|
4.9.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 211/28 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar sena wara Liżbona: Il-partenarjat bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni u l-UE, l-Afrika u ċ-Ċina: Lejn djalogu u kooperazzjoni trilaterali
(2009/C 211/02)
Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI
|
— |
jilqa' l-isforzi tal-atturi Ewropej u dawk Afrikani wara t-tnedija tal-istrateġija konġunta UE/Afrika u jenfasizza li dawn l-ewwel avvanzi m'għandhomx inaqqsu l-ħtieġa li jitkomplew, jitħaffu, jissaħħu u jitwessgħu l-inizjattivi li tnedew diġà fil-qafas tat-tmien sħubijiet; |
|
— |
jipproponi li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi involut fil-ħidma tal-gruppi inkarigati mill-implimentazzjoni tas-sħubijiet tematiċi b'mod partikolari għall-gvernanza, is-Sħubija għall-Miri għall-Iżvilupp għall-Millennju, il-bidla fil-klima, il-migrazzjoni, il-mobbiltà u l-impjieg; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tingħata għodod statistiċi u ta' evalwazzjoni tal-miżuri ta' kooperazzjoni deċentralizzata meħuda mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; ifakkar li l-Konferenza Annwali dwar il-kooperazzjoni deċentralizzata għandha tkun forum ewlieni għad-djalogu u d-diskussjoni bejn il-Kummissjoni u l-Kumitat tar-Reġjuni u li f'dan il-kuntest hemm bżonn li tingħata importanza partikolari lir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika; |
|
— |
jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “L-UE, l-Afrika u ċ-Ċina: Lejn djalogu u kooperazzjoni trilaterali” u jfakkar fid-differenzi fl-objettivi u l-mezzi li jeżistu bħalissa bejn il-politika ta' għajnuna għall-iżvilupp tal-UE u dik taċ-Ċina fl-Afrika; għaldaqstant jeħtieġ, aktar minn qatt qabel, li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa filwaqt li jinżammu l-kriterji stretti tagħha għal gvernanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
— |
jikkunsidra li jeħtieġ li jiġu stipulati minn issa d-dispożizzjonijiet dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Afrikani, Ewropej u Ċiniżi fit-trilogu bejn l-UE, l-Afrika u ċ-Ċina, u b'mod partikolari dawk għad-definizzjoni tat-temi ta' kooperazzjoni; |
|
— |
jinsisti, fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, fuq il-bżonn li jinżammu u jissaħħu l-fondi previsti għall-għajnuna għall-iżvilupp fl-Afrika. |
|
Rapporteur |
: |
Is-Sur Jean-Louis Destans (FR/PSE) President tal-Kunsill Ġenerali tal-Eure |
Dokumenti ta' referenza
Sena wara Liżbona: Il-partenarjat bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni
COM(2008) 617 finali
L-UE, l-Afrika u ċ-Ċina: Lejn djalogu u kooperazzjoni trilaterali
COM(2008) 654 finali
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
A. Kummenti ġenerali
Is-sħubija bejn l-UE u l-Afrika
|
1. |
jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea intitolata “Sena wara Liżbona: Il-partenarjat bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni” li hija evalwazzjoni tal-ewwel sena mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-2008-2010 u t-tmien sħubijiet tematiċi tiegħu li għandhom l-għan li jimplimentaw l-istrateġija konġunta bejn l-UE u l-Afrika; |
|
2. |
jilqa' l-isforzi tal-atturi Ewropej u dawk Afrikani wara t-tnedija tal-istrateġija konġunta f'Diċembru 2007 li stabbiliet il-bażi ta' sħubija u ta' kooperazzjoni “lil hinn mill-iżvilupp”, “lil hinn mill-Afrika” u “lil hinn mill-istituzzjonijiet”; |
|
3. |
jenfasizza li dawn l-ewwel avvanzi m'għandhomx inaqqsu l-ħtieġa li jitkomplew, jitħaffu, jissaħħu u jitwessgħu l-inizjattivi li tnedew diġà fil-qafas tat-tmien sħubijiet. L-istrateġija ta' żvilupp u ta' kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika ma tistax tagħti l-frott mixtieq mingħajr impenn kontinwu u msaħħaħ miż-żewġ partijiet. Ir-riżultati tal-ewwel sena mill-implimentazzjoni għandhom iħeġġu lill-atturi Ewropej u dawk Afrikani biex iżidu l-ħidma tagħhom u jikkontribwixxu għas-suċċess dejjiemi tal-istrateġija; |
|
4. |
jilqa' l-fatt li fil-21 ta' Novembru 2008 l-UE u l-Unjoni Afrikana adottaw rapport konġunt li jinkludi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea; |
|
5. |
jilqa' b'interess l-approċċ tal-Kummissjoni li, minbarra l-evalwazzjoni, tressaq ukoll għadd ta' rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni bil-għan li:
|
|
6. |
jenfasizza li l-valur miżjud li jistgħu jġibu magħhom il-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kemm tal-UE u dawk tal-Afrika, joħroġ fid-dieher u huwa rikonoxxut f'dawn ir-rakkomandazzjonijiet kif ukoll fit-tliet prinċipji tas-sħubija, l-iktar fil-prinċipji msejħa “lil hinn mill-iżvilupp” u “lil hinn mill-istituzzjonijiet” u għalhekk il-Kummissjoni setgħet tenfasizza aktar fuqhom fil-komunikazzjoni tagħha; |
Id-djalogu u l-kooperazzjoni trilaterali bejn l-UE, l-Afrika u ċ-Ċina
|
7. |
jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “L-UE, l-Afrika u ċ-Ċina: Lejn djalogu u kooperazzjoni trilaterali” u jenfasizza l-importanza tad-dinamika li daħħlet fis-seħħ u li tikkostitwixxi l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta' sinerġiji għall-Afrika; |
|
8. |
iqis li huwa essenzjali għall-ġejjieni tal-kontinent Afrikan li titnieda kooperazzjoni bejn l-Unjoni u ċ-Ċina. Fil-fatt, dawn żviluppaw sħubijiet bilaterali mal-Afrika u huma l-ewwel u t-tielet imsieħba kummerċjali u l-akbar żewġ investituri diretti fil-kontinent; |
|
9. |
jikkunsidra li dan l-approċċ trilaterali għandu jitqiegħed f'kuntest globali li jinkludi l-pajjiżi emerġenti l-kbar; |
|
10. |
ifakkar fid-differenzi fl-objettivi u l-mezzi li jeżistu bħalissa bejn il-politika ta' għajnuna għall-iżvilupp tal-UE u dik taċ-Ċina fl-Afrika; għaldaqstant jeħtieġ, aktar minn qatt qabel, li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa; |
|
11. |
jitlob lill-Unjoni Afrikana, l-Istati Afrikani u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Afrika jaqdu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom fit-twaqqif tat-temi ta' kooperazzjoni u fit-tnedija ta' dan it-trilogu. Dan m'għandux ikun sempliċiment kwistjoni ta' koordinazzjoni tal-politiki Ewropej u Ċiniżi; |
|
12. |
iħeġġeġ lill-mexxejja Afrikani kontinentali, nazzjonali, reġjonali u lokali jressqu proposti għal kooperazzjoni f'oqsma li fil-fehma tagħhom jistgħu jindirizzaw l-isfidi tal-iżvilupp fl-Afrika; |
|
13. |
ifakkar li f'dan ir-rigward, hemm bżonn ta' approċċ flessibbli u prammatiku biex jiġu elenkati l-oqsma kollha li fihom hemm possibbiltà ta' kooperazzjoni, mingħajr ma jiġu esklużi ċerti oqsma minn qabel; |
|
14. |
jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni għal “ġestjoni sostenibbli tal-ambjent u r-riżorsi naturali” li tqis il-politiki ta' sfruttar intensiv tar-riżorsi fil-qasam tal-enerġija fl-Afrika; |
|
15. |
jinsab sorpriż li l-Kummissjoni ma tatx aktar prijorità lis-saħħa, l-edukazzjoni u r-riċerka fit-temi li pproponiet għall-kooperazzjoni meta dawn huma oqsma essenzjali għall-iżvilupp dejjiemi fl-Afrika u prijoritajiet għall-azzjoni kif stabbilit min-Nazzjonijiet Uniti u fil-qafas tas-sħubija bejn l-UE u l-Afrika. Għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-proposti tagħha f'dan ir-rigward; |
|
16. |
jirrakkomanda li l-Unjoni Afrikana titqies bħala msieħba ewlenija f'din ir-relazzjoni trilaterali sabiex jiġi promoss approċċ olistiku u koerenti li jmur lil hinn min-nuqqas ta' qbil nazzjonali; |
|
17. |
jilqa' l-organizzazzjoni ta' summit bejn l-UE u ċ-Ċina f'Mejju 2009 fi Praga u jistieden lill-Kunsill:
|
|
18. |
jenfasizza li l-UE għandha żżomm il-kriterji stretti tagħha għal gvernanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-politika tagħha ta' għajnuna għall-iżvilupp fl-Afrika, kemm jekk din tkun implimentata permezz ta' kooperazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-Afrika kif ukoll permezz ta' kooperazzjoni trilaterali bejn l-UE, l-Afrika u ċ-Ċina; |
|
19. |
jikkunsidra li din il-kundizzjoni għandha tiġi applikata b'mod dinamiku u gradwali sabiex jitqiesu l-progress li jsir u l-politiki implimentati mill-Istati Afrikani għall-gvernanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
20. |
isostni li din il-kooperazzjoni trilaterali bejn l-UE, l-Afrika u ċ-Ċina m'għandhiex tkun proċedura ta' armonizzazzjoni mal-metodi u l-objettivi taċ-Ċina peress li dan l-approċċ mhux bilfors jaqbel mal-valuri u l-prinċipji tal-UE u l-interessi dejjiema tal-Afrika, filwaqt li lanqas m'għandha teskludi t-tfittxija ta' interessi komuni; |
|
21. |
jafferma r-rwol dejjiemi tal-Kumitat tar-Reġjuni, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej, Afrikani u Ċiniżi fl-implimentazzjoni tat-trilogu bejn l-UE, l-Afrika u ċ-Ċina li għandu jsir aktar tanġibbli filwaqt li t-tendenza hija li jiġu żviluppati r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Afrika, l-Afrika u ċ-Ċina u l-UE u ċ-Ċina; |
|
22. |
jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni u tad-djalogu trilaterali għandhom iqisu u jiġu adattatiskont il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali ta' kull reġjun jew territorju u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE, l-Afrika u ċ-Ċina għandhom jiġu involuti fil-ħoqlien ta' dawn id-dispożizzjonijiet; |
|
23. |
jisħaq li jeħtieġ li jiġu stabbiliti għodod għas-segwitu u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni u d-djalogu trilaterali sabiex l-impenni li daħlu għalihom il-partijiet differenti jiġu rrispettati; |
L-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja
|
24. |
jinsab imħasseb dwar l-implikazzjonijiet tal-kriżi ekonomika u finanjarja internazzjonali għall-Afrika filwaqt li l-attenzjoni tikkonċentra fuq is-sitwazzjoni fil-pajjiżi żviluppati; |
|
25. |
jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għadhom qed jingħataw it-tieni post. B'mod partikolari, l-Afrika mhijiex rrappreżentata biżżejjed fil-G20. Għaldaqstant, ma tistax tinfluwenza d-deċiżjonijiet internazzjonali li għandhom l-għan li jtaffu l-kriżi ekonomika minkejja l-fatt li din il-kriżi għandha effett sproporzjonat, dirett u indirett, fuq il-kontinent; |
|
26. |
ifakkar li l-kriżi għandha effett sproporzjonat, dirett u indirett, fuq il-kontinent Afrikan minħabba l-fraġilità tal-mudelli soċjali u ekonomiċi. L-impatt dirett joħroġ fid-dieher b'mod partikolari permezz ta' tnaqqis fl-esportazzjoni ta' materja prima fil-pajjiżi tal-Afrika minħabba l-istaġnar tal-ekonomija dinjija, il-waqgħa tal-investiment barrani, ir-riskju li l-kriżi tal-ikel tmur għall-agħar minħabba n-nuqqas ta' kreditu, u t-telf ta' dħul minħabba tnaqqis fil-fondi li jintbagħtu mill-emigranti Afrikani u li huma milquta mill-qgħad fil-pajjiżi żviluppati. L-impatt indirett jinħass l-ewwel u qabel kollox fit-tnaqqis tal-għajnuna għall-iżvilupp u allokazzjoni mill-ġdid tas-self fil-pajjiżi żviluppati għall-appoġġ tal-attività ekonomika nazzjonali; |
|
27. |
ifakkar li skont il-kalkoli tal-FMI l-impatt tal-kriżi ekonomika fil-kontinent Afrikan għandu jwassal għal tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku li mistenni li jkun ta' mhux aktar minn 3 % fl-2009. Għaldaqstant, dan ser iġib fi tmiemha l-medja ta' aktar minn 6 % fit-tkabbir li kien hemm tul dawn l-aħħar 5 snin u l-irkupru gradwali tas-sitwazzjoni ekonomika, politika u soċjali fl-Afrika; |
|
28. |
iqis li l-kriżi ser tkun aktar ħarxa fl-Afrika minħabba d-dgħufija tal-politiki soċjali u tista' twassal għal kriżi umanitarja, politika u soċjali li toħloq instabbiltà fir-reġjun u tista' tqajjem kunflitti ġodda; |
|
29. |
f'dan il-kuntest, jisħaq fuq l-importanza tas-sħubija bejn l-UE u l-Afrika, tal-proposta għal kooperazzjoni bejn l-UE, l-Afrika u ċ-Ċina u fuq il-ħtieġa li jinżammu u jiżdiedu l-fondi previsti għall-għajnuna għall-iżvilupp fl-Afrika; |
|
30. |
jiddispjaċih li ċerti Stati Membri diġà ħabbru tnaqqis fl-għajnuna tagħhom għall-iżvilupp, li jfisser li l-kriżi fl-Afrika ser tmur mill-ħażin għall-agħar; |
|
31. |
jafferma, f'dan il-kuntest finanzjarju diffiċli, ir-rwol ċentrali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej li l-ħidma tagħhom mhijiex limitata għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja sinifikanti iżda tinvolvi wkoll l-iskambju ta' għarfien u esperjenzi u l-kooperazzjoni fil-qafas ta' proġetti konkreti; |
B. Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-sħubija bejn l-UE u l-Afrika
In-natura speċifika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali
|
32. |
jilqa' l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-atturi mhux tradizzjonali fis-sħubija bejn l-UE u l-Afrika u l-proposta tal-Kummissjoni bil-għan li tniedi konsultazzjonijiet mal-atturi importanti mhux istituzzjonali, b'mod partikolari s-soċjetà ċivili, id-dinja akkademika u s-settur privat sabiex jingħataw rwol attiv fl-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-istrateġija konġunta; |
|
33. |
ifakkar lill-Kummissjoni li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej ikollhom relazzjonijiet attivi mal-entitajiet korrispondenti tagħhom fl-Afrika, li jikkooperaw f'oqsma bħall-edukazzjoni, is-servizzi urbani (l-ilma u l-iskart), l-infrastrutturi, it-trasport, il-komunikazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku territorjali u l-appoġġ għall-gvernanza lokali; li permezz ta' dawn il-proġetti jiksbu kompetenzi, know-how u esperjenza fis-setturi li huma partikolarment importanti għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u politiku fl-Afrika; |
|
34. |
jiddikjara li għalhekk huwa essenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej jaqdu rwol akbar fis-sħubija bejn l-UE u l-Afrika u li jsir l-aħjar użu mill-esperjenza tagħhom; |
|
35. |
jemmen li permezz tal-opinjonijiet preċedenti tiegħu, partikolarment dik intitolata “L-awtoritajiet lokali: atturi għall-iżvilupp”, il-Kummissjoni għarfet pubblikament ir-rwol li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; li bis-saħħa tal-Ġranet Ewropej għall-Iżvilupp mill-15 sas-17 ta' Novembru 2008 l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-Kumitat tar-Reġjuni setgħu juru l-importanza tal-kontribut tagħhom għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-ħtieġa li jitħallew jieħdu azzjoni fil-livell Ewropew u internazzjonali fl-oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom; |
|
36. |
iqis li ladarba rikonoxxut, dan ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jidher fl-istrateġiji kollha ta' kooperazzjoni tal-UE, u b'mod partikolari fir-rigward tal-Afrika u t-trilogu bejn l-UE, l-Afrika u ċ-Ċina; |
|
37. |
għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni twessa' u testendi l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-atturi mhux tradizzjonali biex tinkludi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li l-involviment tagħhom huwa essenzjali u lill-assoċjazzjonijiet internazzjonali li jirrappreżentawhom sabiex tiġi garantita l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej u Afrikani fit-tfasssil tal-politiki ta' żvilupp; |
|
38. |
beħsiebu jħeġġeġ u jappoġġja l-isforzi ta' koordinazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Afrikani fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali bil-għan li jsaħħaħ id-djalogu strutturat bejn il-KtR, l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE u tal-Afrika; |
L-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-sħubija
|
39. |
jemmen li fil-kuntest tas-sħubija bejn l-UE u l-Afrika il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej u Afrikani għandha titwettaq fuq tliet livelli:
|
|
40. |
f'dan id-dawl jipproponi li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi involut fil-ħidma tal-gruppi inkarigati mill-implimentazzjoni tas-sħubijiet tematiċi li huma magħmula mill-Istati Membri involuti direttament, il-Kummissjoni u s-Segretarjat tal-Kunsill. Il-Kumitat tar-Reġjuni jfakkar li huwa involut fil-grupp responsabbli għall-gvernanza demokratika u d-drittijiet tal-bniedem u li jkun xieraq li din il-parteċipazzjoni tiġi estiża b'mod partikolari għas-sħubijiet l-oħra fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x'jaqdu, iġifieri: is-Sħubija għall-Miri għall-Iżvilupp għall-Millennju, is-Sħubija dwar il-bidla fil-klima u s-Sħubija dwar il-migrazzjoni, il-mobbiltà u l-impjieg; |
|
41. |
ifakkar li s'issa mhemm l-ebda statistika preċiża, iddettaljata u komprensiva la dwar l-ammont totali ta' fondi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jallokaw għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u lanqas dwar l-oqsma prijoritarji għall-kooperazzjoni jew ir-riżorsi umani li jintużaw; li din l-informazzjoni hija importanti għall-koerenza u s-sinerġija ta' dawn l-inizjattivi mal-objettivi tas-sħubija bejn l-UE u l-Afrika; |
|
42. |
għaldaqstant jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tingħata għodod statistiċi u ta' evalwazzjoni tal-miżuri ta' kooperazzjoni deċentralizzata meħuda mill-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej, b'mod partikolari fl-Afrika, li jikkunsidraw il-fatt li l-azzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jistgħux jitkejlu biss permezz ta' kriterju finanzjarju peress li dawn l-awtoritajiet jagħtu kontribut importanti ta' għajnuna mhux materjali; |
|
43. |
jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni issa taqbel mal-ħtieġa li tiġi stabbilita “borża” għall-kooperazzjoni deċentralizzata li tippromovi l-iskambju tal-informazzjoni u t-twaqqif ta' sħubijiet lokali ġodda għal kooperazzjoni deċentralizzata li jkunu konsistenti mal-azzjonijiet li diġà ttieħdu; |
|
44. |
ifakkar li huwa lest li joħloq u jiġġestixxi, bi sħab mal-Kummissjoni, din il-“borża” f'forma ta' portal tal-internet li tkun estensjoni tal-Konferenza Annwali dwar il-kooperazzjoni deċentralizzata; |
|
45. |
ifakkar li l-Konferenza Annwali dwar il-kooperazzjoni deċentralizzata għandha tkun forum ewlieni għad-djalogu u d-diskussjoni strateġika u politika dwar il-miżuri ta' kooperazzjoni deċentralizzata; u li f'dan il-kuntest hemm bżonn li tingħata prominenza partikolari lir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika sabiex tissaħħaħ il-kultura ta' ħidma konġunta bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej u dawk Afrikani, li l-kwistjonijiet lokali fil-qasam tal-iżvilupp jkunu magħrufa b'mod aktar preċiż u li jinħolqu tendenzi strateġiċi b'rabta mas-sħubija bejn l-UE u l-Afrika; |
Il-promozzjoni tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-sħubija
|
46. |
huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-sħubija bejn l-UE u l-Afrika m'għandhiex tieqaf sal-awtoritajiet Ewropej biss; |
|
47. |
jenfasizza li l-proċess ta' deċentralizzazzjoni fis-seħħ bħalissa u l-fenomenu ta' urbanizzazzjoni intensiva fl-Afrika kif ukoll il-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fl-Afrika, li ser jinħassu l-aktar fil-livell lokali, iqiegħdu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qalba tal-isfidi tal-iżvilupp; |
|
48. |
jikkunsidra li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Afrikani għandu jitqies fil-kuntest tal-isforzi li għandhom l-għan li jagħmlu l-politiki ta' żvilupp aktar effiċjenti u koerenti; |
|
49. |
għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta s-soċjetà ċivili kif ukoll atturi mhux tradizzjonali u awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej, l-awtoritajiet lokali u reġjonali Afrikani u l-assoċjazzjonijiet internazzjonali li jirrapreżentawhom; |
|
50. |
iħeġġeġ lill-assoċjazzjonijiet internazzjonali tal-awtoritajiet lokali Afrikani jtejbu l-koordinazzjoni mal-Unjoni Afrikana u l-Istati Afrikani sabiex tissaħħaħ is-sinerġija bejn il-miżuri li jittieħdu fil-livell nazzjonali u dak sottonazzjonali fl-Afrika; |
|
51. |
jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kemm dawk Ewropej kif ukoll dawk Afrikani, biex iqajmu kuxjenza fost il-pubbliku dwar il-kwistjoni tal-iżvilupp billi jinvolvu l-assoċjazzjonijiet lokali u ċ-ċittadini li jiddedikaw ruħhom għall-kwistjonijiet ta' żvilupp fil-proġetti konkreti tagħhom ta' kooperazzjoni; u li b'hekk jikkontribwixxu għas-suċċess tas-sħubija li jiddependi ħafna mill-appoġġ tal-pubbliku fit-Tramuntana u n-Nofsinhar għall-objettivi ta' kooperazzjoni u ta' żvilupp; |
Sħubija għal gvernanza demokratika u d-drittijiet tal-bniedem
|
52. |
ifakkar li ma jistax ikun hemm gvernanza demokratika ġenwina mingħajr parteċipazzjoni bis-sħiħ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; |
|
53. |
jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bis-saħħa tal-proġetti li jniedu, jippromovu t-tisħiħ tad-demokrazija u t-tfassil ta' politiki ta' gvernanza tajba kif jistipulaw il-prinċipji u l-punti ta' azzjoni tal-Karta Ewropea għall-Appoġġ tal-Gvernanza Lokali; |
|
54. |
jenfasizza li permezz tal-kooperazzjoni tagħhom fi proġetti li għandhom l-għan li jsolvu l-problemi ta' kuljum, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jsaħħu l-fiduċja fid-demokrazija lokali; |
|
55. |
jenfasizza l-prinċipju marbut mar-rwol tal-kooperazzjoni deċentralizzata fir-riforma tal-politika għall-iżvilupp, li ssostni li gvernanza aħjar hija l-element prinċipali għal politika għall-iżvilupp ta' suċċess u li l-element essenzjali ta' din il-gvernanza tajba huwa l-għarfien tal-fatt li l-aqwa deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell li jkun l-eqreb taċ-ċittadini; |
Sħubija għall-Miri għall-Iżvilupp għall-Millennju
|
56. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għadd ta' awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE għandhom rabtiet mal-kontropartijiet Afrikani tagħhom li huma bbażati fuq il-kwistjonijiet tal-iżvilupp. Għaldaqstant, kisbu għarfien espert, b'mod partikolari fl-oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa, ir-riċerka, is-servizzi muniċipali (l-ilma u l-iskart), is-sajd fuq skala żgħira u l-akwakultura, l-infrastrutturi, it-trasport, il-komunikazzjoni, l-ambjent, l-iżvilupp rurali, l-iżvilupp ekonomiku reġjonali u l-attivitajiet ta' appoġġ għall-iżvilupp tal-awtoritajiet lokali u għad-deċentralizzazzjoni politika; |
|
57. |
ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-bażi finanzjarja u strateġika li tippermetti t-twettiq tal-Miri għall-Iżvilupp għall-Millennju permezz ta' fondi u għajnuna mhux materjali li l-awtoritajiet jallokaw għal proġetti mal-imsieħba tagħhom fl-Afrika u f'pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw; |
|
58. |
jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament u l-informazzjoni dwar l-istrumenti u l-programmi ta' finanzjament għall-miżuri tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp peress li l-fondi li jallokaw għal proġetti konkreti jirrappreżentaw benefiċċju dirett għall-komunitajiet fil-livell lokali u għalhekk jikkontribwixxu b'mod dirett u anqas burokratiku għat-titjib tas-sitwazzjoni fir-reġjun; |
|
59. |
beħsiebu jippromovi l-programm “Atturi mhux statali u l-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp” fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex dawn jużaw il-potenzjalitajiet kollha u, fejn ikun meħtieġ, jipproponi, flimkien mal-Kummissjoni, emendi għar-regolament bil-għan li jiffaċilita l-użu tagħhom mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
Sħubija dwar il-bidla fil-klima
|
60. |
jilqa' l-fatt li s-sħubija dwar il-bidla fil-klima tinvolvi l-livell lokali, speċjalment fir-rigward tal-“Inizjattiva Ħajt Aħdar għas-Saħara” u jenfasizza li l-miżuri li ttieħdu għandhom jiġu adattati għas-sitwazzjonijiet u l-bżonnijiet lokali speċifiċi li jistgħu jvarjaw b'mod sinifikanti minn pajjiż għal ieħor, u saħansitra fi ħdan l-istess pajjiż; |
|
61. |
jenfasizza li l-kooperazzjoni deċentralizzata għall-iżvilupp imwettqa mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, minħabba l-fatt li topera f'għadd ta' oqsma u li tiġbor fiha diversità ta' atturi pubbliċi u privati, hija fattur qawwi ta' żvilupp lokali u reġjonali; |
|
62. |
iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jistimolaw l-organizzazzjoni tal-produzzjoni, il-linji ta' negozju jew ta' attivitajiet ekonomiċi li jirrispettaw il-pubbliku u l-ambjent; |
Sħubija dwar il-migrazzjoni, il-mobbiltà u l-impjieg
|
63. |
jisħaq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma minn ta' quddiem fir-rigward tal-immigrazzjoni, kemm f'termini tal-problemi marbuta mal-immigrazzjoni illegali (l-akkoljenza u l-ġestjoni tal-wasliet, l-impjieg illegali, il-kriminalità u s-sigurtà urbana), kif ukoll f'termini tas-servizzi li għandhom joffru lir-residenti (kura tas-saħħa, edukazzjoni, eċċ.) u l-politika ta' integrazzjoni; |
|
64. |
ifakkar li l-esperjenza ta' uħud minnhom fil-qasam tal-kooperazzjoni transkonfinali u internazzjonali, speċjalment dawk li huma partikolarment esposti għall-problemi u l-konsegwenzi tal-migrazzjoni, tista' tkun ta' siwi kbir biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet marbuta mal-migrazzjoni u l-mobbiltà; |
Is-sħubijiet l-oħra
|
65. |
jemmen li l-valur miżjud tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tas-sħubijiet l-oħra m'għandux jitwarrab u li dawn jistgħu jaqdu rwol importanti peress li huma qrib il-pubbliku kkonċernat; u fid-dawl ta' dan jisħaq:
|
|
66. |
iqis li fid-dawl ta' dawn il-kummenti l-Kummissjoni għandha tappoġġja fianzjarjament u b'mod prijoritarju l-miżuri ta' kooperazzjoni deċentralizzata li jindirizzaw l-objettivi tas-sħubija bejn l-UE u l-Afrika; |
C. Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-djalogu u l-kooperazzjoni trilaterali bejn l-UE, L-afrika u ċ-Ċina
|
67. |
jikkunsidra li jeħtieġ li jiġu stipulati minnufih id-dispożizzjonijiet dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Afrikani, Ewropej u Ċiniżi fit-trilogu bejn l-UE, l-Afrika u ċ-Ċina u b'mod partikolari dwar id-definizzjoni tat-temi ta' kooperazzjoni; |
|
68. |
iqis li jeħtieġ li jitwessgħu t-temi ta' kooperazzjoni tat-trilogu billi jitqiesu l-għarfien espert u l-esperjenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, b'mod partikolari fl-oqsma li ġeneralment jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom bħall-edukazzjoni, l-ilma, it-trasport urban, il-ġestjoni tal-iskart, l-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli u li jikkostitwixxu setturi essenzjali għall-iżvilupp dejjiemi fl-Afrika u għall-ksib tal-Miri għall-Iżvilupp għall-Millennju; |
|
69. |
ifakkar fid-differenzi strutturali li jeżistu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej, Afrikani u dawk Ċiniżi fir-rigward tal-kompetenzi, id-daqs u l-mezzi finanzjarji. Dawn id-differenzi jagħmlu l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-sħubija aktar meħtieġa għall-promozzjoni ta' kultura ta' ħidma konġunta; |
|
70. |
jemmen li d-djalogu għandu jiġi organizzat fil-livell kontinentali, reġjonali u dak nazzjonali u li jeħtieġ li jiġi żviluppat ukoll fil-livell sottonazzjonali; |
|
71. |
beħsiebu jippromovi l-proġetti ta' kooperazzjoni trilaterali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE, l-Afrika u ċ-Ċina billi japprofitta mill-kuntatti attwali tiegħu u jappoġġja l-identifikazzjoni ta' msieħba ġodda u ta' miżuri ġodda għall-kooperazzjoni deċentralizzata. |
Brussell, is-17 ta' Ġunju 2009.
Il-President
tal-Kumitat tar-Reġjuni
Luc VAN DEN BRANDE