18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-prospetti marbuta mal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli”

(opinjoni esploratorja)

(2010/C 128/04)

Relatur: is-Sur EHNMARK

Nhar it-18 ta’ Marzu 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-prospetti marbuta mal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Ottubru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’178 vot favur, 21 vot kontra u 18-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport li tippubblika l-Kummissjoni kull sentejn dwar “L-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli” (1). Ir-rapport iservi bħala bażi għad-dibattitu kontinwu dwar kif l-UE għandha timplimenta l-istrateġija tagħha b’rabta mal-iżvilupp sostenibbli.

1.2.   Il-KESE jappoġġja s-suġġeriment tal-Kummissjoni li fil-perijodu li jmiss l-istrateġija għandha tagħti prijorità lit-teħid ta’ azzjoni fir-rigward ta’ erba’ suġġetti ewlenin – ekonomija b’użu baxx tal-karbonju, il-ħarsien tal-bijodiversità, l-ilma u riżorsi naturali oħrajn, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u t-tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tal-iżvilupp sostenibbli. Madankollu, il-Kumitat jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma żviluppatx b’mod aktar dettaljat l-analiżi tagħha u ma ressqitx proposti speċifiċi għal miri, skedi u azzjonijiet f’dawn l-oqsma.

1.3.   Minkejja xi ftit tendenzi pożittivi, huwa ċar li l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE fil-forma attwali tagħha mhux qed tilħaq l-għanijiet tagħha.

1.4.   Sabiex l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE tkun effettiva, hija teħtieġ struttura ta’ governanza kompletament ġdida b’allokazzjoni adegwata ta’ persunal u baġit kif ukoll mekkaniżmi ta’ kontroll tal-implimentazzjoni tal-istrateġija.

1.5.   Il-KESE jixtieq li jkun hemm koordinazzjoni aktar effettiva fi ħdan il-Kummissjoni, possibbilment billi jinħatar kummissarju li jkun responsabbli għall-koordinazzjoni. Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll it-twaqqif ta’ kumitat indipendenti ta’ livell għoli li jkollu r-rwol li jissorvelja l-progress tal-iżvilupp sostenibbli fuq bażi regolari u jagħmel rakkomandazzjonijiet pubbliċi lill-istituzzjonijiet.

1.6.   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex mill-istrateġija għall-iżvilupp tal-UE joħolqu metastrateġija għall-politiki kollha tal-UE. L-istrateġiji l-oħra tal-UE li huma bbażati fuq perijodi iqsar ta’ żmien għandhom jagħtu kontribut sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli futura tal-UE. Ħafna mill-politiki adottati llum il-ġurnata ser ikollhom impatt għal għexieren ta’ snin. Il-miżuri temporanji m’għandhomx ixekklu l-opportunitajiet ta’ żvilupp tal-ġenerazzjonijiet futuri.

1.7.   F’din l-opinjoni, il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li jkun hemm koordinazzjoni aktar effettiva bejn l-Istrateġija ta’ Lisbona u l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli. Fit-tfassil tal-Istrateġija ġdida ta’ Lisbona jew l-Istrateġija 2020, il-Kummissjoni għandha tintalab turi b’mod espliċitu kif l-azzjonijiet li għandhom jiġu proposti f’dik l-istrateġija jappoġġjaw it-transizzjoni fit-tul għal xejra ta’ żvilupp iktar sostenibbli. Il-perspettivi finanzjarji futuri, il-fondi strutturali, il-PAK, il-programmi qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-istrateġiji u programmi ewlenin kollha l-oħra fil-livell Ewropew b’mod simili għandhom jiġu mitluba juru kif qed jimxu ’l quddiem fl-objettivi u l-miri tal-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli.

1.8.   Il-PDG fil-forma attwali tiegħu ma jistax jibqa’ parametru deċiżiv fit-tfassil tal-politika. Il-progress u l-benesseri tal-bniedem m’għandhomx jibqgħu jitkejlu bil-mod li tkejlu s’issa. Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-iżvilupp kontinwu u l-użu ta’ indikaturi tal-progress li jmorru lil hinn mill-PDG. B’rabta ma’ dan hemm bżonn li jitnieda dibattitu dwar il-valuri li l-UE tixtieq tippromovi.

1.9.   L-iżvilupp sostenibbli jitlob impenn u ħidma fil-livell lokali. Impenn ta’ dan it-tip jitlob kooperazzjoni attiva mill-imsieħba soċjali kollha, u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha.

1.10.   Sabiex tiġi implimentata l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli, huwa essenzjali li dawk li jfasslu l-politika jerfgħu responsabbiltà ċara. Dan japplika għal-livell Ewropew, nazzjonali u lokali. Dan ifisser li anke l-Parlament Ewropew għandu rwol ċar x’jaqdi. Il-Kumitat jirrakkomanda t-twaqqif ta’ makkinarju għal evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-progress nazzjonali meta mqabbel ma’ indikaturi miftiehma minn qabel, segwita minn gwida speċifika skont il-pajjiż dwar kwistjonijiet ewlenin li jirrikjedu attenzjoni. Din tista’ tissejjes fuq il-mekkaniżmu li twaqqaf b’suċċess għall-monitoraġġ tal-progress li jsir fuq l-aġenda ta’ Lisbona.

1.11.   Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma kkonsultatx mal-KESE u organizzazzjonijiet oħra dwar ir-rapport qabel ma fasslet il-proposti tagħha, minkejja li t-test adottat mill-Kunsill jitlob li ssir din il-konsultazzjoni. Daqstant importanti huwa l-fatt li l-fehmiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kellhom jiġu kkunsidrati. Il-Kumitat saħħaħ il-kapaċità ta’ integrazzjoni tiegħu stess fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli bit-twaqqif tal-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli tliet snin ilu, u dan il-korp min-naħa tiegħu stabbilixxa konsultazzjoni regolari mal-Kunsilli nazzjonali tal-Iżvilupp Sostenibbli. Il-Kumitat jirrakkomanda li dan il-makkinarju għandu jintuża b’mod iktar sistematiku biex jiżgura kontribut kreattiv tas-soċjetà ċivili għall-aġġornament u l-monitoraġġ tal-progress li jsir fl-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa.

1.12.   Huwa importanti b’mod partikolari li l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE tkun qed taħdem tajjeb qabel is-Summit Dinji li jmiss dwar l-iżvilupp sostenibbli f’Rio fl-2012.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (COM(2009) 400 finali tal-24 ta’ Lulju 2009) dwar żvilupp aktar fil-fond tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tirrappreżenta sfortunatament pass modest biss ’il quddiem. Veru li, minn naħa, tenfasizza n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE, però ma tipproponi l-ebda miżura b’saħħitha sabiex jingħelbu dawn in-nuqqasijiet fil-futur.

2.1.1.   F’dan il-kuntest, il-KESE jfakkar li kienet preċiżament din il-kwistjoni ta’ sinjali politiċi ċari li kienet waħda mil-“leitmotifs” tad-djalogi mal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament.

2.1.2.   Id-deċiżjonijiet dwar is-sinjali politiċi jeħtieġu tħejjija tajba. Il-KESE jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni setgħet talloka biss riżorsi marġinali għall-iżvilupp tal-bażi għat-tħejjija ta’ din is-sena tal-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli.

2.2.   Id-dokument tal-Kummissjoni jipprovdi dik li tista’ tissejjaħ sensiela ta’ “snapshots” tal-progress li sar rigward is-seba’ oqsma ta’ prijorità u l-kwistjonijiet trasversali. Dawn isarrfu f’analiżi utli li turi x’għandu jingħata prijorità akbar u fejn hemm bżonn li ssir analiżi aktar fil-fond.

2.3.   Id-dokument juri li l-iżviluppi li ġew rapportati huma kważi għal kollox insodisfaċenti. F’dawn l-aħħar snin, il-kwistjonijiet marbuta mal-klima u l-enerġija ngħataw ħafna attenzjoni, iżda r-riżultati għadhom ġeneralment negattivi. It-trasport huwa qasam ieħor fejn il-politika ma rnexxilhiex trażżan it-tendenza favur żieda fl-emissjonijiet. B’mod ġenerali, l-istejjer ta’ suċċess jinsabu biss f’ċerti miżuri iżolati – xi proposta leġiżlattiva promettenti jew inizjattiva innovattiva – iżda ma jeżisti l-ebda mudell konsistenti li kapaċi jbiddel it-tendenza negattiva.

2.4.   Il-KESE m’għandux ħsieb jikkummenta fuq l-evalwazzjoni skematika tal-Kummissjoni li għamlet għal kull qasam ta’ politika, iżda jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din l-evalwazzjoni hija pjuttost skoraġġanti. Ir-riżultat jenfasizza l-bżonn ta’ sforzi politiċi aktar serji fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli.

2.5.   Il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli ilhom jingħataw prijorità għolja għal numru ta’ snin. Eżempju ieħor huwa l-użu ta’ materja prima fil-produzzjoni. L-istatistika turi li l-UE u l-Istati Uniti jużaw id-doppju tal-ammont ta’ materja prima għal kull unità ta’ prodott milli, pereżempju, il-Ġappun. Dan huwa qasam li permezz tar-razzjonalizzazzjoni għandu potenzjal konsiderevoli ta’ effiċjenza.

2.6.   Il-Kummissjoni tagħti prijorità speċjali lill-ħidma maħsuba biex tinkorpora d-dimensjoni soċjali u l-kwistjonijiet soċjali kemm fl-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli kif ukoll fi strateġiji attwali tal-UE għall-iżvilupp (l-Istrateġija ta’ Lisbona, eċċ.). Il-fatt li ’l fuq minn 70 miljun Ewropew jgħixu fil-faqar (skont id-definizzjoni użata minn, fost l-oħrajn, l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE) jixhed għall-importanza ta’ din il-ħidma. Ir-rabta bejn il-kwistjonijiet marbutin mal-migrazzjoni u l-iżviluppi fl-għadd ta’ nies li jgħixu fil-faqar hija kwistjoni ewlenija.

3.   Strateġija fi kriżi?

3.1.   Il-kwistjoni tal-iżvilupp sostenibbli tnediet fil-konferenza ta’ Rio de Janeiro kważi għoxrin sena ilu. Il-messaġġ li ħareġ minn din il-konferenza kien ċar u konvinċenti: għix b’tali mod li ma tikkompromettix il-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Għaxar snin wara, il-konklużjonijiet tas-summit ta’ Johannesburg (is-Summit Dinji tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f’Johannesburg fl-2002) kellhom reazzjonijiet qawwija ħafna: sa fl-aħħar, kellna pakkett komplut ta’ proposti għal żvilupp soċjali ġust fil-livell dinji.

3.2.   Bħala parti mit-tħejjijiet għas-summit ta’ Johannesburg, l-UE adottat l-ewwel Strateġija Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli tagħha (COM(2001) 264 finali, “Żvilupp sostenibbli fil-livell tal-UE għal dinja aħjar: Strateġija tal-Unjoni Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli”).

3.3.   L-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli ġiet adottata fir-rebbiegħa tal-2001 f’atmosfera ta’ ewforja. Is-sitwazzjoni bdiet issir aktar ikkumplikata ftit tas-snin wara.

3.4.   Mhux li l-istrateġija nnifisha kellha x’taħti, u kien hemm bosta li taw l-appoġġ entużjastiku tagħhom fost l-atturi mis-soċjetà ċivili, u fost il-politiċi u dawk li jsawru l-opinjoni pubblika.

3.5.   Il-problema kienet marbuta aktar mal-fatt ta’ nuqqas ta’ rieda (jew kapaċità) ġenwina li l-viżjonijiet jibdew jiġu implimentati fil-forma ta’ programm ta’ azzjoni konkret.

3.6.   L-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli ġiet riveduta fl-2006 permezz tar-“Reviżjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli − Strateġija Mġedda”. Ir-reviżjoni ma ċċaratx aktar il-kwistjonijiet marbuta mal-prijoritajiet u l-metodi għall-implimentazzjoni. Fl-istess ħin, l-UE żviluppat programmi ġodda dwar pereżempju t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

3.7.   F’dawn l-aħħar snin, it-tensjoni bejn il-viżjoni għall-iżvilupp sostenibbli u l-programmi għat-tkabbir u l-kompetittività ħarġet fid-dieher. Id-differenzi huma marbuta pereżempju mal-perspettiva taż-żmien: filwaqt li l-Istrateġija ta’ Lisbona għandha perspettiva fuq perijodu ta’ żmien medju, l-iżvilupp sostenibbli huwa kkaratterizzat minn perijodu ta’ żmien itwal. Dan jista’ jwassal biex fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Lisbona tingħata preferenza lill-miżuri li huma effettivi fuq perijodu ta’ żmien qasir iżda li jikkontradixxu l-għanijiet tas-sostenibbiltà fuq perijodu ta’ żmien twil.

3.8.   L-opinjoni ġenerali favur analiżi mill-ġdid tal-mod li bih il-kompiti jitqassmu bejn iż-żewġ strateġiji qed tiżdied. Il-fużjoni ta’ dawn l-istrateġiji tista’ tiżgura l-applikazzjoni aktar effettiva tar-riżorsi allokati.

3.9.   Madankollu, l-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jintwera l-bżonn li tingħata ħajja ġdida lill-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli, ħalli b’hekk ikun jista’ jservi ta’ gwida kemm fil-qasam tal-ħidma fl-Ewropa kif ukoll dik dinjija.

4.   X’tgħallimna?

4.1.   F’dawn l-aħħar snin, il-KESE adotta mill-anqas għaxar opinjonijiet dwar aspetti differenti tal-istrateġija, kif ukoll ta’ ħarsa ġenerali dwar kif l-istrateġija tista’ tiġi żviluppata aktar. It-tema ġenerali kienet li l-iżvilupp sostenibbli u l-Istrateġija ta’ Lisbona għandhom jiġu żviluppati b’mod koordinat – allavolja qegħdin ikklassifikati f’kategoriji separati (2).

4.2.   Il-KESE identifika tliet fatturi li flimkien jistgħu jispjegaw għala ż-żewġ strateġiji kellhom impatt differenti:

Waħda mir-raġunijiet hija l- tagħhom: l-Istrateġija ta’ Lisbona tirreaġixxi għal kwistjonijiet politiċi immedjati, filwaqt li l-iżvilupp sostenibbli jindirizza l-kwistjoni ta’ prijoritajiet fuq perijodu ta’ żmien twil. Id-differenza tista’ titqies ukoll mil-lat tal-partijiet involuti: filwaqt li l-Istrateġija ta’ Lisbona hija appoġġjata mill-kapijiet ta’ stat jew gvern, l-iżvilupp sostenibbli jiġi sikwit immaniġġjat mill-ministri għall-ambjent. Din id-differenza tiġi riflessa wkoll fit-tqassim tar-riżorsi: kemm fil-Kumissjoni kif ukoll fl-Istati Membri, l-ammont ta’ persunal li jaħdem fil-qasam tas-sostenibbiltà huwa sostanzjalment inqas mill-ammont li jaħdem fil-qasam tal-Istrateġija ta’ Lisbona.

: veru li l-Istrateġija ta’ Lisbona tista’ ma tkunx magħrufa ħafna, iżda almenu qed toqrob lejn dan fi gruppi pjuttost mifruxa, mentri l-iżvilupp sostenibbli jitqies bħala teoretiku u diffiċli jkun marbut ma’ azzjoni politika konkreta.

: l-Istrateġija ta’ Lisbona għandha sistema rigoruża għall-ippjanar u l-monitoraġġ skont standards u kalendarji komuni, mentri l-iżvilupp sostenibbli huwa marbut ma’ sistema aktar flessibbli li tinvolvi l-adozzjoni ta’ prijoritajiet komuni u evalwazzjoni konġunta. Minħabba f’hekk, l-Istrateġija ta’ Lisbona tista’ tagħmel pressjoni aktar sfiqa fuq l-Istati Membri, filwaqt li l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli hija marbuta aktar ma’ intenzjonijiet ġenerali.

4.3.   L-aktar evalwazzjoni kumplessiva reċenti tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli saret qabel ir-reviżjoni tagħha fl-2006. Fil-linji gwida riveduti marbuta mal-istrateġija, il-Kunsill enfasizza l-importanza fundamentali li jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-ħidma nazzjonali u Ewropea fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. L-iżvilupp ta’ prijoritajiet ċari għall-ħidma fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli kien meqjus bħala aspett importanti ħafna. Intqal ukoll f’evalwazzjoni li saret bi tħejjija għar-rapport ta’ kull sentejn tal-Kummissjoni (2008) li sar progress “fl-oqsma ta’ diskussjonijiet dwar iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ ċerti prodotti u t-tnaqqis tal-iskart”, u f’għadd kbir ta’ inizjattivi marbuta mal-ħarsien tal-ambjent (“Progress on EU Sustainable Development Strategy” – (Progress fil-qasam tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE), Rapport finali, ECORYS).

4.4.   Importanti niġbdu l-attenzjoni għall-fatt li l-koordinazzjoni bejn il-Fondi Strutturali u l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli ma ġietx żviluppata biżżejjed. F’dawk is-setturi li fihom l-UE tagħti kontribut finanzjarju kbir, is-sostenibbiltà tal-investimenti għandha tingħata l-ikbar prijorità.

5.   It-tiġdid tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli: xi perspettivi

5.1.   L-UE qdiet rwol fundamentali fl-iżvilupp ta’ strateġiji globali marbuta mal-iżvilupp sostenibbli. Ħafna pajjiżi u gruppi ta’ reġjuni jqisu li l-UE qiegħda fuq quddiem nett tal-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. Jekk l-UE tista’ tkun quddiem nett ukoll rigward it-tiġdid tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli, inkunu mxejna ’l quddiem ħafna.

5.2.   Waħda mill-ħafna problemi tal-istrateġija fil-forma attwali tagħha hija l-għadd kbir ta’ prijoritajiet: seba’ oqsma ewlenin u erba’ temi trasversali. Probabbilment, l-istrateġija kien ikollha impatt aktar qawwi kieku kellha prijoritajiet aktar ċari. Sabiex l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE jkollha impatt akbar, huwa importanti wkoll li tkun magħmula minn għanijiet ċari u kwantifikabbli.

5.3.   Barra minn hekk, ma nistgħux nibqgħu nevitaw il-fatt li minkejja li l-iżvilupp sostenibbli huwa bbażat fuq tliet pilastri, mhux il-miżuri kollha jistgħu dejjem ikunu ta’ benefiċċju bl-istess mod mil-lat ambjentali, soċjali u ekonomiku. Ma jistax ikun hemm dejjem sitwazzjonijiet “win-win-win”. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet, pass li jiddependi ħafna drabi minn għażliet diffiċli. Ħafna drabi, fil-passat, il-prijoritajiet kienu bbażati fuq interessi ekonomiċi għal perijodu qasir. Sfortunatament, jidher li din it-tendenza issa qed terġa’ tiġi ripetuta fil-kriżi ekonomika attwali fil-programmi ta’ ristrutturar.

5.4.   Is-settur pubbliku għandu jaqdi rwol ta’ tmexxija importanti fil-promozzjoni tas-sostenibbiltà. Permezz tal-leġiżlazzjoni, l-inċentivi fiskali, is-sussidji (u permezz tal-eliminazzjoni ta’ sussidji ta’ ħsara) kif ukoll permezz tal-akkwisti pubbliċi, dawk inkarigati mit-teħid tad-deċiżjonijiet jistgħu jagħtu spinta essenzjali lejn il-kisba ta’ livell akbar ta’ sostenibbiltà.

5.5.   Il-perspettiva finanzjarja ġdida li tibda mill-2014 għandha tkun ibbażata fuq l-għanijiet tal-istrateġija futura għall-iżvilupp sostenibbli.

5.6.   L-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE għandha tindirizza l-problema tas-sussidji ta’ ħsara. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex fl-aħħar tressaq il-pjan direzzjonali għar-riforma tas-sussidji ta’ ħsara li ilu mistenni mill-2008.

5.7.   Il-fatt li l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tingħata ħajja ġdida m’għandux iwassal għal kontroll ċentralizzat akbar. L-iżvilupp sostenibbli għandu jkun akkumpanjat minn strateġiji ġodda għad-delegazzjoni u d-deċentralizzazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

5.8.   L-iżvilupp sostenibbli jissejjes fuq interventi impenjati fil-livell lokali. Fid-disgħinijiet, l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat u l-imsieħba soċjali kienu l-ixpruni li stimulaw l-attivitajiet tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. L-organizzazzjonijiet tal-volontarjat għandhom jaqdu rwol fundamentali fit-tiġdid ta’ strateġija għall-iżvilupp sostenibbli.

5.9.   Attur ieħor importanti fil-ħidma futura huwa l-gvern lokali u reġjonali, b’mod partikolari l-awtoritajiet lokali.

5.10.   Bosta jgħidu li hemm bżonn ta’ impenn aktar sfiq mill-industrija. In-negozji għandhom rwol ovvju u ċar x’jaqdu fit-tiġdid tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli. Huwa minnu li jeżisti interess dejjem akbar fl-industrija dwar kwistjonijiet marbuta mal-klima u l-iżvilupp sostenibbli.

6.   Argumenti favur it-tiġdid tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli

6.1.   Huwa importanti li l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tiġġedded? Din il-mistoqsija tista’ tidher stramba. Fid-dawl tal-fatt li ta’ kuljum tingħata informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ klima u enerġija, l-agrikoltura u l-bijodiversità, fost affarijiet oħra, ċertament jidher li hemm appoġġ bil-bosta biex issir ħidma konkreta dwar kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà.

6.2.   It-tisħin tal-klima huwa kwistjoni speċifika li ġiet pubbliċizzata konsiderevolment u ħoloq għadd kbira ta’ rapporti ta’ twissija, pereżempju r-rapport Stern. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ekosistemi, il-proġett TEEB (The Economics of Ecosystems and Biodiversity) enfasizza l-perikli involuti jekk ser inkomplu nnaqqsu l-bijodiversità u nagħmlu pressjoni eċċessiva fuq l-ekosistemi.

6.3.   Il-qasam tal-agrikoltura fis-sens wiesa’ tal-kelma ser jiffaċċja problemi ġodda minħabba ż-żieda fit-temperaturi. Il-kwistjoni ta’ kif il-qasam tal-agrikoltura ser jirnexxilu jadatta ruħu għall-kondizzjonijiet il-ġodda tal-produzzjoni hija aspett ewlieni tal-politika agrikola tal-ġejjieni.

6.4.   Il-lista tista’ faċilment tkun ferm itwal. Il-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet huma magħrufa bis-saħħa tad-dibattitu ġenerali. Tingħata inqas attenzjoni għall-fatt li l-konsegwenzi fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum jidhru li ser jaslu qabel iż-żmien mistenni.

6.5.   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex mill-istrateġija għall-iżvilupp tal-UE toħloq metastrateġija għall-politiki kollha tal-UE. L-istrateġiji l-oħra tal-UE għandhom jagħtu kontribut sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli futura tal-UE u jsaħħu s-sostenibbiltà.

6.6.   Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-iżvilupp kontinwu u l-użu ta’ indikaturi tal-progress li jmorru lil hinn mill-PDG. Ir-rapport reċenti tal-Kummissjoni Stiglitz reġa’ għamilha ċara li l-PDG mhux kapaċi jagħti l-linji gwida għad-deċiżjonijiet wiesgħa li għandna nieħdu bħalissa. Anzi huwa jiggwidana ħażin għax ma jindikax il-problemi reali u dawn jiġu posposti għall-futur. Dan l-aħħar, il-KESE adotta opinjoni li uriet il-konsegwenzi ta’ approċċ ġdid vis-à-vis il-PDG. (3) Madanakollu jeħtieġ li d-dibattitu jifrex lil hinn mill-indikaturi tal-kejl. Il-preokkupazzjoni prinċipali għandha tkun kif ser jintlaħqu l-prosperità u l-benesseri sostenibbli fis-soċjetà tagħna u kif ser noħolqu ekonomija b’low-input u high-output (jiġifieri ekonomija kkaratterizzata minn konsum ta’ riżorsi moderat u produzzjoni għolja).

6.7.   Jeħtieġ li l-UE tikkomunika maċ-ċittadini tagħha b’mod aktar effettiv, fost l-oħrajn dwar kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp sostenibbli.

7.   Ir-responsabbiltà politika u l-bżonn ta’ tmexxija

7.1.   F’sensiela ta’ rapporti dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-KESE ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ tmexxija politika u r-rieda li l-iżvilupp jitmexxa ’l quddiem. Dan ma jfissirx talba għal aktar ċentralizzazzjoni. Pjuttost, jirrifletti r-rieda li tittieħed l-inizjattiva, li jinħolqu netwerks u li tintrefa’ r-responsabbiltà.

7.2.   Il-KESE jtenni l-kumment li għamel f’opinjonijiet preċedenti li ħidma effettiva għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli teħtieġ responsabbiltà politika – li għandha tintrefa’ b’mod attiv – u l-istess jgħodd għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-KESE jenfasizza wkoll li l-imsieħba soċjali, u s-soċjetà ċivili fis-sens wiesa’ tal-kelma għandhom jingħataw l-opportunità jieħdu sehem b’mod attiv fl-ippjanar u l-implimentazzjoni.

7.3.   Fid-dawl ta’ dan kollu, huwa importanti nenfasizzaw il-bżonn ta’ kooperazzjoni u ħidma bi sħab bejn iż-żewġ strateġiji ewlenin marbuta mal-iżvilupp, jiġifieri l-Istrateġija ta’ Lisbona u l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli. Il-kwistjoni dwar jekk eventwalment l-istrateġiji jistgħux jingħaqdu flimkien hija inqas importanti; l-importanti huwa li jikkoordinaw mill-qrib. Madanakollu, irid ikun ċar il-fatt li l-miżuri tal-Istrateġija ta’ Lisbona jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE, li hija iktar wiesgħa.

7.4.   Hemm bżonn ta’ struttura ta’ governanza msaħħa sabiex l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE tkun ta’ suċċess. Il-KESE jitlob lill-Kunsill sabiex hekk kif sar għall-Istrateġija ta’ Lisbona, jitwaqqaf ċiklu ta’ governanza simili għall-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE b’sistema ta’ rapporti annwali, benchmarking u l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni sabiex ikun jista’ jsir tqabbil aħjar bejn l-Istati Membri u tinħoloq kompetizzjoni fid-direzzjoni ta’ livell akbar ta’ sostenibbiltà. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ iktar riżorsi għall-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-Kummissjoni.

8.   Għarfien u attitudnijiet

8.1.   Il-Kummissjoni titkellem fit-tul dwar kwistjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, u tiġbor fil-qosor id-diversi programmi tal-UE f’dan il-qasam. Li ma tagħmilx il-Kummissjoni huwa li tagħmel mistoqsijiet dwar l-edukazzjoni u l-għarfien f’perspettiva demokratika usa’. L-iżvilupp sostenibbli, bħall-politika tal-klima, ser jeħtieġ deċiżjonijiet li mhux dejjem ser jintlaqgħu tajjeb. L-iżvilupp sostenibbli, bħall-politika tal-klima u l-enerġija, għandu bżonn bażi fil-livell lokali.

8.2.   X’jista’ jsir biex jiġi żgurat li l-pubbliku jaġixxi b’dan il-mod? F’dan ir-rigward, l-edukazzjoni hija fattur ewlieni – iżda tip ta’ edukazzjoni li tixbah, pereżempju, liċ-ċentri għall-edukazzjoni tal-adulti (“folkhögskolorna” – folk high schools) fil-pajjiżi Nordiċi, fejn id-dimensjoni demokratika hija fil-quċċata tat-tagħlim. Minn perspettiva soċjali, l-edukazzjoni tagħmel ukoll kontribut b’saħħtu għall-ħolqien ta’ strutturi demokratiċi. Dawn it-tipi ta’ skejjel fil-pajjiżi Nordiċi jaqdu rwol fundamentali fir-reklutaġġ ta’ persunal għat-tipi kollha tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

8.3.   Dan ma jfissirx li r-rwol li jaqdu l-iskejjel u t-tagħlim għaż-żgħażagħ huwa anqas importanti. L-edukazzjoni kemm taż-żgħażagħ kif ukoll tal-adulti għandha tissaħħaħ, u għandhom jinstabu metodi pedagoġiċi ġodda.

8.4.   Il-KESE jirrakkomanda li l-aspett edukattiv tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli jingħata definizzjoni usa’.

9.   Ir-riċerka u l-iżvilupp fit-tul

9.1.   Sa mill-bidu nett, id-deċiżjonijiet dwar l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli enfasizzaw l-importanza tar-riċerka. Ittieħdu għadd ta’ deċiżjonijiet speċifiċi dwar l-iżvilupp fuq perijodu ta’ żmien twil fil-qasam tar-riċerka u t-taħriġ tar-riċerkaturi. Waħda mill-aktar deċiżjonijiet importanti hija dik meħuda f’Barċellona, li stabbilixxiet li l-Istati Membri għandhom jimmiraw li l-infiq tagħhom fir-riċerka jkun ekwivalenti għat-3 % tal-PDG nazzjonali fil-futur qrib, jiġifieri sal-2010.

9.2.   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri kollha jiżguraw li jilħqu l-mira stabbilita f’Barċellona, u dan ifisser żieda konsiderevoli fil-fondi għar-riċerka.

9.3.   Il-politika tar-riċerka u l-Istrateġija ta’ Lisbona għandhom jiġu kkoordinati b’mod aktar espliċitu sabiex tinkiseb sinerġija bejn l-iżvilupp sostenibbli u l-Istrateġija ta’ Lisbona.

9.4.   Il-kooperazzjoni bejn iċ-ċentri tar-riċerka dwar il-kwistjonijiet klimatiċi hija żviluppata sewwa. Iżda, jista’ jkun diffiċli għall-qasam tar-riċerka fuq perijodu ta’ żmien twil li jikkompeti għall-fondi. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tagħmel studju fil-qafas tal-programm tar-riċerka tal-UE biex tidentifika l-ħtiġijiet attwali marbuta mar-riċerka dwar it-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet tal-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli.

10.   Insaħħu l-istrutturi tat-tħejjija

10.1.   F’kuntesti differenti, il-KESE enfasizza l-bżonn ta’ tmexxija politika fit-tħejjija tal-miżuri marbuta mal-iżvilupp sostenibbli jew il-politika tal-klima u l-enerġija. F’għadd ta’ okkażjonijiet, il-KESE kkwota l-ex-Prim Ministru Franċiż, Michel Rocard, li f’waħda mill-konferenzi ewlenin tal-KESE qal li l-iżvilupp sostenibbli indubbjament iwassal għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li mhux dejjem ikunu faċli jew popolari. Il-Prim Ministru tal-Lussemburgu indirizza l-istess suġġett ftit tas-snin ilu meta qal li: “il-Kunsill tal-Ministri jaf eżattament il-miżuri li hemm bżonn jittieħdu. Il-problema hija li ma nafux kif ser nerġgħu niġu eletti fil-parlamenti nazzjonali tagħna wara l-implimentazzjoni”.

10.2.   Is-soluzzjoni hija żvilupp bikri u sistematiku ta’ proċeduri ta’ konsultazzjoni u djalogu. Fuq kollox, dan irid isir fuq il-bażi ta’ minn isfel għal fuq (bottom-up). Il-parteċipazzjoni hija element ewlieni iżda jeħtieġ li tkun ikkomplementata mis-solidarjetà.

10.3.   F’diversi okkażjonijiet, il-KESE enfasizza l-bżonn ta’ struttura ta’ kooperazzjoni aktar effettiva fi ħdan il-Kummissjoni. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, dan jista’ jfisser li jkun hemm kummissarju speċjali – bl-istatus ta’ viċi president – biex jippromovi l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-istrateġiji attwali ewlenin: il-kwistjonijiet marbuta mas-sostenibbiltà, il-klima u l-enerġija, u l-Istrateġija ta’ Lisbona.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2009) 400 finali.

(2)  Ara pereżempju ĠU C 195, 18.8.2006, p. 29 u ĠU C 256, 27.10.2007, p. 76.

(3)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53.