|
1.7.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 175/35 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-internet tal-oġġetti u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku”
(2010/C 175/09)
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrevedi l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI) u li tippromovi l-pjan ta’ azzjoni dwar l-internet tal-oġġetti (IoT), minħabba li dawn għandhom il-potenzjal li jsiru assi ta’ valur għaċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet, filwaqt li jistgħu jgħinu sabiex jinħolqu aktar impjiegi u jtejbu l-kwalità tas-servizzi pubbliċi;
2. jisħaq dwar l-importanza tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll dawk mhux kummerċjali, u l-investiment fir-riċerka li tagħti sostenn lill-attivitajiet speċifiċi u l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet futuri li jżidu l-valur fil-qasam tal-IoT;
3. jisħaq dwar l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali skont l-istrateġija i2010 għal soċjetà tal-informazzjoni Ewropea, minħabba li huma jirrappreżentaw il-mutur tat-tkabbir ekonomiku fil-livell lokali u jiġġeneraw, jużaw u għandhom ħafna servizzi u prodotti diġitali tal-informazzjoni; għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti b’mod sħiħ u effettiv fil-governanza u l-iżvilupp tal-IoT;
4. jinnota li fil-livell lokali u reġjonali, l-internet tal-oġġetti jista’ jixpruna l-kwalità tal-ħajja u l-attività soċjali u ekonomika taċ-ċittadini, jistimula l-iżvilupp reġjonali u n-negozji lokali kif ukoll jipprovdi servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u skont il-ħtieġa taċ-ċittadini. Hemm diversi modi kif ir-reġjuni u l-bliet jistgħu jgħinu sabiex jiżguraw li dan il-potenzjal jintlaħaq b’mod sħiħ; l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma fost il-benefiċjarji prinċipali tal-prinċipji tal-governanza tal-IoT, filwaqt li huma l-muturi prinċipali tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni;
5. jitlob li jkunu identifikati soluzzjonijiet adatti għall-ġestjoni u l-ġbir tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, billi tkun ikkunsidrata d-diversità kulturali u amministrattiva fost l-Istati Membri u l-korpi lokali u reġjonali;
6. jisħaq dwar ir-rwol tal-loġistika meħtieġa sabiex ikun immaniġġjat l-ammont kbir ta’ data li ser jintuża mill-applikazzjonijiet żviluppati u ġestiti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi;
7. jilqa’ l-fatt li bid-disponibbiltà ta’ informazzjoni bħal din, id-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku tipprova tnaqqas il-piż amministrattiv żejjed li tpoġġa fuq il-korpi pubbliċi;
8. jenfasizza s-sinifikat u l-ħtieġa ta’ regoli u prattiki komuni li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-isfruttar tal-informazzjoni tas-settur pubbliku sabiex ikun żgurat li l-istess kundizzjonijiet bażiċi jkunu applikati lill-atturi kollha fis-suq Ewropew tal-informazzjoni, li l-kundizzjonijiet dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni bħal din ikunu aktar trasparenti, filwaqt li jkunu eliminati d-distorsjonijiet fis-suq intern;
9. jenfasizza l-ħtieġa tal-promozzjoni tal-inklużjoni diġitali, li tfisser soċjetà tal-informazzjoni inklużiva, reġjonali u soċjalment ekwa, li tagħmel użu mill-ICT fil-qafas ta’ kamp ta’ applikazzjoni usa’ tal-IoT għal kompetittività akbar u servizzi pubbliċi aħjar;
10. iħeġġeġ it-tkattir tal-iżvilupp ta’ laboratorji fl-Ewropa permezz ta’ fondi konġunti mill-universitajiet u l-kumpaniji privati. Dan sabiex jitkabbar l-impatt tar-riċerka fl-attivitajiet tal-IT fl-Ewropa;
11. jisħaq li l-aċċess u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku għandhom il-potenzjal li jixprunaw l-applikazzjonijiet tal-internet tal-oġġetti. Bħala s-sors prinċipali tal-ħażna u l-kontenut tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, il-bliet u r-reġjuni jilagħbu rwol importanti sabiex jiffaċilitaw il-ħolqien tal-IoT;
Id-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku
12. jinnota li sabiex ikun żviluppat suq għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, huwa neċessarju li l-korpi fis-settur pubbliku u d-ditti privati jgħaddu mingħajr ftehimiet esklużivi u jimplimentaw politiki li japplikaw mudelli ta’ liċenzjar u tariffi li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (fosthom permezz tal-applikazzjoni tal-ispejjeż marġinali); huwa importanti wkoll li jkunu kunsidrati u ċċarati t-tipi ta’ mekkaniżmi użati fil-produzzjoni u l-ġestjoni tad-data pubblika;
13. fir-rigward tal-prinċipju ta’ suq kompetittiv tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, jisħaq li huwa essenzjali li jkun żgurat li l-provvedituri tas-servizzi pubbliċi jiffaċċjaw l-istess kundizzjonijiet bħall-istituzzjonijiet pubbliċi għall-aċċess tad-data pubblika mill-utenti privati, kif ukoll sabiex ikunu indikati b’mod ċar il-kundizzjonijiet li bihom din id-data tista’ tintuża għal skopijiet kummerċjali;
14. jiġbed l-attenzjoni li huwa essenzjali li jkun determinat il-mod li bih, b’mod oġġettiv, jitkejjel il-valur ekonomiku tal-informazzjoni. Dan minħabba n-natura pubblika tal-informazzjoni u l-konnessjoni tagħha mal-istituzzjonijiet governattivi;
15. jipproponi li għandha ssir distinzjoni bejn l-aċċess u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni pubblika, b’rispett sħiħ tar-regoli tal-protezzjoni tad-data. Dan sabiex jitjiebu l-benefiċċji għall-produttur tal-informazzjoni, li jista’ jagħti l-każ li ma jkunx qed ikopri l-ispejjeż tiegħu kollha meta jkun qed jiġġenera din l-informazzjoni, jew sabiex ikun minimizzat in-numru ta’ każijiet fejn jingħata aċċess limitat għall-informazzjon pubblika;
L-awtoritajiet lokali u reġjonali – l-instigaturi prinċipali u l-benefiċjarji mill-użu tal-informazzjoni tas-settur pubbliku
16. jitlob għal aktar enfasi sabiex titqajjem kuxjenza fil-livell regjonali u lokali, minħabba n-nuqqas ta’ għarfien u/jew mekkaniżmi li jidentifikaw l-informazzjoni disponibbli għall-użu mill-ġdid, u li tgħin lill-korpi pubbliċi sabiex ikunu aktar trasparenti u jippromovu l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku;
17. jisħaq li l-potenzjal sħiħ tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku jista’ jintlaħaq bl-involviment mill-qrib tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikattiv lejn il-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku sabiex tiżdied il-kompetittività u jinħolqu l-impjiegi;
18. jinnota li huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet pubbliċi fil-livell reġjonali u lokali jkollhom kapaċitajiet interni adegwati u riżorsi finanzjarji sostenibbli għad-diġitalizzazzjoni. L-isħubijiet pubbliċi u privati u l-iżvilupp ta’ swieq tat-tagħlim elettroniku (e-learning), jipprovdu alternattivi li jiffinanzjaw id-diġitalizzazzjoni tal-kontenut. L-informazzjoni tas-settur pubbliku tista’ toħloq flussi ta’ dħul li jsostnu lilhom infushom u li jgħinu fl-isforzi għall-ħolqien tad-data u d-diġitalizzazzjoni. B’żieda ma’ dan, in-netwerks u l-komunitajiet interattivi huma importanti wkoll minħabba li jippermettu tnaqqis fl-ispejjeż, pereżempju fil-każ tal-iżvilupp ta’ software miftuħ;
Internet tal-Oġġetti
19. jisħaq li l-iżvilupp tal-IT hija kwistjoni kruċjali għas-soċjetajiet tagħna u għas-suq uniku Ewropew, sakemm l-UE tikkommetti riżorsi ekonomiċi biżżejjed għall-innovazzjoni, ir-riċerka bażika u r-R & Ż, kif ukoll ir-riżorsi politiċi għall-governanza tal-futur tal-internet;
20. jinnota li l-iżvilupp ta’ pjattaformi interattivi bħall-Web 2.0, sar aktar utli llum minħabba l-funzjonijiet kumplessi tagħhom fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni u l-interoperabilità bejn numru kbir ta’ netwerks, li jagħtu l-possibbiltà għall-ħolqien jew il-provvista tal-kontenut, kemm permezz ta’ individwi jew formati kooperattivi jew kollettivi; f’dan il-kuntest, l-iżvilupp mgħaġġel ta’ teknoloġiji tal-ħażna tal-massa huwa vitali għad-databases tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, li ser jaħżnu d-deskrizzjonijiet tal-oġġetti identifikati permezz tal-indirizz elettroniku tagħhom;
21. jipproponi li tingħata attenzjoni speċjali lill-Futur tal-Internet, li jista’ jiżviluppa f’kombinazzjoni ta’ internet ta’ oġġetti kif ukoll servizzi u kontenut ta’ kwalità għolja li jużaw it-teknoloġija Web 2.0 bħala pjattaforma ta’ awtorizzazzjoni. Id-disinn ġdid tiegħu ser jiddefinixxi mill-ġdid il-post u r-rwol tan-netwerks li jinsabu kullimkien fil-ħajja tal-poplu kif ukoll it-tkabbir ekonomiku li jista’ jwassal għal bidliet soċjali kbar;
Il-governanza tal-Internet tal-Oġġetti, il-privatezza u s-sigurtà tad-data
22. jisħaq li l-iżvilupp tal-Internet tal-Oġġetti ma jistax jibqa’ biss f’idejn is-settur privat, minħabba t-tibdiliet kbar li ser iġib fis-soċjetà. L-involviment ta’ dawk li jfasslu l-politika fl-UE u l-awtoritajiet pubbliċi biss, fosthom l-awtoritajiet lokali u reġjonali, jista’ jiżgura li l-użu tal-ICT fost l-oħrajn, ser jixpruna t-tkabbir ekonomiku u jindirizza l-isfidi ta’ soċjetà li qiegħda tixjieħ u jistimula l-użu effiċjenti tal-enerġija;
23. jenfasizza li l-governanza tal-Internet tal-Oġġetti trid tkun imfassla u eżerċitata b’mod li jkun konsistenti mal-attivitajiet kollha tal-politika pubblika, kif dikjarat mill-KtR fil-White Paper tiegħu dwar il-governanza f’diversi livelli (1) li tfittex li ssaħħaħ l-effiċjenza tal-azzjoni Komunitarja permezz ta’ azzjonijiet koordinati mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, ibbażati fuq sħubija u bil-ħsieb li jfasslu u jimplimentaw il-politiki tal-UE;
24. jinnota l-ħtieġa li sfida strateġika prinċipali bħall-Internet tal-Oġġetti tkun indirizzata b’suċċess permezz ta’ prinċipji u mekkaniżmi ta’ governanza fuq diversi livelli, kemm b’mod vertikali bejn “l-awtoritajiet lokali u reġjonali – il-gvern nazzjonali u l-Unjoni Ewropea” kif ukoll b’mod orizzontali bejn “l-awtoritajiet lokali u reġjonali – is-soċjetà ċivili”, jew billi jiġu sperimentati ċerti innovazzjonijiet fil-livell lokali u reġjonali;
25. jisħaq li waqt l-iżvilupp tal-infrastruttura għall-Internet tal-Oġġetti u l-iżvilupp tas-servizzi li ġġib magħha, ser ikun kruċjali li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tas-sigurtà f’kull livell jintlaħqu sabiex jiżguraw l-ogħla livelli ta’ privatezza jew protezzjoni tad-data personali u jiġi evitat il-monitoraġġ mhux awtorizzat ta’ kull xorta ta’ informazzjoni personali jew profili, fosthom preferenzi ta’ xiri, stat ta’ saħħa, rekords mediċi eċċ.;
26. jinnota li l-provvista tal-protezzjoni tal-privatezza tiddependi fuq xi fatturi, fosthom l-istrutturar tal-korpi fis-settur pubbliku (li l-parti l-kbira tagħhom jinsabu fil-livell lokali), il-konverġenza tal-leġislazzjoni tal-UE, it-tkattir ta’ kultura innovattiva fost l-uffiċjali tal-awtoritajiet pubbliċi, fosthom permezz tal-użu ta’ kodiċi tal-etika komuni, u l-ġestjoni ta’ applikazzjonijiet mibnija fuq l-ICT;
27. għaldaqstant jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-iżvilupp ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet maħsuba sabiex jiddefinixxu l-istrateġiji tal-ICT, regoli, standards u formati komuni, sabiex tiżdied is-sigurtà tad-data u s-sostenn tal-protezzjoni tal-privatezza;
28. isejjaħ għal taħriġ estensiv għall-impjegati kollha, l-aktar immirat għat-tekniċi speċjalizzati (pereżempju netwerks, sistemi, sigurtà, privatezza eċċ.), impjegati li jaħdmu direttament mal-proċeduri tas-sigurtà li jinvolvu metodoloġiji differenti, kif ukoll impjegati li huma involuti b’mod ġenerali jew indirettament fl-innovazzjoni u l-ixprunament tal-modernizazzjoni (pereżempju t-tagħlim tal-kompetenzi diġitali lill-konsumaturi);
Implikazzjonijiet soċjo ekonomiċi tal-Internet tal-Oġġetti
29. jemmen, kif diġà dikjarat f’opinjonijiet preċedenti (2), li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jieħdu sehem f’kooperazzjoni wiesgħa sabiex itejbu l-interoperabilità tal-amministrazzjoni pubblika u l-effikaċja tas-servizzi pubbliċi;
30. jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu u għandhom jieħdu l-inizjattiva sabiex jixprunaw il-kompetittività, iżidu l-opportunitajiet għan-negozju u jtejbu s-servizzi tas-saħħa pubblika, kif ukoll jagħmlu użu mill-ICT għal aktar effiċjenza enerġetika, billi jaqsmu l-aħjar prattiki teknoloġiċi, jidentifikaw imsieħba għall-proġetti u jallokaw il-fondi;
31. jenfasizza li weħidhom, il-politiki sabiex jixprunaw l-ICT mhux ser iwasslu għal rendiment ekonomiku aktar b’saħħtu mingħajr is-sostenn attiv u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll il-gvern għandhom jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw li jkun żviluppat ċirku virtwuż ta’ riżorsi umani, bidla fl-organizzazzjoni, l-ICT u l-produttività;
32. jisħaq li l-azzjonijiet immirati sabiex ikattru l-ħiliet bażiċi fl-ICT, l-iżvilupp ta’ ħiliet ta’ livell għoli fl-ICT u t-tkattir tal-ħiliet maniġerjali u tan-netwerking meħtieġa sabiex ikun hemm użu effettiv tal-ICT, huma l-aktar rilevanti u jappartjenu lill-kompetenzi li jinsabu fil-qalba tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;
Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni
33. ifaħħar lill-Kummissjoni għall-impenn tagħha li ssostni dejjem aktar l-iżvilupp teknoloġiku u tar-riċerka fl-Internet tal-Oġġetti permezz tas-Seba’ Programm Kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (FP7), lil hinn mill-kisbiet eċċezzjonali attwali, filwaqt li japprova l-użu tal-programm CIP bħala pjattaforma eċċellenti li tippromovi l-iskjerament ta’ applikazzjonijiet futuri fl-Internet tal-Oġġetti. F’dan ir-rigward, l-iskala lokali u reġjonali tista’ tkun ta’ benefiċċju kbir sabiex twettaq proġetti pilota, kemm fir-rigward ta’ implimentazzjoni bla taħbit kif ukoll tal-proporzjoni tal-benefiċċju/kost.
34. jesprimi s-sostenn tiegħu għal rwol aktar b’saħħtu tal-partijiet interessati nazzjonali u reġjonali, fl-iżvilupp ta’ inizjattivi ġodda Ewropej bħall-ERA-NETs jew Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (3). F’dan ir-rigward, il-proċess tal-iżvilupp tal-potenzjal tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex ikun żgurat vantaġġ kompetittiv ekonomiku fl-Ewropa u għaldaqstant jintlaħqu aktar malajr il-miri tal-Internet tal-Oġġetti, jistgħu jseħħu biss bl-involviment ta’ dawk il-bliet u l-awtoritajiet reġjonali li qed ipoġġu r-riċerka u l-innovazzjoni fil-quċċata tal-prijoritajiet għall-iffinanzjar pubbliku;
35. isejjaħ għal aktar kumplimentarjetà bejn il-politiki eżistenti u l-istrumenti ta’ kooperazzjoni, kif ukoll fl-użu koordinat tas-Seba’ Programm Kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (FP7), il-fondi strutturali (FS) u s-CIP, li jipprovdu possibilitajiet ta’ investiment skont karatteristiċi speċifiċi ta’ proġetti differenti tar-riċerka;
36. jenfasizza l-ħtieġa li jkunu attirati akkademiċi ta’ livell għoli minn barra l-Ewropa u jisħaq dwar l-importanza tar-reġjuni bħala l-fornituri prinċipali tas-servizzi edukattivi, kif ukoll il-ħtieġa dejjem tikber sabiex jissaħħaħ l-investiment reġjonali fir-riżorsi umani; Għandu jkun hemm enfasi fuq il-politiki lokali tal-innovazzjoni, iċ-ċentri tat-teknoloġija, l-inkubaturi tan-negozji, iċ-ċentri tax-xjenza u l-kapital riskjuż;
Djalogu Internazzjonali
37. jinnota li fil-qafas tal-kooperazzjoni internazzjonali, ir-reġjuni huma partikularment sinifikanti minħabba l-ipprogrammar ta’ sostenn, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-qafas strutturali u leġislattiv fil-kuntest tal-politiki tar-riċerka tagħhom;
38. jisħaq li anki l-istituzzjonijiet iż-żgħar fil-livell reġjonali u lokali jistgħu jipproduċu għarfien ta’ interess dinji f’xi oqsma ristretti speċjalizzati, l-aktar meta huma jipparteċipaw f’netwerks globali u jikkollaboraw ma’ negozji bbażati fuq l-għarfien;
39. jenfasizza, f’dan ir-rigward li r-rabtiet u l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, kemm fil-pajjizi kif ukoll bejniethom, qed isiru aktar importanti, l-aktar fir-rigward tal-politiki li jagħtu sostenn lill-ekosistemi ta’ aggruppamenti, ta’ netwerk u ta’ innovazzjoni. Dan filwaqt li s-sostenn għalihom qed jevolvi wkoll bil-ħsieb li jinħolqu “ħoloq” tal-aqwa livell dinji li jgħaqqdu l-ktajjen tal-innovazzjoni globali minflok aggruppamenti assoċjati b’mod ġeografiku.
Brussell, 10 ta’ Frar 2010.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Mercedes BRESSO
(1) CdR 89/2009 finali.
(2) CdR 10/2009 finali.
(3) CdR 83/2007 finali.