Rapport mill-Kummissjoni lill-awtorità baġitarja dwar il-garanziji koperti mill-baġit ġenerali - Is-sitwazzjoni fit-30 ta’ Ġunju 2008 {SEC(2009) 159} /* KUMM/2009/0068 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 18.2.2009 KUMM(2009) 68 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI lill-awtorità baġitarja dwar il-garanziji koperti mill-baġit ġenerali Is-sitwazzjoni fit-30 ta’ Ġunju 2008 {SEC(2009) 159} RAPPORT MILL-KUMMISSJONI lill-awtorità baġitarja dwar il-garanziji koperti mill-baġit ġenerali Is-sitwazzjoni fit-30 ta’ Ġunju 2008 {SEC(2009) 159} WERREJ 1. Id-Daħla u t-tipi ta' azzjonijiet koperti 4 2. X'ġara minn mindu sar l-aħħar rapport fil-31 ta’ Diċembru 2007 4 3. Id-dejta dwar ir-riskji li jkopri l-Baġit 5 3.1. Id-definizzjoni tar-riskju 5 3.2. Ir-riskju marbut mal-Istati Membri 6 3.3. Ir-riskju marbut ma’ pajjiżi terzi 7 3.4. Ir-riskju globali kopert mill-Baġit 8 3.5. L-evoluzzjoni tar-riskju 8 4. In-nuqqas ta’ ħlasijiet, l-attivazzjoni tal-garanziji Baġitarji u l-arretrati 10 4.1. Il-ħlasijiet minn riżorsi ta’ flus kontanti 10 4.2. Il-ħlasijiet mill-Baġit 10 4.3. L-attivazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għal azzjonijiet esterni 10 5. Il-Fond ta’ Garanzija Għall-azzjonijiet esterni 10 5.1. L-irkupri 10 5.2. L-assi 10 5.3. L-ammont immirat 10 6. Il-valutazzjoni tar-riskji: Il-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-aktar azzjonijiet importanti ta’ self tal-UE 11 6.1. Id-Daħla 11 6.2. Il-pajjiżi kandidati 11 6.3. Il-pajjiżi kandidati potenzjali 12 1. Id-Daħla u t-tipi ta' azzjonijiet koperti Dan ir-rapport huwa ppreżentat skont l-Artikolu 130 tar-Regolament Finanzjarju li permezz tiegħu l-Kummissjoni trid tirrapporta darbtejn fis-sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-garanziji tal-baġit u r-riskji relatati magħhom [1]. Dan huwa finalizzat permezz ta' Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jinkludi sett ta' tabelli ddettaljati u noti ta' spjegazzjoni ("l-Anness")[2]. Ir-riskji koperti mill-baġit tal-Unjoni Ewropea ("il-Baġit") ġejjin minn firxa ta’ azzjonijiet ta’ self u ta’ garanzija li jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji: - self mogħti lill-Komunitajiet Ewropej b'għanijiet makroekonomiċi, jiġifieri self ta' assistenza makrofinanzjarja ("MFA")[3] lil pajjiżi terzi u flimkien mal-istituzzjonijiet ta' Bretton Woods, self ta' bilanċ tal-pagamenti li jagħtu appoġġ lill-Istati Membri li mhumiex parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) li qed jiffaċċjaw diffikultajiet tranżizzjonali; kif ukoll - self b'għanijiet mikroekonomiċi (self tal-Euratom u l-aktar importanti finanzjament estern tal-Bank Ewropew tal-Investiment ("BEI")[4]). Sa mill-1994 dawn l-azzjonijiet ġew koperti mill-Fond ta’ Garanzija għall-finanzjament estern (“il-Fond”)[5] li twaqqaf biex, fost ħwejjeġ oħra, jillimita l-impatt finanzjarju li ġej minn talbiet għal garanziji mogħtija mill-Baġit għal azzjonijiet ta' self fil-pajjiżi terzi (jekk pajjiż sar Stat Membru r-riskju jerfgħu direttament il-Baġit). Jekk ma jkunx hemm biżżejjed riżorsi fil-Fond, isir rikors għall-Baġit. Ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond (ir-“Regolament tal-Fond[6]”), li kien adottat fl-1994, ġie emendat għall-ewwel darba fl-1999. Wara t-tieni emenda għar-Regolament tal-Kunsill fl-2004, il-kopertura tal-Fond titneħħa jekk il-pajjiżi terzi jsiru Stati Membri. Il-Baġit ikopri direttament is-self lill-Istati Membri mogħti jew garantit mill-Komunità. 2. X'ġara minn mindu sar l-aħħar rapport fil-31 ta’ Diċembru 2007 Ma sar l-ebda ħlas biex jaqta' d-dejn li jaqa' taħt self ta’ assistenza makrofinanzjarja u tal-Euratom matul l-ewwel nofs tal-2008. Ħlas ġdid magħmul biex jaqta' d-dejn ta' self ta' USD 22 miljun sar f'Ottubru 2008. F'dak li għandu x'jaqsam mal-azzjonijiet ta' finanzjament, ammont totali ta' EUR 1 884 miljun ġie ffirmat mill-BEI skont il-mandat ġenerali tal-2007-2013 (Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE). Fir-rigward tal-volum ta' ħlas magħmul biex jaqta' d-dejn, ħareġ ammont ta' EUR 911-il miljun li minnhom EUR 286 miljun tħallsu skont il-mandat ġenerali l-ġdid tal-2007-2013. Għandu jiġi nnutat li, wara li ttieħdet azzjoni mil-Parlament, fis-6 ta' Novembru 2008 l-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE minħabba li ma kenitx adottata skont il-bażi legali korretta. Il-Qorti, meta annullat id-Deċiżjoni, ordnat “ li l-effetti tagħha jiġu ppreservati għall-arranġamenti finanzjarji tal-BEI li ntrabtu għalihom qabel id-dħul fis-seħħ, fi żmien perjodu ta' 12-il xahar mid-data ta' meta nqatgħet is-sentenza, ta' deċiżjoni ġdida adottata fuq il-bażi legali xierqa, speċifikament l-Artikoli 179 KE u 181a KE flimkien ”. Il-Kummissjoni bħalissa qed tħejji proposta lill-Parlament Ewropew u lil-Kunsill għal dan il-għan. 3. Id-dejta dwar ir-riskji li jkopri l-Baġit 3.1. Id-definizzjoni tar-riskju Ir-riskji merfugħa mill-Baġit ġejjin mill-ammont tal-kapital u tal-imgħax pendenti fir-rigward ta’ azzjonijiet garantiti. L-azzjonijiet fejn isir nuqqas ta’ ħlas dovut se jkunu koperti mill-Fond meta jkunu marbuta ma’ pajjiżi terzi (73 % tal-ammont pendenti kollu garantit mit-30 ta' Ġunju 2008) u direttament mill-Baġit meta jkunu involuti l-Istati Membri (self lil jew għall-benefiċċju ta’ proġetti fl-Istati Membri jammontaw għas-27 % li jibqa' mill-ammont pendenti totali). Il-parti l-kbira ta’ self garantit marbut mal-Istati Membri hija r-riżultat taċ-ċikli reċenti ta’ tkabbir. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1, tar-Regolament tal-Fond, ladarba pajjiż isir Stat Membru, ir-riskju fuq is-self jiġi trasferit mill-Fond għall-Baġit. Għall-iskop ta’ dan ir-rapport, qed jintużaw żewġ metodi għall-valutazzjoni tar-riskji merfugħa mill-Baġit (direttament jew indirettament permezz tal-Fond): - Il-metodu li bih jinħadem l-ammont totali tal-kapital pendenti għall-azzjonijiet ikkonċernati f’data speċifika inkluż l-imgħax akkumulat. Din il-metodoloġija tagħti l-livell ta’ riskju merfugħ mill-Baġit f’data speċifika. - L-istrateġija baġitarja definita bħala “r-riskju annwali merfugħ mill-Baġit” hija bbażata fuq il-kalkolu tal-ammont massimu li l-Komunità jkollha tħallas f’sena finanzjarja jekk wieħed jassumi li s-self garantit kollu ma jkunx tħallas[7]. Tabella 1: L-ammonti kollha pendenti koperti mit-30 ta' Ġunju 2008 f’EUR miljuni | Il-kapital pendenti | L-imgħax akkumulat | Total | % | L-Istati Membri* | MFA | 196 | 5 | 201 | 1 % | L-Euratom | 435 | 9 | 444 | 3 % | BEI | 3 976 | 36 | 4 012 | 23 % | Is-subtotal tal-Istati Membri* | 4 606 | 51 | 4 657 | 27 % | Il-pajjiżi terzi | MFA | 534 | 13 | 547 | 3 % | L-Euratom | 39 | 1 | 40 | <1 % | BEI | 11 729 | 128 | 11 857 | 69 % | Is-subtotal tal-pajjiżi terzi | 12 302 | 142 | 12 444 | 73 % | Total | 16 908 | 193 | 17 101 | 100 % | * Dan ir-riskju huwa kopert direttament mill-Baġit u jinkludi l-Bulgarija u r-Rumanija minħabba li dawn ingħaqdu mal-UE fl-1.1.2007. | It-tabelli A1, A2, A3 u A4 tal-Anness jagħtu tagħrif iktar dettaljat dwar dawn l-ammonti pendenti, b’mod partikolari mil-lat tal-limitu massimu, l-ammonti ta' ħlas magħmula biex jaqtgħu d-dejn jew ir-rati ta’ garanzija. Ammont totali pendenti ta' kapital jew ta' mgħax kopert mill-baġit naqas bi ftit b'EUR 122 miljun għal EUR 17 101 miljun meta mqabbel mal-qagħda tal-31 ta' Diċembru 2007. 3.2. Ir-riskju marbut mal-Istati Membri Ir-riskji attwali fuq l-Istati Membri ġejjin minn self mogħti qabel l-adeżjoni. Fit-tieni nofs tal-2008, il-Baġit se jerfa' r-riskju marbut mal-Istati Membri ta' EUR 378 miljun. It-Tabella 2 turi li l-Bulgarija u r-Rumanija huma kklassifikati fl-ewwel u t-tieni post f’dak li għandu x'jaqsam mal-ammont pendenti tagħhom. Tabella 2: Il-klassifika tal-Istati Membri skont l-esponiment f'dak li għandu x'jaqsam mar-riskju massimu merfugħ mill-baġit fit-tieni nofs tas-sena 2008 (F'EUR Miljuni) | Il-klassifika | Il-pajjiżi | 2008 | % | 1 | Ir-Rumanija | 116,7 | 30,8 % | 2 | Il-Bulgarija | 91,9 | 24,3 % | 3 | Ir-Repubblika Ċeka | 45,2 | 11,9 % | 4 | Il-Polonja | 42,3 | 11,2 % | 5 | Is-Slovakkja | 32,5 | 8,6 % | 6 | Is-Slovenja | 19,1 | 5,0 % | 7 | L-Ungerija | 18,1 | 4,8 % | 8 | Ċipru | 4,8 | 1,3 % | 9 | Il-Latvja | 3,7 | 1,0 % | 10 | Il-Litwanja | 3,3 | 0,9 % | 11 | L-Estonja | 0,6 | 0,1 % | 12 | Malta | 0,3 | 0,1 % | Total | 378,3 | 100,0 % | Ir-riskju fuq l-Istati Membri jikkonċerna lill-Istati Membri kolha li kienu involuti fl-aħħar żewġ proċessi ta' tkabbir b'maturitajiet li jagħlqu fl-2031. 3.3. Ir-riskju marbut ma’ pajjiżi terzi Fit-tieni nofs tas-sena 2008, il-Fond se jerfa' riskju massimu marbut ma’ pajjiżi terzi ta’ EUR 571 miljun. L-ewwel għaxar pajjiżi skont it-total pendenti tagħhom huma elenkati hawn taħt. Dawn jammontaw għal 79 % tar-riskju merfugħ mill-Fond fl-2008. Il-qagħda ekonomika ta’ dawn il-pajjiżi hija analizzata u diskussa fit-Taqsima 6 hawn taħt. Tabella 3: Il-klassifika tal-aktar għaxar pajjiżi terzi importanti skont l-esponiment f'dak li għandu x'jaqsam mar-riskju massimu merfugħ mill-Fond fit-tieni nofs tas-sena 2008 (EUR miljun) | Il-klassifika | Il-Pajjiż | 2008 | Il-% tar-riskju massimu totali | 1 | It-Turkija | 158,4 | 21,8 % | 2 | L-Eġittu | 91,7 | 12,6 % | 3 | It-Tuneżija | 64,6 | 8,9 % | 4 | Il-Marokk | 64,4 | 8,9 % | 5 | Il-Libanu | 55,0 | 7,6 % | 6 | L-Afrika t’Isfel | 46,8 | 6,4 % | 7 | Is-Serbja | 29,4 | 4,0 % | 8 | Il-Messiku | 20,5 | 2,8 % | 9 | Il-Ġordan | 20,4 | 2,8 % | 10 | Il-Kroazja | 20,3 | 2,8 % | It-total tal-10 | 571,3 | 78,7 % | Il-Fond ikopri s-self garantit ta’ 57 pajjiż b’maturitajiet li jagħlqu fl-2038. Id-dettalji skont il-pajjiż jinsabu fit-Tabella A2 tal-Anness. 3.4. Ir-riskju globali kopert mill-Baġit B’kollox, fit-tieni nofs tas-sena 2008 l-Baġit se jkopri ammont ta’ EUR 1 104 miljun li jirrappreżenta l-ammonti dovuti matul dan il-perjodu, li minnhom 34 % huma dovuti mill-Istati Membri (ara t-Tabella A2 fl-Anness). 3.5. L-evoluzzjoni tar-riskju Ir-riskju fil-konfront tal-Istati Membri għandu jonqos fil-ġejjieni għas-self mogħti lill-Istati Membri taħt finanzjament garantit tal-Euratom, l-MFA jew il-BEI li jitħallas lura (ara l-Grafika A1 fit-Taqsima 1.3 tal-Anness). Minkejja dan, ir-riskju totali fil-konfront tal-Istati Membri se jiżdied bl-attivazzjoni tal-faċilità ta' assistenza finanzjarja Komunitarja li tifrex fuq medda medja ta' żmien (il-faċilità tal-bilanċ tal-pagamenti (balance-of-payments facility - BoP)). Din il-faċilità finanzjarja tippermetti li jingħata s-self lil Stat Membru wieħed jew aktar li għad ma adottax/adottawx l-ewro u li qed jesperjenza(w), jew li huwa/huma mhedded/mhedda, b'diffikultajiet fil-bilanċ tiegħu/tagħhom ta' pagamenti attwali. Ftehim ta' self mal-Ungerija ta' EUR 6 500 miljun lill-Ungerija ġie ffirmat fit-tieni semestru tal-2008[8]. Is-self ta’ MFA lil pajjiżi terzi huwa soġġett għal deċiżjonijiet individwali tal-Kunsill. L-assistenza finanzjarja mogħtija skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/860/KE tal-10 ta’ Diċembru 2007 li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lil-Libanu tikkonsisti f’EUR 50 miljun f’self u sa EUR 30 miljun f’għotjiet. L-intenzjoni hija li l-parti tas-self tinqata' billi titħallas f’żewġ partijiet indaqs fl-2009. Is-self tal-Euratom lill-Istati Membri jew f’ċerti pajjiżi eliġibbli li mhumiex membri (il-Federazzjoni Russa, l-Armenja, l-Ukraina) għandu limitu massimu ta’ EUR 4 biljuni li minnu diġà ntużaw madwar 85 %. Il-marġni li fadal huwa ta’ madwar EUR 600 miljun. Skont il-ftehim ta' self eżistenti li sar fl-2004 lill-K2R4 fl-Ukraina (l-ekwivalenti f’EUR ta’ Ftehim dwar Faċilità ta’ Self ta’ USD 83 miljun), fl-2007 tħallsu EUR 39 miljun biex jaqtgħu d-dejn. Kif spjegat fit-Taqsima 2, fl-10 ta' Ottubru 2008 tħallset parti ġdida ta' USD 22 miljun biex taqta' d-dejn. Il-mandat ġenerali preċedenti tal-BEI skada fil-31 ta’ Lulju 2007. Sa din id-data, kienu ġew iffirmati kuntratti li jikkorrispondu għal total ta’ 98 % tal-limitu massimu ġenerali skont dan il-mandat (EUR 20 060 miljun – ara t-Tabella A5 tal-Anness). L-ammont totali ta’ EUR 6 774 miljun għad irid jitħallas biex jaqta' d-dejn skont il-mandati preċedenti tal-BEI, li minnu 97 % huma relatati mal-mandat ġenerali preċedenti[9] u għandhom jinħarġu biex jaqtgħu d-dejn fi żmien għaxar snin mit-tmiem ta’ dan il-mandat, billi l-garanzija Komunitarja tiskadi fi tmiem dan il-perjodu[10]. L-aktar punt importanti li se jkollu impatt fuq ir-riskju għall-Baġit fil-ġejjieni, huwa l-garanzija Komunitarja mogħtija lill-BEI skont il-mandat ġenerali 2007-2013. Il-garanzija Komunitarja hija limitata għal 65 % tal-ammont aggregat tal-kreditu maħruġ biex jaqta' d-dejn u tal-garanziji pprovduti skont l-Azzjonijiet ta’ Finanzjament tal-BEI, mingħajr l-ammonti rimborsati u inklużi s-somom relatati kollha, b’limitu massimu ta’ EUR 27 800 miljun[11]. Ġie ffirmat ammont totali ta' EUR 3 761 miljun fit-30 ta' Ġunju 2008 skont dan il-mandat, li minnu sal-lum EUR 3 352 miljun għadhom ma nqatgħux bħala dejn (ara t-Tabella A6 tal-Anness). Fit-Taqsima 1.3 ta l-Anness, il-Grafika A2 turi simulazzjonijiet ta' xi xenarji ta' ħlasijiet biex jaqtgħu d-dejn li jaqgħu taħt il-mandati ta' qabel il-mandat ġenerali 2007-2013, kif ukoll taħt il-mandat ġenerali 2007-2013, minħabba li dawn il-ħlasijiet biex jaqtgħu d-dejn għandhom impatt qawwi fuq il-forniment tal-Fond. 4. In-nuqqas ta’ ħlasijiet, l-attivazzjoni tal-garanziji Baġitarji u l-arretrati 4.1. Il-ħlasijiet minn riżorsi ta’ flus kontanti Il-Kummissjoni tuża r-riżorsi ta’ flus kontanti tagħha biex tevita d-dewmien u l-ispejjeż konsegwenti li jinqalgħu meta hija tħallas l-interessi fuq id-dejn meta debitur ikun tard fil-ħlasijiet tiegħu lill-Kummissjoni[12]. 4.2. Il-ħlasijiet mill-Baġit Ma ntalbet l-ebda approprjazzjoni skont l-Artikolu tal-Baġit 01 04 01, “Garanziji tal-Komunità Ewropea għall-azzjonijiet ta’ self”, minħabba li fl-ewwel nofs tas-sena 2008 ma kien irreġistrat l-ebda nuqqas ta’ ħlas. 4.3. L-attivazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għal azzjonijiet esterni Fil-każ ta’ ħlas tardiv mill-benefiċjarju ta’ self (pajjiżi terzi) mogħti jew iggarantit mill-Komunità, il-Fond jintalab ikopri n-nuqqas ta’ ħlas fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jkun dovut il-ħlas[13]. Matul l-ewwel nofs tal-2008, il-Fond ma ntalab ikopri l-ebda nuqqas ta’ ħlas bħal dan. L-arretrati totali fit-30 ta’ Ġunju 2008, jiġifieri l-imgħaxijiet bħala penali mar-Repubblika tal-Arġentina, jammontaw għal USD 1 718 493.12; li USD 1 448 433,44 minnhom (ekwivalenti għal EUR 918 823,54) għad iridu jiġu rkuprati mill-Fond. Billi l-Fond ma ntalabx id-differenza li jifdal, dan l-ammont huwa dovut lill-BEI. 5. IL-FOND TA’ GARANZIJA GħALL-AZZJONIJIET ESTERNI 5.1. L-irkupri Fl-ewwel nofs tas-sena 2008 ma kien hemm l-ebda rkupru. Minkejja dan, irkurpru ta' USD 1 448 433,44 ta' mgħaxijiet bħala penali mir-Repubblika tal-Arġentina seħħ fit-12 ta' Diċembru 2008. 5.2. L-assi Fit-30 ta’ Ġunju 2008, l-assi netti tal-Fond kienu jammontaw għal EUR 1 029 656 202,33. 5.3. L-ammont immirat Il-Fond irid jilħaq livell xieraq (ammont immirat) stipulat għal 9 % tal-obbligi kapitali pendenti totali li ġejjin minn kull azzjoni, flimkien mal-imgħax akkumulat. Il-proporzjon bejn ir-riżorsi tal-Fond (EUR 1 029 656 202,33) u l-obbligi kapitali pendenti[14] (EUR 12 443 426 701,62) fit-tifsira tar-Regolament tal-Fond tjieb bi ftit minn 8.26 % fil-31 ta' Diċembru 2007 għal 8,29 % fit-30 ta' Ġunju 2008. Il-proporzjon se tqarreb ir-rata mmirata ta' 9 % wara li t-trasferiment ta' EUR 91,60 miljun inkorporati fl-Abbozz tal-Baġit Preliminari tal-2009 fi tmiem is-sena 2007 se jiġi effettwat f'Jannar 2009. Fi tmiem is-sena 2007, ir-riżorsi tal-Fond kienu inqas mill-ammont immirat. Skont ir-regoli l-ġodda dwar il-forniment adottati mill-Kunsill fit-30 ta’ Jannar 2007[15], ġie inkorporat forniment ta’ EUR 91,60 miljun fl-Abbozz tal-Baġit Preliminari tal-2009 flimkien ma' ammont ta’ EUR 500 000,00 għall-valutazzjoni esterna skont ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-mandat estern tal-BEI skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE[16]. 6. IL-VALUTAZZJONI TAR-RISKJI: IL-QAGħDA EKONOMIKA U FINANZJARJA TAL-PAJJIżI TERZI LI JIBBENEFIKAW MILL-AKTAR AZZJONIJIET IMPORTANTI TA’ SELF TAL-UE 6.1. Id-Daħla It-taqsimiet preċedenti tar-rapport jagħtu tagħrif dwar l-aspetti kwantitattivi tar-riskju merfugħ mill-Baġit. Minkejja dan, il-kwalità tar-riskji, li tiddependi mit-tip ta' azzjoni u mill-qagħda ta' min qed jissellef (ara t-Taqsima 3.3 hawn fuq) għandha tiġi vvalutata wkoll. It-tabelli dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-pajjiż qed jiġu ppreżentati b’mod separat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissioni. Taqsira ta’ din l-analiżi hija mogħtija fir-rapport u l-anness għall-għaxar pajjiżi li jippreżentaw l-ogħla riskju għall-Baġit fit-tieni nofs tal-2008 (ara t-Taqsima 3.3 hawn fuq) u għall-pajjiżi li għandhom esponiment dirett mal-baġit tal-Komunità (Self tal-MFA u l-Euratom). L-analiżi li tirrelata l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali qed tingħata hawn taħt. 6.2. Il-pajjiżi kandidati Fil- Kroazja , it-tkabbir tal-PGD (il-Prodott Gross Domestiku) reali żdied b'5,6 % fl-2007, jiġifieri tela' minn 4,8 % fl-2006. It-tkabbir kien prinċipalment xpruntat minn aċċelerazzjoni fit-tkabbir tal-konsum privat u pubbliku, invigorata minn tkabbir qawwi tal-kreditu li madankollu qed jonqos, ħlasijiet ta’ darba lil pensjonanti, u nfiq ta’ qabel l-elezzjoni. It-tkabbir ekonomiku naqas għal 4,3 % fuq bażi annwali fl-ewwel tliet xhur tal-2008 bi ftit ibbilanċjar mill-ġdid, hekk kif il-konsum immodera fost attività iktar qawwija ta' investiment, b'mod partikolari l-investiment privat, li parzjalment kien jirrifletti xi titjib fl-ambjent ġenerali tan-negozju. Id-defiċit attwali tal-kont kiber minn 7,9 % tal-PGD fl-2006 għal 8,7 % fl-2007 u b'mod ulterjuri għal 9.6 % fit-12-il xahar li jwasslu għal Marzu 2008, prinċipalment minħabba defiċit kummerċjali ogħla. Dan imsemmi l-aħħar kien invigorat minn domanda domestika qawwija, prezzijiet ogħla tal-komoditajiet u l-enerġija u inqas tkabbir tal-esportazzjoni. L-influssi netti tal-IBD (Investimenti Barranija Diretti) żdiedu bi 33 % fl-2007 u laħqu d-9,1 % tal-PGD, u għalhekk pattew sew għall-iżbilanċ tal-kont attwali. Id-dejn estern gross kompla jiżdied, minħabba aċċelerazzjoni fis-self dirett mis-settur korporattiv filwaqt li l-gvern ġenerali kif ukoll is-settur bankarju naqqsu l-obbligi barranin pendenti tagħhom. Il-proporzjoni tad-dejn estern gross żdied minn 85,5 % tal-PGD fl-aħħar tal-2006 għal 88,9 % fl-aħħar tal-2007. Fl- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja , it-tkabbir tal-produzzjoni żdied b’mod sinifikanti għal madwar 5 % (f’termini reali) fl-2007, meta mqabbel ma’ 4 % fl-2006. Sorsi importanti għat-tkabbir kienu l-esportazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar u l-konsum privat. Il-kont attwali ddeterjora matul l-aħħar xhur tas-sena, u laħaq żbilanċ ta’ kważi 3 % tal-PGD fl-aħħar tal-2007. L-influssi gross tal-IBD reġgħu lura għal 4.8 % tal-PGD fl-aħħar tal-2007, wara li proġett wieħed ta’ privatizzazzjoni fis-settur tal-enerġija għolla l-influssi tal-IBD għal kważi 6 % tal-PGD fl-2006. Il-ħlasijiet lura antiċipati tad-dejn naqqsu d-dejn estern tal-pajjiż għal madwar 50 % tal-PGD. Fit- Turkija , it-tkabbir annwali tal-PGD ammonta għal 4,5 % fl-2007, jiġifieri niżel minn 6,9 % fl-2006. L-inflazzjoni ogħla u l-issikkar strett ta' politika monetarja tal-Bank Ċentrali f’nofs l-2006 naqqsu t-tkabbir tad-domanda domestika. L-iżbilanċ fil-kont attwali baqa’ kostanti fi kważi 6 % tal-PGD. L-influssi grossi tal-IBD laħqu t-3 % tal-PGD fl-2007, u madwar żewġ terzi minnhom kienu mmirati lejn is-settur finanzjarju. Fis-sena preċedenti, id-dejn estern tal-pajjiż naqas b’madwar żewġ punti perċentwali għal 37 % tal-PGD sa l-aħħar tal-2007. Fl-istess ħin, id-dejn pubbliku naqas għal 39 % tal-PGD minn 46 % tal-PGD fl-2006. Il-banek Torok spiss jissellfu internazzjonalment biex jiffinanzjaw is-self domestiku, għalhekk huma mistennija jħossu ftit ftit l-effett tal-issikkar globali fil-kreditu. 6.3. Il-pajjiżi kandidati potenzjali Fil- Bożnija u l-Ħerzegovina t-tkabbir reali tal-PGD naqas minn 6,7 % fl-2006 għal 6 % fl-2007. Fl-2007 ż-żieda tal-iżbilanċ fil-kummerċ ikkontribwiet għal żieda fl-iżbilanċ fil-kont attwali minn 8,4 % tal-PGD fl-2006 għal 13,1 % tal-PGD fl-2007. L-iżbilanċ fil-kont attwali kien iffinanzjat kompletament mill-IBD nett billi privatizzazzjonijiet kbar fir-Republika Srpska (Република Српска) flimkien ma’ prestazzjoni relattivament aħjar tal-investimenti greenfield wasslu għal żieda fl-IBD għal 13,8 % tal-PGD. Id-dejn pubbliku estern naqas għal 18,5 % tal-PGD fl-aħħar tal-2007, filwaqt li d-dejn totali estern huwa stmat li huwa inqas minn 50 % tal-PGD. Fis- Serbja l-PGD reali kiber b’7,5 % matul l-2007. L-iżbilanċ tal-kont attwali żdied għal 16 % tal-PGD, minħabba żbilanċ fil-kummerċ li qed jiżdied u tnaqqis fit-trasferimenti netti attwali. L-influssi netti tal-IBD naqsu għal 5,1 % tal-PGD filwaqt li s-self barrani żdied għal 10,3 % tal-PGD. Bħala konsegwenza tat-tbattija fl-influssi tal-kapital, l-akkumulazzjoni ta’ valuta barranija tal-Bank Nazzjonali tas-Serbja naqset għal 3 % tal-PGD. Fl-aħħar tas-sena r-riżervi ta’ valuta barranija tal-Bank Nazzjonali tas-Serbja kienu ekwivalenti għall-valur ta’ 7,5 xhur ta’ importazzjonijiet ta’ merkanzija u servizzi. Id-dejn estern baqa’ ta’ 62 % tal-PGD filwaqt li d-dejn estern tas-settur privat u ta’ dak pubbliku sa l-aħħar tal-2007 kien jammonta għal 41 % u 21 % tal-PGD, rispettivament. Fil- Montenegro , il-PGD jindika espansjoni robusta tal-ekonomija bi 8 % fl-ewwel nofs tal-2008 invigorat fil-biċċa l-kbira minn servizzi min-naħa tal-produzzjoni u mill-konsum privat min-naħa tad-domanda. L-iżbilanċ attwali fil-kont iddeterjora b’mod qawwi għal 39 % tal-PGD minħabba l-iżbilanċ kummerċjali sinifikanti u l-istaġnar notevoli tal-esportazzjoni. Minkejja dan, l-influssi tal-IBD naqsu b'mod moderat matul l-ewwel nofs tal-2008, u niżżlu l-IBD għal 22 % tal-PGD. Id-dejn pubbliku żdied għal 33,6 % tal-PGD minħabba ż-żieda qawwija fid-dejn domestiku. B'kuntrast ma' dan, is-sehem estern tad-dejn pubbliku naqas għal 17,5 % tal-PGD, wara pagamenti mill-ġdid lil kredituri multilaterali ffaċilitati minn riżultat fiskali tajjeb. [1] COM(2008) 451 u SEC(2008) 2249 jiffurmaw ir-rapport ta' qabel dwar il-garanziji koperti mill-Baġit fil-31 ta’ Diċembru 2007. [2] SEC(2008) […]. [3] L-assistenza makrofinanzjarja tista’ anki tieħu l-forma ta’ għotjiet lil pajjiżi terzi. Għal aktar tagħrif dwar l-Assistenza Makrofinanzjarja, ara r-rapport tal-Kummissjoni COM(2008) 590 u SEC(2008) 2504. [4] Iċ-ċifri li għandhom x'jaqsmu mal-mandati tal-BEI huma murija fit-Tabella A1 u r-referenzi għall-bażijiet legali huma elenkati fit-Tabella A4 fl-Anness. [5] Għar-rapport l-aktar reċenti dwar it-tħaddim tal-Fond, ara COM(2006) 695 "Comprehensive Report on the functioning of the Guarantee Fund " (Rapport Komprensiv dwar it-tħaddim tal-Fond ta’ Garanzija) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal anness miegħu (SEC(2006) 1460). [6] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE EUROTOM) Nru 2728/94 tal-31 ta' Ottubru 1994 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni, (ĠU L 293, 12.11.1994, p. 1). [7] Għall-iskop ta’ dan il-kalkolu, wieħed jassumi li meta jitwettaq nuqqas ta' pagament is-self ma jiġix dovut kollu immedjatament, jiġifieri jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-ħlasijiet dovuti (ara wkoll it-Taqsima 1 tal-Anness). [8] F'Novembru 2008, il-Latvja kkuntattjat lill-UE għal assistenza li taqa' taħt il-faċilità tal-BoP. [9] Ara t-Taqsima 1.3 tal-Anness. [10] Ara l-Artikolu 1.06 tal-Ftehim ta’ Garanzija Mtenni u Emendat iffirmat bejn il-KE u l-BEI fit-30 ta’ Awwissu/2 ta’ Settembru 2005. [11] Ikkategorizzati f'ammont massimu bażiku fiss ta’ EUR 25 800 miljun u f’mandat mhux obbligatorju ta’ EUR 2 000 miljun li għandu jiġi deċiż mill-Kunsill. [12] Ara l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet. [13] Għal aktar dettalji, ara t-Taqsima 1.4.3. tal-Anness. [14] Inklużi l-imgħaxijiet akkumulati. [15] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 89/2007 tat-30 ta' Jannar 2007 (ĠU L 22, 31.1.2007, p. 1) . [16] ĠU L 414, 30.12.2006, p. 102.