30.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 265/60


Il-Ħamis, 22 ta’ Ottubru 2009
L-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (Taqsimiet I, II, IV,V, VII, VIII, u IX)

P7_TA(2009)0052

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, u Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (C7-0128/2009 – 2009/2002B(BUD))

2010/C 265 E/30

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 dwar il-linji gwida għall-proċedura tal-baġit 2010 – it-Taqsimiet I u II u t-Taqsimiet minn IV sa IX (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2009 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2010 (5),

wara li kkunsidra l-ftehim intern tiegħu, li sar fl-1988, biex l-approprjazzjonijiet baġitarji tiegħu jkunu limitati għal massimu ta' 20 % tat-total tal-intestatura 5, li ma tinkludix in-nefqa ta' natura eċċezzjonali;

wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, ippreżentat mill-Kummissjoni fid-29 ta' April 2009 (COM(2009)0300),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, li l-Kunsill stabbilixxa fis-13 ta' Lulju 2009 (C7-0128/2009),

wara li kkunsidra l-Artikolu 75 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0037/2009),

A.

billi l-Abbozz Preliminari tal-Baġit (APB) tal-istituzzjonijiet kollha ħalla marġni ta' EUR 236 597 323 taħt il-limitu tal-qafas finanzjarju għas-sena finanzjarja 2010,

B.

billi wara d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-13 ta' Lulju 2009, l-abbozz tal-baġit (AB) għandu marġni ta' EUR 276 153 415 taħt dan il-limitu,

C.

billi l-proċess pilota miftiehem għall-proċedura tal-2009, li fih kienu se jiġu applikati l-koperazzjoni msaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits u l-koperazzjoni reċiproka bikrija għall-partiti kollha b'implikazzjonijiet baġitarji sinifikanti, inżamm ukoll għall-proċedura tal-2010,

D.

billi saret laqgħa ta' konċiljazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits fil-15 ta' Settembru 2009, qabel il-votazzjonijiet fil-Kumitat għall-Baġits u fil-plenarja,

Il-Qafas Ġenerali

1.

Ifakkar li l-istituzzjonijiet Ewropej iridu jistabbilixxu l-baġits tagħhom fil-kuntest tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja li qed tiffaċċja l-Ewropa u li huwa essenzjali li dawn jirriflettu l-isforzi sabiex jintlaħqu l-objettivi politiċi b'użu ta' riżorsi kemm jista' jkun effettiv;

2.

Itenni l-konvinzjoni tiegħu li t-talbiet tal-baġit għandhom ikunu bbażati bis-sħiħ fuq l-ispiża u jirriflettu biss bżonnijiet reali sabiex jintlaħqu l-kompiti fdati lil kull istituzzjoni, filwaqt li jsir kull sforz sabiex jiġi identifikat iffrankar ta' flus, inkluż permezz ta' organizzazzjoni aħjar tax-xogħol, it-trasferiment ta' riżorsi eżistenti għall-prijoritajiet, kif ukoll anqas burokrazija, sabiex isir l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi finanzjajri skarsi;

3.

Jilqa' b' sodisfazzjon l-approċċ kostruttiv u koperattiv li ħadu l-istituzzjonijiet kollha fix-xogħol tagħhom mal-awtorità tal-baġit u huwa sodisfatt li t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet li tqajmu kienu pronti u preċiżi;

4.

Jenfasizza li nefqiet li jirrigwardaw speċifikament id-dħul fis-seħħ eventwali tat-Trattat ta' Liżbona li jemenda t-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, mhumiex inklużi fil-proposti; ifakkar li jekk dan it-trattat jidħol fis-seħħ, strumenti baġitarji eżistenti, bħalma huma ittra li temenda jew baġit li jemenda, jistgħu jkollhom jintużaw jekk ikun meħtieġ; huwa madankollu tal-fehma li f'każ bħal dan u fil-limiti massimi possibbli, jeħtieġ li tiġi eżaminata bis-sħiħ ir-riorganizzazzjoni tar-riżorsi eżistenti qabel ma ssir kwalunkwe talba għal riżorsi addizzjonali; itenni li, bi spirtu ta' prudenza għall-futur, jeħtieġ li jinżamm baġit sostenibbli u marġni finanazjarju b'saħħtu f'din l-intestatura;

5.

Ifakkar li f'għadd ta' oqsma għad hemm lok għal aktar titjib u għal użu aktar effettiv tar-riżorsi baġitarji u jixtieq jiffoka għal darb'oħra fuq il-qasam tal-koperazzjoni interistituzzjonali; jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li koperazzjoni akbar fil-qasam tas-servizzi lingwistiċi tista' tipprovdi xi ftit ta' marġni ta' ffrankar; huwa għalhekk għamel din bħala prijorità għall-2010 u jistieden lill-istituzzjonijiet sabiex itejbu aktar dawn l-aspetti, inkluż negozjar mill-ġdid tal-arranġamenti attwali sabiex jintużaw b'mod komuni r-riżorsi interni tat-traduzzjoni;

6.

Jiddeċiedi għal dan l-iskop li jintroduċi riżerva trasversali ta' 5 % għas-servizzi ta' traduzzjoni esterni u jenfasizza li din l-emenda hija mmirata għall-istituzzjonijiet kollha li għandhom dipartimenti tat-traduzzjoni tagħhom; it-titjib li qed jintalab jinkludi n-negozjar mill-ġdid tal-arranġamenti attwali sabiex jintużaw b'mod komuni r-riżorsi tat-traduzzjoni interna bl-iskop li jkun hemm titjib fl-effiċjenza u ffrankar fil-qasam tat-traduzzjoni, bi qbil ukoll mar-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri rigward dan; jinnota l-punt li din ir-riżerva tista' tinħeles wara li tiġi ppreżentata proposta konkreta għal sistema ta' użu komuni tar-riżorsi interni tat-traduzzjoni mill-istituzzjonijiet u tkun ġiet eżaminata mill-awtorità tal-baġit;

7.

Jenfasizza x-xewqa tiegħu li terġa' tiġi eżaminata mill-istituzzjonijiet il-possibilità ta' tele-working għat-tradutturi; jinnota li dan jista' jwassal għal iffrankar annwali, b'mod partikulari jekk l-ispazju tal-uffiċċji jkun disponibbli biex jista' jintuża għal skopijiet oħrajn; jinnota li din is-sistema qed tintuża (għalkemm b'mod limitat) mill-Qorti tal-Awdituri u li din qed taħdem tajjeb;

8.

Iddeċieda li jħalli marġni taħt il-limitu tal-intestatura 5 “Infiq Amministrattiv” ta' EUR 222 344 665, biex b'hekk jillimita ż-żieda ġenerali għal 2.1 %; jenfasizza li dan jinkludi li terġa' tiżdied parti mit-tnaqqis li għamel il-Kunsill fil-baġit tal-istituzzjonijiet f'dawk il-każijiet fejn il-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull istituzzjoni jkunu ġew ġustifikati;

9.

Jemmen li s-sistema baġitarja tal-UE għandha tiżviluppa b'mod li jippremja l-abilità u s-soluzzjonijiet innovattivi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, u bħala inċentiv, li ż-żidiet fl-effiċjenza u l-iffrankar li jkunu r-riżultat ta' miżuri bħal dawn min-naħa tal-istituzzjonijiet jistgħu jintużaw għal prijoritajiet oħrajn li jista' jkollhom; jenfasizza, madankollu, li fondi mhux użati li jirriżultaw sempliċement minn implimentazzjoni lajmana jew avvenimenti mhux mistennija għandhom bħala regola ġenerali jiġu rritornati lill-kontributuri tat-taxxa;

Taqsima 1 - Il-Parlament Ewropew

Il-Qafas ġenerali

10.

Jilqa' b' sodisfazzjon l-ispirtu pożittiv u n-natura kostruttiva tal-laqgħa ta' konċiljazzjoni tal-15 ta' Settembru 2009 bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits; jemmen li dan għandu jkompli jsaħħaħ it-tiswira tal-Baġit tal-Parlament f'kundizzjonijiet ta' kooperazzjoni u fiduċja reċiproka, kif ukoll ta' applikazzjoni stretta ta' prinċipji baġitarji sodi u trasparenza; jenfasizza li l-prerogattivi ta' kull korp għandhom jinżammu b'mod sħiħ;

11.

Ifakkar li ntlaħaq ftehim dwar dawn il-kwistjonijiet li kienu jagħmlu parti mil-laqgħa ta' konċiljazzjoni:

Riżervi (proġetti prijoritarji, riżerva dwar bini, u riżerva ta' kontinġenza)

Ristrutturazzjoni tad-DĠ INLO u tas-servizz ta' sigurtà

Bżonnijiet ta' persunal għall-2010

Dar tal-Istorja Ewropea

Partiti u fundazzjonijiet politiċi

Multilingwiżmu

Ġestjoni tal-għarfien;

12.

Jikkunsidra li l-fluss tal-informazzjoni u l-kalendarju tal-iskambji bejn il-Bureau tiegħu u l-Kumitat għall-Baġits huma kruċjali sabiex jiġu żgurat suċċess u sabiex ikun hemm aktar titjib fil-koperazzjoni ta' bejniethom;

13.

Jenfasizza l-ħtieġa li għandu l-Parlament, bħalma hu l-każ għall-istituzzjonijiet l-oħrajn kollha, li jipprovdi proposta għall-baġit preliminari sħiħa kemm jista' jkun fir-rebbiegħa u kmieni fis-sajf; jenfasizza li l-użu tal-ittra li temenda matul il-ħarifa għandha tkun verament limitata għal avvenimenti imprevisti u aġġornamenti tekniċi; jirrikonoxxi li sena ta' elezzjonijiet tikkostitwixxi sitwazzjoni speċifika li fiha wieħed irid jaħseb għal livell ogħla ta' flessibilità f'dawn il-proċeduri sabiex jitħarsu l-prerogattivi ta' Parlament li jkun għadu kemm ġie elett;

14.

Jinnota l-punt li l-livell ġenerali tal-baġit tiegħu jammonta għal 19,87 % tan-nefqa awtorizzata skont l-intestatura 5 (approprjazzjonijiet amministrattivi) tal-qafas finanzjarju plurijennali, i.e. li nżammet taħt il-limitu proprju impost ta' 20 %; itenni madanakollu li dan il-perċentaġġ ta' 19,87 % ma jinkludix kwalunkwe adattamenti li jistgħu jkunu meħtieġa jekk jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona, partikolarment fil-qasam leġiżlattiv, u jkompli jżomm il-pożizzjoni tiegħu li huwa essenzjali li jkun hemm marġini konsiderevoli; jagħraf li, minabba l-limitazzjoni attwali tal-marġni, se jkunu meħtieġa aktar iffrankar u trasferimenti tal-flus biex ikun possibbli li jkunu ssodisfati ħtiġijiet addizzjonali;

15.

Jikkunsidra li distinzjoni bejn l-ispejjeż fissi u l-ispejjeż varjabbli tal-Parlament tiffaċilita d-deċiżjonijiet dwar il-livell ġenerali tal-baġit tiegħu u s-segwitu xieraq tiegħu biex jinżamm baġit sostenibbli; rigward dan, iddeċieda li jżomm f'riżerva parti minn tliet linji speċifiċi tal-baġit filwaqt li jitlob li jsir rapport li jidentifika l-ispejjeż taħt it-titoli 2 u 3 skont it-tipi differenti ta' spejjeż u sabiex jiddistingwi jekk dawn humiex ta' natura fissa jew varjabbli; jikkunsidra li din id-distinzjoni, l-istrateġiji għal perjodu twil ta' żmien għall-bini, il-politiki tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni kif ukoll analiżi li tqabbel l-ispiża u l-benefiċċji ta' diversi attivitajiet tal-Parlament tippermetti l-ħolqien ta' baġit b'bażi żero fis-snin li ġejjin; jikkunsidra li dan se jippermetti lill-baġit tal-Parlament jirrifletti biss ħtiġijiet reali u se jtejjeb it-trasparenza, il-preċiżjoni u l-effiċjenza baġitarja tiegħu;

16.

Jinnota l-punt li l-2010 hija l-ewwel sena ta' applikazzjoni sħiħa tal-Istatut tal-Membri l-ġdid u li dan qed ikollu impatt sinifikattiv fuq il-baġit tiegħu, li kellu jassumi hu dawn l-ispejjeż; jinnota li l-ammonti addizzjonali li ġew inklużi, meta mqabbla mal-2009 (sena ta' applikazzjoni parzjali), huma stmati li huma ta' madwar EUR 40 miljun u, meta mqabbla ma' snin preċedenti, għal madwar EUR 113 miljun;

17.

Jikkunsidra madankollu li għandha ssir distinzjoni f'dawn iċ-ċifri bejn dawk li huma konsegwenzi inevitabbli ta' natura legali u baġitarji u dawk li għalihom l-implimentazzjoni nnifisha tas-sistema tista' tagħmel differenza; jitlob għalhekk, minn perspettiva bagitarja, li jsir rapport dwar l-applikazzjoni tas-sistema tar-rimbors rigward ivjaġġar, ibbażat fuq informazzjoni preċiża u oġġettiva, li għandu jiġi ppreżent qabel it-30 ta' Ġunju 2010;

18.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim li ntlaħaq fi tmien l-2008 dwar l-istatut il-ġdid għall-assistenti parlamentari u inkluda d-dispożizzjonijiet tal-baġit għall-ewwel sena sħiħa ta' applikazzjoni fl-2010; jilqa' b'sodisfazzjon wkoll it-twaqqif ta' Grupp Temporanju ta' Evalwazzjoni sabiex jeżamina kwalunkwe problemi prattiċi li jirriżultaw mill-introduzzjoni tal-Istatuti tal-Membri u tal-Assistenti u jistenna bil-ħerqa li jirċievi l-konklużjonijiet tiegħu kemm jista' jkun malajr, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-preżentazzjoni mill-Bureau tal-Istimi 2011;

19.

B'konnessjoni mal-livell ġenerali tal-baġit u l-elementi msemmija hawn fuq, jinnota wkoll li l-konċiljazzjoni wasslet għal ftehim dwar it-tnaqqis fir-riżervi proposti għal-livell ta' EUR 5 miljuni għal inizjattivi politiċi ġodda, iż-żamma ta' riżerva ta' kontinġenza ta' EUR 10 miljuni, kif ukoll ftehim dwar riżerva ta' EUR 15-il miljun għall-bini;

Riżorsi Umani

20.

Jilqa' b' sodisfazzjon il-ftehim dwar r-riżorsi ta' persunal għall-baġit tal-2010 u japprezza l-informazzjoni pprovduta mill-amministrazzjoni rigward pożizzjonijiet meqjusa neċessarji u l-miżuri ta' ristrutturazzjoni proposti b'mod parallel;

21.

Jiddeċiedi li jawtorizza l-approprjazzjonijiet għal 54 post għal xogħol ġdid fl-Organigramma tal-Parlament għall-2010 kif ġej:

Postijiet għal xogħol permanenti: 8 AD9, 17 AD5 u 28 AST1,

Postijiet għal xogħol temporanju: 2 AD10, 1 AD9 u 1 AD5,

Tneħħija ta' 3 postijiet għal xogħol temporanju AST 1 li kienu approvati fl-Organigramma tal-2009;

jiddeċiedi wkoll li japprova l-approprjazzjonijiet għar-rivalutazzjonijiet li ġejjin: 5 AD5 għal 5 AD7 fir-rigward ta' reklutaġġ ta' interpreti, 30 AD7 għal 30 AD9 fir-rigward ta' kompetizzjonijiet interni, u 30 AST3 għal 30 AST5, ukoll fir-rigward ta' kompetizzjonijiet interni; jiddeċiedi wkoll li japprova l-approprjazzjonijiet għal bdil ta' 5 postijiet għal xogħol AST6 f'2 postijiet għal xogħol AD11 u 3 AD12 fir-rigward ta' kompetizzjonijiet ‘cross-over’:

22.

Minkejja dan, jinsisti li aktar sforzi favur ir-riallokazzjoni ta' riżorsi u postijiet diġà eżistenti għandhom ikunu parti integrali tal-proċess baġitarju; rigward dan, jemmen li jkun tajjeb li tadatta l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-istuttura tas-servizzi tagħha għall-prijoritajiet politiċi sabiex jiġu massimizzati r-riżultati u, minn perspettiva baġitarja, jitnaqqas l-impatt tal-ispiża; rigward dan, ifakkar fit-talba tiegħu tas-sena l-oħra li huwa kruċjali li tiġi bbilanċjata b'mod ottimali d-distribuzzjoni tar-riżorsi umani fost l-attivitajiet leġiżlattivi bażiċi, is-servizzi diretti għall-Membri u funzjonijiet ta' appoġġ amministrattiv, kif ukoll li s-suppożizzjonijiet bażiċi u l-prijoritajiet bażiċi jkunu mifhuma aħjar;

23.

Jinnota b'mod partikulari l-ftehim fil-konċiljazzjoni li jissaħħaħ id-dipartiment tiegħu għall-bini u l-politika għall-bini sabiex jiġu żgurati l-manutenzjoni u s-sigurtà, jitjieb l-ippjanar u l-kontroll tiegħu u li wieħed jista' jistenna li jwassal, flimkien ma' politika tal-proprjetà koerenti u responsabbli, għal iffrankar ta' flus tul iż-żmien; għalhekk jaqbel li jipprovdi 49 post ġdid tul dawn it-tliet snin għal dan l-iskop; jinnota wkoll il-ftehim li jiġu ffinanzjati 5 postijiet mitluba għar-riorganizzazzjoni tas-servizz tas-sigurtà;

24.

Jilqa' wkoll bi pjaċir il-ftehim li kien hemm fil-konċiljazzjoni li ssir verifika organizzativa tad-DĠ INLO u tas-Servizz ta' Sigurtà sabiex jiġi evalwat jekk ir-riżorsi humiex jintużaw bl-aħjar mod possibbli;

Xogħol leġiżlattiv u multilingwaliżmu

25.

Ifakkar li l-multilingwiżmu kien element kruċjali tal-baġit tal-2010, kemm mill-perspettiva li jitħares, u infatti li jissaħħaħ, id-dritt tal-Membri kollha li jkollhom trattament ugwali rigward servizzi lingwistiċi, kif ukoll mill-perspettiva ta' sforzi sabiex ma jogħlewx l-ispejjeż permezz ta' koperazzjoni interistituzzjonali bejn l-istituzzjonijiet kollha; jilqa' b' sodisfazzjon u japprova l-finanzjamenti addizzjonali mmirati għal dan is-settur tal-baġit;

26.

Jemmen li l-inkarigu tar-responsabilitajiet leġiżlattivi akbar tal-Parlament ikun proċess kontinwu li jeħtieġ li tingħata għajnuna sħiħa lill-Membri biex iwettqu x-xogħol leġiżlattiv tagħhom; jilqa' b' sodisfazzjon f'dan il-kuntest id-deċiżjoni tal-Bureau tas-6 ta' Mejju 2009 li għandha l-iskop li sseddaq l-għajnuna diretta għall-Membri fix-xogħol leġiżlattiv tagħhom, b'mod partikulari matul il-fażi inizjali ta' abbozzar; jikkunsidra li għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-fażijiet suċċessivi tal-proċeduri leġiżlattivi u jikkunsidra li hu essenzjali li l-Membri jkollhom aċċess għal testi korretti fil-lingwi kollha, f' konformita' mal-prinċipji ta' multilingwiżmu u f' konformita' mal-iskopijiet tal-politika għal leġiżlar aħjar tal-Unjoni sabiex tisseddaq it-trasparenza u l-leġittimità demokratika tal-pożizzjonijiet tal-Parlament fil-proċeduri leġiżlattivi;

27.

Ifakkar li l-Parlament jivvota regolarment għal atti leġiżlattivi miftiehma fil-forma ta' kompromessi politiċi bikrin, filwaqt li l-Kunsill jadotta atti bħal dawn wara li jkunu ġew finalizzati; jikkunsidra li hu essenzjali li l-Parlament ikun jista' jeżamina u jivvota fuq testi finali korretti fil-lingwi kollha; jitlob li jittieħdu passi fil-livelli interni u interistituzzjonali sabiex f'dan ir-rigward jiġi żgurat li l-Parlament ikun f'livell ta' parità mal-Kunsill;

28.

Jilqa' b' sodisfazzjon il-ftehim fil-konċiljazzjoni sabiex tiddaħħal riżerva trasversali ta' 5 % għal linji tal-baġit speċifiċi għall-istituzzjonijiet kollha li għandhom is-servizzi ta' traduzzjoni tagħhom, kif diġà mfisser hawn fuq;

29.

Huwa lest li jikkunsidra mill-ġdid is-sistema u l-aċċessibilità ta' diskorsi fil-plenarja, l-hekk imsejħa rapporti verbatim, u kif dan jista' jitjieb permezz tal-użu tat-teknoloġija moderna filwaqt li fl-istess ħin jikkostitwixxi ffrankar kbir għall-baġit; jikkunsidra li dan jista' jinvolvi sistema ta' traduzzjoni bbażata fuq id-domanda li tista' wkoll tħaffef b'mod konsiderevoli d-disponibilità tat-testi mitluba;

Politika għall-bini

30.

Ifakkar fit-talba preċedenti tiegħu li l-Bureau jressaq strateġija koerenti u responsabbli għal medda ta' żmien fit-tul fil-qasam tal-proprjetà u l-bini li tqis ukoll il-problema partikolari tal-ispejjeż ta' manutenzjoni li qed jiżdiedu, il-bżonn ta' rinnovazzjonijiet u spejjeż ta' sigurtà, u li tiżgura s-sostenibilità tal-baġit tal-Parlament, u jistenna li din tiġi ppreżentata sa tmien l-2009; jieħu nota tat-tweġiba li rċieva wara r-riżoluzzjoni tal-baġit tas-sena l-oħra iżda ma jikkunsidrax li dan huwa biżżejjed; jenfasizza wkoll li jridu jitqiesu r-rifużjonijiet futuri possibbli mill-awtoritajiet Belġjani skont il-ftehim dwar il-bini eżistenti tal-Parlament fi Brussell;

31.

Itenni l-importanza li hu jagħti lill-kwistjonijiet ta' sigurtà, marbuta mill-qrib mal-politika tiegħu għall-bini, u jikkunsidra li hu meħtieġ metodu effettiv u bbilanċjat f'dan il-qasam; jenfasizza, b'mod partikolari, il-karattru speċifiku li għandu parlament kif ukoll il-ħtieġa ta' trasparenza u ta' aċċessibilità li jeżistu flimkien mar-rekwiżiti dwar is-sigurtà; fl-istess ħin, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ispiża li dejjem tikber f'dan il-qasam u jikkunsidra li hu meħtieġ approċċ differenzjat skont is-sitwazzjoni speċifika ta' kull post tax-xogħol;

32.

Jenfasizza li teħtieġ tingħata spjegazzjoni ċara dwar ir-raġuni li għaliha l-Bureau qed jikkontempla li jakkwista bini ġdid qrib il-faċilitajiet tiegħu fi Brussell, waqt li jikkunsidra li hemm wieħed mill-bini tiegħu li m'għadx hemm bżonnu għax-xogħol parlamentari;

Politika għall-komunikazzjoni u l-informazzjoni

33.

Jilqa' b' sodisfazzjon il-ftehim dwar il-finanzjament tal-partiti u fondazzjonijiet politiċi Ewropej li għandu jgħin biex tissaħħaħ il-komunikazzjoni maċ-ċittadini - kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom - fil-ħajja politika tal-UE; jitlob li jkun hemm aktar diskussjonijiet dwar prinċipji baġitarji għal medda ta' żmien fit-tul f'dan il-qasam;

34.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni finali tal-Bureau dwar il-mudell maniġerjali għaċ-Ċentru tal-Viżitaturi ġdid u jiddeċiedi li jipprovdi t-tlettax-il post mitlub sabiex jiġi żgurat li saflaħħar dan jinfetaħ malajr kemm jista' jkun, u fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard mill-ewwel parti tal-2010;

35.

Jinnota l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Bureau tiegħu u l-Kumitat għall-Baġits dwar id-Dar tal-Istorja Ewropea; jiddeċiedi li jagħmel disponibbli EUR 1.5 miljun biex jiġu bbaġitjati taħt linja xierqa diġà eżistenti tal-baġit tal-2009, sabiex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni tal-periti tkun tista' tkompli u li l-proposti għall-proġett ikunu jistgħu jaslu fil-ħin is-sena d-dieħla; itenni l-opinjoni tiegħu li jeħtieġ informazzjoni dwar l-ispiża kumplessiva tal-proġett; jilqa' b' sodisfazzjon il-ftehim sabiex isir tentattiv biex jinstab finanzjament addizzjonali minn sorsi esterni u biex isir stħarriġ dwar il-koperazzjoni possibbli fil-proġett;

36.

Jisħaq fuq l-importanza li jagħti lill-organizzazzjoni effettiva tal-bosta sorsi ta' informazzjoni u servizzi li huma disponibbli għall-Membri u l-persunal fil-Parlament; f'dan ir-rigward, ifakkar fl-istrateġija ġdida adottata għall-ICT taħt id-Direttorat Ġenerali tal-IT u fid-deċiżjoni għall-ħolqien ta' Direttorat għal-Librerija u l-Immaniġġjar tad-Dokumenti fi ħdan is-servizzi tal-Presidenza; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata “Sistema ta' Ġestjoni tal-Għarfien” ġenerali sabiex tiffaċilita t-tixrid ta' kull informazzjoni, kemm fil-livell politiku, kif ukoll fil-livell amministrattiv; jitlob lill-Bureau tiegħu sabiex jagħti attenzjoni speċjali għall-koperazzjoni bejn is-servizzi varji sabiex jiġi żgurat li l-politika ġenerali tkun koerenti u effettiva f'termini ta' nefqa u, fl-aħħarnett, jilqa' b' sodisfazzjon il-ftehim fil-konċiljazzjoni li ssir preżentazzjoni li tkopri aspetti bħal dawn f'laqgħa tal-Kumitat għall-Baġits;

37.

Jemmen ukoll li l-inklużjoni tas-servizzi għall-ġestjoni ta' dokumenti fid-direttorat il-ġdid imsemmi hawn fuq għandu jtejjeb l-aċċess għall-informazzjoni u jikkontribwixxi għal għarfien aħjar tal-attivitajiet parlamentari; jinsisti li dan għandu jiffaċilita x-xogħol tal-Membri u jtejjeb ukoll it-trasparenza vis-à-vis iċ-ċittadini; jiddeċiedi li japprova l-elementi baġitarji kif inklużi fil-baġit preliminari; fl-istess waqt, jixtieq li jinżamm aġġornat dwar l-organizzazzjoni tiegħu, tbassir rigward spiża u persunal, kif ukoll prodotti u servizzi, inklużi l-miżuri biex jittejjeb l-aċċess għad-dokumenti;

38.

Jieħu nota tal-pariri mressqa mill-Kumitat dwar il-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat tal-Petizzjonijiet u tal-pożizzjonijiet simili li ġew espressi; jikkunsidra li, fil-parti l-kbira tiegħu, it-tħassib li tqajjem ġie kemm jista' jkun indirizzat permezz tal-emendi baġitarji u l-votazzjoni;

Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

39.

Jikkunsidra li l-volum ta' xogħol tal-Qorti li dejjem qed jiżdied f'dawk li huma konsultazzjonijiet, kif ukoll l-urġenza ġdida tal-proċeduri, iġġustifikaw żieda raġjonevoli fil-baġit operazzjonali u l-istruttura organizzativa tagħha fis-sentejn li għaddew, inkluż tisħiħ konsiderevoli ta' persunal għall-2009; jikkunsidra għalhekk li huwa naturali li mhumiex qed jintalbu postijiet addizzjonali għall-2010; mhuwiex konvint li l-qtugħ mill-Kunsill fir-remunerazzjonijiet previsti u r-rata ta' tnaqqis huma korretti meta wieħed jikkunsidra ir-rata attwali ta' reklutaġġ u l-livell ta' persunal effettiv;

40.

Għalhekk jiddeċiedi li jerġa' jdaħħal kif kienu fl-APB għadd ta' linji wara li tqiesu l-argumenti li tressqu u wara li kkonsidra l-opinjonijiet tal-kumitati tiegħu;

41.

Jinnota li l-effett tal-binjiet ġodda tal-Qorti għadu jinħass u li dan għandu impatt problematiku fuq it-tkabbir komplessiv tal-baġit tiegħu; f'din il-perspettiva, u meta jitqiesu dawn l-ispejjeż li mhumiex irkuprabbli, huwa lest jaċċetta tkabbir kumplessiv ta' 4.5 % kif ġie propost, filwaqt li jinnota li l-iżvilupp tal-baġit operazzjonali normali tal-Qorti għandu rata notevolment aktar baxxa ta' +2.5 %.

Taqsima V - Il-Qorti tal-Awdituri

42.

Japprova l-ħolqien ta' 12-il -post ieħor ta' awdituri, wara l-20 post ta' awdituri approvati fl-2009, minħabba d-domanda li qed tikber, b'mod partikulari mill-awtorita' tal-kwittanza tal-baġit; jenfasizza li l-livelli ta' persunal effettiv u d-domanda ta' xogħol jeħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-kuntest aktar wiesa' tal-baġit u tal-ekonomija Ewropea; għalhekk jikkunsidra li t-32 post ta' awdituri approvati tul dawn is-sentejn għandhom għal xi snin jipprovdu ċerta kumdità lill-Qorti u jitlob min-naħa l-oħra li l-Qorti tipprijoritizza t-talbiet skont l-urġenza u l-importanza relattiva tagħhom;

43.

Jinnota l-progressjoni prevista tal-ispejjeż għall-estensjoni tal-bini K3 u jerġa' jisħaq li meta mqabbla mal-għażla ta' kiri jew xiri, id-deċiżjoni li din tiġi ffinanzjata direttament mill-baġit iżomm dan il-proġett fl-aktar livell baxx possibli għal min iħallas it-taxxi; jieħu nota tal-fatt li d-deċiżjoni li jiġu antiċipati EUR 55 miljun għall-2009 rriżultat fi tnaqqis sinifikanti għal din il-linja tal-baġit fl-2010;

44.

B'riżultat ta' kumment li sar fil-verifika esterna rigward il-Qorti nnifisha, jikkunsidra li l-ispejjeż għal dan il-proġett jeħtieġ li jitwettqu mill-approprjazzjonijiet approvati għal-linja speċifika tal-bini, u f'ġieħ it-trasparenza, m'għandhomx jiġu bbaġitjati taħt intestaturi/linji oħrajn;

45.

Jiddeċiedi li jżid għadd limitat ta' partiti ta' nefqa għat-tixrid ta' rapporti għall-pubbliku mill-Qorti, għal pubblikazzjonijiet fil-Ġurnal Uffiċjali, kif ukoll għal missjonijiet sabiex, meta jkun meħtieġ, espert tematiku jakkompanja l-awditur sabiex jinkiseb fehim aħjar tal-fatti u kwalità itjeb fil-konklużjonijiet;

Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

46.

Jiddeċiedi li jadotta pożizzjoni ta' kompromess bejn it-talbiet oriġinali tal-Kumitat u l-abbozz tal-baġit tal-Kunsill; għalhekk jiddeċiedi li japprova s-6 pożizzjonijiet addizzjonali (4 AD5, 1 AST 3 u 1 AST1) u li jaġġusta għal 5 % r-rata ġenerali ta' tnaqqis għas-salarji u l-allowances;

47.

Jitlob lill-Kumitat sabiex jippreżenta rapport tal-bidu riassuntiv dwar l-operat tas-sistema ta' ppjanar imtejba għall-ispejjeż tal-laqgħat u l-ivjaġġar, kif introdotta fil-baġit preċedenti;

48.

Għall-baġits futuri, jitlob ukoll spjegazzjoni qasira dwar kif ir-rimborżi għall-ivvjaġġar u l-allowances jiġu kkalkulati u x'għażliet, jekk jeżistu, għandhom il-membri u l-persunal f'dan ir-rigward;

Taqsima VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni

49.

Ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Kunsill li jabolixxi l-għaxar postijiet addizzjonali mitluba għall-Kumitat u jiddeċiedi li jerġa' jdaħħal erbgħa minnhom bħala postijiet projoritarji marbutin max-xogħol politiku tiegħu, u b'mod partikulari mal-assemblea reġjonali; ifakkar madankollu li ż-żiediet ta' persunal tal-Kumitat kienu diġà ġew approvati fl-2009 u għalhekk ma jistax japprova aktar minn hekk, meta titqies is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali;

50.

Jiddeċiedi li jintroduċi rata ta' tnaqqis ġenerali ta' 5 % wara li sema' l-argumenti tal-Kumitat rigward il-livelli ta' reklutaġġ u r-rati ta' postijiet vakanti; jinnota li dan għandu jiżgura li l-Kumitat ikollu fondi biżżejjed biex jagħmel tajjeb għall-obbligi tiegħu, filwaqt li jkun hemm xi ftit iffrankar fl-APB;

51.

Jieħu pożizzjoni ta' kompromess bejn it-talbiet tal-Kummissjoni u t-tnaqqis tal-Kunsill dwar għadd ta' linji operazzjonali, inklużi riżorsi għall-iżvilupp tal-IT, faċilitajiet għall-kura tat-tfal għall-persunal, u miżuri ta' informazzjoni u komunikazzjoni;

Taqsima VIII - L-Ombudsman Ewropew

52.

Ireġġa' l-APB parzjalment għal li kien wara li jieħu nota tat-tnaqqis tal-Kunsill u wara li sema' l-argumenti tal-Ombudsman; jinsisti li fil-biċċa kbira tiegħu l-iffrakkar limitat meta mqabbel mal-APB jista' jinżamm xorta waħda;

53.

Jadotta wkoll pożizzjoni ta' kompromess bejn l-Ombudsman u l-Kunsill f'dak li jirrigwarda l-approprjazzjonijiet meħtieġa għas-salarji u l-allowances;

54.

Jaqbel mal-Ombudsman li jkun utli li ssir riflessjoni dwar l-ispiża relatata mal-elezzjoni ta' din il-kariga u fil-fatt jikkunsidra li s-sistema attwali li dawn l-ispejjeż jinfirxu fuq snin differenti u fuq partiti differenti tal-baġit, mhijiex trasparenti;

55.

Huwa sorpriż li dan il-korp m'għandu prattikament ebda baġit għal miżuri ta' taħriġ u għalhekk jaqbel li jkun hemm ċerta żieda f'dan il-qasam;

Taqsima IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

56.

Jirrikonoxxi li l-Kontrollur qiegħed jintalab dejjem aktar sabiex jagħti opinjoni dwar leġiżlazzjonijiet (li jkollhom impatt fuq kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data); iddiskuta din il-kwistjoni pjuttost fil-fond u ħa nota tal-istqarrija li dawn il-konsultazzjonijiet huma obbligatorji għall-Kontrollur; għalhekk jiddeċiedi li jagħmel xi aġġustamenti għall-abbozz tal-baġit li ssuġġerixxa l-Kunsill;

57.

Japprova l-ħolqien ta' żewġ pożizzjonijiet oħra (1 AD5 u 1 AST2) li jirrappreżentaw pożizzjoni intermedjarja bejn it-talbiet oriġinali u l-pożizzjoni tal-Kunsill; dan jagħmlu fid-dawl tal-fatt li fl-istess ħin qed tingħata żieda wkoll għall-finanzjament ta' esperti nazzjonali;

58.

Jaqbel ukoll ma' ċertu tisħiħ addizzjonali għall-proposta tal-Kunsill rigward għadd limitat ta' intestaturi oħra tal-baġit wara li sema' l-argumenti tal-Kontrollur;

*

* *

59.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-emendi għat-Taqsimiet I, II, IV, V, VI, VII, VIII u IX tal-abbozz tal-baġit ġenerali, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati.


(1)  ĠU L 253, 7.10.2000, p.42.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2009)0096.

(5)  Testi adottati, P6_TA(2009)0346.