52009DC0036

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Ninvestu illum għall-Ewropa ta' għada /* KUMM/2009/0036 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 28.1.2009

KUMM(2009) 36 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ninvestu illum għall-Ewropa ta' għada

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ninvestu illum għall-Ewropa ta' għada

Mill-ħarifa tas-sena l-oħra, l-Unjoni Ewropea qed taffaċja sfida doppja. Il-kriżi fis-swieq finanzjarji pprovokat tnaqqis drastiku fl-ekonomija Ewropea. Deher ċar li l-qgħad u d-dħul mitluf se jkunu l-mod ta' kif il-familji, in-negozji u l-komunitajiet madwar l-Ewropa se jħossu l-impatt u li għalhekk azzjoni urġenti kienet meħtieġa biex tindirizza l-kriżi u l-konsegwenzi tagħha. Iżda fl-istess ħin, l-Ewropa kienet konxja bħal qatt qabel dwar kif is-saħħa u s-sostenibbiltà fit-tul tal-ekonomija Ewropea kienet tiddependi fuq il-firxa tal-għodda tal-kompetittività fis-setturi kollha tas-soċjetà Ewropea, billi terġa tifforma l-ekonomija ħalli tkun tista' taffaċja d-domandi tas-sigurtà tal-enerġija u tat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra.

Ir-riżultat kien il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku[1] propost mill-Kummissjoni f'Novembru u approvat mill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru[2]. Dan il-Pjan spjega kif l-Istati Membri u l-UE jistgħu jikkoordinaw il-politiki tagħhom u jagħtu stimulu immedjat lill-ekonomija Ewropea. Iżda dan il-Pjan kien ukoll maħsub bir-reqqa biex dak l-istimulu jkun dirett lejn l-għanijiet fit-tul tal-Ewropa.

Parti importanti tal-Pjan għall-Irkupru kienet il-proposta sabiex in-nefqa tal-UE tingħata spinta f'setturi strateġiċi definiti. L-istimulu miftiehem ta' 1.5% tal-PGD kien jeħtieġ kontribuzzjonijiet kemm minn sorsi nazzjonali kif ukoll minn tal-UE, inkluż il-baġit tal-UE. L-UE ma nefqitx sal-limiti miftiehma: għalhekk il-Kummissjoni kkalkulat li €5 biljuni jistgħu jkunu diretti malajr lejn għanijiet definiti bħal pereżempju l-enerġija u l-broadband. Dan kien ser jagħti spinta lill-kunfidenza billi juri li l-investiment ma kienx qed jieqaf, u jpoġġi lill-Ewropa fit-triq lejn ekonomija iktar b'saħħitha għall-ġejjieni. Dan kien wieħed fost l-aspetti tal-Pjan magħżul għal "appoġġ partikolari" mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru u rrikonoxxa wkoll il-ħtieġa li jiġi kkunsidrat bilanċ ġeografiku xieraq.

Minn Diċembru, il-ħtieġa li tittieħed azzjoni saret iktar ċara. B'mod partikolari, l-importanza tas-sigurtà tal-enerġija, u n-nuqqasijiet fl-Ewropa illum, saru evidenti. Il-konsegwenzi diretti nħassu minn familji u negozji f'diversi Stati Membri. Iżda l-impatt tal-kriżi tal-gass inħasset minn kulħadd, ir-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha ġew distabbilizzati u ġiet imfakkra l-ħtieġa biex l-UE issir inqas dipendenti fuq il-fornituri esterni.

Din il-Komunikazzjoni tistipula fejn għandu jkun immirat l-investiment. Il-Komunikazzjoni hi akkumpanjata minn proposti għal finanzjament ta' deċiżjonijiet fl-oqsma kkonċernati. Il-proġetti identifikati kienu magħżula biex jaqblu mal-għanijiet strateġiċi tal-UE. L-appoġġ tal-UE ser ikun ffurmat biex jaċċelera l-proġetti u jimplimenta l-azzjoni malajr kemm jista jkun. B'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, ġie assigurat bilanċ ġeografiku. Il-Kummissjoni diġà ppreżentat proposta biex tirrevedi l-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2007-2013 biex fondi addizzjonali jkunu disponibbli taħt l-Intestatura 1A, filwaqt li l-ammonti totali miftiehma fil-ftehim interistituzzjonali ikunu rispettati[3]. Fid-dawl tal-ewwel diskussjonijiet mal-awtorità tal-baġit, il-Kummissjoni qed tipproponi t-trasferiment lejn l-Intestatura 1A, ta' riżorsi mhux meħtieġa taħt il-limitu tal-Intestatura 2 fir-rigward tas-sena 2008, sabiex tiffinanzja it-3.5 biljuni proposti għall-proġetti tal-enerġija[4], filwaqt li l-EUR 1.5 biljuni proposti fir-rigward tal-infrastruttura tal-broadband u l-isfidi ġodda identifikati taħt il-Verifika tas-Saħħa tal-PAK jibqgħu taħt l-Intestatura 2 għall-implimentazzjoni taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

Il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jeżaminaw malajr dawn il-proposti u biex jimmobbilizzaw ir-riżorsi meħtieġa mill-baġit. Dan ser jikkontribwixxi bil-kbir għall-isforzi tal-UE sabiex l-ekonomija Ewropea terġa titpoġġa fit-triq lejn it-tkabbir u l-prosperità, u biex tintwera d-determinazzjoni tal-Unjoni biex titratta l-isfidi ta' importanza strateġika għall-ġejjieni.

L-Investiment tal-Lum għall-Enerġija ta' Għada

L-enerġija saret waħda mill-kwistjonijiet ewlenin tal-Ewropa. F'Diċembru, l-Unjoni Ewropea ħadet sett ta' deċiżjonijiet ewlenin sabiex tindirizza l-ġejjieni tal-enerġija fl-Ewropa: biex issostni settur tal-enerġija li jkun kapaċi jnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u li tagħmel l-enerġija li tiġġedded parti ewlenija tat-taħlita tal-enerġija tal-Ewropa. Fil-bidu tas-Sena l-Ġdida, l-Ewropa kellha tiffaċja kriżi tal-gass, u din il-kriżi enfasizzat ir-riskji għas-sigurtà tal-provvista. Hi enfasizzat id-dgħjufija mhux biss f'termini ta' diversità fl-importazzjoni, iżda wkoll f'termini tal-kapaċità tal-UE biex titrasferixxi l-enerġija ġewwa l-Unjoni fejn l-iktar hu meħtieġ.

Il-bidliet meħtieġa jirrikjedu impenn u investiment kbir. Iżda t-tnaqqis ekonomiku qed jirriskja li jdewwem dan l-investiment jekk ma tittiħidtx azzjoni addizzjonali issa. In-nuqqas ta' kreditu qed ikollu impatt dirett fuq il-veloċità li biha l-Ewropa qed tagħmel il-bidliet meħtieġa. Ir-riskju hu li jintilfu l-veloċità u l-vantaġġ teknoloġiku, u dewmien illum ifisser spejjeż ogħla 'l quddiem. Huwa għalhekk li l-Pjan għall-Irkupru Ekonomiku jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa għall-"investiment bis-sens", li hu stimulu għall-ekonomija mmirata fuq għanijiet strateġiċi ċari.

Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi sett ta' tliet inizjattivi speċifiċi ffukati fuq l-għanijiet ewlenin tal-Ewropa dwar l-enerġija. L-ewwel nett, appoġġ għall-proġetti ta' interkonnessjoni strateġiċi li jgħinu biex jindirizzaw uħud min-nuqqasijiet fl-infrastruttura illum. It-tieni, investiment biex jinżamm l-iżvilupp tar-riħ 'il barra mix-xtut bħala fornitur kredibbli tal-enerġija li tiġġedded. It-tielet, li jitressaq numru ta' proġetti ta' dimostrazzjoni dwar il-qbid u l-ħażna tal-karbonju, sabiex tippermetti lill-produtturi tal-enerġija li qed jirsistu biex inaqqsu l-emissjonijiet biex iżommu l-għażla tal-fjuwils fossili.

Dawn l-inizjattivi ser joffru appoġġ immirat u preċiż għall-proġetti speċifiċi. Fis-snin li ġejjin, dawn iridu jkunu sostnuti minn inizjattivi politiċi u investiment fuq skala kbira. Iżda l-UE diġà tista' tagħti kontribuzzjoni kbira.

Il-proġetti kollha ġew magħżula minħabba s-sinifikat wiesgħa tagħhom: l-infrastruttura li ser iġġib vantaġġi f'termini ta' sigurtà tal-provvista għall-UE kollha; avvanzi teknoloġiċi u loġistiċi li ser ifissru pass 'il quddiem għall-industrija Ewropea tal-enerġija kollha. Huma ser jaħdmu biex jippromwovu avvanz teknoloġiku bħala parti mill-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija għall-Ewropa, b'mod partikolari l-integrazzjoni tar-riżultati mal-Inizjattivi Industrijali Ewropew li jkopru l-Qbid u l-Ħażna tal-Karbonju u l-Enerġija mir-Riħ. Huma ser jużaw ukoll kull opportunità biex jippromwovu effett ta' tisħiħ fl-investimenti, b'mod partikolari permezz ta' kollaborazzjoni mal-Bank Ewropew għall-Investiment.

Nikkollegaw l-enerġija tal-Ewropa

Ir-Reviżjoni Strateġika tal-Enerġija tas-sena l-oħra stabbilixxiet il-komponenti differenti ta' politika effettiva dwar is-siġurtà tal-provvista[5]. Il-Pjan ta' Azzjoni ta' Sigurtà u Solidarjetà tal-UE wera l-ħtieġa għall-provvista stabbli mill-imsieħba tal-pajjiżi terzi; għall-ġestjoni effettiva tal-ħażna taż-żejt u l-gass, u l-mekkaniżmi ta' tweġiba għall-kriżi; għall-effiċjenza tal-enerġija biex id-domanda tkun limitata; u jsir l-aħjar użu mir-riżorsi indiġeni tal-enerġija tal-UE. B'mod partikolari, il-Pjan enfasizza kif l-infrastruttura kienet parti indispensabbli mit-taħlita: l-infrastruttura li s-suq mhux dejjem kien kapaċi li jipprovdi. L-interkonnessjoni għandha riperkussjoni pożittiva fuq kollox, hi tnaqqas id-dipendenza u żżid il-kompetizzjoni għall-benefiċċju tas-suq kollu intern.

Il-kriżi riċenti fil-provvista tal-gass għall-familji u n-negozji Ewropej enfasizzat bil-kbir l-importanza tal-infrastruttura. Il-vulnerabbiltà tal-provvisti tal-enerġija Ewropej saret evidenti ħafna u m'hemm l-ebda alternattivi ċari fi żmien ta' nuqqas. Minkejja li xi Stati Membri għamlu sforzi biex jikkumpensaw dan in-nuqqas fi Stati Membri oħrajn, ħafna drabi ma kienx ikun hemm il-konnessjonijiet meħtieġa biex dan ikun possibbli. Għalhekk il-kriżi uriet nuqqasijiet serji fl-interkonnessjoni. Iżda l-istess nuqqasijiet fl-infrastruttura għandhom spiża fit-tul għall-kompetittività Ewropea: inqas aċċess għal l-irħas importazzjoni tal-enerġija, u inqas possibbiltà għall-kumpaniji u l-konsumaturi li jġibu l-enerġija bl-aħjar valur disponibbli fl-Ewropa. Ir-riżultat ser ikun dewmien permanenti fuq it-tkabbir Ewropew.

Fl-istess ħin, il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali qed trażżan l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija. Il-kumpaniji tal-enerġija huma vulnerabbli daqs oħrajn għan-nuqqas ta' kreditu: hemm riskju reali li l-proġetti ta' interess strateġiku kbir jiġu sospiżi - ħlief jekk l-investiment pubbliku jaġixxi biex jagħti ċertezza lil min isellef li dawn il-proġetti jistħoqqilhom li jkunu ffinanzjati.

Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża €1.5-2 biljuni tal-istumulu stabbilit fil-Pjan għall-Irkupru biex titfa' r-riżorsi meħtieġa fl-interkonnessjonijiet strateġiċi ewlenin. Ir-Reviżjoni Strateġika tal-Enerġija diġà identifikat numru ta' prijoritajiet strateġiċi tal-enerġija sabiex tindirizza nuqqasijiet u tisfrutta opportunitajiet, u enfasizzat l-interkonnessjoni Baltika, il-Linja tal-Gass fin-Nofsinhar, il-Gass Naturali Llikwifikat (LNG), u s-sistema ta' distribuzzjoni fil-Mediterran, fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, u sistema ta' distribuzzjoni 'l barra mix-xtut fil-Baħar tat-Tramuntana. Il-proġetti għandhom ukoll jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari ta' gżejjer żgħar maqtugħin min-netwerks ċentrali tal-enerġija tal-UE.

Il-Kummissjoni użat ir-Reviżjoni Strateġika tal-Enerġija biex tiggwida l-għażla tal-proġetti, u fittxet li tindirizza b'mod dirett l-għanijiet tas-sigurtà u d-diversifikazzjoni tal-provvista. Il-proġetti huma mifruxa ġeografikament madwar l-Unjoni. Il-benefiċċji tagħhom mhux ser jinħassu biss fl-Istat Membru fejn jinsabu, iżda madwar l-Unjoni kollha: kemm f'termini tas-sinifikat strateġiku tagħhom għas-sigurtà tal-enerġija kollha, kif ukoll f'termini tal-opportunità sabiex tressaq offerti għall-kuntratti u tipprovdi teknoloġiji ewlenin. Huma ser jagħtu spinta ekonomika minnufih, u wkoll jibnu ekonomija Ewropea iktar b'saħħitha għall-ġejjieni.

Il-proposta ser issostni madwar 20 proġett, li jkopru kemm il-gass kif ukoll l-elettriku, sakemm il-benefiċjarji jissodisfaw il-kriterji ewlenin biex ikun żgurat it-twettiq effettiv tal-proġetti. Din tinkludi dispożizzjoni biex tindirizza waħda min-nuqqasijiet speċifiċi enfasizzata fil-kriżi tal-gass: id-diffikultà fil-fluss tal-gass mill-punent għall-lvant[6]. Huwa essenzjali li dawn il-proġetti jkunu laħqu livell ta' maturita' li jippermetti li x-xogħol jibda malajr: u li l-Istati Membri jaċċettaw ir-responsabbiltà li jaċċeleraw il-proċeduri u l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa.

Il-ġenerazzjoni li jmiss tal-enerġija mir-riħ 'il barra mix-xtut

L-għan tal-enerġija li tiġġedded miftiehem mill-UE f'Diċembru poġġa l-attenzjoni fuq il-ħtieġa li jkunu mnedija t-teknoloġiji meħtieġa. L-enerġija mir-riħ ser tkun essenzjali biex jintlaħaq l-għan, kif enfasizzat mill-Pjan Strateġiku għat-teknoloġija tal-Enerġija għall-Ewropa. L-industrija tar-riħ għandha l-għan li tipprovdi 12-14% tal-elettriku tal-UE sal-2020, b'iktar minn kwart ta' dan li ġej mir-riħ 'il barra mix-xtut. Din it-tendenza hi mistennija li titkompla, b'turbini tar-riħ 'il barra mix-xtut ser ikollhom l-ogħla tkabbir fis-settur. Minħabba li ħafna proġetti f'żoni kostali u marittimi transkonfinali ħafna drabi jeħtieġu infrastruttura transkonfinali, u minħabba li l-enerġija mir-riħ 'il barra mix-xtut hu iktar kumpless mill-perspettiva teknoloġika u loġistika, l-UE għandha rwol partikolari fil-promozzjoni tal-investiment li nkella jista' jkun traskurat.

Madankollu, fil-preżent jidher ċar, li l-iżvilupp tal-proġetti tar-riħ 'il barra mix-xtut tqiegħed f'dubju minħabba n-nuqqas ta' finanzjament disponibbli. Il-proġetti lesti li jibdew qegħdin fir-riskju li jkunu mdewma, u b'konsegwenza, xi manifatturi diġà kellhom inaqqsu xi impjiegi. Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li madwar €0.5 biljuni għandhom ikunu ddedikati lejn proġetti f'dan is-settur. Il-proġetti kienu magħżula fuq il-bażi tal-kapaċità tal-UE li żżid valur lill-proġetti li jinsabu fi stadju raġonevoli ta' żvilupp – li jippromwovu b'mod partikolari l-kooperazzjoni reġjonali sabiex itejbu l-kompetittività u jinvestu f'teknoloġija avvanzata biex jiżviluppaw ġenerazzjoni ġdida ta' turbini tar-riħ, infrastrutturi u loġistiċi li jinkoraġġixxu t-tħaddim rapidu tat-teknoloġija.

Enerġija nadifa għall-ġejjieni

Il-qbid u l-ħażna tal-karbonu (CCS) kien identifikat bħala wieħed mit-teknoloġiji ewlenin għall-ġejjieni. Teknoloġija bħal din kieku tipproduċi enerġija sostenibbli mill-fjuwils fossili: komponent essenzjali fl-isforz globali li jitnaqqsu bin-nofs l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra sal-2050. Dan kieku jippermetti lill-Ewropa biex tieħu vantaġġ sħiħ tal-provvisti indiġeni tagħha ta' faħam, żejt u gass. U l-iżvilupp tat-teknoloġija ser jagħti lill-industrija Ewropea opportunità tas-suq importanti f'teknoloġija ta' relevanza globali. Madankollu, is-CCS hija teknoloġija kumplessa li tista' tieħu ħafna snin biex tilħaq vijabbiltà kummerċjali.

Il-Kunsill Ewropew irrikonoxxa l-potenzjal tas-CCS billi stabbilixxa l-għan li jkun hemm 12-il proġett ta' dimostrazzjoni lesti u jaħdmu sal-2015. In-nuqqas ta' kreditu għamel dan l-għan iktar ambizzjuż. F'Diċembru li għadda l-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiggarantixxi fondi għas-CCS permezz ta' sehem tad-dħul mill-irkant tal-ETS. Madankollu, dawn il-fondi mhux ser ikunu disponibbli mill-ewwel u mhux ser ikunu biżejjed biex ikun imnedi n-numru mixtieq ta' proġetti ta' dimostrazzjoni. Fis-sitwazzjoni ekonomika attwali, il-prudenza ta' min jinvesti qed tieħu r-riskju li tpoġġi f'dubju l-għanijiet tal-Kunsill Ewropew.

Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi biex taċċelera x-xogħol fuq il-proġetti ewlenin ta' dimostrazzjoni u infrastruttura. Ħames proġetti ser ikunu sostnuti, u kull wieħed minnhom ser jeħtieġ investiment ta' €250 miljun sabiex it-tnedija tagħhom tkun żgurata. Dawn ser jirrappreżentaw taħlita ta' teknoloġiji, kundizzjonijiet ġeoloġiċi u Stati Membri. Dawn jinsabu kollha fi stat avvanzat ta' tlestija, biex ikun żgurat li l-effetti benefiċjarji tal-investiment jibdew jinħassu malajr kemm jista' jkun. Il-punt tal-proġetti ta' dimostrazzjoni hu wkoll li r-riżultat ser ikun magħmul disponibbli lill-atturi oħrajn, għalhekk ser ikunu evidenti l-obbligi f'dan ir-rigward.

Ninvestu għall-ġejjieni tal-komunitajiet rurali

Il-komunitajiet rurali jistgħu jkunu fost l-iktar vulnerabbli minħabba t-tnaqqis ekonomiku. Fi żminijiet diffiċli, hemm riskju kbir ta' esklużjoni – u meta l-ekonomija tibda tirritorna lejn it-tkabbir, il-benefiċċji jistgħu jkunu ddistribwiti iktar bil-mod.

Wieħed mill-għodda l-iktar importanti fl-ekonomija moderna hu l-broadband. Fl-Ewropa tal-lum, il-broadband hu l-muftieħ li permezz tiegħu jinstabu impjiegi ġodda, jiġu mitgħallma ħiliet ġodda, jiġu identifikati swieq ġodda u jitnaqqsu l-ispejjeż. Dan hu essenzjali għall-iskejjel, il-libreriji u l-uffiċċji tal-gvern daqs kemm hu essenzjali għan-negozji. Dan sar għodda essenzjali sabiex l-ekonomija moderna tkun tista' taħdem. Iżda hemm xi nuqqasijiet – f'ċerti komunitajiet fejn is-suq ma jwassalx kopertura minħabba popolazzjonijiet imxerdin u spejjeż għoljin. Hemm ukoll ħafna żoni fejn teknoloġija bikrija tal-broadband teħtieġ li tkun aġġornata, sabiex l-internet ikun jista' jitwassal b'veloċitajiet li huma mistennija illum. Hu għalhekk li l-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku stabbilixxa l-għan li jkunu żviluppati netwerks tal-broadband sabiex jinkiseb 100% tal-kopertura sħiħa tal-internet b'veloċità għolja sal-2010. Huwa wkoll enfasizzat l-ħtieġa li tkun aġġornata l-prestazzjoni ta' diversi netwerks diġà eżistenti, flimkien ma' sforzi biex jippromwovi l-investimenti kompetittivi fin-netwerks tal-fibra u jingħati spazju għall-broadband mingħajr fili.

L-UE diġà tuża l-iżvilupp rurali sabiex tippromwovi t-tkabbir f'ekonomiji rurali u ttejjeb is-saħħa globali tas-soċjetà rurali. Il-"verifika tas-saħħa" tal-KAP tidentifika sensiela ta' sfidi ġodda ta' relevanza partikolari għall-agrikoltura Ewropea. Trattament iktar malajr ta' dawn l-isfidi jippermetti l-komunitajiet agrikoli biex imexxu 'l quddiem il-ħidma biex jindirizzaw dawn l-isfidi u jkunu ppreparati aħjar meta ċ-ċirkustanzi ekonomiċi imorru għall-aħjar. Dan hu konformi mal-enfażi mogħtija mill-Pjan għall-Irkupru biex jaċċelera l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet strutturali tal-UE, biex l-investiment ikun disponibbli iktar kmieni fi żminijiet diffiċli.

Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li l-istrument eżistenti għall-iżvilupp rurali għandu jkun użat biex jagħti spinta doppja lill-ekonomija rurali. L-ewwel nett, €1 biljun għandu jkun mogħti lin-nefqa għall-iżvilupp rurali għall-għan speċifiku li jiżviluppa infrastruttura tal-broadband f'żoni rurali. It-tieni nett, €0.5 biljuni għandhom ikunu ddedikati għall-aċċelerazzjoni tal-ħidma biex tittratta sfidi ġodda identifikati fil-verifika tas-saħħa tal-KAP.

L-investiment disponibbli f'kull Stat Membru ser ikun stabbilit mill-Kummissjoni skont il-prinċipji previsti fl-Artikolu 69(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°1698/2005. Il-Kummissjoni biħsiebha li tistabbilixxijhom fuq il-bażi tas-sistema ta' distribuzzjoni attwali.

Nipprovdu l-internet fil-komunitajiet rurali

L-inkoraġġament tal-broadband diġà għandu rwol fl-iżvilupp rurali tal-UE. Il-linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp rurali għall-perjodu ta' programmar 2007-2013[7] jpoġġu enfażi partikolari fuq l-importanza tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) għan-negozji rurali u l-iżvilupp soċjo-ekonomiku f'żoni rurali. Id-diffużjoni u l-adozzjoni tal-ICT għandhom rwol ewlieni sabiex iż-żoni rurali jerġgħu jingħataw il-ħajja u jgħinu fid-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi u soċjali billi jagħtu spinta lill-attività ekonomika u jagħmlu disponibbli servizzi on-line ġodda, u jsostnu l-inklużjoni elettronika. Dawn jistgħu jindirizzaw in-nuqqas ta' adozzjoni tal-ICT fis-settur agroalimentari, u jgħinu ż-żoni ta' tkabbir bħat-turiżmu rurali.

Bl-istess mod, fejn għad hemm nuqqasijiet fil-kopertura tal-broadband bejn żoni urbani u rurali u fejn l-adozzjoni tal-internet waqgħet lura, hemm riskju reali li dan ifisser esklużjoni ekonomika u soċjali. Il-konsegwenza tista' tkun staġnar tal-ekonomiji rurali, qgħad u depopolazzjoni.

Dan ir-riskju ser ikun iktar qawwi fi żminijiet ta' tnaqqis ekonomiku. Iktar ma r-reġjuni jkunu mwarrba, iżolati u depopolati, iktar isoffru min-nuqqas ta' konnessjonijiet tal-broadband u aċċess għall-internet. Iktar ma r-reġjuni jaqgħu taħt l-għanijiet għall-konessjonijiet tal-broadband, probabli inqas ser ikollhom il-livelli ta' dħul biex isostnu l-investiment tagħhom.

Il-finanzjament jista' jkun iffokat fuq tliet oqsma ewlenin:

- Il-ħolqien ta' infrastruttura ġdida tal-broadband inkluż il-faċilitajiet għat-trażmissjoni tad-dejta (eżempju sistemi fissi, terrestri mingħajr fili, permezz ta' satellita jew taħlita ta' teknoloġiji) ;

- Tkun aġġornata l-infrastruttura tal-broadband diġà eżistenti (eżempju; iktar affidabbiltà, veloċità, kapaċità, li jkun jista' jintlaħaq iktar u kwalità aħjar tas-servizz eċċ);

- Installazzjoni tal-infrastruttura passiva tal-broadband (eżempju: xogħlijiet ta' inġinerija ċivili bħal kanali, u elementi ta' netwerk oħrajn bħal fibra skura eċċ), f'sinerġija wkoll ma' infrastrutturi oħrajn (netwerks ta' enerġija, trasport, ilma, dranaġġ eċċ).

Dan ser jitwassal permezz tal-miżura 321 "Serviżżi bażiċi għall-ekonomija u l-popolazzjoni rurali". L-investiment ser jikkomplimenta l-ħidma li diġà qed titwettaq sabiex ikun żviluppa l-broadband permezz tal-politika ta' koeżjoni, billi jibni fuq il-ħidma li diġà qed titwettaq f'diversi żoni rurali.

Il-Kummissjoni ser tistabbilixxi iktar dettalji tal-opportunitajiet politiċi għall-inkoraġġament tal-broadband rurali fil-ġimgħat li ġejjin[8]. Din l-inizjattiva ser tmur ukoll id f'id mal-istrateġija l-ġdida tal-braodband maħsuba sabiex tipprovdi qafas għall-azzjoni għall-iżvilupp tal-broadband madwar l-Unjoni Ewropea. Hi ser tfittex li tibni koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, issostni "il-ġabra" tal-infrastrutturi sabiex tużhom għall-aħjar effett, u tpartat l-aħjar prattiki[9]. Jekk ikunu kkoordinati sew, it-taħlita tajba tal-iżvilupp rurali, il-politika tal-ICT/broadband u l-fondi strutturali jistgħu jevitaw l-irduppjar u jistgħu jiġġeneraw il-forza meħtieġa sabiex tagħmeul differenza reali.

Inizjattivi bħal dawn iridu jkunu konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tat-Trattat. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jinkoraġġixxu interventi mfassla sew li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jindirizzaw in-nuqqas ta' jew disponibbiltà limitata ta' broadband bi prezz raġonevoli f'dawn ir-reġjuni. Huma jiżguraw li l-interventi pubbliċi huma ġġustifikati sew u proporzjonali.

Nittrataw l-isfidi tal-ġejjini

Il-"Verifika tas-Saħħa" tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni tal-2003 identifikat sett ta' sfidi kruċjali ġodda għall-agrikoltura Ewropea – bidla fil-klima, enerġiji li jiġġeddu, ġestjoni tal-ilma, bijodiversità u r-ristrutturar tal-prodotti tal-ħalib. F'Novembru 2008, il-Ministri tal-Agrikoltura ftehmu li jitrattaw dawn l-isfidi b'iktar riżorsi fi ħdan il-programmi għall-iżvilupp rurali, taħt ir-regoli tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Madankollu, dan ir-rapport addizzjonali hu previst biss minn Jannar 2010 u għal xi Stati Membri biss fl-2013[10].

L-aċċelerazzjoni ta' din il-ħidma ser tmexxi 'l quddiem l-investiment u tippermetti li l-ħidma tibda fuq dawn l-prijoritajiet strateġiċi kruċjali. Li dan ix-xogħol jinbeda fl-2009 ser ikun ta' benefiċċju partikolari għal UE-12.

*****

L-investiment stabbilit f'din il-Komunikazzjoni ser jikkontribwixxu ħafna biex tkun ittrattata l-kriżi ekonomika u biex l-Ewropa issir iktar b'saħħitha u iktar kompetittivà għall-ġejjieni. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jikkunsidraw malajr il-proposti, u biex jadottawhom mill-iktar fis possibbli.

[1] COM(2008) 800.

[2] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew 11-12 ta' Diċembru, Brussell

[3] COM(2008) 859, 10.12.2008.

[4] €1.5 biljun fl-2009 u €2 biljuni fl-2010.

[5] COM(2008) 781, 13.11.2008.

[6] Bħal pereżempju; biex tgħeleb il-każ riċenti fejn il-gass ma setax ikun trasferit mill-Awstrija għas-Slovakkja u biex tikkontribwixxi għall-konessjoni bejn il-Bulgarija u r-Romanija.

[7] Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/144/KE tal-20 ta' Frar 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali.

[8] Fil-Komunikazzjoni "Aċċess aħjar għaż-żoni rurali għall-ICT moderna"

[9] Il-Portal Ewropew tal-Broadband www.broadband-europe.eu jaġixxi wkoll bħala għodda għall-iskambju tal-aħjar prattiki u għall-pubblikazzjoni tas-sejħiet għall-offerti fuq skala Ewropea u jista' jipprovdi effett ta' impuls sabiex itejjeb il-baġit disponibbli.

[10] Mhux għar-Rumanija u l-Bulgarija.