25.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 200/76


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-drittijiet tal-konsumatur

(2009/C 200/14)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jappoġġja l-għanijiet ta’ politika ta’ armonizzazzjoni ikbar fis-suq intern u ta’ relazzjonijiet kummerċjali aktar effiċjenti bejn il-konsumaturi u l-impriżi, b’mod partikolari l-SMEs;

fl-istess waqt huwa jappoġġja bis-sħiħ ukoll l-għan li jkompli jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur fi ħdan l-UE u li jkompli jitmexxa ’l quddiem l-iżvilupp tiegħu; u dan huwa kondizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq uniku;

huwa tal-fehma li l-proposta għal Direttiva fl-għamla preżenti tagħha mhix adattata biex issaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur fin-negozju transkonfinali;

ma jaqbilx mal-prinċipju ta’ armonizzazzjoni komprensiva u sħiħa. Dan jista’ jwassal għar-riskju li xi wħud mill-Istati Membri jwarrbu ċerti regoli tal-ħarsien tal-konsumatur favur l-armonizzazzjoni;

jistenna li anki fil-futur ikun possibbli li l-Istati Membri jitħallew imorru lil hinn mill-istandards komunitarji armonizzati;

għal din ir-raġuni huwa favur approċċ differenzjat, li skontu għar-regoli li huma tekniċi, tista’ tiġi adottata l-armonizzazzjoni sħiħa, waqt li għall-bqija jingħata ċertu spazju għar-regolamenti tal-Istati Membri;

jenfasizza li l-informazzjoni ċentrali li tapplika għall-kuntratti kollha għandha tiġi definita b’mod aktar konkret;

jara ċerta ħtieġa ta’ kjarifika u ta’ adattament fir-rigward tal-kuntratti mill-bogħod.

Rapporteur

:

Is-Sur Wolfgang G. Gibowski (DE/PPE) Segretarju tal-Istat u rappreżentant tal-Land ta’ Niedersachsen

Dokument ta’ referenza

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar drittijiet tal-konsumatur

COM(2008) 614 finali — 2008/0196 (COD)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Punti ġenerali

1.

jappoġġja l-għanijiet ta’ politika ta’ armonizzazzjoni ikbar fis-suq intern u ta’ relazzjonijiet kummerċjali aktar effiċjenti bejn il-konsumaturi u l-impriżi, b’mod partikolari l-SMEs;

2.

fl-istess waqt huwa jappoġġja bis-sħiħ ukoll l-għan li jkompli jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur fi ħdan l-UE u li jkompli jitmexxa ’l quddiem l-iżvilupp tiegħu; u din hija kondizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq uniku;

3.

għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon l-għan tal-proposta kkonċernata li d-direttivi eżistenti dwar il-ħarsien tal-konsumatur jinġabru f’korpus ta’ regoli wieħed, li għandu japplika b’mod orizzontali għall-kuntratti kollha nnegozjati bejn il-konsumaturi u l-kummerċjanti li jissemmew fil-proposta għal Direttiva;

4.

madanakollu huwa jinnota b’dispjaċir li l-proposta ma tinkludix id-direttivi kollha dwar il-ħarsien tal-konsumatur u li l-proposta tal-Kummissjoni tillimita ruħha biss għar-reviżjoni ta’ erba’ direttivi. B’hekk il-Kummissjoni ma tisfruttax l-opportunità li toħloq qafas komuni għad-drittijiet tal-konsumatur kollha fis-suq intern;

5.

jiddispjaċih ukoll għall-fatt li l-proposta ma tneħħix għal kollox il-kontradizzjonijiet u n-nuqqas ta’ ċarezza fl-atti legali eżistenti u b’hekk lanqas ma żżid it-trasparenza ġenerali tad-dispożizzjonijiet tal-Acquis tal-Konsumatur;

6.

juri tħassib dwar id-differenzi (li qed jiżdiedu) bejn ir-regolamenti tal-UE u tal-pajjiżi terzi fir-rigward tal-ħarsien tal-konsumatur u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aktar attenzjoni lil din il-kwistjoni;

Kompetenza, sussidjarjetà u proporzjonalità

7.

jenfasizza li d-direttivi attwali pprovdew għal standard minimu Ewropew. L-Istati Membri kellhom għalhekk il-libertà li setgħu jmorru lil hinn mil-livell tal-ħarsien tal-konsumatur stabbilit fl-UE. Diversi pajjiżi sfruttaw tajjeb din il-possibbiltà; jittama li din l-opportunità twassal għal żieda globali fil-ħarsien tal-konsumatur fl-Istati Membri kollha;

8.

ma jaqbilx mal-prinċipju ta’ armonizzazzjoni komprensiva u sħiħa. Dan jista’ jwassal għar-riskju li xi wħud mill-Istati Membri jwarrbu ċerti regoli tal-ħarsien tal-konsumatur favur l-armonizzazzjoni, minkejja li dawn ir-regoli jkunu ta’ ġid għall-pajjiż ikkonċernat;

9.

huwa jemmen li l-prinċipju tal-armonizzazzjoni minima, li kien ta’ suċċess u li jikkorrispondi wkoll mal-Artikolu 153(5) tat-TKE dwar il-Ħarsien tal-Konsumatur, għandu jinżamm. L-Istati Membri għandu jkollhom il-flessibbiltà li jadattaw il-liġi dwar id-dritt tal-konsumatur għas-sistema legali nazzjonali tagħhom billi jsaħħu l-miżuri ta’ protezzjoni tagħhom;

10.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-armonizzazzjoni komprensiva u sħiħa hija fenomenu ġdid fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur tal-Ewropa. Jidher għalhekk li mhux bilfors hemm bżonn li l-prinċipju jiġi introdott. L-armonizzazzjoni sħiħa għandha tapplika biss f’każijiet partikulari bħal pereżempju f’każijiet tekniċi speċifiċi, fejn jista’ jiġi ppruvat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali differenti li jeżistu qegħdin ixekklu l-impriżi transkonfinali jew joħolqu limitazzjonijiet kbar għat-twettiq tal-erba’ libertajiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

11.

jiddubita kemm l-armonizzazzjoni komprensiva u sħiħa tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. S’issa l-Kummissjoni għadha ma tat l-ebda raġuni li tispjega l-pass li ħadet favur kompetenza regolatorja sħiħa f’dan il-qasam. L-armonizzazzjoni sħiħa għandha għalhekk tiġi applikata f’ċerti oqsma prinċipali tas-suq intern biss;

12.

jiddubita kemm l-armonizzazzjoni sħiħa ser iżżid il-fiduċja tal-konsumatur u tagħti spinta lill-kompetizzjoni. Il-problemi li qegħdin jiffaċċjaw il-konsumaturi x’aktarx ġejjin min-nuqqas ta’ sigurtà u mill-kumplikazzjonijiet fil-qasam tal-infurzar tal-liġi fil-kummerċ transkonfinali (ostakli lingwistiċi, spejjeż tal-avukati u tal-qrati eċċ.). Fir-rigward ta’ dawn il-punti d-Direttiva ma tipprovdi l-ebda titjib;

13.

jemmen li l-għan tal-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni, jiġifieri li tirregola kemm il-kummerċ transkonfinali kif ukoll in-negozju intern fl-Istati Membri, għandu jiġi skrutinizzat. Fil-fatt m’hemmx prova li turi li d-differenzi bejn ir-regoli interni jostakolaw il-kummerċ transkonfinali;

14.

jenfasizza wkoll li kull r-regola armonizzata għandha tistrieħ fuq provi empiriċi ċari u tkun soġġetta għal stima realistika tal-impatt;

15.

huwa tal-fehma li l-istħarriġ tal-Ewrobarometru, li serva ta’ bażi għal din il-proposta, ma jipprovdix raġuni suffiċjenti għad-dħul fis-seħħ tal-proposta għal Direttiva. Hemm bżonn li l-Kummissjoni tipprovdi bażi empirika u raġunijiet koerenti li jispjegaw il-bżonn ta’ azzjoni fir-rigward ta’ kull dispożizzjoni kkonċernata. L-istima tal-impatt s’issa tagħti biss indikazzjoni astratta tal-konsegwenzi tad-diversi azzjonijiet li jistgħu jittieħdu;

Osservazzjonijiet speċifiċi

Definizzjonijiet

16.

huwa tal-fehma li n-nuqqas ta’ ċarezza fit-termini użati fid-direttivi preċedenti dwar id-drittijiet tal-konsumatur, li kkontribwixxa għal nuqqas kbir ta’ trasparenza, ma ġiex ittrattat b’mod suffiċjenti fil-proposta għal Direttiva. Hemm bżonn ta’ definizzjonijiet ċari anki ta’ termini bħal “konsumatur” u “kummerċjant”;

Informazzjoni għall-konsumatur

17.

huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet rigward l-obbligu li tingħata l-informazzjoni mhumiex ċari biżżejjed u jista’ jkun li jirriżultaw f’inċertezzi legali sinifikanti; jiġifieri l-limitazzjoni fuq l-obbligu li tingħata informazzjoni (“il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja, jekk mhijiex diġà evidenti mill-kuntest”) hija vaga u ftit li xejn tista’ sservi ta’ bażi li fuqha jistgħu jsiru ċerti distinzjonijiet;

18.

jenfasizza li l-informazzjoni ċentrali li tapplika għall-kuntratti kollha għandha tiġi definita b’mod aktar konkret;

Informazzjoni għall-konsumatur u d-dritt ta’ rtirar fil-każ tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod u dawk innegozjati barra mil-lok tan-negozju

19.

jenfasizza li hemm intrapiżi, partikularment dawk żgħar, li qegħdin jilmentaw li diġà mhumiex kapaċi jikkonformaw mal-obbligu li tingħata informazzjoni mingħajr pariri legali. Formola standardizzata tista’ tgħin kemm lill-intrapriżi kif ukoll lill-konsumaturi. Dawk l-intrapriżi li jużaw il-formola pprovduta fid-Direttiva jistgħu jkunu ċerti li l-informazzjoni tagħhom tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva. Il-konsumaturi għandu jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni fl-istess format fl-Ewropa kollha. Il-formola pprovduta fl-appendiċi hija limitata f’dan ir-rigward;

20.

barra minn hekk jara ċerta ħtieġa ta’ kjarifika u ta’ adattament fir-rigward tal-kuntratti mill-bogħod. F’dan ir-rigward il-proposta tmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li qegħdin fis-seħħ bħalissa iżda ma tinkludix l-eċċezzjoni inkluża fid-Direttiva ta’ qabel dwar il-bejgħ mill-bogħod, jiġifieri li l-merkanzija, li “minħabba l-kondizzjoni tagħha ma tkunx tista’ tiġi rritornata” tiġi eskluża mid-dritt ta’ rtirar;

21.

jqis problematiku l-fatt li l-bejgħ bieb bieb se jkun inkluż fl-armonizzazzjoni sħiħa. Il-biċċa l-kbira taż-żjarat tal-kummerċjanti fid-djar u l-kuntratti li jsiru ’l barra mill-post tan-negozju, isiru fil-livell nazzjonali;

22.

jistaqsi għaliex id-dritt tal-irtirar m’għandux japplika fil-każ tal-abbonamenti f’rivisti u perjodiċi, is-servizzi tal-logħob u l-lotteriji. L-istess jgħodd għall-irkanti privati ta’ fuq l-internet, li f’ċerti pajjiżi membri (għall-anqas fil-Ġermanja) jitqiesu bħala kuntratti tal-bejgħ normali. Għalhekk għandu jkun hemm dispożizzjoni nazzjonli għall-irregolaritajiet;

Drittijiet oħra tal-konsumatur fir-rigward tal-kuntratti ta’ bejgħ

23.

jilqa’ b’sodisfazzjon is-suġġerimenti relatati mal-bejgħ lill-konsumatur, għax donnhom jaqdu tajjeb il-bżonnijiet ta’ min ibigħ (dritt ta’ twettiq supplimentari, termini ta’ skadenzi għas-servizzi);

24.

min-naħa l-oħra jqis b’mod kritiku s-suġġerimenti relatati ma’ prodotti difettużi, speċjalment dawk relatati mal-limitu taż-żmien li fih tista’ titressaq talba ta’ kumpens għall-prodotti difettużi;

Drittijiet tal-konsumatur fir-rigward tal-kondizzjonijiet kuntrattwali

25.

iqis problematiċi s-suġġerimenti relatati mal-kondizzjonijiet kuntrattwali stabbiliti peress li partijiet mid-dispożizzjonijiet proposti jimplikaw tnaqqis fid-drittijiet tal-konsumatur. Mhuwiex aċċettabbli standard aktar baxx minn dak attwali mill-acquis legali tal-Istati Membri;

Konklużjonijiet

26.

huwa tal-fehma li l-proposta għal Direttiva fl-għamla preżenti tagħha mhix adattata biex issaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur fin-negozju transkonfinali. Jekk il-leġiżlazzjoni proposta tfisser bidliet neċessarji fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal livell aktar baxx sabiex din tkun tista’ tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-UE, dan jista’ jwassal ukoll biex tkompli tiddgħajjef it-talba min-naħa tal-konsumatur, peress li standards aktar baxxi fil-ħarsien tal-konsumatur jista’ jkun li jwasslu biex il-konsumaturi jżommu lura aktar għax iħossuhom inċerti;

27.

jopponi l-armonizzazzjoni komprensiva u sħiħa u jistenna li anki fil-futur ikun possibbli li l-Istati Membri jitħallew imorru ’lil hinn mill-istandards komunitarji armonizzati;

28.

għal din ir-raġuni huwa favur approċċ differenzjat, li skontu għar-regoli li huma x’aktarx tekniċi tista’ tiġi adottata l-armonizzazzjoni sħiħa, waqt li għall-bqija jingħata ċertu spazju għar-regolamenti tal-Istati Membri. B’hekk huma jingħataw il-possibbiltà li jirreaġixxu aktar malajr għal żviluppi mhux mixtieqa milli jista’ jirreaġixxi l-leġiżlatur Ewropew;

29.

huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ approċċ integrat li permezz tiegħu jinstabu definizzjonijiet u dispożizzjonijiet adattati mhux biss għall-oqsma inklużi fil-proposta għal Direttiva, iżda anke għat-titjib tal-bqija tal-Acquis tal-Konsumatur;

30.

iqis li fir-rigward tal-Acquis eżistenti se jkun hemm bżonn ta’ aktar kjarifiki u konsultazzjonijiet. Matul in-negozjati għandu jintlaħaq bilanċ bejn livell għoli fil-ħarsien tal-konsumatur u l-kompetittività tal-intrapriżi. Għandhom jiġu evitati kemm piżijiet sproporzjonati b’mod partikulari fuq l-intrapriżi ta’ daqs medju kif ukoll tnaqqis fil-livell tal-ħarsien tal-konsumatur, li f’xi wħud mill-Istati Membri diġà huwa distint ħafna. Ikun xieraq li wieħed japprofitta min-negozjati anki sabiex l-informazzjoni għall-konsumatur issir aktar uniformi u sempliċi u aktar faċli biex tinftiehem;

31.

interessat ferm fil-kumplament tad-diskussjoni u beħsiebu jsegwiha b’mod pożittiv.

Brussell, 22 ta’ April 2009

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE