Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Rapport dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u l-elettriku {SEC(2009) 287} /* KUMM/2009/0115 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 11.3.2009 KUMM(2009) 115 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Rapport dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u l-elettriku {SEC(2009) 287} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Rapport dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u l-elettriku A. IL-KUNTEST Il-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-UE tal-elettriku u l-gass, li bdiet bosta snin ilu, għenet fit-tiġdid tas-settur tal-enerġija. Għenet biex jiġi żviluppat il-potenzjal imprenditorjali f'dan is-settur b'effetti ta' ġid għal varjetà ta' attivitajiet b'rabta mal-enerġija, mill-produzzjoni ta' forom varji ta' enerġija rinnovabbli sal-ħolqien ta' swieq finanzjarji għad-derivattivi tal-enerġija. Il-parteċipanti fis-suq issa huma aktar lesti li jadattaw għall-bidliet ekonomiċi u ambjentali mgħaġġla - partikolarment fejn jidħlu l-isfidi speċifiċi li l-bidla klimatika tippreżenta għas-settur tal-enerġija. Ir-rapporti attwali juru li, matul l-aħħar ħames snin, seħħ titjib konsiderevoli fis-suq tal-UE tal-elettriku u l-gass. Filwaqt li dawn l-iżviluppi huma inkuraġġanti u jenfasizzaw il-benefiċċji tal-proċess tal-liberalizzazzjoni, għadu ma ġiex sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-liberalizzazzjoni. Għad hemm għadd ta' oqsma u Stati Membri fejn il-leġiżlazzjoni eżistenti (it-tieni pakkett tas-suq intern) għadha ma ġietx implimentata kif xieraq jew fejn irriżultat il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni ġdida. Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell nazzjonali permezz tal-użu tal-proċeduri ta' ksur u biex tikkomplementa l-leġiżlazzjoni tas-suq intern bit-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija[1]. F'Ġunju u Lulju 2008, il-pakkett għadda mill-ewwel qari tiegħu fil-Parlament Ewropew; f'Ottubru 2008, intlaħaq qbil politiku fil-Kunsill. It-tieni qari beda f'Jannar 2009, u qiegħed fl-istadju li jiġi adottat sa nofs l-2009. Għalhekk, it-tielet pakkett tas-suq intern ser jeħtieġ li jiġi implimentat fil-liġi nazzjonali. Wieħed mill-finijiet ta' dan ir-rapport huwa għalhekk li jiġu identifikati n-nuqqasijiet tas-sitwazzjoni preżenti u li jiġi indikat f'liema oqsma tinħtieġ aktar azzjoni. Bażikament, il-kontribut għal dan ir-rapport sar f'żewġ forom: ir-rapporti nazzjonali mibgħuta mir-regolaturi nazzjonali u d-dejta mill-Eurostat dwar il-prezzijiet finali. Ir-rapporti nazzjonali ntbagħtu lill-Kummissjoni fit-tieni nofs tal-2008 u prinċipalment ikopru l-2007; id-dejta tal-Eurostat kienet disponibbli għall-ewwel nofs tal-2008. B. żVILUPPI F’OQSMA EWLENIN, NUQQASIJIET LI GħAD IRID JIġU INDIRIZZATI 1. Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Aktar minn erba' snin wara l-iskadenza (l-1 ta' Lulju 2004), l-implimentazzjoni tat-tieni Direttivi tal-Elettriku u tal-Gass[2].għadha ma tlestietx kompletament. Bosta Stati Membri inkluż DK, LU u NL, illum implimentaw sew iż-żewġ Direttivi permezz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali xierqa. Sar ukoll progress fi Stati Membri oħra: CZ, FI, DE, GR, LV, LT, SI u UK qarrbu l-liġijiet nazzjonali tagħhom lejn il-leġiżlazzjoni tal-UE wara l-ħruġ ta' opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea. Fil-każ ta' xi Stati Membri oħra, il-Kummissjoni kellha tieħu passi legali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u korretta ta' ċerti dispożizzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea kontinwament tiskrutinizza l-liġijiet nazzjonali. Il-monitoraġġ tal-konformità mar-Regolamenti tal-Elettriku[3] u tal-Gass[4] mill-Grupp tar-Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass (ERGEG) juri li għadha ma ntlaħqitx il-konformità sħiħa, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mas-setgħat tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (NRAs) li jimponu penalitajiet u f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasparenza u kwistjonijiet relatati. Għall-gass, il-pubblikazzjoni tal-punti rilevanti tad-dħul u l-ħruġ, tal-kapaċitajiet ikkuntrattati u disponibbli kif ukoll il-flussi storiċi nstabu li ma kinux sodisfaċenti f'għadd ta' Stati Membri. Il-Kummissjoni ser issegwi l-implimentazzjoni korretta ta' dawn ir-rekwiżiti eżistenti u, aktar minn hekk, tqis li jeħtieġ li r-rekwiżiti attwali jissaħħu aktar sabiex il-parteċipanti fis-suq jitfornew b'informazzjoni suffiċjenti. Qasam ieħor fejn jeħtieġ aktar azzjoni huwa fl-ibbilanċjar tar-regoli li għadhom ivarjaw ħafna fl-UE[5]. Il-konformità mar-Regolament tal-Elettriku u l-linji gwida dwar l-immaniġġjar tal-konġestjoni qed tittejjeb. Il-mekkaniżmi tal-allokazzjoni matul l-istess jum qed jitħaddmu f'madwar nofs l-interkonnessjonijiet; l-oħrajn jeħtieġu li jagħmlu l-istess. Jinħtieġ titjib sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti kollha ta' trasparenza u mekkaniżmu komuni ta' allokazzjoni koordinata tal-kapaċità[6]. Il-Kummissjoni Ewropea ser tikkunsidra li tiftaħ proċeduri ta' ksur f'oqsma ta' nuqqas ta' konformità mad-Direttivi u r-Regolamenti tal-elettriku u tal-gass. 2. Integrazzjoni tas-suq Prerekwiżit ewlieni għal suq integrat Ewropew tal-elettriku u l-gass huwa li dawk is-swieq għandhom ikunu konnessi adegwatement, u li dawk l-interkonnessjonijiet jintużaw effiċjentement. Iż-żieda li tirriżulta mill-kummerċ transkonfinali ser tgħin biex timmodera d-dominanza fis-suq u, hekk kif is-swieq isiru aktar kompetittivi, il-konsumaturi se jgawdu minn prezzijiet u servizzi kompetittivi. Il-konċentrazzjoni tar-renti tal-konġestjoni[7] fis-swieq tal-elettriku tindika li l-investiment fil-kapaċità transkonfinali jeħtieġ li jiżdied sabiex tintlaħaq l-integrazzjoni sħiħa tas-suq. Huwa inkuraġġanti li teżisti tendenza ċara lejn żieda fil-volumi nnegozjati fis-suq spot tal-kambju tal-enerġija[8], anki fejn il-volumi nnegozjati jirrappreżentaw biss sehem modest mit-total tal-konsum tal-elettriku[9]. Xejra oħra li qed tiġi nnutata hija l-attività eskalenti tal-kummerċjanti fil-kambju tal-enerġija. Tabella 1: Il-volumi nnegozjati fis-suq spot tal-kambji tal-enerġija Volum bħala % tal-konsum | Għadd ta' kummerċjanti attivi fil-kambji tal-enerġija (PX) | Id-Danimarka | 96,09 | 99,16 | 3,20 | Mhux dispon. | 9 | Mhux applik. | L-Iżvezja | 70,22 | 85,32 | 21,52 | Mhux dispon. | 150 | Mhux applik. | Spanja | 51,90 | 80,06 | 54,25 | 22 | 25 | 3 | L-Italja | 58,22 | 65,11 | 11,83 | 80 | 89 | 9 | Il-Finlandja | 42,00 | 45,85 | 9,16 | Mhux applik. | Mhux applik. | Mhux applik. | Il-Portugall | 0,00 | 43,63 | Mhux applik. | Mhux dispon. | 2 | Mhux applik. | Il-Litwanja | 18,88 | 21,98 | 16,43 | 5 | 5 | 0 | Il-Ġermanja | 15,60 | 21,48 | 37,68 | 161 | 192 | 31 | L-Olanda | 17,14 | 18,48 | 7,81 | Mhux dispon. | Mhux dispon. | Mhux applik. | Ir-Rumanija | 7,74 | 9,32 | 20,31 | Mhux dispon. | 99 | Mhux applik. | Franza | 6,19 | 9,20 | 48,73 | 74 | 68 | -6 | Il-Belġju | 0,59 | 8,43 | 1325,26 | Mhux dispon. | 24 | Mhux applik. | Ir-Renju Unit | 4,33 | 4,71 | 8,97 | 51 | 60 | 9 | L-Awstrija | 2,70 | 3,73 | 38,19 | 37 | 40 | 3 | Il-Polonja | 1,11 | 1,60 | 43,10 | Mhux dispon. | Mhux dispon. | Mhux applik. | Is-Slovenja | 0,01 | 0,01 | 97,45 | 14 | 15 | 1 | Sors: id-dejta tar-Regolaturi Il-volumi nnegozjati fiċ-ċentri tal-gass żdiedu bi 33 % fl-2007. Din kienet żieda oħra importanti wara ż-żieda ta' 44 % fl-2006. Għalissa, il-volumi fiżiċi mwassla f'bosta ċentri għadhom relattivament baxxi meta mqabbla mal-konsum totali fis-swieq tagħhom. Disinn 2: Il-volumi nnegozjati fiċ-ċentri Ewropej tal-gass (f'biljuni ta' m³) [pic] Sors: AT Kearney Bosta proġetti qed ifittxu li jagħtu mbuttatura lill-integrazzjoni tas-suq billi jaħsbu għal infrastruttura ġdida. Pereżempju, intlaħaq ftehim biex tinbena interkonnessjoni ġdida fuq il-fruntiera bejn Franza u Spanja. Xi proġetti infrastrutturali kbar ġodda ngħataw eżenzjonijiet mill-aċċess regolat għall-partijiet terzi skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva tal-Gass[10] jew l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Elettriku[11]. Inizjattivi reġjonali L-inizjattivi reġjonali fis-settur tal-elettriku wasslu għal xi progress konkret: il-kapaċità konġunta fuq il-fruntieri bejn l-Italja u s-Slovenja u l-Italja u l-Iżvizzera; il-pjattaforma tal-innegozjar kontinwu fl-istess jum fl-interkonnettur tal-Punent tal-Ġermanja u d-Danimarka; sistema transkonfinali tal-ibbilanċjar fl-interkonnettur bejn Franza u l-Ingilterra; l-implimentazzjoni tat-tgħaqqid tas-swieq ta' 'jum bil-quddiem' fl-interkonnessjonijiet bejn il-Ġermanja u d-Danimarka; u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni aktar dettaljata dwar il-karga, it-trażmissjoni u l-ibbilanċjar (fir-reġjun tat-Tramuntana u r-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant). Kull wieħed minn dawn l-iżviluppi huwa pass 'il quddiem. Biex tkompli tittejjeb l-integrazzjoni tas-swieq (reġjonali), għandu jkun hemm previst il-ħolqien ta' pjattaforma unika għall-irkant u t-tgħaqqid tas-swieq[12]. Il-progress li sar fir-rigward ta' uffiċċju komuni għall-irkant fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u uffiċċju tal-allokazzjoni tal-kapaċità (CASC) fir-reġjun tal-Punent Ċentrali għandu jservi ta' eżempju għar-reġjuni l-oħra. Fl-inizjattivi reġjonali tal-gass sar progress fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin: ġie stabbilit indiċi tal-prezzijiet 'jum bil-quddiem' tal-gass għaċ-Ċentru tal-Gass tal-Ewropea Ċentrali (CEGH); ġew żviluppati pjanijiet konkreti biex tiżdied l-interkonnessjoni fuq il-fruntiera bejn Franza u Spanja; il-ħidma fir-reġjun tal-Majjistral iffokat fuq l-ibbilanċjar, il-kwalità tal-gass, iċ-ċentri u t-trasparenza. Integrazzjoni ikbar tas-swieq teħtieġ allokazzjoni tal-kapaċitajiet aktar iffukata, l-offerta ta' servizzi li jiffaċilitaw il-kummerċ effiċjenti tal-gass u l-garanzija li t-tariffi tan-netwerk (ibbażati fuq il-kost b'addenda jew fuq is-suq) jipprovdu inċentivi għal investimenti transkonfinali b'mod partikolari. Hija tal-istess importanza l-implimentazzjoni ta' regoli ta' bbilanċjar mhux diskriminatorji u trasparenti li jkunu allineati bejn il-fruntieri nazzjonali. 3. Konċentrazzjoni u konsolidazzjoni Dwar is-suq tal-operaturi tal-elettriku, it-tliet l-ikbar ġeneraturi għadhom jikkontrollaw aktar minn 70 % tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni fi 15-il Stat Membru. Il-livell għoli ta' konċentrazzjoni tas-suq tal-operaturi tal-elettriku huwa kkonfermat mill-fatt li kien hemm suq moderament konċentrat fi tmien Stati Membri biss. Disinn 3: Il-konċentrazzjoni tas-swieq tas-suq tal-operaturi tal-elettriku (minn HHI) [pic] Sors: id-dejta tar-Regolatur Fis-suq tal-operaturi tal-gass, il-konċentrazzjoni hija saħansitra akbar. It-tliet l-ikbar ingrossisti għandhom sehem mis-suq ta' 90 % jew aktar fi 12-il Stat Membru. Jinħtieġ ukoll aktar titjib sabiex jintlaħaq suq tal-konsumaturi li jiffunzjona sew. F'dak li jikkonċerna s-suq tal-konsumaturi tal-elettriku, is-sehem mis-suq tal-ikbar tliet kumpaniji fis-suq tal-konsumaturi kollu kien ikbar minn 80 % f'14-il Stat Membru. L-HHI fid-disinn ta' hawn taħt jindika l-livell ta' konċentrazzjoni fis-suq tal-konsumaturi tal-gass. Fi Stat Membru wieħed biss, is-suq huwa moderament konċentrat. Disinn 4: Il-konċentrazzjoni tas-suq tal-konsumaturi tal-gass [pic] Sors: Capgemini 4. Xejriet tal-prezzijiet Il-prezzijiet tal-elettriku u l-gass ġew influwenzati bil-kbir mill-prezzijiet eskalanti taż-żejt fis-suq internazzjonali. Fl-ewwel nofs tal-2008, il-prezz Brent menswali medju żdied bi 36 %[13]. Bejn Lulju u Diċembru 2008, il-prezz Brent menswali medju naqas b'64 %, fid-dawl tal-kriżi ekonomika dinjija u t-tnaqqis fid-domanda għaż-żejt. Disinn 5: spot Brent: il-prezz menswali medju (f'EUR) [pic] Sors: Platts Iċ-ċaqliqiet fil-prezz taż-żejt fis-suq internazzjonali jinfluwenzaw il-prezzijiet tal-gass u l-elettriku minħabba li l-prezz taż-żejt serva bħala prezz ta' referenza għall-ftehimiet fit-tul għall-forniment tal-gass. Din ir-rabta x'aktarx tiddgħajjef b'suq tal-gass li jiffunzjona aħjar, portafoll iktar diversifikat għall-forniment tal-gass u kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-importazzjoni. Il-klawsoli għar-reviżjoni tal-prezzijiet jikkalkulaw id-differenzi fil-prezzijiet wara ċertu perjodu (normalment bejn 3 u 6 xhur); ix-xerja tat-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt għandha sussegwement twassal għal prezzijiet orħos tal-gass u l-elettriku fl-2009. Il-prezzijiet tal-elettriku għall- konsumaturi residenzjali fl-ewwel nofs tal-2008 varjaw pjuttost konsiderevolment, sinjal ta' integrazzjoni insuffiċjenti tas-suq. Id-differenzi fil-prezzijiet tal-elettriku bejn l-Istati Membri tista' tiġi spjegata b'diversi fatturi. L-ewwel fattur huwa l-kosti differenti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku (partikolarment it-taħlita tal-fjuwil). It-tieni element huwa d-disponibbiltà ta' kapaċità suffiċjenti tal-ġenerazzjoni. It-tielet, huwa r-rwol importanti tal-livell ta' kompetizzjoni fis-swieq tal-operaturi u tal-konsumaturi. Fl-aħħar nett, il-prezzijiet regolati jwasslu wkoll għal differenzi fil-prezzijiet bejn l-Istati Membri. Fil-perjodu tar-rappurtar, iż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku varjat sew fost l-Istati Membri. Bħala medja, il-prezzijiet tal-elettriku għar-residenzi żdiedu bi kważi 2 %[14]. Partikolarment il-prezzijiet tal-elettriku għar-residenzi żdiedu fl-HU, CZ, DK, BE, LV u CY, jiġifieri żieda ta' aktar minn 13 % f'dak il-perjodu. Mhux bilfors hemm rabta bejn żidiet kbar u l-ogħla prezzijiet tal-elettriku f'termini assoluti, ħlief għal CY u BE. IE għandha l-ogħla prezzijiet tal-elettriku f'termini assoluti (eskluża t-taxxa), minkejja l-fatt li l-prezzijiet naqsu b'madwar 8 %. Id-Disinn 6 juri li l-ħames Stati Membri bl-orħos prezzijiet tal-elettriku għar-residenzi kollha għandhom prezzijiet regolati[15]. Għalhekk, jidher qisu li l-livelli differenti ta' żidiet setgħu kienu parzjalment minħabba miżuri speċifiċi ta' politika (bħal prezzijiet regolati); jidher ukoll li dawk l-Istati Membri fejn il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda ddeterjora, esperjenzaw żidiet akbar. Disinn 6: prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi residenzjali (esklużi t-taxxi) [16] [pic] Sors: Eurostat Meta jitqiesu l-paritajiet tal-kapaċità tal-akkwist (PKA)[17], il-prezzijiet tal-elettriku huma għolja għar-residenzi fi HU, SK, DE, CY, DK u PL (it-taxxi kollha inklużi). Dawn l-Istati Membri kollha, ħlief DE, kienu rregolaw il-prezzijiet. Il-prezzijiet tal-elettriku huma orħos għar-residenzi fi FI, FR, NO, EE, EL u LV. Il- prezzijiet tal-gass għar-residenzi żdied aktar mill-prezzijiet tal-elettriku (esklużi t-taxxi): b'madwar 5 % sa 7 % fl-ewwel nofs tal-2008. Anki hawnhekk, is-sitwazzjoni hija influwenzata mill-prezzijiet regolati. Fi RO, IE u kemmxejn anqas fi PT, il-konsumaturi residenzjali tal-gass gawdew minn tnaqqis fil-prezzijiet (regolati) tal-gass. Bl-istess mod, l-orħos seba' prezzijiet tal-gass huma kollha regolati (RO, EE, LT, BG, LV, HU u PL). UK għandu l-orħos prezz (mhux regolat) tal-gass għall-konsumaturi residenzjali. Anki fi NL, il-prezzijiet tal-gass huma pjuttost baxxi. Dawn iż-żewġ Stati Membri huma produtturi ewlenin tal-gass indiġenu. Disinn 7: Prezzijiet tal-gass għall-konsumaturi residenzjali (esklużi t-taxxi) [18] [pic] Sors: Eurostat F'termini ta' PKA, l-ogħla prezzijiet għall-konsumaturi residenzjali tal-gass kienu fi SE, BG, AT, PT u SI; fi UK, HU, LV, IE, FR u EE. Fi NL u SE, fejn il-prezzijiet ma humiex regolati, iż-żidiet fil-prezzijiet għall-konsumaturi residenzjali (għall-gass u l-elettriku, esklużi t-taxxi) kienu taħt il-mejda tal-UE. Il-perċentwal għoli tal-bdil tal-fornituri mill-konsumaturi fi NL jissuġġerixxi li kompetizzjoni ġenwina fis-suq tal-konsumaturi tgħin biex tipprevjeni żidiet kbar fil-prezzijiet. L-istess jgħodd għall-prezzijiet tal-elettriku għar-residenzi fi UK; minkejja l-prezzijiet tal-gass fi UK għall-konsumaturi residenzjali kienu qed jiżdiedu, il-prezzijiet residenzjali tal-gass fi UK għadhom l-orħos f'termini tal-PKA. Fatt importanti huwa li l-indiċjar ta' kuntratti fit-tul għall-forniment tal-gass fi UK huwa influwenzat ħafna aktar mill-bidliet fil-prezz miċ-ċentru tal-gass milli fl-Ewropa kontinentali[19]. Iż-żieda (bejn 5 % u 13 %) fil-prezzijiet industrijali tal-gass fl-ewwel nofs tal-2008 (esklużi t-taxxi) imqabbla mat-tieni nofs tal-2007 kienet ġeneralment akbar miż-żieda fil-prezzijiet industrijali tal-elettriku. Ix-xerja kumplessiva hija li l-ikbar konsumaturi industrijali jesperjenzaw l-iktar żidiet sinifikanti[20]. Konsumaturi industrijali tal-gass iffaċċjaw ukoll żidiet kbar fi SE, SK, LU, DE, BE, CZ, HU, LT u EE. Anki hawnhekk, id-differenzi bejn l-Istati Membri jindikaw kompetizzjoni insuffiċjenti fis-suq (tal-operaturi) u nuqqas ta' integrazzjoni tas-swieq. Fir-rigward tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi industrijali, l-aktar żidiet notevoli kienu fi AT, BE, CZ, HU, SK, LV u PT. Madankollu, dawn iż-żidiet kbar mhux bilfors huma marbuta mal-livell għoli tal-prezzijiet tal-elettriku: fl-ewwel nofs tal-2008, l-ogħla prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi industrijali kienu fi CY, IE, MT u SK[21]. 5. L-indipendenza tal-operaturi tan-netwerks Tul il-perjodu tar-rappurtar, sar xi progress fis-separazzjoni tal-operaturi ta' netwerks. Fil-livell tad-distribuzzjoni, is-separazzjoni funzjonali saret obbligatorja fl-Istati Membri kollha mill-1 ta’ Lulju 2007. F'bosta każijiet, madankollu, l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni (DSOs) s'issa mxew bil-mod fl-implimentazzjoni effikaċi tas-separazzjoni funzjonali. Dan japplika kemm għad-DSOs tal-elettriku kif ukoll tal-gass. Barra minn hekk, l-Istati Membri qed jibqgħu jagħmlu użu estensiv mid-derogi mis-separazzjoni fil-livell tad-distribuzzjoni. aktar minn nofs l-Istati Membri jippermettu li operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni b’anqas minn 100 000 kljient jiġu eżentati minn rekwiżiti ta’ separazzjoni legali, kemm għall-elettriku kif ukoll għall-gass. Fil-livell tat-trażmissjoni, xi Stati Membri marru lil hinn mir-rekwiżiti preżenti ta' separazzjoni legali u funzjonali. Is-separazzjoni tas-sjieda ġiet implimentata fi 15-il TSO tal-elettriku u 12-il TSO tal-gass. 6. Regolamentazzjoni effettiva mir-regolaturi Tul il-perjodu tar-rappurtar il-ħidma tal-forum regolatorju (tal-elettriku) ta' Firenze u l-forum regolatorju (tal-gass) ta' Madrid iffukaw fuq il-progress tal-inizjattivi reġjonali u l-konformità mar-Regolament tal-Gass u tal-Elettriku. L-isforzi kontinwi tal-ERGEG u l-involviment ta' firxa ta' partijiet konċernati differenti fl-inizjattivi reġjonali u l-Fora ta' Firenze u Madrid, ma wasslux għall-iżvilupp ta' standards u approċċi komuni għall-kummerċ transkonfinali. Għal dik ir-raġuni l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea fit-tielet pakkett tas-suq intern jinkludu l-istabbiliment ta' Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija. Il-kompiti ewlenin proposti tal-Aġenzija huma maħsuba li jikkomplementaw, fuq il-livell Ewropew, il-kompiti regolatorji mwettqa mir-regolaturi nazzjonali. Fid-dawl tat-tħassib li baqa' dwar l-indipendenza tar-regolaturi f'xi Stati Membri, u billi jinħtieġu regolaturi b'saħħithom għal suq li jiffunzjona sew, il-proposti tal-Kummissjoni jimmiraw ukoll li jsaħħu s-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji. Biex isseħħ l-integrazzjoni tas-swieq, tinħtieġ ukoll kooperazzjoni effikaċi fost it-TSOs. Għalhekk il-Kummissjoni ser taħtar formalment in-Netwerks Ewropej tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni tal-gass u tal-elettriku (ENTSOG u ENTSOE) bħala responsabbli mill-armonizzazzjoni tar-regoli tal-aċċess għan-netwerk u r-regoli operattivi, l-iskambju tal-informazzjoni bejn it-TSOs u l-koordinazzjoni tal-investimenti ġodda. 7. Id-dimensjoni tal-klijenti Biex tgħin fl-informazzjoni għall-konsumatur dwar drittijietu, il-Kummissjoni organizzat kampanja informattiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur għaċ-ċittadini u żviluppat Lista ta' Kontroll Ewropea għall-Konsumatur tal-Enerġija dwar 'mistoqsijiet komuni' mill-konsumaturi dwar is-swieq tal-konsumaturi tagħhom tal-enerġija, fil-lingwa tagħhom stess. Barra minn hekk, il-Kummissjoni varat il-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija[22] biex jgħin lill-konsumaturi billi jaħdem biex jinforza d-drittijiet eżistenti tagħhom madwar l-UE u biex jipprovdilhom informazzjoni ċara u bla kantunieri dwar x'għażliet hemm disponibbli għalihom meta jiġu biex jixtru l-gass u d-dawl elettriku tagħhom. Il-forum ser jiżviluppa rakkomandazzjonijiet immiriati biex ikun hemm implimentazzjoni aħjar u infurzar tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-enerġija, u swieq tal-konsumaturi aħjar tal-elettriku u l-gass; ukoll ser jipprepara rakkomandazzjonijiet dwar il-fatturar. Il-Eurobarometer 2008 juri l-ħtieġa li l-konsumaturi jitfornew b'aktar informazzjoni dwar l-operat tas-suq intern tal-gass u tal-elettriku[23]. L-Iskorbord tas-Swieq tal-Konsumaturi hija inizjattiva ġdida tal-Kummissjoni; ser tkopri wkoll il-gass u l-elettriku u tinkludi indikaturi ewlenin bħall-prezzijiet, ilmenti mill-konsumaturi, bdil tal-fornitur u s-sodisfazzjon tal-konsumaturi. Ir-reazzjoni tal-klijenti – bdil tal-fornitur Għadd żgħir biss ta' Stati Membri rnexxielhom jipprovdu ċifri kumplessivi u komprensivi tal-bdil tal-fornitur. Għall-elettriku, BE u SE irrapportaw għall-2007 rata annwali ta' tibdil għall-kull punt ta' miter eliġibbli tas-suq tal-konsumaturi nazzjonali ta' madwar 10 %[24]. Ir-rata annwali tat-tibdil għall-industrija ta' daqs medju kienet pjuttost sinifikanti fi DK u IT (aktar minn 20 %) u fi SI u SE (madwar 10 %). NO, SE, NL u UK għandhom l-ogħla rati ta' tibdil għall-industrija ż-żgħira u r-residenzi. Meta jitqiesu r-rati annwali tat-tibdil skont il-volum, kien hemm rati għolja ta' tibdil għall-utenti industrijali kbar fi BG, LU, PL, DE u ES. Għall-gass, ma hemmx ċifri konsistenti dwar il-bdil tal-fornitur. Fir-rigward tar-rati tal-bdil għas-suq tal-konsumaturi kollu tal-gass seba' Stati Membri biss irrapportaw ċifri skont kull punt ta' miter eliġibbli; erba' Stati Membri rrapportaw ċifri skont il-volum. Ta' min isemmi r-rati ta' tibdil (kull punt eliġibbli ta' miter) għall-industrji ż-żgħira u r-residenzi, partikolarment fi NL (8.3 %) u UK (18.4 %). Ir-rati tat-tibdil għas-suq tal-konsumaturi kollu tal-gass (skont il-volum) huma għolja fi DK u ES (+ 20 %) u, kemmxejn anqas fi HU u DE. Il-livelli tat-tibdil ivarjaw konsiderevolment madwar l-Istati Membri, b'ċerti swieq maturi, bħal ta' UK, jesperjenzaw rati relattivament għolja u għadd ta' oħrajn juru ftit jew xejn attività. Fil-livell tal-industrija ż-żgħira u r-residenzi, iċ-ċifri rapportati jindikaw li l-konsumaturi tal-elettriku għandhom tendenza li jkunu aktar attivi mill-konsumaturi tal-gass. Prezzijiet regolati Kif irrikonoxxut fil-Komunikazzjoni dwar suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21[25], is-suq uniku jrid ikompli jiffoka fuq l-oqsma li jolqtu l-ħajja ta' kuljum tal-konsumaturi, bħalma hu l-qasam tal-enerġija. Dan jinkludi s-salvagwardji regolatorji eżistenti tal-UE dwar is-servizzi universali, l-obbligi ta' servizz pubbliku, kif ukoll il-konsumaturi vulnerabbli. Il-koeżistenza ta’ swieq miftuħa tal-enerġija u prezzijiet regolati tal-enerġija għadha pjuttost komuni fl-Istati Membri tal-UE: aktar minn nofs l-Istati Membri għandhom prezzijiet regolati. L-Istati Membri li għandhom prezzijiet regolati għall-elettriku u l-gass huma: BG, DK, EE, FR, HU, IE, IT, LV, LT, PL, PT, RO, SK u ES. Fi GR, CY u MT hemm prezzijiet regolati għall-elettriku. DE neħħiet il-prezzijiet regolati tal-elettriku fl-2007 (residenzi u negozji żgħar). FI għandha prezzijiet regolati għall-gass. F'bosta Stati Membri r-regolazzjoni tal-prezzijiet mhix limitata għall-klijenti residenzjali. L-effetti negattivi tal-prezzijiet regolati tal-enerġija għadhom ta' tħassib kbir f'termini tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-enerġija, minħabba li dawn l-effetti jistgħu jwasslu għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni (eż. xkilijiet għad-dħul fis-suq għal fornituri ġodda u diżinċentivi għall-bdil tal-fornituri) u ma jagħtux is-sinjali t-tajba tal-prezzijiet (b'mod li jinfluwenzaw l-investimenti u l-inċentivi għall-effiċjenza enerġetika)[26]. Barra minn hekk, il-mekkaniżmi tal-kontroll tal-prezzijiet jistgħu ma jkunux kompatibbli mal-liġijiet tal-UE. Il-protezzjoni tal-"konsumaturi vulnerabbli" ma għandhiex titħallat maż-żamma tal-prezzijiet regolati għall-konsumaturi kollha (jew ċerti kategoriji tagħhom). Regolazzjoni tal-prezzijiet li tiġi mmirata bil-galbu tista' tinħtieġ biex tipproteġi konsumaturi individwali f'ċerti ċirkostanzi speċifiċi. C. IS-SIGURTÀ TAL-PROVVISTA Jekk l-UE trid li jkompli jkollha provvista sigura ta' enerġija, jinħtieġu investimenti kbar matul l-għoxrin sena li ġejjin. Dan huwa kkonfermat fit-Tieni Reviżjoni Strateġika dwar l-Enerġija[27] tal-Kummissjoni u mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA)[28]. Id-Direttiva 2005/89/KE dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura kellha tiġi trasposta f'leġiżlazzjoni nazzjonali mill-Istati Membri sal-24 ta' Frar 2008. Sal-jum ta' dan ir-rapport, 19-il Stat Membru nnotifikaw it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva. Xi Stati Membri (HU, SK, PL) imponew restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-elettriku abbażi ta' argumenti dwar is-sigurtà tal-provvista. Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-UE tippermetti lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri temporanji ta' salvagwardja biss fejn is-sikurezza u s-sigurtà fiżika tal-persuni, l-istallazzjonijiet jew l-integrità tas-sistemi jkunu ppreġudikati. Għall-gass, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-Direttiva 2004/67/KE tas-26 ta' April 2004 li għandha x'taqsam mal-miżuri biex tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali[29] hija l-punt ta' referenza rilevanti. Skont il-Komunikazzjoni, il-mekkaniżmu Komunitarju attwali mhuwiex biżżejjjed biex jipprovdi reazzjoni f'waqtha għal kriżi tal-provvista tal-gass li tmur lil hinn mil-livell li jistgħu jlaħħqu miegħu miżuri nazzjonali. Barra minn hekk, kwalunkwe valutazzjoni tal-qagħda reali tal-provvista tal-gass u r-rispons potenzjali fl-UE qed issir diffiċli ħafna minħabba n-nuqqas ta' trasparenza. D. KONKLUżJONIJIET Fl-2007 u l-2008 kien hemm sforz qawwi biex tittejjeb il-kompetizzjoni fis-suq tal-operaturi; sar progress sinifikanti permezz ta' inizjattivi reġjonali. Jidher li kien hemm ukoll xejra ġdida li tinbena infrastruttura ġdida tal-enerġija. Dan huwa kruċjali biex tingħeleb il-frammentazzjoni li ilha żmien fis-swieq enerġetiċi tal-UE. Ix-xejra ser tipprosegwi imma tista' tieħu ż-żmien minħabba li l-ippjanar u l-bini ta' tali infrastruttura jeħtieġu perspettivi twal ta' żmien. Dan ir-rapport juri stampa mħallta tal-progress tat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija. Filwaqt li s-sitwazzjoni fi swieq aktar maturi turi l-benefiċċji potenzjali tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija, għad hemm għadd ta' oqsma u Stati Membri fejn jippersistu xkilijiet importanti għal funzjonament effiċjenti tas-swieq tal-elettriku u tal-gass. Tħassib kbir huwa dwar l-implimentazzjoni mhux sħiħa tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-elettriku u l-gass. L-esperjenza reċenti tal-prezzijiet eskalenti tal-enerġija tissottolinja l-ħtieġa li l-integrazzjoni tas-suq u t-titjib tal-kummerċ transkonfinali jkunu ta' prijorità massima. Għalhekk huwa essenzjali li r-Regolamenti tal-Elettriku u tal-Gass jiġu implimentati kif xieraq mill-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni tinsisti mal-Istati Membri, ir-regolaturi u l-industrija sabiex jieħdu l-passi xierqa kemm jista' jkun malajr. It-tielet pakkett tas-suq intern huwa maħsub biex jikkomplementa l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u ma jistax iservi ta' skuża għall-implementazzjoni inadegwata tat-tieni pakkett eżistenti tas-suq intern. Il-Kummissjoni Ewropea ser tikkunsidra li tiftaħ proċeduri ta' ksur għal nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi u r-Regolamenti tal-elettriku u tal-gass. Fir-rigward tal-konċentrazzjoni tas-suq, il-progress kien ġeneralment kajman. Partikolarment għadd ta' swieq tal-operaturi għadhom isofru minn kompetizzjoni limitata u n-nuqqas ta' likwidità. Hemm sinjali li s-sitwazzjoni waslet biex titjieb fis-swieq tal-konsumaturi. L-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz akbar fil-forniment ta' dejta komprensiva għal-bdil tal-fornituri. Kwistjoni ewlenija tul il-perjodu tar-rappurtar kienet iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, parzjalment minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt fis-swieq internazzjonali. Dan instiga żidiet kbar fil-prezzijiet aħħarin tal-enerġija. Il-konsumaturi industrijali f'xi Stati Membri ffaċċjaw żidiet eħrex fil-prezzijiet minn f'xi oħrajn. Sa mis-sajf 2008, il-prezzijiet tas-sorsi primarji tal-enerġija naqsu konsiderevolment. Il-kompetizzjoni u l-ftuħ tas-swieq għandhom jiżguraw li dawn il-prezzijiet orħos jingħaddu lill-konsumaturi aħħarin. Filwaqt li soluzzjonijiet għal żmien qasir, bħall-prezzijiet regolati, jistgħu jidhru vantaġġużi f'termini ta' prezzijiet rapidament eskalenti tal-enerġija, dan ir-rapport issottolinja l-konsegwenzi li x'aktarx jirriżultaw minn tali miżuri: il-fiduċja tal-investituri tiddgħajjef, id-dħul fis-suq jiġi skuraġġut, u l-benefiċċji sħaħ tas-suq intern tal-enerġija jiġu ppreġudikati. Matul l-għoxrin sena li ġejjin, l-UE, bħal partijiet oħra tad-dinja, trid tindirizza l-ħtieġa ta' investimenti kbar fl-infrastruttura. Huwa biss fit-tul li suq intern li jiffunzjona tajjeb tal-elettriku u tal-gass jista' jagħti s-sinjali tajba dwar il-prezzijiet biex jitħeġġeġ l-investiment. [1] Ara s-sitweb tal-Kummissjoni Ewropea www.ec.europa.eu/energy. [2] Id-Direttiva 2003/54/KE u d-Direttiva 2003/55/KE. [3] Compliance with Electricity Regulation 1228/2003 – An ERGEG Monitoring Report , ref. E07-EFG-23-06, it-18 ta’ Lulju 2007; Regulation 1228/2003 Compliance Monitoring. Second Report, ref. E08-ENM-03-05, l-4 ta’ Settembru 2008, ara: www.energy-regulators.eu. [4] Compliance with transparency requirement of Gas Regulation 1775/2005 – An ERGEG Monitoring Report, Ref. E07-TRA-02-03, it-18 ta’ Lulju 2007; Additional Transparency Requirements. An ERGEG Monitoring Report, ref. E07-TRA-02-03b, id-9 ta’ Ottubru 2007. [5] Implementation of Guidelines of Good Practice for Gas Balancing – 2008 ERGEG Monitoring Report, Diċembru 2008. [6] Fil-kapitolu 5 u l-kapitolu 3 tal-linji gwida tal-immaniġġjar tal-konġestjoni. [7] Il-membri tal-ETSO rrapportaw li r-renti tal-konġestjoni ammontaw għal madwar EUR 1.7 bn fl-2007 meta mqabbla mad-dħul tan-netwerks irregolati ta' EUR 10-11bn għall-pajjiżi tal-UE/ŻEE. [8] Huwa diffiċli li jiġi vvalutat l-iżvilupp tal-volum nnegozjat fis-suq OTC, billi d-dejta mhijiex disponibbli u verifikabbli faċilment. [9] Id-differenzi fil-volumi tal-kummerċ spot bħala perċentwal tal-konsum nazzjonali tal-elettriku ma jagħtux daqshekk indikazzjoni tal-likwidità tas-swieq tal-operaturi konċernati; madankollu, ix-xejra taż-żieda fil-volumi hija ċara. Ara "Sector Inquiry", p. 128-129. [10] Żewġ proġetti għat-terminals LNG: GATE u Liongas fl-Olanda u l-estensjoni tat-terminal Grain LNG fir-Renju Unit; Żewġ proġetti għal-linji tal-gass: il-linja IGI Poseidon bejn il-Greċja u l-Italja u l-parti Awstrijaka tal-linja Nabucco. [11] L-interkonnettur BritNed bejn l-Olanda u l-Gran Brittanja; Estlink bejn il-Finlandja u l-Estonja u l-interkonnettur bejn il-Lvant u l-Punent bejn l-Irlanda u l-Brittanja. [12] L-akkopjament tas-swieq huwa mod kif jiġu allokati l-kapaċità transkonfinali permezz ta' rkanti impliċiti, bl-użu ta' offerti fil-kambji ġirien tal-enerġija. [13] Medja menswali Brent f'EUR; paragun Jannar-Lulju 2008. [14] L-analiżi ssejset fuq iċ-ċifri f'euro tal-Eurostat, esklużi t-taxxi. Konsum DC u DD – ara t-tabella 5.7 fl-Anness Tekniku. Paragun tat-tieni semestru tal-2007 mal-ewwel semestru tal-2008. [15] L-effetti tal-prezzijiet regolati qed jiġu vvalutati aktar tard. [16] Eurostat kategorija DC: il-konsum bejn 2500 kWh u 5000 kWh. [17] Il- parità tal-kapaċità tal-akkwist (PKA) tuża r-rata tal-kambju ta' ekwilibriju fit-tul għall-valuti biex il-kapaċità tal-akkwist tagħhom tkun pari. Dan jippermetti paragun tad-differenzi fl-istandards tal-għixien ta' Stati Membri differenti għaliex il-PKA tqis l- għoli tal-ħajja u r- rati tal-inflazzjoni relattivi. Ara t-tabella 5.2 fl-Anness Tekniku. [18] Eurostat kategorija D2: konsum bejn 20 GJ u 200 GJ. [19] Ara "Sector Inquiry", p. 105 ff. [20] Cfr. il-medja taz-żidiet fil-prezzijiet fl-UE tal-gass, f'kategoriji differenti tal-Eurostat: I1: + 7 %; I2: + 9.74 %; I3: + 11.79 % u I4: + 15.38 %. [21] Ara d-disinn 5.3 fl-Anness Tekniku. [22] L-ewwel laqgħa tal-"London Forum" seħħet fis-27 u t-28 ta' Ottubru 2008. Ara s-sitweb tad-DĠ TREN www.ec.europa.eu/energy/gas_electricity/forum_citizen_energy_en.htm. [23] Ara d-Disinji 2.6 – 2.8 tal-Anness Tekniku. [24] Ara t-tabella 2.2 fl-Anness Tekniku. [25] Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21, p. 5, COM(2007) 724 finali. [26] Ara wkoll "End-user energy price regulation. An ERGEG position paper" (ref. E07-CPR-10-03, 18 ta’ Lulju 2007). [27] It-Tieni Reviżjoni Strateġika dwar l-Enerġija Pjan ta' Azzjoni ta' Sigurtà u Solidarjetà tal-Enerġija tal-UE COM (2008)781 finali, 13 ta' Novembru 2008. [28] World Energy Outlook 2008, IAE, Pariġi, 2008, p. 89. [29] COM(2008) 769 finali, 13 ta’ Novembru 2008, disponibbli fuq is-sitweb tad-DĠ TREN.