8.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/395


Il-Ħamis, 23 ta' April 2009
Is-Sikurezza tal-pazjent *

P6_TA(2009)0287

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (COM(2008)0837 – C6-0032/2009 – 2009/0003(CNS))

2010/C 184 E/74

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2008)0837),

wara li kkunsidra l-Artikolu 152(4) tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6–0032/2009),

wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0239/2009),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

TEST PROPOST MILL-KUMMISSJONI

EMENDA

Emenda 1

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 2

(2)

Huwa stmat li fl-Istati Membri tal-UE bejn 8 % u 12 % tal-pazjenti li jittieħdu l-isptar ibatu minn konsegwenzi mhux mixtieqa waqt li qed jirċievu l-kura tas-saħħa.

(2)

Huwa stmat li fl-Istati Membri tal-UE bejn 8 % u 12 % tal-pazjenti li jittieħdu l-isptar ibatu minn konsegwenzi mhux mixtieqa waqt li qed jirċievu l-kura tas-saħħa, numru li jilħaq bejn is-6.7 miljuni u l-15-il miljun ta' pazjenti li ttieħdu l-isptar u aktar minn 37 miljun pazjenti li rrikorrew għall-kura tas-saħħa primarja.

Emenda 2

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 2 a (ġdida)

 

(2a)

Hu meqjus li l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura jolqtu bħala medja lil pazjent minn għoxrin, iġifieri kull sena 4.1 miljun ta' pazjenti fl-Unjoni Ewropea, u li madwar 37 000 imutu kull sena minħabba l-konsegwenzi ta' infezzjoni ta' dan it-tip.

Emenda 3

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 3

(3)

Sikurezza fqira tal-pazjent tirrappreżenta kemm problema serja fis-saħħa pubblika kif ukoll piż ekonomiku għoli fuq ir-riżorsi tas-saħħa limitati. Il-parti l-kbira ta' konsegwenzi mhux mixtieqa jistgħu jiġu evitati, kemm fis-settur tal-isptar kif ukoll fil-kura primarja, b'fatturi sistemiċi li jidhru li huma responsabbli għall-biċċa l-kbira tagħhom.

(3)

Sikurezza fqira tal-pazjent tirrappreżenta kemm problema serja fis-saħħa pubblika kif ukoll piż ekonomiku għoli fuq ir-riżorsi tas-saħħa limitati. Il-parti l-kbira ta' konsegwenzi mhux mixtieqa , inklużi dawk li jirriżultaw minn żbalji ta' djanjożi u/jew trattamenti, jistgħu jiġu evitati, kemm fis-settur tal-isptar kif ukoll fil-kura primarja, b' mezzi finanzjarji limitati u fatturi sistemiċi li jidhru li huma responsabbli għall-biċċa l-kbira tagħhom.

Emenda 4

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 6 a (ġdida)

 

(6a)

Hu meqjus li, fost l-episodji mhux mixtieqa relatati mal-kura tas-saħħa, l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura huma faċilment evitabbli. Hemm bżonn li l-Istati Membri jimplimentaw l-istrumenti biex in-numru ta' persuni milquta kull sena fl-Unjoni Ewropea minn episodji mhux mixtieqa jitnaqqas b'20 %.

Emenda 5

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 7

(7)

L-evidenza turi li l-Istati Membri tal-UE jinsabu f'livelli differenti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji effettivi u komprensivi għas-sikurezza tal-pazjenti. Għalhekk, din l-inizjattiva għandha tendenza li toħloq qafas li jagħti spinta lill-iżvilupp tal-politika u lill-azzjoni futura fi u bejn l-Istati Membri biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin li tiffaċċja l-UE dwar is-sikurezza tal-pazjenti.

(7)

L-evidenza turi li l-Istati Membri tal-UE jinsabu f'livelli differenti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji effettivi u komprensivi għas-sikurezza tal-pazjenti. Għalhekk, din l-inizjattiva għandha tendenza li toħloq qafas li jagħti spinta lill-iżvilupp tal-politika u lill-azzjoni futura fi u bejn l-Istati Membri biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin li tiffaċċja l-UE dwar is-sikurezza tal-pazjenti, fuq kollox ir-responsabilità tal-entitajiet u instituzzjonijiet għall-kura tas-saħħa tal-poplu. Skont l-Artikolu 152 tat-Trattat KE, madankollu, m'għandux ikun hemm indħil fil-kompetenzi tal-Istati Membri.

Emenda 6

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 8

(8)

Il-pazjenti għandhom ikunu mgħarrfa u mogħtija s-setgħa billi jiġu involuti fil-proċess tas-sikurezza tal-pazjenti; għandhom ikunu mgħarrfa dwar il-livelli ta' sikurezza u dwar kif jistgħu jsibu tagħrif aċċessibbli u komprensiv fir-rigward tal-ilmenti u s-sistemi ta' rimedju.

(8)

Il-pazjenti għandhom ikunu mgħarrfa u mogħtija s-setgħa billi jiġu involuti fil-proċess tas-sikurezza tal-pazjenti; għandhom ikunu mgħarrfa dwar il-livelli ta' sikurezza u dwar kif jistgħu jsibu tagħrif aċċessibbli u komprensiv fir-rigward tal-ilmenti u s-sistemi ta' rimedju. It-tip ta’ kumpens u l-proċedura ta’ kumpens, madanakollu, għandhom ikunu fir-responsabilità tal-Istati Membri individwali.

Emenda 7

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 10

(10)

Għandha tinġabar dejta komparabbli u aggregata f'livell Komunitarju biex jiġu stabbiliti programmi effiċjenti u trasparenti dwar is-sikurezza tal-pazjenti, strutturi u linji politiċi, u għandha tinxtered l-aħjar prattika fost l-Istati Membri. Biex tiffaċilita t-tagħlim reċiproku, jeħtieġ li jiġu żviluppati terminoloġija komuni għas-sikurezza tal-pazjenti u indikaturi komuni permezz tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li titqies il-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

(10)

Għandha tinġabar dejta komparabbli u aggregata f'livell Komunitarju biex jiġu stabbiliti programmi effiċjenti u trasparenti dwar is-sikurezza tal-pazjenti, strutturi u linji politiċi, u għandha tinxtered l-aħjar prattika fost l-Istati Membri. Din id-dejta għandha tintuża biss għall-iskopijiet tas-sigurtà tal-pazjenti fir-rigward tal-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa. Biex tiffaċilita t-tagħlim reċiproku, jeħtieġ li jiġu żviluppati terminoloġija komuni għas-sikurezza tal-pazjenti u indikaturi komuni permezz tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li titqies il-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

Emenda 8

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 11

(11)

L-għodda teknoloġiċi ta' tagħrif u ta' komunikazzjoni, bħar-rekords elettroniċi tas-saħħa jew il-preskrizzjoni elettronika, jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tas-sikurezza tal-pazjenti, bħal pereżempju permezz ta' skrining b'mod sistematiku għall-interazzjonijiet eventwali tal-mediċini jew l-allerġiji.

(11)

L-għodda teknoloġiċi ta' tagħrif u ta' komunikazzjoni, bħar-rekords elettroniċi tas-saħħa jew il-preskrizzjoni elettronika, jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tas-sikurezza tal-pazjenti, bħal pereżempju permezz ta' skrining b'mod sistematiku għall-interazzjonijiet eventwali tal-mediċini jew l-allerġiji, kif ġie rikonoxxut fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/594/KE tat-2 ta' Lulju 2008 dwar l-interoperabbiltà transkonfinali tas-sistemi tar-rekords elettroniċi tas-saħħa (1) .

Emenda 9

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 12a (ġdida)

 

(12a)

L-anzjani huma aktar suxxettibbli għall-mard infettiv meta jkunu l-isptar; għaldaqstant, għandha ssir riċerka dwar il-bżonnijiet tagħhom bħala grupp speċifiku u għandhom jittieħdu passi biex il-ħtiġijiet tagħhom jiġu soddisfatti sabiex jiġu megħjuna r-rijabilitazzjoni u l-fejqan tagħhom.

Emenda 10

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 15

(15)

Id-dejta disponibbli dwar infezzjonijiet assoċjati mal-kura għas-saħħa mhijiex biżżejjed biex tippermetti t-tqabbil bejn l-istituzzjonijiet permezz ta' netwerks ta' sorveljanza, il-monitoraġġ tal-epidemjoloġija ta' patoġeni assoċjati mal-kura għas-saħħa u l-evalwazzjoni u t-tmexxija ta' linji politiċi dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa. Għalhekk, is-sistemi ta' sorveljanza għandhom jiġu stabbiliti jew imsaħħa fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-kura għas-saħħa u f'livell reġjonali u nazzjonali.

(15)

Id-dejta disponibbli dwar infezzjonijiet assoċjati mal-kura għas-saħħa mhijiex biżżejjed biex tippermetti t-tqabbil bejn l-istituzzjonijiet permezz ta' netwerks ta' sorveljanza, il-monitoraġġ tal-epidemjoloġija ta' patoġeni assoċjati mal-kura għas-saħħa u l-evalwazzjoni u t-tmexxija ta' linji politiċi dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa. Għalhekk, is-sistemi ta' sorveljanza għandhom jiġu stabbiliti jew imsaħħa fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-kura għas-saħħa u f'livell reġjonali u nazzjonali. It-titjib tal-ġbir ta' informazzjoni fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew għandu jippermetti li jiġu stabbiliti b'mod aktar faċli korrelazzjonijiet diretti bejn il-kwalità tal-politiki, is-sistemi u l-istrutturi implimentati f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà tal-pazjenti u r-riżultati miksuba f'dan il-qasam.

Emenda 11

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 15 a (ġdida)

 

(15a)

Hemm bżonn li l-Istati Membri jkunu jistgħu jnaqqsu n-numru ta' persuni milqutin minn infezzjonijiet assoċjati mal-kura. Fost l-istrumenti differenti li jistgħu jiġu previsti, hu importanti li jiġi reklutat numru akbar ta' infermiera speċjalizzati fil-kontroll tal-infezzjonijiet.

Emenda 12

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 15 b (ġdida)

 

(15b)

Barra minn hekk, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-kura tagħhom għandhom jikkunsidraw l-użu ta’ staff ta’ kuntatt biex jgħin infermiera speċjalizzati fil-livell ta’ klinika fil-faċilitajiet ta’ emerġenza u fi sptarijiet lokali;

Emenda 13

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 15 c (ġdida)

 

(15c)

Biex jitnaqqsu l-kundizzjonijiet mhux mixtieqa li jirriżultaw mill-kura tas-saħħa, l-Istati Membri għandhom jiġu inkuraġġiti jiffissaw miri fuq livell lokali u nazzjonali għar-reklutaġġ ta' professjonisti tas-saħħa li jispeċjalizzaw fil-kontroll tal-infezzjonijiet, waqt li jitqies l-objettiv li proporzjonalment ikun hemm infermier għal 250 sodda tal-isptar sal-2015.

Emenda 14

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa 16a (ġdida)

 

(16a)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti biex tikkumbatti ċ-ċirkolazzjoni ta' mediċini foloz u l-ħsara kkawżata lill-pazjenti u lill-ħaddiema fil-kura tas-saħħa minn labar tas-siringi.

Emenda 15

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I - Kapitolu I a (ġdid) - Titolu

 

Emenda 16

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I - Kapitolu I a (ġdid) - Punt 1

 

(1)

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-istrumenti biex jitnaqqas b'20 % n-numru ta' persuni li kull sena fl-Unjoni Ewropea jintlaqtu minn episodji mhux mixtieqa wara kura tas-saħħa, persentaġġ li jikkorrispondi għall-objettiv li dawn l-episodji jitnaqqsu b'900 000 każ fis-sena sal-2015.

Emenda 17

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu II – punt 1 - punt a

a)

Ħatra tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-sikurezza tal-pazjenti fuq it-territorju tagħhom;

a)

Ħatra tal-awtoritajiet kompetenti fil-livelli differenti ta' amministrazzjoni lokali u nazzjonali responsabbli għas-sikurezza tal-pazjenti kif ukoll superviżjoni u koordinazzjoni tal-miżuri biex titjieb is-saħħa pubblika fuq it-territorju tagħhom ;

Emenda 18

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu II – punt 1 - punt c

c)

Appoġġ tal-iżvilupp ta' sistemi, proċessi u għodda aktar siguri, inkluż l-użu ta' teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni.

c)

Appoġġ tal-iżvilupp ta' sistemi, proċessi u għodda aktar siguri u faċli biex tużahom , inkluż l-użu ta' teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni.

Emenda 19

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu II – punt 2 - punt b a (ġdid)

 

b a)

L-informazzjoni għall-pazjenti dwar ir-riskji terapewtiċi u l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi legali li jiffaċilitaw il-mezzi ta' rimedju, anke kontra l-gruppi farmaċewtiċi, fil-każ ta' ħsara f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa.

Emenda 20

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu II – punt 3 – punt a

a)

Jipprovdu tagħrif xieraq dwar il-limitu safejn, it-tip u l-kawża ta' żbalji, konsegwenzi mhux mixtieqa u kważi-inċidenti;

a)

Jipprovdu tagħrif xieraq dwar il-limitu safejn, it-tip u l-kawża ta' żbalji, konsegwenzi mhux mixtieqa u kważi-inċidenti u jiġu identifikat l-persuni responsabbli għal dan ;

Emenda 21

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu II – punt 3 – punt b a (ġdid)

 

b a)

Jippermettu li l-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri differenti jaqsmu informazzjoni kunfidenzjali dwar il-professjonisti tas-saħħa li tqiesu ħatja ta' negliġenza jew nuqqas professjonali;

Emenda 22

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu II – punt 4 – punt b a (ġdid)

 

b a)

It-tagħlim u t-taħriġ adegwati għal kull min jaħdem fil-qasam tas-saħħa sabiex jużaw it-teknoloġija medika b'mod xieraq, bi qbil mal-funzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet indikati fil-gwidi għall-użu, sabiex jiġu evitati l-perikli għas-saħħa u l-effetti mhux mixtieqa, inklużi dawk li jirriżultaw mill-użu mill-ġdid mhux intenzjonat ta' apparat;

Emenda 23

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu II – punt 5 – subpunt c

c)

Biex jiġbru u jaqsmu d-dejta u t-tagħrif komparabbli dwar riżultati fir-rigward tas-sikurezza tal-pazjenti f'dak li huwa tip u numru, f'livell tal-UE, għall-iffaċilitar ta' tagħlim reċiproku u l-orjentazzjoni tal-iffissar ta' prijoritajiet.

c)

Biex jiġbru u jaqsmu d-dejta u t-tagħrif komparabbli dwar riżultati fir-rigward tas-sikurezza tal-pazjenti f'dak li huwa tip u numru, f'livell tal-UE, għall-iffaċilitar ta' tagħlim reċiproku u l-orjentazzjoni tal-iffissar ta' prijoritajiet. Il-kwantità u l-ispiża tal-ġbir ta’ dejta, u l-użu tad-dejta miġbura, m'għandhomx ikunu sproporzjonati għall-benefiċċji mistennija. Id-dejta għandha tinġabar biss sabiex jintlaħaq l-objettiv li jitnaqqsu l-infezzjonijiet relatati mat-trattament permezz ta’ taħriġ komuni.

Emenda 24

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu II – punt 6 – punt b a (ġdid)

 

b a )

It-tħeġġiġ, permezz tal-Unjoni Ewropea, tal-possibilitajiet ta' koperazzjoni, kif ukoll ta' skambji ta' esperjenza u ta' prattiki tajba bejn id-diretturi tal-isptarijiet, it-timijiet mediċi u l-grupp ta' pazjenti dwar inizjattivi lokali fil-qasam tas-sigurtà tal-pazjenti;

Emenda 25

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu III – punt 1 –punt -a (ġdid)

 

-a)

Il-forniment ta' mekkaniżmi ta' evalwazzjoni tar-riskji effettivi, li jinkludu eżami djanjostiku tal-pażjenti minn qabel ma jiddaħħlu l-isptar, sabiex, skont il-każ ikunu jistgħu jiġu identifikati malajr il-miżuri ta' prekawzjoni supplimentari;

Emenda 26

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu III – punt 1 –punt -a a (ġdid)

 

-aa)

Il-provvista ta’ ħarsien adegwat għall-istaff tal-kura tas-saħħa, permezz ta’ tilqim, profilassi wara l-esponiment, screening dijanjostiku ta’ rutina, forniment ta’ materjal protettiv personali u użu ta' teknoloġija medika li tnaqqas l-esponiment għall-infezzjonijiet li jinġarru mid-demm.

Emenda 27

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu III – punt 1 –punt -a b (ġdid)

 

-ab)

Il-provvista ta’ protezzjoni effettiva minn infezzjonijiet u kontroll effettiv tagħhom fuq perjodu ta’ żmien twil fil-faċilitiajiet ipprovduti mill-infermiera u faċilitajiet ta’ fejqan;

Emenda 28

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I - Kapitolu III - punt 1 - punt b

b)

It-titjib tal-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet f'livell tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa;

b)

It-titjib tal-ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet f'livell tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa u l-iżgurar tal-ogħla livell ta' ndafa, ta' iġjene u, jekk ikun hemm bżonn, ta' asepsis:

i)

tal-materjal relatat mal-ilqugħ u s-soġġorn tal-pazjenti;

ii)

tal-materjal mediku u paramediku, tal-apparat elettromediku għas-servizz tal-pazjenti, u tal-proċess ta' tqassim tal-mediċini;

iii)

tal-istrutturi sanitarji għall-kura tal-pazjenti;

Emenda 29

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu III – punt 1 - punt b a (ġdid)

 

(ba)

il-promozzjoni ta' iġjene tal-idejn fost il-professjonisti tas-saħħa;

Emenda 30

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu III – punt 1 - punt b b (ġdid)

 

(bb)

aktar prevenzjoni u kontroll fit-tixrid ta' mard fost staff mediku u paramediku u t-trażmissjoni tal-mard minnhom, billi jiġu implimentati l-politiki ta’ prevenzjoni meħtieġa għal dan l-iskop, inklużi l-kampanji neċessarji ta’ tilqim tal-istaff.

Emenda 31

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I - Kapitolu III - punt 1 - punt d

d)

It-trawwim tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta' ħaddiema tal-kura tas-saħħa f'livell tal-Istat Membru u fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa;

d)

Il-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta' ħaddiema tal-kura tas-saħħa u tal-ħaddiema paramediċi fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa , b'attenzjoni partikulari għall-infezzjonijiet miksubin mill-isptar u għar-reżistenza tal-vajrus għall-antibijotiċi ;

Emenda 32

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I - Kapitolu III - punt 1 - punt e

e)

Titjib fit-tagħrif li jingħata lill-pazjenti;

e)

Titjib fit-tagħrif li jingħata lill-pazjenti permezz tan-netwerk soċjosanitarju imma anke permezz ta' kampanji ta' tagħrif perjodiku fil-gazzetti, fuq ir-radju, fuq it-televixin u fuq l-internet ;

Emenda 33

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I - Kapitolu III - punt 1 - punt f

f)

Appoġġ lir-riċerka.

f)

Appoġġ lir-riċerka, fost l-oħrajn, fil-qasam tal-applikazzjonijiet mediċi possibbli tan-nanoteknoloġija u n-nanomaterjali .

Emenda 34

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu III – punt 1 - punt f a (ġdid)

 

(fa)

Ir-rappurtar ta’ kull infezzjoni assoċjata mal-kura tas-saħħa li titfaċċja, li taffettwa lil għadd sinifikanti ta' pazjenti, liċ-Ċentru Ewropew għall-Ħarsien minn u l-Kontroll tal-Mard (ECDC);

Emenda 35

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti I – Kapitolu III – punt 1 –punt f b (ġdid)

 

fb)

It-twettiq ta' kampanji ta' kuxjenza fost il-pubbliku u l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa sabiex jitnaqqsu l-prattiki li jwasslu għal reżistenza kontra l-mikrobi.

Emenda 36

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti II - Titolu

Emenda 37

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti II – punt 1 a (ġdid)

 

(1a)

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra fejn il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti tista' tiġi msaħħa biex is-sikurezza tal-pazjenti tittejjeb, pereżempju billi jiġi żgurat li meta professjonisti tal-kura tas-saħħa jaqsmu l-fruntieri fi ħdan l-Ewropa, ir-regolaturi professjonali jaqsmu informazzjoni dwar proċeduri dixxiplinari konklużi jew pendenti kontra individwi, u mhux biss il-kwalifiki inizjali tagħhom.

Emenda 38

Proposta għal rakkomandazzjoni

Parti II – punt 1 b (ġdid)

 

(1b)

Il-Kummissjoni hi mistiedna biex, fuq il-bażi tal-gwida prattika għall-prevenzjoni tal-infezzjonijiet miksuba mill-isptar, li tfasslet fl-2002 mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (2), tfassal dokument għall-attenzjoni tal-pazjenti dwar il-prevenzjoni tal-infezzjonijiet miksuba mill-isptar.

Emenda 39

Proposta għal rakkomandazzjoni

Anness 1 - Definizzjonijiet - “Kundizzjoni mhux mixtieqa” - kolonna 2

Inċident li jirriżulta fi ħsara lil pazjent. Il-ħsara timplika taħsir fl-istruttura jew fil-funzjoni tal-ġisem u/jew kwalunkwe effett dannuż li jiġi minn dan.

Inċident li jirriżulta fi ħsara lil pazjent li jkun seħħ waqt kura medika. Il-ħsara timplika taħsir permanenti jew temporanja fi struttura jew f'funzjoni tal-ġisem u/jew kwalunkwe effett dannuż li jiġi minn dan.

Emenda 40

Proposta għal rakkomandazzjoni

Anness 1 – Definizzjonijiet - “Kura tas-saħħa” – kolonna 2

Istituzzjoni fejn il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa jipprovdu kura sekondarja jew terzjarja.

Istituzzjoni pubblika jew mhux pubblika jew istituzzjoni karitatevoli tas-saħħa fejn il-voluntiera jew il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa jipprovdu kura sekondarja jew terzjarja.

Emenda 41

Proposta għal rakkomandazzjoni

Anness 1 – Definizzjonijiet – “Is-sikurezza tal-pazjent” - kolonna 2

Il-ħelsien ta' pazjent minn kwalunkwe ħsara bla bżonn jew minn ħsara potenzjali assoċjata mal-kura tas-saħħa.

Nuqqas ta’ inċidenti mhux mixtieqa, fejn inċident mhux mixtieq huwa definit bħala inċident dannuż ikkawżat aktar mit-trattament milli mill-marda. Dan l-inċident mhux mixtieq jista’ jkun wieħed li jista’ jiġi evitat jew ma jistax jiġi evitat.

Emenda 42

Proposta għal rakkomandazzjoni

Anness 1 – Definizzjonijiet – “Persuna ta' kuntatt fil-ġlieda kontra l-infezzjonijiet” - kolonna 2

Professjonijisti tas-saħħa li jaħdmu ġo oqsma kliniċi/dipartimenti li jaġixxu bħala kuntatt bejn il-qasam/id-dipartiment tagħhom u t-Tim tal-Kontroll u l-Ħarsien mill-Infezzjonijiet. Il-persuni ta' kuntatt fil-ġlieda kontra l-infezzjonijiet jgħinu fil-promozzjoni tal-ħarsien mill-infezzjonijiet u l-kontroll tagħhom fl-oqsma/fid-dipartimenti tagħhom u jikkomunikaw ir-riżultati lit-Tim tal-Kontroll u l-Ħarsien mill-Infezzjonijiet.

Professjonijisti tas-saħħa li jaħdmu ġo l-oqsma korrispondenti li jaġixxu bħala kuntatt bejn il-qasam ta' attività tagħhom u t-Tim tal-Kontroll u l-Ħarsien mill-Infezzjonijiet. Il-persuni ta' kuntatt fil-ġlieda kontra l-infezzjonijiet jgħinu fil-promozzjoni tal-ħarsien mill-infezzjonijiet u l-kontroll tagħhom fil-qasam ta' attività tagħhom u jikkomunikaw ir-riżultati lit-Tim tal-Kontroll u l-Ħarsien mill-Infezzjonijiet.

Emenda 43

Proposta għal rakkomandazzjoni

Anness 2 – Kapitolu 1 – punt 1 - punt b a (ġdid)

 

ba)

L-aċċettar ul-promozzjoni tal-użu tal-għodda tat-teknoloġija ta' informazzjoni u komunikazzjoni, bħall-istruzzjonijiet għall-użu disponibbli f'format elettroniku, sabiex jittejjeb il-fehim tal-apparat mediku minn min jużah;

Emenda 44

Proposta għal rakkomandazzjoni

Anness 2 – Kapitolu 1 – punt 4 - punt c a (ġdid)

 

c a)

It-tagħlim u t-taħriġ adegwati għal kull min jaħdem fil-qasam tas-saħħa sabiex jużaw it-teknoloġija medika b'mod xieraq, bi qbil mal-funzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet indikati fil-gwidi għall-użu, sabiex jiġu evitati l-perikli għas-saħħa u l-effetti mhux mixtieqa, inklużi dawk li jirriżultaw mill-użu mill-ġdid mhux intenzjonat ta' apparat;

Emenda 45

Proposta għal rakkomandazzjoni

Anness 2 - Kapitolu 1 - Punt 7 - punt a a (ġdid)

 

aa)

Billi jistimulaw ir-riċerka, fost l-oħrajn, dwar l-applikazzjonijiet mediċi tan-nanoteknoloġiji u n-nanomaterjali.

Emenda 46

Proposta għal rakkomandazzjoni

Anness 2 – Kapitolu 2 – punt 1 –punt a – inċiż 2

L-integrazzjoni tal-miżuri ta' ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet fi pjanijiet għall-kura tal-pazjenti;

L-integrazzjoni tal-miżuri ta' ħarsien minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet fi pjanijiet għall-kura tal-pazjenti, inklużi kampanji ta' tilqim, neċessarji, għall-istaff ;


(1)   ĠU L 190, 18.7.2008, p. 37.

(2)   WHO, Gwida prattika għall-prevenzjoni tal-infezzjonijiet miksuba mill-isptar, l-ewwel edizzjoni, Diċembru 2002 (it-tieni edizzjoni ippubblikata fl-2008)