|
18.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 128/74 |
L-457 SESSJONI PLENARJA FL-4 U L-5 TA’ NOVEMBRU 2009
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa”
COM(2008) 868 finali
(2010/C 128/13)
Relatur: is-Sinjura DRBALOVÁ
Nhar is-16 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa
COM(2008) 868 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ Ottubru 2009.
Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’141 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. Il-KESE huwa tal-fehma li l-komunikazzjoni dwar il-Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda hija inizjattiva f’waqtha u jaqbel mal-bżonn li tissaħħaħ il-kapaċità u ta’ mekkaniżmu tat-tbassir tal-ħiliet li jikkorrispondu mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fil-livell nazzjonali u tal-UE. It-tisħiħ tal-ħiliet fil-livelli kollha huwa fattur essenzjali kemm biex terġa’ tiġi stimulata l-ekonomija fil-perijodu l-qasir u għall-iżvilupp fit-tul, kif ukoll sabiex jiżdiedu l-produzzjoni, il-kompetittività u l-impjiegi u jiġu żgurati l-opportunitajiet indaqs u l-koeżjoni soċjali. Il-previzjoni għall-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol għandha l-limiti tagħha. Għalhekk huwa essenzjali li l-mekkaniżmi u l-istrumenti kkonċernati jkomplu jittejbu fuq bażi kontinwa.
1.2. Il-KESE jaqbel mat-titjib addizzjonali propost mis-Cedefop dwar il-kwistjoni tal-previżjoni regolari tal-ħiliet fil-livell Ewropew. Dan jinkludi metodi u bażijiet tad-data u l-aġġornament konkorrenti tal-previżjoni tal-provvista u d-domanda sabiex l-iżbilanċji jkunu jistgħu jiġu analizzati. Fl-istess ħin, il-Kumitat jirrakkomanda li t-terminu “ħiliet” jiġi definit iktar fid-dettall, billi jeżistu prattiki li jvarjaw skont l-Istati Membri.
1.3. Madankollu, għandu jiġi rikonoxxut li ma jeżisti l-ebda strument għall-previżjoni preċiża tal-ħtiġijiet futuri, u li fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, id-diviżjoni reali tax-xogħol globali mhijiex stabbli fil-perijodu l-medju, filwaqt li l-edukazzjoni tingħata tul perijodu ta’ żmien li x’aktarx huwa ugwali għal dan il-“perijodu medju”.
1.4. Il-KESE jaqbel mat-titjib tal-ħiliet u li dawn jiġu adattati għall-bżonnijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol. Madankollu, għandu jsir minn kollox biex jiġi sfruttat il-potenzjal attwali tas-suq tax-xogħol, biex tiżdied l-adattabbiltà tal-ħaddiema, biex jittejbu l-impjiegi atttwali, biex jinħolqu impjiegi produttivi ġodda u biex jiġi żviluppat il-potenzjal tas-suq “ekoloġiku” il-ġdid.
1.5. Il-Kumitat jappoġġja għalkollox l-idea ta’ sħubija u kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha. B’mod partikolari, jirrikonoxxi l-kontribut tal-imsieħba soċjali – bħala atturi prinċipali fis-suq tax-xogħol – u tas-soċjetà ċivili. Il-Kumitat jisħaq ukoll fuq il-bżonn ta’ kollaborazzjoni u koordinazzjoni iktar mill-qrib tal-attivitajiet fil-livell internazzjonali, speċjalment fejn jidħlu l-ILO u l-OECD.
1.6. Il-Kumitat jisħaq b’mod partikolari fuq il-kooperazzjoni mill-qrib u effettiva bejn l-istabbilimenti edukattivi u l-intrapriżi bil-għan li jkun hemm bidliet kostruttivi fis-sistemi edukattivi, biex jitnaqqas sew in-numru ta’ dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, biex is-suġġetti tekniċi jsiru iktar attraenti, biex l-apprendistati jittejbu, fl-istess ħin li jiġu previsti t-tendenzi fid-domanda għall-kwalifiki fis-swieq nazzjonali tax-xogħol u fil-ħiliet rilevanti sabiex tiżdied ir-rata ġenerali tal-impjieg fl-UE, u biex sistemi bħal dawn jiġu adattati aħjar għall-prattika industrijali. Il-Kumitat jisħaq ukoll fuq l-importanza tal-edukazzjoni bażika, t-taħriġ tal-għalliema u t-titjib tas-sistemi ta’ gwida għall-iżvilupp tal-karriera. Għandhom jiġu identifikati b’mod partikolari l-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).
1.7. F’dan il-kuntest, il-KESE jirreferi għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-summit straordinarju tal-UE dwar l-impjiegi li sar fi Praga f’Mejju 2009. L-għan tagħhom huwa t-titjib tal-ħiliet, l-investiment fl-edukazzjoni, l-appoġġ għall-mobbiltà fl-UE, il-previżjoni tad-domanda għall-ħiliet tax-xogħol u biex dawn jiġu kkoordinati aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ apprendistati u l-esperjenzi tax-xogħol ta’ kwalità tajba.
1.8. Il-Kumitat jilqa’ wkoll l-impenn li ttieħed mill-Istati Membri fil-Kunsill ta’ Mejju tal-ministri tal-edukazzjoni biex jinħoloq qafas Ewropew għal kooperazzjoni iktar mill-qrib fl-edukazzjoni u t-taħriġ u biex jiġu definiti erba’ għanijiet strateġiċi li jagħtu spinta lill-kapaċità għall-impjieg u l-potenzjal intraprenditorjali ta’ dawk kollha li qed jibbenefikaw mill-edukazzjoni u t-taħriġ. F’dan ir-rigward, il-qafas Ewropew tal-kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (CEC) (1) huwa importanti b’mod partikolari.
1.9. Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Presidenza Svediża ddeċidiet li tinkludi fil-programm politiku tagħha konferenza intitolata: “Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda” li ser tiġi organizzata fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2009 u li ser tenfasizza l-ħtiġijiet futuri tas-suq tal-impjieg u r-rwol tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg.
2. Introduzzjoni
2.1. Il-kriżi finanzjarja dinjija daħħlet l-ekonomija tal-UE f’reċessjoni, u bagħtet lura lis-swieq tax-xogħol u l-impjiegi Ewropej. Il-qgħad bħalissa huwa stmat għal madwar 9,4 % għall-2009 u 10,9 % fl-2010.
2.2. Il-Kummissjoni Ewropea irreaġixxiet bi Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (2) fejn enfasizzat approċċ ikkoordinat, stabbilixxiet għanijiet strateġiċi u pproponiet firxa sħiħa ta’ miżuri fl-erba’ oqsma prijoritarji tal-Istrateġija ta’ Lisbona.
2.3. Wieħed mill-oqsma fejn ittieħdet l-azzjoni kien dak tal-ħarsien tal-impjiegi – u r-riżorsi umani – u l-appoġġ għall-intrapriża. Il-Kummissjoni Ewropea talbet għat-tnedija ta’ inizjattiva mifruxa fil-livell Ewropew biex tistimula l-impjieg u rrakkomandat, fost l-oħrajn, il-monitoraġġ tal-postijiet battala attwali u futuri u li jkun hemm reazzjoni aħjar għalihom bis-saħħa ta’ ħiliet usa’ u mtejba.
2.4. L-iktar fattur importanti għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-prosperità huwa l-kapaċità tal-pajjiżi li joħolqu l-opportunitajiet għall-impjiegi ta’ kwalità. Il-politika tal-ħolqien tal-opportunitajiet tal-impjiegi u t-tkabbir tiddependi minn għadd ta’ fatturi fundamentali. Suq tax-xogħol modern, inklużiv, flessibbli u kompetittiv iħaddan firxa wiesgħa ta’ attivitajiet u rwoli. Barra minn hekk, il-moviment ħieles tax-xogħol huwa wieħed mill-pilastri prinċipali tal-UE. L-għan huwa kemm li li ċ-ċittadini jsibuha iktar faċli biex jaħdmu fi Stati Membri oħrajn u biex tittejjeb l-offerta tal-impjieg, kif ukoll biex il-kumpaniji jsibu firxa iktar wiesgħa u versatili ta’ ħaddiema li jkunu adattati aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.
2.5. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa tal-2009 jagħmluha ċara biżżejjed li hemm bżonn fokus fuq it-titjib tal-kapaċità tal-UE biex jiżdiedu l-ħiliet fil-livelli kollha u biex jiġu previsti u akkomodati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Il-parteċipanti ħeġġew ukoll lill-Istati Membri b’mod ċar biex jimplimentaw il-Linja Gwida Integrata nru 24 u jadattaw is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ vokazzjonali tagħhom għall-ħtiġijiet ta’ ħiliet ġodda.
2.6. Fis-summit straordinarju tal-UE dwar l-impjiegi, li sar fi Praga fis-7 ta’ Mejju 2009 ġew adottati għaxar miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati l-isfidi fit-tul u fil-qosor, li għandhom jiddaħħlu fil-livell nazzjonali u Ewropew bi ftehim mal-imsieħba soċjali. Erbgħa minn dawn il-miżuri jolqtu lill-edukazzjoni, it-taħriġ, it-tagħlim tul il-ħajja, l-apprendistati, l-iffaċilitar tal-mobbiltà u l-previżjoni aħjar tal-ħiliet u t-tqabbil tagħhom mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.
3. Kummenti Generali
3.1. Fl-2008, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni tagħha dwar Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa (3), fejn, fil-kuntest tal-kriżi attwali, saħqet fuq il-bżonn li jissaħħaħ il-kapital uman u l-kapaċità għall-impjieg billi jissaħħu l-ħiliet. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li ttejjeb il-kapaċità tal-Unjoni fl-evalwazzjoni u l-previżjoni tal-ħiliet u t-tqabbil aħjar tagħhom għan-natura tal-impjiegi ġodda li nħolqu.
3.2. Il-Kummissjoni tipproponi l-ewwel evalwazzjoni tal-ħiliet relatati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol sal-2020, iżda tippreżenta wkoll proċess sistematiku għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-identifikazzjoni bikrija tal-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol. Hija se tindirizza wkoll modi ġodda għall-kejl tal-ħiliet permezz tal-programm PROGRESS u oħrajn relatati mat-tagħlim tul il-ħajja.
3.3. Il-Kummissjoni qed timmobilizza strumenti attwali biex timplimenta dawn il-proċessi b’mod effettiv u fl-istess ħin tfassal proċessi ġodda biex issaħħaħ jew tissemplifika l-proċess. Il-Kummissjoni tisħaq fuq il-politika tal-flessigurtà u l-implimentazzjoni tal-miżuri biex jissaħħu l-impjiegi. Fost l-istrumenti ġodda proposti dan l-aħħar hemm l-“Osservatorju għas-Suq tax-Xogħol Ewropew”, katalgu multilingwali standardizzat tas-snajja u l-ħiliet, u “Laqqa’ u Fassal”, strument biex jiffaċilita l-affarijiet għall-utenti tal-EURES. Hawnhekk jissemma’ wkoll ir-rwol kruċjali tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Il-previżjoni tal-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol għandha l-limiti tagħha għalhekk huwa kruċjali li l-mekkanżmi u l-istrumenti kkonċernati jkomplu jittejbu fuq bażi kontinwa filwaqt li jsir monitoraġġ tal-kapaċita tal-assorbiment tad-diversi Stati Membri.
3.4. Il-Kummissjoni għandha raġun tinsisti fuq l-importanza dejjem tiżdied tal-ħiliet transversali u tal-ħiliet mhux tekniċi (soft skills) pereżempju li wieħed ikun kapaċi jaħdem fi grupp, jaf il-lingwi u jkun kapaċi jikkomunika. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-titjib tal-istandards u l-livelli li jinkisbu fil-kapaċità tal-qari, il-kitba u l-matematika (numeracy) sa minn età żgħira.
3.5. It-twaqqif ta’ kunsilli għall-kwalifiki settorjali bis-saħħa ta’ ftehimiet li ntlaħqu fil-livell settorjali bejn min iħaddem, l-istabbilimenti tat-tagħlim u partijiet interessati oħra jidher li huwa prattika tajba. L-attività ta’ dawn il-kunsilli tista’ tiġi assoċjata mal-istrutturi tad-djalogu soċjali settorjali billi r-rwol tal-imsieħba soċjali f’dan ir-rigward huwa ferm importanti (4).
3.6. Fil-Kunsill tal-ministri tal-edukazzjoni tat-12 ta’ Mejju 2009, l-Istati Membri impenjaw ruħhom biex jaħdmu iktar mill-qrib fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-prijoritajiet li ġew adottati jirriflettu r-rwol importanti li għandhom jaqdu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fid-dibattitu ġenerali dwar il-politika ekonomika u l-politika soċjali. L-isfidi komuni huma dawn: 1) li tiġi żgurata forza tax-xogħol li jkollha l-ħiliet tajbin għall-impjiegi tal-ġejjieni, 2) li jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta’ soċjetà li qed tixjieħ, u 3) li jkun hemm kompetizzjoni dinjija msaħħa.
3.7. Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet bil-għan li jsaħħaħ is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-imsieħba soċjali. Aspett importanti tar-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-koeżjoni soċjali huwa l-kapaċità li l-ħaddiema jiksbu bl-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jgħinuhom biex jidħlu fis-suq tax-xogħol u ma joħorġux minnu. Għalhekk l-imsieħba soċjali, li huma l-atturi prinċipali fis-suq tax-xogħol, għandhom rwol importanti.
4. Fatti u figuri
4.1. Fil-konklużjonijiet tal-laqgħa ta’ Ġunju 2008 – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa, b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ (inizjattiva tal-impjiegi u l-ħiliet) – il-Kunsill tal-UE kkonferma t-talba tiegħu għal analiżi komprensiva tal-ħiliet meħtieġa fl-Ewropa sal-2020 (5).
4.2. Għaldaqstant, is-Cedefop wettaq analiżi tal-ħiliet meħtieġa għall-perijodu bejn l-2006 (6) u l-2020 li tkopri 27 pajjiż tal-UE kif ukoll in-Norveġja u l-Isvizzera. L-analiżi tipprevedi l-ħolqien ta’ 20,3 miljuni impjiegi addizzjonali sal-2020. 85 miljun impjieg addizzjonali ser jiġu minn “sostituzzjonijiet” (impjiegi li saru disponibbli minħabba ħaddiema li ħarġu bil-pensjoni jew li ħarġu mis-suq tax-xogħol, li fil-fatt ma jistgħux jitqiesu bħala impjiegi ġodda). Fl-2020, is-servizzi huma mistennija jgħoddu għal tliet kwarti tal-impjiegi kollha.
4.3. Bħalissa, kważi 40 % tan-nies huma impjegati f’impjiegi bħall-maniġment, ix-xogħol professjonali jew impjiegi tekniċi li jirrikjedu ħiliet ta’ livell għoli. Fl-għaxar snin li ġejjin, huwa mistenni li se jiżdiedu l-impjiegi li jirrikjedu ħiliet ta’ livell għoli jew medju. Mistennija żieda wkoll f’xi impjiegi li ma jirrikjedux kwalifiki jew li jirrikjedu biss livell baxx ta’ edukazzjoni.
4.4. Jekk din it-tendenza tibqa’ prominenti, dawn il-bidliet ser iwasslu għal polarizzazzjoni fit-tkabbir tal-impjiegi. Il-polarizzazzjoni ser twassal għal domanda dejjem iktar dgħajfa għal impjiegi li jinvolvu kompiti sempliċi ta’ rutina u dawk li jeħtieġu livell medju ta’ ħiliet, għalkemm ħaddiema ġodda mħarrġa ser ikunu meħtieġa minħabba l-għadd imdaqqas ta’ ħaddiema ħerġin bil-pensjoni.
4.5. Fl-istess ħin, qed jintalbu kwalifiki ogħla f’kull tip ta’ professjoni – inklużi dawk fl-aħħar tal-lista ta’ kwalifiki. Din it-tendenza li jittejbu l-ħiliet ġejja mid-disponibbiltà stess tal-ħiliet. B’mod ġenerali, il-livell tal-edukazzjoni għola tul dawn l-aħħar għaxar snin – billi, pereżempju, ħafna nies fl-Istati Membri għażlu li jidħlu fis-sistema tal-edukazzjoni għolja u billi l-ġenerazzjoni ta’ qabel, ġeneralment b’inqas kwalifiki, bdew ħerġin mis-suq tax-xogħol.
4.6. Madankollu, il-konklużjonijiet tas-Cedefop jenfasizzaw b’leħen wieħed iż-żieda ġenerali u fit-tul tal-livelli ta’ kwalifiki għal ħafna mill-impjiegi jew għall-maġġoranza tagħhom. Skont il-previżjoni tagħha, kważi 91 % tal-postijiet battala fil-perijodu bejn l-2006 u l-2020 ser jeħtieġu edukazzjoni għolja jew sekondarja. L-istruttura tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol kif qiegħda llum ser ikollha tinbidel fl-għaxar snin li ġejjin, billi dejjem iktar postijiet battala – sa 55 miljun – ser jeħtieġu kwalifiki ta’ livell medju (inkluż it-taħriġ vokazzjonali). Inqas minn għaxar miljun impjieg ser ikunu disponibbli għal dawk li għandhom ftit li għandhom ftit jew l-ebda livell ta’ edukazzjoni.
4.7. L-istatistika tal-Eurostat turi li mill-2000 l-UE kellha suċċess fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba. Hemm ukoll korrelazzjoni pożittiva bejn il-figuri tal-impjiegi għal dawk b’edukazzjoni universitarja u t-tkabbir fl-impjiegi. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, ir-rata ta’ impjieg għal dawn in-nies żdiedet iktar miż-żieda ġenerali fl-impjieg. F’Malta pereżempju, ir-rata ta’ impjieg għal dawk li għandhom edukazzjoni universitarja żdiedet b’iktar mid-doppju ta’ dik li kienet fl-2000, filwaqt li r-rata ġenerali tal-impjieg żdiedet biss bi 12 %. Ta’ min jinnota wkoll it-tendenza opposta, il-ħolqien ta’ impjiegi prekarji.
4.8. Ir-riżultati tas-Cedefop jimplikaw għadd ta’ konsegwenzi:
|
— |
id-domanda ġenerali għall-ħiliet ser tkompli tiżdied. |
|
— |
il-politiki ser ikollhom jiżguraw li l-forza tax-xogħol tkun adattabbli għal dawn id-domandi. Ikun utli li nkunu nafu jekk is-sitwazzjoni ta’ konġestjoni fis-suq tax-xogħol hijiex temporanja u tranżitorja jew hijiex fenomenu fit-tul li jeħtieġ miżuri mmirati. |
|
— |
it-taħriġ kontinwu u t-tagħlim tul il-ħajja għandhom jgħinu biex jiżguraw li l-ħiliet tan-nies ikunu dejjem aġġornati skont il-bidliet strutturali fis-suq tax-xogħol. |
|
— |
l-għadd ta’ żgħażagħ deħlin fis-suq tax-xogħol fl-għaxar snin li ġejjin ma jissodisfax il-ħtiġijiet kollha tas-suq tax-xogħol. Dan ser ikollu implikazzjonijiet għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. It-tagħlim tul il-ħajja huwa fundamentali. |
|
— |
huma kemm huma importanti l-edukazzjoni u t-taħriġ għal reazzjoni aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq, ma jistgħux isolvu l-problema tal-kwalifikazzjoni żejda jew nieqsa. |
|
— |
huwa importanti li ssir evalwazzjoni tajba tal-ħiliet, biex it-telf tal-ħiliet ikun limitat u biex nisfruttaw il-ħiliet disponibbli. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1. L-għan tal-Kummissjoni huwa li tiżgura tqabbil bejn il-ħiliet offruti u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. It-tneħħija tal-ostakli, inklużi dawk amministrattivi, għall-moviment ħieles tal-ħaddiema fl-UE, flimkien ma’ informazzjoni iktar trasparenti dwar it-tendenzi tas-suq tax-xogħol, jgħinu l-promozzjoni tal-mobbiltà (7) okkupazzjonali, settorjali u ġeografika u jiżguraw tqabbil aħjar bejn il-ħiliet tan-nies u l-opportunitajiet għall-impjieg. Huwa importanti wkoll li tissaħħaħ il-mobbiltà tranżitorja – jiġifieri it-tħaffif tat-tranżizzjoni għal impjieg ta’ kwalità tajba meta l-ħaddiema jingħataw is-sensja minħabba nuqqas ta’ xogħol, billi jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-sigurtà (il-kunċett tal-flessigurtà).
5.2. Id-dokument ta’ ħidma li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (8) jipproponi definizzjoni tal-kwalifiki, tal-għarfien, tal-kapaċitajiet u tal-ħiliet; madankollu, il-prattika turi li dawn it-termini huma marbuta ma’ approċċi li jvarjaw skont l-Istat Membru. Il-Kummissjoni għandha tesprimi b’mod iktar ċar x’għandu jinfiehem b’ħiliet fil-komunikazzjoni tagħha.
5.3. L-Ewropa kienet qed tiffaċċja l-problemi fil-qasam tal-ħiliet anke qabel il-kriżi attwali. Iktar minn għaxar snin ilu, l-istituzzjonijiet u l-maniġers tal-kumpaniji nnotaw li l-Ewropa ma kinitx qed tipproduċi, tattira jew iżżomm biżżejjed xjentisti, inġiniera u speċjalisti tal-IT għall-ħtiġijiet tal-industrija tagħha. Is-sitwazzjoni bdiet tilħaq punt kritiku u l-figuri juru li għad hemm nuqqas ta’ interess fid-dixxiplini tax-xjenza min-naħa taż-żgħażagħ. In-nuqqas ta’ ħiliet meħtieġa mis-suq Ewropew qed jikber u hija sitwazzjoni li tista’ xxekkel bil-kbir il-progress tal-Ewropa lejn il-kompetittività. Livell adegwat ta’ ħiliet, aċċess aħjar għall-informazzjoni u t-titjib tal-istrutturi għandu jkollhom effett pożittiv, speċjalment għall-SMEs.
5.4. L-immigranti minn pajjiżi terzi jistgħu jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-iżvilupp tal-Unjoni, speċjalment fil-kuntest tal-iskarsezza dejjem tiżdied tal-impjiegi f’ħafna pajjiżi. L-approċċ il-ġdid tal-UE lejn il-migrazzjoni ekonomika minn pajjiżi terzi u l-fluss tat-talent minn partijiet oħra tad-dinja jista’ jkun biss soluzzjoni temporanja. L-esperjenza ser turina jekk il-Karta l-Blu hijiex ser tgħin lill-Ewropa tirbaħ il-ġlieda għar-riżorsi tat-talent. Bħalissa l-Ewropa timpjega biss 2 % tal-impjegati bi kwalifiki għolja minn pajjiżi terzi.
5.5. Billi l-Ewropa bħalissa għaddejja minn taqlib kbir, in-nuqqas ta’ ħiliet meħtieġa jitlob iżjed attenzjoni u viżibbiltà. Barra minn hekk, l-Ewropa għandha potenzjal addizzjonali fil-perijodu medju u fit-tul li toħloq kemm impjiegi ġodda kif ukoll impjiegi “ta’ sostituzzjoni”. Madankollu, il-previżjoni tal-ħolqien nett tal-impjiegi tindika polarizzazzjoni, b’żieda qawwija fl-impjiegi li jirrikjedu livelli ogħla ta’ kwalifiki.
5.6. It-tnaqqis fl-għadd ta’ ħaddiema fi żmien meta d-domanda qed tonqos hija soluzzjoni mijopika għall-aħħar. It-tisħiħ tal-ħiliet huwa proċess fit-tul li jqum ħafna flus, kemm jekk jinvolvi l-edukazzjoni formali (primarja, sekondarja u terzjarja) kif ukoll jekk jinvolvi l-kumpaniji (il-kultura tal-kumpaniji, il-partikolaritajiet tal-organizzazzjoni, ir-relazzjonijiet mal-klijenti, eċċ). L-irkupru ekonomiku ma jkunx possibbli jekk il-kumpaniji jkollhom jiffaċċjaw nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet adegwati.
5.7. Xenarju li jipprevedi u li jħares ’il quddiem jeħtieġ azzjoni konġunta mill-gvernijiet u mis-settur privat:
|
— |
bidla fl-allokazzjoni tal-fondi tal-FSE lejn it-taħriġ u l-iżvilupp mill-ġdid tal-ħiliet fil-perijodu 2007–2013; |
|
— |
it-tnedija ta’ azzjoni konġunta u sħubijiet bejn is-settur privat u s-settur pubbliku; |
|
— |
l-introduzzjoni ta’ politika konġunta biex jitnaqqas l-għadd ta’ studenti li jħallu l-iskola qabel iż-żmien u biex iż-żgħażagħ jibdew jinteressaw ruħhom fil-matematika u x-xjenza u f’karriera fl-inġinerija, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-ħarsien ambjentali; |
|
— |
it-tisħiħ u l-iżvilupp tas-sħubija bejn l-iskejjel u l-universitajiet f’livell għoli permezz ta’ postijiet tax-xogħol li jġibu l-istudenti, speċjalment fl-aħħar xhur tal-istudju tagħhom, f’kuntatt dirett mad-dinja tax-xogħol li għaliha jkunu ħejjewhom l-istudji tagħhom; |
|
— |
l-appoġġ għall-mobbiltà tal-ħiliet fl-Ewropa; |
|
— |
it-tisħiħ ta’ approċċ innovattiv fl-edukazzjoni, inklużi l-e-tagħlim u t-tagħlim mill-bogħod; |
|
— |
l-użu tal-potenzjal tal-gruppi marġinali (minħabba l-faqar, il-qgħad, id-diżabbiltà, id-diskriminazzjoni …), li jistgħu jibbenefikaw mit-taħriġ u li diġà hemm baġit għall-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid; |
|
— |
il-ġestjoni tat-taħriġ għall-immigranti. |
5.8. L-Ewropa għandha ttejjeb il-Piramida tal-Ħiliet (9) tagħha – il-litteriżmu u l-ħiliet bażiċi, l-għarfien professjonali u t-talenti relatati mal-Għarfien Ekonomiku Ġenerali. F’ħafna pajjiżi, il-piramida attwali tal-ħiliet sfortunatament mhijiex biżżejjed biex tissodisfa l-ambizzjonijiet tal-UE.
5.9. Biex l-Ewropa tipproduċi, tħares u żżomm il-ħiliet li teħtieġ, ser ikollha timplimenta sensiela ta’ miżuri rilevanti li jolqtu kemm il-provvista kif ukoll id-domanda. Id-domanda ser tintlaqat b’mod ċar mill-ħtiġijiet tas-setturi tat-tkabbir, il-prijoritajiet internazzjonali u lokali fit-tul li qed jevolvu malajr, kif ukoll it-tendenzi oħra ddettati mir-riżorsi dinjija jew l-iżvilupp demografiku. Min-naħa tal-provvista, il-forza tax-xogħol tal-Ewropa ser tissawwar l-iktar mit-tendenzi demografiċi, mil-livell baxx ta’ mobbiltà u mill-ħila tal-Ewropa li toħloq il-ħiliet li teħtieġ.
5.10. Il-Kumitat jisħaq fuq l-importanza tat-taħriġ għall-għalliema. (10) L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema għandhom jiġu integrati fil-politiki ewlenin tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-kummerċ. Parti mit-taħriġ li jingħataw l-għalliema għandu jwassalhom sabiex jifhmu aħjar il-bidliet fis-suq tax-xogħol u l-iżvilupp tal-ħiliet korrispondenti fil-livelli kollha tal-edukazzjoni.
5.11. L-imsieħba soċjali jaqdu rwol ċentrali f’dan ir-rigward. Il-kollaborazzjoni bejn l-intrapriżi u l-istabbilimenti tal-edukazzjoni għandha tiġġenera riżultati tanġibbli, speċjalment fit-tfassil tas-sillabi tal-iskejjel u t-twaqqif ta’ sistema ta’ snajja u kwalifiki fil-livell nazzjonali. Dawn għandhom jirriflettu d-domanda ta’ min iħaddem fir-rigward tal-prestazzjoni ta’ kompiti speċifiċi fuq il-post tax-xogħol. Huwa importanti li l-apprendisti jkunu mħarrġa sew, li l-ħaddiema żgħażagħ ikollhom taħriġ fuq il-post tax-xogħol (placement) u li s-snajja meħtieġa jsiru iktar attraenti. Il-Kummissjoni għandha tiffoka qabel kollox fuq il-kompiti li għandhom jitwettqu fil-livell tal-intrapriża u mbagħad fuq il-ħiliet. Għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-ħtiġijiet tal-kumpaniji ż-żgħar u l-kbar.
5.12. L-Ewropa ser ikollha tikkunsidra wkoll l-impatt tal-addattar għat-tibdil fil-klima fuq l-impjiegi. It-tisħin globali ser ikollu effett detrimentali sew fuq diversi aspetti u proċessi tal-manifattura. Il-Kummissjoni Ewropea diġà qed twettaq bosta analiżi dwar il-kunċett il-ġdid ta’ ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u l-ħolqien relatat ta’ impjiegi ekoloġiċi u industriji ekoloġiċi. L-ewwel riżultati juru provvista fqira ta’ data, nuqqas ta’ preċiżjoni u diverġenza kbira fil-previżjoni dwar kif it-tibdil fil-klima ser jolqot is-swieq tax-xogħol. Il-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju għandha titqies bħala proċess fit-tul li s-swieq tax-xogħol se jadattaw ruħhom għalih gradwalment.
5.13. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tiffoka prinċipalment fuq il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u t-titjib tal-ħiliet għal dawn l-impjiegi l-ġodda. Barra minn hekk, l-UE għandha tagħmel użu effettiv mill-potenzjal attwali tas-suq tax-xogħol u ttejjeb il-ħiliet u l-adattabbiltà tal-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg jew qegħdin fil-periklu li jitilfuh. Għaldaqstant, għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-iżvilupp mill-ġdid tal-ħiliet, lit-taħriġ addizzjonali u lit-tagħlim tul il-ħajja. Min-naħa l-oħra, l-UE għandha tkun kapaċi tistabbilixxi qafas biex jinħolqu impjiegi produttivi, ta’ kwalità għolja u li jitħallsu tajjeb.
5.14. L-inizjattivi biex jittejbu l-ħiliet għandhom jirriflettu l-ambizzjonijiet u l-ħtiġijiet tal-individwu. L-edukazzjoni hija importanti ħafna kemm għall-kapaċità tan-nies li jagħżlu kif ukoll għall-kapaċità tal-iżvilupp personali. Fir-rigward tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni għandha r-rwol li tikkomunika l-għarfien u l-ħiliet lill-individwi. Dawn jaqdu rwol essenzjali biex jissodisfaw il-ħtiġijiet dejjem jinbidlu u b’hekk jiġi żgurat livell ta’ impjieg għoli.
5.15. Il-politiki tat-titjib tal-ħiliet u l-adattabbiltà tal-forza tax-xogħol għandhom jissejsu fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Dan iffisser li jinqered kull ostaklu eżistenti fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ kemm fl-edukazzjoni formali kif ukoll fil-kumpanija. Dawk li jintlaqtu l-ikta ħażin minn dawn l-ostakli huma gruppi vulnerabbli b’mod partikolari bħall-ħaddiema ta’ età avvanżata u l-persuni b’diżabbiltà.
5.16. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-ministri tal-edukazzjoni tat-12 ta’ Mejju 2009 jenfasizzaw ukoll ir-rwol importanti tal-imsieħba soċjali. Fid-djalogu soċjali Ewropew, l-imsieħba soċjali Ewropej jiffokaw b’mod partikolari fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ kif inhuma relatati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Fl-2002, abbozzaw flimkien Qafas ta’ Azzjonijiet għall-iżvilupp tul il-ħajja tal-ħiliet u l-kwalifiki u fl-2006 wettqu analiżi ta’ elementi ewlenin fis-suq tax-xogħol li ser ikunu s-sors ta’ attivitajiet konġunti fit-tielet programm ta’ ħidma tagħhom għall-2009–2010: Ftehim awtonomu dwar is-swieq tax-xogħol inklużivi u rapport dwar l-impjieg.
5.17. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill inkludew ukoll appell biex tissaħħaħ is-sħubija mas-soċjetà ċivili u biex il-partijiet rilevanti kollha – il-kumpaniji, l-istabbilimenti tal-edukazzjoni, is-servizzi pubbliċi tal-impjieg eċċ. – jaħdmu flimkien. Kollaborazzjoni mal-NGOs u l-inizjattivi soċjali rilevanti tista’ tikkumplementa d-djalogu soċjali tradizzjonali.
5.18. Wieħed mill-ikbar benefiċċji tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell Ewropew huwa l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), li għandu jagħmel kontribut biex il-kwalifiki jsiru iktar trasparenti u ċari u biex b’hekk tiżdied il-mobbiltà fl-Ewropa.
5.19. Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) wera li huwa strument effettiv fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-Ewropa għat-taħriġ. Fil-ġejjieni dan jista’ jittejjeb bit-tnaqqis fil-burokrazija u x-xogħol doppju fl-inizjattivi tal-fondi strutturali, kif ukoll mill-involviment ikbar tal-imsieħba soċjali.
5.20. Il-Livell ta’ Referenza tal-Prestazzjoni Medja Ewropea (il-livelli ta’ referenza Ewropej) ser isir l-istrument għall-kejl tal-progress. L-Istati Membri ftiehmu li fl-2020:
|
— |
mill-inqas 15 % tal-adulti għandhom jieħdu sehem fi programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja; |
|
— |
il-persentaġġ ta’ studenti ta’ ħmistax-il sena li jsibu diffikultajiet bil-qari, il-matematika u x-xjenzi għandu jkun inqas minn 15 %; |
|
— |
mill-inqas 40 % ta’ dawk bejn 30 u 34 sena għandhom ikunu spiċċaw l-edukazzjoni terzjarja; |
|
— |
inqas minn 10 % tan-nies jieqfu mill-edukazzjoni u t-taħriġ qabel il-waqt; |
|
— |
mill-inqas 95 % tat-tfal bejn l-età ta’ erba’ snin u l-età tal-edukazzjoni obbligatorja għandhom jieħdu sehem fit-tagħlim ta’ qabel l-iskola. |
Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario Sepi
(1) Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (2008/C 111/01).
(2) Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, COM(2008) 800 finali, 26.11.2008.
(3) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa COM(2008) 868 finali, tas-16.12.2008.
(4) ĠU C 277, 17.11.2009, p. 15.
(5) Cedefop, Panorama Series 160, Skill needs in Europe (2008).
(6) Għandu jiġi kkunsidrat li din l-analiżi twettqet qabel ma bdiet il-kriżi ekonomika u finanzjarja u b’hekk ma tqisux il-konsegwenzi.
(7) ĠU C 228, 22.9.2009, p. 14.
(8) SEC(2008) 3058 – dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea li jakkumpanja l-Komunikazzjoni COM(2008) 868 finali.
(9) Dokument ta’ bażi, European Business Summit (Summit tal-intrapriżi Ewropej), Marzu 2009, pubblikazzjoni tal-INSEAD (The business school for the world) b’kooperazzjoni mal-Microsoft u l-Federazzjoni tal-intrapriża Belġjana (FEB).
(10) ĠU C 151, 17.6.2008, p. 41.