18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/136


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “ir-Rapport dwar il-Progress tal-Enerġija Rinnovabbli: Rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/77/KE, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/30/KE u dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Bijomassa, COM(2005) 628”

COM(2009) 192 finali

(2010/C 128/26)

Relatur: Is-Sinjura ANDREI

Nhar l-24 ta’ April 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

ir-Rapport dwar il-Progress tal-Enerġija Rinnovabbli: Rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/77/KE, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/30/KE u dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Bijomassa, COM(2005) 628

COM(2009) 192 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, responsabbli biex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Ottubru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’97 voti favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jikkunsidra li t-tibdil fil-klima jirrappreżenta waħda mill-iktar theddidiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi sinifikanti li l-pjaneta qiegħda tiffaċċja, u huwa biss permezz ta’ miżuri rapidi u responsabbli min-naħa tal-pajjiżi kollha li l-effetti tiegħu jkunu jistgħu jittaffew. Minkejja dan, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jservu ta’ xprun għal politika dwar il-klima ambizzjuża. L-użu ta’ riżorsi rinnovabbli jista’ jirrappreżenta wieħed mill-għodod prinċipali li bih jistgħu jitnaqqsu l-gassijiet b’effett ta’ serra u li bih tista’ tiġi garantita l-indipendenza mill-enerġija u sigurtà għall-provvista tal-Ewropa.

1.2.   Il-Kumitat jinsab imħasseb minħabba li l-UE għandha probabbiltà dgħajfa li tilħaq il-miri tal-2010 stabbiliti mid-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri responsabbli u biex jagħmlu kull sforz possibbli sabiex jiksbu l-miri miftiehma sal-2010.

1.3.   Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ strateġija unika u għat-tul ta’ żmien għall-enerġija fl-UE. Barra minn hekk, is-suq tal-elettriku jeħtieġ qafas regolatorju stabbli u prevedibbli għal tul ta’ żmien.

1.4.   Is-settur tal-enerġija rinnovabbli se joffri bosta possibbiltajiet għall-ħolqien ta’ impjiegi fl-Ewropa u żvilupp reġjonali.

1.5.   Barra minn hekk, għandu jkun hemm disponibbli evalwazzjoni aħjar tal-pressjoni finanzjarja addizzjonali li hemm fuq il-baġit tal-familji.

1.6.   Il-bdiewa u l-SMEs jista’ jkollhom rwol prinċipali fis-settur tal-enerġija rinnovabbli.

1.7.   Il-Kumitat itenni li fis-settur tat-trasport, l-effiċjenza fl-enerġija għandha tingħata l-ewwel prijorità, possibbilment segwita mill-użu tal-bijofjuwil, meta metodu ta’ produzzjoni bħal dan ikun sostenibbli.

1.8.   Sabiex jilħqu l-miri tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiddiversifikaw it-teknoloġija billi jużaw magni ġodda fis-settur tat-trasport, jinvestu aktar fi fjuwils alternattivi bħall-bijofjuwils tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni, u jħeġġu u jappoġġjaw iktar ir-R&Ż.

1.9.   Għal valutazzjoni integrata dwar il-potenzjal tal-bijofjuwil, kif ukoll sabiex jiġi evitat l-użu ta’ art agrikola ta’ valur u żoni prezzjużi ta’ bijodiversità, il-KESE jipproponi li kull Stat Membru joħloq mappa tal-pajjiż li turi żoni ta’ art adegwati għall-għelejjel għall-enerġija, u jagħmilha disponibbli.

1.10.   Minħabba tħassib dwar il-pressjoni li se jkun hemm fuq l-esplojtazzjoni tal-foresti, il-KESE jirrakkomanda li għandhom jittieħdu passi u deċiżjonijiet importanti dwar il-bijomassa użata għall-produzzjoni tal-enerġija, u dan għandu jseħħ biss wara li tkun twaqqfet sistema adegwata ta’ monitoraġġ.

1.11.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra l-allokazzjoni ta’ finanzjament adegwat sabiex tissensibilizza lill-pubbliku u teduka liċ-ċittadini tal-UE dwar is-suġġett tal-enerġija. Għandu jkun disponibbli iktar finanzjament sabiex jiġi żgurat li jkunu disponibbli esperti fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli.

Għandhom isiru xi proposti u jiġu mtennija sabiex il-baġits għar-Riċerka u l-Iżvilupp għall-enerġija rinnovabbli jinżammu u jiżdiedu minkejja l-kriżi finanzjarja li qed taffettwa lill-Istati Membri u lill-UE; jekk dan ma jsirx, fi ftit żmien tista’ tintilef l-awtonomija kollha mill-enerġiji l-oħra.

1.12.   Għar-rapporti ta’ progress li jmiss, il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra wkoll il-għażla li t-trattament u r-riċiklaġġ ta’ tagħmir li juża l-enerġija rinnovabbli meta ma jkunx jista’ jibqa’ jintuża iktar, jiġi monitorjat u rrappurtat.

2.   Introduzzjoni

2.1.   Fl-24 ta’ April 2009, il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni tagħha COM(2009)192 finali “Ir-Rapport dwar il-Progress tal-Enerġija Rinnovabbli”, flimkien ma’ dokument ta’ ħidma iktar dettaljat SEC(2009) 503 finali. “Il-Kummissjoni tfakkar il-qafas politiku Ewropew għall-enerġija rinnovabbli: l-importanza tal-enerġija rinnovabbli sabiex jiġu sodisfati t-tibdil fil-klima u l-objettivi għas-sostenibbiltà, it-titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħna u l-iżvilupp ta’ industrija għall-enerġija rinnovabbli innovattiva Ewropea li tiġġenera impjiegi u prosperità għall-Ewropa.”

2.2.   Skont id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, il-Kummissjoni stabbiliet il-miri għall-2010 għas-sehem tal-elettriku mill-enerġija rinnovabbli u għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli użat fis-settur tat-trasport. Dawn id-direttivi jirrikjedu li l-Istati Membri tal-UE jippreżentaw rapporti annwali, b’analiżi tal-progress imqabbel mal-miri nazzjonali indikattivi tagħhom, u li l-KE tirrevedi l-progress kull sentejn. Barra minn hekk, fl-2005 ġie adottat Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijomassa (1) sabiex tingħata attenzjoni lill-ħtieġa speċifika li l-Istati Membri jiżviluppaw ir-riżorsi tal-bijomassa Ewropej.

2.3.   L-Istati Membri kellhom il-libertà li jagħżlu l-mekkaniżmu ta’ appoġġ li jippreferu l-iktar sabiex jilħqu l-miri tagħhom.

2.4.   Dan l-aħħar rapport ta’ progress jinnota progress fqir fl-aħħar sentejn, b'żewġ Stati Membri biss jilħqu l-miri tagħhom. Huwa jikkonferma l-analiżi preċedenti li tindika li wisq probabbli l-UE ma tilħaqx il-miri għall-2010. L-UE tista’ tilħaq sehem ta’ 19 % fil-konsum tal-elettriku minn enerġija rinnovabbli, u mhux ta’ 21 %, u tista’ tilħaq sehem ta’ 4 % minflok ta’ 5,75 % minn riżorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport.

2.5.   Ir-rapport jesplora r-raġunijiet u jispjega li d-Direttiva l-ġdida dwar l-Enerġija Rinnovabbli (2009/28/KE) (2), li tfasslet bħala parti mill-pakkett dwar l-enerġija u l-klima, tindirizza t-tħassib kollu ssottolinjat fir-rapport u tipprovdi bażi solida għat-tneħħija tal-ostakli u għaż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli għall-10 snin li ġejjin.

3.   Dokumenti tal-Kummissjoni

3.1.   Enerġija rinnovabbli fis-settur tal-elettriku

3.1.1.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar ir-rapporti ta’ progress, u tiffoka fuq data miġbura bejn l-2004 u l-2006 dwar l-elettriku u fl-2007 dwar il-bijofjuwil.

3.1.2.   Id-data turi sehem ta’ 15,7 % tal-konsum finali tal-elettriku fl-UE minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-2006, b'żieda mill-14.5 % tal-2004. Il-mira ta’ 21 % għall-2010 mhix se tintlaħaq mingħajr sforz addizzjonali sinifikanti. Kienu biss żewġ pajjiżi, l-Ungerija u l-Ġermanja, li laħqu l-mira tagħhom għall-2010, sitt Stati Membri qorbu iktar lejn il-mira tagħhom għall-2010 meta mqabbla mal-medja tal-pajjiżi Ewropej, iżda s-sehem ta’ seba’ pajjiżi waqaf jew fil-verità dawn naqqsu sehemhom.

3.1.3.   Id-diversità tat-teknoloġiji użati kienet waħda limitata. L-akbar tkabbir sar fl-użu tal-bijomassa solida u tar-riħ.

3.1.4.   Ġew irreġistrati rati differenti ta’ progress minħabba li ntużaw 27 skema ta’ appoġġ differenti, li jikkonsistu f’għodod politiki differenti, li jinkludu: tariffi stabbiliti apposta għall-elettriku rinnovabbli (feed-in tariffs); sistemi ta’ primjums; ċertifikati ekoloġiċi (green certificates); eżenzjonijiet fiskali; obbligi imposti fuq il-fornituri tal-fjuwil; politika tal-akkwist pubbliku; u riċerka u żvilupp. L-inkonsistenza u l-kambjamenti mgħaġġlin fil-politiki u fil-baġit ifixklu l-iżvilupp ta’ proġetti għall-elettriku rinnovabbli.

3.1.5.   Il-problemi prinċipali għall-implimentazzjoni huma identifikati fil-qasam tal-ostakli amministrattivi u l-aċċess għan-netwerk (grid): kapaċità insuffiċjenti tan-netwerk, proċeduri li ma jkunux trasparenti għall-konnessjoni man-netwerk, spejjeż għoljin għall-konnessjoni u perjodi twal ta’ stennija sabiex jinħarġu l-permessi għall-konnessjoni man-netwerk. Ta’ spiss dawn l-ostakli prinċipali jkunu kkawżati minħabba limitazzjonijiet fir-riżorsi amministrattivi u oħrajn u mhux minħabba l-limitazzjonijiet teknoloġiċi.

3.1.6.   Barra minn hekk, f’xi wħud mill-Istati Membri, il-konnessjoni man-netwerk u spejjeż ta’ espansjoni u skemi ta’ ħlasijiet ta’ xi wħud mill-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni għadhom jiffavorixxu produtturi stabbiliti u jiddiskriminaw kontra dawk il-produtturi ġodda u iżgħar tal-enerġija rinnovabbli, li ta’ spiss huma deċentralizzati. Dan huwa ta’ xkiel għall-ħolqien ta’ impjiegi u għal tkabbir fil-livell lokali u reġjonali.

3.1.7.   L-iskema tal-garanzija tal-oriġini għadha ma ġietx implimentata totalment mill-Istati Membri kollha, minħabba problemi ta’ affidabbiltà, għadd doppju u r-riskju ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-istess enerġija lil żewġ gruppi differenti ta’ konsumaturi. Dan ma kienx ta’ ġid għas-suq tal-konsumaturi għall-elettriku rinnovabbli b’mod ġenerali.

3.2.   Enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport

3.2.1.   Id-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli għat-trasport (Direttiva 2003/30/KE) ħtieġet li l-Istati Membri jistabbilixxu miri għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli flok petrol u diżil fit-trasport fl-2005 u fl-2010, waqt li jieħdu bħala punt ta’ referenza tal-bidu l-valuri ta’ 2 % u 5,75 % rispettivament. Ir-rapport ta’ progress ta’ Jannar 2007 (3) wera li fl-2005, il-bijofjuwils kisbu sehem ta’ 1 % fl-UE, bil-Ġermanja u l-Isvezja biss jilħqu l-miri ta’ referenza.

3.2.2.   Skont rapporti tal-Istati Membri, fl-2007, 8,1 Mtoe (2,6 %) tat-total tal-fjuwil użat għat-trasport fl-UE kien mill-bijofjuwils. Fl-2007, il-bijodiżil ammonta għal 6,1 Mtoe jew 75 % mill-fjuwils rinnovabbli fit-trasport, li 26 % minnhom kienu importati. Il-bijoetanol ikkostitwixxa 1,24 Mtoe jew 15 % ta’ fjuwils rinnovabbli fit-trasport li 31 % minnu kien importat, u l-10 % li jifdal kien żejt veġetali pur ikkunsmat fil-Ġermanja, l-Irlanda u l-Olanda u bijogass fl-Isvezja.

3.2.3.   Il-Ġermanja, Franza, l-Awstrija, l-Isvezja u r-Renju Unit baqgħu l-aqwa ħames konsumaturi tal-bijofjuwils fl-2006 u fl-2007, b’konsum ta’ 87 % u 81 % tal-bijofjuwils totali tal-UE rispettivament. Ma kienx hemm konsum ieħor rapportat ta’ xi tipi oħra ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport. L-użu tal-idroġenu minn kwalunkwe sors jibqa’ mhux sinifikanti; ftit elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jintuża fit-trasport bit-triq.

3.2.4.   L-importazzjoni netta tal-bijoetanol żdiedet minn 171 Ktoe fl-2005 għal 397 Ktoe fl-2007 u s-sehem tal-produzzjoni domestika tal-bijodiżil ilu jonqos. Il-bilanċ tal-kummerċ tal-UE tal-bijodiżil inbidel minn pożittiv fl-2005 (355 Ktoe esportati) għal negattiv fl-2007 (1,8 Mtoe ta’ bijodiżil importat). Kawża ewlenija ta’ din il-bidla kien l-ester metil taż-żejt tas-sojja irħas mill-Istati Uniti u etanol prodott mill-kannamiela fil-Brażil u l-Arġentina.

3.2.5.   L-eżenzjoni mit-taxxa u l-obbligi tal-bijofjuwil kienu l-aktar żewġ strumenti komuni użati mill-Istati Membri għall-promozzjoni tal-bijofjuwils. Fl-2005-2006 l-Istati Membri kollha, għajr il-Finlandja, użaw eżenzjonijiet minn taxxa tas-sisa bħala miżura ewlenija ta’ appoġġ, filwaqt li l-obbligi tal-bijofjuwils intużaw biss minn 3 pajjiżi. Mill-2007, aktar minn nofs l-Istati Membri adottaw obbligi li jkunu prodotti fjuwils imħalltin b'ċertu bijofjuwil, f’bosta każijiet flimkien ma’ livelli parzjali iżda li jogħlew ta’ taxxa. Xi pajjiżi jużaw mekkaniżmu ta’ kwota u sejħa għal offerti.

3.2.6.   Barra minn hekk, xi Stati Membri jappoġġjaw il-bijofjuwils permezz ta’ miżuri speċifiċi. Dawn l-istrumenti ta’ politika jinkludu miżuri relatati mal-agrikoltura, bħal pereżempju l-produzzjoni tal-għalf, u mal-industrija fejn jitwettqu operazzjonijiet neċessarji sabiex jinkiseb il-prodott intermedju u lest; miżuri relatati mad-distribuzzjoni tal-bijofjuwils; ix-xiri u l-manutenzjoni ta’ karozzi u vetturi li jużaw il-bijofjuwils.

3.3.   Impatt ekonomiku u ambjentali

3.3.1.   Mil-lat ekonomiku, iż-żieda fl-użu tal-bijofjuwils ikkontribwixxiet għal sigurtà tal-provvista billi naqqset id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u ddiversifikat il-firxa tal-fjuwil fl-UE.

3.3.2.   Is-setturi tal-bijomassa u l-bijofjuwil ikkontribwixxew ukoll għall-ekonomija tal-UE billi ġġeneraw impjiegi addizzjonali. Fl-2005, l-użu tal-bijomassa barra n-netwerk ikkontribwixxa għal 600 000 impjieg, il-bijomassa tan-netwerk, u l-bijofjuwils għal aktar minn 100 000 impjegat u l-bijogass għal madwar 50 000. Barra minn hekk, l-agrikoltura u l-forestrija għandhom rwol importanti fil-forniment tal-fjuwil għat-teknoloġiji tal-bijomassa.

3.3.3.   L-iffrankar nett tal-gassijiet serra miksub mill-UE mil-bijofjuwils li tpoġġew fuq is-suq u ġew ikkunsmati fl-2006 u l-2007 ammonta għal 9,7 u 14,0 Mt ekwivalenti tad-CO2 rispettivament. Dan jimplika li l-konsum tal-bijofjuwil fl-UE ġie sostnut permezz tal-użu mill-ġdid ta' art agrikola abbandunata riċentement jew permezz ta' nuqqas fir-rata ta' art abbandunata fl-UE.

3.3.4.   L-introduzzjoni ta’ bijofjuwils tibqa’ tiswa iktar flus minn teknoloġiji oħra li jnaqqsu d-CO2 f’setturi oħra, iżda bit-teknoloġiji moderni, il-bijofjuwil xorta jibqa’ wieħed mis-soluzzjonijiet disponibbli sabiex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet tad-CO2 li dejjem jiżdiedu fis-settur tat-trasport.

3.4.   Proċedimenti ta’ ksur

3.4.1.   Sa mill-2004, il-Kummissjoni bdiet 61 proċediment kontra Stati Membri minħabba nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 2001/77/KE dwar il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku. Minnhom, 16 għadhom ma ġewx riżolti. Abbażi tad-Direttiva 2003/30/KE dwar l-enerġija rinnovabbli għat-trasport, sa mill-2005 l-Kummissjoni bdiet 62 proċediment legali kontra Stati Membri, li ħafna minnhom kienu minħabba nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ rappurtar jew minħabba li ma jkunux stabbilixxew objettivi nazzjonali f’konformità mal-valuri ta’ referenza tad-Direttiva.

3.5.   Enerġija rinnovabbli għat-tisħin u t-tkessiħ

3.5.1.   Dan is-settur huwa responsabbli għal kważi 50 % tal-konsum finali tal-enerġija kollha u 60 % tal-konsum finali tal-enerġija rinnovabbli kollha. L-iktar li tiddomina hija l-bijomassa, iżda jinkludi wkoll l-enerġija solari termali u ġeotermali.

3.5.2.   Il-bijomassa tista’ tintuża għall-produzzjoni tat-tisħin u tal-elettriku, kif ukoll fil-forma ta’ “bijofjuwils” i.e. l-użu tal-bijomassa fit-trasport. Din hija r-raġuni li l-UE pproduċiet il-Pjan ta’ Azzjoni għal Bijomassa (BAP) fl-2005 bi 33 azzjoni, li enfasizza il-ħtieġa għal koordinazzjoni ta’ politika, u għaliex dan ir-rapport janalizza l-progress fis-settur tal-bijomassa.

3.5.3.   Il-problemi li jiffaċċja t-tkabbir tal-bijomassa, jinkludu ostakli amministrattivi u mhux tas-suq, bħall-ħtieġa għal definizzjoni iktar ċara u armonizzata ta’ termini u l-ostakli li jinqalgħu minħabba proċeduri twal u kumplikati legalment għall-ipproċessar ta’ permessi.

3.5.4.   Għad hemm bosta ostakli amministrattivi li jfixklu l-iżvilupp tal-impjanti għall-bijoenerġija fi ħdan l-Istati Membri. Il-Kummissjoni wettqet studju dwar kif se jiġu stabbiliti l-limiti għall-permessi għall-bijoenerġija, billi analizzat iż-żmien meħtieġ fl-UE u l-fatturi li jaffettwaw jekk permess jingħatax jew le.

4.   Osservazzjonijiet Ġenerali

4.1.   Il-KESE jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, billi jenfasizza l-ħtieġa kontinwa għal qafas leġiżlattiv ġdid u iktar b’saħħtu, li jinkludi monitoraġġ u rappurtar kontinwu. Xi wħud mill-ostakli identifikati diġà ġew ikkunsidrati meta kienu qed jiġu abbozzati d-direttiva l-ġdida dwar l-enerġija rinnovabbli u l-linji gwida għall-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali.

4.2.   Il-KESE jtenni li huwa jappoġġja kompletament l-użu tal-enerġija rinnovabbli u li huwa konxju li fil-futur medju u mbiegħed se jkun hemm il-ħtieġa ta’ sehem ikbar ta’ sorsi rinnovabbli, iktar mill-20 % previst għall-2020, jekk trid tintlaħaq il-mira ambizzjuża tal-Kunsill (tnaqqis ta’ 60-80 % fl-emissjonijiet tad-CO2 u awtosuffiċjenza ogħla fir-rigward tal-enerġija) (4).

4.3.   Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ strateġija unika u għat-tul għall-enerġija fl-UE.

4.4.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Komunità fir-rigward tal-espansjoni tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli, jeħtieġ li l-pubbliku jkun aktar konxju u li jkun hemm iktar edukazzjoni sabiex jinkiseb l-appoġġ tal-pubbliku. Din hija r-raġuni għaliex programmi nazzjonali jista’ jkollhom rwol importanti fl-appoġġ tal-iżviluppi fis-settur tal-enerġija rinnovabbli.

4.5.   Is-settur tal-enerġija rinnovabbli joffri ħafna possibbiltajiet għall-ħolqien ta’ impjiegi fl-Ewropa. Il-“Low carbon jobs for Europe  (5)”, studju tad-WWF juri li tal-inqas 3,4 miljun impjieg Ewropew huma relatati direttament mal-enerġija rinnovabbli, mat-trasport sostenibbli u ma’ prodotti u servizzi li huma effiċjenti fl-enerġija.

4.6.   Il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli ta’ spiss tiddependi fuq intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju lokali jew reġjonali (SMEs) u fuq il-bdiewa. L-opportunitajiet għal tkabbir u impjiegi li jirriżultaw minn investimenti reġjonali u lokali tal-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri u fir-reġjuni tagħhom huma importanti. Il-KESE jirrakkomanda li għandhom jittieħdu miżuri għal żvilupp reġjonali, iħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli bejn inizjattivi ta’ żvilupp reġjonali lokali u reġjonali u jippromwovi l-użu ta’ fondi tal-UE f’dan il-qasam.

4.7.   Matul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni allokat riżorsi finanzjarji sostanzjali għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-bijofjuwil tat-tieni ġenerazzjoni taħt il-FP6 u l-FP7 (6). Skont l-“Intelligent Energy Europe II Programme” ġew definiti wkoll prattiki tajbin sabiex tiġi promossa l-bijoenerġija fl-Istati Membri tal-UE. Bħalissa, l-UE għandha taqleb minn eżempji innovattivi għall-multiplikazzjoni tal-aħjar prattiki (7) bl-aktar mod effiċjenti.

4.8.   Huwa meħtieġ finanzjament għar-riċerka dwar magni ġodda u bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni u fjuwils rinnovabbli oħra; huwa rakkomandat ukoll li jittieħdu miżuri sabiex jitjieb l-aċċess għas-suq għal fjuwils alternattivi (8).

4.9.   Għar-rapporti ta' progress li jmiss, il-Kummissjoni Ewropea għandha turi wkoll il-possibbiltajiet li tagħmir li juża l-enerġija rinnovabbli jiġi trattat u riċiklat meta ma jkunx jista’ jibqa’ jintuża aktar. Eżempju tajjeb f’dan il-qasam huwa l-attività tal-Assoċjazzjoni PV Cycle, li waqqfet programm ta’ teħid lura u ta’ riċiklaġġ volontarju għal penils li ma jkunux għadhom jistgħu jibqgħu jintużaw u li hi responsabbli għall-penils fotovoltajċi sakemm ikun għadhom jistgħu jibqgħu jintużaw, billi jinħolqu għodod ta’ monitoraġġ, rappurtar u żvilupp tal-aħjar prattiki fil-qasam.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   Enerġija rinnovabbli fis-settur tal-elettriku

5.1.1.   Il-Kumitat jinsab imħasseb minħabba li probabbilment l-UE ma tilħaqx il-miri għall-2010 stabbiliti miż-żewġ direttivi. Għalhekk inħeġġu lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri responsabbli u biex jiddedikaw l-isforzi meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri miftiehma, anki jekk ma jkunux obbligatorji. Hekk kif enfasizza r-rapport Stern, nuqqas ta’ azzjoni se jiswa ħafna iktar flus fit-tul.

5.1.2.   Illum jeżistu 27 skema ta’ appoġġ nazzjonali differenti, u hemm ir-riskju li l-Istati Membri jkunu tant kompetittivi bejniethom biex jilħqu l-miri tagħhom, li jinħoloq ir-riskju li jintefqu ħafna iktar flus milli fil-fatt hemm bżonn. Sabiex jilħqu l-miri tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiddiversifikaw it-teknoloġija użata, billi jħeġġu u jappoġġjaw iktar R&Ż (9) u edukazzjoni u taħriġ kif suppost (10). Eżempju tajjeb tal-iżvilupp tar-R&Ż bl-għajnuna finanzjarja tal-istat huwa ċ-ċentru IMEC fil-Belġju (www.imec.be).

5.1.3.   Għal darba oħra, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ strateġija komuni għal politika tal-enerġija min-naħa tal-Istati Membri, ibbażata fuq analiżi tal-kost-benefiċċju. Ħafna korpi, inkluż il-KESE, xtaqu li l-UE jkollha vuċi waħda. Madankollu, sakemm l-Istati Membri jħarsu l-ewwel u qabel kollox lejn l-interessi tagħhom, is-settur tal-enerġija fl-Ewropa se jibqa’ fraġli, vulnerabbli u mhux effiċjenti – ħafna iktar milli huwa qatt jista’ jkun; iktar ma jkun kbir l-Istat Membru, iktar se jkollu impatt (11). Għaldaqstant, fl-aħħar ta’ Ġunju, il-KE ppreżentat il-linji gwida għall-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali (12) għall-enerġija rinnovabbli, biex b’hekk wieħed ikun jista’ jifhem aħjar l-użu tal-enerġija rinnovabbli.

5.1.4.   Sabiex jingħelbu l-ostakli prinċipali identifikati fir-rapport rigward l-aċċess għan-netwerk, hemm il-ħtieġa ta’ appoġġ b’saħħtu għall-integrazzjoni tan-netwerk ta’ utilità għall-enerġija rinnovabbli, kif ukoll ta’ użu ta’ sistemi intermittenti għall-ħażna tal-enerġija (pereżempju batteriji) għal produzzjoni integrata ta’ enerġija rinnovabbli. Fir-rigward ta’ ostakli amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw serjament ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal korp amministrattiv uniku, responsabbli għall-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa, li jaħdem b’mod iktar trasparenti  (13). Barra minn hekk, is-suq tal-elettriku jeħtieġ qafas regolatorju għal tul ta’ żmien li jkun stabbli u prevedibbli u armonizzazzjoni aħjar tal-programmi ta’ inċentiv tal-Istati Membri.

5.1.5.   L-implimentazzjoni kif suppost, fl-Istati Membri kollha, tal-iskema tal-garanzija tal-oriġini tista’ tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-miri b’mod li jkun iktar effiċjenti fl-infiq fil-livell Ewropew.

5.2.   Enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport

5.2.1.   Il-KESE jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-introduzzjoni tal-bijofjuwils tibqa’ tiswa ħafna iktar mit-teknoloġiji l-oħra li jnaqqsu d-CO2 f'setturi oħra, iżda ma jistax jaqbel li: huwa jibqa’ wieħed mill-ftit soluzzjonijiet disponibbli sabiex tiġi limitata ż-żieda fl-emissjonijiet tad-CO2 fis-settur tat-trasport, sakemm fl-Istati Membri kollha mhumiex implimentati kif suppost programmi sostenibbli tat-trasport.

5.2.2.   Il-ħtieġa għall-effiċjenza fl-enerġija fis-settur tat-trasport hija essenzjali: persentaġġ fil-mira li jkun vinkolanti għall-enerġija rinnovabbli jista’ jsir dejjem iktar diffiċli biex jinkiseb b’mod sostenibbli jekk id-domanda globali għall-enerġija fit-trasport tibqa’ tiżdied. Il-KESE rrimarka diversi drabi li din il-kwestjoni għandha tissolva permezz ta’ politika ta’ prevenzjoni tat-traffiku u bidla fid-differenza modali, kif ukoll permezz ta’ inizjattivi tas-suq favur mezzi tat-trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, bħal pereżempju trasport lokali pubbliku u transport bil-baħar (4).

5.2.3.   Bħalissa, il-produzzjoni Ewropea minn sorsi rinnovabbli tal-enerġija fis-settur tat-trasport hija kważi ristretta b’mod esklussiv għall-bijofjuwils, li jkopru biss 2,6 % għall-2007, tal-ħtiġijiet għall-enerġija tal-Ewropa fis-settur tat-trasport. Fl-opinjoni tiegħu (14) dwar il-progress li sar fl-użu tal-bijofjuwils, il-Kumitat argumenta li l-politika segwita s’issa għandha terġa’ tiġi kkunsidrata, billi ssir enfasi fuq l-agrofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni. Fl-istess ħin, għandu jiġi promoss u appoġġjat l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ konverżjoni tat-tieni ġenerazzjoni: tista’ tintuża materja prima minn “prodotti agrikoli li jikbru malajr”, ibbażata prinċipalment fuq prodotti agrikoli erbaċej jew tal-foresterija jew prodotti agrikoli sekondarji, biex b’hekk jiġi evitat l-użu ta’ żrieragħ għall-ikel agrikolu li huma aktar ta' valur (15).

5.2.4.   Sabiex jiġi evitat l-użu tal-art agrikola u ta’ żoni b’valur ta’ bijodiversità, għall-produzzjoni tal-bijofjuwils, il-KESE qiegħed jipproponi li kull Stat Membru għandu jpoġġi għad-dispożizzjoni mappa tal-pajjiż, li turi żoni allokati għall-għelejjel għall-enerġija. Din il-miżura se tikkontribwixxi wkoll għal stima aħjar tal-potenzjal tal-bijofjuwils fil-livell Ewropew.

5.3.   Impatt ekonomiku u ambjentali

5.3.1.   Id-dokument tal-Kummissjoni dwar l-impatt ekonomiku u ambjentali huwa pjuttost ottimistiku, u jiffoka l-aktar fuq l-impatt pożittiv u ma jagħtix każ tal-impatt tal-bijofjuwils fuq il-prezzijiet tal-ikel. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li l-użu tal-agrikoltura biex jiġi prodott ikel tal-aqwa kwalità għandu jieħu preċedenza fuq l-użu tagħha għall-produzzjoni tal-enerġija bħala reazzjoni għal prezzijiet ogħla tal-ikel. L-Unjoni Ewropea għandha tieħu passi biex ittejjeb il-promozzjoni ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijofjuwils u l-iżvilupp ta’ bijofjuwils tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni. Billi titnieda sistema għaċ-ċertifikazzjoni tal-bijofjuwils, l-UE se tkun qiegħda fuq quddiem fil-promozzjoni tal-prattiki sostenibbli għat-tkabbir tal-għelejjel (inklużi il-bdil fl-użu tal-art u l-protezzjoni tal-bijodiversità) kemm fil-fruntieri tagħha kif ukoll lil hinn minnhom.

5.3.2.   Id-dokument tal-Kummissjoni ma jevalwax l-impatt ekonomiku u soċjali tal-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fuq il-baġit tal-konsumatur finali.

5.4.   Enerġija rinnovabbli għat-tisħin u t-tkessiħ

5.4.1.   Minħabba l-użu tal-bijomassa fil-produzzjoni tat-tisħin u l-elettriku, kif ukoll fil-forma ta’ “bijofjuwils”, il-Kumitat jantiċipa pressjoni qawwija fuq il-foresti. Barra minn hekk, il-fatt li iktar minn 70 studju (16) ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-potenzjali kollha stmati għall-2020 għall-UE-27 ivarjaw konsiderevolment (76 Mtoe – 480 Mtoe) iżidilna t-tħassib tagħna dwar l-immaniġġjar tal-foresti u l-pressjoni li se titpoġġa fuq l-esplojtazzjoni tal-foresti. Se jittieħdu passi u deċiżjonijiet important rigward il-bijomassa li tintuża għall-produzzjoni tal-enerġija, iżda dawn se jittieħdu biss wara li tkun ġiet stabbilita sistema ta’ monitoraġġ adegwata. Għaldaqstant, huwa qed jistenna li l-Kummissjoni tibgħatlu r-rapport ippjanat tagħha dwar is-sostenibbiltà tal-bijomassa (17).

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2005) 628 Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijomassa (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(3)  COM (2006) 845 Rapport dwar il-Progress tal-Bijofjuwils (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar L-użu tal-enerġija minn riżorsi rinnovabbli, ĠU C 77, 31.3.2009, p. 43-48.

(5)  http://assets.panda.org/downloads/low_carbon_jobs_final.pdf.

(6)  ’Il fuq minn 109 miljun ewro skont ir-rapport.

(7)  BAP Driver – European Best Practice Report, disponibbli fuq: http://www.bapdriver.org/.

(8)  L-Opinjoni tal-KESE dwar Fjuwils alternattivi għat-trasport fit-triq, ĠU C 195, 18.8.2006, p. 75-79.

(9)  L-Opinjoni tal-KESE dwar Kif se niffaċċjaw l-isfidi taż-żejt, KESE 46/2009 (punt 5.8).

(10)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 15-19.

(11)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 84-89.

(12)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5174 – 1/30.6.2009.

(13)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 60-64.

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar ir-Rapport ta’ Progress tal-Bijofjuwils, ĠU C 44, 16.2.2008, p. 34-43.

(15)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 52-61.

(16)  L-Istatus tal-Valutazzjonijiet tar-Riżorsi ta’ Bijomassa, Verżjoni 1, Diċembru 2008: http://www.eu-bee.com/.

(17)  Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28/KE