22.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 255/1


L-458 SESSJONI PLENARJA FIS-16 U S-17 TA’ DIĊEMBRU 2009

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-kummerċ u s-sigurtà alimentari”

(opinjoni esploratorja)

(2010/C 255/01)

Relatur: Is-Sur CAMPLI

Korelatur: Is-Sur PEEL

F’ittra ddatata s-21 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jfassal opinjoni esploratorja dwar:

Il-kummerċ u s-sigurtà alimentari.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Novembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur Campli u l-korelatur is-Sur Peel.

Matul l-458 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u s-17 ta’ Diċembru 2009 (seduta tas-16 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’191 vot favur, vot kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Konklużjonijiet

1.1.1   Fil-fehma tal-KESE, id-dritt għall-ikel huwa dritt fundamentali taċ-ċittadinanza bħalma huwa d-dritt tas-soċjetà ċivili li tintervjeni fl-aspetti kollha ta’ din il-kwisjtoni; barra minn hekk, jikkunsidra s-sigurtà alimentari globali bħala dritt fundamentali tal-bniedem.

1.1.2   F’dinja fejn qed jiġi prodott biżżejjed ikel għal kulħadd, iktar minn biljun persuna mhux qed ikollhom aċċess għal ikel biżżejjed. Il-kawża bażika ta’ din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel hija l-faqar f’kuntest ta’ diżintegrazzjoni tal-ekonomiji u l-infrastrutturi tas-swieq lokali minħabba fl-strateġiji internazzjonali li bdew mis-snin tmenin.

1.1.3   Il-KESE huwa konxju mill-fatt li fil-qasam tal-politiki komplementari ta’ żvilupp, maħsuba għat-tnaqqis tal-faqar u għaż-żieda fid-dħul, il-kummerċ regolat jista’ jgħin biex persuni u gruppi joħorġu minn kundizzjoni ta’ insigurtà alimentari, anki permezz tal-iżvilupp tas-swieq reġjonali.

1.1.4   Ir-rikors mifrux għal miżuri protezzjonistiċi ma jgħinx biex tinkiseb is-sigurtà alimentari globali, peress li dawn jeliminaw il-flessibbiltà meħtieġa u jostakolaw, b’mod speċjali fl-Afrika, kwalunkwe forma ta’ integrazjoni reġjonali effettiva.

1.1.5   Il-KESE jemmen li kummerċ regolat għandu jintegra, fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tal-implimentazzjoni tiegħu, il-prinċipji tad-dritt għall-ikel u li l-Istati għandhom jastjenu milli jidħlu f’obbligi internazzjonali li huma f’kunflitt ma’ dawk il-prinċipji.

1.1.6   Il-KESE huwa konxju li l-politiki maħsuba għall-awtosuffiċjenza alimentari huma ekonomikament għaljin u mhux koerenti mal-approċċ ta’ governanza globali. Fl-istess ħin jagħraf ukoll is-sovranità alimentari bħala dritt leġittimu ta’ poplu li jiddefinixxi b’mod awtonomu l-politiki għall-kisba tas-sigurtà alimentari tiegħu, u għall-provvista tal-ikel għal din il-popolazzjoni fuq bażi stabbli, fir-rispett għas-sovranità alimentari ta’ ħaddieħor.

1.1.7   Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu riformati l-istrumenti, il-korpi u l-politiki tal-governanza globali tas-sigurtà alimentari u tal-kummerċ skont il-prinċipji u l-prattiki tal-Policy coherence for Development.

1.1.8   Il-KESE jemmen li l-istrateġiji potenzjali u utli kollha maħsuba biex jiġġieldu l-faqar u jiffavorixxu ż-żieda tas-sigurtà alimentari jistgħu jiksbu riżultati stabbli li jagħtu l-frott jekk dawn jimxu id f’id mal-progress fil-proċessi demokratiċi u jekk jissaħħaħ l-istat tad-dritt fil-pajjiżi li huma suġġetti għall-insigurtà alimentari.

1.2   Rakkomandazzjonijiet

1.2.1   Bħala parti minn approċċ ta’ politka globali, il-KESE qed iressaq ir-rakkomandazzjonijiet ġenerali li ġejjin:

1.2.1.1   lill-Unjoni Ewropea, biex timplimenta l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, bil-għan li tinħoloq strateġija politika preċiża rikonoxxuta mill-imsieħba dinjija u biex ikollha rwol prinċipali f’riforma profonda tas-sistema FAO-PDI-IFAD;

1.2.1.2   lill-Unjoni Ewropea, biex tintegra strutturalment il-prinċipji tad-dritt għall-ikel fil-politiki kummerċjali tagħha u biex tniedi azzjoni adatta ta’ kollaborazzjoni mal-membri l-oħra tad-WTO sabiex dawn il-prinċipji jkunu strutturalment integrati fin-negozjati multilaterali;

1.2.1.3   lill-Unjoni Ewropea, biex tinvestiga l-modi kif, fil-kuntest tal-politiki dwar ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpanniji (CSR), l-attivitajiet ekonomiċi u kummerċjali tal-kumpanniji Ewropej jew li għandhom is-sede fl-UE jkunu jistgħu jiġu mmonitorjati f’dak li huwa impatt fuq is-sigurtà alimentari globali; f’dan ir-rigward, il-KESE jimpenja ruħu biex ifassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-Agrinegozju Ewropew fid-dinja: strateġiji, sfidi u l-aħjar prattiki;

1.2.1.4   lill-Unjoni Ewropea sabiex tinkludi fil-ftehimiet futuri ta’ sħubija ekonomika u fil-ftehimiet l-oħra ta’ skambju ħieles rwol istituzzjonali għas-soċjetà ċivili, kif diġà ġie previst fil-ftehima Cariforum-KE;

1.2.1.5   lill-korpi internazzjonali finanzjarji, biex jistabbilixxu regolamentazzjoni adatta tas-swieq finanzjarji sabiex tiġi evitata l-ispekulazzjoni dwar il-materja prima agrikola;

1.2.1.6   lill-organizzazzjonijiet internazzjonali għas-saħħa tal-bniedem u dawk ambjentali sabiex jiskoraġġixxu d-dieti li jagħmlu użu eċċessiv minn proteini tal-annimali;

1.2.1.7   lill-komunità internazzjonali biex toħloq sistema ta’ riservi alimentari internazzjonali sabiex taħdem f’koordinazzjoni mill-viċin mas-sistema ta’ twissija bikrija tal-FAO.

1.2.1.8   lill-komunità internazzjonli biex tirrevedi l-klassifikazzjoni tan-NU sabiex issir distinzjoni ċara bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom dħul medju u dawk il-pajjiżi li huma ifqar jew huma inqas avvanzati;

1.2.1.9   lill-membri kollha tad-WTO u primarjament lill-Unjoni Ewropea biex jinkorporaw analiżi tal-impatt u tal-vulnerabbiltà fil-mandati ta’ negozjar għal pajjiżi u gruppi speċifiċi ta’ nies;

1.2.1.10   lill-membri tad-WTO biex jistipulaw miżuri temporanji għar-restrizzjoni tal-esportazzjonijiet li, billi jippermettu b’mod effettiv biex il-prezzijiet tal-ikel f’pajjiżi li qed jiżviluppaw jibqgħu baxxi, jassistu fil-ġestjoni tal-kriżijiet alimentari li qed ikun hawn u li jolqtu gruppi soċjali speċifiċi;

1.2.1.11   lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jinvolvu b’mod stabbli l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa fl-ipprogrammar tal-iżvilupp agrikolu u biex isaħħu l-forom kollha ta’ produzzjoni organizzata mwaqqfa mill-bdiewa u dawk promossi mill-ħaddiema u l-konsumaturi.

1.2.2   B’referenza speċifika għan-negozjati tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika li għaddejjin bħalissa, il-KESE jirrakomanda biex l-UE:

1.2.2.1   taħdem għal integrazzjoni reġjonali akbar, l-aktar fl-Afrika, bħala għodda b’saħħitha għall-promozzjoni kemm tal-iżvilupp kif ukoll tas-sigurtà alimentari, u bħala element essenzjali fir-reviżjoni tal-Ftehima ta’ Cotonou prevista għall-2010.

1.2.2.2   tassigura s-sinerġiji bejn l-inizjattivi varji ta’ integrazzjoni reġjonali li jikkoinċidu waħda mal-oħra u fost il-ftehimiet interim ta’ sħubija ekonomika varji u l-ftehimiet globali;

1.2.2.3   tassigura li n-negozjati jkun jistgħu jadattaw malajr għall-kapaċità u għall-potenzjalità tal-pajjiżi tal-AKP, bil-garanzija ta’ riżultati immedjati f’setturi bħas-semplifikazzjoni tar-regoli ta’ oriġini;

1.2.2.4   tħeġġeġ l-akbar numru possibbli ta’ pajjiżi tal-AKP (Grupp tal-Istati tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku) biex jagħżlu l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali bħala setturi ta’ prijorità;

1.2.2.5   tkompli żżid is-somma ta’ aktar minn żewġ biljun euro, kif stabbilita mill-UE allokata għall-għajnuna għall-kummerċ u għall-assistenza relatata mal-kummerċ, filwaqt li jiġu kkunsidrati wkoll l-effetti pprovokati mill-kriżi ekonomika;

1.2.2.6   tippromovi l-iżvilupp u t-tkabbir tal-industriji Afrikani ta’ proċessar b’valur miżjud għoli, prinċipalment tal-prodotti alimentari, anki permezz tat-titjib tas-sistemi tal-infrastruttura;

1.2.2.7   tiffavorixxi b’mod sinifikattiv ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku fil-livell lokali, l-aktar fis-setturi marbuta mal-agrikoltura.

1.2.3   B’referenza speċifika għan-negozjati ta’ Doha tad-WTO li għaddejjin bħalissa, il-KESE jirrakomanda:

1.2.3.1   lill-membri tad-WTO biex ir-reviżjoni strateġika tal-politika kummerċjali sservi għat-tnedija ta’ dibattitu dwar kif għandhom jitwettqu n-negozjati kummerċjali futuri fil-qasam agrikolu, fejn is-sigurtà alimentari tingħata status speċifiku, u dwar il-forom futuri tal-assistenza teknika għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

1.2.3.2   lill-membri tad-WTO sabiex jikkonkludu ċ-Ċiklu ta’ Doha għall-Iżvilupp sal-2010, kif mitlub mill-G20, sabiex jintwera l-impenn meħud fil-qasam kemm tal-iżvilupp kif ukoll tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju;

1.2.3.3   lill-UE biex tikkonsolida l-konċessjonijiet li diġà saru lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw minflok tipprova tikseb konċessjonijiet oħra għaliha nnifisha;

1.2.3.4   lill-UE biex testendi l-inizjattiva Kollox ħlief armi għall-pajjiżi kollha indikati mill-FAO li qegħdin fi kriżi alimentari u f’periklu kbir, anke jekk ma jgħoddux mal-pajjiżi anqas żviluppati jew il-pajjiżi AKP;

1.2.3.5   lill-UE biex tuża mekkaniżmi kummerċjali sabiex tippromovi sigurtà alimentari akbar, bħal pereżempju applikazzjoni bikrija tal-Ftehima tad-WTO dwar il-“Faċilitazzjoni tal-Kummerċ”, l-assistenza fi kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji, u appoġġ għall-bdiewa żgħar u indipendenti li mhumiex inklużi fil-katina tal-provvista kkontrollata.

2.   Is-sigurtà alimentari waqt iż-żewġ kriżijiet

2.1   Definizzjonijiet

2.1.1   Il-KESE jaqbel mad-definizzjoni tas-Summit Dinji dwar l-Ikel (1996), li ġiet aċċettata minn kulħadd, tas-sigurtà alimentari bħala l-kundizzjoni fejn il-persuni “kollha, fi kwalunkwe mument, ikollhom aċċess fiżiku, ekonomiku u soċjali għal ikel biżżejjed, sikur u nutrijenti li jissodisfa l-ħtiġijiet u l-preferenzi alimentari tagħhom sabiex ikunu jistgħu jgħixu ħajja attiva u f'saħħitha”.

2.1.2   Minħabba dan, il-KESE jenfasizza li s-sigurtà alimentari hija problema kumplessa li tikkonsisti f’erba’ aspetti li għandhom jiġu kkunsidrati:

a)

fi kwantità tal-ikel;

b)

fiżiku, ekonomiku u soċjali;

c)

xieraq;

d)

fiż-żmien tad-disponibbiltà, l-aċċess u l-użu.

2.2   Il-qagħda attwali u ż-żewġ kriżijiet (alimentari u finanzjarja)

2.2.1   L-analiżi tal-insigurtà alimentari turi l-karatteristiċi essenzjali li ġejjin (1): a) din qed tiżdied u issa, wara ż-żewġ kriżijiet, qed taffettwa aktar minn biljun ruħ; b) hija aktar u aktar ikkonċentrata (89 % tal-każijiet fl-Ażja, il-Paċifiku u l-Afrika ’l isfel mis-Saħara); c) tibqa’ rurali ħafna (70 % tal-individwi li qed jesperjenzaw insigurtà alimentari jgħixu f’żoni rurali), iżda qed tolqot ukoll żoni urbani u periurbani.

2.2.2   Iż-żieda fil-prezzijiet agrikoli hija l-kawża prinċipali għall-aktar żieda riċenti fin-numru ta’ persuni li qed jesperjenzaw insigurtà alimentari; Barra minnn hekk qed tiġi rreġistrata żieda fin-numru ta’ avvenimenti diżastrużi b’effetti fuq is-sigurtà alimentari; barra minn hekk fost id-diżastri pprovokati mill-bniedem huma dejjem aktar importanti dawk ta’ natura soċjoekonomika fir-rigward ta’ gwerer u kunflitti.

2.2.3   Il-prezzijiet tal-materji primi agrikoli ġew karatterizzati minn żieda fil-volatilità f’dawn l-aħħar tletin sena, li tirrifletti tendenza ta’ perijodu medju li xorta waħda kienet waħda ta’ tnaqqis f’termini reali. Iż-żieda għolja fl-2007–2008 kellha impatt partikulari kemm minħabba l-kobor tagħha kif ukoll il-veloċità tagħha (fi ftit iktar minn 12-il xahar, l-indiċi tal-prezzijiet tal-ikel tal-FAO żdied b’madwar 60 %). Wieħed għandu jiftakar, madankollu, li anki fl-ogħla livell tagħhom (Marzu 2008), il-prezzijiet baqgħu taħt il-livelli massimi storiċi li ġew reġistrati fil-bidu tas-snin ’70.

2.2.4   Fir-rigward tal-iżviluppi riċenti, għandna nenfasizzaw il-fatt li minn meta nfaqgħet il-bużżieqa spekulattiva finanzjarja, il-prezzijiet agrikoli naqsu b’mod kostanti, għalkemm baqgħu ogħla minn kemm kienu qabel il-kriżi tal-2007–2008.

2.2.5   Il-KESE juri li taħt dan iċ-ċaqliq kbir fil-prezzijiet u l-volatilità konsistenti tagħhom li dejjem qed tiżdied hemm kawżiet strutturali, ekonomiċi kif ukoll spekulattivi.

2.2.6   Il-KESE jindika, b’mod partikulari, li hemm korrelazzjoni qawwija bejn it-tendenzi riċenti fil-prezzijiet agrikoli u l-prezz taż-żejt, din għandha impatt fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola u l-konvenjenza li jiġu prodotti l-bijokarburanti, speċjalment meta dawn ikunu sostnuti minn għajnuna pubblika.

2.2.7   Kawżiet oħra li jikkontribwixxu għal dan jinkludu: tnaqqis gradwali tal-investimenti agrikoli u produttività kronikament baxxa fl-agrikoltura tal-pajjiżi foqra; urbanizzazzjoni aċċellerata; żieda fil-livelli tad-dħul f’ċerti pajjiżi emerġenti (iċ-Ċina u l-Indja), b’ċaqliq konsegwenti lejn dieta b’konsum ogħla ta’ laħam; u l-kroll tas-sistemi tal-ħażniet alimentari.

2.2.8   Il-KESE jenfasizza li f’din il-qagħda mibdula rajna żieda fit-tendenza min-naħa tal-kapital spekulattiv u l-fondi ta’ investiment, inkluż fl-Ewropa, li jinkludu fil-portafoll tagħhom bonds marbuta mal-materja prima agrikola, u b’hekk il-prezzijiet ta’ dawn isiru aktar volatili u jgħawġu s-suq tal-kuntratti tal-futures.

2.2.9   Għalhekk il-KESE jenfasizza li jekk ma jsirx intervent għal riforma rapida u vigoruża tas-swieq finanzjarji, l-ispekulazzjoni fil-prezzijiet tal-komoditajiet agrikoli ser jerġgħu jintensifikaw fix-xhur li ġejjien u fil-futur, b’konsegwenzi potenzjalment serji mil-lat taż-żieda fl-insigurtà alimentari.

2.2.10   Il-kriżi finanzjarja, flimkien mal-kriżi tal-prezzijiet tal-materja prima agrikola, tat lok għal sensiela ta’ żviluppi interkonnessi f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi: tnaqqis fil-fluss tal-kapital, tnaqqis tar-rimessi, gvernijiet li mhumiex kapaċi jintroduċu programmi ta’ nfiq pubbliku, tendenza għal ritorn għal “għajnuna marbuta”, żieda fil-faqar, tnaqqis fl-investimenti, tnaqqis fiż-żrigħ u tbassir ta’ anqas ħsad u żieda mill-ġdid fil-prezzijiet tal-ikel.

2.2.11   Il-kategoriji soċjali l-aktar milquta huma dawk li jippreżentaw fatturi maġġuri ta’ vulnerabbiltà: l-abitanti rurali mingħajr artijiet, familji fejn il-kap tal-familja hija mara, u l-foqra urbani. B’referenza għall-pajjiżi differenti, dawk l-aktar milquta huma l-pajjiżi karatterizzati minn dipendenza strateġika fuq l-importazzjonijiet, u dan jenfasizza l-ħtieġa essenzjali għal żvilupp agrikolu lokali.

2.2.12   Iffaċċjat b’dawn is-sitwazzjonijiet il-KESE jenfasizza l-urġenza ta’ żieda fir-riżorsi finanzjarji internazzjonali għall-iżvilupp; għal dan il-għan, il-Kumitat jappoġġja l-idea ta’ taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (2) li d-dħul minnhom ikun jista’ jiġi allokat għall-interventi għas-sigurtà alimentari.

2.2.13   Huwa fundamentali wkoll li l-pajjiżi tal-AKP jibdlu l-mod kif jużaw ir-riżorsi tal-FEŻ sabiex tiżdied is-sigurtà alimentari; fil-preżent, fil-fatt, minkejja li 70 % tal-popolazzjoni li qed tesperjenza insigurtà alimentari tgħix f’żoni rurali, 7,5 % biss mid-Disa’ Fond Ewropew ta’ żvilupp (2000-2007) ġie allokat mill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-AKP għall-iżvilupp rurali, u bilkemm 1,5 % għal attività espliċitament marbuta mal-agrikoltura.

2.3   Problemi li qed joħorġu

2.3.1   Kwalunkwe analiżi fit-tul tal-insigurtà alimentari teħtieġ għarfien kuntestwali ta’ fenomeni oħra li qed jemerġu u li issa saru kollegati strutturalment:

Ilma: il-korrelazzjoni tas-sigurtà alimentari mal-kwistjoni tal-ilma ġiet affermata mir-riżoluzzjoni tan-NU tal-20 ta’ April 2001. Jeħtieġ li l-kunċett tad-“dritt tal-aċċess għall-ilma” jikseb rikonoxximent politiku u legali peress li l-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb huwa kundizzjoni fundamentali għas-saħħa pubblika u huwa wieħed mill-elementi fl-alimentazzjoni ta’ kwalità aċċettabbli.

Art bi prezz irħis: dan l-aħħar, flimkien mal-iskarsezza tal-art agrikola li tista’ tintuża, żdied fenomenu ġdid ta’ importanza ekonomika u politika: l-akkwist ta’ estensjonijiet kbar ta’ artijiet min-naħa tal-Istati, kumpanniji privati, u fondi ta’ investiment, li jieħdu f’idejhom il-kontroll tal-produzzjoni kif ukoll jheddu l-indipendenza ta’ Stati oħra (3). Huwa għalhekk urġenti li jitfassal qafas legali bilaterali u multilaterali li jista’ jiddetermina t-tqassim ġust tal-benefiċċji, li jkopri l-impjiegi, l-istandards ambjentali, l-iżvilupp teknoloġiku u s-sigurtà alimentari fil-pajjiżi konċernati;

Il-klima: Il-persuni li jbatu l-iktar il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima huma l-bdiewa żgħar marġinali b’inqas kapaċità biex jadattaw, u persuni li jaħdmu fis-settur tas-sajd fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Bijokarburanti: Il-KESE diġà enfasizza f’opinjonijiet oħra l-impatt tal-produzzjoni tal-bijokarburanti fuq iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u fil-volatilità tagħhom.

Kwistjoni demografika: f’dawn l-aħħar snin, iż-żieda globali fil-popolazzjoni ma ġietx korrisposta minn żieda fil-produttività agrikola mnħabba l-livell baxx ta’ investimenti li saru fis-settur; iżda għalissa jibqgħu deċiżivi l-politiki demografiċi speċifiċi, b’mod speċjali fil-pajjiż li qegħdin l-iktar fil-periklu.

3.   Id-dritt għall-ikel

3.1   Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li, flimkien mal-istrumenti li jirregolaw it-tendenzi tas-suq u l-istituzzjonijiet speċifiċi tagħhom, jiġu elaborati regolamenti internazzjonali ġodda. Jekk l-affermazzjoni bis-sħiħ tad-drittijiet tan-nies tiġi kkombinata ma’ titjib gradwali fl-effettività tal-istrumenti tal-ekonomija tas-suq, dan jista’ jwassal għal qafas strateġiku ġdid biex jirreloga s-sigurtà alimentari bin-natura kumplessa u globali tagħha.

3.2   Strateġija bħal din tista’ tikseb riżultati stabbli li jagħtu l-frott jekk din timxi id f’id mal-progress fil-proċessi demokratiċi u jekk jissaħħaħ l-istat tad-dritt fil-pajjiżi li huma suġġetti għall-insigurtà alimentari.

3.3   Il-KESE jaqbel mad-definizzjoni tad-dritt għall-ikel bħala “id-dritt li jkun hemm aċċess regolari, permanenti u liberu, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ xiri bi ħlas, għal ikel kwantitattivament u kwalitattivament adegwat u suffiċjenti skont it-tradizzjonijiet kulturali tal-poplu li l-konsumatur jagħmel parti minnu, u li tkun żgurata ħajja fiżika u mentali, individwali u kollettiva, sodisfaċenti u dinjituża ħielsa minn kwalunkew biża” (4). Id-definizzjoni hija strettament marbuta mal-kunċett tas-sigurtà alimentari li jinsab b’mod espliċitu fl-ewwel paragrafu tal-Pjan ta’ Azzjoni tas-Summit Dinji dwar l-Ikel u li ġie analizzat fil-punt preċedenti ta’ din l-opinjoni.

3.4   F’Novembru 2004, l-istati membri tal-FAO adottaw sett ta’ Linji Gwida Volontarji (5) dwar kif għandu jiġi interpretat dan id-dritt soċjali, ekonomiku u kulturali u li jirrakkomandaw passi prattiċi li jistgħu jittieħdu biex id-dritt għall-ikel isir realtà.

3.5   Fil-preżent hawn diversi pajjiżi fid-dinja li għandhom Kostituzzjoni li tagħmel referenza espliċita għad-dritt għall-ikel, iżda ftit huma dawk li adottaw liġijiet interni biex verament jipproteġu dan id-dritt; dawn jinkludu l-Afrika t’Isfel u l-Brażil li adottaw anki leġiżlazzjoni ordinarja li tirrikonoxxi li d-dritt għall-ikel u għall-ilma jista’ jikkostitwixxi bażi għal azjoni legali (jiġifieri jkun hemm każ il-qorti, eċċ.).

3.6   Fuq din it-tema, ir-Relatur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt għall-Ikel, waqt il-missjoni tiegħu fid-WTO, identifika erba’ linji gwida (6): ir-rwol tal-kummerċ għandu jiġi ddeterminat b’konnessjoni mad-drittijiet tal-bniedem u l-objettivi tal-iżvilupp; għandha tingħata wkoll importanza lill-qafas multilaterali għall-kummerċ; għandha tinkiseb bidla fil-perspettiva, fejn l-impatt tal-liberalizzazzjoni jitkejjel mhux iktar mill-lat tal-valuri aggregati (bħal pereżempju l-kejl tal-PGD), iżda mil-lat tal-ħtiġijiet tal-persuni li jgħixu f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà alimentari; fin-negozjati għandhom jiġu integrati b’mod stabbli l-impatti fuq is-saħħa, in-nutriment u l-ambjent. Għalhekk l-Istati għandhom iżommu lura milli jidħlu f’obbligi internazzjonali li jmorru kontra dawn l-objettivi primarji.

3.7   Għal dan il-għan, ċerti Stati bdew iniedu strateġiji speċifiċi u jagħtu lis-sigurtà alimentari l-istatut ta’ ġid komuni. Bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw, min-naħa tagħhom, talbu għal miżuri konkreti għall-ħarsien tas-sigurtà alimentari tagħhom billi introduċew il-kategorija tal-iżvilupp u s-sigurtà fl-ikel fil-Ftehima dwar l-Agrikoltura. Pajjiżi oħra, waqt in-negozjati, ipproponew il-ħolqien ta’ klawżola ta’ sigurtà alimentari li tagħraf il-ħtieġa partikulari tas-sigurtà alimentari. Permezz ta’ din il-klawżola, ikun possibbli li fl-aġenda għan-negozjati jiġu inklużi eżenzjonijiet eventwali li jippermettu lill-pajjiżi speċifiċi awtonomija ikbar biex iħarsu l-produzzjoni alimentari primarja tagħhom, li jikkunsidraw is-sigurtà alimentari bħala bażi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali.

3.8   Il-KESE jitlob lill-UE biex tfassal inizjattiva politika b’saħħitha mmirata lejn adeżjoni espliċita għall-prinċipji tad-dritt għall-ikel u l-inklużjoni tad-dritt għall-ikel fil-mandati futuri ta’ negozju, bħala kundizzjoni vinkolanti, hekk kif definit min-NU.

4.   Il-Kummerċ u s-sigurtà alimentari

4.1   Interrelazzjonijiet u impatti

4.1.1   Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza ta’ swieq miftuħa rregolati għaż-żieda fl-effiċjenza tal-produttività agrikola dinjija.

4.1.2   Madankollu l-KESE jesprimi tħassib dwar iż-żieda fil-vulnerabbiltà tal-pajjiżi li qed jispeċjalizzaw u għalhekk qed isiru dejjem aktar dipendenti fuq swieq internazzjonali. Is-sigurtà alimentari tista’ tkun fil-periklu minħabba dipendenza eċċessiva fuq it-tendenzi tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet proprji u mill-prodotti tal-ikel li jiġu impurtati, li f’dawn l-aħħar snin saru partikolarment volatili.

4.1.3   Apparti minn hekk, jidher ukoll li l-ftuħ tas-swieq għandu effetti mhux newtrali f’termini ta’ distribuzzjoni, u jinvolvi spejjeż ta’ aġġustament li ħafna drabi ma jkunux sostenibbli għal ċerti setturi tal-popolazzjoni.

4.1.4   Il-KESE jenfasizza li l-ftuħ tas-swieq, permezz tal-esportazzjoni, jista’ joffri opportunitajiet importanti għall-iżvilupp rurali, jekk tittieħed azzjoni dwar il-poteri żbilanċati tas-suq tul il-katina tal-produzzjoni u n-nuqqasijiet infrastrutturali, teknoloġiċi jew istituzzjonali li jistgħu jibdlu minn pożittivi għal negattivi l-effetti fuq l-aċċess għall-ikel tas-swieq miftuħa.

4.1.5   Il-maġġoranza tan-nies f’kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà alimentari hija magħmula minn sidien ta’ artijiet żgħar jew ħaddiema rurali. Huma proprju dawn in-nies, b’mod partikulari, li, peress li ma jkollhomx aċċess għall-kreditu, għall-infrastrutturi, u għall-għarfien teknoloġiku u tas-suq, ma jkunux kapaċi jimmodifikaw il-prattiki ta’ produzzjoni tagħhom biex jieħdu l-opportunitajiet offruti mill-ftuħ tas-swieq.

4.1.6   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fenomenu taż-żieda fil-konċentrazzjoni tal-kummerċ dinji tal-prodotti alimentari f’idejn ftit operaturi, b’mod partikulari fis-settur taċ-ċereali. Il-KESE josserva bi tħassib li dan il-fenomenu jiżviluppa tul is-settur agroindustrijali alimentari kollu, u jibda mis-settur strateġiku taż-żrieragħ.

4.1.7   Il-KESE jinnota li dawn it-tendenzi oligopolistiċi jistgħu jiġu aċċentwati mill-ftuħ progressiv tas-swieq jekk dan il-proċess ma jiġix ġestit kif xieraq u rregolat. Għalhekk jeħtieġ li tiġi ssalvagwardjata n-natura kompetittiva tas-swieq bir-regoli tal-kompetittività eżistenti.

4.1.8   Il-kummerċ u s-sigurtà alimentari huma, għalhekk, interrelatati f’ħafna modi u l-impatti jvarjaw ħafna. B’mod ġenerali, l-analiżi ekonometriċi juru li, fih innifsu, it-tkabbir ekonomiku li jirriżulta mill-proċess ta’ liberalizzazzjoni kummerċjali mhux se jkun biżżejjed biex jonqos sostanzjalment in-numru tal-persuni f’kundizzjoni ta’ faqar u insigurtà alimentari jekk dan mhux se jiġi akkumpanjat minn politiki u azzjonijiet oħra.

4.1.9   Għalhekk, strateġija globali dwar is-sigurtà tal-ikel tikkombina l-azzjonijiet u l-politiki li ġejjin: it-tnaqqis tal-faqar u ż-żieda fid-dħul; il-politiki ta’ għajnuna soċjali u protezzjoni; il-politiki agrikoli u tal-iżvilupp rurali; ir-riċerka u l-iżvilupp; il-kummerċ u l-iżvilupp reġjonali integrat; l-għajnuna alimentari; il-politiki demografiċi; il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

4.2   Negozjati kummerċjali: problemi u sfidi attwali

4.2.1   Jeħtieġ li tittieħed azzjoni immedjata fil-kuntest tan-negozjati tad-WTO (Doha Development Round), fejn il-ħtieġa għar-rilanċ tal-Aġenda ta’ Doha (DDA) huwa essenzjali sabiex jintwera impenn u biex dawn jiġu konklużi sal-2010, kif propost mill-G20.

4.2.2   Il-Kummissjoni tiddikjara li filwaqt li l-politika kummerċjali għandha rwol importanti fit-trattament tal-kriżi tal-ikel, din mhijiex il-fattur ewlieni. It-tibdil fil-klima, l-instabilità politika u n-nuqqas ta’ sigurtà, u l-kriżijiet tal-enerġija kollha għandhom rwol importanti f’dan il-kuntest, biex ma nsemmux it-theddidiet li dejjem jiżdiedu għall-provvista tal-ilma f’ħafna partijiet fid-dinja u ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil. Madankollu, jekk tkun użata tajjeb, il-politika kummerċjali tista’ tnaqqas xi ftit il-problema, iżda tista’ tiggrava s-sitwazzjoni jekk tiġi użata ħażin. Barra minn hekk huwa importanti li ssir distinzjoni ċara bejn l-eżiġenza immedjata tal-assistenza alimentari u s-sigurtà alimentari fuq medda twila ta’ żmien.

4.2.3   Il-KESE jinnota li xi pajjiżi, meta ġew iffaċċati bil-kriżi alimentari u dik finanzjarja, li seħħew malajr waħda wara l-oħra, adottaw miżuri ta’ tip protezzjonistiku (fl-2008 iktar minn 60 ġew notifikati lid-WTO) li fuq medda twila ta’ żmien ma jgħinu xejn biex tinkiseb is-sigurtà alimentari, ma jiżgurawx il-flessibbiltà meħtieġa, jaħdmu kontra kull forma ta’ integrazzjoni reġjonali effettiva, b’mod speċjali fl-Afrika, u jaħdmu kontra l-approċċ ta’ sigurtà alimentari globali.

4.2.4   Kif inhu enfasizzat fir-Rapport tal-KESE (7) li tħejja għall-għaxar Seminar Reġjonali bejn l-AKP u l-UE, li sar f’Gaborone f’Ġunju 2009, il-kummerċ internazzjonali fil-prodotti agrikoli u alimentari jkopri biss 10-11 % (f’termini ta’ tunnellaġġ) tal-istokkijiet alimentari djinjija disponibbli.

4.2.5   Madankollu, il-politika kummerċjali tal-UE trid tiġi eżaminata kemm fuq medda qasira kif ukoll fuq medda twila ta’ żmien. Fil-perijodu qasir, importanti li nsemmu l-ewwel in-negozjati multilaterali DDA kollha tad-WTO li huma bblukkati, imbagħad is-sensiela ta’ negozjati kummerċjali bilaterali tal-UE kif previsti mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa Globali” ta’ Ottubru 2006, u fl-aħħar nett in-negozjati ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika li għaddejjin mal-pajjiżi tal-AKP. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, l-unika Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika li s’issa ġiet konkluża hija dik mal-Cariforum, ftehima li għandha implikazzjonijiet sinifikattivi għall-involviment tas-soċjetà ċivili fil-ġejjieni. Madankollu, anki l-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika interim, konklużi ma’ pajjiżi oħra tal-AKP, għandhom rwol importanti.

4.2.6   Fuq perijodu twil ta’ żmien, se tkun essenzjali reviżjoni strateġika. Hemm bżonn li s-sigurtà alimentari tingħata status speċjali. Jeħtieġ li jkun hemm rilanċ tad-dibattitu dwar liema tip ta’ bilanċ (b'mod partikulari bejn il-pajjiżi żviluppati u l-pajjiż li qed jiżviluppaw, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni għat-tibdil fil-klima, l-iskarsezza prevista tal-ilma u problemi oħra simili) għandu jiġi stabbilit għan-negozjati agrikoli futuri tad-WTO. Se jkun meħtieġ li jiġi definit it-tip ta’ assistenza teknika li għandu jiġi garantit minn issa ’l quddiem lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll li jiġi eżaminat jekk il-ftehima magħrufa bħala “impenn uniku”, li ta’ spiss hija ta’ ħsara għal dawn il-pajjiżi, għandhiex tkompli jew le. L-assistenza teknika għandha tkun indirizzata għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-pajjiżi jew reġjuni li jifformulaw u jinnegozjaw il-politika kummerċjali iktar milli sempliċiment tgħinhom biex jiffaċċjaw l-implimentazzjoni.

4.2.7   Fir-rigward tal-perijodu qasir ta’ żmien, huwa importanti li jiġi eżaminat liema strumenti kummerċjali f’sistema kummerċjali miftuħa u regolamentata huma l-aktar validi għall-kisba tal-objettivi tal-ġlieda kontra l-insigurtà alimentari fost il-pajjiżi l-iktar foqra, u għall-kisba tal-Għan ta’ Żvilupp tal-Millennju numru 1 (MDG 1), biex jonqos in-numru ta’ persuni malnutriti, u tiżdied il-produzzjoni alimentari globali sabiex tintlaħaq id-domanda prevista.

4.2.8   Il-FAO (l-Organizzazzjoni għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura) individwat 17-il pajjiż f’kundizzjoni ta’ insigurtà alimentari, li ddefiniet bħala “fi kriżi alimentari”, filwaqt li 17-il pajjiż ieħor qiegħed “f’periklu kbir”. Minn dawn l-34 pajjiż (8), 23 minnhom huma membri tad-WTO, 25 pajjiż huma l-anqas żviluppati, filwaqt li 25 huma pajjiżi tal-AKP. Uħud minn dawn il-pajjiżi ilhom membri tad-WTO għal żmien twil, iżda għandhom rwol limitat fin-negozjati tad-DDA. Oħrajn, bħal pereżempju l-Kenja u ż-Żimbabwe, kellhom jiffaċċjaw mumenti diffiċli. Il-Kenja huwa l-aktar pajjiż attiv fil-qasam tan-negozjati. In-Nikaragwa biss bħalissa qed jipparteċipa fin-negozjati bilaterali fil-qafas tal-programm “Ewropa Globali”, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi huma involuti f’negozjati ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika.

4.2.9   Bl-inklużjoni ta’ ċerti pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-G20, il-KESE jemmen li l-klassifikazzjoni tan-NU għandha tiġi riveduta sabiex issir distinzjoni ċara bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom dħul medju u dawk il-pajjiżi li huma ifqar jew huma inqas avvanzati.

4.2.10   Fir-rigward tan-negozjati agrikoli DDA (iċ-Ċiklu ta’ Doha għall-Iżvilupp):

għall-partijiet kollha fin-negozjati għall-iskop ta’ sigurtà alimentari maġġuri, mhuwiex opportun li jkun hemm ritorn għall-pilastri tal-għajnuniet nazzjonali u l-għajnuniet għall-esportazzjoni,

lanqas mhu meħtieġ li tiġi modifikata radikalment il-pożizzjoni tal-UE fir-rigward tat-tielet pilastru, l-aċċess għas-swieq, fejn huma inklużi l-livelli tat-tnaqqis previst fit-tariffi u l-kwistjonijiet l-oħra li wasslu għall-imblukkar attwali tal-Aġenda ta’ Doha, għalkemm fl-aħħar xhur tal-2008 sar progress sinifikanti f’bosta oqsma, pereżempju dwar il-flessibbiltà ġdida għall-“pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma impurtaturi netti ta’ prodotti alimentari” (NFIDCs), ħaġa li l-Kumitat jilqa’ b’mod partikolarment favorevoli,

fil-fehma tal-Kumitat, l-UE jmissha tikkonsolida l-konċessjonijiet li diġà saru f’oqsma kruċjali bħalma huma l-mekkaniżmi speċjali ta’ salvagwardja (fejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jgħollu temporanjament it-tariffi fil-każ li jkun hemm żidiet ta’ malajr fl-importazzjonijiet u tnaqqis fil-prezzijiet), il-prodotti speċjali (li għalihom huwa permess tnaqqis fit-tariffi aktar moderat, b’mod partikulari għal raġunijiet ta’ sigurtà alimentari) jew il-kwoti ta’ rati tariffarji, iktar milli tipprova tfittex ftehim aktar vantaġġuż li jkun ta’ detriment għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dawn il-miżuri, madankollu, m’għandhomx jirrappreżentaw theddida għall-iżvilupp tal-kummerċ min-Nofsinhar għan-Nofsinhar,

il-Kumitat jixtieq iħeġġeġ lill-UE biex testendi l-inizjattiva Kollox ħlief armi (li diġà hija fiha nnifisha riżultat tajjeb) u l-konċessjonijiet previsti għad-49 pajjiż l-anqas żviluppat fir-rigward tad-dazji u l-kwoti tad-DDA anki għad-9 (9) pajjiżi l-oħra mniżżla fil-listi tal-FAO, (sakemm dawn ma jirriżultawx politikament inaċċettabbli), b’konformità mal-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika interim, bil-possibbiltà li jiġu inklużi pajjiżi oħra fil-każ li l-FAO żżidhom fil-lista tagħha. Dan huwa t-tip ta’ approċċ li se jippermetti lill-UE li tagħmel l-aktar kontribuzzjoni utli għas-sigrutà alimentari billi timplimenta l-istrumenti kummerċjali.

4.2.11   Madankollu l-Kumitat jemmen li huwa permezz tan-negozjati tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika attwali li l-Kummissjoni tista’ tikkontribwixxi l-aħjar għas-sigurtà alimentari globali, b’mod speċjali bir-reviżjoni tal-Ftehima ta’ Cotonou prevista għall-2010.

4.2.12   L-UE, bir-raġun, tikkunsidra l-kummerċ bħala wieħed mis-sitt setturi prijoritarji tal-politika tagħha tal-iżvilupp. Permezz ta’ dawn in-negozjati, l-UE u l-pajjiżi tal-AKP beħsiebhom jikkonkludu seba’ ftehimiet kummerċjali ġodda fuq bażi reġjonali u kompatibbli mad-WTO, maħsuba biex progressivament jiġu eliminati l-ostakli għall-kummerċ u biex tiżdied il-kooperazzjoni fis-setturi kollha marbuta mal-kummerċ. Dan tal-aħħar, l-aktar, huwa maħsub bħala strument ta’ żvilupp. Ta’ min infakkru li fost l-għanijiet inizjali insibu l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, l-eliminazzjoni tal-faqar, l-integrazzjoni reġjonali u l-inklużjoni progressiva tal-pajjiżi tal-AKP fl-ekonomija dinjija. Dawn l-għanijiet għandhom jibqgħu fil-qofol tan-negozjati kollha li għaddejjin bħalissa.

4.2.13   Permezz ta’ dawn in-negozjati l-UE għandha tipprova tikseb:

integrazzjoni reġjonali akbar: dan huwa għan importanti, l-aktar fl-Afrika, bħala għodda b’saħħitha għall-promozzjoni kemm tal-iżvilupp kif ukoll tas-sigurtà alimentari, u bħala element essenzjali fir-reviżjoni tal-Ftehima ta’ Cotonou,

is-sinerġiji bejn il-varji inizjattivi ta’ integrazzjoni reġjonali li jikkoinċidu waħda mal-oħra u fost il-varji ftehimiet interim ta’ sħubija ekonomika u l-ftehimiet globali;

negozjati li jkunu jistgħu jadattaw malajr għall-kapaċità u għall-potenzjalità tal-pajjiżi tal-AKP, bil-garanzija ta’ riżultati immedjati f’setturi bħalma hija s-semplifikazzjoni tar-regoli ta’ oriġini (li għandha tippromovi l-industriji agrikoli) u ċ-ċertezza legali biex ikun żgurat aċċess mingħajr dazji u kwoti għas-swieq tal-UE. Dawn in-negozjati m’għandhomx jiġu użati fl-istess ħin għall-introduzzjoni ta’ kwistjonijiet oħra mhux marbuta mal-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika, b’mod speċjali l-akkwist, jew biex tiżdied il-pressjoni sakemm dawn jiġu ttrattati.

l-għażla tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali bħala setturi prijoritarji min-naħa tal-akbar numru possibbli tal-pajjiżi tal-AKP (4 minn 78 pajjiż biss għażlu l-agrikoltura, u 15-il pajjiż biss għażlu l-iżvilupp rurali fil-kuntest tad-9 FEŻ – Fond Ewropew għall-Iżvilupp – li għalih l-UE offriet madwar EUR 522 miljun għall-integrazzjoni reġjonali u l-assistenza relatata mal-kummerċ), b’riżorsi addizjonali maħsuba, b’mod partikulari, għall-promozzjoni b’mod sinifikattiv tar-riċerka u l-iżvilupp fil-livell lokali fil-qasam agrikolu u alimentari.

żieda oħra fis-somma, diġà stabbilita mill-UE u approvata mill-KESE, ta’ aktar minn EUR 2 biljuni għall-għajnuna għall-kummerċ u għall-assistenza fi kwistjonijiet relatati mal-kummerċ sal-2010. Din iż-żieda hija meħtieġa sabiex jiġu ttratti l-effetti pprovokati mill-kriżi ekonomika dinjija.

4.2.14   Il-KESE (10) tenna li l-iżvilupp ekonomiku tal-Afrika għandu “jiddependi l-ewwel u qabel kollox mit-tisħiħ tas-suq intern tagħha li kapaċi jġib miegħu tkabbir endoġeniku li jistabbilizza u jistabbilixxi l-kontinent fl-ekonomija dinjija. L-integrazzjoni reġjonali u l-iżvilupp tas-suq intern huma l-ixpruni li ser jippermettu lill-Afrika li tipparteċipa fil-kummerċ dinji b’mod pożittiv”. Il-KESE jagħmel din is-sejħa mill-ġdid, b’mod partikulari sabiex tiġi garantita sigurtà alimentari akbar.

4.2.15   Huma l-industriji tal-ipproċessar li joħolqu prodotti b’valur miżjud għoli u dawn l-industriji għandhom jiġu mħeġġa jiżviluppaw u jikbru. Fis-settur agrikolu, b’mod partikulari, industrija lokali ta’ pproċessar tal-prodotti alimentari tista’ tiżviluppa biss fil-preżenza ta’ suq lokali kbir mhux ħażin, iżda l-kummerċ intra-Afrikan jibqa’ limitat immens, anqas minn 15 % tal-kummerċ globali Afrikan.

4.2.16   Il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika huma essenzjalment ftehimiet reġjonali jew bilaterali. Għalhekk huwa importanti li dawn ma jostakolawx il-multilateraliżmu, li jkunu meqjusa bħala appoġġ għal approċċ multilaterali, u li jkunu kompatibbli mal-multilateraliżmu nnifsu, u li fil-fatt ikunu mod biex dan jissaħħaħ (11). Il-Kumitat huwa tal-fehma li riżultati eventwali fil-livell reġjonali u bilaterali jistgħu jistimulaw il-proċess multilaterali fir-rigward ta’ approċċi li jippermettu dibattiti aktar fil-fond u alinjament akbar tal-pożizzjonijiet. Huwa importanti li l-poter ta’ negozju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma aktar foqra u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati ma jiddgħajjef fl-ebda livell tan-negozjati.

4.2.17   L-UE għandha tfittex ukoll li tagħti kontribut ikbar lis-sigurtà alimentari globali permezz ta’ mekkaniżmi oħra relatati mal-kummerċ, bħal pereżempju:

sforzi aktar importanti u ffukati għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qegħdin f’sitwazzjoni ta’ insigurtà alimentari, b’mod speċjali sistema effikaċi ta’ għajnuna għall-kummerċ bħala parti integrali tan-negozjati multilaterali, l-aktar permezz tal-promozzjoni tar-R & Ż lokali, it-tisħiħ tat-trasferimenti ta’ teknoloġiji u l-introduzzjoni ta’ standards ta’ produzzjoni aħjar, kif ukoll użu akbar tal-assistenza teknika fil-qasam kummerċjali hekk kif diġà hu previst anki fin-negozjati tal-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika,

l-iffaċilitar tal-kummerċ: il-konklużjoni u l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe ftehima preliminari għall-kisba tal-prinċipju tal-impenn uniku fl-ambitu tal-Aġenda ta’ Doha;

l-appoġġ fil-qasam tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS): kwistjonijiet ta’ saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti, pereżempju l-użu eċċessiv ta’ antibijotiċi, l-influwenza tal-ħnieżer jew il-marda tal-ilsien u tad-dwiefer,

inizjattivi bħal dik tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi Plus, fejn il-benefiċjarji tagħha jridu jaderixxu għal regoli internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, id-drittijiet tax-xogħol u standards ambjentali, u l-kummerċ etiku (li jħeġġeġ il-prinċipji ta’ “kummerċ ġust u solidali” li jikkunsidraw il-kwistjoni tat-traċċabilità, filwaqt li jestendu dan il-kunċett sabiex jiġi inkluż ukoll il-bejgħ bi rkant),

L-appoġġ għall-iżvilupp ta’ kapaċità ikbar ta’ trasformazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikulari permezz tad-distakk ta’ atturi prinċipali tal-industrija Ewropea, esperjenza diġà pprattikata tal-Kummissjoni flimkien mal-UNCTAD,

ir-riċerka ta’ miżuri possibbli ta’ salvagwardja kontra l-effetti negattivi li jista’ jkollha l-ispekulazzjoni, li saret xi mkien ieħor, dwar il-materji primi fuq il-manifattura u l-produzzjoni (kakaw, kafé, eċċ.).

4.2.18   Minkejja l-fatt li l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika ġew stipulati parzjalment sabiex tiġi ttrattata t-tneħħija tal-preferenzi, għad fadal kwistjonijiet ta’ importanza li jaffettwaw aktar direttament l-iskambji kummerċjali min-Nofsinhar għan-Nofsinhar. Għadd ta’ pajjiżi tal-Amerika Latina jixtiequ liberalizzazzjoni aktar ta’ malajr u aktar kompluta tal-prodotti tropikali, inklużi l-banana u z-zokkor – kawża ta’ litigazzjonijiet kummerċjali li ilhom għaddejjin żmien twil – u dan imur kontra l-interessi ta’ partijiet oħra, prinċipalment tal-pajjżi tal-AKP. Dak li qiegħed fil-periklu huwa l-possibbiltà, għal ċerti pajjiżi li huma esportaturi netti ta’ prodotti alimentari, li jikkompetu ma’ pajjiżi oħra fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel, inkluż iz-zokkor, u dan jikkomprometti l-vijabbiltà ekonomika ta’ dawn il-kulturi fil-pajjiżi li x’aktarx għandhom bżonnha l-aktar. Din il-problema wkoll hija fil-qofol tal-fenomenu tal-insigurtà alimentari.

4.2.19   Għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-impatt tat-telf tad-dħul fiskali għall-dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li kellhom inaqqsu d-dazji doganali, b’riperkussjonijiet fuq il-politiki soċjali tagħhom.

4.2.20   Madankollu, l-UE għandha tippromovi l-kummerċ min-Nofsinhar għan-Nofsinhar inġenerali, l-ewwel nett minħabba l-fatt li dan huwa fattur importanti ta’ tkabbir u t-tieni nett għaliex dan jippermetti li tiġi ttrattata fil-fond it-theddida tal-insigurtà alimentari li qed tiżdied.

4.3   Ir-riformi tal-governanza globali

4.3.1   Il-KESE jenfasizza l-ewwel nett li sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà alimentari tirrikjedi t-twettiq ta’ strateġija globali ta’ żvilupp soċjoekonomiku li tinvolvi żewġ tipi ta’ konverġenza: dik bejn il-politiki varji (soċjali, ekonomiċi u reġjonali), u dik bejn il-varji istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali. Din l-azzjoni speċifika ta’ governanza tirrikjedi l-involviment u l-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata.

4.3.2   F’dak li jirrigwarda, b’mod partikulari, il-ħidma tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet attwalment responsabbli għall-governanza globali tas-sigurtà alimentari, il-KESE ma jara l-ebda ħtieġa għall-ħolqien ta’ korpi ġodda, anzi hemm bżonn ta’ riorganizzazzjoni u riforma profonda tal-korpi eżistenti, skont il-kriterju doppju tar-rwoli speċjalizzati għal kull korp (jiġifieri li jigu evitati r-ripetizzjonijiet u l-ħela tar-riżorsi umani u finanzjarji) u tal-uniċità tal-governanza globali, b’mod partikulari b’referenza għas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO, UFAD u WFP), li għandha taġixxi bħala mexxej fil-qasam tas-sigurtà alimentari. Il-Kumitat għas-Sigurtà Alimentari (CSA) li ġie rriformat u mniedi mill-ġdid, jista’ jkun strument għall-koordinament tal-politiki għas-sigurtà alimentari u tal-livelli differenti fejn dawn jiżviluppaw.

4.3.3   Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa vitali li jkun żgurat li d-WB u istituzzjonijiet oħra rilevanti jerġgħu jassumu approċċ koordinat anki fl-inizjattivi tagħhom dwar is-sigurtà alimentari, u huwa essenzjali li l-UE tindirizza lil dawn l-istituzzjonijiet b’vuċi waħda.

4.3.4   Il-KESE jenfasizza wkoll li f’dak li jirrigwarda l-flussi tal-għajnuniet alimentari diretti mit-Tramuntana għan-Nofsinhar tad-dinja għandu jitqies li l-għajnuniet alimentari fuq skala kbira jistgħu jaffettwaw ħażin is-swieq lokali, u jipperikolaw is-sikurezza alimentari ta’ dawn l-istess produtturi agrikoli. Għalhekk il-KESE jappoġġja d-WFP fid-deċiżjoni tiegħu biex jinbidel l-approċċ tal-inizjattivi tiegħu.

5.   Il-perċezzjoni u r-rwol tas-soċjetà ċivili

Il-perċezzjoni tas-soċjetà ċivili Ewropea

5.1   B’referenza partikulari għall-kwistjoni kruċjali tal-ikel, il-KESE jinnota s-sitwazzjonijiet fundamentali li ġejjin:

a)

Parti kbira mit-tħassib fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies għandha x’taqsam mal-alimentazzjoni (l-ikel bħala nutriment);

b)

parti importanti mill-aspirazzjoni tan-nies għal ħajja tajba u pjaċevoli tirrigwarda l-alimentazzjoni (l-ikel bħala kultura u stil ta’ ħajja);

c)

għal parti rilevanti ħafna tal-umanità, anki issa fil-bidu tat-tielet millennju, l-alimentazzjoni hija konkwista inċerta ta’ kuljum (l-ikel bħala ħajja).

5.2   Għalhekk il-KESE, bħala espressjoni tas-soċjetà ċivili Ewropea organizzata, minn naħa jenfasizza li l-kwistjoni attwali tal-ikel (sanità, kwalità u disponibbiltà tal-ikel) saret element importanti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u l-gruppi soċjali u fiċ-ċrieki informattivi tax-xandir; min-naħa l-oħra huwa tal-fehma li l-poter ta’ intervenzjoni tas-soċjetà ċivili fid-dinamiki kollha tal-alimentazzjoni huwa wieħed mid-drittijiet taċ-ċittadinanza; barra minn hekk huwa jqiegħed is-sigurtà alimentari globali fl-ambitu tad-drittijiet: għalhekk l-aċċess għall-ikel għandu jiġi meqjus bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

5.3   Il-KESE jqis ukoll li l-ewwel nett fil-kuntest tal-kriżi alimentari imbagħad fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, fl-elementi diversi tas-soċjetà ċivili fil-livell dinji u Ewropew, seħħew reazzjonijiet differenti u anki opposti li jikkonfermaw l-involviment importanti tiegħu fid-dinamiki tal-alimentazzjoni, flimkien ma’ diżjorjentazzjoni: mill-irvellijiet tal-ġuħ (mill-inqas 22 fl-2008, fejn mietu xi nies), għall-attenzjoni, anki minn xi konsumaturi Ewropej, għal prodotti finanzjarji speċifiċi spekulattivi marbuta mal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli, għat-tixrid ta’ tħassib fost il-produtturi agrikoli fl-Ewropa u fid-dinja u, inġenerali, għat-tħassib li qed jiżdied taċ-ċittadini kollha quddiem il-kwistjonijiet tas-sigurtà alimentari, is-saħħa pubblika u l-ġestjoni tal-ilma.

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili

5.4   Fil-kuntest tal-kisba ta’ bilanċ ġust bejn is-sigurtà alimentari u l-kummerċ regolat, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għat-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili u l-ħtieġa ta’ djalogu aktar strutturat bejn is-soċjetà ċivili u l-livelli varji ta’ teħid ta’ deċiżjoni; b’mod partikulari il-KESE jenfasizza r-rwol konsultattiv tal-organizzazzjonijiet tal-bdiewa u l-importanza tar-rwol tal-forom varji tal-organizzazzjoni tal-produzzjoni.

5.5   Għalhekk il-KESE jikkunsidra bħala strateġiku l-involviment tal-organizzazzjonijiet tal-bdiewa fit-tħejjija tal-politiki nazzjonali ta’ żvilupp u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjoni u fl-evalwazzjonijiet tal-impatt relatati man-negozjati kummerċjali u l-applikazzjoni tagħhom.

5.6   Għal dan il-għan jeħtieġ li jiġu ffinalizzati għajnuniet speċifiċi għat-taħriġ professjonali tal-bdiewa, u b’mod partikulari għan-nisa, għar-rwol strateġiku tagħhom fiż-żoni rurali, sabiex il-bdiewa rġiel u nisa jkunu jistgħu jaffermaw lilhom infushom bħala protagonisti attivi fil-proċessi politiċi u fl-iżvilupp teknoloġiku.

5.7   Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-ekonomija soċjali u tal-intrapriżi tagħha u tal-organizzazzjonijiet fil-pajjiżi tal-AKP, mhux l-inqas fir-reazzjoni għall-effetti varji tal-kriżi tal-ikel u dik finanzjarja, b’attenzjoni partikulari għal dawk li jaħdmu fl-ekonomija informali u fiż-żoni rurali (12).

5.8   Fl-aħħar nett il-KESE jtenni r-rwol attiv speċifiku tiegħu. L-esperjenza tiegħu, fil-fatt, tippermettilu jindividwa msieħba potenzjali f’pajjiżi terzi, fis-setturi kollha tas-soċjetà ċivili (produtturi, ħaddiema u konsumaturi) bil-għan li jissaħħaħ ir-rwol ta’ dawn l-imsieħba f’pajjiżhom, li tant huwa importanti biex jiġu ttrattati l-problemi fil-livell lokali. Fl-istess ħin, l-UE ikollha fil-KESE “barometru” biex tikkontrolla jekk l-inizjattivi tagħha fil-pajjiżi individwali humiex effettivi u biex jittejjeb il-mod kif dawn jitħaddmu. Il-kumitat konsultattiv tas-soċjetà ċivili CARIFORUM-KE huwa eżempju tajjeb f’dan is-sens.

Brussell, 16 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara:. FAO, The State of Food Insecurity in the World, rapporti tal-2008 u l-2009 (Il-qagħda tal-insigurtà alimentari fid-dinja).

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar ir-Rapport tal-Grupp de Larosière, ĠU C 318, 23.12.2009, p. 57.

(3)  Ara: FAO, IIED and IFAD, Land grab or development opportunity?, 2009.

(4)  In-NU, The Right to Food: Commission on Human Right Resolution 2001/25 u r-Rapport mir-Relatur speċjali dwar id-Dritt għall-Ikel, is-Sur Jean Ziegler, paragrafu 14, 7 ta’ Frar 2001.

(5)  Il-Kunsill tal-FAO, “Voluntary Guidelines to support the progressive realization of the right to adeguate food in the context of national food security”; Novembru 2004

(6)  Rapport tar-relatur speciali s-Sur Oliver De Schutter, Mission to the World Trade Organization, 9 ta’ Marzu 2009.

(7)  DI CESE 34/2009 “Ensuring sustainable food security in ACP countries”.

(8)  Il-Kamerun, ir-Repubblika Afrikana Ċentrali, il-Komoros, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Cote d’Ivoire, id-Djibouti, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Gambja, il-Ginea, il-Ginea Bissaw, Ħaiti, il-Kenja, il-Lesoto, il-Liberja, il-Madagaskar, il-Mongolja, il-Możambik, in-Nikaragwa, in-Niġer, il-Palestina, ir-Rwanda, is-Senegal, Sjerra Leone, Solomon, is-Somalja, is-Sważiland, it-Tanzanija, it-Taġikistan, Timor Leste, il-Jemen, iż-Żambja u ż-Żimbabwe.

(9)  Il-Kamerun, il-Cote D’Ivoire, il-Kenja, il-Mongolja, in-Nikaragwa, il-Palestina, is-Sważiland, it-Taġikistan, iż-Żimbabwe.

(10)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 148–156.

(11)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 82–89.

(12)  ILO, “Declaration and Plan of action for the promotion of social economy enterprises and organizations in Africa.” Johannesburg 19-21 ta’ Ottobru 2009.