27.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/29


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Pjan ta’ azzjoni għall-mobbiltà urbana”

(2010/C 232/05)

I.   KUMMENTI ĠENERALI

Kuntest

1.   Fl-2008, il-Kumitat tar-Reġjuni (1) esprima ruħu dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea “Lejn kultura ġdida għall-mobbiltà urbana” (2). F’April 2009 fassal Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana (3) b’risposta għar-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew (4), li fih il-Kumitat tar-Reġjuni laqa’ l-bosta inizjattivi dwar il-mobbiltà urbana li ttieħdu fil-livell tal-UE.

2.   Il-Kumitat tar-Reġjuni ppromova mudell li bih il-Pjani ta’ Mobbiltà Urbana jkunu implimentati permezz ta’ ftehimiet pubbliċi-pubbliċi/pubbliċi-privati sostenibbli fuq perijodu twil jew ta’ Ftehimiet ta’ Mobbiltà, u talab lill-Kummissjoni tistabbilixxi strument finanzjarju fil-qafas tal-Politika ta’ Koeżjoni, li jkun disponibbli għar-reġjuni u ż-żoni urbani direttament, sabiex tħeġġeġ liż-żoni urbani jfasslu pjani ta’ mobbiltà. It-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Pjani ta’ Mobbiltà Urbana għandhom ikunu f’idejn il-bliet stess.

3.   Il-Kummissjoni Ewropea ntalbet ukoll tagħti aktar valur lill-proċess billi tiffinanzja inċentivi, skemi ta’ għoti ta’ premji u skambju tal-aħjar prattika bl-ekwivalenti ta’ “Skema ta’ Bandiera Blu” għal żoni kostali ta’ kwalità tajba madwar l-Ewropa, li tingħata fuq il-bażi ta’ indikaturi speċifiċi lil żoni urbani b’livell baxx ta’ tniġġis u konġestjoni.

4.   jemmen li hemm bżonn ta’ armonizzazzjoni fil-livell Ewropew, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtiġijiet tekniċi għall-vetturi (pereżempju r-riadattament ta’ vetturi eżistenti permezz ta’ filtri tal-partikuli tad-diesel), l-infrastruttura u s-servizzi tat-trasport, kif ukoll fir-rigward ta’ tikketti (pjanċi u baġġijiet) li permezz tagħhom il-vetturi li jilħqu l-istandards Ewropej relatati mal-emissjonijiet tal-gass u l-istorbju jkunu jistgħu jidħlu fiż-żoni ħodor

5.   Barra minn hekk, il-Kumitat tar-Reġjuni (5) esprima l-fehma li d-dimensjoni soċjali tal-mobbiltà urbana għandha tingħata aktar importanza, billi hija l-istrument li jippromovi kemm il-koeżjoni soċjali kif ukoll il-koeżjoni territorjali fiż-żoni urbani u periurbani.

6.   Il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana (6) li jipproponi għoxrin miżura biex wieħed iħeġġeġ u jgħin lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex jiksbu l-għanijiet tagħhom għal mobbiltà urbana sostenibbli. Għall-ewwel darba, qiegħed jiġi ppreżentat pakkett ta’ appoġġ komprensiv fil-qasam tal-mobbiltà urbana sostenibbli.

7.   L-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni għandhom jitnedew fl-erba’ snin wara l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni, iżda l-Kummissjoni Ewropea ser twettaq valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni fl-2012 u wara ser tevalwa l-bżonn għal azzjoni supplimentari.

Kummenti dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Mobbiltà Urbana

8.   Il-Kumitat tar-Reġjuni jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea talli ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana li jiġbor fih il-kwistjonijiet ewlenin involuti fit-titjib tal-mobbiltà fil-bliet tagħna.

L-argumenti ekonomiċi u ambjentali għal Pjan ta’ Azzjoni

9.   Skont il-Kummissjoni Ewropea, 72 % (7) tal-popolazzjoni Ewropea tgħix f’żoni urbani. Din iċ-ċifra ser titla’ sa 84 % sal-2050. Iż-żoni urbani jridu jindirizzaw l-isfida tat-trasport sostenibbli f’termini ta’ kompetittività (konġestjoni, spejjeż tat-trasport) u ta’ ambjent (kwalità tal-arja, storbju).

10.   Il-Kumitat tar-Reġjuni jirrikonoxxi l-importanza kruċjali tal-mobbiltà urbana u t-trasport urban għall-ġejjieni tal-Ewropa, billi għandha rabtiet mat-tliet pilastri ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli:

il-pilastru ekonomiku, għax il-konġestjoni hija ostakolu għall-kompetittività ekonomika (dewmien fil-kummerċ, spejjeż tat-trasport tal-prodotti iktar għoljin, eċċ.). Iż-żoni urbani huma l-mutur ekonomiku tal-Ewropa, billi iktar minn 70 % tal-ġid ekonomiku fl-UE jinħoloq fihom. Madankollu, 7 % ta’ dan il-ġid jinħela fuq l-ispejjeż esterni tal-aċċidenti, il-konġestjoni, is-saħħa u l-ħsara lill-ambjent;

il-pilastru ambjentali, billi t-tniġġis maħluq mit-traffiku tal-karozzi/trakkijiet u l-konġestjoni fiż-żoni metropolitani u l-bliet u l-ivvjaġġar interurban huma fost l-ikbar ostakoli biex l-UE tilħaq l-objettiv 20-20-20. It-trasport bil-mutur fil-bliet jirrappreżenta 40 % tal-gassijiet b’effett ta’ serra mit-trasport fit-triq b’mod globali, u 70 % tas-sorsi l-oħra ta’ tniġġis. Huwa ovvju li l-introduzzjoni ta’ trasferiment modali fit-trasport urban (bit-trasport pubbliku bħala soluzzjoni ewlenija) ser tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-iżvilupp Ewropew;

il-pilastru soċjali, għax sistemi aħjar ta’ trasport pubbliku u tnaqqis fil-konġestjoni ser ikollhom impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u s-saħħa pubblika; ser jagħtu aċċess imtejjeb għaċ-ċentri tal-bliet lill-inħawi u l-komunitajiet żvantaġġati, u b’hekk joħolqu aċċess aħjar għall-opportunitajiet ta’ xogħol, is-servizzi (saħħa, edukazzjoni) u l-kultura.

Rwoli u responsabbiltajiet

11.   Il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni fehmet bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif uriet fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha fejn tagħraf li l-politiki tal-mobbiltà urbana huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, anke jekk id-deċiżjonijiet adottati fil-livell lokali ħafna drabi jkunu marbutin ma’ qafas stabbilit mill-politika nazzjonali jew tal-UE.

12.   Għalhekk il-Kummissjoni Ewropea hija tal-fehma li hemm ħafna x’wieħed jista’ jirbaħ permezz ta’ ħidma fi sħubija li tirrispetta bi sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà u d-diversi kompetenzi u responsabbiltajiet tal-livelli kollha tal-governanza.

13.   L-20 miżura proposti f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni jikkonċernaw b’mod partikolari l-għodda li għandhom jgħinu lill-bliet u r-reġjuni jiżviluppaw politika ta’ mobbiltà sostenibbli u jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet li ressaq il-KtR fil-passat. Dawn l-għodda huma:

skambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattika;

il-pubblikazzjoni ta’ dokumenti ta’ informazzjoni u gwida għall-istabbiliment ta’ pjani ta’ mobbiltà urbana;

djalogu mal-operaturi tat-trasport pubbliku sabiex jiġu ddefiniti l-impenji volontarji dwar id-drittijiet tal-passiġġieri;

gwida fl-internet dwar il-vetturi nodfa u diskussjoni mal-Istati Membri rigward l-arranġamenti biex jiddaħħlu tekniki ta’ sewqan li jiffrankaw l-enerġija fit-testijiet tas-sewqan;

osservatorju dwar il-mobbiltà urbana;

diversi studji fil-qasam tal-mobbiltà urbana, inkluż il-mod kif jaħdmu “ż-żoni ħodor” fl-UE.

14.   Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana jipprovdi opportunità tajba biex jitfassal qafas tal-UE biex l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali jiġu megħjuna jieħdu azzjoni fiż-żoni urbani fejn hemm bżonn li jiġu żviluppati netwerks sostenibbli tat-trasport u soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda, fir-rispett tal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet, li jintroduċu miżuri li joffru mezzi nodfa ta’ trasport fiż-żoni urbani liċ-ċittadini tal-UE u li jbiddlu l-imġiba fir-rigward tal-mobbiltà urbana sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali, tal-kompetittività ekonomika u tal-koeżjoni soċjali tal-UE.

15.   Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jiġbor fih sitt temi li ħarġu mill-konsultazzjoni dwar il-Green Paper. Kull tema jistħoqqilha kumment.

Promozzjoni ta’ politiki integrati

16.   Forsi l-iktar azzjoni importanti fost it-tlieta li qed jiġu proposti għal din it-tema hija dik għall-appoġġ lill-awtoritajiet lokali għall-iżvilupp ta’ pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli li jkopru t-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri fiż-żoni urbani u periurbani. Din l-azzjoni kienet rakkomandazzjoni ewlenija tal-Kumitat tar-Reġjuni (8).

17.   Madankollu, żieda interessanti – li jistħoqqilha l-appoġġ – hija l-proposta ta’ introduzzjoni ta’ dimensjoni ta’ mobbiltà urbana fil-Pjani għall-Enerġija Sostenibbli li għandhom jitħejjew mill-bliet involuti fil-Patt tas-Sindki (9), bil-għan li jiġi promoss approċċ integrat li jorbot l-enerġija u t-tibdil fil-klima mat-trasport sostenibbli u l-kwistjonijiet ta’ mobbiltà.

18.   Il-Kummissjoni qiegħda tippjana wkoll li tipprovdi informazzjoni dwar ir-rabta bejn il-miżuri għall-mobbiltà urbana sostenibbli u l-objettivi politiċi reġjonali, inkluża r-rabta bejn it-trasport urban u n-netwerk tat-trasport trans-Ewropew.

Enfasi fuq iċ-ċittadini

19.   Hemm kunsens dwar il-fatt li hemm bżonn ta’ drittijiet tal-passiġġieri u informazzjoni dwar l-affidabbiltà, is-sikurezza, eċċ., sabiex is-servizzi tax-xarabank, tat-tramm, tal-metro u ta’ mezzi oħra tat-trasport jkunu attraenti għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni tixtieq tidentifika l-aħjar prattika madwar l-UE u tistabbilixxi għadd ta’ impenji volontarji biex issaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri fil-qasam tat-trasport pubbliku – inizjattiva li l-Kumitat tar-Reġjuni appoġġja minn qabel (8).

20.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-intenzjoni li taħdem mal-operaturi tat-trasport pubbliku u oħrajn sabiex tiffaċilita l-provvista ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar, bil-għan aħħari li tipprovdi portal tal-internet dwar l-ivvjaġġar bit-trasport pubbliku għall-utenti fil-livell tal-UE, b’enfasi partikolari fuq il-punti ta’ konġestjoni ewlenin tan-netwerk tat-TEN-T u l-konnessjonijiet lokali u reġjonali tagħhom – hekk kif kien ġie ssuġġerit mill-Kumitat tar-Reġjuni (8).

21.   Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jitnieda studju dwar ir-regoli operattivi għaż-Żoni l-Ħodor fl-UE kollha, bil-għan li dan iwassal għall-iskambju tal-prattika tajba. Din il-proposta hija impliċita fil-proposta tal-Kumitat tar-Reġjuni (8) għal premju annwali Ewropew għall-aqwa inizjattivi trasferibbli fil-qasam tat-trasport, bħala parti mill-ekwivalenti ta’ “Skema ta’ Bandiera Blu” li tingħata liż-żoni b’livelli baxxi ta’ tniġġis ambjentali u konġestjoni (“Skema ta’ Bandiera Ħadra”). Jidher li l-Kummissjoni Ewropea ssuġġeriet li, għall-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà, l-iskema ta’ premju eżistenti tittejjeb u li jingħata premju speċjali biex titħeġġeġ l-adozzjoni ta’ pjani ta’ mobbiltà urbana.

22.   Billi s-sewqan b’użu effiċjenti tal-enerġija huwa parti obbligatorja mit-taħriġ u t-testijiet tas-sewwieqa professjonali, il-Kummissjoni ser tikkonsulta l-Istati Membri biex tara jekk u kif is-sewqan b’użu effiċjenti tal-enerġija jista’ jiġi inkluż fit-testijiet tas-sewqan tas-sewwieqa privati.

Trasport urban iktar ekoloġiku

23.   Il-Kummissjoni Ewropea temmen li azzjoni fil-livell tal-UE tista’ ssaħħaħ is-swieq għal teknoloġiji ġodda u nodfa kif ukoll għal karburanti alternattivi. Għalhekk tipproponi appoġġ kontinwu għall-proġetti ta’ riċerka u demostrazzjoni ffinanzjati mis-Seba’ Programm Kwadru, sabiex tiffaċilita l-introduzzjoni fis-suq ta’ vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet iktar baxxi u ta’ karburanti alternattivi – b’referenza speċifika għall-Inizjattiva Ewropea tal-Karozzi Ekoloġiċi (10) bbażata fuq il-vetturi elettriċi u l-infrastruttura marbuta magħhom fiż-żoni urbani.

24.   Ser titfassal gwida fuq l-internet dwar il-vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija li tipprovdi appoġġ għax-xiri konġunt ta’ vetturi għas-servizzi pubbliċi.

25.   Ladarba l-qafas tal-UE għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni jkun ġie stabbilit, il-Kummissjoni ser tniedi studju dwar l-aspetti urbani tal-internalizzazzjoni li ser jindirizzaw l-effikaċja u l-effiċjenza tas-soluzzjonijiet f’termini ta’ prezz li jwasslu sabiex l-utent ikopri l-ispejjeż esterni (ambjentali, ta’ konġestjoni u oħrajn).

Tisħiħ tal-finanzjament

26.   Il-Kumitat tar-Reġjuni ressaq rakkomandazzjoni speċifika (8) biex il-finanzjament u l-kofinanzjament Ewropew ta’ proġetti tat-trasport urban isiru fuq il-kundizzjoni li jinħolqu Pjani ta’ Mobbiltà Urbana integrati, li jżidu mal-inċentiv mogħti mill-UE għal dawn il-pjani. Il-Kumitat tar-Reġjuni ppromova l-introduzzjoni ta’ strumenti finanzjarji Ewropej li jippermettu l-kofinanzjament ta’ Pjani ta’ Mobbiltà Urbana, li jiddependu mill-eżistenza ta’ Ftehimiet ta’ Mobbiltà Urbana pubbliċi-pubbliċi/pubbliċi-privati li jiġbdu l-fondi mis-settur privat u mill-programmi ta’ finanzjament lokali, reġjonali u nazzjonali.

27.   Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni jissuġġerixxi li l-finanzjament tal-UE, inklużi l-istrumenti tal-BEI, jista’ jipprovdi inċentivi sinifikanti biex jinkisbu fondi privati, u b’hekk jgħinu lill-awtoritajiet lokali jiżviluppaw skemi innovattivi ta’ sħubija pubblika-privata. Il-Kummissjoni tixtieq tgħin lill-awtoritajiet u lill-partijiet interessati janalizzaw l-opportunitajiet attwali ta’ finanzjament u jiżviluppaw skemi innovattivi ta’ sħubijiet pubbliċi-privati.

28.   Barra minn hekk, il-Kummissjoni għarfet li għandha tkompli tappoġġja l-inizjattiva CIVITAS lil hinn mill-proġetti tat-tielet ġenerazzjoni li bdew fl-2008, hekk kif kien ippropona l-Kumitat tar-Reġjuni (8).

Skambju ta’ esperjenza u għarfien

29.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-intenzjoni li, hi u tibbaża fuq inizjattivi eżistenti, tniedi studju dwar kif jista’ jittejjeb il-ġbir tad-data għat-trasport urban u l-mobbiltà, u li tistabbilixxi pjattaforma virtwali għall-iskambju tal-informazzjoni, id-data u l-istatistika, il-monitoraġġ tal-iżviluppi u l-iffaċilitar tal-iskambju tal-prattika tajba (11). Din l-azzjoni kienet intlaqgħet mill-Kumitat tar-Reġjuni.

Titjib tal-mobbiltà urbana

30.   Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tiffaċilita t-trasferiment modali għal mezzi ta’ trasport li huma aktar favur l-ambjent u għal loġistika effikaċi tat-trasport tal-merkanzija. Sabiex tilħaq dawn l-objettivi, hija beħsiebha torganizza konferenza dwar it-trasport urban tal-merkanzija fl-2010. Il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa’ din l-inizjattiva.

31.   Il-Kummissjoni qiegħda tippjana wkoll li toffri assistenza għall-applikazzjoni tas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti – idealment bi protokolli ta’ komunikazzjoni interoperabbli u trasferiment tad-data sabiex tittejjeb il-mobbiltà urbana, pereżempju b’rabta mat-tikkettar u l-ħlas elettroniku, il-ġestjoni tat-traffiku, l-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar, eċċ.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

32.   jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana tal-Kummissjoni Ewropea u jappoġġja l-miżuri mressqa għax dawn ma jostakolawx il-prinċipju tas-sussidjarjetà u r-responsabbiltajiet primarji tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali filwaqt li jemmen li l-isfidi tal-mobbiltà urbana huma importanti daqs l-infrastruttura tat-trasport reġjonali u fuq distanzi twal, u fi kwalunkwe każ huma komplementari għal qasam jew ieħor ta’ azzjoni reġjonali.

Finanzjament ta’ trasferiment modali għat-trasport pubbliku

33.   jemmen li l-azzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija biss (teknoloġija ġdida tal-mutur, karburanti aħjar u titjib ieħor) li huma appoġġjati mis-Seba’ Programm Kwadru mhux ser ikunu biżżejjed biex jiġu pprovduti sistemi tat-trasport pubbliku ta’ kwalità tajba, sikuri u bi prezz raġonevoli u b’hekk trasferiment modali kbir u konġestjoni mnaqqsa fiż-żoni urbani. Għandu jitħeġġeġ għalhekk it-trasferiment modali għall-forom kollha tat-trasport pubbliku, iċ-ċikliżmu u l-mixi.

34.   konsegwentement, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti l-attenzjoni li jistħoqqilha lill-mobbiltà urbana, bi kriterji ta’ sostenibbiltà ċari għaż-żoni urbani u periurbani tal-UE, permezz tal-Fondi Strutturali u l-Politika ta’ Koeżjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ).

35.   barra minn hekk, iħeġġeġ li fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tal-Perspettivi Finanzjarji tal-UE jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet tat-trasport urban, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontribut ewlieni li l-Pjani ta’ Mobbiltà Urbana ffinanzjati jista’ jkollhom b’rabta mal-pilastri ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-iżvilupp sostenibbli fiż-żoni metropolitani.

36.   jappoġġja s-suġġerimenti tal-Parlament Ewropew li fil-perspettiva finanzjarja għall-2014–2020, għandha tiġi analizzata l-possibilità ta’ strument finanzjarju Ewropew li jkun jista’ jippermetti l-kofinanzjar ta’:

Pjani tal-Mobbiltà Urbana u

Investiment fil-mobbiltà urbana u metropolitana li jilħaq l-objettivi ambjentali u soċjoekonomiċi tal-UE.

37.   jemmen li dawn il-miżuri huma ġġustifikati billi l-provvista ta’ sistemi tat-trasport pubbliku ta’ kwalità tajba, sikuri, bi prezz raġonevoli u estensivi fil-bliet Ewropej u ż-żoni periurbani, tippermetti li:

jissaħħu t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività permezz ta’ tnaqqis tal-konġestjoni u tal-ispejjeż tat-trasport, li l-ġestjoni tat-traffiku tal-passiġġieri u tal-merkanzija ssir iktar effettiva, li jinħolqu impjiegi involuti fis-sistemi ta’ trasport pubbliku u l-effett ta’ lieva ta’ tali investiment (12);

tittejjeb il-kwalità tal-ambjent permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u sorsi oħra ta’ tniġġis u tat-traffiku fit-triq kif ukoll permezz tal-iffrankar tal-enerġija (13), it-titjib tal-kwalità tal-arja u t-tnaqqis tal-impatt fuq is-saħħa f’termini ta’ problemi respiratorji u kardjovaskulari;

tissaħħaħ mill-ġdid il-koeżjoni soċjali u territorjali (14) permezz ta’ mobbiltà mtejba għar-residenti, b’mod partikolari dawk esklużi mill-komunitajiet li jgħixu fil-periferija, u fl-istess ħin jittejjeb l-ambjent taż-żoni popolati u l-attrazzjonijiet turistiċi fiċ-ċentri tal-bliet.

L-adozzjoni ta’ approċċ integrat għall-politiki urbani

38.   jemmen li jeħtieġ li jkun hemm koerenza ikbar fil-politiki u l-inizjattivi Ewropej u, b’mod partikolari, approċċ integrat għall-politiki urbani u tal-ippjanar territorjali sabiex, permezz tal-ħolqien ta’ Pjani ta’ Mobbiltà Urbana integrati u sostenibbli, l-inizjattivi fir-rigward tal-konġestjoni u t-tniġġis ambjentali fiż-żoni metropolitani ma jiġux ikkanċellati minħabba politiki dwar pereżempju kwistjonijiet ta’ ppjanar urban jew akkomodazzjoni.

39.   itenni l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp ta’ pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli, għall-inqas għall-bliet il-kbar u ż-żoni urbani u periurbani, li jindirizzaw l-isfidi ta’ aċċessibbiltà għar-residenti kollha u l-bżonnijiet ta’ trasport tal-merkanzija ta’ dawn iż-żoni, kif ukoll il-konġestjoni u l-impatt fuq l-ambjent u s-saħħa.

40.   huwa favur l-inroduzzjoni ta’ inċentivi fil-livell tal-UE sabiex, fiż-żoni urbani u periurbani adegwati, il-finanzjament u l-kofinanzjament Ewropej tal-proġetti tat-trasport urban u metropolitan jiddependu mill-eżistenza ta’ Pjani ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli u l-adozzjoni ta’ Ftehimiet ta’ Mobbiltà li, permezz ta’ ftehimiet ta’ sħubija pubblika-privata, jiġbdu l-fondi mis-settur privat u minn programmi ta’ finanzjament lokali, reġjonali u nazzjonali.

41.   jagħraf il-fatt li ħafna bliet diġà fasslu pjani ta’ mobbiltà iżda jemmen li jekk dan l-approċċ jiġi adottat fiż-żoni urbani kollha b’involviment attiv tal-partijiet ikkonċernati, il-bliet ikunu jistgħu jkomplu jadattaw il-pjani ta’ mobbiltà għaċ-ċirkustanzi tagħhom, filwaqt li l-Kummissjoni tkun tista’ turi l-valur miżjud ta’ azzjoni meħuda fil-livell tal-UE.

42.   jinnota li billi f’okkażjonijiet oħra l-Kummissjoni Ewropea talbet lill-awtoritajiet lokali biex jiżviluppaw u jimplimentaw pjani ta’ trasport urban sostenibbli (15), il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu dan obbligatorju għall-kull żona urbana jew perirubana kbira u toħloq inċentivi adatti għall-bliet u r-reġjuni biex tħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali jfasslu pjani bħala dawn.

43.   jappella sabiex il-fondi għall-inizjattiva CIVITAS jiżdiedu, iżda unikament biex jippermettu li CIVITAS tmur lil hinn mill-proġetti ta’ demostrazzjoni u l-iskambju ta’ prattika tajba, sabiex tikkontribwixxi għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Pjani ta’ Mobbiltà Urbana.

44.   iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tagħti inċentiv għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjani ta’ Mobbiltà Urbana billi toffri premju Ewropew annwali għall-aqwa inizjattivi trasferibbli fil-qasam tat-trasport, bħala parti mill-“Iskema ta’ Bandiera Ħadra” madwar l-UE li tingħata, pereżempju, liż-żoni urbani li jadottaw Pjani ta’ Mobbiltà Urbana u jiksbu livelli baxxi ta’ tniġġis ambjentali u konġestjoni urbana jew li jiksbu riżultati partikolarment tajbin fit-tqassim tal-mezzi tat-trasport (“modal split”).

45.   jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta għadd ta’ indikaturi li jservu għall-għoti ta’ “Bandiera Ħadra” urbana, iżda jagħraf li l-ksib ta’ livelli baxxi ta’ tniġġis (arja u storbju) u ta’ konġestjoni (rapidità u affidabbiltà tal-vjaġġi) huma sfida li tvarja minn belt għall-oħra, meta wieħed iqis il-karatteristiċi differenti tal-bliet u tat-trasport urban.

46.   jirrakkomanda li, meta jingħażlu l-bliet għall-għoti tal-bandiera l-ħadra, jittieħed ukoll kont tal-promozzjoni tal-mod ta’ ħsieb ekoloġiku u/jew li jippromwovi l-ambjent f’żoni urbani, bħall-promozzjoni tal-użu ta’ forom alternattivi ta’ transport (bl-iżvilupp ta’ kareġġjati għall-mixi jew għar-roti jew l-inkoraġġiment ta’ mezzi alternattivi oħrajn ta’ transport eċċ).

It-tħeġġiġ ta’ trasferiment modali fit-trasport

47.   jagħraf il-fatt li ċ-ċittadini tal-UE, fid-dawl tal-għarfien kbir tagħhom dwar il-kwistjonijiet marbutin mat-tibdil fil-klima, jistgħu jkunu iktar favorevoli għall-adozzjoni ta’ miżuri li jinvolvu ħlas min-naħa tal-utent għall-ispejjeż esterni tas-sistemi tat-trasport (ambjent, konġestjoni u oħrajn) fejn l-awtoritajiet pubbliċi ma jinvestux fit-trasport pubbliku – il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

48.   iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda, mill-iktar fis possibbli, l-istudju propost dwar l-aspetti urbani tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-mezzi ta’ trasport, sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati miżuri li jibbilanċjaw il-prezz tad-diversi mezzi tat-trasport (16) u sabiex jitfasslu sistemi ta’ trasport iktar sostenibbli fiż-żoni urbani (17).

49.   jemmen li l-parir tal-Kummissjoni Ewropea rigward id-diversi possibbiltajiet li jeżistu biex l-ispejjeż esterni tal-mobbiltà jiġu riflessi fil-prezzijiet tat-trasport ser isaħħaħ l-appoġġ pubbliku għal mezzi tat-trasport nodfa, jikkontribwixxi għal trasferiment modali u jgħin sabiex iċ-ċittadin jifhem li t-trasport individwali “jidher” aktar ekonomiku biss minħabba li l-ispejjeż esterni ma jidhrux fil-kontijiet ekonomiċi tat-trasport.

50.   jilqa’ l-appoġġ tal-Kummissjoni għar-riċerka dwar vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija tagħhom u dwar karburanti alternattivi, iżda jinnota li, filwaqt li l-progress teknoloġiku ser imexxi l-aġenda ambjentali, hemm ukoll bżonn ta’ miżuri għat-trasferiment modali biex jiġu indirizzati l-problemi ambjentali u ta’ konġestjoni fiż-żoni urbani.

It-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri

51.   jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà iżda, billi dawn ser japplikaw biss għal impenji volontarji bbażati fuq l-aħjar prattika madwar l-UE, jitlob li l-Kummissjoni ssaħħaħ l-impatt probabbli ta’ dawn il-proposti billi tappoġġja l-kampanji ta’ komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri kollha, bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali.

52.   jappella għal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni li jinkludu informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ mobbiltà urbana u l-għażliet ta’ mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej fuq l-ambjent u l-kompetittività ekonomika tal-Ewropa u r-reġjuni tagħha.

Brussell, 15 ta’ April 2010.

L-Ewwel Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCARCEL SISO


(1)  Opinjoni dwar il-Green Paper dwar it-Trasport Urban (relatur: Albert Bore) – CdR 236/2007 fin.

(2)  COM(2007) 551.

(3)  Opinjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana (relatur: Albert Bore) – CdR 417/2008 fin.

(4)  Rapport dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana (relatur: Gilles Savary) – 2008/2217(INI).

(5)  Opinjoni dwar il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali (relatur: Jean-Yves Le Drian) – CdR274/2008fin.

(6)  COM(2009) 490.

(7)  Nazzjonijiet Uniti, Prospetti ta’ Urbanizzazzjoni Dinjija: Reviżjoni tal-2007.

(8)  Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.

(9)  www.eumayors.eu.

(10)  http://ec.europa.eu/research/transport/info/green_cars_initiative_en.html

(11)  Pereżempju – www.eltis.org.

(12)  L-investimenti fit-trasport pubbliku għandhom effett multiplikatur ta’ 2 sa 2.5 fuq l-ekonomiji lokali u reġjonali – il-Ħames Programm Qafas tal-KE (2005): Studju Transecon.

(13)  Jista’ jiġi ffrankat madwar 400 sa 500 kg ta’ karburant fis-sena għal kull resident fil-bliet fejn it-trasport pubbliku għandu sehem modali kbir – UITP.

(14)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(15)  “Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban” – COM(2005) 718.

(16)  Il-prezz ta’ vjaġġ bil-ferrovija jew bil-karozza tal-linja qiegħed jiżdied b’iktar mill-ispejjeż tal-użu ta’ karozza privata – Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Rapport 3/2004.

(17)  Futur sostenibbli għat-trasport: Lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista’ tintuża faċilment (Relatur: Väino Hallikmägi) – CdR 146/2009 fin.