22.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 255/110


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Futur sostenibbli għat-trasport: Lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista’ tintuża faċilment”

COM(2009) 279 finali

u dwar

Punti ta’ tluq għall-Politika Ewropea tat-Trasport wara l-2010

(opinjoni esploratorja)

(2010/C 255/20)

Relatur: is-Sur RIBBE

Nhar is-17 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

“Futur sostenibbli għat-trasport: Lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista’ tintuża faċilment” (komunikazzjoni)

COM(2009) 279 finali.

Nhar it-2 ta’ Lulju 2009, il-Presidenza Svediża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar:

Punti ta’ tluq għall-Politika Ewropea tat-Trasport wara l-2010 (opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Novembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur Ribbe.

Matul l-458 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u 17 ta’ Diċembru (seduta tas-16 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’171 voti favur, 5 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-politika tat-trasport attwali, li tgħid li għadna ’l bogħod milli nilħqu l-għanijiet stabbiliti tas-sostenibbiltà u li hemm bżonn ta’ bidliet kbar fid-direzzjoni.

1.2   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li mhux talli hemm bżonn ta’ ħafna iktar sforzi fil-qasam tal-għanijiet ambjentali (bħat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tar-riżorsi, il-bijodiversità, l-istorbju u t-tniġġis tal-arja) iżda talli hemm ħafna kwistjonijiet soċjali fil-qasam tat-trasport li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Dawn ma jinkludux biss id-drittijiet, il-paga u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport iżda anki d-disponibbiltà u l-aċċess għall-mezzi tat-trasport għall-persuni b’diżabilità, iż-żgħażagħ u l-anzjani. Kwistjoni oħra hija l-libertà tal-għażla tal-utenti tat-trasport li ma jistgħux jew ma jixtiequx ikollhom il-karozza tagħhom.

1.3   Il-Kumitat jappoġġja l-għanijiet li semmiet il-Kummissjoni fid-dokument tagħha. Madanakollu jagħraf li bl-istrumenti msemmija biss il-bidla meħtieġa ma tistax isseħħ.

1.4   Il-biċċa l-kbira tal-għanijiet imsemmija mhumiex għanijiet ġodda u l-Kummissjoni ilha bosta snin tappoġġjahom. Madanakollu dawn ma ġewx implimentati. Bħala eżempji nistgħu nsemmu l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni jew it-talbiet għal bidla fil-politika tat-trasport urban.

1.5   Fil-White Paper finali tagħha l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-diversi azzjonijiet li jistgħu jittieħdu u l-għanijiet speċifiċi u kwantifikabbli.

1.6   Il-Kumitat jemmen fil-bżonn ta’ dibattitu dwar liema deċiżjonijiet politiċi jew fil-qasam tal-ippjanar joħolqu jew jistgħu jevitaw it-traffiku. Huwa jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti iktar attenzjoni lil kwistjonijiet bħal dawn hija u tfassal White Paper jew linji gwida għall-politika ġodda.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

2.1   Fl-2001, il-Kummissjoni ħarġet White Paper (1) li tistabbilixxi aġenda għall-politika Ewropea tat-trasport għall-2010. Il-programm tagħha ġie aġġornat fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-2006 (2). Il-Kummissjoni temmen li hekk kif qegħdin noqorbu lejn tmiem il-perijodu ta’ għaxar snin, wasal iż-żmien li nħarsu ’l quddiem u nħejju l-bażi għall-iżviluppi politiċi futuri fil-qasam tal-politika tat-trasport.

2.2   F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tressaq l-ewwel riżultati u riflessjonijiet tal-proċess ta’ ħsieb tagħha. Bosta studji, diskussjonijiet u riżultati li ħarġu mill-konsultazzjonijiet jagħmlu parti mill-kontenut.

2.3   Fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tistqarr li “t-trasport huwa komponent essenzjali tal-ekonomija Ewropea” u li 7 % tal-PGD u ’l fuq minn 5 % tal-impjiegi totali tal-UE ġejjin mis-settur tat-trasport. Il-Kummissjoni tiddeskrivi u tenfasizza l-importanza tat-trasport għall-koeżjoni soċjali u ekonomika fir-reġjuni, fl-Ewropa u fid-dinja kif ukoll għall-kompetittività tal-industrija Ewropea u sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ Lisbona.

2.4   Fl-istess waqt il-Kummissjoni tistqarr li fil-politika tat-trasport “ir-riżultati mqabbla mal-għanijiet tal-SDS tal-UE kienu aktar limitati: kif indikat fir-rapport tal-progress tal-2007, (3) is-sistema Ewropea tat-Trasport f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bosta aspetti għadha ma qabditx triq sostenibbli.”

2.5   Hija tistqarr ukoll li “l-ambjent jibqa’ l-qasam politiku ewlieni fejn huwa meħtieġ aktar titjib. Fl-UE, meta mqabbla mal-livelli tal-1990, fl-ebda settur ieħor ir-rata tat-tkabbir tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ma kienet għolja daqs dik fit-trasport  (4) (…) Meta din l-analiżi tiġi applikata għall-iżviluppi fit-trasport tal-passat, nistgħu naraw li s-settur żied ħafna l-attività tiegħu filwaqt li għamel progress insuffiċjenti fit-tnaqqis tal-enerġija u l-intensità tal-GHG.”

2.6   Id-diżakkoppjament tat-tkabbir tat-trasport mit-tkabbir tal-PGD, li kien wieħed mill-għanijiet tal-White Paper 2001 u tal-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli (SDS), seħħ fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri iżda mhux fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija. Fost ir-raġunijiet li jingħataw għal dan, il-Komunikazzjoni tgħid li “t-tkabbir fit-trasport tal-merkanzija huwa wkoll marbut mal-prattiki ekonomiċi – il-konċentrazzjoni tal-produzzjoni f’inqas siti biex jiġu sfruttati l-ekonomiji fil-kobor, id-delokalizzazzjoni, il-kunsinni fil-ħin, ir-riċiklaġġ tal-ħġieġ, il-karti, il-metalli li huwa mifrux sew – li ppermettew it-tnaqqis tal-kostijiet u, possibbilment, tal-emissjonijiet f’setturi oħra bil-konsegwenza ta’ emissjonijiet ogħla mit-trasport.”

2.7   Anki jekk tiżdied l-effiċjenza enerġetika tat-trasport (u tal-mezzi individwali tat-trasport), dan mhux ser ikun biżżejjed sabiex ipatti għall-volum ogħla ta’ trasport (5). Dan ifisser li l-volum tat-traffiku huwa problema daqs il-fatt li “l-progress kien ukoll limitat f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċaqliq tat-trasport lejn modi aktar effiċjenti, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ tbaħħir fuq distanzi qosra (short sea shipping).”

2.8   Fit-taqsima tagħha “Xejriet u sfidi” il-Komunikazzjoni ssemmi fost oħrajn dawn il-punti:

in-numru ta’ anzjani (iktar minn 65 sena) fl-UE ser jiżdied sew u dan ser ifisser tendenzi differenti fl-imġiba fejn jidħol trasport, iżda ser ifisser ukoll li s-soċjetà ser ikollha tiddedika iktar riżorsi pubbliċi għall-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa u l-kura. Il-Kummissjoni tgħid li fil-futur dan ser jillimita r-riżorsi finanzjarji disponibbli għat-trasport;

it-trasport ser jaqdi rwol ewlieni sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-ħarsien tal-klima fl-UE u li sabiex jintlaħqu ser tkun meħtieġa “inverżjoni tax-xejriet attwali”;

l-iskarsezza tal-karburanti fossili ser ikollha impatt kbir fuq is-settur tat-trasport mhux biss fil-qasam teknoloġiku (97 % tal-enerġija li juża t-trasport tiddependi mill-karburanti fossili) iżda anki mil-lat strutturali (it-trasport tal-karburanti fossili jikkawża madwar nofs tal-volum tat-traffiku marittimu internazzjonali);

l-ammont ta’ ċittadini tal-UE li jgħixu fil-bliet ser jiżdied (6), filwaqt li t-trasport lokali diġà jikkawża madwar 40 % tal-emissjonijiet tas-CO2 u 70 % tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa oħra mit-traffiku tat-triq;

aktar nies u ġid ekonomiku ikbar ifissru aktar mobilità u aktar trasport. Il-Kummissjoni ssemmi studji li jindikaw li l-għadd ta’ karozzi fid-dinja se jiżdied minn madwar 700 miljun għal aktar minn 3 biljuni fl-2050, u “dan se joħloq problemi serji ta’ sostenibbiltà sakemm ma jkunx hemm tranżizzjoni lejn vetturi b’emissjonijiet aktar baxxi ta’ CO2 jew mingħajr emissjonijiet ta’ CO2 u ma jiġix introdott kunċett ta’ mobilità differenti”.

2.9   Fil-qosor: il-Kummissjoni għandha raġun tistqarr li hemm bżonn li tiġi żviluppata “viżjoni fuq medda twila għall-mobilità sostenibbli tal-bnedmin u l-oġġetti”.

2.10   Għalhekk hija tifformula 7 għanijiet ġenerali ta’ politika:

li jinħoloq trasport ta’ kwalità msejjes fuq is-sikurezza u s-sigurtà

li n-netwerk jinżamm tajjeb u jkun kompletament integrat

li t-trasport isir sostenibbli mil-lat ambjentali

li l-UE tkun minn ta’ quddiem fis-servizzi u t-teknoloġiji tat-trasport

li jitħares u jiġi żviluppat il-kapital uman

li jinħolqu prezzijiet bis-sens bħala sinjali tat-traffiku

li l-ippjanar isir b’attenzjoni għat-trasport: it-titjib tal-aċċessibbiltà.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tindirizza t-tema mill-ġdid u tressaq l-ideat inizjali tagħha, minkejja li mhumiex konkreti, dwar il-futur tat-trasport fi proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’. L-analiżi tagħha hija ċara: ninsabu ’l bogħod mill-għanijiet tas-sostenibbiltà tagħna u għalhekk hemm bżonn ta’ bidliet kbar. Madanakollu għad m’hemmx viżjoni ċara b’għanijiet konkreti u strumenti li jillimitaw u jnaqqsu t-trasport b’mod partikolari tal-karozzi. Dawn għandhom jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni fi pjan ta’ azzjoni dettaljat u jingħataw għanijiet kwantifikabbli.

3.2   Il-KESE jaqbel ma’ ħafna mill-ideat tal-Kummissjoni bħal pereżempju li għandu jsir l-aħjar użu possibbli mill-infrastruttura attwali u t-teknoloġiji tal-informazzjoni ġodda jew imtejba, li “sistema loġistika intelliġenti u integrata jeħtieġ li ssir realtà”, li b’mod partikolari fir-rigward tat-trasport urban hemm bżonn ta’ ideat ġodda, li għandha tittejjeb il-komodalità u li għandu jkun hemm bidla iktar mgħaġġla għal mezzi ta’ trasport li jirrispettaw iktar l-ambjent, li għandhom jintużaw teknoloġiji innovattivi li jnaqqsu l-emissjonijiet eċċ. Madanakollu dawn l-istqarrijiet mhumiex ġodda, u wisq inqas ma jsawwru viżjoni ġdida.

3.3   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għad-diversi opinjonijiet siewja dwar il-politika tat-trasport kif ukoll dwar titjib tekniku u fl-organizzazzjoni tal-ġestjoni tal-flussi tat-trasport li huwa fassal matul dawn l-aħħar snin, pereżempju dwar it-temi li ġejjin: ir-Reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport (7); Strateġija għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (8); Pjan ta’ azzjoni għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija (9); il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq (10); TEN-T: Eżami tal-politika (11); Lejn trasport marittimu u dak fuq l-ilmijiet interni aktar ekoloġiku (12); Lejn Politika Marittima tal-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra (13); It-trasport bit-triq fl-2020: l-istennijiet tas-soċjetà ċivili organizzata (14); Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija (15) kif ukoll In-netwerk ferrovjarju Ewropew għal trasport tal-merkanzija kompetittiv (16); Promozzjoni tat-trasport marittimu intern – NAIADES (17); Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea (18).

3.4   Il-KESE jemmen li għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-politika tat-trasport tal-ġejjieni għandha tkun iktar minn “sempliċiment” imtejba, b’kunsiderazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, is-sitwazzjoni tal-flussi eżistenti jew mistennija tat-trasport. Il-Kummissjoni tressaq xi stqarrijiet dwar dan fil-komunikazzjoni tagħha li madanakollu huma vagi u xejn konkreti. Fil-fatt dan huwa n-nuqqas prinċipali tal-istqarrijiet.

3.5   Il-Kummissjoni tagħmilha ċara li hemm bżonn ta’ bidliet kbar ħafna fis-sistema attwali: f’punt 53 tgħid pereżempju li “s-sistema tat-trasport se tesperjenza bidliet sostanzjali” u f’punt 70 titkellem dwar il-bżonn ta’ “bidla ġenerali u sostanzjali tas-sistema tat-trasport” u dwar “kunċett ta’ mobilità differenti” (punt 37). Madanakollu l-KESE jixtieq li tiġi spjegata b’mod ċar it-tifsira ta’ dawn l-istqarrijiet.

3.6   Id-dokument huwa sinteżi dettaljata ta’ bosta pożizzjonijiet u ideat magħrufa, madanakollu ma fih l-ebda “viżjoni” reali. Diversi punti, bħal pereżempju l-kwistjoni li ilha miftuħa snin tal-“internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni”, mhumiex iċċarati.

3.7   Għalhekk il-KESE jixtieq li din l-opinjoni esploratorja tqajjem kwistjonijiet fundamentali li ma jiġux indirizzati tajjeb fid-dokument tal-Kummissjoni. Huwa jixtieq li l-Kummissjoni tqajjem dawn il-punti mill-ġdid u fid-dettall.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Nillimitaw ruħna wisq jekk inkejlu l-importanza tat-trasport skont il-kontribut tiegħu fil-PDG jew l-ammont ta’ postijiet tax-xogħol li joħloq. Fejn teżisti komunità ta’ nies, fejn hemm skambju tal-oġġetti, attivitajiet soċjali u ekonomiċi, hemm it-“trasport”. Nistgħu nistqarru wkoll li mingħajr skambju tal-oġġetti, mingħajr trasport, ma tistax taħdem is-soċjetà u ma jkun hemm kważi l-ebda PDG.

4.2   Il-poplu jixtieq u jkollu jkun mobbli u l-oġġetti jirrikjedu skambju. Il-Kummissjoni taqbel ma’ dan. F’punti 39 u 40 tal-Komunikazzjoni tagħha hija tgħid: “It-trasport jipprovdi aċċess għal ħafna mill-libertajiet tagħna. Il-libertà li naħdmu u ngħixu f’partijiet differenti tad-dinja. Il-libertà li ngawdu prodotti u servizzi differenti. Il-libertà għall-kummerċ u li nistabbilixxu kuntatti personali … Id-domanda għal dawn il-libertajiet x’aktarx li tiżdied fis-soċjetà aktar multikulturali u eteroġena tal-futur, b’rabtiet ikbar mar-reġjuni l-oħra tad-dinja.”

4.3   It-trasport għalhekk huwa importanti ħafna iżda mhux l-għan aħħari. Mhux kull tip ta’ trasport huwa awtomatikament “tajjeb” għas-soċjetà għax jippermetti l-iskambju bejn il-persuni u tal-oġġetti. It-trasport m’għandux konsegwenzi pożittivi biss, hekk kif tistqarr ċar il-Kummissjoni. Għalhekk rwol prinċipali tal-politika għandu jkun li toħloq qafas ċar u limiti għal-libertajiet imsemmija fejn dawn imissu jew saħansitra jheddu libertajiet u bżonnijiet oħra. Bħal pereżempju is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent u/jew il-klima jew il-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet li jmiss.

4.4   Fl-istess waqt il-politika (tat-trasport) għandha toffri servizz tajjeb u aċċess sikur għall-mezzi tat-trasport liċ-ċittadini kollha. Fid-dawl tas-sostenibbiltà dan jinkludi wkoll u b’mod partikolari lill-gruppi vulnerabbli, il-persuni b’diżabilità, it-tfal, iż-żgħażagħ eċċ. Jeħtieġ li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport jittejbu wkoll.

4.5   Fil-passat il-politika tat-trasport ħafna drabi għażlet l-eħfef triq. S’issa l-għan prinċipali tagħha kien li tissodisfa d-domanda għat-trasport, ħafna drabi saħansitra kien li toħloq domanda u bżonnijiet tat-trasport ġodda permezz tas-sussidji ekonomikament żgwidati fuq it-trasport tal-karozzi, il-promozzjoni ta’ diviżjoni ekonomika tax-xogħol u l-allokazzjoni sussegwenti tas-siti tal-produzzjoni u ż-żoni residenzjali abbażi ta’ żejt irħis biss. L-attitudni kienet li tista’ tinstab soluzzjoni infrastrutturali jew teknika għall-problemi li joħolqu dawn id-deċiżjonijiet. Madanakollu d-dibattitu nesa jindirizza l-kwistjoni ta’ kif jinħoloq it-trasport u jekk ċerti mezzi ta’ trasport jagħmlux sens. Hemm bżonn ta’ bidla f’dan ir-rigward. Il-Kumitat huwa konxju tal-fatt li l-Kummissjoni tal-UE mhijiex l-unika entità responsabbli f’dan il-qasam u li ħafna deċiżjonijiet jittieħdu fil-livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

4.6   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tindirizza ċertu kwistjonijiet b’mod miftuħ. F’punt 59 hija tgħid li “Ħafna servizzi pubbliċi ġew iċċentralizzati b’mod progressiv bil-għan li tiżdied l-effiċjenza. Id-distanzi bejn iċ-ċittadini u l-fornituri tas-servizzi (l-iskejjel, l-isptarijiet, iċ-ċentri tax-xiri) żdiedu. Il-kumpaniji segwew l-istess xejra billi żammew għadd iżgħar ta’ ċentri ta’ produzzjoni, ħżin u distribuzzjoni. Ix-xejra lejn il-konċentrazzjoni tal-attivitajiet ipproduċiet ammont kbir ta’ mobilità furzata, minħabba li l-kundizzjonijiet tal-aċċessibbiltà ħżienu.” Il-KESE jemmen madanakollu li l-Komunikazzjoni jonqosha tindirizza l-passi li għandha tieħu l-politika fid-dawl ta’ dan.

4.7   M’għandux jiġi kkuntestat il-fatt li t-tendenzi msemmija, pereżempju l-konċentrazzjoni tal-istituzzjonijiet pubbliċi u tal-intrapriżi huma influwenzati direttament jew indirettament mid-deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi. Fil-futur, ikun importanti li qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet politiċi jew fil-qasam tal-ippjanar, jiġi analizzat ħafna aħjar l-impatt li ser ikollhom fuq it-trasport u fuq is-sistema tat-trasport. Ġieli tħassar pjan sforz deċiżjoni politika li ser tikkawża sistema ta’ trasport ġdida mhux mixtieqa?

4.8   Fid-dawl tar-riżultati, in-nuqqasijiet u l-bżonnijiet li ssemmi l-komunikazzjoni jkun utli li fil-qafas tat-tfittxija li bdiet għal futur sostenibbli għat-trasport, il-Kummissjoni tiċċara liema żviluppi u oqsfa tal-passat fil-livell Ewropew u nazzjonali tikkunsidra li mhumiex adegwati. Iċ-ċentralizzazzjoni tal-iskejjel jew tal-amministrazzjonijiet f’uħud mill-Istati Membri kien pass tajjeb? Il-pass li tinħoloq konċentrazzjoni ta’ biċċeriji u l-fabbriki tal-prodotti tal-ħalib (sikwit b’appoġġ mill-fondi strutturali tal-UE) kien effettiv mil-lat tas-sostenibbiltà (u pereżempju l-iżvilupp reġjonali)? L-espansjoni tal-infrastruttura kienet mezz li ġab żvilupp reġjonali sostenibbli, jew kienet iktar riżultat ta’ politika tal-infrastruttura żbaljata li kkawżat iktar migrazzjoni miż-żoni rurali u mobilità sfurzata?

4.9   Eżempju ieħor: bħala parti mid-diviżjoni globali tax-xogħol qed jiġi importat għalf irħis fl-Ewropa. Dan wassal għal konċentrazzjoni kbira ta’ trobbija tal-bhejjem u ġġenera flussi tat-trasport ġodda. Ir-raġuni prinċipali għal dan setgħet kienet li la l-prezzijiet tal-għalf u lanqas l-ispejjeż tat-trasport ma jirriflettu l-verità ambjentali u ekonomika. Ħafna drabi lanqas ma jirriflettu l-ispejjeż soċjali negattivi. L-ispejjeż tat-tibdil fil-klima, li huma kkawżati anki mit-trasport jew l-ispejjeż tas-saħħa kkawżati mill-istorbju u l-emissjonijiet tat-trasport iqajmu kwistjonijiet importanti dwar politika tal-mobilità sostenibbli fl-UE. Hekk ser tibqa’ s-sitwazzjoni fil-futur? Dan kif jolqot lill-politika tat-trasport? Dawn huma kollha mistoqsijiet li sfortunatament il-komunikazzjoni ma tweġibx.

4.10   Il-KESE jsejjaħ għal valutazzjoni tal-impatt fl-oqsma tal-politika kollha – mill-politika ekonomika u tal-kompetizzjoni sal-politika tal-iżvilupp – sabiex jitkejjel kemm jiġġeneraw trasport. Pereżempju l-bidla fil-Politika Agrikola Komuni tal-Ewropa sabiex jissaħħu l-ekonomiji reġjonali hija opportunità tajba li jiġi evitat it-trasport u jitqassru r-rotot tat-trasport fl-Ewropa.

4.11   Il-kwistjoni prinċipali hawnhekk mhix il-mobilità nnifisha – jiġifieri n-numru ta’ vjaġġi li jsiru. Il-kwistjoni tikkonċerna iktar it-tul u l-mod kif dawn isiru, jiġifieri għal-liema prezz u b’liema mezz tat-trasport?

4.12   F’dan il-qasam inbidlu ħafna affarijiet matul dawn l-aħħar snin. Il-vjaġġi saru itwal u mhux qed jintużaw l-iktar mezzi tat-trasport ambjentali. Dan jgħodd kemm għat-trasport tan-nies kif ukoll għat-trasport tal-oġġetti, jiġifieri tal-merkanzija. It-trasport tal-qamħ mill-għalqa dejjem kien jgħaddi mill-imtieħen għall-furnara għall-utent aħħari – madanakollu issa nbidlu l-mezzi tat-trasport. Illum il-ġurnata, abbażi tal-kundizzjonijiet ta’ qafas ta’ politiki oħra u n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fi ħdan l-UE, ekonomikament jagħmel sens għall-kumpaniji li l-għaġina mhux maħduma tiġi ttrasportata mijiet ta’ kilometri fi trakkijiet bi friża għall-post fejn imbagħad tinħadem u ssir pretzel. Dan huwa eżempju wieħed tal-bżonn ta’ azzjoni fil-qasam.

4.13   Il-bniedem ilu ġenerazzjonijiet sħaħ ma jwettaqx iktar minn bejn 3 u 4 vjaġġi fil-ġurnata. Il-Ġermanja, pereżempju, in-nies iwettqu madwar 281 miljun vjaġġ kuljum jiġifieri madwar 3.4 vjaġġi r-ras. Dan ifisser madwar 3.2 km fil-ġurnata (19). Fl-2002 in-nies wettqu “biss” madwar 3,04 biljun km.

4.14   It-trasport u t-tul tal-vjaġġi jiddependu mid-deċiżjonijiet privati, politiċi u fil-qasam tan-negozju li jittieħdu. Il-prezzijiet li jridu jitħallsu għall-ġestjoni tat-trasport jaqdu rwol deċiżiv. F’dan il-qasam hemm bżonn u għandha sseħħ bidla kbira fil-futur permezz ta’ pereżempju żieda fil-prezzijiet tal-materja prima (b'mod partikolari l-karburanti fossili), l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni li tant ilu jappoġġja u jitlob li sseħħ il-KESE, it-tnaqqis li qed tbassar il-Kummissjoni fil-fondi pubbliċi għall-infrastruttura eċċ. Madanakollu m’hemmx messaġġi politiċi ċari ta’ x’għandu jsegwi b’mod konkret. Kull miżura li tikkonċerna l-infrastruttura tat-trasport hija għalja u meta titwettaq, l-impatt tagħha ser jibqa’ jinħass għexieren ta’ snin. Għalhekk hemm bżonn ta’ direzzjonijiet ċari. Fil-fehma tal-KESE għandha titqies iktar l-istampa sħiħa tal-iżvilupp sostenibbli meta jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-infrastruttura. L-ispejjeż ambjentali u soċjali reali għandhom jitqiesu iktar u m’għandhomx jitqiesu biss it-titjib tal-konnessjonijiet, iż-żieda fil-produttività u l-iffrankar tal-ħin.

4.15   Kull miżura ġdida fl-insfrastruttura tat-trasport hija għalja ħafna u l-konsegwenzi tagħha jibqgħu jinħassu għal ħafna snin. Jekk il-Kummissjoni tistqarr li n-numru ta’ anzjani fis-soċjetà tagħna ser jiżdied, li iktar nies ser jibdew jgħixu fil-bliet (u li għalhekk il-bżonnijiet fil-qasam tal-mobilità ser jinbidlu wkoll) u li apparentement ser ikun hemm inqas flus disponibbli għall-infrastruttura tat-trasport, mela hemm bżonn ta’ bidliet kbar fl-investiment fl-infrastruttura.

4.16   Il-KESE jissuġġerixxi għalhekk li bħala parti mill-“bidla ġenerali u sostanzjali tas-sistema tat-trasport” u l-“kunċett ta’ mobilità differenti”, il-Kummissjoni u l-Presidenza tal-Kunsill għandhom iniedu dibattitu dettaljat dwar kwistjonijiet prinċipali bħall-oriġini tal-ħtieġa tat-trasport u l-mobilità sfurzata. Huwa jerġa’ jinsisti li dan ma jkunx dibattitu dwar restrizzjoni tal-libertajiet jew tal-bżonnijiet relatati mal-mobilità iżda dibattitu bżonnjuż dwar it-tfassil ta’ strateġija tal-iżvilupp sostenibbli – li s’issa l-politika tat-trasport ftit li xejn ġiet integrata fiha – u l-ħarsien tal-libertà tal-mobilità għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.

4.17   Il-Kummissjoni tindirizza kwistjoni importanti f’punt 53: “Madankollu, il-ħaddiema tat-trasport f’uħud mis-setturi jistgħu jiġu mċaqalqa mill-impjieg tagħhom b’riżultat tal-aġġustament għall-kuntest ekonomiku u tal-enerġija radikalment differenti. Huwa importanti li jkun żgurat li t-tali bidla tkun antiċipata u mmaniġġata sew, sabiex kundizzjonijiet ta’ bidla jkunu wkoll sors ta’ impjiegi ġodda u li l-ħaddiema tat-trasport ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess u jirreaġixxu għalih.”

4.18   Kif intqal, hemm bżonn “li t-tali bidla tkun antiċipata”. Jeħtieġ li jiġi stabbilit b’mod ċar liema setturi ser jintlaqtu b’mod pożittiv jew negattiv. Diġà nafu ħafna dwar dan; jeħtieġ biss li l-informazzjoni tiġi indirizzata b’mod miftuħ. Il-KESE, f’waħda mill-ewwel opinjonijiet tiegħu dwar l-iżvilupp sostenibbli (NAT/229), ġibed l-attenzjoni għall-fatt li huma sewwa sew dawn il-proċessi ta’ bidla meħtieġa li jirriżultaw f’ansjetà u reżistenza b’mod partikolari fl-oqsma tas-soċjetà li jagħmlu profitt mis-sistema xejn sostenibbli ta’ bħalissa u li huma l-iktar milquta mill-bidliet strutturali.

4.19   Barra mill-kwistjonijiet strutturali dwar l-oriġini tat-trasport u t-tul tal-vjaġġi, jeħtieġ li tiġi indirizzata wkoll in-natura tal-mezzi tat-trasport. Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari dawn il-punti li ġejjin li tqajjem il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha:

Il-qligħ li jsir mill-utenti tat-trasport (tat-triq) (20)spiss ma jkollu l-ebda rabta mal-kostijiet reali tal-għażliet tagħhom għas-soċjetà”;

Permezz ta’ allokazzjoni korretta tal-ispejjeż esterni tal-utenti tat-trasport u tal-mezzi tat-trasport, in-nies ser jevitaw it-trasport jew jużawh aħjar, jiġifieri jagħmlu għażla li tirrispetta l-ambjent. Madanakollu l-KESE jixtieq indikazzjoni ta’ kif ser titwettaq l-allokazzjoni korretta;

hemm ħtieġa importanti għal bidla teknoloġika lejn vetturi b’inqas emissjonijiet jew mingħajr emissjonijiet”; fil-fehma tal-KESE, id-downsizing tal-vetturi u l-użu tal-karozzi tal-elettriku ser jaqdu rwol importanti. Il-kalkoli tal-Aġenzija tal-Enerġija Rinnovabbli juru biċ-ċar li huwa biss permezz tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli li nistgħu nagħtu kontribut sostanzjali għall-ħarsien tal-klima (21). Madanakollu hawn mhux qed nirreferu biss għat-teknoloġiji ta’ propulsjoni għaliex dawn mhux ser isolvu problemi ta’ konġestjoni jew ta’ bliet mibnija fuq it-trasport bil-karozza.

Huwa proprju fil-konurbazzjonijiet li qed ikomplu jiżviluppaw li għandhom jiġu promossi fuq skala kbira t-trasport pubbliku, iċ-ċikliżmu u l-mixi. Dan jikkonforma mal-istqarrijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tan-“Netwerk taċ-Ċittadin” (22). Riċentement il-KESE reġa’ kkritika l-fatt li l-implimentazzjoni tal-ideat tan-Netwerk taċ-Ċittadin ftit li xejn qed tagħmel progress. Huwa proprju fil-politika tat-trasport fil-bliet li hemm bżonn ta’ kunċetti ġodda li jiddibattu r-rwol dominanti li s’issa dejjem ingħata lill-karozza.

Fil-fehma tal-KESE, il-politiki tat-trasport urban, pereżempju dawk ta’ dawn l-aħħar snin ta’ Londra u Bielefeld (il-Ġermanja), huma prova li t-tendenzi ħżiena jistgħu jiġu evitati u li tista’ tiġi implimentata politika tat-trasport sostenibbli jekk dawk li huma responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet ikunu impenjati u jwittu t-triq għal dan.

Il-KESE għandu d-dubji tiegħu dwar l-istqarrija tal-Kummissjoni f’punt 32 li “t-tixrid […] iwassal għal ħtieġa ikbar ta’ modi ta’ trasport individwali”. Id-densità baxxa fl-ammont ta’ karozzi f’żoni urbani bħal Berlin u Kopenħagen pereżempju juru li permezz tal-politika tat-trasport it-tajba, il-modal split tista’ tiżviluppa fid-direzzjoni l-opposta.

Il-KESE qed jistenna li jitnieda dibattitu infurmat dwar strumenti effettivi li jagħtu prijorità lill-forom u l-mezzi tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent fl-investimenti li jsiru u l-oqsfa kollha li jiġu stabbiliti, kif ukoll li jiġu żviluppati standards soċjali u ambjentali armonizzati għall-mezzi tat-trasport kollha sabiex jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u l-iżvilupp sostenibbli.

F’dan il-proċess jeħtieġ li nqisu l-impatt ta’ bosta politiki tal-ekonomija u tad-djar permezz ta’ eżempji mill-Istati Membri u l-esperjenzi ta’ diversi proġetti tal-UE fil-lokalitajiet li għandhom politika eżemplari, li tevita t-trasport motorizzat, u li fl-istess waqt tissodisfa tajjeb ħafna l-bżonnijiet ta’ kuljum u tal-mobilità. Il-KESE jemmen li għandu jinħoloq punt ta’ koordinazzjoni tal-UE fejn jinġabru l-eżempji t-tajba u jiġu mxerrda.

Brussell, 16 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2001) 370 finali.

(2)  COM(2006) 314 finali.

(3)  COM(2007) 642 finali.

(4)  Sakemm ma jiġix indikat mod ieħor, iċ-ċifri huma meħuda minn: GD TREN (2009), it-trasport u l-enerġija tal-UE f’ċifri. Ktejjeb tal-istatistika 2009.

(5)  Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-analiżi ta’ nofs it-terminu tal-White Paper (COM(2006) 314, tabella 3-2) tinkludi l-kalkoli tal-Kummissjoni dwar żieda fl-emissjonijiet tas-CO2 mis-settur tat-trasport sas-sena 2020 li tmur kontra l-għanijiet tal-ħarsien tal-klima.

(6)  Minn madwar 72 % għal 84 % fl-2050.

(7)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 89.

(8)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 80.

(9)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 46.

(10)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 70.

(11)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 101.

(12)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 20.

(13)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 50.

(14)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 25.

(15)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 41.

(16)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 94.

(17)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 218.

(18)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 31.

(19)  Studju “Il-mobilità fil-Ġermanja”, li sar mill-Ministeru Federali tat-Trasport, il-Bini u l-Iżvilupp Urban.

(20)  Bħat-taxxi fuq l-użu tat-toroq u l-enerġija, u n-nollijiet u taxxi fuq l-użu tal-infrastruttura.

(21)  Ara: http://www.unendlich-viel-energie.de/de/verkehr/detailansicht/article/5/erneuerbaren-energien-koennen-strombedarf-fuer-elektroautos-spielend-decken.html

(22)  Ara: “L-iżvilupp tan-netwerk taċ-ċittadin - l-importanza tat-trasport lokali u reġjonali tal-passiġġieri u l-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea f’dan il-qasam” COM(1998) 431 finali, 10.7.1998 (mhux disponibbli bil-Malti).