25.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 200/5


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar qafas strateġiku ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija

(2009/C 200/02)

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol partikularment importanti x’jaqdu biex iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) issir realtà;

jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti bis-sħiħ u b’mod effettiv fil-ġestjoni ta’ inizjattivi relatati mal-ERA;

jagħraf il-ħtieġa għal kooperazzjoni bejn l-UE u pajjiżi ġirien fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija. Din għandha tinvolvi l-parteċipazzjoni tal-ġirien tagħna u mhux biss fi ħdan il-Programm Qafas tar-Riċerka tal-UE, iżda wkoll f’dimensjonijiet oħra taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, bħall-koordinazzjoni tal-programmi u l-infrastrutturi tar-riċerka, l-infurzar ta’ prinċipji tal-qsim tal-għarfien u l-mobilità mingħajr xkiel tar-riċerkaturi;

irid jiżgura l-użu kkoordinat tal-FP7, SF, CIP u EARDF, billi dan huwa essenzjali għall-kompetittività tal-UE u s-sinerġiji bejn il-politiki ta’ koeżjoni, ir-riċerka, l-edukazzjoni terzjarja u l-innovazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali, kif imsemmi f’opinjonijiet preċedenti tal-KtR.

Rapporteur

:

Is-Sur Jyrki Myllyvirta (FI/PPE), Sindku ta’ Lahti

Dokument ta’ Referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew — Qafas strateġiku Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija

COM(2008) 588 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rilevanza għal-livelli lokali u reġjonali u l-KtR

1.

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol partikularment importanti x’jaqdu biex iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) issir realtà. Il-kontribut tagħhom huwa essenzjali għall-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni, u peress li għandhom l-esperjenza meħtieġa, ta’ sikwit jiġġestixxu istituzzjonijiet ta’ riċerka u jappoġġjaw ambjenti innovattivi. Barra minn hekk, b’mod ġenerali, il-bliet jew l-amministrazzjonijiet reġjonali għandhom setgħat leġiżlattivi rikonoxxuti u baġit għar-riċerka jew inkella jaqdu rwol ewlieni f’attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp u jikkontribwixxu għall-kofinanzjament tagħhom. Sistemi istituzzjonali effettivi u li jaħdmu fil-livell lokali u reġjonali huma kruċjali għall-ippjanar u t-twettiq ta’ attività ta’ riċerka b’suċċess u li tagħti riżultati;

2.

l-awtoritajiet lokali u reġjonali għalhekk huma fost il-partijiet interessati ewlenin fil-politiki u l-inizjattivi favur it-tisħiħ, u aktar importanti t-twessiegħ tal-ERA, b’mod partikulari l-viżjoni tagħha għal istituzzjonijiet ta’ riċerka u akkademiċi b’saħħithom fi ħdan ambjenti innovattivi kif ukoll kooperazzjoni internazzjonali u koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka;

3.

jenfasizza l-importanza ewlenija tal-bliet u r-reġjuni għall-iżvilupp ta’ ambjent xieraq għall-innovazzjoni. Il-politiki tagħhom m’għandhomx biss impatt sostanzjali fuq it-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka f’termini tal-mobilità tax-xjenzjati — billi dawn huma miġbudin biss minn ambjent versatili, tolleranti u innovattiv — iżda għandhom impatt ukoll bħala ċentri ta’ żvilupp għall-infrastruttura tar-riċerka. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm il-politiki lokali tal-innovazzjoni, iċ-ċentri tat-teknoloġija, l-inkubaturi tan-negozji, iċ-ċentri tax-xjenza u l-kapital ta’ riskju (1);

Kummenti ġenerali

4.

huwa tal-fehma li l-inizjattiva proposta hija kontribut importanti għat-tisħiħ u t-twessiegħ tal-ERA. Fl-opinjoni dwar “Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka — perspettivi ġodda” (1) il-Kumitat enfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-proċess tat-twettiq tal-ERA bħala pass ’il quddiem lejn il-mira li l-Ewropa tkun l-iktar ekonomija dinamika fid-dinja (2);

5.

jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti bis-sħiħ u b’mod effettiv fil-ġestjoni (2) ta’ inizjattivi relatati mal-ERA. L-għarfien u l-innovazzjoni jridu jsiru l-istimolu ekonomiku ewlieni. Il-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ERA tgħin issaħħaħ il-produttività u l-kompetittività;

6.

jinnota li fil-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija (S&T), il-bliet u r-reġjuni huma partikularment importanti. Permezz ta’ programmi ta’ appoġġ u kundizzjonijiet qafas strutturali u leġiżlattivi fil-kuntest tal-politiki tagħhom ta’ riċerka, il-bliet u r-reġjuni jikkontribwixxu b’mod konsiderevoli għall-ħolqien ta’ valur miżjud Ewropew fis-settur tar-riċerka u għat-twaqqif ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka vivaċi (1);

7.

jilqa’ l-Komunikazzjoni b’mod partikulari l-għan tagħha li ssaħħaħ il-bażi xjentifika u teknoloġika tal-UE biex b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tagħha u tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi globali fil-kuntest tar-“responsabbiltà globali”;

8.

ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea li hu ser jissorvelja mill-qrib il-prinċipju li ġie miftiehem li l-bliet u l-“awtoritajiet reġjonali, kif ukoll partijiet interessati bħal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka, is-soċjetà ċivili u n-negozju li għandhom ikunu impenjati attivament fil-governanza taż-ŻER” (3), u ser jiżgura wkoll li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u ta’ ġeometrija varjabbli jiġu rispettati;

9.

jagħraf il-ħtieġa għal kooperazzjoni bejn l-UE u pajjiżi ġirien fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija. Din għandha tinvolvi l-parteċipazzjoni tal-ġirien tagħna u mhux biss fi ħdan il-Programm Qafas tar-Riċerka tal-UE (4), iżda wkoll f’dimensjonijiet oħra taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, bħall-koordinazzjoni tal-programmi u l-infrastrutturi tar-riċerka, l-infurzar ta’ prinċipji tal-qsim tal-għarfien u l-mobilità mingħajr xkiel tar-riċerkaturi (5);

10.

jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija ma’ pajjiżi ġirien li tista’ tħalli impatt kbir fuq l-iżvilupp reġjonali fl-UE. Dan jista’ japplika għar-Russja, bil-kapaċità sinifikanti tagħha għax-xjenza u t-teknoloġija, iżda wkoll għall-pajjiżi mhux Stati Membri tal-Lvant tal-Ewropa, fir-reġjun Balkan u fil-Mediterran;

L-importanza ta’ programmi eżistenti tar-riċerka tal-UE u ta’ strumenti ta’ finanzjament għat-twessiegħ tal-ERA

11.

jilqa’ l-azzjonijiet sabiex is-Seba’ Programm Qafas u s-CIP jinfetħu għal pajjiżi ġirien, azzjoni li għandha tagħti dimensjoni territorjali ulterjuri lil dawn il-programmi;

12.

ifakkar fil-konklużjonijiet tal-grupp ta’ esperti tal-ERA (6) rigward l-importanza li qed tiżdied tal-partijiet interessati nazzjonali u reġjonali fl-iżvilupp ta’ inizjattivi Ewropej ewlenin ġodda bħall-ERA–ENTs, Eurostars, EIT jew Joint Technology and Cluster;

13.

irid jiżgura l-użu kkoordinat tal-FP7, SF, CIP u EARDF, billi dan huwa essenzjali għall-kompetittività tal-UE u s-sinerġiji bejn il-politiki ta’ koeżjoni, ir-riċerka, l-edukazzjoni terzjarja u l-innovazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali, kif imsemmi f’opinjonijiet preċedenti tal-KtR (7);

14.

jenfasizza bil-qawwa li r-riċerka, it-taħriġ u l-kapaċità innovattiva Ewropea għandhom jissaħħu fil-kuntest tal-appoġġ għal infrastruttura tar-riċerka, ir-riċerka għall-benefiċċju tal-SMEs, clusters reġjonali mmexxija mir-riċerka, il-potenzjal tar-riċerka fir-reġjuni “ta’ konverġenza” tal-UE, kwistjonijiet li jikkonċernaw “ix-xjenza fis-soċjetà” u attivitajiet “orizzontali” fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali (8);;

15.

jirrakkomanda interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett tal-innovazzjoni, li tkopri x-xjenzi soċjali u tal-bniedem, u l-interazzjoni fertili tagħhom mal-kulturi urbani u reġjonali tal-lokalitajiet tagħhom;

16.

jinnota li l-objettiv li tinħoloq massa kritika fil-livell tal-istituti tar-riċerka u netwerks internazzjonali jiddependi mis-suġġett li qiegħed jiġi studjat, is-settur tar-riċerka u l-parteċipanti. Approċċ fejn tinstab soluzzjoni waħda għal kollox m’għandux jiġi applikat għas-sħubijiet internazzjonali kollha;

17.

ifakkar fl-objettiv imsemmi fil-Green Paper (5): li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-finanzjament istituzzjonali u dak kompetittiv. Skont il-fehmiet espressi f’opinjonijiet preċedenti dwar kwistjonijiet relatati, il-Kumitat tar-Reġjuni jsejjaħ għal dibattitu kontinwu dwar il-bilanċ xieraq bejn il-finanzjament istituzzjonali u dak kompetittiv;

18.

b’konformità ma’ dak li nnota qabel (1), il-Kumitat tar-Reġjuni jippreferi li l-għażla tas-suġġetti ta’ riċerka interessanti u utli ssir mix-xjenzjati u mit-tims ta’ xjenzjati nnifishom, inkluż fil-qasam tal-ħolqien tan-netwerks volontarji (minn isfel għal fuq) u orizzontali, u jippreferi dan it-tip ta’ approċċ minn ġestjoni minn fuq għal isfel u t-tip ta’ kooperazzjoni ritwalistika li din iġġib magħha;

19.

jitlob għal koerenza fil-politiki fil-każ ta’ programmi fuq diversi livelli u programmi li jinvolvu ħafna partijiet interessati, b’mod speċjali dawk li jinvolvu msieħba minn pajjiżi terzi, li jeħtieġu sistema ta’ gvernanza fuq diversi livelli li tkun effiċjenti (7);

Il-mobilità tar-riċerkaturi

20.

waqt li jaqbel bis-sħiħ mal-idea li l-mobilità tar-riċerkaturi hija fattur essenzjali fil-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija, il-Kumitat jenfasizza dawn il-punti li ġejjin:

il-progress fil-mobilità tax-xjenzjati, inkluż l-adattament leġiżlattiv meħtieġ fl-oqsma tal-liġi tar-residenza u l-pensjonijiet kif ukoll miżuri ta’ appoġġ immirati lejn il-familji, għandu jiġi kkunsidrat bħala partikularment importanti għall-iżvilupp ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka (1);

il-prospetti tal-karriera u l-mobilità tar-riċerkaturi (9) għandhom jissaħħu permezz tal-identifikazzjoni tal-aħjar taħlita ta’ politiki ta’ għodod nazzjonali u Komunitarji u l-iżvilupp ulterjuri tal-ħiliet tar-riċerkaturi kollha. Għandu jiġi promoss fis-soċjetà l-interess fir-riċerka u fil-ħtiġijiet tal-innovazzjoni, b’mod partikulari fost iż-żgħażagħ.

21.

jenfasizza l-bżonn li jinġibdu akkademiċi eċċellenti minn pajjiżi barra l-Ewropa u għalhekk jenfasizza s-sinifikat tal-programmi għall-mobilità tal-UE bħall-programm Marie Curie u jilqa’ l-miżuri ta’ appoġġ li ttieħdu f’ċerti reġjuni biex l-akkademiċi jiġu lura l-Ewropa (1);

L-infrastruttura globali tar-riċerka u programmi miftuħa tar-riċerka

22.

jaqbel mal-konklużjonijiet li ntlaħqu mill-Kunsill tal-Kompetittività tat-30 ta’ Mejju 2008 u jsejjaħ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-applikazzjoni għal infrastrutturi moderni tar-riċerka, il-bini u l-implimentazzjoni tagħhom. F’dan il-kuntest il-Kumitat issuġġerixxa li:

jiġi żgurat li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu involuti bis-sħiħ fl-iżvilupp tal-pjan direzzjonali tal-Forum għal Strateġija Ewropea dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka (ESFRI) (10), u b’mod speċjali, fil-prijoritizzazzjoni tal-35 proġett ewlieni ta’ interess Ewropew li diġà ġew approvati;

tiġi kkunsidrata l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-involviment tagħhom fl-ERIs;

jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu tassew involuti fil-gvernanza effiċjenti tal-ERIs (2).

23.

jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni ta’ programmi ta’ riċerka konġunti, inklużi dawk li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi, peress li għandhom iktar kuntatt ma’ sitwazzjonijiet lokali speċifiċi mill-aspett xjentifiku, teknoloġiku u ekonomiku, u għaldaqstant jafu meta hija meħtieġa l-kooperazzjoni fl-oqsma ta’ importanza strateġika (2). Xi reġjuni Ewropej diġà qed jinvolvu ruħhom b’suċċess fil-kooperazzjoni għall-koordinazzjoni ta’ strumenti għal programmi ta’ riċerka, bħal fil-każ tal-proġetti ERA–NET. Bħall-Istati Membri, il-bliet u l-awtoritajiet reġjonali għandhom ikunu involuti fil-promozzjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni fil-qafas ta’ programmar konġunt (2);

Is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u regolamentazzjoni aħjar

24.

jinnota li l-Komunikazzjoni ma tqiesx l-aspetti lokali u reġjonali kollha u l-Kummissjoni Ewropea ma tippreżentax valutazzjoni tal-impatt għal din il-Komunikazzjoni. L-opinjoni tagħmel referenza għas-setgħat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tenfasizza r-rilevanza partikulari tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija għall-bliet u r-reġjuni.

II.   APPENDIĊI

Informazzjoni ġenerali dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Din il-Komunikazzjoni tfasslet bħala risposta għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Frar 2008, u hija waħda minn ħames inizjattivi tal-Kummissjoni wara d-dibattiti pubbliċi dwar il-ġejjieni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (11) u dwar il-globalizzazzjoni tas-soċjetà tal-informazzjoni. Hija wkoll segwitu għall-konklużjonijiet tas-Summit Dinji tal-2005 dwar is-soċjetà tal-informazzjoni (WSIS).

B’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni għandha l-għan li ssaħħaħ l-impenn tar-riċerka tal-Ewropa u tiffaċilita l-użu ta’ teknoloġiji ġodda sabiex tirreaġixxi b’iktar effikaċja u effiċjenza għall-isfidi ewlenin li qiegħda tiffaċċja s-soċjetà tal-lum.

Sabiex tiġi riflessa l-ħtieġa għal aktar tisħiħ u twessiegħ tal-ERA permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa ma’ msieħba internazzjonali, is-Seba' Programm Qafas tar-Riċerka (FP7) nfetaħ għall-parteċipazzjoni minn pajjiżi terzi u jinkludi bosta strumenti ġodda sabiex titħeġġeġ il-kooperazzjoni internazzjonali. Madankollu, l-FP7 jirrappreżenta biss proporzjon żgħir tar-riċerka kollha fl-Ewropa. Għaldaqstant, din il-Komunikazzjoni tipproponi qafas Ewropew ġdid li jikkonsisti f’numru ta’ prinċipji ċentrali u linji gwida għal azzjoni. Azzjonijiet taħt dan il-qafas ser isaħħu l-atturi pubbliċi u privati Ewropej fl-interazzjoni tagħhom mal-imsieħba tagħhom u ma’ kompetituri fi bnadi oħra tad-dinja. Il-qafas propost ser jikkontribwixxi għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-għarfien — “il-ħames libertà tal-UE” — fil-livell globali, sabiex jitjieb il-profil tax-xjenza u t-teknoloġija tal-Ewropa madwar id-dinja u jitkattar l-għarfien espert Ewropew dwar l-ICT fid-dinja. Ser tqiegħed iż-Żona Ewropea tar-Riċerka fil-mappa globali, żona miftuħa għad-dinja, u ssaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa fl-ekonomija globali (12).

Brussell, il-21 ta’ April 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  CdR 83/2007 fin

(2)  CdR 283/2008 fin

(3)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “It-tnedija tal-Proċess ta’ Ljubljana — lejn realizzazzjoni sħiħa tal-ERA”, 30 ta’ Mejju 2008.

(4)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2006) 724, 4.12.2006, dwar l-approċċ ġenerali sabiex il-Pajjiżi fil-Viċinat tal-Ewropa jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-aġenziji u l-programmi Komunitarji.

(5)  COM(2007) 161 fin.

(6)  Rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-ERA “Niftħu għad-dinja: kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u t-teknoloġija”.

(7)  CdR 263/2007 fin.

(8)  CdR 155/2005 fin.

(9)  Key Issues Paper 2009 — il-kontribut tal-Kunsill tal-Kompetittività għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa.

(10)  European Strategy Forum on Research Infrastructure (Forum għal Strateġija Ewropea dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka). http://cordis.europa.eu/esfri/home.html

(11)  SEC(2008) 430, 2.4.2008.

(12)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: “Qafas strateġiku Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija” COM(2008) 588.