22.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 286/47


L-Erbgħa, 16 ta’ Diċembru 2009
Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Svezzja/Volvo - Awstrija/Steiermark - Olanda/Heijmans

P7_TA(2009)0107

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2009 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod (COM(2009)0602 – C7-0254/2009 – 2009/2183(BUD))

2010/C 286 E/11

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0602 – C7-0254/2009),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod (1) (il-Ftehim Interistituzzjonali), u b'mod partikulari l-punt 28,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (Regolament tal-EGF),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali (A7-0079/2009),

A.

billi l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jbatu minħabba l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u li tkun disponibbli b'mod effiċjenti u malajr kemm jista' jkun, b'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni li ġiet adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u filwaqt li jiġi kkunsidrat kif xieraq il-Ftehim Interistituzzjonali fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-Fond,

C.

billi l-Isvezja, l-Awstrija u l-Olanda talbu għall-għajnuna fir-rigward tal-każijiet li jikkonċernaw is-sensji fis-settur awtomotiv fl-Isvezja (3) u l-Awstrija (4), u fis-settur tal-kostruzzjoni f'kumpanija waħda, Heijmans N.V., fl-Olanda (5),

D.

billi l-applikazzjonijiet issodisfaw il-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament EGF,

1.

Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;

2.

Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, fejn jingħata appoġġ individwali ta' darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li tilfu xogħolhom minħabba l-globalizzazzjoni;

3.

Jenfasizza li l-possibilità li l-proposti għal deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-fond jinġabru f'lottijiet skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament tal-EGF tipperikola d-dritt tal-awtorità baġitarja li teżamina kull applikazzjoni fuq il-bażi tal-merti tagħha u tista', b'konsegwenza, tippenalizza xi wħud minnhom;

4.

Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tuża l-mezzi tagħha kollha biex tiffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija; jenfasizza li f'dan ir-rigward l-EGF jista' jkollu rwol kruċjali biex il-ħaddiema li tilfu xogħolhom jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol;

5.

Jenfasizza li, b'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-EGF, għandu jiġi żgurat li l-EGF jappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol tal-ħaddiema individwali li tilfu xogħolhom; itenni li l-għajnuna mill-EGF ma għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tieħu post miżuri għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

6.

Ifakkar lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-EGF, biex ma tittrasferix sistematikament approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mill-Fond Soċjali Ewropew, peress li l-EGF inħoloq bħala strument speċifiku għalih bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu;

7.

Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-EGF għandhom ikunu evalwati fil-qafas tal-evalwazzjoni ġenerali tal-programmi u d-diversi strumenti oħra maħluqa mill-Ftehim Interistituzzjonali, fi ħdan il-proċess tar-reviżjoni tal-baġit tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;

8.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni biex minn issa 'l quddiem tissottometti l-proposti għall-awtorizzazzjoni tal-mobilizzazzjoni tal-Fond b'mod separat għal kull applikazzjoni;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)  EGF/2009/007 SE/Volvo

(4)  EGF/2009/009 AT/Steiermark

(5)  EGF/2009/011 NL/Heijmans N.V.


L-Erbgħa, 16 ta’ Diċembru 2009
ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod (1), u b'mod partikulari l-punt 28,

ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2),

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati li jbatu minħabba l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija u biex jgħinhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol.

(2)

L-ambitu tal-EGF ġie mwessa' għall-applikazzjonijiet sottomessi mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

(3)

Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF sal-limitu annwali massimu ta' EUR 500 miljun.

(4)

L-Isvezja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fis-settur awtomotiv, fil-5 ta' Ġunju 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 9 839 674.

(5)

L-Awstrija ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fis-settur awtomotiv, fid-9 ta' Lulju 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 5 705 635.

(6)

L-Olanda ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fis-settur tal-kostruzzjoni, fl-4 ta' Awwissu 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 386 114.

(7)

L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa mill-Isvezja, l-Awstrija u l-Olanda.

JIDDEĊIEDU:

Artikolu 1

Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2009, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 15 931 423 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.