52009DC0112

Rapport dwar verifika ex ante tal-addizzjonalità fir-reġjuni eliġibbli taħt l-għan ta' Konverġenza għall-perjodu 2007-2013 {SEG(2009) 273} /* KUMM/2009/0112 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell 6.3.2009

KUMM(2009) 112 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Rapport dwar verifika ex ante tal-addizzjonalità fir-reġjuni eliġibbli taħt l-għan ta' Konverġenza għall-perjodu 2007-2013 {SEG(2009) 273}

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Il-proċess ta' valutazzjoni 4

2.1. Metodi ta' verifika 4

2.2. Sorsi eliġibbli għall-finanzi 4

3. Riżultati tal-verifika 5

4. L-addizzjonalità minn perspettiva ekonomika usa' 8

5. Konklużjonijiet 11

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Rapport dwar verifika ex ante tal-addizzjonalità fir-reġjuni eliġibbli taħt l-għan ta' Konverġenza għall-perjodu 2007-2013

INTRODUZZJONI

L-addizzjonalità hija waħda mill-prinċipji ewlenin li r-rwol ekonomiku huwa bbażat fuqhom u li jħaddmu l-politika ta' koeżjoni. Hija teħtieġ li l-kontribuzzjonijiet mill-Fondi Strutturali ma jiħdux post l-infiq pubbliku mill-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat li jkollhom impatt ekonomiku ġenwin.

Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor is-sejbiet ewlenin tal-verifika ta' dan il-prinċipju fl-istadju ex ante għall-perjodu 2007-2013 flimkien ma' analiżi minn perspettiva ekonomika.

It-Taqsimiet 2 u 3 jippreżentaw ir-riżultati wara n-negozjati mal-Istati Membri. Intlaħaq qbil ma' kull Stat Membru kkonċernat dwar il-livell ta' nfiq fil-mira li jrid jinżamm matul il-perjodu.

Minħabba f'hekk, iktar minn EUR 650 biljun (fi prezzijiet tal-2006) se jkunu investiti minn sorsi finanzjarji domestiċi differenti matul il-perjodu 2007-2013. Dan l-ammont huwa addizzjonali mal-EUR 174 biljun (fil-prezzijiet tal-2006) tal-Fondi Strutturali li huma ppjanati li jitħallsu fir-reġjuni tal-għan ta' Konverġenza matul il-perjodu 2007-2013.

It-Taqsima 4 tanalizza addizzjonalment minn perspettiva usa' li tiffoka fuq is-sinerġiji bejn il-politiki ta' investiment nazzjonali u l-politika ta' koeżjoni Ewropea u b'relazzjoni mal-konġunzjoni makroekonomika. Filwaqt li mhumiex parti mill-verifika ta' addizzjonalità, l-ammonti tal-Fond ta' Koeżjoni jitqiesu f'din it-taqsima ħalli r-rwol tal-politika Ewropea ta' koeżjoni fl-investiment pubbliku totali jinqabad u jinftiehem kollu kemm hu.

Din it-Taqsima turi li l-Istati Membri se jinvestu, bħala medja, EUR 3 għal kull EUR 1 investit mill-politika ta' koeżjoni Ewropea. L-investiment pubbliku totali ppjanat fl-oqsma eliġibbli se jammonta għal xi 5.6 % tal-PGD proġettat aggregat ta' dawn ir-reġjuni. F'xi każijiet, l-iktar f'xi wħud mill-Istati Membri l-ġodda, din il-proporzjon hija konsiderevolment ogħla.

Il-perjodu ta' programmazzjoni ġdid 2007-2013 fih żewġ innovazzjonijiet ewlenin:

- l-addizzjonalità hija vverifikata biss b'referenza għall-għan ta' Konverġenza;

- jekk Stat Membru jonqos milli jipprova sat-30 ta’ Ġunju 2016 li jkun ikkonforma mal-prinċipju ta' addizzjonalità, il-Kummissjoni tista' tagħmel korrezzjoni finanzjarja[1].

IL-PROċESS TA' VALUTAZZJONI

Metodi ta' verifika

L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 li jirregola l-politika ta' koeżjoni jitlob li, għar-reġjuni koperti mill-għan ta' Konverġenza, il-Kummissjoni u l-Istat Membru jiddeterminaw il-livell ta' nfiq strutturali pubbliku jew ekwivalenti (minn hawn 'il quddiem "infiq strutturali") li l-Istat Membru jrid iżomm f'dawn ir-reġjuni matul il-perjodu ta' programmazzjoni.

Il-konformità mal-addizzjonalità hija vverifikata fil-livell nazzjonali. Il-fondi nazzjonali huma meqjusa bħala addizzjonali jekk il-medja annwali tal-infiq strutturali fil-perjodu 2007-2013 huwa tal-inqas daqs il-medja annwali tal-infiq strutturali mġarrba fil-perjodu 2000-2005 (għall-Istati Membri li ngħaqdu mal-UE fl-2004 l-perjodu ta' referenza huwa 2004-2005).

L-analiżi qieset is-sorsi ta' nfiq, metodi u suppożizzjonijiet użati mill-Istati Membri, inklużi deflaturi applikati, għall-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro, kif ukoll ir-rati ta' kambju[2]. L-addizzjonalità kienet ivverifikata b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri permezz ta' konsultazzjonijiet bil-miktub u laqgħat bilaterali dwar kwistjonijiet tekniċi u metodoloġiċi.

Dan sar b'mod parallel mal-abbozzar tal-Qafas Nazzjonali ta' Referenza Strateġika (QNRS) għall-perjodu 2007-2013. L-Istati Membri bagħtu l-QNRS rispettivi tagħhom, inkluża t-tabella għall-verifika tal-addizzjonalità u t-tagħrif komplementari dwar il-metodoloġija użata. Ingħata tagħrif ulterjuri lill-persunal tal-Kummissjoni matul in-negozjati.

Sorsi eliġibbli għall-finanzi

L-infiq strutturali eliġibbli jaqa' fi tliet kategoriji ewlenin (infrastruttura bażika, riżorsi umani u ambjent produttiv) flimkien ma' kategorija residwa "oħrajn". Verifika tkopri l-infiq strutturali nazzjonali totali[3] f'oqsma eliġibbli kemm fl-infiq fil-baġit u kemm dak mhux inkluż fil-baġit. Skont l-istruttura tal-finanzi pubbliċi ta' kull Stat Membru, id-dejta tista' għalhekk tkopri mhux biss l-istat, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet, imma intrapriżi pubbliċi, entitajiet pubbliċi u fondi mhux inklużi fil-baġit fil-livell nazzjonalli, reġjonali u lokali. L-infiq minn entitajiet ta' servizz pubbliku li għandhom il-baġit indipendenti tagħhom stess huwa inkluż ukoll.

It-tabelli addizzjonali mibgħuta skont il-QNRS rilevanti fih tagħrif dwar it-tqassim tal-infiq strutturali skont il-kategorija u s-sors tal-finanzjament (fl-UE, kofinanzjament nazzjonali, kumpaniji pubbliċi u fondi nazzjonali barra mill-QNRS). It-tagħrif huwa pprovdut kemm għall-perjodu 2000-2005 jew 2004-2005 (infiq annwali proprju) u l-perjodu 2007-2013 (tbassir tal-infiq annwali proprju) sabiex tkun tista' tiġi vverifikata l-konformità.

Sebgħa mis-27 Stat Membru m'għandhom l-ebda reġjun kopert mill-għan ta' Konverġenza fil-perjodu 2007-2013: Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Olanda u l-Iżvezja. Dawn il-pajjiżi għalhekk mhumiex koperti minn dan ir-rapport.

RIżULTATI TAL-VERIFIKA

It-Tabella 1 turi l-livell ta' nfiq strutturali annwali medju li jrid jinżamm għal kull Stat Membru matul il-perjodu 2007-2013. Kien hemm qbil dwar dawn l-ammonti bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat fin-negozjati dwar il-QNRS.

Tabella 1: Ammonti li jirriżultaw mill-verifika tal-prinċipju ta' addizzjonalità skont l-Istat Membru (f'EUR miljuni, prezzijiet tal-2006) |

2000-2005 | 2007-2013 | Id-Differenza |

L-Awstrija | 139 | 139 | 0.0% |

Il-Belġju | 1,120 | 1,128 | 0.6% |

Il-Bulgarija | 782 | 919 | 17.6% |

Ir-Repubblika Ċeka | 2,549 | 2,549 | 0.0% |

L-Estonja | 1,213 | 1,316 | 8.4% |

Franza | 1,749 | 1,815 | 3.8% |

Il-Ġermanja | 22,601 | 16,504 | -27.0% |

Il-Greċja | 8,339 | 8,661 | 3.9% |

L-Ungerija | 3,330 | 3,330 | 0.0% |

L-Italja | 17,871 | 20,613 | 15.3% |

Il-Latvja | 595 | 971 | 63.2% |

Il-Litwanja | 755 | 755 | 0.0% |

Malta | 103 | 107 | 3.4% |

Il-Polonja | 6,502 | 7,940 | 22.1% |

Il-Portugall | 3,898 | 3,946 | 1.2% |

Ir-Rumanija | 3,475 | 4,773 | 37.3% |

Is-Slovakja | 875 | 876 | 0.1% |

Is-Slovenja | 844 | 957 | 13.3% |

Spanja | 12,251 | 13,973 | 14.1% |

Ir-Renju Unit | 3,126 | 3,465 | 10.8% |

Total | 92,118 | 94,735 | 2.8% |

Sors: kalkoli tad-DĠ REGIO |

Ir-regola ġenerali hija li l-infiq strutturali annwali medju f'termini reali jrid ikun tal-inqas ugwali għal-livell miksub fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti. Madankollu, ir-Regolament jgħid li jrid jitqiesu ċerti ċirkostanzi bħall-kundizzjonijiet makroekonomiċi ġenerali, privatizzazzjonijiet għaddejjin jew ippjanati jew livell eċċezzjonali ta' nfiq pubbliku jew strutturali ekwivalenti fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti[4].

Għalhekk, pereżempju, il-Kummissjoni qablet li tnaqqas il-livell ta' nfiq strutturali fil-Ġermanja wara li jitqies l-infiq passat eċċezzjonali tagħha fuq ir-riunifikazzjoni tal-pajjiż. Fi tliet Stati Membri oħra xi nfiq strutturali passat tqies bħala eċċezzjonali minħabba ċerti oġġetti ta' nfiq straordinarji (il-Logħob Olimpiku fil-Greċja, sptar ewlieni f'Malta, u xi nfiq fuq l-infrastruttura tat-trasport fl-Ungerija li kienu ffinanzjati mid-dħul mill-privatizzazzjoni ta' intrapriżi pubbliċi). Dan l-infiq ma tqiesx fl-iffissar tal-livell ta' nfiq strutturali li jrid jinżamm matul il-perjodu 2007-2013. Dawn iċ-ċirkustanzi speċjali rriżultaw fi tnaqqis ġenerali tal-infiq strutturali li jrid jinżamm matul il-perjodu ta' madwar EUR 7 biljun fis-sena.

Il-livell ta' nfiq strutturali jibqa' l-istess f'termini reali meta mqabbel mal-perjodu preċedenti f'erba' Stati Membri (l-Awstrija, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u l-Litwanja) u żidiet ta' bejn 0.1 % (ir-Repubblika Slovakka) u 63 % (il-Latvja) fl-Istati Membri li jifdal.

Id-dejta użata għall-kostruzzjoni tat-tabelli ta' addizzjonalità għal kull Stat Membru ġejja mill-baġits nazzjonali (jew federali), reġjonali u baġits lokali[5]. L-infiq tal-istituzzjonijiet indipendenti ffinanzjati mill-fondi pubbliċi kien inkluż ukoll għall-kategoriji eliġibbli. L-istess japplika lill-parti l-kbira tal-intrapriżi pubbliċi, għalkemm kienu esklużi f'xi każijiet minħabba proċessi ta' privatizzazzjoni għaddejjin jew ippjanati (eż. il-Polonja u r-Repubblika Slovakka). F'każijiet oħra, mhux dejjem kien possibbli li jiġi kkalkulat direttament l-infiq strutturali eliġibbli proprju mġarrab fil-livell reġjonali (eż. il-Portugall) jew mill-intrapriżi pubbliċi (eż. il-Latvja). F'dawn il-każijiet, l-Istati Membri użaw metodi ta' stima differenti.

F'dawk l-Istati Membri fejn mhux it-territorju nazzjonali kollu huwa eliġibbli taħt l-għan ta' Konverġenza, saru korrezzjonijiet ġeografiċi sabiex jiġi eskluż infiq strutturali f'reġjuni mhux eliġibbli. F'xi każijiet dan sar bl-użu ta' suppożizzjonijiet jew metodi ta' stima (eż. ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka). Sar eżerċizzju simili f'xi Stati Membri minħabba bidliet fil-mappa ta' reġjuni eliġibbli bejn iż-żewġ perjodi ta' programmazzjoni (eż. il-Greċja, il-Portugall u Spanja), peress li nfiq strutturali f'reġjuni li m'għadhomx eliġibbli taħt l-għan ta' Konverġenza trid tiġi eskluża mill-kalkoli.

[pic]

Sors: kalkoli tad-DĠ REGIO

Il-graff 1 tippreżenta r-riżultati tal-verifika tal-addizzjonalità skont il-kategorija ta' nfiq. Kważi 50 % tal-infiq strutturali nazzjonali huma ddedikati għall-infrastruttura bażika, bħat-trasport, it-telekomunikazzjonijiet, l-enerġija, l-ambjent, il-ġestjoni tal-ilma u s-saħħa.

L-infiq strutturali nazzjonali ppjanat taħt il-kategorija "Riżorsi Umani" jagħmlu madwar 29 % tat-total. Din il-kategorija tinkludi l-iktar investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ, u r-riċerka u l-iżvilupp. L-ammont li jifdal huwa ddedikat għall-kategorija "ambjent produttiv" (kemm kemm taħt it-13 % - hija tinkludi l-promozzjoni ta' attivitajiet f'setturi produttivi, pereżempju permezz ta' sussidji għall-kumpaniji, u l-iżvilupp ta' servizzi tan-negozju) u l-kategorija "Oħrajn" (qrib id-9 % - hija tikkonsisti l-aktar f'għajnuna teknika u nfiq żgħir ieħor).

Madankollu, l-infiq strutturali nazzjonali fil-qasam tar-"Riżorsi Umani" f'reġjuni tal-għan ta' Konverġenza huwa ogħla fil-kategorija "Infrastruttura Bażika" f'seba' Stati Membri: il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, Franza, il-Latvja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit.

Ir-riżultati huma differenti meta tqis il-piż relattiv ta' kull kategorija fil-Fondi Strutturali. F'dan il-każ, l-infiq strutturali fil-kategorija "Infrastruttura Bażika" jammonta għal inqas minn 37 % tat-total, jew 12-il punt inqas meta mqabbel mal-infiq nazzjonali. Din id-differenza hija allokata b'mod partikolari għall-kategorija "Ambjent Produttiv" li tirrappreżenta 22 %, imqabbla ma' 13 % biss tal-investiment nazzjonali totali. Hekk ukoll, il-qasam "Riżorsi Umani" jammonta għal proporzjon kemm kemm ogħla fil-Fondi Strutturali.

B'kollox, l-investiment iffinanzjat mill-Fondi Strutturali, li huwa addizzjonali mal-investiment nazzjonali skont ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta' addizzjonalità, jgħin biex jibbilanċja l-kompożizzjoni tal-investiment pubbliku għall-benefiċċju tal-infiq b'appoġġ għal ambjent produttiv (innovazzjoni, appoġġ għall-intraprenditorjat, servizzi tat-turiżmu, eċċ.).

Dawn il-konklużjonijiet jridu jitqiesu bi grad ta' kawtela peress li n-nomenklaturi nazzjonali li huma l-bażi tat-tabelli ta' addizzjonalità mhumiex allinjati għal kollox. Barra minn hekk, dawn it-tabelli ma jqisux il-ħlasijiet tal-Fond ta' Koeżjoni.

L-ADDIZZJONALITÀ MINN PERSPETTIVA EKONOMIKA USA'

Biex tifhem il-prinċipju ta' addizzjonalità minn perspettiva ekonomika usa' hemm bżonn li titqies ir-relazzjoni kumplessiva bejn l-investiment nazzjonali u dak Komunitarju. Għalhekk, filwaqt li ħlasijiet tal-Fond ta' Koeżjoni[6] ma jagħmlux parti mill-eżerċiżżju ta' addizzjonalità, tqiesu f'din it-Taqsima biex jirriflettu fis-sħiħ il-piż ta' politika ta' koeżjoni Ewropea fl-investiment pubbliku totali.

L-infiq strutturali nazzjonali medju li jrid jinżamm fl-oqsma eliġibbli matul il-perjodu 2007-2013 wara l-prinċipju ta' addizzjonalità huwa ta' iktar minn EUR 94 biljun (fi prezzijiet tal-2006) fis-sena (ara t-Tabella 1). Dan l-ammont jinkludi l-kofinanzjament nazzjonali tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta' Koeżjoni[7].

Biż-żieda tal-ħlasijiet ippjanati taħt il-politika ta' koeżjoni Ewropea (Fondi Strutturali u Fond ta' Koeżjoni), l-infiq strutturali totali se jtellgħu iktar minn EUR 125 biljun fis-sena (fi prezzijiet tal-2006) f'dawn ir-reġjuni.

Tabella 2: Investiment pubbliku nazzjonali annwali medju għal kull EUR ta' finanzjament pubbliku (prezzijiet tal-2006) u l-popolazzjoni eliġibbli |

EUR ta' nfiq nazzjonali għal kull EUR ta' kofinanzjament Komunitarju (bil-Fond ta' Koeżjoni) | EUR ta' nfiq nazzjonali għal kull EUR ta' kofinanzjament Komunitarju (mingħajr il-Fond ta' Koeżjoni) | Popolazzjoni tar-reġjuni ta' Konverġenza |

'000 | % tal-popolazzjoni nazzjonali |

L-Awstrija | 5.9 | 5.9 | 277 | 3.4 % |

Il-Belġju | 16.9 | 16.9 | 1,284 | 12.3 % |

Il-Bulgarija | 1.3 | 2.0 | 7,781 | 100.0 % |

Ir-Repubblika Ċeka | 1.0 | 1.4 | 9,040 | 88.6 % |

L-Estonja | 3.4 | 4.9 | 1,356 | 100.0 % |

Franza | 5.7 | 5.7 | 1,798 | 2.9 % |

Il-Ġermanja | 7.8 | 7.8 | 15,176 | 18.4 % |

Il-Greċja | 3.6 | 4.3 | 10,202 | 92.2 % |

L-Ungerija | 1.7 | 2.4 | 7,272 | 72.0 % |

L-Italja | 7.6 | 7.6 | 17,445 | 30.0 % |

Il-Latvja | 1.6 | 2.1 | 2,313 | 100.0 % |

Il-Litwanja | 1.1 | 1.7 | 3,436 | 100.0 % |

Malta | 1.2 | 1.9 | 401 | 100.0 % |

Il-Polonja | 1.1 | 1.6 | 38,130 | 100.0 % |

Il-Portugall | 1.6 | 1.7 | 7,507 | 71.5 % |

Ir-Rumanija | 2.8 | 4.7 | 21,673 | 100.0 % |

Is-Slovakkja | 0.7 | 0.9 | 4,782 | 88.9 % |

Is-Slovenja | 2.3 | 3.5 | 1,997 | 100.0 % |

Spanja | 4.4 | 4.6 | 15,709 | 36.8 % |

Ir-Renju Unit | 9.2 | 9.2 | 2,762 | 4.6 % |

Medja | 3.0 | 3.8 | 170,341 | 34.8 % |

Sors: kalkoli tad-DĠ REGIO |

It-Tabella 2 turi differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri (ara wkoll il-graff 2). Pereżempju, infiq strutturali nazzjonali fl-uniku reġjun Belġjan eliġibbli taħt l-għan ta' Konverġenza (Hainaut) jilħaq kważi EUR 17 għal kull EUR investit taħt il-politika Ewropea ta' koeżjoni. Dawn l-ammonti huma għoljin fi Stati Membri oħrajn tal-UE-15 l-antika. Kuntrarjament, il-proporzjon huwa qrib l-EUR 1 jew anke inqas fi Stati Membri oħra. Għal darb'oħra, dawn il-konklużjonijiet iridu jkunu interpretati b'kawtela peress li f'xi każijiet il-proporzjon tal-popolazzjoni li riedu jgħixu fir-reġjuni tal-għan ta' Konverġenza huwa żgħir (eż. fi Franza 2.9 % biss tal-popolazzjoni totali joqogħdu f'dawn ir-reġjuni, 3.4 % fl-Awstrija u 4.6 % fir-Renju Unit).

[pic]

Id-differenzi osservati huma inqas sinifikanti meta jitqabbel l-infiq strutturali nazzjonali mal-PGD medju mistenni matul il-perjodu 2007-2013 (Tabella 3). Ta' min jenfasizza li dawn iċ-ċifri huma kkalkulati bl-użu ta' prezzijiet kostanti tal-2006, li ma jirriflettux l-effetti ta' bidliet possibbli fir-rati tal-kambju ta' muniti nazzjonali li mhumiex fiż-Żona tal-Euro (ara l-Anness Metodoloġiku).

Tabella 3: Investiment pubbliku annwali medju 2007-2013 (% tal-PGD) |

Investiment nazzjonali | Investiment Komunitarju* | Investiment totali |

L-Awstrija | 2.11 % | 0.36 % | 2.47 % |

Il-Belġju | 4.07 % | 0.24 % | 4.31 % |

Il-Bulgarija | 2.97 % | 2.21 % | 5.18 % |

Ir-Repubblika Ċeka | 2.44 % | 2.47 % | 4.91 % |

L-Estonja | 7.12 % | 2.10 % | 9.22 % |

Franza | 5.49 % | 0.96 % | 6.45 % |

Il-Ġermanja | 5.15 % | 0.66 % | 5.81 % |

Il-Greċja | 4.17 % | 1.16 % | 5.32 % |

L-Ungerija | 6.28 % | 3.79 % | 10.07 % |

L-Italja | 6.87 % | 0.90 % | 7.77 % |

Il-Latvja | 4.42 % | 2.85 % | 7.27 % |

Il-Litwanja | 2.46 % | 2.26 % | 4.72 % |

Malta | 2.05 % | 1.67 % | 3.73 % |

Il-Polonja | 2.47 % | 2.22 % | 4.68 % |

Il-Portugall | 4.05 % | 2.59 % | 6.64 % |

Ir-Rumanija | 3.91 % | 1.38 % | 5.29 % |

Is-Slovakkja | 2.13 % | 3.19 % | 5.33 % |

Is-Slovenja | 2.73 % | 1.20 % | 3.93 % |

Spanja | 3.21 % | 0.74 % | 3.95 % |

Ir-Renju Unit | 6.21 % | 0.68 % | 6.89 % |

Medja | 4.18 % | 1.38 % | 5.56 % |

Sors: kalkoli tad-DĠ REGIO |

*Il-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni |

Fil-fatt, id-differenzi bejn l-UE-15 l-antika u l-Istati Membri l-ġodda mhumiex daqshekk kbar (graff 3). L-Ungerija u l-Estonja jinqatgħu mill-oħrajn b'investiment mistenni ppjanat totali ta' aktar minn 10 % u 9 % tal-PGD rispettiv tagħhom. Bħala medja, l-investiment totali jirrappreżenta ftit inqas minn 5.6 % tal-PGD aggregat tar-reġjuni ta' Konverġenza

[pic]

F'xi pajjiżi tal-UE-15 l-antika (l-Italja, ir-Renju Unit, Franza u l-Portugall), l-infiq strutturali ppjanat totali (inklużi l-ħlasijiet tal-politika ta' koeżjoni Ewropea) huwa ta' iktar minn 6 % tal-PGD annwali medju. Madankollu, ta' min jiftakar li xi reġjuni biss ta' dawn il-pajjiżi huma eliġibbli taħt l-għan ta' Konverġenza. Kif ġie nnutat hawn fuq, f'xi każijiet dawn ir-reġjuni jagħmlu proporzjon modesta tal-popolazzjoni totali u l-PGD nazzjonali.

Fi kwalunkwe każ, il-piż relattiv tal-politika Ewropea ta' koeżjoni fl-investiment ippjanat totali jidher li hu konsiderevolment ogħla fl-Istati Membri l-ġodda (graff 3). Il-ħlasijiet Komunitarji huma qrib il-50 % tal-investiment totali f'ħafna minn dawn il-pajjiżi u huma terġa' ogħla mill-ħlasijiet nazzjonali fir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka.

It-tabelli u l-graffs ta' hawn fuq huma bbażati fuq it-tbassir tal-Kummissjoni li keinu disponibbli fil-ħin meta l-miri ta' nfiq ġew stabbiliti (il-ħarifa 2006).

Fl-aħħar nett, ta' min jinnota li t-tbassir tal-PGD għas-snin li ġejjin għadhom kemm ġew riveduti 'l isfel b'riżultat tal-impatt mistenni tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali. B'hekk, l-aħħar tbassir tal-Kummissjoni (il-ħarifa 2008) jipprevedi tkabbir ekonomiku dgħajjef fl-Unjoni, u anke kuntest ta' reċessjoni f'xi Stati Membri. Dan it-tbassir kompla jeħżien fuq il-bażi tal-previżjonijiet aġġornati interim żvelati fil-bidu tal-2009.

KONKLUżJONIJIET

Il-kunċett tal-addizzjonalità huwa relattivament sempliċi imma l-implimentazzjoni effettiv tiegħu jinvolvi għadd ta' kumplessitajiet metodoloġiċi.

Il-verifika tal-addizzjonalità f'dan l-istadju "ex ante" għall-perjodu 2007-2013 kienet ibbażata fuq l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u fuq il-Linji Gwida stabbiliti fid-Dokument ta' Ħidma Nru 3 (Diċembru 2006). Dan tal-aħħar kien maħsub biex jistabbilixxi l-prinċiplji komuni għan-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri differenti. Xi wħud mill-finijiet tad-dokument huma t-titjib tat-trasparenza, l-iżgurar tal-ugwaljanza ta' trattament bejn il-pajjiżi, u li r-riżultati miksuba għal kull Stat Membru jkunu jistgħu jitqabblu. Pereżempju, l-inklużjoni ta' nfiq minn kumpaniji ta' proprjetà tal-istat saret obbligatorja, kuntrarjament għall-approċċ volontarju meħud għall-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti 2000-2006.

Minkejja dawn l-isforzi, jibqgħu bosta nuqqasijiet, fosthom:

- Diffikultajiet għat-tqabbil tar-riżultati fost Stati Membri. L-Istati Membri ma jsegwux metodoloġija standard unika għall-kontijiet pubbliċi nazzjonali. Minħabba f'hekk, l-approċċi metodoloġiċi għall-ġbir ta' dejta meħtieġa għall-verifika tal-addizzjonalità tvarja fost il-pajjiżi. F'ħafna każijiet, id-dejta tittieħed minn sorsi baġitarji li huma kklassifikati b'modi differenti minn Stat Membru għall-ieħor. Dan jagħmel it-tqabbil minn pajjiż għall-ieħor diffiċli. Din il-problema hija terġa' iktar iebsa fit-tqabbil ta' nfiq strutturali ffinanzjat minn sorsi nazzjonali u Komunitarji peress li mhumiex ikklassifikati b'mod koerenti u ssemplifikat. Bħala eżempju, ċifri ta' addizzjonalità huma pprovduti fuq bażi tal-kassa, filwaqt li ċifri baġitarji tal-Istat Membru disponibbli pubblikament huma ppreżentati fuq bażi tad-dovuti (ESA95).

- Nuqqasijiet fit-tqabbil tad-dejta matul il-perjodi ta' programmazzjoni. Il-metodi użati jistgħu wkoll ivarjaw matul iż-żmien anke fi ħdan Stat Membru wieħed. Pereżempju, instabu xi diskrepanzi sinifikanti f'xi Stati Membri bejn l-infiq effettiv mistqarr għall-verifika ex post tal-perjodu 2004-2006 u l-infiq effettiv għall-istess perjodu użat għall-verifika ex ante tal-perjodu 2007-2013.

- Il-problemi biex jiġi inkluż l-infiq eliġibbli rilevanti kollu. Id-determinazzjoni ta' nfiq rilevanti bbażat fuq is-sorsi ta' kontijiet differenti li jeżistu fl-Istati Membri hija diffiċli. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, id-dejta tittieħed minn sorsi baġitarji li mhux dejjem ikunu mqassmin fil-livelli sottonazzjonali kollha. Dan jagħmilha verament diffiċli biex jiġi identifikat l-infiq rilevanti, partikolarment fil-livell lokali u, għalhekk, spiss ikun hemm bżonn tal-użu ta' stimi u analiżi każ b'każ, li jaffettwaw l-affidabilità tar-riżultat finali.

- Eteroġeneità tat-tagħrif ipprovdut . It-tagħrif mibgħut minn xi Stati Membri fil-QNRS tagħhom, u fir-rapporti annessi u n-noti metodoloġiċi jistgħu jiġu ssemplifikati aktar. Id-dejta minbgħuta hija nieqsa mill-omoġeneità u tvarja f'termini kwanitattivi u kwalitattivi minn Stat Membru għall-ieħor. Filwaqt li xi Stati Membri pprovdew tagħrif dettaljat ħafna, pereżempju dwar il-metodoloġija użata, is-sorsi ta' tagħrif jew l-istimi li saru, oħrajn ipprovdew vera ftit dettalji dwar kif ġew prodotti t-tabelli ta' addizzjonalità tagħhom. Barra minn hekk, dan it-tagħrif ma kienx dejjem ippreżentat bl-istess mod (pereżempju l-Istati Membri ma użawx l-istess sena ta' referenza għad-deflaturi).

- Id-diffikultajiet fil-verifika tal-affidabilità tad-dejta. Il-Kummissjoni għandha strumenti limitati biex tivverifika li t-tagħrif pprovdut huwa korrett. Tqassim tal-infiq skont ir-reġjun għandu jkun żviluppat, b'mod partikolari għall-Istati Membri li t-territorju tagħhom huwa parzjalment eliġibbli taħt l-għan ta' Konverġenza. Dan jista' jgħin ukoll biex jitnaqqas l-użu tal-istimi għad-determinazzjoni tal-infiq fil-livell sottonazzjonali. Barra minn hekk, dokumenti komplementari marbuta mal-baġits reġjonali jew nazzjonali jistgħu jipprovdu prova addizzjonali tal-affidabilità ta' dan l-infiq.

- L-ebda mekkaniżmu ta' monitoraġġ. Finalment, ir-regoli ta' addizzjonalità ma jistipulawx strumenti li jippermettu lill-Kummissjoni timmonitorizza fuq bażi regolari l-evoluzzjoni ta' varjabbli fl-Istati Membri (eż. ir-rendiment fiskali jew il-proċessi ta' privatizzazzjoni), li jistgħu jaffettwaw il-livell tal-infiq pubbliku tagħhom u b'hekk tirriżulta l-addizzjonalità. Is-soluzzjonijiet possibbli għandhom ikunu esplorati, inkluż li t-tagħrif neċessarju għall-verifika tal-addizzjonalità jintrabat mat-tagħrif regolari pprovdut mill-Istati Membri fil-programmit ta' stabbilità tagħhom.

Għaldaqstant, għad hemm kjarament fejn jista' jsir titjib fit-tagħrif u l-metodoloġija għad-determinazzjoni u l-verifika tal-addizzjonalità, li huwa prinċipju importanti tal-politika ta' koeżjoni. Il-Kummissjoni beħsiebha tidħol fi djalogu permanenti u iktar fil-fond mal-Istati Membri dwar kif se tegħleb in-nuqqasijiet u ttejjeb l-applikazzjoni tal-prinċipju.

Il-verifika tal-addizzjonalità li jmiss se ssir fl-2011. F'dak il-ħin, il-prinċipju se jitqies bħala li ġie rispettat jekk il-medja annwali tal-infiq strutturali fil-perjodu 2007-2010 huwa tal-inqas l-istess fil-livell imbassar għall-perjodu jew jekk dan l-infiq jidħol fi profil ta' nfiq predeterminat maqbul matul il-valutazzjoni ex ante . F'dan l-aħħar każ, il-medja annwali tal-2007-2010 tista' tkun taħt il-medja annwali għall-2007-2013.

Fir-reviżjoni ta' nofs is-sena, l-Istati Membri se jkollhom l-opportunità li jirrevedu l-livell ta' nfiq fid-dawl tal-bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni ekonomika. Dan jista' jkun partikolarment rilevanti fil-kriżi finanzjarja attwali. Għalhekk huwa importanti li jkun hemm diskussjoni futura fuq bażi iktar robusta.

ANNESS METODOLOĠIKU

It-Tabella 1 turi ħlasijiet effettivi u ħlasijiet ippjanati taħt il-kategoriji eliġibbli għall-perjodi 2000-2005 u 2007-2013 rispettivament. Iċ-ċifri huma dawk inklużi fit-tabelli ta' addizzjonalità tal-Oqfsa ta' Referenza Strateġika Nazzjonali. Dawn iċ-ċifri huma espressi f'EUR fi prezzijiet tal-2006. Intuża deflatur tal-PGD biex jesprimihom fi prezzijiet kostanti. Kwalunkwe nfiq tal-fond strutturali u kofinanzjament nazzjonali li sar fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid imma li kien impenjat taħt programmi preċedenti huwa inkluż fiċ-ċifri tal-2007-2013. Kofinanzjamenti nazzjonali għall-Fond ta' Koeżjoni jitqiesu għad-determinazzjoni tal-mira ta' nfiq strutturali nazzjonali.

Għall-Istati Membri li mhumiex kompletament koperti mill-għan ta' Konverġenza, it-tabelli nazzjonali ma jinkludux infiq strutturali għal reġjuni mhux eliġibbli. Fejn ma kienx hemm disponibbli dejta reġjonali, intużaw metodi ta' stima statistika.

It-tabella 2 u l-graff 2 iqabblu, għal kull Stat Membru, ħlasijiet ippjanati nazzjonali f'EUR li jiġu minn addizzjonalità għall-perjodu 2007-2013 (prezzijiet tal-2006) bi ħlasijiet ippjanati għall-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni (l-ewwel kolonna) u l-Fondi Strutturali (it-tieni kolonna) għal kull Stat Membru (għan ta' Konverġenza). Intuża deflatur standard ta' 2 % għall-Istati Membri kollha biex il-prezzijiet tal-2004 jiġu trasformati fil-prezzijiet tal-2006.

It-tabella 3 u l-graff 3 iqabblu, għal kull Stat Membru, il-piż relattiv tal-ħlasijiet nazzjonali ppjanati li jiġu minn addizzjonalità fil-perjodu 2007-2013, u tal-ħlasijiet totali ppjanati għall-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni għal kull Stat Membru (għan ta' Konverġenza) kontra t-tbassir tal-PGD tal-ħarifa 2006 għal kull Stat Membru. Dan kien it-tbassir disponibbli fil-waqt tal-iffissar tal-miri tal-infiq.

Dejta dwar il-ħlasijiet nazzjonali u l-ħlasijiet tal-fondi strutturali nkisbu mit-tabelli ta' addizzjonalità tal-QNRS tal-Istati Membri. Għall-Fond ta' Koeżjoni, ġie żviluppat profil ta' ħlasijiet mistennija fuq il-bażi ta' profil medju ta' ħlasijiet osservati fi Spanja, il-Portugall u l-Greċja matul l-aħħar perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006. Il-"Popolazzjoni" prokuratriċi ntgħażlet bħala prokuratriċi biex tistima l-ħlasijiet li jikkorrispondu mar-reġjuni ta' Konverġenza fl-Istati Membri li huma eliġibbli għal dan il-Fond.

Fl-aħħar nett, huwa importanti li jitqies li l-użu ta' prezzijiet kostanti jista' jagħti stima għolja zzejjed tal-piż tal-ħlasijiet ippjanati nazzjonali u Komunitarji f'xi pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro, espressi bħala perċentwali tal-PGD. Ir-raġuni hija l-apprezzament ta' xi muniti nazzjonali kontra l-EUR mill-2004. Il-ħidma ma' prezzijiet kostanti tassumi li r-rata tal-kambju tibqa' stabbli matul il-perjodu ta' referenza. Barra minn hekk, xi ħaġa oħra li wieħed irid joqgħod attent għaliha meta jinterpreta r-riżultati tikkonċerna l-ipoteżi bażi tat-tbassir tal-PGD rigward ir-rata ta' inflazzjoni (2 % standard fis-sena għall-Istati Membri kollha matul il-perjodu ta' programmazzjoni) peress li jistgħu jvarjaw mir-realtà skont il-konġunzjoni ekonomika.

[1] Ara l-Artikolu 99(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006, (ĠU L 210, 31.7.2006).

[2] Għal aktar tagħrif dwar id-deflaturi u rati ta' kambju ara l-Anness Metodoloġiku u t-Tabella 1 u 2 fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja.

[3] Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-kunċett ta' nfiq strutturali użat għall-kontroll tal-prinċipju ta' addizzjonalità huwa usa' minn dak li, tradizzjonalment, ikun assimilat għall-formazzjoni ta' kapital fiss gross.

[4] Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006

[5] Iktar tagħrif dettaljat li jikkonċerna l-verifika ex ante tal-addizzjonalità għal kull Stat Membru jingħata fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni.

[6] Għall-Fond ta' Koeżjoni, il-"popolazzjoni" prokuratriċi ntgħażlet biex tistima l-ħlasijiet li jikkorrispondu mar-reġjuni ta' Konverġenza fl-Istati Membri li huma eliġibbli għal dan il-Fond (ara wkoll l-Anness Metodoloġiku).

[7] Ara d-Dokument ta' Ħidma nru 3 tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar il-prinċipju ta' addizzjonalità. (http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docoffic/2007/working/wd3_additionality_en.pdf).