iktar baxxi, prattikabbli, proporzjonali u funzjonali għall-operaturi ekonomiċi kollha, u jikkontribwixxu sabiex jiżguraw il-libertà tal-għażla għall-produtturi u l-konsumaturi tal-prodotti konvenzjonali, organiċi u MĠ bl-istess mod.

3. linji gwida għal miżuri ta' koeżistenza għal uċuħ speċifiċi, problemi transkonfinali u reġjuni fejn il-koeżistenza tinkiseb diffiċilment

Il-Kummissjoni ħolqot l-Uffiċċju Ewropew għall-Koeżistenza (European Coexistence Bureau, ECoB[7]), li huwa mmirat lejn l-iżvilupp ta' Dokumenti dwar l-Aħjar Prattika għal uċuħ speċifiċi għal miżuri tekniċi ta' koeżistenza. L-ECoB se jindirizza wkoll il-modi possibbli sabiex ikunu minimizzati l-problemi transkonfinali potenzjali relatati mal-koeżistenza u jiżviluppa rakkomandazzjonijiet għal żoni fejn l-istrutturi agrikoli u l-kundizzjonijiet tal-biedja huma tali li l-koeżistenza fil-livell tal-biedja tinkiseb diffiċilment għal wiċċ partikolari.

L-ECoB jikkonsisti minn Segretarjat u Gruppi Tekniċi ta' Ħidma għal uċuħ speċifiċi magħmula minn rappreżentanti tekniċi tal-Istati Membri. Il-partijiet interessati jiġu kkonsultati, b'mod partikolari, permezz tal-Gruppi ta' Konsulenza rilevanti stabbiliti mill-Kummissjoni.

L-ewwel Grupp ta' Ħidma Tekniku tal-ECoB jitratta l-iżvilupp tal-miżuri ta' koeżistenza fil-produzzjoni tal-uċuħ tal-qamħirrum. Huwa assunt li se jiżviluppa Dokument tal-Aħjar Prattika għall-produzzjoni tal-uċuħ tal-qamħirrum sal-2010.

4. Il-grupp tan-netwerk għall-iskambju u l-koordinazzjoni ta' tagħrif dwar il-koeżistenza (COEX-NET)

Il-Grupp tan-Netwerk għall-Iskambju u l-Koordinazzjoni ta' Tagħrif dwar il-Koeżistenza ta' Uċuħ Modifikati Ġenetikament, Konvenzjonali u Organiċi (COEX-NET) għandu l-għan li jiffaċilita l-iskambju ta' tagħrif bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tal-koeżistenza. Saru żewġ laqgħat ta' dan il-grupp fl-2006, laqgħa waħda fl-2007, u laqgħa oħra fl-2008.

5. L-attivitajiet tar-riċerka fil-livell Komunitarju relatati mal-koeżistenza

Tliet proġetti tar-riċerka relatati mal-koeżistenza kienu appoġġati taħt is-Sitt Programm ta' Qafas għar-Riċerka Komunitarja. Il-proġett SIGMEA spiċċa f'Novembru 2008. Dan studja l-fluss temporali u spazjali tal-ġene minn OMĠ fl-Ewropa kemm fis-sistemi ta' produzzjoni taż-żrieragħ kif ukoll f'dawk tal-uċuħ sabiex jiddetermina miżuri xierqa ta' koeżistenza. Il-proġetti TRANSCONTAINER u CO-EXTRA għadhom għaddejin u se jispiċċaw matul l-2009.

Fi Frar 2006, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni ppubblika rapport[8], li janalizza l-ħtieġa u l-probabbiltà tat-tibdiliet fil-prattiki agrikoli sabiex tkun żgurata l-koeżistenza.

6. Ir-responsabbiltà Nazzjonali u l-iskemi ta' kumpens għad-danni li jirriżultaw mit-taħlit tal-OMĠ.

It-taħlit tal-OMĠ tista' twassal għad-devalwazzjoni tal-prodotti li mhumiex MĠ, li tkun tfisser danni ekonomiċi għall-produtturi tagħhom. Pereżempju, il-prodott affettwat jista' jkun meħtieġ li jiġi ttikkettat bħala MĠ skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, u dan jista' jirriżulta fi dħul inqas mis-suq.

Jista' jkun ukoll li t-tħallit tal-OMĠ ikollu implikazzjonijiet speċifiċi għall-prodotti organiċi. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi[9] jistipula li l-prodotti, li jeħtieġu t-tikkettar skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja minħabba t-tħallit tal-OMĠ, ma jistgħux jibqgħu jitqiegħdu fis-suq b'tikketta organika.

Ir-responsabbiltà fl-eventwalità ta' danni ekonomiċi lill-uċuħ li mhumiex MĠ li tirriżulta mit-tħallit tal-OMĠ huwa każ għal-liġi ċivili, li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Studju[10] ordnat mill-Kummissjoni wera li l-ġurisdizzjonijiet nazzjonali kollha jipprovdu minimu ta' protezzjoni f'każijiet ta' danni bħal dawn skont il-kundizzjonijiet regolari tal-liġi rigward id-danni. Il-maġġoranza tal-Istati Membri għadhom ma biddlux il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-liġi ġenerali rigward id-danni għall-każ speċifiku li nqala' bit-taħlit tal-OMĠ.

Madankollu, hemm differenzi bejn il-liġijiet ġenerali rigward id-danni tal-Istati Membri, li jimplikaw differenzi fil-mod kif se jiġu amministrati u solvuti t-talbiet potenzjali relatati mat-taħlit tal-OMĠ. Pereżempju, fis-sistemi bbażati fuq ta' min ikun it-tort, hija meħtieġa l-prova ta' dak li sar ħażin jew in-negliġenza tad-difiża, filwaqt li f'sistemi ta' responsabbiltà severi, il-ġudizzju ma jiddependix minn ġudizzju ta' valur tal-imġiba tal-akkużat. Uħud mill-Istati Membri introduċew sistemi severi ta' responsabbiltà li japplikaw speċifikament għad-danni li jirriżultaw mit-taħlit tal-OMĠ.

Barra minn hekk, kważi s-sistemi legali kollha għandhom regoli speċifiċi dwar l-argumenti ta' bejn il-ġirien, li jistgħu japplikaw ukoll fl-eventwalità ta' danni ekonomiċi li jirriżultaw mit-taħlit tal-OMĠ.

S'issa, fl-ebda Stat Membru ma kien hemm kawża fil-qorti li turi l-applikazzjoni attwali tar-regoli differenti fis-seħħ mill-qrati nazzjonali.

Bħalissa, jidher li l-prodotti tal-assigurazzjoni li jkopru t-taħlit tal-OMĠ mhumiex disponibbli fis-swieq tal-UE. Madankollu, f'erba' Stati Membri, għall-kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ, il-liġi titlob kopertura tal-assigurazzjoni jew tipi alternattivi ta' garanzija finanzjarja għal danni ekonomiċi potenzjali, inkella din tista' tintalab wara li ssir valutazzjoni każ b'każ.

Xi Stati Membri stabbilixxew fondi ta' kumpens għal danni ekonomiċi li jirriżultaw mit-taħlit tal-OMĠ. Fejn hemm definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-pagamenti fl-iskema, il-fondi huma ffinanzjati minn taxxa għall-kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ. Minħabba li s'issa, l-ebda kumpens għadu ma tħallas minn dawn il-fondi, ma jistax ikun hemm ġudizzju dwar jekk dawn it-taxxi humiex xierqa sabiex ikun evitat jew nuqqas ta' forniment ta' fondi u, b'hekk, ir-riskju li ċerta danni ma jkunux ikkumpensati kompletament, jew wisq finanzjament, li jfisser il-ħolqien ta' piż ekonomiku żejjed fuq il-biedja tal-għelejjel MĠ.

S'issa, ma ġew irrapportati l-ebda danni ekonomiċi li jirriżultaw mit-taħlit transkonfinali tal-OMĠ mill-Istati Membri. Ġeneralment, kwistjonijiet ġuridiċi tal-kawżi transkonfinali jiġu indirizzati bir-Regolament ta' Ruma II[11].

7. Deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri ta’ koeżistenza nazzjonali

Fl-istadju attwali, 15-il Stat Membru adottaw leġiżlazzjoni speċifika dwar il-koeżistenza[12]. L-abbozz ta' leġiżlazzjoni ta' tliet Stati Membri oħra ġie nnotifikat lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni teżamina l-kompatibilità tal-miżuri ta' koeżistenza nazzjonali mas-suq intern skont id-Direttiva 98/34/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ tagħrif fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi[13].

L-ebda Stat Membru ma rrapporta l-indirizzar tal-koeżistenza permezz ta' strumenti li mhumiex leġiżlattivi, iżda f'ċerti Stati Membri l-iżvilupp ta' qafas regolatorju mhuwiex ippjanat fil-futur qrib għaliex tqies li x'aktarx il-kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ fuq it-territorju tagħhom mhux se sseħħ.

F'uħud mill-Istati Membri, il-kompetenza għall-koeżistenza taqa' fil-livell reġjonali.

Fin-nuqqas ta' kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ f'ħafna mill-Istati Membri, prattikament għadu ma ġie implimentati l-ebda programm ta' monitoraġġ tal-applikazzjoni u l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni tal-koeżistenza. Il-programmi ta' monitoraġġ li jeżistu f'ċerti Stati Membri ma żvelawx riżultati negattivi f'dak li għandu x'jaqsam man-nuqqas ta' konformità mal-koeżistenza obbligatorja jew ir-regoli tat-tikkettar.

L-ebda Stat Membru ma indika li r-regoli ta' koeżistenza li jeżistu mhux se jkunu suffiċjenti sabiex jiżguraw livelli xierqa ta' segregazzjoni tal-uċuħ MĠ u dawk li mhumiex MĠ. L-Istati Membri ma rreferew għall-ebda kawża fil-qorti dwar it-taħlit tal-OMĠ mal-uċuħ li mhumiex MĠ, iżda kienet irrappurtata kawża waħda relatata mat-trobbija tan-naħal.

Apparti minn uħud mill-Istati Membri li għadhom ma bdewx jiżviluppaw approċċ dwar il-koeżistenza, l-Istati Membri kollha wettqu konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati għall-iżvilupp tal-miżuri tal-koeżistenza.

7.1. Tagħrif, reġistrazzjoni u proċeduri ta' taħriġ

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-tgħarrif lill-awtoritajiet pubbliċi, il-partijiet terzi u l-pubbliku ġenerali dwar il-kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ ivarjaw fid-dettalji. Uħud mill- Istati Membri jeħtieġu proċedura ta' approvazzjoni każ b'każ għall-kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ, filwaqt li oħrajn jeħtieġu biss li l-bdiewa jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ. Stat Membru wieħed ma jistipulax ir-reġistrazzjoni individwali mill-bdiewa tal-kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ.

Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, il-koltivaturi tal-uċuħ MĠ għandhom jgħarrfu lill-ġirien immedjati tagħhom, l-operaturi li magħhom jaqsmu l-makkinarju agrikolu, is-sidien tal-proprjetà fejn hija maħsuba l-kultivazzjoni, u fi tliet Stati Membri, lil dawk li jrabbu n-naħal fi ħdan ċertu perimetru madwar l-għalqa tal-uċuħ MĠ.

Il-pubbliku ġeneralment jiġi mgħarraf dwar il-kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ permezz ta' reġistru pubbliku, li jista' jinkludi tagħrif estensiv dwar iż-żoni ta' kultivazzjoni, inklużi d-dejta personali tal-koltivaturi u l-lok eżatt taż-żoni, jew inkella tagħrif dwar il-livell aggregat biss, eż. iż-żona totali tal-kultivazzjoni għal kull reġjun jew żona tal-awtorità lokali.

F'ċerti Stati Membri, id-distributuri taż-żrieragħ għandhom jirrapurtaw l-ammont ta' żrieragħ MĠ mibjugħ u/jew jgħarrfu lill-bdiewa dwar ir-regoli tal-koeżistenza fis-seħħ. L-operaturi li jieħdu ħsieb it-trasport, il-ħżin u l-ippakkjar tal-uċuħ MĠ xi drabi għandhom jiġu rreġistrati.

Uħud mill-Istati Membri jesiġu li l-koltivaturi tal-uċuħ MĠ jattendu taħriġ mandatorju jew juru għarfien suffiċjenti sabiex jimplimentaw il-miżuri ta' segregazzjoni meħtieġa.

7.2. Miżuri tekniċi ta' segregazzjoni

Il-maġġoranza tal-Istati Membri fasslu l-miżuri ta' koeżistenza b'ċertu manjiera li ma tippermettix li l-limiti tat-tikkettar għall-OMĠ fl-ikel u l-għalf li huma ffissati għal 0.9 % jinqabżu. Madankollu, uħud mill-Istati Membri indikaw li huma ħadmu sabiex it-taħlit tal-livelli tal-OMĠ ikun kemm jista' jkun baxx. Uħud mill-Istati Membri jqisu limiti futuri possibbli taż-żrieragħ f'valuri li huma differenti minn żero, u dan jillimita l-ambitu għat-taħlit minn sorsi oħra, mhux taż-żrieragħ u jesiġi miżuri ta' segregazzjoni iżjed severi f'dan il-qasam.

Tnax-il Stat Membru adottaw miżuri ta' segregazzjoni tal-inqas għal wiċċ wieħed. Is-segregazzjoni spazjali hija bbażata ġeneralment fuq id-distanzi ta' iżolament bejn l-għelieqi tal-uċuħ li mhumiex MĠ u l-għelieqi ġirien tal-uċuħ li mhumiex MĠ b'uċuħ li huma kompatibbli sesswalment. Id-distanzi ta' iżolament jistgħu xi drabi jkunu parzjalment jew kompletament mibdula b'żoni ta' lqugħ bejn l-għelieqi MĠ u dawk li mhumiex MĠ fejn jitkabbru wċuħ li mhumiex MĠ li huma sesswalment kompatibbli u li jinħasdu u jiġu ttrattati bħala pjanti MĠ. Fi Stati Membri oħra, iż-żoni ta' lqugħ huma supplimenti mandatorji għad-distanzi ta' iżolament. L-użu possibbli ta' żminijiet differenti ta' meta joħorġu l-fjuri huwa permess minn żewġ Stati Membri.

Xi Stati Membri jesiġu konsultazzjoni obbligatorja mal-ġirien, u f'ċerti każijiet il-qbil tagħhom bil-miktub għall-kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ jekk tintuża l-art tagħhom stess sabiex jiġu implimentati d-distanzi ta' iżolament.

L-ispeċijiet li s'issa ġew indirizzati bil-miżuri nazzjonali ta' segregazzjoni jinkludu l-qamħirrum, u f'ċerti Stati Membri anke l-patata, il-pitravi tal-ikel, il-pitravi tal-għalf, il-qamħ u ż-żejt taż-żerriegħa tal-lift.

F'sitt Stati Membri l-miżuri ta' segregazzjoni bejn l-għelieqi tal-uċuħ MĠ u l-għelieqi organiċi huma iżjed stretti meta mqabbla ma' dawk li japplikaw bejn l-għelieqi tal-uċuħ MĠ u l-għelieqi konvenzjonali. F'sitt Stati Membri oħra japplikaw miżuri ta' segregazzjoni identiċi. Uħud mill-Istati Membri jiddefinixxu miżuri ta' segregazzjoni differenti dwar għelieqi użati għall-produzzjoni taż-żrieragħ.

Il-miżuri ta' segregazzjoni jvarjaw bejn l-Istati Membri: pereżempju, id-distanzi ta' iżolament għall-produzzjoni tal-qamħirrum ivarjaw bejn 25 m u 600 m fir-rigward tal-qamħirrum konvenzjonali u bejn 50 m u 600 m fir-rigward tal-qamħirrum organiku.

Stat Membru jesiġi li l-koltivaturi tal-uċuħ MĠ josservaw id-distanzi ta' iżolament relatati ma' siti stabbiliti tat-trobbija tan-naħal.

Fl-Istati Membri kollha l-miżuri ta' segregazzjoni għandhom jiġu applikati mill-koltivaturi tal-uċuħ MĠ u l-operaturi relatati maż-żrieragħ u l-ħsad MĠ. F'dawk il-każijiet biss fejn koltivaturi tal-uċuħ li mhumiex MĠ jaqblu volontarjament mal-implimentazzjoni konġunta tal-miżuri ta' segregazzjoni li jkunu meħtieġa li jadottaw daqsxejn responsabbiltà. Għall-koeżistenza fil-produzzjoni taż-żrieragħ, xi Stati Membri jassenjaw ir-responsabbiltà lill-produtturi taż-żrieragħ u oħrajn lill-koltivaturi tal-uċuħ MĠ.

Xi Stati Membri jħallu lill-operaturi jaqblu bejniethom sabiex ma jimplimentawx il-miżuri ta' segregazzjoni bejn l-għelieqi tagħhom, filwaqt li fi Stati Membri oħra s-segregazzjoni hija obbligatorja fil-każijiet kollha.

Xi Stati Membri jirregolaw is-segregazzjoni waqt operazzjonijiet agrikoli speċifiċi differenti (eż. fil-kultivazzjoni taż-żerriegħa, fil-ħsad, fl-operazzjonijiet ta' wara l-ħsad, fit-trasport, fil-ħżin), filwaqt li oħrajn jindirizzaw biss is-segregazzjoni mill-għelieqi ġirien.

7.3. Restrizzjonijiet tal-kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ

Bosta Stati Membri jesiġu l-proċeduri speċifiċi għal, jew il-projbizzjoni ta' kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ fiż-żoni li jinsabu taħt protezzjoni ambjentali (eż. iż-żoni tan-Natura 2000). Dawn il-miżuri mhumiex relatati mal-koeżistenza u jeħtieġ li ssir valutazzjoni tagħhom skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Komunità.

Minkejja li xi Stati Membri jipprovdu għall-possibbiltà sabiex issir definizzjoni tar-reġjuni fejn il-kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ tista' tkun ipprojbita għal raġunijiet soċjoekonomiċi, dawn ir-reġjuni għalissa għadhom ma nħolqux. Jeħtieġ li l-Kummissjoni tiġi innotifikata dwar it-twaqqif ta' reġjuni bħal dawn . Fin-nuqqas ta' notifika, il-miżuri jistgħu ma jkunux applikabbli u għalhekk ma jkunux jistgħu jiġu inforzati kontra l-individwi. Ċerti reġjuni f'għadd ta' Stati Membri iddikjaraw lilhom infushom bħala liberi mill-OMĠ, imma dikjarazzjonijiet bħal dawn huma ta' natura politika u ma jikkostitwixxux projbizzjonijiet li jorbtu legalment.

Xi Stati Membri jipprovdu għall-possibbiltà li jagħżlu reġjuni fejn jew il-varjetajiet MĠ biss ta' wiċċ partikolari jew, inkella, varjetajiet li mhumiex MĠ biss jistgħu jiġu kkultivati abbażi ta' deċiżjonijiet volontarji mill-bdiewa kollha fiż-żona.

Erba' Stati Membri jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-qamħirrum MĠ MON810 skont il-miżuri tas-salvagwardja stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-UE f'każijiet ta' evidenza xjentifika ġdida relatata mal-valutazzjoni ta' sikurezza tal-OMĠ. F'dawn l-Istati Membri, il-kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ bħalissa mhijiex possibbli għaliex il-MON810 bħalissa huwa l-uniku wiċċ MĠ disponibbli għall-kultivazzjoni kummerċjali fl-UE. Dawn il-miżuri mhumiex relatati mal-koeżistenza u qed ikunu indirizzati skont il-proċedura tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

7.4. Dispożizzjonijiet amministrattivi

Ir-regoli tal-infurzar u l-monitoraġġ tal-miżuri tal-koeżistenza ġew implimentati mill-maġġoranza tal-Istati Membri li stabbilixxew leġiżlazzjoni dwar il-koeżistenza. Madankollu, l-applikazzjoni prattika tal-proċeduri inbdiet biss f'dawk l-Istati Membri fejn l-uċuħ MĠ huma fil-fatt ikkultivati.

Il-ksur tal-liġi tal-leġiżlazzjoni dwar il-koeżistenza hija punibbli f'uħud mill-Istati Membri, imma mhux f'kollha.

7.5. Esperjenza kummerċjali bil-kultivazzjoni tal-qamħirrum MĠ

L-unika wiċċ MĠ li attwalment huwa kkultivat fl-UE huwa l-qamħirrum MĠ MON810, li huwa reżistenti għal ċerti pesti lepidopteran. Fl-2008, skont tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri, il-MON810 ġie kkultivat f'sitt Stati Membri (CZ, DE, ES, PT, RO, SK) ġo żona ta' kultivazzjoni ta' madwar 100 000 ettaru, li hija daqs 1.2 % tat-total tal-kejl tal-art f'ejkers tal-qamħirrum fl-UE27 din is-sena. Madankollu, f'ċerti Stati Membri, il-kultivazzjoni tal-qamħirrum modifikat tirrappreżenta sehem ikbar mill-produzzjoni tal-qamħirrum (eż. iktar minn 20 % fl-ES).

Ġeneralment, l-Istati Membri jikkunsidraw il-leġiżlazzjoni tal-koeżistenza nazzjonali tagħhom bħala waħda li ma għandiex impatt qawwi fuq l-introduzzjoni tal-uċuħ MĠ mill-bdiewa, imma din il-kwistjoni jistħoqqilha iktar investigazzjoni. Ġeneralment, ix-xejra hija li ż-żoni ta' kultivazzjoni qed jespandu fis-sitt Stati Membri msemmija hawn fuq, ħamsa mil-liema waqqfu regoli mandatarji dwar il-koeżistenza.

7.6. Kwistjonijiet transkonfinali

S'issa, ftit Stati Membri biss bdew il-kollaborazzjoni ma' Stati Membri oħra sabiex jiżviluppaw miżuri possibbli sabiex jindirizzaw kwistjonijiet tal-koeżistenza transkonfinali. Ma ġiet iddokumentata l-ebda kawża dwar taħlit transkonfinali tal-OMĠ.

7.7. Attivitajiet ta' riċerka nazzjonali dwar il-koeżistenza

Bosta Stati Membri rrappurtaw attivitajiet ta' riċerka nazzjonali sabiex isostnu l-iżvilupp tal-miżuri ta' koeżistenza. L-attivitajiet ta' riċerka f'dan il-qasam għadhom sejrin fi tlettax-il Stat Membru.

8. Konklużjonijiet

Mill-2006, l-Istati Membri għamlu progress sinifikanti fl-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-koeżistenza. Dan l-iżvilupp tal-qafas leġiżlattiv mexa flimkien mal-espansjoni moderata taż-żona ta' kultivazzjoni li jinvolvi l-uċuħ MĠ. Madankollu, il-produzzjoni tal-uċuħ MĠ għadha produzzjoni speċjalizzata fl-UE, li bħalissa għandha prodott wieħed biss MĠ b'użu kummerċjali u bil-kultivazzjoni fuq skala limitata ħafna.

Minkejja li hemm kontroversja għaddejja dwar il-kultivazzjoni tal-uċuħ MĠ fl-UE fis-soċjetà inġenerali, ma hemmx indikazzjoni konkreta li kien hemm diffikultatjiet prattiċi dwar l-introduzzjoni tal-uċuħ MĠ fl-agrikoltura tal-UE. Din il-valutazzjoni hija, madankollu, ibbażata fuq l-esperjenza kummerċjali limitata ggwadanjata s'issa. Iżjed esperjenza prattika estensiva li tirriżulta mill-kultivazzjoni matul diversi snin hija limitata għal xi reġjuni f'xi ftit Stati Membri.

Ma kienx hemm rapporti ta' danni ekonomiċi li rriżultaw jew min-nuqqas ta' konformità mar-regoli ta' koeżistenza nazzjonali jew mir-regoli nfushom li ma jkunux xierqa fis-sens li ma jiksbux livelli suffiċjenti ta' segregazzjoni bejn il-produzzjoni ta' uċuħ MĠ u dawk li mhumiex MĠ. Il-programmi ta' monitoraġġ magħmula mill-Istati Membri ma żvelawx xi nuqqasijiet fir-regoli li hemm fis-seħħ.

L-approċċi ta' koeżistenza applikati fl-Istati Membri jvarjaw fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi u l-miżuri tekniċi ta' segregazzjoni. Madankollu, ma hemmx evidenza li torbot, li turi li d-differenzi fil-qafas leġiżlattiv huma fattur determinanti fl-għażla tal-bdiewa jekk jikkultivawx l-uċuħ MĠ jew le. Aspetti oħra li jidhru li għandhom rwol tal-inqas tal-istess importanza huma l-eżistenza ta' fetħiet fis-suq għall-prodotti MĠ, il-varjazzjoni reġjonali dwar il-vantaġġi jew l-iżvantaġġi possibbli tal-uċuħ MĠ fuq il-kontraparti konvenzjonali jew organiċi tagħhom, u l-fatturi li jmexxu s-soċjetà bħall-argumenti ta' bejn il-ġirien u l-qerda tal-għelieqi. L-importanza ta' dawn l-aspetti toħroġ fid-distribuzzjoni spazjali eteroġena tal-kultivazzjoni tal-OMĠ anke ġewwa l-Istati Membri taħt sistemi ta' koeżistenza identiċi.

Id-differenzi osservati fost il-miżuri nazzjonali jistgħu, tal-inqas sa ċertu punt, ikunu attribwiti għall-varjazzjoni reġjonali tal-fatturi agronomiċi, klimatiċi u oħrajn li jiddeterminaw il-possibbiltà ta' taħlit OMĠ ma' wċuħ oħra. Trid tinkiseb iktar esperjenza sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni sħiħa tal-effiċjenza tal-miżuri nazzjonali ta' koeżistenza. L-Uffiċċju Ewropew għall-Koeżistenza għandu jiżviluppa gwida dwar dan.

Minkejja li l-approċċi differenti ta' koeżistenza bejn l-Istati Membri ġirien għandhom il-potenzjal li joħolqu problemi tal-qsim tal-fruntieri, dawn id-diffikultajiet ma ġewx osservati fil-prattika. Għalhekk, għal issa ma jidhirx li hemm il-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri speċifiċi dwar il-kwistjonijiet tal-qsim tal-fruntieri relatati mal-koeżistenza.

Il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li huwa xieraq li tibda bl-iżvilupp ta' strumenti legali tal-Komunità li jistgħu jinterferixxu mad-dispożizzjonijiet nazzjonali tar-responsabbiltà relatati mad-danni kkawżati mit-taħlit tal-OMĠ. Kif spjegat iktar 'il fuq, ħafna mid-diversità f'dan il-qasam tirriżulta minn differenzi fir-responsabbiltà nazzjonali eżistenti u s-sistemi ta' kumpens, li japplikaw ukoll ma' dak li huwa relatat mal-attivitajiet ekonomiċi. Dawn id-differenzi għalissa għadhom ma wasslux għall-ħtieġa ta' armonizzazzjoni. Barra minn hekk, il-ġurisdizzjonijiet differenti tal-Istati Membri żviluppaw kulturi individwali ta' talbiet u kulturi distinti ta' kumpens. Il-ħolqien ta' regoli uniformi għax-xenarju dejjaq maħluq mit-taħlit tal-OMĠ jista' jwassal għall-applikazzjoni parallela ta' reġimi differenti tal-liġi rigward id-danni fi Stat Membru wieħed.

Minħabba n-nuqqas apparenti ta' soluzzjonijiet tal-assigurazzjoni għal danni bħal dawn, l-Istati Membri qed ikunu mħeġġa jesploraw il-passi mmirati lejn il-faċilitar tal-iżvilupp ta' prodotti xierqa mill-assiguraturi.

L-attivitajiet tar-riċerka dwar l-aspetti varji tal-koeżistenza għadhom għaddejin f'ħafna mill-Istati Membri, u jillustraw il-ħtieġa ta' iktar żvilupp tal-bażi tal-għarfien dwar il-koeżistenza. Se jkunu meħtieġa iktar attivitajiet ta' riċerka fuq terminu ta' żmien medju sabiex jindirizzaw is-segregazzjoni tal-ktajjen ta' prodotti MĠ u li mhumiex MĠ lil hinn mix-xatba tar-razzett.

Il-valutazzjoni tal-aħjar passi għall-ġejjieni sabiex tiġi indirizzata l-koeżistenza jeħtieġ li tqis l-esperjenza kummerċjali tal-Istati Membri. Trid tinkludi valutazzjoni solida tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-miżuri implimentati, u analiżi tal-impatt tal-miżuri nazzjonali dwar il-kompetittività tal-bdiewa u l-libertà tal-għażla kemm tal-bdiewa kif ukoll tal-konsumaturi. Bħalissa ma jidhirx li hemm il-ħtieġa għal devjazzjoni mill-approċċ ibbażat fuq is-sussidjarjetà fir-rigward tal-koeżistenza u li tiġi żviluppata iktar armonizzazzjoni dwar dan is-suġġett.

Il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li tniedi l-azzjonijiet li ġejjin relatati mal-koeżistenza:

- Il-Kummissjoni, kemm jista' jkun malajr, se tikkonkludi valutazzjoni tal-impatt ekonomika dwar l-istabbiliment ta' limiti potenzjali futuri taż-żrieragħ. Il-Kummissjoni se tipproponi segwitu leġiżlattiv xieraq abbażi ta' din il-valutazzjoni.

- Il-Kummissjoni se tkompli l-attività tal-COEX-NET sabiex trawwem sens ta' skambju tat-tagħrif dwar il-koeżistenza mal-Istati Membri dwar l-esperjenza prattika, u r-riżultati tal-monitoraġġ u tar-riċerka.

- Flimkien mal-Istati Membri, u wara l-konsultazzjonijiet mal-gruppi tal-partijiet interessati rilevanti, il-Kummissjoni se tiżviluppa gwida teknika dwar il-miżuri ta' koeżistenza li huma speċifiċi skont l-uċuħ fl-Uffiċċju Ewropew għall-Koeżistenza.

- Skont il-Programm ta' Qafas għar-Riċerka Komunitarja, il-Kummissjoni se tappoġġa iktar riċerka li hija bbażata fuq ħtiġijiet stabbiliti b'mod ċar li qed jiġu identifikati fl-inizjattivi li għaddejjin bħalissa u dawk futuri.

- Fl-2012, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar is-sitwazzjoni tal-koeżistenza fl-Istati Membri, abbażi tat-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri.

[1] ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u r-Regolament (KE) 1830/2003.

[2] ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

[3] ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.

[4] ĠU L 189, 29.7.2003, p. 36.

[5] COM(2006) 104 finali u Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni:http://ec.europa.eu/agriculture/co-existence/sec313_en.pdf

[6] Il-Grupp tan-Netwerk għall-Iskambju u l-Koordinazzjoni tat-Tagħrif dwar il-Koeżistenza.

[7] http://ecob.jrc.ec.europa.eu/

[8] ftp://ftp.jrc.es/pub/EURdoc/eur22102en.pdf

[9] ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

[10] http://ec.europa.eu/agriculture/analysis/external/liability_gmo/index_en.htm

[11] Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II). ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.

[12] AT, BE, CZ, DE, DK, FR, HU, LT, LU, LV, NL, PT, RO, SE, SK.

[13] ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Abbozz tal-miżuri jista' jinkiseb mid- data base pubblika fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/tris/pisa/app/search/