|
22.9.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 255/66 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji”
COM(2009) 158 finali
(2010/C 255/12)
Relatur: is-Sur BURNS
Nhar it-2 ta’ April 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji
COM(2009) 158 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ Ottubru 2009. Ir-relatur kien is-Sur Burns.
Matul l-458 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u s-17 ta’ Diċembru 2009 (seduta tas-17 ta’ Diċembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’60 vot favur, 12-il vot kontra u 11-il astensjoni.
1. Rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jqis li l-użu tat-terminu “università” għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla kollha mingħajr ma jingħata kas ta’ x’jissejħu jew tal-istatus tagħhom fl-Istati Membri jqajjem konfużjoni. Sabiex nippromovu s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u n-negozji jeħtieġ li nagħrfu d-dixxiplini li għalihom sħubija ta’ dan it-tip tkun rilevanti u ż-żewġ partijiet għandu jkollhom il-libertà li jiddeterminaw il-benefiċċju reċiproku tas-sħubija. Għalhekk il-KESE jissuġġerixxi li jintuża t-terminu “istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla” bħala terminu iktar ġenerali, u li jintuża fit-titolu tal-forum.
1.2 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-forums tal-UE għad-djalogu bejn l-universitajiet jew l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u n-negozji għandhom jiffokaw fuq il-kooperazzjoni u l-azzjoni meta din tkun meħtieġa. Dan għandu jiġi analizzat bir-reqqa, speċjalment fiż-żmien tal-kriżi attwali fejn ħadd mhuwa ċert jekk in-negozji hux ser ikunu jistgħu jinvestu direttament fil-gradwati futuri (fuq perijodu ta’ żmien twil). Il-forum għandu jintuża sabiex jitfassal l-interess ġenerali fuq perijodu ta’ żmien twil fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol.
1.3 Hawnhekk il-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili hija mixtieqa. L-impenn man-negozji u l-ħolqien ta’ forum għandhom ikunu ġenwini u m’għandhomx isiru mekkaniżmu li m’għandux skop ieħor għajr il-ġbir ta’ fondi għall-attivitajiet attwali tal-universitajiet. Dan l-impenn u l-proċess ta’ ħolqien ta’ forum ma għandhomx isiru l-mezz li permezz tiegħu n-negozji jkunu jistgħu “jiddominaw” l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla.
1.4 Il-KESE jinkoraġġixxi sħubija iktar bilanċjata bejn l-universitajiet u n-negozji b’mod li ż-żewġ partijiet jitħeġġu jkunu xpruni tal-bidla, jagħtu kontribut prezzjuż, jagħrfu l-objettivi u l-kompiti soċjali differenti rispettivi tagħhom, u fl-istess ħin jidentifikaw u jużaw dawk it-temi u l-punti ta’ kuntatt li jistgħu jwasslu għal kooperazzjoni (1).
1.5 It-tagħlim tul il-ħajja: jeħtieġ li ssir riċerka empirika biex jiġu stabbiliti l-kompiti tan-negozji u r-riżultati li għandhom jinkisbu qabel ma l-forums jiżviluppaw xi objettivi dwar it-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali.
1.6 In-negozji għandhom jieħdu r-responsabbiltà li jiddefinixxu r-riżultati fir-rigward ta’ dak li jsir jew dak li għandu jsir fil-post tax-xogħol, fid-dawl tal-bżonnijiet tat-tagħlim tul il-ħajja tal-impjegati.
1.7 L-aċċess għall-programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja m’għandux ikun limitat għal kisbiet akkademiċi preċedenti jew għall-ksib ta’ kwalifiki speċifiċi. It-tagħlim tul il-ħajja għandu jkun ibbażat fuq il-ħtiġijiet prattiċi tal-impjegati u l-post tax-xogħol tagħhom u kwalunkwe taħriġ fil-post tax-xogħol għandu jkun ibbażat fuq ir-riżultati. Il-ksib ta’ kwalifiki m’għandux ikun l-għan ewlieni tat-tagħlim tul il-ħajja.
1.8 Fid-dinja intraprenditorjali xejn mhu aqwa mill-esperjenza prattika. Għaldaqstant, il-forum għandu jinkludi proposti dwar kif l-akkademiċi jistgħu jiksbu esperjenza valida u prattika fin-negozji ż-żgħar u l-kbar. Diġà inkisbu ħafna esperjenzi f’dan il-qasam u jeħtieġ li nanalizzaw l-eżempji tal-prattika tajba.
1.9 L-SMEs u l-mikrointrapriżi għandhom jitħeġġu jieħdu sehem iktar attiv fil-forum.
1.10 Jeħtieġ li tiġi stabbilita definizzjoni iktar prattika tal-SMEs fil-qafas tal-ħidma tal-forum. Nissuġġerixxu din id-definizzjoni:
|
Kategorija tal-intrapriżi |
L-għadd totali tal-persunal |
|
Daqs medju |
<100 |
|
Żgħar |
<20 |
|
Mikrointrapriżi |
<5 |
2. Sfond
2.1 L-edukazzjoni u t-taħriġ ġew identifikati bħala fatturi kruċjali biex jinkisbu l-objettivi ġenerali tal-Istrateġija ta’ Lisbona. Sabiex is-soċjetà Ewropea tibqa’ ħajja u tikkompeti fl-ekonomija dinjija l-ġdida, jeħtieġ li ċ-ċittadini jsiru iktar intraprenditorjali. Bil-għan li jinkiseb dan l-objettiv jeħtieġ li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-modernizzazzjoni tas-sistemi edukattivi Ewropej u li jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-universitajiet u tan-negozji bħala xpruni ewlenin f’dan il-proċess.
2.2 Diġà jeżistu sħubijiet bejn kumpaniji multinazzjonali kbar u universitajiet kif ukoll bejn organizzazzjonijiet ta’ riċerka u intrapriżi. L-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti, il-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej, ir-Raggruppamenti ta’ Eċċellenza u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija li għadu kif twaqqaf huma eżempji tajba ta’ forom ġodda ta’ kollaborazzjoni u sħubija. Sfortunatament, l-istess tipi ta’ relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, il-mikrointrapriżi u l-SMEs mhumiex żviluppati biżżejjed.
2.3 Hemm bżonn ta’ oqsma ġodda ta’ riċerka sabiex jitjieb l-għarfien dwar il-qasam li dejjem jinbidel tal-edukazzjoni ogħla, u dwar ir-rwol tal-akkademiċi. Għalkemm l-universitajiet jaqdu rwol ċentrali fil-bini ta’ soċjetà Ewropea bbażata fuq l-għarfien, ir-riċerka reċenti turi li hekk kif l-aspetattivi tagħna fir-rigward tal-universitajiet jiżdiedu, dawn jiffaċċjaw pressjonijiet li diffiċli jamministraw: l-universitajiet huma mistennija jagħmlu iktar riċerka, ikunu kompetittivi u kosteffettivi u fl-istess ħin jgħallmu numru akbar ta’ studenti b’mod iktar individwali u jżommu standards akkademiċi ta’ livell għoli. Għaldaqstant, il-missjoni tal-universitajiet tiċċajpar u jkunu fil-periklu li jitilfu r-rwol tagħhom fil-produzzjoni u t-tixrid tal-għarfien (2).
2.4 Il-Komunikazzjoni ta’ Mejju 2006 dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni ogħla (3) sostniet li l-intrapriżi setgħu jikkontribwixxu fi tliet oqsma:
|
— |
il-governanza: il-qasam univesitarju jista’ jintegra l-mudelli intraprenditorjali; |
|
— |
il-finanzjament: l-intrapriżi għandhom rwol potenzjali x’jaqdu fl-appoġġ finanzjarju għall-edukazzjoni u r-riċerka; |
|
— |
il-kurrikuli: l-edukazzjoni għandha tipprepara lill-istudenti għad-dinja attwali u futura tax-xogħol. L-intrapriżi għandhom ikunu involuti f’dan il-proċess u għandhom joffru esperjenza prattika biex jgħinu lill-istudenti fit-tranżizzjoni tagħhom mill-istudju għax-xogħol. Barra minn hekk, l-intrapriżi għandhom jitħeġġu jibagħtu l-persunal tagħhom għal iktar tagħlim u jaġġornaw il-ħiliet tagħhom tul il-ħajja professjonali tagħhom. |
2.5 Fl-2008, il-Kummissjoni waqqfet forum bejn l-universitajiet u n-negozji li jappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji bil-għan li jgħin lill-universitajiet jindirizzaw aħjar u iktar malajr it-talbiet tas-suq u jiżviluppaw sħubijiet li jagħmlu l-aħjar użu mill-għarfien xjentifiku u teknoloġiku.
2.6 F’dan il-forum ħadu sehem istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, kumpaniji, assoċjazzjonijiet intraprenditorjali, intermedjarji u awtoritajiet pubbliċi. Il-forum kien il-lok ideali għal diskussjonijiet dwar l-iskambju ta’ prattika tajba u dwar problemi komuni u wassal sabiex il-parteċipanti jaħdmu flimkien biex isibu soluzzjonijiet potenzjali.
3. Il-kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni
3.1 Il-Kummissjoni tagħraf il-bżonn ta’ kooperazzjoni iktar effettiva bejn l-universitajiet u n-negozji. Għaldaqstant, jinħtieġu miżuri ta’ appoġġ għall-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw is-sistemi tal-edukazzjoni ogħla tagħhom.
3.2 L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni hu li:
|
— |
tanalizza l-lezzjonijiet li ħarġu mill-ewwel sena tal-forum u minn attivitajiet rilevanti oħra fil-livell Ewropew dwar l-isfidi u l-ostakli għal kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji. Hemm Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD) li jiżviluppa dan l-aspett tax-xogħol iktar fit-tul; |
|
— |
tagħmel proposti għall-passi li jmiss fil-ħidma tal-forum; |
|
— |
tidentifika azzjonijiet konkreti ta’ segwitu biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji. |
3.3 Il-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport li ser jinfluwenzaw il-ħidma tal-forum jinkludu:
|
— |
l-iżvilupp ta’ kultura intraprenditorjali fl-universitajiet jeħtieġ tibdil kbir fil-governanza u t-tmexxija tal-università; |
|
— |
l-edukazzjoni fl-intraprenditorija għandha tkun komprensiva u miftuħa għall-istudenti interessati kollha, fid-dixxiplini akkademiċi kollha; |
|
— |
l-universitajiet għandhom jinvolvu l-intraprendituri u n-nies tan-negozju fit-tagħlim tal-intraprenditorija; |
|
— |
il-professuri u l-għalliema għandu jkollhom aċċess għal taħriġ fit-tagħlim tal-intraprenditorija u jkunu esposti għad-dinja tan-negozju; |
|
— |
l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet pubbliċi tar-riċerka għandu jkollhom strateġiji ċari fuq perijodu fit-tul għall-ġestjoni tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali; |
|
— |
l-isfidi partikolari li jiltaqgħu magħhom l-SMEs li jridu jistabbilixxu sħubijiet mal-universitajiet għandhom jiġu indirizzati; |
|
— |
it-tagħlim tul il-ħajja għandu jiġi integrat b’mod sħiħ fil-missjonijiet u l-istrateġiji tal-universitajiet; |
|
— |
l-aġġornament/it-titjib tal-ħiliet għandu jiġi stmat u rikonoxxut fis-suq tax-xogħol u minn min iħaddem; |
|
— |
it-tagħlim tul il-ħajja għandu jkun żviluppat fi sħubija mal-intrapriżi – l-universitajiet ma jistgħux ifassluh u jagħtuh waħedhom; |
|
— |
il-kundizzjonijiet qafas nazzjonali u reġjonali għandhom jipprovdu ambjent ta’ appoġġ għall-universitajiet biex jidħlu f’kooperazzjoni mad-dinja tan-negozju; |
|
— |
il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji għandha tkun inkorporata fi strateġiji istituzzjonali; it-tmexxija u l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani huma kruċjali għall-implimentazzjoni. |
3.4 Bil-għan li jiġi ffaċilitat id-dibattitu dwar l-objettvi t’hawn fuq, il-Kummissjoni beħsiebha tagħti lill-forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji struttura msaħħa f’forma ta’ laqgħat plenarji u laqgħat tematiċi. Preżenza fuq l-internet hija rakkomandata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni beħsiebha tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u ta’ kontributuri minn barra l-UE.
3.5 Fuq il-bażi tar-riżultati miksuba mill-forum, il-Kummissjoni beħsiebha teżamina forom ġodda ta’ sħubijiet strutturati bejn l-universitajiet u n-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, u tanalizza kif dawn is-sħubijiet jistgħu jiġu appoġġjati permezz ta’ programmi tal-UE. Il-Kummissjoni ser teżamina wkoll jekk l-ambitu tad-djalogu mal-intrapriżi jistax jiġi estiż għal setturi oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
4. Il-kummenti/osservazzjonijiet ġenerali tal-KESE
4.1 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex ittejjeb ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u n-negozji. Madankollu, jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-kontenut tal-Komunikazzjoni ma jagħmel xejn għajr li jikkonferma l-kritika li dehret f’dokumenti preċedenti. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tasal għall-istess konklużjoni: għandna problema u jeħtieġ li nsolvuha. Madankollu, il-Kumitat jinsab imħasseb dwar il-fatt li fejn, fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi ċerti miżuri għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonjiet ta’ edukazzjoni ogħla u n-negozji, hija tadotta approċċ unilaterali, pereżempju l-universitajiet għandhom jadottaw l-istrutturi ta’ ġestjoni tan-negozji, jiffaċilitaw is-sehem dirett tal-prattikanti fi ħdanhom u jintroduċu taħriġ fl-intraprenditorija, eċċ. (ara punt 3.3).
4.2 Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-approċċ ta’ din il-Komunikazzjoni huwa wisq akkademiku u r-rakkomandazzjonijiet huma vagi wisq u faċli jiġu interpretati b’modi differenti. Il-fatt li t-terminu “universitajiet” jirreferi għall-istituzzjonijiet kollha ta’ edukazzjoni ogħla, irrispettivament mill-isem u l-istatus fl-Istati Membri joħloq konfużjoni. Istituzzjonijiet differenti ta’ edukazzjoni ogħla joffru servizzi differenti lill-intrapriżi. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet li jispeċjalizzaw f’taħriġ ibbażat fuq il-kompetenzi qed joffru prodott differenti minn dak ta’ istituzzjonijiet li jiffokaw fuq taħriġ ibbażat fuq l-għarfien. Pereżempju, il-funzjoni ewlenija tal-universitajiet klassiċi, fejn jiddominaw ix-xjenzi umani u soċjali kif ukoll ir-riċerka fundamentali, hija li tipproduċi l-għarfien u żżomm il-kontinwità kulturali.
4.3 Il-maġġoranza ta’ min iħaddem tifhem id-diviżjoni tradizzjonali bejn l-universitajiet u l-istituzzjonijiet l-oħra ta’ edukazzjoni ogħla. Huma jistennew li l-universitajiet jedukaw l-istudenti sabiex meta jiggradwaw ikollhom ħakma soda tas-suġġetti li jkunu studjaw. Huma jqisu l-lawrji universitarji bħala indikazzjoni tal-potenzjal iktar milli ċertifikat tal-kompetenzi. Mentri, fil-każ tal-kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla u tal-kwalifiki vokazzjonali, jistennew li dawn jagħtu indikazzjoni tal-kompetenzi li għandu individwu biex iwettaq kompiti partikolari. Din il-Komunikazzjoni u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jappoġġjaha ma jiċċarawx dawn il-kwistjonijiet.
4.4 Il-KESE huwa konxju tal-problemi marbuta mal-introduzzjoni ta’ kunċetti korporattivi fl-universitajiet. Nemmnu li t-tendenza li nieħdu l-proċessi u l-proċeduri li jintużaw fl-Istati Uniti tal-Amerika u napplikawhom fl-Ewropa ma taħdimx. L-universitajiet Ewropej għandhom isibu mezz ġdid kif jaħdmu mal-intrapriżi u jtejbu s-servizzi, il-kwalifiki u r-riżultati li jistgħu joffru, mingħajr ma’ dan jagħmel ħsara lill-kapaċità tagħhom li jwettqu riċerka bażika li hija essenzjali għas-sopravivenza tal-UE fil-konfront tal-kompetizzjoni dinjija.
4.5 Fil-klima ekonomika tal-lum il-ġurnata, l-istituzzjonijiet Ewropej ta’ edukazzjoni ogħla għandhom jiffokaw iktar fuq il-klijent u għandhom ikunu iktar konxji tal-iżvantaġġi/vantaġġi tagħhom għas-soċjetà. Biex l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla jiġu megħjuna f’dan ir-rwol il-ġdid, il-forums bejn l-universitajiet u n-negozji għandhom isiru sħab ideali. Jeħtieġ madanakollu li niddefinixxu t-terminu “klijent” mill-perspettiva tal-interess pubbliku, ta’ min iħaddem u dik ta’ kull student.
4.6 Dawn il-bidliet fil-prijoritajiet ser ikollhom implikazzjonijiet finanzjarji fuq l-universitajiet. Il-punt sa fejn is-suq għandu jiddetermina l-prijoritajiet akkademiċi huwa fattur kruċjali li għandu jiġi kkunsidrat bl-ikbar attenzjoni. Attenzjoni esklużiva fuq il-kompetittività u l-orjentazzjoni lejn in-negozju bħala standards assoluti, fost l-oħrajn, jistgħu jimplikaw tnaqqis fil-kurrikuli u l-oqsma ta’ riċerka. Din it-tendenza tidher fit-tnaqqis fuq skala globali fid-dixxiplini klassiċi. Dan il-proċess (4) ma jolqotx biss l-istudji letterarji iżda wkoll lid-dixxiplini xjentifiċi klassiċi bħall-kimika, il-fiżika, il-matematika, kif ukoll l-ekonomija u xjenzi soċjali oħra.
4.7 Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistqarr li l-għan ewlieni ta’ kwalunkwe rakkomandazzjoni huwa li l-universitajiet Ewropej “jkunu dawk l-iktar importanti li jmexxu ’l quddiem l-ambizzjoni tal-Ewropa li tkun l-akbar ekonomija u soċjetà bbażata fuq l-għarfien fid-dinja.” Minkejja li jidher li dan huwa għan ta’ min ifaħħru, hemm tħassib dwar il-fatt li huma l-universitajiet biss li ġew identifikati bħala dawk “li jmexxu ’l quddiem”. Il-KESE jippreferi li jkun hemm sħubija ugwali bejn in-negozji u l-universitajiet, fejn it-tnejn li huma jagħrfu l-punti tajbin u d-dgħufijiet tagħhom huma stess u t-tnejn li huma jkunu xpruni ugwali tal-bidla. In-negozji jipprovdu l-esperjenza prattika u l-għarfien tas-suq u l-universitajiet jipprovdu l-kontenut intellettwali u l-appoġġ. Madankollu, il-KESE jinnota li hemm sensiela ta’ fatturi oħra “li jmexxu ’l quddiem” din l-ambizzjoni Ewropea u mhux in-negozji u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla biss. Jeħtieġ li din l-ambizzjoni tiġi kkunsidrata fid-dawl ta’ firxa kbira ta’ politiki Ewropej u nazzjonali b’mod partikolari fil-kuntest tal-appoġġ tas-soċjetà għall-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-qgħad.
4.8 Il-KESE jirrikonoxxi l-bżonn li dak li jiġi mgħallem jikkorrispondi mal-impjegabilità u jilqa’ wkoll ir-referenzi għar-“riżultati” li saru fid-dokument ta’ ħidma (5.2/5.2.3/5.5.5) iżda jsostni li dan m’għandux ikun l-uniku rwol tal-universitajiet. Madankollu, ninsabu mħassbin dwar il-mod kif dawn ir-riżultati ser jiġu definiti, min ser jiddefinixxihom u l-mod kif l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-kwalifiki vokazzjonali ser jidħlu fi skema aħħarija ta’ taħriġ u kwalifiki universitarji u ta’ taħriġ u kwalifiki vokazzjonali. Nemmnu li d-definizzjonijiet tar-riżultati huma kruċjali sabiex ikun hemm korrispondenza bejn il-kwalifiki u l-bżonnijiet ta’ min iħaddem speċjalment b’rabta mal-SMEs u l-mikrointrapriżi, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, meta jitqies iż-żmien meħtieġ għat-taħriġ u l-fatt li s-swieq tax-xogħol Ewropej li mhumiex armonizzati qegħdin jevolvu kontinwament, ser ikun diffiċli li jinkiseb bilanċ bejn it-taħriġ u l-impjiegi meħtieġa fl-intrapriżi. Fejn jidħlu suġġetti relatati man-negozju, l-universitatjiet għandhom jgħaddu lill-istudenti u lill-gradwati l-għarfien teoretiku meħtieġ biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi attwali li ġġib magħha dinja tan-negozju li dejjem qed tinbidel.
4.9 It-tagħlim tul il-ħajja huwa importanti għan-negozji u ċ-ċittadini iżda l-Komunikazzjoni ma tinidirizzax il-problema tal-aċċess ugwali. Din hija kwistjoni serja partikolarment għal dawk iċ-ċittadini li m’għandhomx edukazzjoni universitarja. Huwa evidenti li, fin-nuqqas ta’ rakkomandazzjoni speċifika, dawk li diġà ggradwaw ser jirċievu iktar għajnuna u taħriġ filwaqt li dawk li ma marrux l-università mhux ser ikunu jistgħu jidħlu l-università jew fi programmi universitarji għat-tagħlim tul il-ħajja.
4.10 Fil-proposti jidher li l-Kummissjoni ser tkun tista’ tispeċifika l-oqsma fejn hemm nuqqas ta’ ħiliet sempliċement billi tiltaqa’ ma’ min iħaddem u mal-akkademiċi. Paradossalment, filwaqt li qed tiġi promossa iktar riċerka xjentifika, mhu qed tiġi rakkomandata l-ebda applikazzjoni ta’ tekniki xjentifiċi biex jiġi stabbilit eżatt fejn jeżistu nuqqasijiet ta’ ħiliet u biex jiġi determinat liema edukazzjoni u taħriġ hemm bżonn biex jingħelbu dawn in-nuqqasijiet. Permezz tal-ħolqien ta’ istituzzjonijiet (pereżempju, għaqdiet) fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, flimkien mal-intrapriżi l-kbar, jista’ jiġi indikat liema kwalifiki l-gradwati għandhom bżonn fil-prattika biex dawn ikunu jistgħu jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tal-ekonomija. Barra minn hekk, dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jaqdu rwol ta’ appoġġ billi jsibu impjiegi għall-gradwati fl-intrapriżi.
4.11 Dan in-nuqqas ta’ evidenza huwa partikolarment importanti fir-rigward tat-tagħlim tul il-ħajja Għandu jkun hemm riċerka empirika biex jiġi identifikat b’mod ċar liema kompiti jitwettqu fin-negozji u liema kompiti jeħtieġ li jitwettqu. Ladarba dawn jiġu identifikati, għandhom jiġu stabbiliti t-taħriġ u kwalunkwe kwalifiki neċessarji biex jinkisbu dawn ir-riżultati. Fid-dawl tal-aspett prattiku tad-definizzjoni ta’ dawn ir-riżultati tan-negozji, jeħtieġ li n-negozji jieħdu sehem fil-proċess tal-iżvilupp u jiddefinixxu dawn l-objettivi. Il-fatt li dawk ikkonċernati jiġu informati ser ikun kruċjali. Pereżempju, meta jkun magħruf li hemm domanda qawwija għall-ħaddiema f’settur partikolari, bħall-professjonijiet marittimi, l-“istudenti” potenzjali għandhom jiġu informati dwar liema universitajiet (nazzjonali jew Ewropej) jipprovdu taħriġ f’dan il-qasam, fejn l-impjiegi huma varjati ħafna u f’ċerti każijiet bi kwalifiki tajba.
4.12 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (punt 2) tgħid: “Il-kooperazzjoni università-negozju tinvolvi żewġ komunitajiet b’differenzi notevoli fil-kultura, valuri u missjonijiet”. Tissokta billi tiddeskrivi kif twaqqfu s-sħubijiet bejn iż-żewġ oqsma u tammetti li “l-livell ta’ kooperazzjoni jibqa’ inugwali ħafna madwar il-pajjiżi, l-universitajiet u d-dixxiplini akkademiċi. Barra minn hekk, l-livell ta’ kemm din il-koperazzjoni influwenzat il-kulturi tat-tmexxija u l-organizzazzjoni fiż-żewġ setturi kkonċernati huwa limitat. Ftit universitajiet għandhom strateġija mal-istituzzjoni kollha għall-kooperazzjoni mal-intrapriża; dawk li għandhom huma kkonċentrati f’numru żgħir ta’ Stati Membri.”
4.13 Din id-dikjarazzjoni tinkorpora waħda mill-problemi ewlenin tar-relazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji: ħafna mill-universitajiet tradizzjonali ftit li xejn jippruvaw jifhmu l-kultura, il-valuri u l-motivazzjoni tan-negozji u jemmnu li kwalunkwe bidla fil-fehma għandha tiġi min-naħa tan-negozji u mhux min-naħa tagħhom. Għal kooperazzjoni ġenwina jeħtieġ li r-rappreżentanti tan-negozji jikkunsidraw il-funzjoni speċifika tal-universitajiet u tar-responsabbiltajiet differenti tagħhom fil-konfront tas-soċjetà, kif ukoll il-fatt li l-kontribut tagħhom huwa ta’ benefiċċju għan-negozji u li dan jinkiseb l-iktar permezz ta’ mezzi indiretti. Sakemm tissolva din il-problema, kwalunkwe rakkomandazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji ftit li xejn ser tkun ta’ valur.
4.14 Din id-dikjarazzjoni tenfasizza wkoll il-problema li l-kooperazzjoni attwali hija bbażata fuq universitajiet li qed jaħdmu ma’ negozji kbar u sikwit multinazzjonali b’riżultati soċjali u ekonomiċi rikonoxxuti. Il-mistoqsija ovvja hija: kif jistgħu l-SMEs u l-mikrointrapriżi jittamaw li jinfluwenzaw l-universitajiet jekk, fil-passat, l-intrapriżi l-kbar ħallew impatt daqstant żgħir? Punt 3.3 jagħmel referenza għal din il-problema: “L-isfidi partikolari li jiltaqgħu magħhom l-SMEs li jridu jistabbilixxu sħubijiet mal-universitajiet għandhom jiġu indirizzati.” Madankollu, m’hemm l-ebda suġġeriment prattiku dwar x’jistgħu jkunu dawn l-isfidi jew is-soluzzjonijiet.
4.15 Fid-dokument ma tingħatax definizzjoni ċara tal-SMEs. Dan it-terminu jissemma disa’ darbiet fil-Komunikazzjoni, għaxar darbiet fl-evalwazzjoni tal-impatt u 76 darba fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal iżda l-impressjoni ġenerali hi li fid-dokumenti tal-Kummissjoni d-definizzjoni ma tikkonċernax in-negozji ż-żgħar iżda dawk in-negozji li jimpjegaw iktar minn 200 ħaddiem u bi dħul tan-negozju ta’ iktar minn EUR 10 miljun. Id-definizzjoni attwali ta’ SME li tintuża mill-Kummissjoni Ewropea hija din li ġejja:
|
Kategorija tal-intrapriżi |
L-għadd totali tal-persunal |
Bejgħ annwali |
|
Total tal-karta tal-bilanċ annwali |
|
Daqs medju |
<250 |
€ 50 miljun |
jew |
€ 43 miljun |
|
Żgħar |
<50 |
€ 10 miljun |
jew |
€ 10 miljun |
|
Mikrointrapriżi |
<10 |
€ 2 miljun |
jew |
€ 2 miljun |
Din id-definizzjoni ma tgħinx lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla jew lill-forum huma u jidentifikaw l-SMEs speċjalment jekk jużaw iċ-ċifri tal-bejgħ annwali. Il-KESE jemmen li din id-definizzjoni tal-SMEs ixxekkel l-identifikazzjoni tas-sħubijiet intraprenditorjali. Definizzjoni iktar sempliċi li tirrifletti r-realtà hija għaldaqstant mixtieqa.
4.16 Ir-referenza għat-“trawwim tal-intraprenditorija” fis-sistema edukattiva kollha għandha tiġi analizzata bir-reqqa u għandhom jingħataw eżempji konkreti ta’ dan. Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-forum mhuwiex il-post adegwat biex tiġi diskussa din il-kwistjoni b’firxa tant wiesgħa. Il-ħtieġa li t-tfal jiżviluppaw il-kreattività u talenti oħra li ser jużaw fl-impjiegi futuri tagħhom u l-ħtieġa li l-adulti jkollhom spirtu intraprenditorjali fil-post tax-xogħol (pereżempju fir-rigward tat-tagħlim tul il-ħajja) huwa żewġ kwistjonijiet differenti.
4.17 In-negozji jinsabu mħassba dwar il-fatt li l-“Intraprenditorija” qed issir il-moda tal-aħħar fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla. L-universitajiet għandhom rwol x’jaqdu fil-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ attitudni iktar intraprenditorjali iżda dan l-aħħar dan ir-rwol ġie estiż biex ikopri t-taħriġ tal-individwi bil-għan li jsiru intraprendituri. Skont il-Forum Dinji dwar l-Ekonomija (Educating the next wave of Entrepreneurs – Nedukaw is-sensiela li jmiss tal-intraprendituri – April 2009) il-biċċa l-kbira ta’ dak li nisimgħu dwar l-intraprenditorija mhuwiex minnu. L-intraprenditorija mhijiex xi tip ta’ maġija, lanqas mhi misterjuża, u ma’għandha x’taqsam xejn mal-ġene. Hija dixxiplina u bħal kwalunkwe dixxiplina tista’ tiġi mgħallma. Il-KESE jemmen li din l-aħħar tranżizzjoni min-naħa ta’ ċerti universitajiet hija difettuża. L-universitajiet jistgħu jgħallmu lin-nies kif iwettqu l-kompiti tan-negozji bħall-kontabbiltà, il-marketing u kif iwettqu proċeduri relatati mal-ġestjoni iżda ħadd, lanqas il-professuri tal-universitajiet ma jista’ jgħallimhom jevalwaw u jieħdu riskji finanzjarji u personali li ta’ spiss imorru kontra kull raġuni loġika.
4.18 Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-opinjoni tiegħu dwar “Is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem” (5) li ssemmi wkoll numru ta’ inizjattivi dwar din il-kwistjoni.
5. Kummenti dwar id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
5.1 Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li d-dokument ta’ ħidma li tirreferi għalih il-Komunikazzjoni (punt 2) ma jżid xejn ma’ dak li ntqal fil-Komunikazzjoni ewlenija. Anzi, iżid il-konfużjoni billi jagħmel ċerti suppożizzjonijiet mingħajr jew ftit li xejn provi li jiġġustifikaw il-konklużjonijiet.
5.2 Huwa evidenti li d-dokument ta’ ħidma nkiteb mill-perspettiva tal-universitajiet dwar x’jistgħu jagħmlu biex jibbenefikaw mis-sħubijiet man-negozji. Dan jikkonċernana peress li ma jagħtix stampa bilanċjata ta’ x’għandhom jagħmlu l-forums. Barra minn hekk, id-distinzjoni bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u korpi oħra ta’ taħriġ hija estremament vaga u mhuwiex ċar jekk id-dokument huwiex qed jissuġġerixxi li l-universitajiet kollha jsiru istituzzjonijiet ta’ taħriġ jew li l-istituzzjonijiet kollha ta’ taħriġ jsiru universitajiet.
5.3 Il-KESE jemmen li d-dokument ta’ ħidma jirrappreżenta opportunità mitlufa, ma jagħtix perspettivi iktar wesgħin fir-rigward tan-negozji u ma jiddiskutix il-problemi speċifiċi tal-SMEs.
Brussell, 17 ta’ Diċembru 2009.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Ara l-opinjonijiet tal-KESE dwar “Universitajiet għall-Ewropa”, relatur: Joost van Iersel (ĠU C 128, 18.5.2010, p. 48.) u dwar “Il-kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, l-industrija u l-SMEs – prerekwiżit importanti għall-innovazzjoni”, relatur: Gerd Wolf (ĠU C 218, 11.9.2009).
(2) Il-Fondazzjoni Ewropea tax-Xjenza, 2008. Higher Education Looking Forward: An Agenda for Future Research, John Brennan, Jürgen Enders, Christine Musselin, Ulrich Teichler u Jussi Välimaa.
(3) Komunikazzjoni tal-10.5.2006 mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew- Inwasslu għar-riżultati tal-aġenda ta’ modernizzazzjoni għall-universitajiet: l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, COM(2006) 208 finali.
(4) Wilshire, Bruce. 1990. The Moral Collapse of the University: Professionalism, Purity and Alienation, Albany: State University of New York Press; Readings, Bill. 1996. The University in Ruins. Cambridge, Harvard University Press.
(5) Opinjoni tal-KESE, relatur: is-Sur Malosse (ĠU C 228, 22.9.2009, p. 9).
Appendiċi
għall-OPINJONI
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-emendi li ġejjin u liġabu mill-inqas kwart tal-voti mixħuta ġew rifjutati matul id-dibattitu (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):
Punt 1.2
Immodifika kif ġej:
“Il--forum tal-UE għad-djalogu bejn l-universitajiet jew l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u n-negozji għandhom jiffokaw fuq il-kooperazzjoni u l-azzjoni . . .”
|
Votazzjoni |
Favur: 27 |
Kontra: 49 |
Astensjonijiet: 7 |