5.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 212/162


It-Tlieta, 5 ta’ Mejju 2009
Emenda għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli f'dak li għandu x'jaqsam mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għal-laħam tat-tjur *

P6_TA(2009)0336

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli, f'dak li għandu x'jaqsam mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għal-laħam tat-tjur (COM(2008)0336 – C6-0247/2008 – 2008/0108(CNS))

2010/C 212 E/27

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2008)0336),

wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0247/2008),

wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0223/2009),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.

Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

TEST PROPOST MILL-KUMMISSJONI

EMENDA

Emenda 1

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 5

(5)

Ir-riferenza esklussiva għat-trattament bil-kesħa fid-definizzjoni attwali tal-“laħam tat-tjur” hija restrittiva wisq fil-konfront ta' l-iżvilupp teknoloġiku. Jeħtieġ għalhekk li din id-definizzjoni tiġi adattata.

imħassra

Emenda 2

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 6 a (ġdida)

 

(6a)

L-indikazzjoni obbligatorja dwar l-oriġini jew is-sors tal-laħam tippermetti li l-konsumatur jagħmel għażla informata tajjeb.

Emenda 3

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 6 b (ġdida)

 

(6b)

Sabiex tingħata l-aħjar informazzjoni possibbli lill-konsumatur, għandha tkun obbligatorja l-indikazzjoni tad-data meta nqatlet it-tajra fuq it-tikketta tal-prodotti kollha li jinkludu l-laħam tat-tjur.

Emenda 4

Proposta għal regolament – att li jemenda

Anness – punt 2

Regolament (KE) Nru 1234/2007

Anness XIV – Parti B – Parti II – punt 1

1.

“laħam tat-tjur” tfisser: il-partijiet li jittieklu tat-tjur tal-kodiċi NM 0105.

1.

“laħam tat-tjur” tfisser: il-laħam tat-tjur tajjeb għall-konsum mill-bniedem li ma jkun għadda minn lebda trattament ieħor ħlief it-tkessiħ.

Emenda 5

Proposta għal regolament – att li jemenda

Anness – punt 2

Regolament (KE) Nru 1234/2007

Anness XIV – Parti B – Parti II – punt 2

2.

“laħam tat-tjur frisk” tfisser: laħam tat-tjur li qatt ma twebbes, fi kwalunkwe ħin, bi proċess ta' tkessiħ qabel ma tqiegħed f'temperatura permanenti ta’ mhux anqas minn - 2°C, u mhux aktar + 4°C; madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti ta' konservazzjoni differenti għal perjodu qasir għat-tqattigħ u l-ħżin ta' laħam tat-tjur frisk fil-ħwienet li jbigħu bl-imnut jew fi stabbililmenti fejn il-punti tal-bejgħ, fejn it-tqattigħ u l-ħżin jitwettqu biss għall-iskop tal-bejgħ dirett, fil-post, lill-konsumatur.

2.

“laħam tat-tjur frisk” tfisser: laħam tat-tjur li qatt ma twebbes, fi kwalunkwe ħin, bi proċess ta' tkessiħ qabel ma tqiegħed f'temperatura permanenti ta’ mhux anqas minn - 2°C, u mhux aktar + 4°C; madankollu, il-laħam tat-tjur frisk , meta jkun intenzjonat għall-produzzjoni ta' preparazzjonijiet ta' laħam, jista' jgħaddi minn proċess ta' twebbis f'temperaturi ta' anqas minn 2°C waqt perjodu qasir; l-indikazzjoni tad-data tal-qatla hi obbligatorja għall-prodotti kollha li jinkludu l-laħam tat-tjur.

Emenda 6

Proposta għal regolament – att li jemenda

Anness – punt 3 a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1234/2007

Anness XIV – Parti B – Parti IIIa (ġdida)

 

3a)

Il-parti li ġejja qed tiġi miżjuda:

“IIIa.     Informazzjoni obbligatorja fuq it-tikketta

L-isem tal-prodott tal-ikel fuq it-tikketta ta' kull prodott abbażi ta' laħam tat-tjur għandu jinkludi fih indikazzjoni ta' dan li ġej:

a)

kwalunkwe ingredjent miżjud li joriġina minn annimal differenti mill-bqija tal-laħam; u

b)

kull ilma miżjud li jkun jammonta għal aktar minn 5 % tal-piż tal-prodott”.

Emenda 7

Proposta għal regolament – att li jemenda

Anness – punt 3 b (ġdid)

Regolament (KE) Nru 1234/2007

Anness XIV – Parti B – Parti IIIb (ġdida)

 

3b)

Il-parti li ġejja qed tiġi miżjuda:

“IIIb.     Indikazzjoni tal-prezz

Il-prezz bil-kilo tal-prodott tal-ikel għandu jkun ibbażat biss fuq il-piż nett xott.”