27.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 79/37


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-programm ta’ Stokkolma: Sfidi u opportunitajiet fil-kuntest ta’ programm multiannwali ġdid fiż-żona tal-UE ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”

(2010/C 79/08)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.

jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, intiża biex tkompli l-ħidma għat-twaqqif ta’ żona ġenwina ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li sservi liċ-ċittadin, u jinnota l-importanza tagħha f’dinja dejjem iżjed mobbli;

2.

jilqa’ l-iniżjattiva tal-Kummissjoni, intiża biex tistabbilixxi programm multiannwali ġdid għall-UE li jwaqqaf il-prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin f’oqsma relatati maż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja; madankollu, jinnota li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tagħmel l-ebda referenza għall-bidliet rilevanti li jistgħu jsiru fit-Trattat ta’ Lisbona;

3.

iqis li l-programm il-ġdid għandu jkun ambizzjuż biżżejjed biex jiggarantixxi progress konsiderevoli f’dawn l-oqsma, iżda li fl-istess ħin għandu jiffoka iktar fuq l-evalwazzjoni ta’ inizjattivi proposti tul l-aħħar għaxar snin sabiex tiżdied l-effikaċja tagħhom u jiġi żgurat li l-għanijiet tagħhom jinkisbu;

4.

itenni t-tħassib tiegħu li l-Kummissjoni reġgħet mhix qed tagħti attenzjoni biżżejjed lir-rwol li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-oqsma ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja;

5.

josserva li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom interess speċjali fl-oqsma ttrattati mill-Komunikazzjoni, billi dawn għandhom impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies li jgħixu fl-Unjoni Ewropea u fuq id-dmirijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

6.

itenni l-fatt li, bħala l-assemblea politika li tirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-Kumitat tar-Reġjuni huwa wieħed mill-fora adatti biex iservi l-interessi taċ-ċittadini u jiżgura l-implimentazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi li jinħolqu miċ-ċittadinanza Ewropea;

7.

iqis li l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkun involut fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u għaldaqstant involut direttament fl-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Programm ta’ Stokkolma u l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu, kif ukoll fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni u l-istrumenti li hemm referenza għalihom, safejn hija kkonċernata l-kompetenza tiegħu;

8.

jikkonferma li beħsiebu jippromovi sistema ta’ protezzjoni f’diversi livelli tad-drittijiet fundamentali u jilqa’ l-fatt li l-progress li sar fit-twaqqif ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jqiegħed liċ-ċittadin fil-qalba tal-proġett;

9.

jisħaq fuq il-bżonn li l-kwistjonijiet tas-sigurtà u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jinġabru flimkien b’mod ibbilanċjat, bl-implimentazzjoni ta’ strumenti koerenti fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja;

10.

iħoss li l-progress li sar ma laħaqx l-istennijiet, u jfakkar l-Istati Membri li t-tfixkil tal-progress li sar fit-twaqqif ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jista’ jolqot lid-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini Ewropej;

11.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-garanzija ta’ applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni hija determinanti għall-iżvilupp ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u għaldaqstant jinsab imħasseb ukoll dwar id-diverġenzi fl-implimentazzjoni tad-direttivi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal miżuri ġodda jew tirrevedi dawk li diġà jeżistu sabiex tiggarantixxi li l-liġijiet u l-politiki approvati fil-livell Ewropew jiġu trasposti fl-ispirtu u fil-forma fil-liġijiet nazzjonali;

12.

josserva li l-moviment ħieles huwa aspett ewlieni taċ-ċittadinanza Ewropea, u jitlob lill-Kummissjoni tadotta miżuri biex tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

13.

josserva li bħala l-livell ta’ gvern li huwa l-eqreb taċ-ċittadini, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol importanti fl-istrumenti u l-mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni; għaldaqstant, b’konformità mar-rakkomandazzjoni li saret mill-Grupp Konsultattiv ta’ Livell Għoli dwar il-futur tal-Politika Ewropea tal-Ġustizzja, jitlob li jiġi involut fit-twaqqif ta’ dawn l-arranġamenti sabiex l-esperjenzi prattiċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jitqiesu aħjar;

14.

jipproponi li d-dimensjoni esterna tal-politika interna Ewropea tiġi inkluża b’mod konsistenti mill-programm ta’ Stokkolma, li jista’ jittratta speċifikament l-interessi komuni relatati mal-migrazzjoni legali u illegali bħall-asil, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni tal-fruntiera, il-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu, it-twaqqif ta’ prijoritajiet ġeografiċi għal suġġetti individwali, il-kondizzjonijiet qafas għall-iskambju tal-informazzjoni, il-garanziji għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni, il-protezzjoni tad-data u l-garanziji konkomitanti tal-protezzjoni legali għaċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

15.

jemmen li l-politiki żviluppati fl-oqsma tal-ġustizzja u l-intern għandhom jiġu kkoordinati u integrati mal-politiki l-oħra tal-Unjoni u jisħaq fuq il-bżonn għal koordinazzjoni aħjar fil-kwistjonijiet tal-ġustizzja, is-sigurtà u l-intern mal-politika ekonomika, il-politika soċjali u l-politika barranija tal-Unjoni Ewropea, biex jissaħħu l-effikaċja u l-koerenza ta’ dawn il-politiki;

16.

jaqbel mal-prijoritajiet politiċi tal-programm il-ġdid, u jinnota li l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali hija element prinċipali fil-proċess tal-kostruzzjoni ta’ Ewropa taċ-ċittadini, li tagħti leġittimità demokratika ikbar lill-proċess;

17.

jaqsam it-tħassib dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji lill-prijoritajiet politiċi, u jenfasizza l-bżonn li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-istrumenti baġitarji f’dawn l-oqsma fejn ikunu kompetenti l-awtoritajiet;

18.

jinnota l-fatt li l-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tkun tista’ tiġi evalwata biss meta jitħabbru l-proposti dettaljati, u jħeġġeġ li l-Pjan ta’ Azzjoni, li għandu jiġi adottat f’Diċembru 2009, jiżgura l-ikbar konformità possibbli ma’ dawn il-prinċipji;

19.

jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-garanzija tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, billi l-Istati Membri jistgħu jużawh biex jagħtu lura l-poteri fil-livell nazzjonali;

Ewropa tad-Drittijiet

20.

jilqa’ l-adeżjoni ppjanata tal-Unjoni Ewropea fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jinnota li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għandha sservi bħala l-bażi għal kwalunkwe azzjoni mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha;

21.

josserva li l-Karta tal-Unjoni Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tirrikonoxxi d-drittijiet li huma applikabbli għal kull persuna, irrispettivament min-nazzjonalità tagħha jew l-istatus ta’ residenza amministrattiva tagħha fl-Unjoni Ewropea, u jisħaq fuq l-importanza tal-prinċipju tar-residenza għall-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-għan li jiġu ggarantiti l-koeżjoni soċjali u l-paċi;

22.

jisħaq li l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-moviment ħieles tal-persuni hija ta’ importanza kbira fil-garanzija tad-dritt taċ-ċittadini Ewropej u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fl-Istati Membri, u josserva li din id-direttiva ma ġiet implimentata kompletament fl-ebda Stat Membru (1);

23.

josserva bi tħassib li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE li jkollhom permess tar-residenza għal perijodu fit-tul huma soġġetti għal restrizzjonijiet diskriminatorji, abbażi tan-nazzjonalità jew l-oriġini etnika, b’rabta mad-dħul u r-residenza tagħhom fl-UE, u jitlob li ssir viġilanza biex tiġi evitata tali diskriminazzjoni;

24.

jappoġġja kwalunkwe inizjattiva li tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, l-antisemitiżmu, il-ksenofobija jew l-omofobija, jitlob għal adozzjoni rapida tal-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008) 426), u jisħaq fuq ir-rwol importanti li jistgħu jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-attitudnijiet ksenofobiċi u razzisti kif ukoll ir-rwol li jaqdu fl-edukazzjoni taċ-ċittadini fil-prinċipji demokratiċi; barra minn hekk, jemmen li s-Sena Ewropea tal-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) hija opportunità għal impetu ġdid fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni lejn gruppi soċjali vulnerabbli;

25.

jaqbel li hemm bżonn li titwaqqaf sistema komprensiva ta’ protezzjoni tad-data bbażata fuq id-dritt fundamentali għal ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali, li tinkorpora strumenti adatti għall-objettivi tagħha, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni;

26.

jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda esponenzjali fl-informazzjoni diġitali dwar l-individwi privati li rriżulta mill-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, jisħaq fuq l-importanza li jagħtu l-Ewropej lill-protezzjoni tad-data u l-ħajja privata (2), u jqis li l-Programm ta’ Stokkolma u l-Pjan ta’ Azzjoni sussegwenti tal-Kummissjoni għandhom jagħtu iżjed attenzjoni lill-iżvilupp ta’ approċċ strateġiku bbażat fuq teknoloġiji “imfassla għall-ħajja privata” u “li jirrispettaw il-ħajja privata” (3);

27.

jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-numru baxx ta’ nies li ħarġu jivvotaw fl-elezzjonijiet Ewropej, jaċċetta li bħala korp l-UE ma ħadmitx biżżejjed f’dan ir-rigward, u jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ħarġitx b’ideat innovattivi biex tiżdied il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni (4);

28.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib iktar mezzi biex tippromovi forom ġodda ta’ parteċipazzjoni bbażati fuq tekonoloġiji ġodda u biex tenfasizza l-valur tal-e-gvern u inizjattivi bħall-e-parteċipazzjoni bil-għan li jissaħħaħ l-involviment politiku u ċiviku taċ-ċittadini (5);

29.

iqis li huwa neċessarju li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ informazzjoni, li jippermettu lill-Ewropej sabiex ikollhom fehim aħjar tad-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari rigward il-protezzjoni diplomatika u konsulari f’pajjiżi terzi fejn pajjiżhom mhuwiex rappreżentat;

30.

jieħu nota tal-bżonn li tittejjeb is-sistema ta’ taħriġ komuni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u japprova l-proposta tar-rapport finali tal-Grupp tal-Futur (Future Group) dwar il-promozzjoni tan-netwerking b’rabta mat-taħriġ u li għandhom jitfasslu definizzjonijiet komuni tal-istandards (6);

31.

jiddispjaċih li ma saritx iktar enfasi fuq ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali b’rabta mal-mekkaniżmi għat-tisħiħ tal-protezzjoni ċivili, billi dawn l-awtoritajiet jaqdu rwol essenzjali fil-prevenzjoni u l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi umani u materjali f’każ ta’ bżonn;

Ewropa tal-liġi u l-ġustizzja

32.

jafferma mill-ġdid l-importanza ta’ żona legali Ewropea u l-bżonn li jitneħħew l-ostakli eżistenti bil-għan li l-Ewropej jiġu ggarantiti l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tagħhom u t-tħaddim effettiv tal-istrumenti tas-suq intern;

33.

jagħraf id-diffikultajiet fit-tħaddim ta’ 27 sistema legali differenti, iżda jitlob għal kooperazzjoni transkonfinali ġudizzjarja koerenti u effettiva, abbażi tar-rikonoxximent reċiproku, il-fiduċja reċiproka u r-rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza li din għandha tkun akkumpanjata minn livell minimu ta’ armonizzazzjoni tal-proċeduri kriminali, kif ukoll standards minimi għall-proċeduri ċivili;

34.

jemmen li l-aċċess għall-ġustizzja huwa essenzjali għall-garanzija ta’ Ewropa tad-drittijiet, u jilqa’ l-proposti ġenerali tal-Kummissjoni, b’mod partikolari rigward l-e-ġustizzja, li għandha tiġi implimentata b’tali mod li l-protezzjoni tad-data tiġi ggarantita;

35.

iqis li l-potenzjal għall-użu tat-teknoloġiji l-ġodda fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja għandu jiġi esplorat bis-sħiħ;

36.

iqis li l-mekkaniżmi għall-applikazzjoni tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-liġi tal-familja għandhom jissaħħu, b’mod partikolari dawk relatati mad-drittijiet tal-minorenni;

37.

jitlob għal sforzi akbar li jiggarantixxu l-implimentazzjoni korretta tal-liġi Ewropea fil-qasam tal-ġustizzja, kif ukoll għall-prevenzjoni tal-effikaċja tal-istrumenti legali milli jiġu ostakolati;

38.

jaqbel li hemm bżonn ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar id-diskwalifikazzjoni, b’mod partikolari dawk relatati mal-impjiegi li jinvolvu lill-minorenni, iżda jitlob lill-Kummissjoni tkun viġilanti fil-garanzija tal-protezzjoni tad-data fl-iskambju tal-informazzjoni u biex tipproteġi kontra l-abbuż;

39.

jaqbel li t-taħriġ u l-ħiliet huma elementi essenzjali fil-kostruzzjoni ta’ Ewropa ta’ ġustizzja li tirrispetta d-diversità u tippromovi l-kooperazzjoni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa programmi ta’ skambju bejn il-professjonisti minn pajjiżi differenti;

40.

jagħraf il-bżonn għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-liġi ċivili għal reati transkonfinali li jkunu partikolarment gravi, sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp tal-attività transkonfinali u biex jitħarsu aħjar id-drittijiet taċ-ċittadini, li huwa wieħed mill-għanijiet tat-twaqqif ta’ żona Ewropea ta’ ġustizzja;

Ewropa li tipproteġi

41.

jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tibbaża politiki tas-sigurtà u tal-ġustizzja fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, iżda jisħaq fuq il-bżonn li jiġu ggarantiti l-konsistenza u l-bilanċ bejn il-kwistjonijiet tas-sigurtà u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet meta tiġi stabbilita strateġija ta’ sigurtà interna;

42.

jaqbel li hemm bżonn li tinħoloq kultura komuni fost il-professjonisti tas-sigurtà u jilqa’ l-inizjattiva intiża għall-promozzjoni tal-mekkaniżmi għall-iskambju tal-esperjenza u l-prattika tajba; f’dan il-kuntest, huwa essenzjali li nenfasizzaw l-importanza tal-politiki tal-prevenzjoni bħala parti preliminari obbligatorja tal-proċess sħiħ tal-ġlieda kontra l-kriminalità;

43.

jiddispjaċih li l-atturi nazzjonali biss huma msemmija, għax it-twaqqif ta’ kultura komuni tas-sigurtà għandha tinvolvi wkoll lill-atturi mill-gvern lokali u reġjonali;

44.

jirrakkomanda li jiġi analizzat sa liema punt il-kodifikazzjoni tal-liġi Ewropea dwar il-pulizija tista’ tiffaċilita l-operati transkonfinali tal-pulizija fl-UE;

45.

iżid li, mingħajr ma jinxteħet id-dubju fuq l-allokazzjoni interna tal-poteri ta’ kull Stat Membru, għandu jkun hemm mekkaniżmi li jippermettu lill-istituzzjonijiet lokali u reġjonali involuti fl-applikazzjoni effettiva tas-sigurtà Komunitarja u l-leġiżlazzjoni tal-pulizija biex ikollhom aċċess raġonevoli u regolat għall-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u informazzjoni stabbiliti mill-Unjoni (7);

46.

jikkunsidra li huwa neċessarju li jissaħħu l-użu u l-effikaċja tal-għodod teknoloġiċi għall-garanzija tas-sigurtà u l-libertà tal-persuni fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għall-mobbiltà, iżda jirrikonoxxi t-tħassib taċ-ċittadini dwar l-iżvilupp rapidu ta’ dawn is-sistemi mingħajr evalwazzjoni suffiċjenti;

47.

jirrikonoxxi l-bżonn li ssir riflessjoni dwar arkitettura għas-sistemi ta’ informazzjoni bil-għan tat-titjib fl-effiċjenza u l-effikaċja, it-tnaqqis kemm jista’ jkun tal-ispejjeż u l-massimizzazzjoni tal-benefiċċji;

48.

josserva li l-professjonisti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti meta jiġu diskussi r-riċerka u l-iżvilupp relatati mas-sigurtà u t-twaqqif potenzjali ta’ fond tas-sigurtà interna;

49.

iqis li, meta jiġu indirizzati kwistjonijiet li jaffettwaw is-sigurtà taċ-ċittadini, bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, speċjalment it-traffikar tal-persuni, it-traffikar tad-drogi jew l-isfruttar tal-minorenni, il-prevenzjoni hija importanti daqs il-prosekuzzjoni, u jfakkar lill-Kummissjoni dwar ir-rwol kruċjali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta’ strateġiji għall-prevenzjoni tar-reati;

50.

jappoġġja t-tisħiħ tal-effikaċja tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudizzjarja fl-Ewropa, u jikkunsidra li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transkonfinali billi hemm rabtiet dejjem iktar stretti bejn il-kriminalità lokali u l-kriminalità organizzata internazzjonali;

51.

jenfasizza li kwalunkwe progress fil-ġlieda kontra l-kriminalità għandu jmur id f’id mal-isforzi għall-protezzjoni tad-dritt għal difiża legali, b’garanziji ġudizzjali minimi għall-akkużat, b’mod partikolari rigward kwistjonijiet bħall-preżunzjoni tal-innoċenza u l-kustodja tal-pulizija;

52.

jirrikonoxxi li l-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE hija kruċjali għall-garanzija tas-sigurtà u l-libertà tal-moviment fl-Unjoni, u japprova r-referenza għar-rispett assolut għad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni internazzjonali fl-iżvilupp tal-istrateġija Ewropea għall-ġestjoni integrata tal-fruntiera, iżda jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ dettall fil-Komunikazzjoni dwar dan is-suġġett u jitlob għar-rikonoxximent tal-fatt li l-Ewropa hija żona ta’ libertà u drittijiet kull meta jsiru passi ’l quddiem f’din il-kwistjoni;

53.

jitlob lill-Kummissjoni biex, qabel ma tintroduċi strumenti ġodda, tistabbilixxi mekkaniżmi għal evalwazzjoni indipendenti tal-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri (FRONTEX) kif ukoll tal-kooperazzjoni rilevanti ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari fl-interventi li jolqtu lid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

54.

ifakkar lill-Istati Membri li l-kontroll u l-monitoraġġ tal-fruntieri tal-baħar m’għandux ifisser li jintesew l-obbligi fundamentali tas-salvataġġ marittimu;

55.

iqis li s-sistemi eżistenti tal-informazzjoni (SIS II, VIS) għandhom jiġu żviluppati u evalwati kompletament qabel ma jsiru l-bidliet jew jiġu stabbiliti strumenti ġodda, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni fil-Komunikazzjoni dwar il-mekkaniżmi tar-reviżjoni u l-monitoraġġ għall-użu tad-data bijometrika f’dawn is-sistemi;

56.

jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-twaqqif ta’ sistema elettronika għar-rekordjar tad-dħul u l-ħruġ mit-territorju tal-Istati Membri u l-iżvilupp potenzjali ta’ sistema Ewropea għall-ġbir ta’ informazzjoni minn qabel dwar l-individwi li jixtiequ jidħlu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Dan jista’ jkun preġudikattiv għad-drittijiet fundamentali, speċjalment għall-protezzjoni tad-data personali;

57.

josserva li hemm bżonn li jissaħħu l-istrateġiji ta’ kooperazzjoni għall-promozzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet tad-dwana;

58.

iżid jgħid li kwalunkwe strument ġdid li jiġi kontemplat, bħall-visa komuni Ewropea ta’ Schengen, għandu jiġi żviluppat b’mod effettiv u effiċjenti, u għandhom jitqiesu l-protezzjoni tad-data u l-garanziji għad-dritt tal-ħajja privata;

59.

jappoġġja l-isforzi għat-titjib fil-kooperazzjoni bejn il-Europol u l-Eurojust sabiex isir progress fl-investigazzjoni tal-attivitajiet transkonfinali tal-kriminalità organizzata;

60.

itenni t-tħassib tal-Kummissjoni dwar it-theddid identifikat u jisħaq fuq ir-rwol li jistgħu jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-identifikazzjoni u l-osservazzjoni ta’ prattiki kriminali ta’ dan it-tip;

61.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal pjani ta’ azzjoni speċifiċi għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u biex tinkorpora din il-kampanja fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi;

62.

jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fir-reati marbuta mal-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal fuq l-Internet (8), u josserva li miżuri punittivi għandhom ikunu akkumpanjati minn sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u miżuri edukattivi marbuta ma’ dawn ir-reati;

63.

jisħaq fuq ir-rwol li jistgħu jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta’ approċċi preventivi intiżi biex jissalvagwardjaw id-dinjità u d-drittijiet tal-minorenni, speċjalment il-minorenni abbandunati u mhux akkumpanjati (9);

64.

jagħraf il-bżonn li jsir progress fil-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika u elettronika, u l-bżonn li jittejbu l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni f’dawn l-oqsma, fejn ir-reati mhux dejjem jiġu investigati fil-pajjiż fejn ikunu saru;

65.

ifakkar lill-Kummissjoni dwar ir-rwol li jistgħu jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-iffalsifikar, u fl-iżvilupp tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra d-drogi;

66.

iqis lit-theddida tat-terroriżmu bħala inkwiet prinċipali għall-Ewropej, u jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma ssemmix ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tnaqqis ta’ din it-theddida, b’mod partikolari rigward il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti;

67.

jibża’ li l-miżuri preventivi elenkati fil-Komunikazzjoni ser iservu biss biex jikkriminalizzaw il-gruppi etniċi jew reliġjuzi filwaqt li ma jindirizzawx il-kawżi fundamentali tal-attività terroristika;

68.

jipproponi li għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi politiċi, soċjali u ekonomiċi li jistgħu jikkontribwixxu għaż-żieda fil-vjolenza politika li toħrog minn diversi gruppi qabel ma jiġu enfasizzati l-oriġini nazzjonali, etniċi jew reliġjużi, billi dan jista’ jwassal għal iktar razziżmu u ksenofobija;

Ewropa ta’ solidarjetà fl-immigrazzjoni u l-asil

69.

itenni li l-Unjoni Ewropea għandha tadotta politika Ewropea ġenwina dwar l-immigrazzjoni, ibbażata fuq il-prinċipji tas-solidarjetà, il-fiduċja reċiproka u l-koresponsabbiltà bejn l-Istati Membri, u li tirrispetta għalkollox id-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li żżomm it-tqassim attwali tal-poteri, tagħmel użu sħiħ mill-poteri tagħha f’dan il-qasam, u tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà;

70.

josserva li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fost ta’ quddiem fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-immigrazzjoni u l-asil u għandhom ikunu minn tal-ewwel biex jirreaġixxu għall-impatt ekonomiku u soċjali tal-flussi migratorji fiż-żoni tagħhom;

71.

isejjaħ lill-Istati Membri tal-UE biex jaqsmu r-responsabbiltajiet tar-riċeviment u l-integrazzjoni tar-rifuġjati u jistabbilixxu mekkaniżmu għad-distribuzzjoni mill-ġdid bejn l-Istati Membri;

72.

jitlob lill-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni mtejba bejn l-istrumenti varji eżistenti għat-twaqqif tal-oqsma ta’ azzjoni fl-immigrazzjoni u l-asil, u josserva li dawn għandhom ikunu bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali;

73.

jilqa’ l-prijorità allokata għall-approċċ olistiku għall-immigrazzjoni, u japprova l-enfasi fuq il-promozzjoni ta’ sħubija ġenwina u bbilanċjata mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu sabiex il-flussi tal-migrazzjoni jiġu ġestiti b’mod ordnat;

74.

ifakkar li l-UE għandha tqabbel aħjar il-migrazzjoni ekonomika mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri u jappella għal sistema ta’ ammissjoni flessibbli li permezz tagħha l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeterminaw l-għadd ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jistgħu jiddaħħlu;

75.

jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li solidarjetà ikbar hija ristretta għal approċċ utilitarju u selettiv tal-bżonnijiet perċepiti ta’ immigranti b’ħafna kwalifiki li jkun hemm domanda kbira għalihom fis-swieq tax-xogħol Ewropej;

76.

jaqbel li hemm bżonn iktar koordinazzjoni bejn il-politika tal-immigrazzjoni u l-politika barranija tal-Unjoni u jqis li l-kooperazzjoni u d-djalogu mal-pajjiżi terzi hija neċessarja kemm biex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali kif ukoll biex tingħata attennzjoni lill-migrazzjoni legali; l-investiment f’dawn il-pajjiżi terzi huwa strument iktar effiċjenti bħala għajnuna għan-nies li beħsiebhom jemigraw għal raġunijiet ekonomiċi; ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa essenzjali biex jitwettqu dawn il-kompiti, speċjalment dawk li huma l-eqreb jew li għandhom l-iktar rabtiet b’saħħithim mal-pajjiżi terzi, li jistgħu jservu bħala pjattaformi għall-kooperazzjoni bejn l-UE u dawk il-pajjiżi;

77.

iqis li d-diplomazija lokali għandha tissaħħaħ bl-iżvilupp tal-pjan ta’ azzjoni għal żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jagħmlu kontribut sostanzjali għat-titjib fir-relazzjonijiet u l-kondizzjonijiet tal-għajxien fil-bliet u r-reġjuni ta’ oriġini u transitu;

78.

jaqbel li hemm bżonn li l-istrumenti tal-politika tal-migrazzjoni jintużaw b’mod koerenti, u jitlob għal evalwazzjoni ta’ inizjattivi bħas-sħubijiet għall-mobbiltà u l-kondizzjonijiet u l-konsegwenzi tagħhom fil-pajjiżi ta’ oriġini qabel ma jidħlu fi ftehimiet ġodda;

79.

jaqbel li hemm bżonn ġestjoni mtejba tal-immigrazzjoni ekonomika madwar l-Unjoni Ewropea u jitlob għall-iżvilupp addizzjonali ta’ strateġija – ibbażata fuq il-Pjattaforma Ewropea għad-Djalogu – li tinkludi l-partijiet interessati lokali, reġjonali u nazzjonali fl-Unjoni u li tirrispetta d-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-volum tal-ammissjonijiet taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi fid-dawl tal-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, u b’hekk jiġi żgurat li dawn l-individwi jkollhom kondizzjonijiet tax-xogħol deċenti (10);

80.

jinnota b’interess il-proposta għat-twaqqif ta’ osservatorju għall-analiżi u l-promozzjoni tal-fehim dwar il-fenomeni tal-migrazzjoni, u jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li din l-inizjattiva ma tmurx kontra l-inizjattivi eżistenti. Hemm bżonn dejjem iktar urġenti li jiġu organizzati u ottimizzati l-istrumenti eżistenti f’dan il-qasam;

81.

jemmen li, minkejja l-benefiċċji ovvji, il-kodiċi proposta għall-immigrazzjoni għandha tiġi analizzata bir-reqqa, b’mod partikolari fid-dawl tal-adozzjoni pendenti tad-Direttiva tal-Kunsill dwar proċedura ta’ applikazzjoni waħda għal permess wieħed biex iċ-ċittadini minn pajjiż barra mill-UE jkunu jistgħu jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru, u dwar sensiela komuni ta’ drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi barra l-UE li jgħixu fi Stat Membru legalment, u għandu jiġi żgurat li dan l-iżvilupp ma jfixkilx jew idgħajjef is-sistema eżistenti tad-drittijiet u l-garanziji għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fl-Unjoni Ewropea;

82.

bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-integrazzjoni tal-immigranti (11) u jagħraf il-bżonn li jinfetaħ dibattitu importanti dwar l-integrazzjoni fl-Ewropa; f’dan il-kuntest jenfasizza mill-ġdid li l-politika tal-integrazzjoni m’għandhiex tkun strument ta’ kontroll bil-moħbi, li b’mod partikolari jinfluwenza r-riunifikazzjoni tal-familja, iżda għandu jitfassal b’tali mod li jwassal għall-integrazzjoni soċjali, ekonomika, kulturali u ċivika tal-immigranti ladarba jibdew jgħixu fi Stat Membru;

83.

jikkunsidra bħala essenzjali kemm il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-preżentazzjoni tal-prijoritajiet annwali u multiannwali tal-Fond Ewropew tal-Integrazzjoni, kif ukoll il-garanzija li l-Istati Membri ser jimplimentaw u jqassmu b’mod korrett ir-riżorsi tal-Fond lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

84.

iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-konferenza interministerjali li jmiss dwar l-immigrazzjoni, li għandha ssir fil-bidu tal-2010 taħt il-Presidenza Spanjola, u jappella għal mekkaniżmi mtejba għall-kooperazzjoni ma’ pjattaformi bħall-ARLEM futura fil-kwistjonijiet tal-migrazzjoni;

85.

jaqbel mal-Kummissjoni li x-xogħol illegali u t-traffikar tal-persuni huma kontributuri ewlenin għall-eżistenza tal-immigrazzjoni irregolari fl-Ewropa, u jitlob lill-Istati Membri jfittxu strateġiji konġunti biex jiġġieldu dawn il-problemi;

86.

jirrikonoxxi li t-tħassib li jinbet mill-adozzjoni tad-Direttiva tar-ritorn jagħmilha darbtejn importanti li tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni effettiva tad-direttiva u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li d-Direttiva tar-ritorn, li se tiħdol fis-seħħ f’Diċembru 2010, tiġi implimentata b’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

87.

jikkummenta li ma jistax jissemma r-ritorn volontarju sakemm ma jiġux stabbiliti l-mekkanizmi għad-djalogu mal-pajjiżi ta’ oriġini, li jiżguraw li r-ritorn ikun fattibbli u li mhux se jinbeda proġett ġdid ta’ migrazzjoni;

88.

jitlob li tingħata iktar attenzjoni lill-minorenni immigranti, li għandhom jidhru bħala punt speċifiku fil-pjan ta’ azzjoni tal-programm ta’ Stokkolma, b’enfasi fuq il-bżonn li tissaħħaħ is-solidarjetà, ir-responsabbiltajiet u d-distribuzzjoni tal-piż finanzjarju korrispondenti bejn l-awtoritajiet reġjonali, nazzjonali u Ewropej marbuta mal-minorenni mhux akkumpanjati, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miżuri punittivi iktar stretti għan-netwerks tat-traffikar tal-persuni li jisfruttaw il-minorenni;

89.

jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li s-sistemi tal-asil fl-Istati Membri jżommu l-istess ritmu ta’ progress li sar bit-twaqqif ta’ sistema komuni Ewropea tal-asil ibbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u strumenti internazzjonali relatati oħrajn u jwissi kontra l-iffirmar ta’ ftehimiet ġodda ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi li mhumiex firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra;

90.

billi l-proporzjon ta’ applikazzjonijiet għall-asil ivarja ħafna bejn l-Istati Membri, jirrakkomanda li s-sistema Ewropea komuni tal-asil tiġi eżaminata bil-għan li l-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-asil isir ir-responsabbiltà tal-pajjiż li fih l-applikant ikun għamel l-applikazzjoni tiegħu, filwaqt li tiġi żgurata s-solidarjetà bejn l-Istati Membri;

91.

jitlob lill-Kummissjoni taħdem biex tiżgura li l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Asil jaħdem b’mod korrett u biex tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-attivitajiet tagħha, kif ukoll lill-Kumitat tar-Reġjuni meta dan ikun meħtieġ mid-dimensjoni lokali u reġjonali tal-kwistjonijiet;

92.

jagħraf l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-integrazzjoni tar-rifuġjati u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, u jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jieħdu sehem fit-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ sistemazzjoni interna mill-ġdid;

93.

jitlob li jsir progress fl-analiżi tal-fattibbiltà tal-ġestjoni komuni tal-applikazzjonijiet għall-asil, u jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-bżonn li jerġa’ jiġi evalwat il-Fond Ewropew għar-Rifuġjati u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti b’mod iktar strett;

94.

jisħaq li l-Istati Membri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-politiki relatati mat-twaqqif ta’ żona Ewropea ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja;

95.

fl-aħħar nett jitlob li l-Pjan ta’ Azzjoni li joħroġ mill-Programm ta’ Stokkolma jkun wieħed kredibbli; dan għandu jmur id f’id ma’ żieda fil-finanzjament taż-żona tal-libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan ser jeħtieġ il-koordinazzjoni tal-istrumenti finanzjarji interni ma’ dawk li jkopru r-relazzjonijiet tagħna ma’ pajjiżi terzi.

Brussell, 7 ta’ Ottubru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  Ara l-Komunikazzjoni dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorji tal-Istati Membri, COM(2009) 313/4.

(2)  Ewrobarometru: Data Protection in the European Union. Citizens’ perceptions. Rapport Analitiku, Frar 2008

(3)  Opinjoni tal-Kontrollur Ewoprew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini. http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2009/09-07-10_Stockholm_programme_EN.pdf

(4)  B’rabta ma’ dan, il-Kummissjoni hija mħeġġa tikkonsulta l-istudju bl-isem ta’ Parteċipazzjoni fil-Proġett Ewropew: kif nistgħu nimmobilizzaw iċ-ċittadini fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, li qed jitħejja mill-Istitut għall-Istudji Ewropej – VUB u l-Istitut Daniż tat-Teknoloġija f’isem il-Kumitat tar-Reġjuni, li ser jiġi ppreżentat f’Gödöllo fis-16 ta’ Ottubru.

(5)  Insibu eżempju eċċellenti fid-direttiva dwar s-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi li d-DĠ SANCO ħareġ fl-14 ta’ Settembru 2009.

(6)  Freedom, Security, Privacy – European Home Affairs in an open world. Report of the Informal High Level Advisory Group on the Future of European Home Affairs Policy (The Future Group), Ġunju 2008.

http://www.statewatch.org/news/2008/jul/eu-futures-jha-report.pdf.

(7)  Huwa ta’ importanza partikolari li jkun hemm aċċess rapidu u garantit għall-bażijiet tad-data msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/JHA tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali.

(8)  Fid-dawl tat-tħassib tiegħu dwar l-isfruttament tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, fix-xhur li ġejjin il-Kumitat tar-Reġjuni ser joħroġ opinjoni dwar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta’ Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal.

(9)  Ara l-opinjoni tal-KtR dwar il-kooperazzjoni lokali u reġjonali għall-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ mill-abbuż u n-negliġenza fl-Unjoni Ewropea (CdR 225/1999 fin) u l-opinjoni bl-isem ta’ Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (CdR 236/2006 fin).

(10)  Ara l-opinjoni dwar Approċċ globali għall-immigrazzjoni: l-iżvilupp ta’ politika ewropea dwar l-immigrazzjoni tal-ħaddiema fil-qafas tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi (CdR 296/2007 fin).

(11)  Ara l-Konklużjonijiet tas-seminar tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni fl-integrazzjoni tal-immigranti” (Ateni, 16 ta’ Ottubru 2008) (CdR 323/2008 fin). Mhux disponibbli bil-Malti.