52009DC0015




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 28.1.2009

KUMM(2009) 15 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-tielet reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjarfl-Unjoni Ewropea

{KUMM(2009) 16 finali}{KUMM(2009) 17 finali}{SEG(2009) 55}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-tielet reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjarfl-Unjoni Ewropea

I. DAĦLA

Matul l-aħħar erba snin, din il-Kummissjoni għamlet progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-aġenda tagħha għal regolamentazzjoni aħjar. Qiegħda tissimplifika leġiżlazzjoni li diġà qiegħda titħaddem biex tiżgura li din tkun aġġornata u aktar aċċessibbli. Qed tneħħi l-burakrazija u qed timplimenta programm iffokat li jnaqqas il-piżijiet amministrattivi għan-negozji. Biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni u l-politiki ġodda ikunu tal-aqwa kwalità possibbli, qed tuża’ sistema ta’ valutazzjoni tal-impatt li hi mifruxa ħafna u ambizzjuża. U flimkien mal-Istati Membri, qed tiżviluppa strateġiji aktar effiċjenti u effettivi biex jiġi żgurat li l-liġi Komunitarja tkun applikata b’mod korrett.

Ir-regolamentazzjoni hi meħtieġa u hi ta’ benefiċċju għal diversi raġunijiet: Biex jiġi żgurat li s-swieq jiffunzjonaw kif suppost; biex toħloq l-istess opportunitajiet għal kumpaniji u istituzzjonijiet finanzjarji li jkunu qed jikkompetu fis-suq waħdani; biex tipproteġi lill-ħaddiema u l-konsumaturi, is-saħħa u l-ambjent. Fl-istess ħin ir-regolamentazzjoni ġġib magħha l-ispejjeż – għall-kumpaniji, l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini – u dawn għandhom jinżammu għall-minimu possibbli. Biex titwettaq l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar, l-għan tal-Kummissjoni kien li jiġi żgurat li l-qafas regolatorju jgħin biex ikunu stimulati l-imprenditorjat u l-innovazzżjoni, jippermetti li n-negozji jikkompetu b’mod aktar effettiv u biex ikun sfruttat b’mod sħiħ il-potenzjal tas-suq intern. B’dan il-mod, l-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tkun ta’ kontribut għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi waqt li jinżammu standards għolja ta’ protezzjoni soċjali, tal-ambjent, tas-saħħa u tal-konsumatur. Il-pjan Ewropew għall-qawmien ekonomiku saħaq li fil-kuntest attwali ta’ diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji, bi pressjoni dejjem tiżdied fuq in-negozji u l-familji, il-kwalità tal-ambjent regolatorju hi aktar importanti minn qatt qabel[1].

L-aħħar erba’ snin raw bidla kbira kif il-Kummissjoni qed timplimenta l-aġenda ta’ regolamentazzjoni aħjar. Dan ipoġġi lill-Unjoni f’qagħda tajba biex tħabbat wiċċha mal-isfidi ġejjiena. L-esperjenza wriet li regolamentazzjoni aħjar tkun tal-akbar suċċess jekk l-istituzzjonijiet Ewropej kollha u l-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà u jaħdmu flimkien. Din l-esperjenza hi ferm prezzjuża fl-isfera internazzjonali. Is-samit tal-G20 f’Novembru 2008 ssottolinja li ċerti kwistjonijiet regolatorji jistgħu jiġu indirizzati biss mal-imsieħba internazzjonali tagħna, u s-samit tefa’ dawl fuq ir-rwol dejjem jikber li l-UE jista’ jkollha meta taġixxi f’unità.

Din il-Komunikazzjoni tiżvela fejn ikun sar progress u tisħaq fuq l-oqsma fejn ikun jeħtieġ li jsiru sforzi akbar. Hu kontribut mal-ġbir tal-informazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar regolamentazzjoni aħjar ta' Marzu 2009 taħt il-Presidenza Ċeka.

II. TITJIB TAL-LEĠIŻLAZZJONI EŻISTENTI

Mingħajr ebda dubju sa mill-2005, din il-Kummissjoni ħadet l-aktar inizjattiva ambizzjuża u determinata li qatt ittieħdet biex taġġorna, timmodernizza u tissimplifika l-korp tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità, (l-'acquis'). Firxa ta’ attivitajiet – il-Programm Kurrenti ta’ Simplifikazzjoni, l-analiżi tal-acquis għall-potenzjal ta’ simplifikazzjoni, l-attivitajiet ta’ kodifikazzjoni, id-disponibbiltà tal-verżjonijiet konsolidati tat-testi legali, u l-programm għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi – qed ikunu ta' benefiċċju tanġibbli għan-negozji, għaċ-ċittadini u għall-awtoritajiet pubbliċi.

1. Il-leġiżlazzjoni issa hi aktar sempliċi, aktar ċara u tinvolvi anqas burokrazija

Matul din il-Kummissjoni, is-simplifikazzjoni żviluppat minn sensiela pjuttost limitata ta' azzjonijiet ta’ simplifikazzjoni fil-biċċa l-kbira indipendenti minn xulxin għal parti inerenti tar-reviżjoni tal-politika, fl-oqsma kollha ta' politika. F’Ottubru 2005, il-Kummissjoni fasslet “programm kurrenti ta’ simplifikazzjoni” ta’ 100 inizjattiva għall-perjodu sal-2008. Kull sena hi aġġornat il-programm b’inizjattivi ġodda, u b’mod progressiv estendiet il-programm għall-oqsma kollha ta’ politika. Suġġerimenti minn ċittadini, minn partijiet interessati u mill-Istati Membri kienu parti importanti minn dan il-proċess. Issa dan il-programm jikkonsisti f’185 inizjattiva u, għalkemm il-progress inizjali kien kajman, il-Kummissjoni issa ressqet proposti biex jiġu ssimplifikati 132 minnhom[2]. 75 minn dawn il-proposti ġew adottati, u 50 oħra jinsabu pendenti quddiem il-Kunsill u l-Parlament.

Flimkien mas-simplifikazzjoni, il-Kummissjoni kienet qed tikkodifika l-leġiżlazzjoni tagħha, billi tagħmel il-liġi bażika u l-emendi sussegwenti f’test wieħed. B’hekk il-liġijiet saru aktar ċari u naqas il-volum tal-leġiżlazzjoni. Fl-2008, il-Kummissjoni ffinalizzat il-kodifikazzjoni ta’ 229 att minn total ta’ 436. Ġew adottati 142 att u ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali. Permezz tas-simplifikazzjoni u l-kodifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, din il-Kummissjoni ħadet azzjoni li għandha tnaqqas l-acquis bi kważi 10% - madwar 1,300 att legali u 7,800 paġna tal-Ġurnal Uffiċjali.

Il-Kummissjoni wettqet ukoll eżerċizzju annwali sa mill-2005 biex tirtira l-proposti li ma għadhomx aktar rilevanti. Ġew irtirati total ta’ 108 proposta, inklużi 30 fl-2008.

Il-Kummissjoni riesqa lejn approċċ aktar integrat għas-simplifikazzjoni fejn l-għan hu li jiġi eżaminat il-korp kollu tal-leġiżlazzjoni li jaffettwa qasam ta’ politika biex ikunu identifikati d-duplikazzjonijiiet, il-lakuni, l-inkonsistenzi, il-miżuri antikwati, u l-potenzjal għat-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji. Dan il-proċess beda mat-Tieni Reviżjoni Strateġika għal Regolamentazzjoni Aħjar fejn il-Kummissjoni impenjat ruħha li ttemm l-analiżi komprensiva tal-acquis sa tmiem il-mandat. Dan ix-xogħol iwitti t-triq għal attivitajiet ta' simplifikazzjoni lil hinn mill-2009 u identifikat 81 azzjoni li l-Kummissjoni li jmiss tista' tinkorpora fl-attivitajiet ta’ simplifikazzjoni ġejjiena[3].

Riżultati

Din l-inizjattiva tagħmel il-leġiżlazzjoni aktar ċara u aktar aċċessibbli, li ġġib magħha benefiċċji tanġibbli għall-kumpaniji u ċ-ċittadini. Per eżempju:

Il-konsumaturi ser ikunu jistgħu jixtru b’mod aktar faċli fl-UE, l-aktar minn fuq l-internet, meta tkun adottata d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur. Din id-Direttiva tirriformula erba' Direttivi eżistenti f'ġabra waħda ta' regoli armonizzati għal kollox.

Il-konsumaturi ser jibbenefikaw ukoll mir-reviżjoni tal-qafas tal-UE għall-fondi ta’ investiment li ser jieħdu post l-10 direttivi eżistenti b’test uniku, li jipprovdi aċċess għal investimenti li huma amminstrati b'mod professjonali bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu[4].

In-negozji li jipprovdu servizzi fl-UE ser jiffaċċaw regola simplifikati ħafna grazzi għall-“pakkett tal-VAT” ġdid.

In-negozji żgħar ser jibbenefikaw mir-Regolament ġdid għal Eżenzjoni ta' Kategorija li jżid il-possibiltajiet għall-Istati Membri biex jipprovdu għajnuna mill-Istat lil negozji żgħar f'oqsma bħal ma huma t-taħriġ, l-innovazzjoni, u l-effiċjenza fl-enerġija. Ir-Regolament jikkonsolida wkoll 5 regolamenti separati f’test wieħed.

Il-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli tat-trasport bl-ajru, li jikkombinaw tliet regolamenti eżistenti f’regolament wieħed, għandhom jikkontribwixxu għal għażla akbar għall-konsumatur, prezzijiet orħos u kompetizzjoni akbar. Rekwiżiti aktar stretti u superviżjoni aħjar ta’ linji tal-ajru għandhom inaqqsu r-riskju ta’ falliment finanzjaru u l-konsegwenzi negattivi għall-konsumaturi.

Il-bdiewa għandhom jiffrankaw l-ispejjeż b’riżultat ta’ simplifikazzjoni akbar tal-iskema għal pagament uniku wara l-adozzjoni tal-Ispezzjoni Sanitarja tal-Politika Agrikola Komuni[5].

2. Qed jitnaqqas il-piż amministrattiv għan-negozji [6]

Waqt li s-simplifikazzjoni u l-kodifikazzjoni jipprovdu benefiċċji konkreti għan-negozjanti u għaċ-ċittadini, il-Kummissjoni ddeċidiet li hemm bżonn tittieħed azzjoni aktar immirata biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa għan-negozji. Fl-2007 il-Kummissjoni identifikat 42 parti ta’ leġiżlazzjoni fi 13-il qasam ta’ prijorità li jirrappreżentaw madwar €115 – 130 biljun fi spejjeż amministrattivi. Fuq din il-bażi għamlet programm biex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi b’25% sal-2012, li kienet il-mira mfassla mill-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007. Il-Kummissjoni qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira permezz ta’ diversi passi.

Sa Diċembru 2008 il-Kummissjoni kienet diġà ppreżentat għadd ta’ miżuri li għandhom iġibu tnaqqis sinifikanti fil-piżijiet amministrattivi għan-negozji[7]. Dawn jinkludu l-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-UE u l-ħolqien ta’ ambjent mingħajr dokumenti li għandu jkun ta’ benefiċċju għan-negozjanti bi stima ta’ €2.5 biljun fis-sena. Fil-qasam tal-istatistika, il-proposti ta’ tnaqqis dwar il-kummerċ intra-Komunitarju tal-oġġetti adottati mill-2004 jew li jinsabu pendenti quddiem il-leġiżlaturi għandhom jgħinu lill-Istati Membri jeżentaw madwar 370,000 kumpanija mill-obbligi ta’ rappurtar. Dan jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 52% tnaqqis potenzjali fost dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ dwar l-impriżi fuq perjodu ta’ sitt snin (mill-2004 sal-2010) jew aktar minn €100 miljun ta' ffrankar kull sena sal-2010 u aktar minn €200 miljun ta’ ffrankar kull sena mill-2010 ’il quddiem, b’mod partikolari għall-SMEs.

Bħala l-pass li jmiss, il-Kummissjoni qed tidentifika t-tnaqqis speċifiku li jista’ jsir f’kull qasam ta’ prijorità. Dan l-eżerċizzju jinsab fi stadju ferm avvanzat f’żewġ oqsma ewlenin ta’ prijorità. Fil-każ tal-liġi għall-Kumpaniji, il-Kummissjoni qed tippjana li tippermetti lill-Istati Membri biex jeskludu l-mikro-impriżi mill-ambitu tad-direttivi tal-kontabilità tal-UE. Il-"Prinċipju Think Small First" qed jiġi applikat f’kull waħda minn dawn id-direttivi biex ir-reġim ikun imfassal mal-ħtiġiet tal-SMEs. Dawn ir-reviżjonijiet jistgħu iwasslu għal iffrankar ta’ madwar €8 biljun. Il-Kummissjoni għandha tipproponi reviżjoni ambizzjuża tad-Direttiva dwar il-VAT biex tneħħi l-ostakli għall-fatturi elettroniċi u biex ikunu mmodernizzati r-regoli tal-fatturi. Il-potenzjal massimu tat-tnaqqis ta’ nofs il-perjodu għat-tneħħija tal-ostakli għall-VAT għall-fatturi elettroniċi kien stmat sa €18 billion jekk il-fatturi kollha jintbagħtu b’mod elettroniku.

S’issa, il-miżuri ta’ tnaqqis ippreżentati jew previsti jirrappreżentaw iffrankar ta’ aktar minn €30 biljun.

Dan il-programm ta’ tnaqqis hu bbażat fuq eżerċizzju estensiv biex ikunu mmarkati u vvalutati l-piżijiet amministrattivi prodotti mil-leġiżlazzjoni tal-UE għas-27 Stat Membru u 13-il qasam ta’ prijorità. Dan poġġa lill-UE fuq quddiem nett fl-isforzi biex titnaqqas il-burokrazija mill-hekk imsejħa "obbligi tal-informazzjoni". Dan il-programm ipprovda għarfien ferm aħjar ta’ kif l-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE u din xi tfisser għan-negozji f'termini tal-obligazzjonijiet tal-informazzjoni[8]. Dan l-eżerċizzju żied l-għarfien tal-awtoritajiet pubbliċi dwar il-piżijiet amministrattivi, u pprovdielhom l-opportunità biex jerġgħu jiflu l-effikaċja u l-effiċjenza tar-regoli eżistenti.

L-eżerċizzju qed jibbenefika b’mod estensiv mill-ħiliet esperti esterni u mill-kontribut tal-partijiet interessati. L-opinjonijiet pożittivi tal-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Partijiet Interessati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi fuq l-eżenzjoni tal-makro-impriżi u tar-riformi dwar il-VAT fuq ir-regoli tal-fattura elettronika huma eżempji tajba dwar dan. Il-Grupp qed iresssaq ’il quddiem il-proċess f’oqsma oħra ta’ prijorità. Saru aktar minn 350 sottomissjoni permezz tal-konsultazzjonijiet onlajn u offlajn. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri qablu li jagħmlu sforzi komparabbli u sal-aħħar tal-2008, 21 Stat Membru stabbilixxa miri nazzjonali għat-tnaqqis, li hu ta’ 7 aktar minn tmiem l-2006. Uħud mill-Istati Membri diġà għamlu tibdiliet kbar għat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-KE. Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali li jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE biex ixerrdu prassi tajbin li jippermettu li jitħaffu b’mod rapidu l-piżijiet amministrattivi. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-vantaġġ sħiħ tal-pakkett inizjali li żviluppat għall-ħidma futura dwar il-kejl u t-tnaqqis u biex tkun promossa dejta armonizzata u komparabbiltà. Il-Kummisssjoni qed tistieden ukoll lill-Istati Membri biex jaqblu fuq sensiela ta’ prinċipji għall-monitoraġġ tal-progress fit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fuq il-livelli tal-UE u tal-Istati Membri.

3. Il-passi li jmiss

It-titjib tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni eżistenti u t-tneħħija ta’ piżijiet amministrattivi bla bżonn huma kollha ferm importanti għan-negozji fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli attwali. Għalhekk, l-Unjoni għandha timplimenta dawn il-programmi bil-qawwa kollha.

- Il-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-kejl tal-UE, għandha tidentifika t-tnaqqis speċifiku li għandu jsir f’kull wieħed mit-13-il qasam ta’ prijorità u għandha tippreżenta proposti li jkunu ħerġin mill-programm ta’ azzjoni preżenti biex jitħaffu l-piżijiet amministrattivi fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Għandu jsir kull sforz biex ikunu adottati dawn il-proposti qabel ma jintemm il-mandat ta’ din il-Kummissjoni.

- Fl-2009 il-Kummissjoni għandha tippreżenta 33 inizjattiva ġdida ta’ simplifikazzjoni. Pereżempju, dawn il-miżuri għandhom l-għan, li jiġġieldu l-ħlas tard tat-tranżazzjonijiet kummerċjali, li jeżentaw il-mikro-entitajiet mill-ħtieġa ta’ verifika jew li jiżguraw ir-rikonoxximent u l-infurżar tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

- Fuq il-bażi tal-analiżi tal-acquis, il-Kummissjoni identifikat 81 azzjoni ġdida li l-Kummissjoni li jmiss tista’ tikkunsidra għal programm futur ta’ simplifikazzjoni.

- Il-Kunsill u l-Parlament huma mistiedna biex jadottaw malajr kemm jista’ jkun il-50 inizjattiva pendenti ta’ simplifikazzjoni, u l-proposti pendenti kollha ta’ tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi.

- Wara li ġie kkunsidrat il-kontribut b’riżultat tal-konsultazzjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi li testendi l-programm ta’ azzjoni biex ikunu inklużi 30 att leġiżlattiv ieħor.

- Il-Kummissjoni għandha tkompli taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE biex tixxerred prassi tajba biex jinaqqsu l-piżijiet amministrattivi b’mod veloċi.

- L-Istati Membri li kien għadhom ma stabbilixxewx mira nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru huma mistiedna li jagħmlu dan qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2009. L-Istati Membri kollha huma mistiedna biex jieħdu miżuri konkreti fil-livell tagħhom, u biex jirrapportaw dwar dawn il-miżuri fir-rapporti nazzjonali annwali ta’ progress dwar l-Istrateġija ta’ Liżbona.

III. TITJIB FIL-KWALITÀ TA' INIZJATTIVI ĠODDA

1. Approċċ wiesa' u ambizzjuż

It-titjib fil-kwalità tal-inizjattivi l-ġodda huwa parti essenzjali tal-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar. Biex tkun konformi mal-aħjar prassi, il-Kummissjoni temmen li l-aktar mod effettiv biex tinħoloq regolamentazzjoni aħjar hu billi dawk il-persuni li jkunu responsabbli mill-iżvilupp ta’ politika jkunu responsabbli wkoll biex jagħmlu valutazzjoni tal-impatt dwar dak li jkunu qed jipproponu. Dan kien aspett fundamentali tas-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt li l-Kummissjoni ilha tħaddem sa mill-2002, u li temmen li qed tbiddel mill-qiegħ il-kultura tal-ħidma tal-istituzzjoni. Sa mill-2002 il-Kummissjoni lestiet aktar minn 400 valutazzjoni tal-impatt. Fl-2008 biss, twettqu 135 valutazzjoni. Is-sistema għandha għadd ta’ karatteristiċi li ta’ min jisħaq fuqhom.

L-ewwel, il-Kummissjoni hi konvinta li approċċ integrat għal valutazzjoni tal-impatt hu l-aktar mod xieraq biex tkun żgurata n-neċessità tal-miżura li qed tipproponi u li tippreżenta politiki li jkunu ta’ kwalità għolja. Għaldaqstant il-valutazzjoni tal-impatt tanalizza kemm il-benefiċċji u kif ukoll il-piżijiet, u tindirizza b’mod bilanċjat l-impatti kollha ekonomiċi, soċjali u ambjentali sinifikanti ta’ inizjattiva possibbli. Dan l-approċċ jiżgura li l-ħiliet esperti kollha rilevanti fil-Kummissjoni jiġu utilizzati, flimkien mal-kontribut tal-partijiet interessati u b’hekk tiżdied il-koerenza tal-inizjattivi fl-oqsma kollha ta’ politika.

It-tieni, il-Kummissjoni estendiet il-ħtiġiet li tagħmel valutazzjonijiet fuq l-impatt lil hinn mill-Programm annwali Leġiżlattiv u ta’ Ħidma, biex tkopri l-inizjattivi kollha li aktarx ikollhom impatt sinifikanti. Dan jinkludi oġġetti ta’ komitoloġija b’impatti sinifikanti.

It-tielet, sabiex tgħin biex jiġi żgurat li l-valutazzjoni tal-impatt tkun konformi mal-proċeduri u l-istandards ta’ kwalità, il-Kummissjoni wettqet funzjoni impenjattiva, ta’ kontroll ċentrali fuq il-kwalità fil-forma ta’ Bord ta’ Valutazzjoni tal-impatt (IAB) li hu indipendenti mid-dipartimenti li jfasslu l-politika. L-IAB eżamina u ppubblika opinjonijiet dwar il-valutazzjonijiet kollha fuq l-impatt tal-Kummissjoni sa mit-twaqqif tiegħu fi tmiem l-2006. Il-bord tejjeb il-kwalità tal-politika billi fl-2008 talab sottomissjonijiet tal-valutazzjonijiet fuq l-impatt fi 32 % tal-każi, u permezz tar-rakkomandazzjonijiet li saru lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kwalità tal-valutazzjonijiet fuq l-impatt. Fl-2008, enfasizza dejjem aktar il-ħtieġa li jkunu kkwantifikati l-impatti b’mod aktar sistematiku u li jindirizza b’mod ċar il-kwistjonijiet tal-piżijiet amministrattivi. Il-bord ta sostenn lis-servizzi tal-Kummissjoni fil-produzzjoni tal-valutazzjonijiet tagħhom fuq l-impatt b’mod partikolari dwar il-metodoloġija li jużaw.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ħolqot sistema li hi trasparenti u kontabbli. Qed tippromwovi aktar trasparenza fil-proċess tat-tfassil tal-politika u involviment aktar sħiħ tal-partijiet interessati. Il-valutazzjonijiet kollha fuq l-impatt u l-opinjonijiet tal-AIB huma disponibbli pubblikament ladarba l-Kummissjoni tkun adottat il-proposta rilevanti[9].

2. Il-valutazzjonijiet fuq l-impatt ser ikomplu jittejbu

Il-Kummissjoni qed tħaddem sistema ta’ valutazzjoni tal-impatt li f’termini ta’ kompletezza u trasparenza ġeneralment hi kkunsidrata li hi ta’ standard għoli fuq livell Ewropew u internazzjonali. Madanakollu, hemm lok għal aktar titjib fil-kwalità tal-valutazzjonijiet fuq l-impatt infushom. Fir-rapport tiegħu għall-2008, l-IAB rrakkomanda li l-kontroll fuq il-kwalità għandu jkun rinfurzat qabel il-valutazzjonijiet fuq l-impatt jiġu sottomessi lill-IAB. Il-Kummissjoni ser tieħu għadd ta’ miżuri biex twettaq dan. B’mod partikolari ser issaħħaħ ir-rwol tal-unità għall-valutazzjoni tal-impatt f’kull Direttorat Ġenerali, u r-rwol tal-Gruppi ta’ Tmexxija għall-Valutazzjoni tal-impatt biex ikun żgurat li jiġi kkunsidrati l-esperti kollha fi ħdan il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ser tkattar is-"sjieda" tal-valutazzjonijiet tal-impatt permezz tal-approvazzjoni definittiva tad-Diretturi Ġenerali.

Il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ titjib ieħor fuq il-bażi tal-esperjenza tal-IAB’s, il-kontribut mill-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Esperti Nazzjonali dwar-Regolamentazzjoni Aħjar, u l-konsultazzzjoni pubblika dwar il-Linji gwida għall-Valutazzjoni tal-impatt f’nofs l-2008. Bosta minn dawn huma riflessi fil-Linji gwida riveduti li daħlu fis-seħħ mill-bidu tal-2009. Il-valutazzjoni tal-impatt ser ikollha:

- Iffukar aktar b ’ saħħtu : Il-Kummissjoni ser tiffoka aktar valutazzjoni tal-impatt għall-proposti leġiżlattivi, kemm fil-programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma u kemm lil hinn minnu, inkluż għal punti ta' komitoloġija b’impatti sinifikanti.

- Konsultazzjoni aħjar tal-partijiet interessati : L-istandards minimi tal-Kummissjoni għall-Konsultazzjoni għandhom ikunu implimentati bis-sħiħ. Għal proposti kumplessi jew sensittivi, id-dipartimenti tal-Kummissjoni huma mħeġġa li jmorru lil hinn mill-minimu ta’ perjodu ta’ 8 ġimgħat għall-konsultazzjoni; għandhom isiru sforzi akbar biex jiġi żgurat li l-partijiet interessati jkunu konxji u jkunu jistgħu jagħtu kontribut għall-konsultazzjoni. Għandu jkun ipprovdut rispons aktar ċar fil-valutazzjoni tal-impatt dwar x’informazzjoni tkun intalbet mill-partijiet interessati, x’ikun ġie riċevut, u kif tkun intużat.

- Analiżi aktar fil-fond tas-sussidjarjetà : Il-Linji gwida issa jipprovdu lista ta’ mistoqsijiet espliċiti li s-servizzi għandhom jindirizzaw fl-analiżi tal-problema, b’aktar gwida għall-analiżi tal-proporzjonalità u l-valur miżjud tal-UE għall-għażliet kollha ta’ politika li jkunu ppreżentati.

- Valutazzjoni aktar bir-reqqa tal-impatti speċifiċi : Fi ħdan l-approċċ integrat għall-benefiċċji u l-ispejjeż fl-oqsma ekonomiċi, soċjali u ambjentali, hemm gwida addizzjonali għall-aspetti speċifiċi ta’ dawn l-impatti. Dan hu l-każ għal impatti fuq l-SMEs, li għandhom jiġu vvalutati b’konformità mal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (permezz ta’ dak li jissejjaħ il-'prova tal-SME'); il-kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet fundamentali; u l-impatti fuq il-konsumaturi u s-saħħa pubblika. Għanhom jiġu kkunsidrati l-impatti fuq livelli reġjonali u lokali.

- Evidenza u analiżi kwantitattiva akbar : Il-Linji gwida jipprovdu gwida aktar b’saħħitha dwar il-kwantifikazzjoni u referenzi għall-aħjar prassi biex ikunu evalwati tipi differenti ta' piżijiet tal-konformità.

- Evalwazzjoni mtejba tal-piżijiet amministrattivi: Il-Kummissjoni tejjbet il-gwida għall-istimi tal-piżijiet amministrattivi b’mod partikolarigħan-negozji.

- Preżentazzjoni aktar trasparenti tar-riżultati : Sommarji eżekuttivi għandhom jippreżentaw ħarsa ġenerali ċara tal-benefiċċji u l-piżijiet kwantitattivi marbuta mad-diversi għażliet, inklużi spejjeż amministrattivi għan-negozji u għaċ-ċittadini, spejjeż oħra għall-konformità, u spejjeż għall-amministrazzjoni.

3. Il-passi li jmiss

- Fl-2009 il-Kummissjoni mistennija li twettaq aktar minn 100 valutazzjoni tal-impatt, u ser tagħmel dan b’konformità mal-Linji gwida riveduti dwar il-valutazzjoni tal-impatt.

- Il-Kummissjoni ser tinforza aktar il-gwida fuq il-piżijiet amministrattivi fil-linji gwida dwar il-valutazzjoni tal-impatt billi kmieni fl-2009 tqiegħed għad-dispożizzjoni l-għodod ġodda tal-IT lis-servizzi tagħha kollha.

- Il-Kummissjoni ser tkompli ttejjeb il-kwalità tal-valutazzjonijiet fuq l-impatt permezz ta’ kontroll fuq il-kwalità rinfurzat mis-servizzi responsabbli kif ukoll mill-Bord għall-Valutazzjoni tal-impatt.

IV. L-ISTITUZZJONIJIET KOLLHA JAQSMU R-RESPONSABBILTÀ GĦAL REGOLAMENTAZZJONI AĦJAR

1. Regolamentazzjoni aħjar fil-livelli kollha tal-UE

Biex l-eżerċizzju ta’ Regolamentazzjoni Aħjar ikun ta’ suċċess hu essenzjali li kull Istituzzjoni Ewropea tassumi r-responsabbiltà tagħha. Ir-regoli tal-UE jiġu proposti mill-Kummissjoni, jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u l-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali jittrasponuhom f’liġijiet nazzjonali. Ħafna drabi dawn jiġu adottati f’regoli reġjonali u lokali. Kull wieħed minn dawn il-parteċipanti jrid ikollu rwol fit-titjib tal-qafas regolatorju.

Il-proċess biex tkun adottata u implimentata l-leġiżlazzjoni tal-UE jieħu ż-żmien. Il-programmi tal-Kummissjoni għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fihom tagħlimet imprezzabbli dwar it-titjib li jista’ jsir biex ikun hemm benefiċċji konkreti għan-negozji u għaċ-ċittadini. Madanakollu, għandu jsir progress biex ikunu adottati malajr fil-Kunsill u l-Parlament, il-proposti konkreti tal-Kummissjoni, u jiġi żgurat li jinżammu dawk l-elementi li jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi.

Fl-2009 trid tingħata prijorità mit-tliet Istituzzjonijiet biex titlesta r-reviżjoni tal-Approċċ Komuni għall-Valutazzjoni tal-impatt. Il-Kummissjoni hi konvinta li dan l-Approċċ Komuni jipprovdi bażi soda għal kull istituzzjoni biex ikunu żviluppati dawn l-istrateġiji għall-valutazzjonijiet fuq l-impatt. L-isforzi jridu jkunu ffukati fuq l-identifikazzjoni ta’ modi konkreti kif tittejjeb l-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni hi ppreparata li tappoġġja lill-Istituzzjonijiet l-oħra fl-iżvilupp tal-kapaċità tagħhom biex jaffrontaw il-valutazzjonijiet fuq l-impatt tal-Kummissjoni u biex iwettqu l-analiżi addizjonali tagħhom dwar l-emendi sostantivi li jagħmlu. Kif kien iddikjarat fit-Tieni Reviżjoni Strateġika għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni ser twieġeb b’mod kostruttiv u fuq bażi ta’ każ b’każ għat-talbiet tal-Kunsill u tal-Parlament biex tkompli tifrex l-aspetti tal-valutazzjonijiet fuq l-impatt oriġinali tagħha.

2. L-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja fl-Istati Membri

Fl-2007 il-Kummissjoni ressqet strateġija biex tittejjeb l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja[10]. B’kooperazzjoni mill-qrib mal-15-il Stat Membru volontarju, il-Kummissjoni bdiet il-proġett Pilota tal-UE biex jitħaffu u jittejbu s-soluzzjonijiet għall-problemi taċ-ċittadini. Issa qed tieħu deċiżjonijiet aktar frekwenti għan-nuqqasijiet. Hi ferm avvanzata fl-iżvilupp tas-soluzzjonijiet tal-problemi bbażat fuq il-prijorità kif rifless fir-Rapport Annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazjoni tal-Liġi Komunitarja flimkien mal-inizjattivi adottati jew li qed jiġu żviluppati dwar it-trasparenza u d-djalogu[11]. L-esperjenza tal-applikazzjoni tal-liġi tista' twassal għall-korrezzjoni jew l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni sabiex l-għanijiet tal-Komunità jkunu jistgħu jinkisbu b’mod aħjar. Aktar miżuri għandhom jittieħdu fl-2009 biex din l-istateġija tkun implimentata u rinfurzata.

3. Il-passi li jmiss

- Il-Parlament u l-Kunsill huma mistiedna biex kemm jista’ jkun malajr jadottaw il-proposti pendenti għall-piż amministrattiv u s-simplifikazzjoni kif previst mill-Ftehim Inter-Istituzzjonali tal-2003 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

- Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ser jikkonkludu r-reviżjoni konġunta tal-“Approċċ Komuni għall-Valutazzjoni tal-impatt”

- Il-Kummissjoni għandha tiżgura applikazzjoni mtejba tal-liġi Komunitarja billi tintroduċi miżuri preventivi, inkluż iffukar aħjar fuq l-implimentazzjoni u kwistjonijiet ta’ infurzar, ippjanar ta’ implimentazzjoni aħjar fuq leġiżlazzjoni ġdida, il-ħolqien ta’ netwerks ta’ implimentazzjoni u l-assistenza lill-Istati Membri b’tabelli ta’ korrelazzjoni.

- B’konformità mal-Att għall-Ewropa dwar l-Impriżi Żgħar, il-Kummissjoni għandha tuża’ dati komuni għad-dħul fis-seħħ meta jkun prattiku għal Regolamenti u Deċiżjonijiet futuri li jaffettwaw lin-negozji[12]. Dan għandu jippermetti lill-SMEs biex jippreparaw aħjar u jadattaw għat-tibdil fil-leġiżlazzjoni.

- Il-Kummissjoni ser taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali biex ittejjeb iċ-ċarezza u l-koerenza tal-abbozzi ta' leġiżlazzjoni nazzjonali tal-proċedura ta’ notifika bbażata fuq id-Direttiva 98/34/KE[13].

V. IT-TFASSIL TAR-REGOLAMENTAZZJONI GLOBALI

Il-Kummissjoni kompliet bid-djalogi regolatorji mal-imsieħba l-kbar tan-negozju. Fil-każ tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni pproduċiet dokument konġunt mal-Uffiċċju tal-Istati Uniti għall-Ġestjonu u l-Baġit fil-qafas tal-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku biex iqabbel is-sistemi rispettivi tal-valutazzjoni tal-impatt tal-kummerċ internazzjonali u l-investiment fl-UE u fl-Istati Uniti[14]. Ir-rakkomandazzjonijiet li saru fid-dokument kienu integrati fil-linji gwida tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-impatt. L-awtoritajiet tal-Istati Uniti qablu li jadottaw l-istess proċedura fil-linji gwida tagħhom għall-valutazzjoni tal-impatt regolatorju.

Il-Kummissjoni ser tissokta bil-kooperazzjoni regolatorja mal-imsieħba tagħha fil-kummerċ, kemm fl-organizzazzjonijiet multilaterali, bħal ma huma n-NU, l-OECD u l-Bank Dinji, u kemm fid-djalogi bilaterali biex jitnaqqsu l-ostakli fil-kummerċ u l-investiment filwaqt li ssaħħaħ il-protezzjoni ambjentali u tas-soċjetà. Is-Samit tal-G20 f’Novembru 2008 wera l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-kuntest ekonomiku u finanzjarju attwali u l-impatt pożittiv li jista’ jkollha l-Unjoni meta taġixxi f’unità. F’Diċembru 2008, il-Kummissjoni stabbilixxiet qafas strateġiku għall-kooperazzjoni internazzjonali regolatorja u identifikat azzjonijiet ta’ prijorità għall-ġejjieni[15].

VI. KONKLUŻJONI

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw sfidi importanti fl-indirizz tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja attwali. Regolamentazzjoni aħjar għandha tibqa’ parti essenzjali mir-rispons tagħha – li tirregola fejn ikun hemm il-ħtieġa li tagħmel dan, b’mod li jkun bla skossi kemm jista’ jkun, ibbażata fuq id-djalogu mal-partijiet interessati, u b’mod li żżomm il-piżijiet fuq in-negozji u ċ-ċittadini għal minimu neċessarju. L-esperjenza tar- regolamentazzjoni aħjar matul l-aħħar erba’ snin tipprovdi bażi tajba biex jiġu ffaċċjati sfidi ġodda. Il-Kummissjoni identifikat il-passi li jmiss li jeħtieġu sforzi kontinwi u l-appoġġ politiku kontinwu tal-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-partijiet interessati.

[1] COM(2008) 800.

[2] 7 minn dawn il-proposti kienu reviżjonijiet li kkonkludew li ma kienx hemm ħtieġa għal azzjoni leġiżlattiva, jew kienu amalgamati ma’ inizjinizjattivi oħra.

[3] It-Tielet Rapport ta’ Progress tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju COM (2009) 17.

[4] Dawn il-fondi huma magħrufa bħala l-fondi UCITS – Impriżi għal Investimenti Kollettivi f’Titoli Trasferibbli.

[5] Informazzjoni addizzjonali dwar l-inizjinizjattivi ta’ simplifikazzjoni fis-settur agrikolu ser tiġi ppreżentata f’Rapport ta’ progress tal-Kummissjoni fir-rebbiegħa tal-2009.

[6] Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni dwar it-Tnaqqis ta’ Piżijiet Amministrattivi fl-UE COM(2009) 16.

[7] Uħud minn dawn il-proposti huma "Azzjonijiet Rapidi ( Fast Track Actions) " li l-Kunsill u l-Parlament kienu kajmani fl-adozzjoni tagħhom (3 minn 6 proposti ppreżentati fl-2007, waħda biss minn 7 fil-pakkett tal-2008).

[8] L-eżerċizzju identifika 356 obbligu tal-UE u 'l fuq minn [9500] obbligu nazzjonali fl-UE-27. Dan involva madwar 3000 intervista man-negozji, u aktar minn 50 workshop mal-assoċjazzjonijiet tan-negozji lokali u mal-ministeri nazzjonali.

[9] http://ec.europa.eu/governance/impact/practice_en.htm

[10] 'Ewropa li tagħti r-Riżultati, COM(2007) 502.

[11] Il-25 Rapport dwar l-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja - COM(2008) 777.

[12] Taħt sistema ta’ dati komuni għad-dħul fis-seħħ, ċerta leġiżlazzjoni hija tipikament intodotta fuq għadd żgħir ta' dati fissi matul is-sena.

[13] Id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-abbozzi kollha tekniċi tar-regolamenti għal prodotti u s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni qabel ma jiġu adottati fil-liġi nazzjonali. Din tgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta’ ħolqien ta’ ostakli mhux iġġustifikati fost l-Istati Membri.

[14] http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/impact_en.htm

[15] COM(2008) 874.